2007D0435 — MT — 23.03.2013 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-25 ta’ Ġunju 2007

li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-perjodu mill-2007 sa l-2013 bħala parti mill-Programm Ġenerali “Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni”

(2007/435/KE)

(ĠU L 168, 28.6.2007, p.18)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

DEĊIŻJONI Nru 258/2013/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-13 ta' Marzu 2013

  L 82

1

22.3.2013




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-25 ta’ Ġunju 2007

li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-perjodu mill-2007 sa l-2013 bħala parti mill-Programm Ġenerali “Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni”

(2007/435/KE)



IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 63 (3) (a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Soċjali Ekonomiku Ewropew ( 1 ),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni ( 2 ),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew ( 3 ),

Billi:

(1)

Minħabba l-istabbiliment progressiv ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, it-Trattat jipprevedi kemm għall-adozzjoni ta’ miżuri mmirati li jiżguraw il-moviment liberu ta’ persuni, flimkien mal-miżuri ta’ appoġġ għall-kontrolli tal-fruntieri esterni, l-asil u l-immigrazzjoni, kif ukoll għall-adozzjoni ta’ miżuri dwar l-asil, l-immigrazzjoni u s-salvagwardja tad-drittijiet ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

(2)

Il-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa tiegħu f’Tampere fil-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, iddikjara li l-Unjoni Ewropea għandha tiżgura trattament ġust taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirresjedu legalment fit-territorju ta’ l-Istati Membri tagħha. Politika ta’ integrazzjoni aktar qawwija għandha jkollha l-għan li tagħtihom drittijiet u obbligi komparabbli ma’ dawk taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea. Din għandha ssaħħaħ ukoll in-non-diskriminazzjoni fil-ħajja ekonomika, soċjali u kulturali u tiżviluppa miżuri kontra r-razziżmu u l-ksenofobija.

(3)

L-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Istati Membri hija element prinċipali għall-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, li hija objettiv fundamentali tal-Komunità kif iddikjarat fit-Trattat. Madankollu, b’konsiderazzjoni tat-Trattat, il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Fond”) għandu jkun primarjament immirat lejn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu għadhom kif waslu, għal dak li għandu x’jaqsam mal-ko-finanzjament ta’ azzjonijiet konkreti li jappoġġaw il-proċess ta’ integrazzjoni.

(4)

Fil-Programm ta’ l-Aja ta’ l-4 u l-5 ta’ Novembru 2004, il-Kunsill Ewropew issottolinja li biex jinkiseb l-objettiv ta’ stabbilità u koeżjoni fis-soċjetajiet ta’ l-Istati Membri, huwa essenzjali li tiġi żviluppata politika effettiva. Huwa jappella għal aktar koordinazzjoni tal-politika ta’ integrazzjoni nazzjonali abbażi ta’ qafas komuni u jistieden lill-Istati Membri, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jippromwovu skambjar strutturali ta’ esperjenza u informazzjoni dwar l-integrazzjoni.

(5)

Kif mitlub fil-Programm ta’ l-Aja, il-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet ta’ l-Istati Membri fid-19 ta’ Novembru 2004 stabbilixxew “Prinċipji Bażiċi Komuni għall-politika ta’ integrazzjoni ta’ l-immigranti fl-Unjoni Ewropea” (minn hawn ’il quddiem msejħa “il-Prinċipji Bażiċi Komuni”). Il-Prinċipji Bażiċi Komuni jgħinu lill-Istati Membri biex jifformulaw politika ta’ integrazzjoni billi joffrulhom gwida maħsuba ta’ prinċipji bażiċi li fuqhom huma jistgħu jiġġudikaw u jivvalutaw l-isforzi tagħhom stess.

(6)

Il-Prinċipji Bażiċi Komuni huma komplimentari għal u f’sinerġija sħiħa ma’ l-istrumenti leġislattivi Komunitarji dwar l-ammissjoni u s-soġġorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirresjedu legalment fir-rigward tar-riunjoni tal-familja u r-residenti għal perjodu fit-tul, u oqfsa leġislattivi eżistenti oħra li huma rilevanti, inklużi dawk rigward l-ugwaljanza bejn is-sessi, in-non-diskriminazzjoni u l-inklużjoni soċjali.

(7)

Filwaqt li jfakkru fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ l-1 ta’ Settembru 2005 dwar Aġenda komuni għall-Integrazzjoni: qafas għall-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Unjoni Ewropea, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dik l-aġenda ta’ l-1 u t-2 ta’ Diċembru 2005 jissottolinjaw il-ħtieġa li tissaħħaħ il-politika ta’ integrazzjoni ta’ l-Istati Membri u jirrikonoxxu l-importanza li jiġi definit qafas f’livell Ewropew għall-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirresjedu legalment fl-aspetti kollha tas-soċjetà u b’mod partikolari miżuri konkreti għall-implimentazzjoni tal-Prinċipji Bażiċi Komuni.

(8)

In-nuqqas ta’ Stat Membru individwali li jiżviluppa u jimplimenta politika ta’ integrazzjoni jista’ jkollu b’modi differenti implikazzjonijiet negattivi għal Stati Membri oħrajn u għall-Unjoni Ewropea.

(9)

Biex tissaħħaħ din il-programmazzjoni fil-qasam ta’ l-integrazzjoni, l-Awtorità baġitarja daħħlet approprjazzjonijiet speċifiċi fil-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea mill-2003 sa l-2006 għall-finanzjament ta’ proġetti pilota u azzjonijiet ta’ tħejjija fil-qasam ta’ l-integrazzjoni (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “INTI”).

(10)

Fid-dawl ta’ l-INTI u b’referenza għall-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-immigrazzjoni, l-integrazzjoni u l-impjieg u għall-Ewwel rapport annwali dwar il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, qed titqies il-ħtieġa li mill-2007 ‘il quddiem il-Komunità tingħata strument speċifiku mfassal biex jikkontribwixxi għall-isforzi nazzjonali ta’ l-Istati Membri biex tiġi żviluppata u implimentata politika ta’ integrazzjoni li tagħmilha possibbli li ċittadini ta’ pajjiżi terzi, ta’ sfond kulturali, reliġjuż, lingwistiku u etniku differenti, jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta’ residenza u li tiffaċilita l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetajiet Ewropej, skond il-Prinċipji Bażiċi Komuni u b’komplementarjetà mal-Fond Soċjali Ewropew (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-FSE”).

(11)

Biex tiġi żgurata l-konsistenza tar-rispons tal-Komunità għall-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, l-azzjonijiet iffinanzjati taħt il-Fond għandhom ikunu speċifiċi u komplementari għall-azzjonijiet iffinanzjati taħt il-FSE u l-Fond Ewropew għar-Refuġjati. F’dan il-kuntest, għandhom jiġu żviluppati arranġamenti speċifiċi ta’ programmazzjoni konġunta biex tiġi żgurata l-konsistenza tar-rispons tal-Komunità għall-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi permezz tal-FSE u l-Fond.

(12)

Meta wieħed jikkunsidra li l-Fond u l-FSE huma taħt ġestjoni kondiviża ma’ l-Istati Membri, għandhom isiru arranġamenti wkoll f’livell nazzjonali biex tiġi żgurata konsistenza fl-implimentazzjoni. Għal dak il-fini, l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Fond, għandhom jintalbu jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni ma’ l-awtoritajiet maħtura mill-Istati Membri biex imexxu l-implimentazzjoni tal-FSE u l-Fond Ewropew għar-Refuġjati u jiżguraw li l-azzjonijiet taħt dan il-Fond għandhom ikunu speċifiċi u komplementari għall-azzjonijiet iffinanzjati taħt il-FSE u l-Fond Ewropew għar-Refuġjati.

(13)

Din id-Deċiżjoni għandha tkun immirata primarjament, safejn tikkonċerna l-finanzjament konġunt ta’ l-azzjonijiet konkreti li jappoġġaw il-proċess ta’ integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Istati Membri, lejn azzjonijiet li jirrelataw ma’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu għandhom kemm waslu. F’dan il-kuntest tista’ ssir referenza għad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istat ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma residenti fit-tul ( 4 ) li tirreferi għall-perjodu ta’ ħames snin ta’ residenza legali li miegħu għandhom ikunu konformi ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jikkwalifikaw għall-istat ta’ residenza fit-tul.

(14)

Il-Fond għandu jappoġġa wkoll lill-Istati Membri biex isaħħu l-kapaċità tagħhom li jiżviluppaw, jimplimentaw, jimmonitorjaw u jevalwaw b’mod ġenerali l-istrateġiji, il-politika u l-miżuri kollha dwar l-integrazzjoni għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi kif ukoll l-iskambju ta’ informazzjoni, l-aħjar prattika u kooperazzjoni fi u bejn Stati Membri li jikkontribwixxu għat-tisħiħ ta’ din il-kapaċità.

(15)

Din id-Deċiżjoni hija mfassla biex tifforma parti minn qafas koerenti li jinkludi wkoll id-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Mejju 2007 li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perjodu mill-2008 sa l-2013, bħala parti mill-Programm Ġenerali “Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni” ( 5 ), id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Mejju 2007 li tistabbilixxi l-Fond għall-Fruntieri Esterni għall-perjodu mill-2007 sa l-2013 bħala parti mill-Programm Ġenerali “Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni” ( 6 ), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 575/2007/KE tat-23 ta’ Mejju 2007 li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta’ Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi għall-perjodu mill-2007 sa l-2013 bħala parti mill-Programm Ġenerali “Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni” ( 7 ), li jimmira li jindirizza l-kwistjoni ta’ qsim ġust tar-responsabbiltajiet bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-piż finanzjarju li jirriżulta mill-introduzzjoni ta’ ġestjoni integrata tal-fruntieri esterni ta’ l-Unjoni u mill-implimentazzjoni ta’ linji politiċi komuni dwar l-ażil u l-immigrazzjoni, kif żviluppati skond it-Titolu IV tat-Trattat.

(16)

L-appoġġ ipprovdut mill-Fond ikun aktar effiċjenti u mmirat aħjar jekk il-ko-finanzjament ta’ azzjonijiet eliġibbli jkun ibbażat fuq programmar strateġiku pluriennali mfassal minn kull Stat Membru fi djalogu mal-Kummissjoni.

(17)

Abbażi ta’ linji gwida strateġiċi adottati mill-Kummissjoni, kull Stat Membru għandu jħejji dokument ta’ programmazzjoni pluriennali li jieħu kont tas-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet speċifiċi tiegħu u jistabbilixxi l-istrateġija ta’ żvilupp tiegħu li għandha ssawwar il-qafas għall-implimentazzjoni ta’ l-azzjonijiet li għandhom jiġu elenkati fil-programmi annwali.

(18)

Fil-kuntest ta’ ġestjoni kondiviża, kif imsemmi fl-Artikolu 53(1), punt b), tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li japplika għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej ( 8 ) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament Finanzjarju”), il-kondizzjonijiet li jippermettu lill-Kummissjoni biex teżerċita r-responsabbilitajiet tagħha għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea għandhom ikunu speċifikati u l-obbligi għall-kooperazzjoni ta’ l-Istati Membri għandhom ikunu kjarifikati. L-applikazzjoni ta’ dawk il-kondizzjonijiet tagħmilha possibbli li l-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri jużaw il-Fond b’mod leġittimu u korrett u skond il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja soda fis-sens ta’ l-Artikolu 27 u l-Artikolu 48(2) tar-Regolment Finanzjarju.

(19)

Għandhom jiġu stabbiliti kriterji oġġettivi biex jiġu allokati riżorsi annwali disponibbli lill-Istati Membri. Dawn il-kriterji għandhom jieħdu kont tan-numru totali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qed jirresjedu legalment fl-Istati Membri u t-total ta’ l-ammissjoni ġdida ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’perjodu ta’ referenza partikolari.

(20)

L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri adegwati biex jiggarantixxu l-funzjonament proprju tas-sistema ta’ ġestjoni u kontroll u l-kwalità ta’ l-implimentazzjoni. Għal dan il-għan, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-prinċipji ġenerali u l-funzjonijiet meħtieġa li l-programmi kollha għandhom jissodisfaw.

(21)

Skond il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità, l-Istati Membri għandhu jkollhom ir-responsabbiltà primarja għall-implimentazzjoni u l-kontroll ta’ l-interventi tal-Fond.

