02007L0043 — MT — 14.12.2019 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2007/43/KE

tat-28 ta’ Ġunju 2007

li tistabbilixxi regoli minimi għall-protezzjoni tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 182 12.7.2007, p. 19)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) 2017/625 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-15 ta' Marzu 2017

  L 95

1

7.4.2017


Ikkoreġuta bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 137, 24.5.2017, p.  40 (2017/625)




▼B

DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2007/43/KE

tat-28 ta’ Ġunju 2007

li tistabbilixxi regoli minimi għall-protezzjoni tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.  Din id-Direttiva għandha tapplika għat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam.

Madankollu, m’għandhiex tapplika għal:

(a) azjendi b’inqas minn 500 tiġieġa;

(b) azjendi li għandhom biss stokks ta’ tiġieġ għat-tgħammir;

(ċ) imfaqas;

(d) tiġieġ imrobbija b’mod estensiv ġewwa jew fil-beraħ, kif imsemmija fil-punti b), ċ), d), e) ta’ l-Anness IV għar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1538/91 tal-5 ta’ Ġunju tal-1991 li jintroduċi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1906/90 dwar ċerti standards ta’ tqegħid fis-suq għat-tjur ( 1 ), u

(e) tiġieġ imrobbija b’mod organiku skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2092/91 tal-24 ta’ Ġunju 1991 dwar il-produzzjoni organika ta’ prodotti agrikoli u l-indikazzjonijiet li jirreferu għalihom fil-prodotti agrikoli u fl-oġġetti ta’ l-ikel ( 2 ).

2.  Id-Direttiva għandha tapplika għat-trobbija ta’ stokk f’azjendi li għandhom kemm stokks tat-tgħammir kif ukoll stokks tat-trobbija.

L-Istati Membri għandhom jibqgħu ħielsa li jieħdu miżuri aktar stretti fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Ir-responsabbiltà primarja għall-benesseri ta’ l-annimali hija tal-proprjetarju jew il-kustodju ta’ l-annimali.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.  Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a) “sid” tfisser kwalunkwe persuna jew persuni fiżiċi jew legali li jippossiedu l-azjenda fejn jinżammu t-tiġieġ;

(b) “kustodju” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew legali responsabbli jew inkarigata mit-tiġieġ f’termini ta’ kuntratt jew bil-liġi fuq bażi kemm permanenti kif ukoll temporanja;

▼M1

(c) “awtoritajiet kompetenti” tfisser awtoritajiet kompetenti kif definiti fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament ►C1  (UE) 2017/625 ◄ tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 );

(d) “veterinarju uffiċjali” tfisser veterinarju uffiċjali kif definit fl-Artikolu 3(32) tar-Regolament ►C1  (UE) 2017/625 ◄ ;

▼B

(e) “tiġieġa” tfisser annimal ta’ l-ispeċi Gallus gallus miżmum għall-produzzjoni tal-laħam;

(f) “stabbiliment” tfisser lok tal-produzzjoni fejn jinżammu t-tiġieġ;

(g) “binja” tfisser bini fl-azjenda fejn tinżamm qatgħa ta’ tiġieġ;

(h) “żona użabbli” tfisser żona mifruxa f’maqjel aċċessibbli fi kwalunkwe ħin għat-tiġieġ;

(i) “densità ta’ l-istokkjar” tfisser il-piż totali ħaj ta’ tiġieġ li huma preżenti f’dar fl-istess waqt għal kull metru kwadru ta’ area li tista’ tiġi wżata;

(j) “qatgħa” tfisser grupp ta’ tiġieġ li jitpoġġa f’binja ta’ azjenda u li huma preżenti f’din il-binja fl-istess ħin;

(k) “rata ta’ mortalità ta’ kuljum” tfisser in-numru ta’ tiġieġ li mietu f’binja fl-istess ġurnata inkluż dawk li ġew maqtula minħabba mard jew minħabba raġunijiet oħra diviż bin-numru ta’ tiġieġ preżenti fil-binja f’dak il-jum; immultiplikat b’100;

(l) “rata ta’ mortalità ta’ kuljum kumulattiva” tfisser it-total tar-rati ta’ mortalità ta’ kuljum.

2.  Id-definizzjoni ta’ “żona użabbli” fil-paragrafu 1 punt (h) rigward żoni mhux mifruxa tista’ titkompla skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 11 wara r-riżultati ta’ opinjoni xjentifika ta’ l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà ta’ l-Ikel dwar l-impatt ta’ żoni mhux mifruxa fuq il-benesseri tat-tiġieġ.

Artikolu 3

Rekwiżiti għaż-żamma tat-tiġieġ

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a) il-binjiet kollha jikkonformaw mal-ħtiġiet imniżżla fl-Anness I;

(b) l-ispezzjonijiet meħtieġa u l-monitoraġġ u s-segwitu, inkluż dawk previsti fl-Anness III, huma mwettqa mill-awtorità kompetenti jew il-veteranju uffiċjali.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-densità massima ta’ stokkjar f’ażjenda jew f’bini ta’ ażjenda ma teċċedi fl-ebda ħin 33 kg/m2.

3.  Bħala deroga mill-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li t-tiġieġ jinżammu f’densità ta’ stokkjar ogħla sakemm is-sid jew kustodju jkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II, flimkien mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta tingħata deroga taħt il-paragrafu 3, id-densità massima ta’ stokkjar f’ażjenda jew f’bini ta’ ażjenda ma teċċedi fl-ebda ħin 39 kg/m2.

5.  Meta jiġu sodisfatti l-kriterji mniżżla fl-Anness V, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li d-densità ta’ stokkjar massimu msemmija fil-paragrafu 4 tiżdied b’massimu ta’ 3 kg/m2.

Artikolu 4

Taħriġ u gwida għall-persuni involuti fil-qasam tat-tiġieġ

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kustodji li huma persuni fiżiċi rċevew taħriġ suffiċjenti dwar il-kompiti tagħhom u li korsijiet xierqa ta’ taħriġ huma disponibbli.

2.  Il-korsijiet ta’ taħriġ imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jikkonċentraw fuq l-aspetti tal-benesseri u jkopru b’mod partikolari l-kwistjonijiet elenkati fl-Anness IV.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tkun stabbilita sistema għall-kontroll u l-approvazzjoni tal-korsijiet ta’ taħriġ. Il-kustodju tat-tiġieġ għandu jkun fil-pussess ta’ ċertifikat rikonoxxut mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru konċernat, li jafferma li dan ikun temm it-tali korsijiet ta’ taħriġ jew kiseb esperjenza ekwivalenti għal dan it-taħriġ.

4.  L-Istati Membri jistgħu jirrikonoxxu l-esperjenza miksuba qabel it-30 ta’ Ġunju 2010 bħala ekwivalenti għall-parteċipazzjoni fit-tali korsijiet ta’ taħriġ u għandhom joħorġu ċertifikati li jaffermaw it-tali ekwivalenzi.

5.  L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-ħtiġiet imniżżla fil-paragrafi 1 sa 4 għandhom japplikaw ukoll għas-sidien.

6.  Is-sid jew il-kustodju għandhom jipprovdu istruzzjonijiet u gwida dwar il-ħtiġiet tal-benesseri ta’ l-annimali rilevanti, inklużi dawk rigward il-metodi ta’ qtil ipprattikati fl-azjendi, lil persuni impjegati jew imqabbda minnhom biex jieħdu ħsieb it-tiġieġ jew jaqbduhom u jgħabbuhom.

Artikolu 5

Tikkettar tal-laħam tat-tjur

Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-introduzzjoni possibbli ta’ skema ta’ ttikkettar obbligatorja armonizzata speċifika għal-laħam tat-tiġieġ, il-prodotti tal-laħam u t-tħejjijiet abbażi ta’ konformità ma’ standards tal-benesseri ta’ l-annimali.

Dak ir-rapport għandu jikkunsidra implikazzjonijiet soċjo-ekonomiċi, effetti fuq l-imsieħba ekonomiċi tal-Komunità u konformità ta’ skema ta’ ttikkettar bħal din mar-regoli ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti leġiżlattivi xierqa li jqisu t-tali kunsiderazzjonijiet u l-esperjenza akkwistata mill-Istati Membri fl-applikar ta’ l-iskemi voluntarji ta’ ttikkettar.

Artikolu 6

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill

1.  Abbażi ta’ opinjoni xjentifika ta’ l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà Alimentari, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010 rapport dwar l-influwenza ta’ parametri ġenetiċi dwar id-defiċjenzi identifikati li jirriżultaw f’nuqqas ta’ benesseri tat-tiġieġ. Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat mill-proposti leġiżlattivi xierqa, jekk ikun meħtieġ.