(22)

L-obbligi fuq l-Istati Membri dwar is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll, iċ-ċertifikazzjoni ta’ l-infiq, u l-prevenzjoni, is-sejba u l-korrezzjoni ta’ irregolaritajiet u ksur tal-liġi Komunitarja għandhom ikunu speċifikati biex tkun garantita l-implimentazzjoni effiċjenti u korretta tal-programmi pluriennali u annwali tagħhom. B’mod partikolari, safejn jirrigwardja l-ġestjoni u l-kontroll, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-arranġamenti li bihom l-Istati Membri jiżguraw li s-sistemi rilevanti jkunu stabbiliti u qed jitħaddmu b’mod sodisfaċenti.

(23)

Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni rigward il-kontroll finanzjarju, il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni f’dan il-qasam għandha tiġi nkoraġġuta.

(24)

L-effettività u l-impatt ta’ l-azzjonijiet appoġġati b’dan il-Fond jiddependu wkoll fuq l-evalwazzjoni tagħhom u t-tixrid tar-riżultati tagħhom. Ir-responsabbiltajiet ta’ l-Istati Membri u l-Kummissjoni f’dan ir-rigward u l-arranġamenti biex tiġi żgurata l-affidibbiltà tal-evalwazzjoni u l-kwalità ta’ l-informazzjoni relatata, għandhom jiġu formalizzati.

(25)

L-azzjonijiet għandhom jiġu evalwati bil-ħsieb ta’ reviżjoni f’nofs it-terminu u b’valutazzjoni ta’ l-impatt, u l-proċess ta’ l-evalwazzjoni għandu jiġi inkorporat fl-arranġamenti ta’ monitoraġġ tal-proġett.

(26)

Waqt li tinżamm preżenti l-importanza tal-viżibbiltà tal-finanzjament Komunitarju, il-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida biex tiffaċilita r-rikonoxximent xieraq ta’ l-appoġġ li jingħata minn kwalunkwe awtorità, organizzazzjoni mhux governattiva, organizzazzjoni internazzjonali jew entità oħra li tirċievi għotja mill-Fond b’kont meħud tal-prattika fir-rigward ta’ strumenti oħrajn taħt il-ġestjoni kondiviża, bħall-Fondi Strutturali.

(27)

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi pakkett finanzjarju għad-dewmien sħiħ tal-programm fi ħdan it-tifsira tal-punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja soda, mingħajr ma jaffettwa b’dan is-setgħat ta’ l-awtorità buġetarja kif inhuma definiti fit-Trattat.

(28)

Minħabba li l-objettiv ta’ din id-Deċiżjoni, jiġifieri l-promozzjoni ta’ l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fis-soċjetajiet ospitanti ta’ l-Istati Membri, fil-qafas tal-Prinċipji Bażiċi Komuni, ma jistgax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ l-azzjoni, jista’ jinkiseb aħjar mill-Komunità, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif imniżżel fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif imniżżel f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(29)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni.

(30)

Sabiex jiġi żgurat li l-Fond jiġi implimentat fil-ħin, din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2007.

(31)

Skond l-Artikoli 1 u 2 jew il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhux qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, u għalhekk mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(32)

Skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u ta’ l-Irlanda, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitá Ewropea, l-Irlanda tat notifika, permezz ta’ l-ittra tas-6 ta’ Settembru 2005, tax-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(33)

Skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u ta’ l-Irlanda, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitá Ewropea, ir-Renju Unit ta notifika, permezz ta’ l-ittra tas-27 ta’ Ottubru 2005, tax-xewqa tiegħu li jieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:



KAPITOLU I

SUĠĠETT, OBJETTIVI U AZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.  Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2013 il-Fond Ewropew għall-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi (minn issa ’l quddiem imsejjaħ “il-Fond”), bħala parti minn qafas koerenti li jinkludi wkoll id-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE, id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE, u d-Deċiżjoni Nru 575/2007/KE, sabiex tikkontribwixxi għat-tisħiħ taż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, u l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri.

Din id-Deċiżjoni tiddefinixxi l-objettivi li għalihom jikkontribwixxi l-Fond, l-implimentazzjoni tiegħu, ir-riżorsi finanzjarji disponibbli u l-kriterji ta’ distribuzzjoni għall-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji disponibbli.

Hija tistabbilixxi r-regoli ta’ ġestjoni tal-Fond, inkluż regoli finanzjarji, kif ukoll il-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u kontroll ibbażati fuq il-kondiviżjoni tar-responsabbiltajiet bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.

2.  Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu fit-territorju ta’ pajjiż terz u li jikkonformaw ma’ miżuri speċifiċi ta’ qabel it-tluq u/jew kondizzjonijiet imniżżlin fil-liġi nazzjonali, inklużi dawk rigward l-abbiltà ta’ integrazzjoni fis-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

3.  Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu applikaw għall-asil li dwaru għadha ma tteħditx deċiżjoni finali, jew li jgawdu status ta’ refuġjat jew ta’ protezzjoni sussidjarja, jew jikkwalifikaw bħala refuġjati jew huma eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja skond id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar standards minimi għall-kwalifika u l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala rifuġjati jew inkella bħala persuni li għandhom bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija lilhom ( 9 ), għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

4.  Ċittadin ta’ pajjiżi terzi tfisser kwalunkwe persuna li ma tkunx ċittadin ta’ l-Unjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 17(1) tat-Trattat.

Artikolu 2

Objettiv ġenerali tal-Fond

1.  L-objettiv ġenerali tal-Fond huwa li jappoġġa l-isforzi magħmul mill-Istati Membri biex jagħmluha possibbli għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi ta’ sfond ekonomiku, soċjali, kulturali, reliġjuż, lingwistiku u etniku differenti biex jissodisfaw l-kondizzjonijiet ta’ residenza u biex jiffaċilitaw l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetajiet Ewropej.

Il-Fond għandu primarjament jiffoka fuq azzjonijiet relatati ma’ l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu għadhom jaslu.

2.  Sabiex jippromwovi l-objettiv imsemmi fil-paragrafu 1 il-Fond ser jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji nazzjonali ta’ integrazzjoni għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-aspetti kollha tas-soċjetà filwaqt li jittieħed kont b’mod partikolari tal-prinċipju li l-integrazzjoni hija proċess dinamiku minn żewġ naħat ta’ akkomodazzjoni reċiproka mill-immigranti u r-residenti kollha ta’ l-Istati Membri.

3.  Il-Fond għandu jikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ l-assistenza teknika fuq l-inizjattiva ta’ l-Istati Membri jew tal-Kummissjoni.

Artikolu 3

Objettivi speċifiċi

Il-Fond għandu jikkontribwixxi għall-objettivi speċifiċi li ġejjin:

(a) il-faċilitazzjoni ta’ l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ proċeduri ta’ ammissjoni rilevanti u ta’ appoġġ għall-proċess ta’ integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi;

(b) l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-proċess ta’ integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu għadhom kif waslu fl-Istati Membri;

(ċ) żieda fil-kapaċità ta’ l-Istati Membri li jiżviluppaw, jimplimentaw, jimmonitorjaw u jevalwaw il-politika u l-miżuri għall-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi;

(d) Skambju ta’ informazzjoni, l-aħjar prattika u l-kooperazzjoni fi u bejn l-Istati Membri fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ politika u miżuri għall-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

Artikolu 4

Azzjonijiet eliġibbli fl-Istati Membri

1.  Rigward l-objettiv definit fl-Artikolu 3(a), il-Fond għandu jappoġġa azzjonijiet fl-Istati Membri li:

(a) jiffaċilitaw l-iżvilupp u l-implimentazzjoni mill-Istati Membri ta’ proċeduri ta’ ammissjoni, inter alia billi jiġu appoġġati proċessi ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti u l-parir espert jew skambji ta’ informazzjoni dwar approċċi li huma mmirati għal ċittadinanzi jew kategoriji ta’ ċittadini speċifiċi ta’ pajjiżi terzi;

(b) jagħmlu l-implimentazzjoni tal-proċeduri ta’ ammissjoni aktar effettivi u aċċessibbli għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi inter alia billi jużaw Komunikazzjoni u Teknoloġija ta’ l-Informatika li huma faċli għall-utent, kampanji ta’ informazzjoni u proċeduri ta’ għażla;

(ċ) iħejju liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà ospitanti b’mod aħjar billi jappoġġaw miżuri ta’ qabel il-vjaġġ li jippermettulhom jiksbu għarfien u ħiliet meħtieġa għall-integrazzjoni tagħhom, bħal taħriġ vokazzjonali, pakketti ta’ informazzjoni, korsijiet komprensivi ta’ orjentazzjoni ċivika u tagħlim tal-lingwa fil-pajjiż ta’ l-oriġini.

2.  Rigward l-objettiv definit fl-Artikolu 3(b), il-Fond għandu jappoġġa azzjonijiet fl-Istati Membri li:

(a) ifasslu programmi u attivitajiet li jimmiraw li jintroduċu ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għadhom jaslu fis-soċjetà ospitanti u jippermettulhom jiksbu għarfien bażiku dwar il-lingwa, l-istorja, l-istituzzjonijiet, il-fatturi soċjo ekonomiċi, il-ħajja kulturali u n-normi u l-valuri fondamentali tas-soċjetà ospitanti, kif ukoll li jikkomplementaw tali programmi u attivitajiet eżistenti;

(b) jiżviluppaw u jtejbu l-kwalità ta’ tali programmi u attivitajiet fil-livell lokali u reġjonali, b’enfasi partikolari fuq l-orjentazzjoni ċivika;

(ċ) isaħħu l-kapaċità ta’ tali programmi u attivitajiet biex jilħqu gruppi partikolari, bħal dipendenti ta’ persuni soġġetti għall-proċeduri ta’ ammissjoni, tfal, nisa, anzjani, illiterati jew persuni b’diżabbilità;

(d) iżidu l-flessibbiltà ta’ tali programmi u attivitajiet, b’mod partikolari permezz ta’ korsijiet part-time, moduli mħaffin, sistemi ta’ tagħlim minn distanza jew b’mezzi elettroniċi jew mudelli simili, li jippermettu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jlestu l-programmi u l-attivitajiet filwaqt li jaħdmu jew jistudjaw fl-istess ħin;

(e) jiżviluppaw u jimplimentaw tali programmi jew attivitajiet, immirat lejn ċittadini żgħażagħ ta’ pajjiżi terzi, bi sfidi soċjali u kulturali speċifiċi relatati ma’ kwistjonijiet ta’ identità;

(f) jiżviluppaw tali programmi jew attivitajiet li jinkoraġġixxu l-ammissjoni u jappoġġaw il-proċess ta’ integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz bi kwalifikazzjoni għolja jew kwalifikati.

3.  Rigward l-objettivi definiti fl-Artikolu 3(ċ) u (d), il-Fond għandu jappoġġa azzjonijiet fi u bejn Stati Membri li:

(a) itejbu l-aċċess ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal oġġetti u servizzi pubbliċi u privati, inter alia permezz ta’ servizzi intermedjarji, servizzi ta’ interpretazzjoni u traduzzjoni u billi jtejbu l-kapaċitajiet interkulturali tal-persunal;

(b) jibnu strutturi ta’ organizzazzjoni sostenibbli għall-integrazzjoni u l-ġestjoni tad-diversità, jippromwovu parteċipazzjoni li ddum u sostenibbli fil-ħajja ċivika u kulturali, u jiżviluppaw modi ta’ kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati rilevanti differenti biex uffiċjali f’diversi livelli jkunu jistgħu jiskbu malajr informazzjoni dwar esperjenzi u prattika x’imkien ieħor u, fejn possibbli, biex jinġabru r-riżorsi;

(ċ) jiżviluppaw u jimplimentaw taħriġ interkulturali, bini tal-kapaċità u ġestjoni tad-diversità, taħriġ tal-persunal fi ħdan il-fornituri ta’ servizz pubbliċi u privati, inklużi istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni;

(d) isaħħu l-kapaċità tal-koordinazzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ strateġiji nazzjonali ta’ integrazzjoni għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-livelli u d-dipartimenti differenti tal-gvern;

(e) jikkontribwixxu għall-evalwazzjoni ta’ proċeduri ta’ ammissjoni jew għall-programmi u l-attivitajiet imsemmijin fil-paragrafu 2 billi jappoġġaw stħarriġ rappreżentattiv fost ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu bbenefikaw minnhom u/jew fost partijiet interessati rilevanti, bħal impriżi, organizzazzjonijiet mhux governattivi u awtoritajiet reġjonali jew lokali;

(f) jintroduċu u jimplimentaw skemi biex tinġabar u tiġi analizzata informazzjoni dwar il-ħtiġijiet ta’ kategoriji differenti ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, f’livell lokali jew reġjonali, billi jinvolvu pjattaformi għall-konsultazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-partijiet interessati, u billi jsir stħarriġ fost il-komunitajiet ta’ l-immigranti dwar l-aħjar rispons għal dawk il-ħtiġijiet;

(g) jikkontribwixxu għall-proċess miż-żewġ naħat li huwa bażiku għall-politika ta’ integrazzjoni billi jiżviluppaw pjattaformi għall-konsultazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, l-iskambju ta’ informazzjoni bejn partijiet interessat u pjattaformi ta’ djalogu interkulturali, reliġjuż u dwar twemmin komuni bejn komunitajiet u/jew bejn komunitajiet u l-awtoritajiet li jfasslu l-politika u jieħdu deċiżjonijiet;

(h) jiżviluppaw indikaturi u livelli għall-kejl tal-progress f’livell nazzjonali;

(i) jiżviluppaw għodod ta’ monitoraġġ u skemi ta’ evalwazzjoni ta’ kwalità għolja għall-politika u miżuri ta’ integrazzjoni.

(j) jżidu l-aċċettazzjoni tal-migrazzjoni f’soċjetajiet ospitanti kif ukoll l-aċċettazzjoni ta’ miżuri ta’ integrazzjoni permezz ta’ kampanji li jżidu l-għarfien, b’mod partikolari fil-medja.

Artikolu 5

Azzjonijiet Komunitarji

1.  Fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, jista’ jintuża sa 7 % tar-riżorsi disponibbli tal-Fond biex jiġu ffinanzjati azzjonijiet transnazzjonali jew azzjonijiet ta’ interess għall-Komunità kollha (minn hawn ’il quddiem msejħa “azzjonijiet Komunitarji”) rigward il-politika ta’ immigrazzjoni u integrazzjoni .

2.  Biex ikunu eliġibbli għall-finanzjament, l-azzjonijiet Komunitarji għandhom b’mod partikolari:

(a) iżidu l-kooperazzjoni tal-Komunità biex ikunu implimentati l-liġijiet tal-Komunità u l-prattika tajba fil-qasam ta’ l-immigrazzjoni u l-integrazzjoni;

(b) jappoġġaw l-istabbiliment ta’ networks ta’ kooperazzjoni transnazzjonali u proġetti pilota bbażati fuq sħubiji transnazzjonali bejn korpi minn żewġ Stati Membri jew aktar, li jkunu mfasslin biex jistimolaw l-innovazzjoni, jiffaċilitaw l-iskambju ta’ esperjenza u prattika tajba u jtejbu l-kwalità tal-linji politiċi ta’ l-integrazzjoni;

(ċ) jappoġġaw kampanji transnazzjonali li jżidu l-għarfien;

(d) jappoġġaw studji, disseminazzjoni u skambju ta’ informazzjoni dwar l-aħjar prattika u l-aspetti l-oħrajn kollha tal-linji politiċi dwar l-immigrazzjoni u l-integrazzjoni, inkluż għall-użu ta’ teknoloġija mill-aktar moderna,

(e) jappoġġaw proġetti pilota u studji li jesploraw il-possibbiltà ta’ forom ġodda ta’ kooperazzjoni Komunitarja fil-qasam ta’ l-immigrazzjoni u l-integrazzjoni u l-liġi Komunitarja fil-qasam ta’ l-immigrazzjoni;

(f) jappoġġaw l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ għodod, metodi u indikaturi ta’ statistika komuni mill-Istati Membri biex jiġu mkejla żviluppi ta’ politika fl-oqsma ta’ l-immigrazzjoni u l-integrazzjoni.

3.  Il-programm ta’ ħidma annwali li jistabbilixxi l-prijoritajiet għal azzjonijiet Komunitarji għandu jiġi adottat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 52(2).



KAPITOLU II

PRINĊIPJI TA’ ASSISTENZA

Artikolu 6

Komplementarjetà, konsistenza u konformità

1.  Il-Fond għandu jipprovdi assistenza li tikkomplementa azzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali, filwaqt li jintegra fihom il-prijoritajiet tal-Komunità.

B’mod partikolari, biex tiġi żgurata l-konsistenza tar-reazzjoni tal-Komunità għall-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, l-azzjonijiet iffinanzjati taħt dan il-Fond għandhom ikunu speċifiċi u komplementari għall-azzjonijiet iffinanzjati taħt il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għar-Refuġjati.

2.  Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-assistenza mill-Fond u mill-Istati Membri tkun konsistenti ma’ l-attivitajiet, il-linji politiċi u l-prijoritajiet tal-Komunità. Din il-konsistenza għandha tintwera l-aktar fil-programm pluriennali msemmi fl-Artikolu 18.

3.  L-operazzjonijiet ffinanzjati mill-Fond għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u ta’ l-atti adottati taħthom.

Artikolu 7

Programmazzjoni

1.  L-objettivi tal-Fond għandhom jiġu segwiti fil-qafas ta’ perjodu tal-programmazzjoni pluriennali (mill-2007 sa l-2013), soġġett għal reviżjoni ta’ nofs it-terminu, skond l-Artikolu 20. Is-sistema ta’ programmazzjoni pluriennali għandha tinkludi l-prijoritajiet u l-proċess tal-ġestjoni, it-teħid ta’ deċiżjonijiet, il-verifika u ċ-ċertifikazzjoni.

2.  Il-programmi pluriennali approvati mill-Kummissjoni għandhom jiġu implimentati permezz ta’ programmi annwali.

Artikolu 8

Intervent sussidjarju u proporzjonali

1.  L-implimentazzjoni tal-programmi pluriennali u annwali msemmijin fl-Artikoli 17 u 19 għandha tkun ir-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri fil-livell territorjali xieraq, skond is-sistema istituzzjonali speċifika għal kull Stat Membru. Din ir-responsabbilità għandha tiġi eżerċitata skond din id-Deċiżjoni.

2.  F’relazzjoni mad-dispożizzjonijiet ta’ verifika l-mezzi użati mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri għandhom ivarjaw skond id-daqs tal-kontribuzzjoni Komunitarja. L-istess prinċipju għandu wkoll japplika għad-dispożizzjonijiet dwar l-evalwazzjoni u r-rapporti dwar il-programmi pluriennali u annwali.

Artikolu 9

Metodi ta’ implimentazzjoni

1.  Il-baġit tal-Komunità allokat għall-Fond għandu jiġi implimentat skond l-Artikolu 53(1)(b) tar-Regolament Finanzjarju, bl-eċċezzjoni ta’ l-azzjonijiet Komunitarji msemmijin fl-Artikolu 5 u l-assistenza teknika msemmija fl-Artikolu 14. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja soda.

2.  Il-Kummissjoni għandha teżerċita r-responsabbiltà tagħha biex timplimenta l-baġit ġenerali tal-Komunità Ewropea billi:

(a) tikkontrolla l-eżistenza u l-funzjonament xieraq tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll fl-Istati Membri skond il-proċeduri deskritti fl-Artikolu 30;

(b) iżżomm jew tissospendi l-ħlasijiet kollha jew partijiet minnhom bi qbil mal-proċeduri deskritti f l-Artikoli 39 u 40 jekk is-sistemi nazzjonali ta’ ġestjoni u kontroll jonqsu, u billi tapplika kwalunkwe korrezzjoni finanzjarja oħra meħtieġa, skond il-proċeduri deskritti fl-Artikoli 43 u 44.

Artikolu 10

Sħubija

1.  Kull Stat Membru għandu jorganizza, skond ir-regoli u l-prattika nazzjonali attwali, sħubija ma’ l-awtoritajiet u l-korpi li huma involuti fl-implimentazzjoni tal-programm pluriennali jew li, skond l-Istat Membru konċernat, jistgħu jipprovdu kontribut utli għall-iżvilupp tiegħu.

Tali awtoritajiet u korpi jistgħu jinkludu l-awtoritajiet reġjonali, lokali, urbani u oħrajn pubbliċi kompetenti, organizzazzjonijiet u korpi internazzjonali li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili bħal organizzazzjonijiet mhux governattivi, inklużi organizzazzjonijiet ta’ emigranti, jew imsieħba soċjali.

Din is-sħubija għandha tinkludi mill-inqas l-awtoritajiet ta’ implimentazzjoni maħturin mill-Istati Membri għall-fini tal-ġestjoni ta’ l-interventi tal-Fond Soċjali Ewropew u l-awtorità responsabbli għall-Fond Ewropew għar-Refuġjati.

2.  Tali sħubija għandha titwettaq f’konformità sħiħa mal-ġurisdizzjoni istituzzjonali, legali u finanzjarja rispettiva ta’ kull kategorija ta’ msieħba.



KAPITOLU III

QAFAS FINANZJARJU

Artikolu 11

Riżorsi globali

1.  Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet iffinanzjati minn dan il-Fond għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2013 għandu jkun ta’ EUR 825 miljun.

2.  L-approprjazzjonijiet annwali għall-Fond għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità tal-baġit fil-limiti tal-Qafas Finanzjarju.

3.  Il-Kummissjoni għandha tagħmel tqassim annwali indikattiv għal kull Stat Membru skond il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 12.

Artikolu 12

Distribuzzjoni annwali ta’ riżors għal azzjonijiet eliġibbli fl-Istati Membri

1.  Kull Stat Membru għandu jirċievi ammont fiss ta’ EUR 500,000 mill-allokazzjoni annwali tal-Fond.

Dan l-ammont għandu jkun iffissat għal EUR 500,000 fis-sena għall-Istati Membri li se jissieħbu fl-Unjoni Ewropea matul il-perjodu mill-2007 sa l-2013, għall-parti li tibqa’ tal-perjodu mill-2007 sa l-2013 mis-sena ta’ wara l-adeżjoni tagħhom.

2.  Il-bqija tar-riżorsi annwali disponibbli għandhom jiġu mqassmin bejn l-Istati Membri kif ġej:

(a) 40 % fi proporzjon għall-medja tan-numru totali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qed jirresjedu legalment fl-Istati Membri matul it-tliet snin preċedenti; u

(b) 60 % fi proporzjon għan-numru ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu kisbu awtorizzazzjoni maħruġa minn Stat Membru biex jirresjedi fit-territorju tiegħu matul it-tliet snin preċedenti

3.  Madankollu, għall-fini tal-kalkolu msemmi fil-paragrafu 2(b), il-kategoriji ta’ persuni li ġejjin m’għandhomx ikunu inklużi:

(a) ħaddiema staġonali, kif definiti taħt il-liġi nazzjonali;

(b) ċittadini ta’ pajjiżi terzi ammessi għall-finijiet ta’ studji, skambju ta’ studenti, taħriġ bla ħlas jew servizz volontarju skond id-Direttiva tal-Kunsill 2004/114/KE ( 10 );

(ċ) ċittadini ta’ pajjiżi terzi ammessi għall-finijiet ta’ riċerka xjentifika skond id-Direttiva tal-Kunsill 2005/71/KE ( 11 );

(d) ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu rċevew tiġdid ta’ awtorizzazzjoni maħruġa minn Stat Membru jew bdil fl-istatus, inklużi ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu kisbu status ta’ residenza għal perjodu fit-tul skond id-Direttiva 2003/109/KE.

4.  Il-figuri ta’ referenza għandhom ikunu l-aħħar statistika magħmula mill-Kummissjoni (Eurostat) abbażi tad-data pprovduta mill-Istati Membri skond il-liġi Komunitarja.

Meta l-Istati Membri ma jkunux taw l-istatistika kkonċernata lill-Kummissjoni (Eurostat), huma għandhom jipprovdu data proviżorja malajr kemm jista’ jkun.

Qabel taċċetta din id-data bħala figuri ta’ referenza, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tevalwa l-kwalità, il-paragunabbiltà u l-kompletezza ta’ l-informazzjoni statistika skond il-proċeduri operattivi normali. Fuq talba tal-Kummissjoni (Eurostat), l-Istati Membri għandhom jagħtuha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tagħmel dan.

Artikolu 13

Struttura ta’ finanzjament

1.  Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Fond għandha tieħu l-forma ta’ għotjiet.

2.  L-azzjonijiet appoġġati mill-Fond għandhom jiġu ko-finanzjati minn sorsi pubbliċi jew privati, għandhom ikunu bla qligħ u m’għandhomx ikunu eliġibbli għal finanzjament minn sorsi oħra li jkunu koperti mill-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea.