2.  L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni r-riżultati tal-ġbir tad-data abbażi tal-monitoraġġ ta’ kampjun rappreżentattiv ta’ qatgħa maqtula matul perijodu ta’ mill-inqas sena. Sabiex jippermettu analiżi relevanti, it-teħid tal-kampjuni u l-ħtiġiet tad-data kif imsemmija fl-Anness III għandhom ikunu bbażati xjentifikament, oġġettivi u komparabbli, u stabbiliti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 11.

L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja għall-ġbir ta’ data għall-fini ta’ din id-Direttiva.

3.  Abbażi tad-data disponibbli u b’kont meħud ta’ evidenza xjentifika ġdida, il-Kummissjoni għandha, sa mhux iżjed tard mit-30 ta’ Ġunju 2012, tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li jikkonċerna l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u ta’ l-influwenza tiegħu fuq il-benesseri tat-tiġieġ, kif ukoll l-iżvilupp ta’ indikaturi tal-benesseri. Ir-rapport għandu jieħu kont tal-kondizzjonijiet u l-metodi ta’ produzzjoni differenti. Hija għandha wkoll tieħu kont ta’ l-implikazzjonijiet soċjo-ekonomiċi u amministrattivi ta’ din id-Direttiva inkluż l-aspetti reġjonali.

Artikolu 7

Spezzjoni

▼M1 —————

▼M1

2.  L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, sal-31 ta' Awwissu ta' kull sena, rapport annwali għas-sena ta' qabel, dwar l-ispezzjonijiet li jkunu saru mill-awtoritajiet kompetenti biex jivverifikaw il-konformità mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva. Mar-rapport għandu jkun hemm analiżi tal-aktar sejbiet serji ta' nonkonformità u pjan ta' azzjoni nazzjonali biex jipprevjeni jew inaqqas l-okkorrenza tagħhom għas-snin ta' wara. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta sommarji ta' dawk ir-rapporti lill-Istati Membri.

▼B

Artikolu 8

Gwidi għal prattika tajba ta’ maniġġar

L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ gwidi għal prattika tajba ta’ maniġġar li għandhom jinkludu gwida dwar il-konformità ma’ din id-Direttiva. Għandhom jiġu inkoraġġuti d-disseminazzjoni u l-użu ta’ tali gwidi.

Artikolu 9

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswassivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2010 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li tkun taffettwahom.

Artikolu 10

Poteri ta’ implimentazzjoni

Il-miżuri meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni uniformi ta’ din id-Direttiva jistgħu jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 11.

Artikolu 11

Proċedura tal-Kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali, mwaqqfa mir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel ( 4 ) (“il-Kumitat”).

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perijodu msemmi fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal tliet xhur.

Artikolu 12

Traspożizzjoni

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2010.

Meta Stati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 14

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




ANNESS I

ĦTIĠIET APPLIKABBLI GĦALL-AZJENDI

Barra mid-dispożizzjonijiet rilevanti f’leġislazzjoni Komunitarja rilevanti oħra, għandhom japplikaw il-ħtiġiet li ġejjin:

Tagħmir minn fejn jixorbu l-annimali

1. It-tagħmir minn fejn jixorbu l-annimali għandu jitqiegħed u jkun mantenut b’tali mod li t-tixrid tal-likwidu jiġi minimizzat.

Għalf

2. L-għalf għandu jkun jew disponibbli l-ħin kollu jew jingħalef u m’għandux jitneħħa minn ħdejn it-tiġieġ aktar minn 12-il siegħa qabel il-ħin previst tal-qatla.

Mifrex

3. It-tiġieġ kollha għandhom ikollhom aċċess permanenti għal mifrex niexef b’wiċċ li jitrammel malajr.

Ventilazzjoni u tisħin

4. Il-ventilazzjoni għandha tkun biżżejjed sabiex ma jkunx hemm sħana żejda u, fejn hu meħtieġ, flimkien ma’ sistemi ta’ tisħin sabiex titneħħa l-indewwa żejda.

Storbju

5. Il-livell tal-ħoss għandu jiġi mminimizzat. Il-fannijiet għall-ventilazzjoni, il-makkinarju ta’ l-għalf jew tagħmir ieħor għandu jinbena, jitqiegħed, jitħaddem u jiġi mantenut b’tali mod li dan jikkawża l-anqas ammont ta’ storbju possibbli.

Dawl

6. Il-binjiet kollha għandu jkollhom dawl b’intensità ta’ mill-inqas 20 lux matul il-perijodi mdawwla, ikkalkulat fil-livell tal-vista tat-tjur u li jdawwal mill-inqas 80 % taż-żona użabbli. Meta jkun meħtieġ jista’ jingħata permess għal tnaqqis temporanju fil-livell tad-dawl wara parir veterinarju.