3.  L-approprjazzjonijiet tal-Fond għandhom ikunu komplementari għall-infiq pubbliku jew l-ekwivalenti tiegħu allokat mill-Istati Membri għall-miżuri koperti minn din id-Deċiżjoni.

▼M1

4.  Il-kontribut tal-Unjoni għall-proġetti appoġġati, fir-rigward ta’ azzjonijiet implimentati fl-Istati Membri taħt l-Artikolu 4 m’għandux jeċċedi 50 % tal-ispiża totali ta’ azzjoni speċifika.

Din tista’ tiżdied sa 75 % għall-proġetti li jindirizzaw prijoritajiet speċifiċi li jkunu ġew identifikati fil-linji gwida strateġiċi kif inhu mfisser fl-Artikolu 16.

Il-kontribut tal-Unjoni għandu jiżdied għal 75 % fl-Istati Membri koperti bil-Fond tal-Koeżjoni.

Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni tista’ tiżdied b’20 punt perċentwali fi Stat Membru dment li huwa jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin fiż-żmien tas-sottomissjoni tal-abbozz tiegħu tal-programm annwali skont l-Artikolu 19(3) ta’ din id-Deċiżjoni jew tal-abbozz tal-programm annwali rivedut tagħha skont l-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/457/KE ( 12 ):

(a) l-għajnuna finanzjarja fuq terminu medju ta’ żmien tkun disponibbli għalih skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 ( 13 );

(b) l-għajnuna finanzjarja tkun disponibbli għalih skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 ( 14 ) jew għajnuna finanzjarja ssir disponibbli lilu minn Stati Membri oħra taż-żona tal-euro qabel it-13 ta’ Mejju 2010; jew

(c) l-għajnuna finanzjarja tkun disponibbli għalih skont il-ftehim intergovernattiv li jistabbilixxi l-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja jew it-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jressaq dikjarazzjoni bil-miktub lill-Kummissjoni flimkien mal-abbozz tal-programm annwali tiegħu jew l-abbozz tal-programm annwali rivedut li jikkonferma li jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt (a), (b) jew (c) tar-raba’ subparagrafu.

Proġett kofinanzjat bir-rata miżjuda jista’ jibqa’ hekk kemm jekk waħda mill-kondizzjonijiet imsemmija fil-punt (a), (b) jew (c) tar-raba’ subparagrafu tkun għadha qed tiġi sodisfatta waqt l-implimentazzjoni tal-programm annwali relatat u kemm jekk le.

▼B

5.  Fil-qafas ta’ l-implimentazzjoni tal-programmazzjoni nazzjonali kif imniżżel fil-Kapitolu IV, l-Istati Membri għandhom jagħżlu proġetti għall-finanzjament abbażi tal-kriterji minimi li ġejjin:

(a) is-sitwazzjoni u l-ħtiġiet fl-Istat Membru;

(b) il-kost-effettività ta’ l-infiq, inter alia bil-konsiderazzjoni tan-numru ta’ persuni konċernati fil-proġett;

(ċ) l-esperjenza, il-kompetenza, l-affidabbiltà u l-kontribuzzjoni finanzjarja ta’ l-organizzazzjoni li tkun qed tapplika għall-finanzjament u ta’ kwalunkwe organizzazzjoni msieħba;

(d) il-punt sa liema l-proġetti jikkomplementaw azzjonijiet oħra ffinanzjati mill-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea jew bħala parti minn programmi nazzjonali.

6.  Bħala regola ġenerali, għajnuna finanzjarja Komunitarja għal azzjonijiet appoġġati mill-Fond għandha tingħata għal perjodu ta’ mhux iżjed minn tliet snin, soġġett għal rapporti ta’ progress perjodiċi.

Artikolu 14

Assistenza teknik fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni

1.  Fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni u/jew f’isimha, soġġett għal limitu ta’ EUR 500 000 ta’ l-allokazzjoni annwali tal-Fond, il-Fond jista’ jiffinanzja l-miżuri ta’ tħejjija, monitoraġġ, ta’ appoġġ amministrattiv u tekniku, kif ukoll miżuri ta’ evalwazzjoni, verifika u spezzjoni meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

2.  Dawk il-miżuri għandhom jinkludu:

(a) studji, evalwazzjonijiet, rapporti ta’ l-esperti u statistika, inklużi dawk ta’ natura ġenerali dwar l-operat tal-Fond;

(b) miżuri ta’ informazzjoni għall-Istati Membri l-benefiċjarji finali u l-pubbliku ġenerali, inklużi kampanji li jżidu l-għarfien u database komuni dwar il-proġetti ffinanzjati taħt il-Fond;

(ċ) l-installazzjoni, it-tħaddim u l-interkonnessjoni ta’ sistemi kompjuterizzati għall-ġestjoni, il-monitoraġġ, l-ispezzjoni u l-evalwazzjoni;

(d) it-tfassil ta’ qafas komuni għall-evalwazzjoni u l-monitoraġġ kif ukoll sistema ta’ indikaturi, b’kont meħud, fejn xieraq, ta’ indikaturi nazzjonali;

(e) titjib fil-metodi ta’ valutazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar prattika f’dan il-qasam.

(f) miżuri ta’ informazzjoni u taħriġ għall-awtoritajiet magħżulin mill-Istati Membri skond il-Kapitolu V, komplementari ma’ l-isforzi ta’ l-Istati Membri biex jipprovdu gwida lill-awtoritajiet tagħhom skond l-Artikolu 30(2).

Artikolu 15

Assistenza teknika fuq l-inizjattiva ta’ l-Istati Membri

1.  Fuq l-inizjattiva ta’ Stat Membru, għal kull programm annwali, il-Fond jista’ jiffinanzja miżuri ta’ tħejjija, ġestjoni, monitoraġġ, evalwazzjoni, informazzjoni u kontroll, kif ukoll miżuri għat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-Fond.

2.  L-ammont imwarrab għal assistenza teknika taħt kull programm annwali ma jistax jeċċedi:

a) għall-perjodu mill-2007 sa l-2010, 7 % ta’ l-ammont annwali totali tal-ko-finanzjament allokat lill-Istat Membru, biż-żieda ta’ EUR 30 000; u

b) għall-perjodu mill-2011 sa l-2013, 4 % ta’ l-ammont annwali totali tal-ko-finanzjament allokat lill-Istat Membru, bl-addizzjoni ta’ EUR 30 000.



KAPITOLU IV

PROGRAMMAZZJONI

Artikolu 16

Adozzjoni ta’ linji gwida strateġiċi

1.  Il-Kummissjoni għandha tadotta linji gwida strateġiċi li jistabbilixxu qafas għall-intervent tal-Fond, waqt li jitqies il-progress fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni Komunitarja fil-qasam ta’ l-immigrazzjoni u oqsma oħra relatati ma’ l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, kif ukoll id-distribuzzjoni indikattiva tar-riżorsi finanzjarji tal-Fond għall-perjodu konċernat.

2.  Għal kull wieħed mill-objettivi tal-Fond, dawk il-linji gwida għandhom jagħtu effett b’mod partikolari lill-prijoritajiet tal-Komunità biex jiġu promossi l-Prinċipji Bażiċi Komuni.

3.  Il-Kummissjoni għandha tadotta l-linji gwida strateġiċi relatati mal-perjodu ta’ programmazzjoni pluriennali sal-31 ta’ Mejju 2007.

4.  L-linji gwida strateġiċi għandhom ikunu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 52(2).

Artikolu 17

Tħejjija u approvazzjoni tal-programmi pluriennali nazzjonali

1.  Kull Stat Membru għandu jipproponi abbażi tal-linji gwida strateġiċi msemmijin fl-Artikolu 16, abbozz ta’ programm pluriennali li għandu jikkonsisti mill-elementi li ġejjin:

(a) deskrizzjoni tas-sitwazzjoni preżenti f’dak l-Istat Membru fir-rigward ta’ l-implimentazzjoni ta’ strateġiji ta’ integrazzjoni nazzjonali fid-dawl tal-Prinċipji Bażiċi Komuni u, fejn ikun disponibbli, fir-rigward ta’ l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ programmi nazzjonali ta’ ammissjoni u introduzzjoni;

(b) analiżi tal-ħtiġiet fl-Istat Membru konċernat dwar l-istrateġiji nazzjonali ta’ integrazzjoni u, fejn ikunu disponibbli, programmi ta’ ammissjoni u introduzzjoni, u indikazzjoni ta’ l-objettivi operattivi imfasslin biex jiġu sodisfatti dawn il-ħtiġiet matul il-perjodu kopert mill-programm pluriennali;

(ċ) il-preżentazzjoni ta’ strateġija xierqa biex jinkisbu dawn l-objettivi u l-prijoritajiet marbutin mal-kisba tagħhom, u deskrizzjoni ta’ l-azzjonijiet previsti għall- implimentazzjoni ta’ dawn il-prijoritajiet;

(d) indikazzjoni dwar jekk dik l-istrateġija hix kompatibbli ma’ strumenti reġjonali, nazzjonali u Komunitarji oħrajn;

(e) informazzjoni dwar il-prijoritajiet u l-miri speċifiċi tagħhom. Dawk il-miri għandhom jiġu kwantifikati bl-użu ta’ numru limitat ta’ indikaturi, b’kont meħud tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. L-indikaturi għandhom jippermettu li jitkejjel il-progress imqabbel mas-sitwazzjoni tal-bidu u l-effettività tal-miri li jimplimentaw il-prijoritajiet;

(f) deskrizzjoni ta’ l-approċċ magħżul għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ sħubija stabbilit fl-Artikolu 10;

(g) abbozz ta’ pjan ta’ finanzjament li jistabbilixxi, għal kull prijorità u kull programm annwali, il-kontribuzzjoni finanzjarja proposta tal-Fond u l-ammont globali ta’ ko-finanzjament pubbliku jew privat;

(h) deskrizzjoni tal-miżuri meħuda biex tkun żgurata il-kumplementarjetà ta’ azzjonijiet ma’ dawk iffinanzjati taħt l-ESF;

(i) id-dispożizzjonijiet stabbiliti biex jiġi żgurat li l-programm pluriennali jsir pubbliku.

2.  L-Istati Membri għandhom jissottomettu l-abbozz tal-programm pluriennali tagħhom lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn erba’ xhur wara li l-Kummissjoni tkun ipprovdiet il-linji gwida strateġiċi għall-perjodu konċernat.

3.  Sabiex tapprova l-abbozz tal-programm pluriennali, il-Kummissjoni għandha teżamina

(a) il-konsistenza ta’ l-abbozz tal-programm pluriennali ma’ l-objettivi tal-Fond u l-linji gwida strateġiċi definiti fl-Artikolu 16;

(b) il-rilevanza ta’ l-azzjonijiet previsti fl-abbozz tal-programm pluriennali fid-dawl ta’ l-istrateġija li hija proposta;

(ċ) il-konformità ta’ l-arranġamenti ta’ ġestjoni u kontroll stabbiliti mill-Istat Membru għall-implimentazzjoni ta’ l-interventi tal-Fond mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni;

(d) il-konformità ta’ l-abbozz tal-programm pluriennali mad-dritt Komunitarju u b’mod partikolari mal-liġi Komunitarja li timmira li tiżgura l-moviment liberu ta’ persuni flimkien mal-miżuri ta’ appoġġ li huma relatati direttament fir-rigward tal-kontrolli tal-fruntieri esterni, l-asil u l-immigrazzjoni.

4.  Fejn il-Kummissjoni tqis li abbozz ta’ programm pluriennali ma jkunx konsistenti mal-linji gwida strateġiċi jew ma jkunx skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni li tistabbilixxi s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll jew skond id-dritt Komunitarju, hija għandha titlob lill-Istat Membru biex jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa u, fejn xieraq, jirrevedi l-abbozz tal-programm pluriennali kif meħtieġ.

5.  Il-Kummissjoni għandha tapprova kull programm pluriennali fi żmien tliet xhur mis-sottomissjoni formali tiegħu, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 52(2).

Artikolu 18

Reviżjoni tal-programmi pluriennali

1.  Fuq l-inizjattiva ta’ l-Istat Membru konċernat jew il-Kummissjoni, il-programm pluriennali għandu jiġi eżaminat mill-ġdid u, jekk ikun meħtieġ, rivedut għall-bqija tal-perjodu tal-programmazzjoni sabiex jikkunsidra aktar jew b’mod differenti l-prijoritajiet Komunitarji Programmi pluriennali jistgħu jiġu eżaminati mill-ġdid fid-dawl ta’ evalwazzjonijiet u/jew wara diffikultajiet ta’ implimentazzjoni.

2.  Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni li tapprova r-reviżjoni tal-programm pluriennali malajr kemm jista’ jkun wara s-sottomissjoni formali ta’ talba għal dan mill-Istat Membru konċernat. Ir-reviżjoni tal-programm pluriennali għandha ssir skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 52(2).

Artikolu 19

Programmi annwali

1.  Il-programmi pluriennali approvati mill-Kummissjoni għandhom jiġu implimentati permezz ta’ programmi annwali.

2.  Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istati Membri, sa l-1 ta’ Lulju ta’ kull sena, stima ta’ l-ammonti li għandhom jiġu allokati lilhom għas-sena ta’ wara mit-total ta’ approprijazzjonijiet allokati taħt il-proċedura baġitarja annwali, ikkalkolati kif previst fl-Artikolu 14.

3.  L-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni, sa l-1 ta’ Novembru ta’ kull sena, abbozz ta’ programm annwali għas-sena ta’ wara, stabbilit skond il-programm pluriennali u li jkun jikkonsisti mill-elementi li ġejjin:

(a) ir-regoli ġenerali għall-għażla tal-proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati taħt il-programm annwali;

(b) deskrizzjoni ta’ l-azzjonijiet li għandhom jiġu appoġġati taħt il-programm annwali;

(ċ) it-taqsim finanzjarju propost tal-kontribuzzjoni tal-Fond bejn id-diversi azzjonijiet tal-programm u indikazzjoni ta’ l-ammont mitlub biex ikopri assistenza teknika taħt l-Artikolu 15 għall-fini ta’ l-implimentazzjoni tal-programm annwali.

4.  Meta teżamina l-abbozz tal-programm annwali ta’ Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tieħu kont ta’ l-ammont finali ta’ l-approprjazzjonijiet allokati għall-Fond taħt il-proċedura baġitarja.

Fi żmien xahar mill-preżentazzjoni formali ta’ l-abbozz tal-programm annwali, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat jekk jistax jiġi approvat. Jekk l-abbozz tal-programm annwali ma jkunx konsistenti mal-programm pluriennali, il-Kummissjoni għandha tistieden lil dak l-Istat Membru biex jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa u, fejn xieraq, jirrevedi l-abbozz tal-programm annwali kif meħtieġ.

Il-Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjoni ta’ finanzjament, li tapprova l-programm annwali, sa l-1 ta’ Marzu tas-sena konċernata. Id-deċiżjoni għandha tindika l-ammont allokat lill-Istat Membru kkonċernat u l-perjodu li għalih l-infiq huwa eliġibbli.

Artikolu 20

Reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-programm pluriennali

1.  Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-linji gwida strateġiċi u fejn meħtieġ, tadotta linji gwida strateġiċi riveduti għall-perjodu mill-2011 sa l-2013, sal-31 ta’ Marzu 2010.

2.  Jekk jiġu adottati tali linji gwida strateġiċi riveduti, kull Stat Membru għandu jeżamina l-programm pluriennali tiegħu mill-ġdid u fejn xieraq, jirrevedih.

3.  Ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 17 dwar it-tħejjija u l-approvazzjoni tal-programmi pluriennali nazzjonali għandhom japplikaw mutatis mutandis għat-tħejjija u l-approvazzjoni ta’ dawn il-programmi pluriennali riveduti.

4.  Il-linji gwida strateġiċi riveduti għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 52(2).



KAPITOLU V

SISTEMI TA’ ĠESTJONI U KONTROLL

Artikolu 21

Implimentazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u għandha tadotta tali regoli ta’ implimentazzjoni li jistgħu jkunu meħtieġa.

Artikolu 22

Prinċipji ġenerali tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll

Is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tal-programmi pluriennali stabbiliti mill-Istati Membri għandhom jipprovdu għal:

(a) id-definizzjoni tal-funzjonijiet tal-korpi konċernati fil-ġestjoni u l-kontroll u l-allokazzjoni tal-funzjonijiet fi ħdan kull korp;

(b) ir-rispett tal-prinċipju ta’ separazzjoni tal-funzjonijiet bejn u fi ħdan tali korpi;

(ċ) riżorsi adegwati għal kull korp jew dipartiment biex iwettaq il-funzjonijiet li jkunu ġew allokati lilu matul il-perjodu ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-azzjonijiet kofinanzjati mill-Fond;

(d) proċeduri biex tiġi żgurata l-korrettezza u r-regolarità ta’ l-infiq iddikjarat taħt il-programmi annwali;

(e) sistemi affidabbli ta’ kontabbiltà, sorveljanza u rappurtar finanzjarju f’għamla kompjuterizzata;

(f) sistema ta’ rappurtar u monitoraġġ fejn il-korp responsabbli jafda l-esekuzzjoni tal-kompiti lil korp ieħor;

(g) manwali tal-proċeduri fir-rigward tal-funzjonijiet li għandhom jitwettqu;

(h) arranġamenti għall-verifika tal-funzjonament tas-sistema;

(i) sistemi u proċeduri biex jiġi żgurat rekord adegwat ta’ transazzjonijiet;

(j) proċeduri ta’ rappurtar u monitoraġġ għal irregolaritajiet u għall-irkupru ta’ ammonti mħallsin indebitament.

Artikolu 23

Ħatra ta’ awtoritajiet

1.  Għall-implimentazzjoni tal-programm pluriennali u l-programmi annwali tiegħu l-Istat Membru għandu jaħtar dawn li ġejjin:

(a) awtorità responsabbli: korp funzjonali ta’ l-Istat Membru jew awtorità pubblika nazzjonali jew korp maħtur mill-Istat Membru jew korp irregolat mil-liġi privata ta’ l-Istat Membru u li għandu missjoni ta’ servizz pubbliku, li għandu jkun responsabbli għall-ġestjoni ta’ programm pluriennali u programmi annwali appoġġati mill-Fond u li għandu jittratta l-komunikazzjonijiet kollha mal-Kummissjoni;

(b) awtorità ta’ ċertifika: awtorità jew korp pubbliku nazzjonali, jew individwu li jaġixxi bħala tali korp jew awtorità, maħtur mill-Istat Membru biex jiċċertifika d-dikjarazzjonijiet ta’ l-infiq qabel jintbagħtu lill-Kummissjoni;

(ċ) awtorità ta’ verifika: awtorità jew korp pubbliku nazzjonali, sakemm ikun funzjonalment indipendenti mill- awtorità responsabbli u mill-awtorità ta’ ċertifika, maħtur mill-Istat Membru u responsabbli għall-verifika tat-tħaddim effettiv tas-sistema ta’ ġestjoni u kontroll;

(d) fejn xieraq, awtorità delegata.

2.  L-Istat Membru għandu jistabbilixxi regoli li jirregolaw ir-relazzjonijiet tiegħu ma’ dawk l-awtoritajiet imsemmijin fil-paragrafu 1 u r-relazzjonijiet tagħhom mal-Kummissjoni.

3.  Soġġett għall-Artikolu 22(b), uħud mill-awtoritajiet imsemmijin fil-paragrafu 1 jew kollha kemm huma jistgħu jkunu fi ħdan l-istess korp.

4.  Ir-regoli għall-implimentazzjoni ta’ l-Artikoli 22 sa 28 għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 52(2).

Artikolu 24

Awtorità responsabbli

1.  L-awtorità responsabbli għandha tissodisfa l-kondizzjonijiet minimi li ġejjin. Għandu:

(a) jkollha personalità ġuridika, ħlief fejn ikun korp funzjonali ta’ l-Istat Membru;

(b) ikollha l-infrastruttura meħtieġa għal komunikazzjoni faċli ma’ firxa wiesgħa ta’ utenti u mal-korpi responsabbli fl-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni;

(ċ) taħdem f’kuntest amministrattiv li jippermettilha twettaq il-kompiti tagħha b’mod korrett u li jkun evitat kwalunkwe konflitt ta’ interess;

(d) tkun f’pożizzjoni li tapplika r-regoli ta’ ġestjoni tal-fond tal-Komunità;

(e) ikollha kapaċitajiet finanzjarji u ta’ ġestjoni li jkunu proporzjonati għall-volum tal-fondi Komunitarji li hija tintalab tamministra;

(f) ikollha għad-dispożizzjoni tagħha persunal bi kwalifiki professjonali adatti u ħiliet lingiwistiċi għal xogħol amministrattiv f’ambjent internazzjonali.

2.  L-Istat Membru għandu jipprovdi lill-awtorità responsabbli bil-finanzjament adegwat biex din tkun tista’ tkompli l-kompiti tagħha sew u mingħajr waqfien matul il-perjodu kollu mill-2007 sa l-2013.

3.  Il-Kummissjoni tista’ tassisti lill-Istati Membri fit-taħriġ tal-persunal, b’mod partikolari rigward l-applikazzjoni tajba tal-Kapitoli V sa IX ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 25

Kompiti ta’ l-awtorità responsabbli

1.  L-awtorità responsabbli għandha tkun responsabbli għall-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-programm pluriennali skond il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja soda.

Hija għandha b’mod partikolari:

a) tikkonsulta l-imsieħba skond l-Artikolu 10;

b) tissottometti lill-Kummissjoni l-proposti għall-programmi pluriennali u annwali li għalihom jirreferu l-Artikoli 17 u 19;

(ċ) toħloq mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni ma’ l-awtoritajiet ta’ ġestjoni maħturin mill-Istat Membru għall-finijiet ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-azzjonijiet taħt il-FSE u l-Fond Ewropew għar-Refuġjati;

(d) torganizza u tirreklama sejħiet għal offerti u proposti, kif xieraq;

(e) torganizza l-għażla ta’ proġetti u aġġudikazzjoni għall-ko-finanzjament taħt il-Fond skond il-kriterji mniżżlin fl-Artikolu 13(5);

(f) tirċievi l-ħlasijiet imwettqa mill-Kummissjoni, u tħallas lill-benefiċjarji finali;

(g) tiżgura konsistenza u komplementarjetà bejn il-ko-finanzjament taħt il-Fond u minn strumenti finanzjarji nazzjonali u Komunitarji rilevanti oħra;

(h) timmonitorja l-kunsinna tal-prodotti u s-servizzi ko-finanzjati u tikkontrolla li l-infiq iddikjarat għall-azzjonijiet ikun fil-fatt sar u jkun konformi mar-regoli Komunitarji u nazzjonali;

(i) tiżgura li jkun hemm sistema li tkun tirreġistra u taħżen f’forma kompjuterizzata rekords ta’ kontabilità għal kull azzjoni taħt il-programmi annwali u li tinġabar id-data dwar l-implimentazzjoni meħtieġa għall-ġestjoni, il-monitoraġġ, il-kontroll u l-evalwazzjoni finanzjarja;

(j) tiżgura li l-benefiċjarji finali u l-korpi l-oħra involuti fl-implimentazzjoni ta’ l-azzjonijiet ko-finanzjati mill-Fond iżommu sistema ta’ kontabilità separata jew kodiċi adegwat ta’ kontabilità għat-transazzjonijiet kollha relatati ma’ l-azzjoni, mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali tal-kontabilità;

(k) tiżgura li l-evalwazzjonijiet tal-Fond imsemmijin fl-Artikolu 47 jitwettqu fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 48(2) u jkunu jilħqu l-istandards ta’ kwalità miftiehma bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru;

(l) tistabbilixxi proċeduri biex jiġi żgurat li d-dokumenti kollha dwar infiq u verifiki, meħtieġa biex jiġi żgurat rekord adegwat ta’ transazzjonijiet, jinżammu skond il-ħtiġiet msemmijin fl-Artikolu 41;

(m) tiżgura li l-awtorità ta’ verifika tirċievi, għall-finijiet li jitwettqu l-verifiki definiti fl-Artikolu 28(1), l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar proċeduri ta’ ġestjoni li jintużaw u dwar il-proġetti ko-finanzjati mill-Fond;

(n) tiżgura li l-awtorità ta’ ċertifika tirċievi l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar il-proċeduri u l-verifiki li jkunu twettqu fir-rigward ta’ l-infiq għall-fini ta’ ċertifikazzjoni;

(o) tfassal u tissottometti lill-Kummissjoni rapporti ta’ progress u rapporti finali dwar l-implimentazzjoni tal-programmi annwali, dikjarazzjonijiet dwar l-infiq iċċertifikati mill-awtorità ta’ ċertifika u talbiet għal ħlas jew fejn adatt dikjarazzjonijiet ta’ rimborż;

(p) twettaq attivitajiet ta’ informazzjoni u konsultattivi; u xxerred ir-riżultati ta’ l-azzjonijiet appoġġati;

(q) tikkoopera mal-Kummissjoni u ma’ l-awtoritajiet responsabbli fl-Istati Membri l-oħrajn;

(r) tivverifika l-implimentazzjoni mill-benefiċjarji finali tal-linji gwida msemmija fl-Artikolu 31(6).