7. Fi żmien sebat ijiem minn meta t-tiġieġ ikunu tpoġġew fil-bini u sa tlett ijiem qabel il-ħin previst għall-qatla, id-dawl għandu jsegwi ritmu ta’ 24 siegħa u jkun jinkludi perijodi ta’ dlam li b’kollox idumu għal almenu 6 sigħat, b’mhux inqas minn perijodu wieħed ta’ almenu 4 sigħat ta’ dlam kontinwu.

Spezzjoni

8. It-tiġieġ kollha miżmuma fl-azjenda iridu jiġu spezzjonati almenu darbtjen kuljum. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lil sinjali li jindikaw livell imnaqqas ta’ benesseri ta’ l-annimali u/jew is-saħħa ta’ l-annimali.

9. It-tiġieġ li jkunu korruti gravi jew li juru sinjali ċari ta’ diżordni ta’ saħħa, bħal dawk li jkollhom diffikultajiet biex jimxu, axxite gravi jew malformazzjonijiet gravi, u li aktarx ikunu qed ibatu, għandhom jingħataw il-kura adatta jew jinqatlu minnufih. Għandu jiġi kkuntattjat veterinarju kull meta jkun meħtieġ.

Tindif

10. Dawk il-partijiet tal-bini, it-tagħmir jew l-għodod li jkollhom kuntatt mat-tiġieġ għandhom jitnaddfu u jiġu diżinfettati sew wara kull darba li titwettaq depopolazzjoni finali, qabel ma tiddaħħal qatgħa ġdida fil-binja. Wara t-tnaqqis finali tal-popolazzjoni ta’ binja, il-mifrex kollu għandu jitneħħa, u mifrex nadif għandu jiġi pprovdut.

Żamma tar-rekords

11. Is-sid jew kustodju għandu jżomm rekord għal kull binja ta’ ażjenda ta’:

(a) in-numru ta’ tiġieġ introdotti;

(b) iż-żona użabbli;

(ċ) l-ibridu jew in-nisel tat-tiġieġ, jekk ikunu magħrufa;

(d) b’kull kontroll, in-numru ta’ għasafar misjuba mejta b’indikazzjoni tal-kawżi, jekk magħrufa, kif ukoll in-numru ta’ għafasar maqtula b’kawża;

(e) in-numru ta’ tiġieġ li jibqgħu fil-qatgħa wara t-tneħħija tat-tiġieġ għall-bejgħ jew għall-qatla.

Dawk ir-rekords għandhom jinżammu għal perijodu ta’ almenu tliet snin u għandhom ikunu disponibbli għall-awtorità kompetenti meta din twettaq spezzjoni jew meta jintalbu għal xi raġuni oħra.

Interventi kirurġiċi

12. L-interventi kirurġiċi kollha mwettqa għal raġunijiet oħra għajr għal għanijiet terapewtiċi jew djanjostiċi li jirriżultaw f’dannu għall-parti sensittiva tal-ġisem jew fit-telfien tagħha jew fl-alterazzjoni ta’ l-istruttura skeletali huma projbiti.

Madankollu, il-qtugħ tal-munqar jista’ jiġi awtorizzat mill-Istati Membri meta jiġu eżawriti miżuri oħrajn għall-prevenzjoni tat-tnaqqir tar-rix jew tal-kannibaliżmu. F’tali każijiet, dan għandu jitwettaq biss wara konsultazzjoni jew fuq parir ta’ veterinarju u għandu jitwettaq minn persunal kwalifikat fuq tiġieġ li għandhom anqas minn għaxart ijiem. Barra minn dan, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw il-kastrazzjoni tat-tiġieġ. Il-kastrazzjoni għandha titwettaq biss taħt superviżjoni veterinarja minn persunal li jkun ingħata taħriġ speċifiku.




ANNESS II

REKWIŻITI GĦALL-UŻU TA’ DENSITAJIET OGĦLA TA’ STOKKJAR

Notifika u dokumentazzjoni

Għandhom japplikaw il-ħtiġiet li ġejjin:

1. Is-sid jew il-kustodju għandu jikkomunika lill-awtorità kompetenti l-intenzjoni tiegħu li juża densità ta’ stokkjar ta’ aktar minn 33 kg/m2 f’piż ta’ annimali ħajjin.