2.  L-attivitajiet ta’ ġestjoni ta’ l-awtorità responsabbli għall-proġetti implimentati fl-Istati Membri jistgħu jiġu ffinanzjati taħt l-arranġamenti ta’ assistenza teknika msemmijin fl-Artikolu 15.

Artikolu 26

Delegazzjoni ta’ kompiti mill-awtorità responsabbli

1.  Fejn il-kompiti kollha ta’ l-awtorità responsabbli, jew uħud minnhom, jiġu delegati lil awtorità delegata, l-awtorità responsabbli għandha tiddefinixxi b’mod preċiż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompiti delegati, u tistabbilixxi proċeduri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-kompiti delegati, li għandhom ikunu konformi mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 24.

2.  Dawn il-proċeduri għandhom jinkludu l-forniment ta’ informazzjoni regolari lill-awtorità responsabbli dwar il-prestazzjoni effettiva tal-kompiti delegati u deskrizzjoni tal-mezzi li jkunu ntużaw.

Artikolu 27

Awtorità ta’ ċertifika

1.  L-awtorità ta’ ċertifika għandha:

(a) tiċċertifika li:

(i) id-dikjarazzjoni ta’ l-infiq hija preċiża, tirriżulta minn sistemi affidabbli ta’ kontabilità u hija bbażata fuq dokumenti ta’ appoġġ verifikabbli;

(ii) l-infiq iddikjarat ikun konformi mar-regoli Komunitarji u nazzjonali applikabbli u jkun sar għall-azzjonijiet magħżulin skond il-kriterji applikabbli għall-programm u li jkunu konformi mar-regoli Komunitarji u nazzjonali;

(b) tiżgura għall-finijiet ta’ ċertifikazzjoni li tkun irċeviet informazzjoni adegwata mill-awtorità responsabbli dwar il-proċeduri u l-verifiki mwettqin fir-rigward ta’ l-infiq inkluż fid-dikjarazzjonijiet ta’ l-infiq;

(ċ) tieħu kont tal-finijiet taċ-ċertifikazzjoni tar-riżultati tal-verifiki kollha li jkunu twettqu minn jew taħt ir-responsabbiltà ta’ l-awtorità ta’ verifika;

(d) iżżomm rekords ta’ kontabilità f’forma kompjuterizzata ta’ l-infiq iddikjarat lill-Kummissjoni;

(e) tivverifika l-irkupru ta’ kwalunkwe finanzjament Komunitarju li jinstab li tħallas indebitament bħala riżultat ta’ irregolaritajiet li jiġu identifikati, flimkien ma’ l-imgħax fejn ikun il-każ;

(f) filwaqt li żżomm kont ta’ l-ammonti rekuperabbli u ammonti rkuprati taħt il-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea l-ammonti rkuprati, fejn huwa possibbli billi dawn jitnaqqsu mid-dikjarazzjoni ta’ l-infiq li jmiss.

2.  L-attivitajiet ta’ l-awtorità ta’ ċertifika relatati mal-proġetti implimentati fl-Istati Membri jistgħu jiġu ffinanzjati taħt l-arranġamenti ta’ l-assistenza teknika msemmija fl-Artikolu 15, dment li l-prerogattivi ta’ din l-awtorità, kif deskritt fl-Artikolu 23, jiġu rispettati.

Artikolu 28

Awtorità ta’ verifika

1.  L-awtorità ta’ verifika għandha:

(a) tiżgura li l-verifiki jitwettqu biex jiġi vverifikat il-funzjonament effettiv tas-sistema ta’ ġestjoni u kontroll;

(b) tiżgura li jsiru l-verifiki ta’ l-azzjonijiet abbażi ta’ kampjun xieraq biex tivverifika l-infiq iddikjarat; il-kampjun għandu jirrappreżenta mill-inqas 10 % ta’ l-infiq eliġibbli kollu għal kull programm annwali;

(ċ) tippreżenta lill-Kummissjoni, fi żmien sitt xhur mill-approvazzjoni tal-programm pluriennali, strateġija ta’ verifika li tkopri l-korpi li se jwettqu l-verifiki msemmijin taħt is-subparagrafi a) u b), biex jiġi żgurat li l-benefiċjarji ewlenin tal-ko-finanzjament mill-Fond jiġu vverifikati u li l-verifiki jkunu mifruxin b’mod bilanċjat matul il-perjodu kollu tal-programmazzjoni.

2.  Fejn l-awtorità ta’ verifika maħtura taħt din id-deċiżjoni tkun ukoll l-awtorità ta’ verifika maħtura taħt id-Deċiżjonijiet Nru 573/2007/KE, Nru 574/2007/KE u Nru 575/2007/KE, jew fejn sistemi komuni jkunu japplikaw għal tnejn minn dawn il-Fondi jew aktar, tista’ tiġi sottomessa strateġija waħda ta’ verifika kombinata taħt il-paragrafu 1(ċ).

3.  Għal kull programm annwali, l-awtorità ta’ verifika għandha tabbozza rapport li għandu jinkludi:

(a) rapport ta’ verifika annwali li jistabbilixxi r-riżultati tal-verifiki mwettqin skond l-istrateġija ta’ verifika fir-rigward tal-programm annwali u li jirrapporta kwalunkwe nuqqas li jkun instab fis-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tal-programm;

(b) opinjoni, abbażi tal-kontrolli u l-verifiki li jkunu twettqu taħt ir-responsabbiltà ta’ l-awtorità ta’ verifika, dwar jekk il-funzjonament tas-sistema ta’ ġestjoni u kontroll ikunx jipprovdi assigurazzjoni raġonevoli li d-dikjarazzjonijiet ta’ l-infiq ippreżentati lill-Kummissjoni huma korretti u li t-transazzjonijiet sottostanti huma legali u regolari;

(ċ) dikjarazzjoni li tivvaluta l-validità tat-talba għal ħlas jew id-dikjarazzjoni ta’ rimborż tal-bilanċ finali u l-legalità u r-regolarità ta’ l- infiq konċernat.

4.  L-awtorità ta’ verifika għandha tiżgura li l-ħidma ta’ verifika tieħu kont ta’ l-istandards ta’ verifika aċċettati internazzjonalment.

5.  Il-verifika relatata mal-proġetti implimentati fl-Istati Membri tista’ tiġi ffinanzjata taħt l-arranġamenti ta’ assistenza teknika msemmijin fl-Artikolu 15, sakemm il-prerogattivi ta’ din l-awtorità tal-verifika kif deskritt fl-Artikolu 23 jiġu rispettati.



KAPITOLU VI

RESPONSABBILTAJIET U KONTROLLI

Artikolu 29

Responsabbiltajiet ta’ l-Istati Membri

1.  L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli biex jiżguraw ġestjoni finanzjarja soda tal-programmi pluriennali u annwali kif ukoll il-legalità u r-regolarità tat-transazzjonijiet sottostanti.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet responsabbli u kwalunkwe awtorità delegata, l-awtoritajiet ta’ ċertifika, l-awtoritajiet ta’ verifika u kwalunkwe korp ieħor konċernat jirċievu gwida adegwata dwar l-istabbiliment tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll msemmijin fl-Artikoli 22 sa 28 biex jiġi żgurat li l-finanzjament Komunitarju jintuża b’mod effiċjenti u korrett.

3.  L-Istati Membri għandhom jimpedixxu, jidentifikaw u jikkoreġu irregolaritajiet. Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawn, u jżommu lill-Kummissjoni informata dwar il-progress li jkun sar fil-proċedimenti amministrattivi u legali.

Meta ammonti mħallsa indebitament lill-benefiċjarju finali ma jkunux jistgħu jiġu rkuprati, l-Istat Membru kkonċernat għandu jkun responsabbli biex jirrimborża l-ammonti mitlufin lill-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea meta jiġi stabbilit li t-telf ikun iġġarrab minħabba nuqqas jew negliġenza tiegħu.

4.  L-Istati Membri għandhom ikunu primarjament responsabbli għall-kontroll finanzjarju ta’ l-azzjonijiet u għandhom jiżguraw li s-sistemi u l-verifiki ta’ ġestjoni u kontroll jiġu implimentati b’tali mod li jiggarantixxi li l-fondi Komunitarji jintużaw sew u b’mod effettiv. Dawn għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’deskrizzjoni dwar dawn is-sistemi.

5.  Ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 sa 4 għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 52(2).

Artikolu 30

Sistemi ta’ ġestjoni u kontroll

1.  Qabel l-approvazzjoni mill-Kummissjoni tal-programm pluriennali, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 52(2), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll ikunu ġew stabbiliti skond l-Artikoli 22 sa 28. Huma għandhom ikunu responsabbli biex jiżguraw li s-sistemi jaħdmu b’mod effettiv matul il-perjodu kollu tal-programmazzjoni.

2.  Flimkien ma’ l-abbozz tal-programm pluriennali tagħhom, l-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni deskrizzjoni ta’ l-organizzazzjoni u l-proċeduri ta’ l-awtoritajiet responsabbli, l-awtoritajiet delegati u l-awtoritajiet ta’ ċertifika, u s-sistemi ta’ verifika interni li jkunu qed jitħaddmu f’dawk l-awtoritajiet u korpi, fl-awtorità ta’ verifika, u fi kwalunkwe korp ieħor li jwettaq il-verifiki taħt ir-responsabbiltà tagħha.

3.  Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fil-kuntest tat-tħejjija tar-rapport għall-perjodu mill-2007 sa l-2013, imniżżel fl-Artikolu 48(3).

Artikolu 31

Responsabbiltajiet tal-Kummissjoni

1.  Il-Kummissjoni għandha taċċerta skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 30 li l-Istati Membri jkunu stabbilixxew sistemi ta’ ġestjoni u kontroll li jkunu konformi ma’ l-Artikoli 22 sa 28, u abbażi tar-rapporti ta’ verifiki annwali u l-verifiki tagħha stess li s-sistemi jaħdmu b’mod effettiv matul il-perjodu tal-programmazzjoni.

2.  Mingħajr preġudizzju għall-verifiki li jitwettqu mill-Istati Membri, l-uffiċjali tal-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti awtorizzati tal-Kummissjoni jistgħu jagħmlu kontrolli fuq il-post biex jivverifikaw il-funzjonament effettiv tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll, li jistgħu jinkludu verifiki fuq azzjonijiet inklużi fil-programmi annwali, b’notifika ta’ mill-inqas tliet ijiem ta’ xogħol. L-uffiċjali u r-rappreżentanti awtorizzati ta’ l-Istat Membru konċernat jistgħu jieħdu sehem f’tali verifiki.

3.  Il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru jwettaq kontroll fuq il-post biex jivverifika l-funzjonament korrett tas-sistemi jew il-korrettezza ta’ transazzjoni waħda jew aktar. Uffiċjali tal-Kummissjoni jew rappreżentanti awtorizzati tal-Kummissjoni jistgħu jieħdu sehem f’tali kontrolli.

4.  Il-Kummissjoni, flimkien ma’ l-Istati Membri, għandha tiżgura li l-azzjonijiet appoġġati mill-Fond jingħataw informazzjoni, pubbliċità u segwitu xierqa.

5.  Il-Kummissjoni, flimkien ma’ l-Istati Membri, għandha tiżgura li l-azzjonijiet ikunu konsistenti ma’, u komplementari għal, linji ta’ politika, strumenti u inizjattivi Komunitarji rilevanti oħrajn.

6.  Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi linji gwida biex tiżgura l-viżibbiltà tal-finanzjament mogħti taħt din id-Deċiżjoni.