Huwa għandu jindika l-figura eżatta u jinforma lill-awtorità kompetenti dwar kwalunkwe bidla fl-użu ta’ densità ta’ stokkjar mill-anqas 15-il ġurnata qabel it-tqegħid tal-qatgħa fil-binja.

Jekk mitluba mill-awtorità kompetenti, dik in-notifika għandha tkun akkompanjata b’dokument li jagħti sommarju ta’ l-informazzjoni li tinsab fid-dokumentazzjoni meħtieġa taħt il-punt 2.

2. Is-sid u l-kustodju għandhom iżommu u jħallu disponibbli fil-binja dokumentazzjoni kompilata li tiddeskrivi fid-dettall is-sistemi ta’ produzzjoni. B’mod partikolari hija għandha tinkludi informazzjoni dwar dettalji tekniċi tal-binja u t-tagħmir bħal:

(a) pjanta tal-binja inklużi d-dimensjonijiet ta’ l-uċuħ okkupati mit-tiġieġ;

(b) is-sistema ta’ ventilazzjoni u, fejn rilevanti, iffriskar u tisħin, inkluż fejn jinsabu, il-pjan ta’ ventilazzjoni, parametri dettaljati tal-kwalità ta’ l-arja mmirata, bħall-fluss ta’ l-arja, il-veloċità ta’ l-arja u t-temperatura;

(ċ) is-sistemi ta’ għalf u tisqija u fejn jinsabu;

(d) sistemi ta’ allarm u sistemi ta’ kontinġenza fil-każ li ma jaħdimx kwalunkwe tagħmir awtomat jew mekkaniku essenzjali għas-saħħa u l-benesseri ta’ l-annimali;

(e) it-tip ta’ l-art u l-mifrex li normalment jintuża;

Id-dokumentazzjoni għandha tkun disponibbli għall-awtorità kompetenti kull meta tintalab u għandha tinżamm aġġornata. B’mod partikolari, għandhom jiġu rreġistrati l-ispezzjonijiet tekniċi tas-sistema ta’ l-allarm u l-ventilazzjoni.

Is-sid jew il-kustodju għandhom jikkomunikaw lill-awtorità kompetenti kwalunkwe bidla fil-binja, it-tagħmir jew il-proċeduri deskritti li x’aktarx jaffettwaw il-benesseri ta’ l-għasafar mingħajr dewmien żejjed.

Ħtiġiet għall-azjendi - kontroll tal-parametri ambjentali

3. Is-sid jew il-kustodju għandu jiżgura li kull binja ta’ azjenda tkun mgħammra b’sistemi ta’ ventilazzjoni u, jekk meħtieġ, tisħin u ffriskar imfassla, mibnija u mħaddma b’tali mod li:

(a) il-konċentrazzjoni ta’ ammonja (NH3) ma taqbiżx l-20 ppm u l-konċentrazzjoni ta’ dijossidu karboniku (CO2) ma taqbiżx it-3 000  ppm imkejla fuq il-livell ta’ rjus it-tiġieġ;

(b) it-temperatura ta’ ġewwa, meta t-temperatura ta’ barra mkejla fid-dell taqbeż it-30 °C, ma taqbiżx din it-temperatura ta’ barra b’aktar minn 3 °C;

(ċ) il-medja ta’ l-umdità relattiva imkejla ġewwa l-binja matul 48 siegħa ma teċċedix is-70 % meta t-temperatura ta’ barra hija anqas minn 10 °C




ANNESS III

MONITORAĠĠ U AZZJONI TA’ SEGWITU FIL-BIĊĊERIJA

(kif imsemmija fl-Artikolu 3(1))

1.   Mortalità

1.1. Fil-każ ta’ densitajiet ta’ stokkjar ogħla minn 33 kg/m2 id-dokumentazzjoni li takkumpanja l-qatgħa għandha tinkludi r-rata ta’ mortalità ta’ kuljum u r-rata ta’ mortalità kumulattiva ta’ kuljum ikkalkulata mis-sid jew il-kustodju u l-ibridu jew in-nisel tat-tiġieġ.

1.2. Taħt is-sorveljanza tal-veterinarju uffiċjali din id-data kif ukoll in-numru ta’ brojlers mejta mal-wasla għandha tiġi rreġistrata, b’indikazzjoni ta’ l-azjenda u l-binja ta’ l-azjenda. Il-plawżibbiltà tad-data u r-rata ta’ mortalità ta’ kuljum kumulattiva għandha tiġi ċċekkjata b’kont meħud tan-numru ta’ brojlers maqtula u n-numru ta’ brojlers mejta mal-wasla fil-biċċerija.