Artikolu 32

Kooperazzjoni ma’ l-awtoritajiet tal-verifika ta’ l-Istati Membri

1.  Il-Kummissjoni għandha tikkoopera ma’ l-awtoritajiet ta’ verifika biex tikkoordina l-pjanijiet u l-metodi ta’ verifika rispettivi tagħhom u għandha minnufih tiskambja r-riżultati tal-verifiki mwettqin fuq is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll sabiex isir l-aħjar użu possibbli tar-riżorsi ta’ kontroll u biex jiġi evitat xogħol dupplikat mhux ġustifikat.

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi l-kummenti tagħha dwar l-istrateġija ta’ verifika ppreżentata taħt l-Artikolu 28 sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara li tkun irċevietha.

2.  Meta tiddetermina l-istrateġija ta’ verifika tagħha, il-Kummissjoni għandha tidentifika dawk il-programmi annwali li hija tikkunsidra sodisfaċenti abbażi ta’ l-għarfien eżistenti tagħha tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll.

Għal dawk il-programmi, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li hija tista’ tafda prinċipalment fl-evidenza ta’ verifika pprovduta mill-Istati Membri u li hija ser twettaq il-kontrolli tagħha fuq il-post biss jekk ikun hemm evidenza li tissuġġerixxi nuqqasijiet fis-sistemi.



KAPITOLU VII

ĠESTJONI FINANZJARJA

Artikolu 33

Eliġibbiltà – dikjarazzjonijiet ta’ l-infiq

1.  Id-dikjarazzjonijiet kollha ta’ l-infiq għandhom jinkludu l-ammont ta’ l-infiq li jkun sar mill-benefiċjarji finali biex jimplimentaw l-azzjonijiet u l-kontribuzzjoni li tikkorrespondi mill-fondi pubbliċi jew privati.

2.  L-infiq għandu jkun jikkorrespondi għall-ħlasijiet li jkunu saru mill-benefiċjarji finali. Dan għandu jkun ġustifikat b’fatturi mmarkati bħala mħallsa jew b’dokumenti ta’ kontabilità ta’ valur ekwivalenti.

3.  L-infiq jista’ jiġi kkunsidrat bħala eliġibbli għal appoġġ mill-Fond biss jekk ikun effettivament imħallas mhux qabel l-1 ta’ Jannar tas-sena msemmija fid-deċiżjoni ta’ finanzjament, li tapprova l-programm annwali imsemmi fit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 19(4). L-azzjonijiet ko-finanzjati ma jridux ikunu tlestew qabel id-data tal-bidu għall-eliġibbiltà.

B’eċċezzjoni, il-perjodu li għalih l-infiq hu eliġibbli għandu jkun iffissat għal tliet snin għall-infiq li jimplimenta l-azzjonijiet appoġġati taħt il-programmi annwali ta’ l-2007.

4.  Ir-regoli li jirregolaw l-eliġibbiltà ta’ l-infiq fil-qafas ta’ l-azzjonijiet implimentati ko-finanzjati mill-Fond fl-Istati Membri taħt l-Artikolu 4 għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 52(2).

Artikolu 34

Kompletezza ta’ ħlas lil benefiċjarji finali

L-Istati Membri għandhom jaċċertaw li l-awtorità responsabbli tiżgura li l-benefiċjarji finali jirċievu l-ammont totali tal-kontribuzzjoni mill-fondi pubbliċi malajr kemm jista’ jkun. L-ebda ammont m’għandu jitnaqqas jew jinżamm, lanqas m’għandha titħallas xi imposta speċifika ulterjuri jew imposta oħra b’effett ekwivalenti li tnaqqas dawn l-ammonti għall-benefiċjarji finali, sakemm il-benefiċjarji finali jissodisfaw il-ħtiġiet kollha rigward l-eleġibbiltà ta’ l-azzjonijiet u l-ispejjeż.

Artikolu 35

L-użu ta’ l-euro

1.  L-ammonti mniżżlin fl-abbozz tal-programmi pluriennali u annwali ta’ l-Istati Membri msemmijin fl-Artikoli 17 sa 19 rispettivament, id-dikjarazzjonijiet iċċertifikati ta’ l-infiq, it-talbiet għal ħlas imsemmijin fl-Artikolu 25(1)(o) u l-infiq imsemmi fir-rapporti ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tal-programm annwali msemmi fl-Artikolu 37(4) u r-rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-programm annwali msemmi fl-Artikolu 49 għandhom jidhru f’euro.

2.  Id-deċiżjonijiet ta’ finanzjament tal-Kummissjoni, li japprovaw il-programmi annwali ta’ l-Istati Membri msemmijin fit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 19(4), l-impenji tal-Kummissjoni u l-ħlasijiet tal-Kummissjoni għandhom jidhru u jitwettqu f’euro.

3.  L-Istati Membri li m’adottawx l-euro bħala l-munita tagħhom fid-data tat-talba għal ħlas għandhom jikkonvertu f’euro l-ammonti ta’ l-infiq li jsir fil-munita nazzjonali. Dan l-ammont għandu jiġi konvertit f’euro bl-użu tar-rata tal-kambju tal-kontabbiltà mensili tal-Kummissjoni fix-xahar li matulu l-infiq ikun iddaħħal fil-kontijiet ta’ l-awtorità responsabbli tal-programm konċernat. Din ir-rata għandha tiġi ppubblikata elettronikament kull xahar mill-Kummissjoni.

4.  Meta l-euro ssir il-munita ta’ Stat Membru, il-proċedura ta’ konverżjoni mniżżla fil-paragrafu 3 għandha tkompli tapplika għall-infiq kollu reġistrat fil-kontijiet mill-awtorità ta’ ċertifika qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tar-rata fissa ta’ konverżjoni bejn il-munita nazzjonali u l-euro.

Artikolu 36

Impenji

L-impenji baġitarji tal-Komunità għandhom isiru b’mod annwali abbażi tad-deċiżjoni ta’ finanzjament tal-Kummissjoni, li tapprova l-programm annwali msemmi fit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 19(4).

Artikolu 37

Ħlasijiet – Pre-finanzjament

1.  Ħlasijiet mill-Kummissjoni tal-kontribuzzjoni mill-Fond għandhom isiru skond l-impenji tal-baġit.

2.  Il-ħlasijiet għandhom ikunu forma ta’ pre-finanzjament u ta’ ħlas tal-bilanċ. Huma għandhom isiru lill-awtorità responsabbli maħtura mill-Istat Membru.

3.  L-ewwel ħlas ta’ pre-finanzjament li jirrappreżenta 50 % ta’ l-ammont allokat fid-deċiżjoni ta’ finanzjament li tapprova l-programm annwali għandu jsir lill-Istat Membru fi żmien sittin jum wara l-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni.

4.  It-tieni ħlas ta’ pre-finanzjament għandu jsir sa mhux iżjed tard minn tliet xhur wara li l-Kummissjoni tkun approvat, fi żmien xahrejn mis-sottomissjoni formali ta’ talba għal ħlas minn Stat Membru, rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tal-programm annwali u dikjarazzjoni ċċertifikata ta’ l-infiq imfassla skond l-Artikolu 27(1)(a) u l-Artikolu 33 li jammonta għal mill-inqas 60 % ta’ l-ammont tal-ħlas inizjali.

L-ammont tat-tieni ħlas ta’ pre-finanzjament imwettaq mill-Kummissjoni m’għandux jeċċedi l-50 % ta’ l-ammont totali allokat mid-deċiżjoni ta’ finanzjament, li tapprova l-programm annwali u, fi kwalunkwe każ, fejn Stat Membru impenja nazzjonalment ammont inqas mill-ammont indikat fid-deċiżjoni ta’ finanzjament, li tapprova l-programm annwali, il-bilanċ ta’ l-ammont tal-fondi Komunitarji li jkun ġie fil-fatt impenjat mill-Istat Membru għall-proġetti magħżulin taħt il-programm annwali bit-tnaqqis ta’ l-ewwel ħlas ta’ pre-finanzjament.

5.  Kwalunkwe imgħax iġġenerat mill-ħlasijiet ta’ pre-finanzjament għandu jiġi assenjat lill-programm konċernat, u kkunsidrat bħala riżors għall-Istat Membru bħala kontribuzzjoni pubblika nazzjonali u għandu jiġi ddikjarat lill-Kummissjoni fiż-żmien tad-dikjarazzjoni ta’ l-infiq relatata mar-rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-programm annwali konċernat.

6.  L-ammonti mħallsin bħala pre-finanzjament għandhom jitħallsu mill-kontijiet meta l-programm annwali jintemm.

Artikolu 38

Ħlasijiet tal-bilanċ

1.  Il-Kummissjoni għandha tħallas il-bilanċ sakemm hija tkun irċeviet id-dokumenti li ġejjin sa mhux iżjed tard minn disa’ xhur wara t-terminu perentorju ta’ l-eleġibbiltà għall-infiq stabbilit fid-deċiżjoni ta’ finanzjament, li tapprova l-programm annwali:

(a) dikjarazzjoni ċċertifikata ta’ l-infiq imfassla skond l-Artikoli 27(1) punti (a) u l-Artikolu 33 u talba għall-ħlas tal-bilanċ jew dikjarazzjoni ta’ rimborż;

(b) ir-rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-programm annwali, kif imniżżel fl-Artikolu 49;

(ċ) ir-rapport ta’ verifika annwali, l-opinjoni u d-dikjarazzjoni previsti fl-Artikolu 28(3).

Il-ħlas tal-bilanċ għandu jkun soġġett għall-aċċettazzjoni tar-rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-programm annwali u d-dikjarazzjoni li tivvaluta l-validità tat-talba għall-ħlas tal-bilanċ.

2.  Jekk l-awtorità responsabbli tonqos milli tipprovdi d-dokumenti meħtieġa fil-paragrafu 1 sad-data ta’ l-għeluq u f’forma aċċettabbli, il-Kummissjoni għandha tħassar kwalunkwe parti mill-impenn tal-baġit tal-programm annwali korrispondenti li ma tkunx intużat għall-ħlas tal-pre-finanzjament.

3.  Il-proċedura ta’ kanċellazzjoni awtomatika definita fil-paragrafu 2 għandha tiġi sospiża, għall-ammont tal-proġetti konċernati, fejn proċedimenti legali jew appell amminstrattiv li jkollu effetti ta’ sospensjoni jkunu għadhom għaddejjin fil-livell ta’ Stat Membru meta d-dokumenti definiti fil-paragrafu 1 jiġu ppreżentati. L-Istat Membru, fir-rapport finali parzjali li jkun ġie sottomess, għandu jagħti informazzjoni dettaljata dwar tali proġetti, u jibgħat rapporti dwar progress li jkun sar fir-rigward ta’ dawn il-proġetti kull sitt xhur. Fi żmien tliet xhur mill-konklużjoni tal-proċedimenti legali jew il-proċedura ta’ appell amministrattiv, l-Istat Membru għandu jippreżenta d-dokumenti meħtieġa fil-paragrafu 1 għall-proġetti konċernati.

4.  Il-perjodu ta’ disa’ xhur msemmi fil-paragrafu 1 għandu jieqaf milli jiddekorri jekk il-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni li tkun tissospendi l-pagamenti tal-ko-finanzjament għall-programm annwali rilevanti skond l-Artikolu 40. Il-perjodu għandu jibda għal darb’oħra mid-data meta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 40(3) tkun ġiet notifikata lill-Istat Membru.

5.  Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 39, fi żmien sitt xhur mir-riċeviment tad-dokumenti msemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istat Membru dwar l-ammont ta’ l-infiq rikonoxxut mill-Kummissjoni bħala li għandu jinġarr mill-Fond, u dwar kwalunkwe korrezzjoni finanzjarja li tkun ġejja mid-differenza bejn l-infiq iddikjarat u l-infiq rikonoxxut. L-Istat Membru għandu jingħata tliet xhur biex jippreżenta l-kummenti tiegħu.

6.  Fi żmien tliet xhur mir-riċeviment tal-kummenti ta’ l-Istat Membru, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-ammont ta’ l-infiq rikonoxxut bħala li għandu jinġarr mill-Fond, u tirkupra l-bilanċ li jkun ġej mid-differenza bejn l-infiq finali rikonoxxut u s-somom li jkunu diġà tħallsu lil dak l-Istat Membru.

7.  Soġġett għall-fondi disponibbli, il-Kummissjoni għandha tħallas il-bilanċ f’mhux iktar minn sittin jum mid-data li fiha din taċċetta d-dokumenti msemmijin fil-paragrafu 1. Il-bilanċ ta’ l-impenn baġitarju għandu jkun diżimpenjat sitt xhur wara li jkun sar il-ħlas.