2.   Spezzjoni post-mortem

Fil-kuntest tal-kontrolli mwettqa taħt ir-Regolament (KE) Nru 854/2004, il-veterinarju uffiċjali għandu jevalwa r-riżultati ta’ l-ispezzjoni post-mortem biex jidentifika indikazzjonijiet oħra possibbli ta’ kondizzjonijiet ta’ benesseri ħżiena bħal livelli mhux normali ta’ dermatite tal-kuntatt, parassitiżmu u mard sistematiku fl-azjenda jew fil-binja ta’ l-azjenda ta’ l-oriġini.

3.   Komunikazzjoni tar-riżultati

Jekk ir-rata tal-mortalità kif imsemmija fil-paragrafu 1 jew ir-riżultati ta’ l-ispezzjoni post-mortem kif imsemmija fil-paragrafu 2 ikunu jaqblu ma’ kondizzjonijiet fqar ta’ benesseri ta’ l-annimali, il-veterinarju uffiċjali għandu jibgħat id-data lis-sid jew lill-kustodju ta’ l-annimali u lill-awtorità kompetenti. Is-sid jew il-kustodju ta’ l-annimali u l-awtorità kompetenti għandhom jieħdu l-azzjonijiet adegwati.




ANNESS IV

TAĦRIĠ

Il-korsijiet ta’ taħriġ imsemmija fil-punt (b) ta’ l-Artikolu 4(2) għandhom almenu jkopru l-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-protezzjoni tat-tiġieġ u b’mod partikolari l-kwistjonijiet li ġejjin:

(a) l-Annessi I u II;

(b) il-fiżjoloġija, b’mod partikolari l-ħtiġijiet ta’ l-għalf u t-tisqija, l-imġiba ta’ l-annimali u l-kunċett ta’ l-istress;

(ċ) l-aspetti prattiċi tal-maniġjar bir-reqqa tat-tiġieġ, u l-qbid, it-tgħabbija u t-trasport;

(d) it-trattament tat-tiġieġ f’każ ta’ emerġenza, il-qtil u t-tbiċċir f’emerġenza;

(e) miżuri preventivi ta’ bijosigurtà.




ANNESS V

KRITERJI GĦALL-UŻU TA’ DENSITÀ TA’ STOKKJAR MIŻJUDA

(kif imsemmija fl-Artikolu 3(5))

1.   Kriterji

(a) il-monitoraġġ ta’ l-azjenda imwettaq mill-awtorità kompetenti fl-aħħar sentejn ma żvela l-ebda defiċjenzi fir-rigward tal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva, u

(b) il-monitoraġġ mis-sid jew mill-kustodju ta’ l-azjenda qed isir bl-użu tal-gwidi għall-prattika ta’ ġestjoni tajba msemmija fl-Artikolu 8, u

(ċ) f’mill-anqas seba’ qtajja’ konsekuttivi, iċċekkjati sussegwentament minn dar, il-mortalità kumulattiva ta’ kull ġurnata kienet taħt 1 % + 0.06 % multiplikata mill-età tal-qatla tal-qatgħa f’jiem.

Jekk ma twettaq l-ebda monitoraġġ mill-awtorità kompetenti fl-aħħar sentejn, mill-inqas monitoraġġ wieħed għandu jitwettaq biex jiġi vverifikat jekk il-ħtieġa a) ġietx sodisfatta.

2.   Ċirkostanzi eċċezzjonali

Permezz ta’ deroga minn 1 ċ), l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi żżid id-densità ta’ l-istokk meta s-sid jew il-kustodju jkunu taw spjegazzjoni suffiċjenti għan-natura eċċezzjonali ta’ rata akbar ta’ mortalità kumulattiva ta’ kuljum jew ikun wera li l-kawżi jinsabu barra mill-kontroll tiegħu.



( 1 ) ĠU L 143, 7.6.1991, p. 11. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2029/2006 (ĠU L 414, 30.12.2006, p. 29).

( 2 ) ĠU L 198, 22.7.1991, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 394/2007 (ĠU L 98, 13.4.2007, p. 3).

( 3 ) Regolament ►C1  (UE) 2017/625 ◄ tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017… dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta' regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) ( ►C1  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1 ◄ ).

( 4 ) ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 575/2006 (ĠU L 100, 8.4.2006, p. 3).