Artikolu 39

Żamma tal-ħlas

1.  It-terminu perentorju għall-ħlas għandu jiġi interrott mill-uffiċjal ta’ awtorizzazzjoni b’delega fis-sens tar-Regolament Finanzjarju għal perjodu massimu ta’ sitt xhur jekk:

(a) f’rapport ta’ korp ta’ verifika nazzjonali jew Komunitarju jkun hemm provi li jissuġġerixxu defiċjenza sinifikattiva fil-funzjonament tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll;

(b) dak l-uffiċjal ikollu jwettaq verifiki addizzjonali wara li jkun notifikat b’informazzjoni li turieh li l-infiq f’dikjarazzjoni ċertifikata ta’ l-infiq hija marbuta ma’ irregolarità serja li ma ġietx ikkoreġuta.

2.  L-Istat Membru u l-awtorità responsabbli għandhom jiġu informati minnufih dwar ir-raġunijiet għaż-żamma tal-pagament. il-ħlas għandu jinżamm sakemm il-miżuri neċessarji jittieħdu mill-Istat Membru.

Artikolu 40

Sospensjoni tal-ħlas

1.  Il-ħlasijiet kollha tal-pre-finanzjament u tal-bilanċ, jew parti minnhom, jistgħu jiġu sospiżi mill-Kummissjoni meta:

(a) jkun hemm nuqqas serju fis-sistema ta’ ġestjoni u kontroll tal-programm li jaffettwa l-affidabbiltà tal-proċedura għaċ-ċertifikazzjoni tal-ħlasijiet u li għalih ma jkunux ittieħdu miżuri korrettivi; jew

(b) l-infiq f’dikjarazzjoni ċċertifikata ta’ l-infiq ikun marbut ma’ irregolarità serja li ma tkunx ġiet ikkoreġuta; jew

(ċ) Stat Membru ma jkunx ikkonforma ma’ l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 29 u 30.

2.  Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tissospendi l-ħlasijiet tal-pre-finanzjament u tal-bilanċ wara li tkun tat l-opportunità lill-Istat Membru biex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu f’perjodu ta’ tliet xhur.

3.  Il-Kummissjoni għandha ttemm is-sospensjoni tal-ħlasijiet tal-pre-finanzjament u tal-bilanċ meta din tqis li l-Istat Membru jkun ħa l-miżuri meħtieġa kollha biex is-sospensjoni tkun tista’ titneħħa.

4.  Fejn l-Istat Membru ma jiħux il-miżuri neċessarji, il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni biex tikkanċella l-kontribuzzjoni Komunitarja kollha jew parti minnha għall-programm annwali, skond l-Artikolu 44.

Artikolu 41

Konservazzjoni tad-dokumenti

Mingħajr preġudizzju għar-regoli li jirregolaw l-għajnuna ta’ l-Istat taħt l-Artikolu 87 tat-Trattat, l-awtorità responsabbli għandha tiżgura li d-dokumenti ta’ appoġġ kollha rigward l-infiq u l-verifiki tal-programmi konċernati jinżammu disponibbli għall-Kummissjoni u l-Qorti ta’ l-Awdituri għal perjodu ta’ ħames snin wara l-għeluq tal-programmi skond l-Artikolu 38(1).

Dan il-perjodu għandu jiġi interrott fil-każ ta’ proċedimenti legali jew fuq talba debitament motivata tal-Kummissjoni.

Id-dokumenti għandhom jinżammu fil-forma oriġinali tagħhom jew f’verżjonijiet iċċertifikati bħala konformi ma’ l-oriġinali f’mezzi ta’ żamma ta’ data ġeneralment aċċettati.



KAPITOLU VIII

KORREZZJONIJIET FINANZJARJI

Artikolu 42

Korrezzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri

1.  L-Istati Membri għandhom fl-ewwel istanza jkunu responsabbli għall-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, billi jaġixxu fuq l-evidenza ta’ kwalunkwe bidla maġġuri li taffettwa n-natura jew il-kondizzjonijiet għall-implimentazzjoni jew il-kontroll ta’ programmi u jagħmlu l-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa.

2.  L-Istat Membru għandu jagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa f’konnessjoni ma’ irregolaritajiet individwali jew sistematiċi identifikati fl-azzjonijiet jew fil-programmi annwali.

Korrezzjonijiet mwettqa mill-Istat Membru għandhom jikkonsistu fil-kanċellazzjoni, u jekk applikabbli, l-irkupru tal-kontribuzzjoni Komunitarja kollha jew ta’ parti minnha. Fejn l-ammont ma jiġix imħallas fiż-żmien permess mill-Istat Membru rilevanti, għandu jkunu dovut imgħax minħabba nuqqas ta’ ħlas bir-rata prevista fl-Artikolu 45(2). L-Istat Membru għandu jieħu kont tan-natura u l-gravità ta’ l-irregolaritajiet u t-telf finanzjarju għall-Fond.

3.  Fil-każ ta’ irregolaritajiet sistemiċi l-Istat Membru relevanti għandu jestendi l-inkjesti tiegħu biex ikopru l-operazzjonijiet li jistgħu jiġu affettwati.

4.  L-Istati Membri għandhom jinkludu fir-rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-programm annwali msemmi fl-Artikolu 49 lista ta’ proċedimenti ta’ kanċellazzjoni mibdija għall-programm annwali konċernat.

Artikolu 43

Verifika ta’ kontijiet u korrezzjonijiet finanzjarji mill-Kummissjoni

1.  Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Qorti ta’ l-Awdituri jew il-kontrolli mwettqin mill-Istati Membri skond liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali, uffiċjali tal-Kummissjoni jew rappreżentanti awtorizzati tal-Kummissjoni jistgħu jwettqu kontrolli fuq il-post, inklużi kontrolli ta’ kampjuni, dwar l-operazzjonijiet iffinanzjati mill-Fond u dwar is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll b’notifika ta’ mill-inqas tliet ijiem ta’ xogħol. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri konċernati bil-ħsieb li tikseb l-assistenza kollha meħtieġa. L-uffiċjali jew ir-rappreżentanti awtorizzati ta’ l-Istat Membru konċernat jistgħu jieħdu sehem f’tali kontrolli.

Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istat Membru konċernat iwettaq kontrolli fuq il-post biex jivverifika l-korrettezza ta’ waħda jew iżjed mit-transazzjonijiet. L-uffiċjali tal-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti awtorizzati tal-Kummissjoni jistgħu jieħdu sehem f’tali kontrolli.

2.  Jekk, wara li jkunu tlestew il-verifiki meħtieġa, il-Kummissjoni tikkonkludi li Stat Membru ma jkunx konformi ma’ l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 29, hija għandha tissospendi l-ħlas tal-pre-finanzjament jew tal-bilanċ skond l-Artikolu 40.

Artikolu 44

Kriterji għall-korrezzjonijiet

1.  Il-Kummissjoni tista’ tagħmel korrezzjonijiet finanzjarji billi tikkanċella l-kontribuzzjoni Komunitarja kollha jew parti minnha għal programm annwali fejn, wara li jitwettaq l-eżami meħtieġ, hija tikkonkludi li:

(a) hemm nuqqas serju fis-sistema ta’ ġestjoni u kontroll tal-programm li poġġa f’riskju l-kontribuzzjoni Komunitarja li tkun diġà tħallset lill-programm;

(b) l-infiq imsemmi f’dikjarazzjoni ċċertifikata ta’ l-infiq ikun irregolari u ma jkunx ġie ikkoreġut mill-Istat Membru qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ korrezzjoni taħt dan il-paragrafu;

(ċ) Stat Membru ma jkunx ikkonforma ma’ l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 29 qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ korrezzjoni taħt dan il-paragrafu.

Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni wara li tkun ħadet kont ta’ kwalunkwe kumment imwettaq mill-Istat Membru.

2.  Il-Kummissjoni għandha tibbaża l-korrezzjonijiet finanzjarji tagħha fuq każijiet individwali ta’ irregolaritajiet identifikati, filwaqt li tieħu kont tan-natura sistemika ta’ l-irregolarità biex jiġi determinat jekk għandhiex tiġi applikata korrezzjoni b’rata fissa jew korrezzjoni estrapolata. Fejn il-każ ta’ irregolarità jkun relatat ma’ dikjarazzjoni ta’ l-infiq li għaliha tkun ingħatat assigurazzjoni raġonevoli preċedentement mill-awtorità tal-verifika skond l-Artikolu 28(3)(b), jiġi preżunt li hemm problema sistemika li twassal għall-applikazzjoni ta’ korrezzjoni ta’ rata fissa jew estrapolata, sakemm l-Istat Membru ma jġibx prova fi żmien tliet xhur li tirribatti din il-preżunzjoni.

3.  Meta tiddeċiedi l-ammont ta’ korrezzjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu kont ta’ l-importanza ta’ l-irregolarità u l-limitu u l-implikazzjonijiet finanzjarji tan-nuqqasijiet li jkunu nstabu fil-programm annwali konċernat.

4.  Fejn il-Kummissjoni tibbaża l-pożizzjoni tagħha fuq il-fatti stabbiliti mill-awdituri għajr dawk tas-servizzi tagħha stess, hija għandha tiġbed il-konklużjonijiet tagħha dwar il-konsegwenzi finanzjarji, wara li tkun eżaminat il-miżuri meħuda mill-Istat Membru konċernat taħt l-Artikolu 30, ir-rapporti ta’ irregolaritajiet notifikati u kwalunkwe tweġiba mill-Istat Membru.

Artikolu 45

Ħlas lura

1.  Kwalunkwe ħlas lura li għandu jsir lill-baġit ġenerali talta’ l-Unjoni Ewropea għandu jsir qabel id-data ta’ skadenza indikata fl-ordni għall-irkupru li tkun tfasslet skond l-Artikolu 72 tar-Regolament Finanzjarju. Din id-data ta’ l-għeluq għandha tkun l-aħħar jum tat-tieni xahar wara l-ħruġ ta’ l-ordni.

2.  Kwalunkwe dewmien tal-ħlas lura għandu jwassal għal imgħax ta’ ħlas tard, li jibdew fid-data ta’ l-għeluq u jintemmu fid-data ta’ meta fil-fatt isir il-ħlas. Ir-rata ta’ tali imgħax għandha tkun dik applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, kif ippubblikata fis-serje C tal-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, li tkun fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tax-xahar li fih taqa’ d-data ta’ l-għeluq, biż-żieda ta’ tliet punti perċentwali u nofs.

Artikolu 46

Obbligi ta’ l-Istati Membri

Korrezzjoni finanzjarja mill-Kummissjoni m’għandhiex tippreġudika l-obbligu ta’ Stat Membru biex jissokta bl-irkupri taħt l-Artikolu 42.



KAPITOLU IX

MONITORAĠĠ, EVALWAZZJONI U RAPPORTI

Artikolu 47

Monitoraġġ u evalwazzjoni

1.  Il-Kummissjoni għandha twettaq monitoraġġ regolari tal-Fond f’kooperazzjoni ma’ l-Istati Membri.

2.  Il-Fond għandu jiġi evalwat mill-Kummissjoni fi sħubija ma’ l-Istati Membri biex jiġu vvalutati r-rilevanza, l-effettività u l-impatt ta’ l-azzjonijiet fid-dawl ta’ l-objettiv ġenerali msemmi fl-Artikolu 2 fil-kuntest tat-tħejjija għar-rapporti mniżżla fl-Artikolu 48(3).

3.  Il-Kummissjoni għandha tqis ukoll il-komplementarjetà bejn l-azzjonijiet implimentati taħt il-Fond u dawk issuktati taħt linji politiċi, strumenti u inizjattivi rilevanti oħra tal-Komunità.

Artikolu 48

Obbligi ta’ rappurtar

1.  F’kull Stat Membru, l-awtorità responsabbli għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-proġetti.

Għal dak il-għan, il-ftehim u l-kuntratti li din tikkonkludi ma’ l-organizzazzjonijiet responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ l-azzjonijiet għandhom jinkludu klawsoli li jistabbilixxu obbligu biex jiġu sottomessi rapporti regolari u dettaljati dwar l-istat ta’ progress ta’ l-implimentazzjoni u l-kompletezza ta’ l-objettivi assenjati li għandhom ikunu, rispettivament, il-bażi tar-rapporti ta’ progress u r-rapporti finali dwar l-implimentazzjoni tal-programm annwali.

2.  L-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni:

(a) sat-30 ta’ Ġunju 2010, rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ l-azzjonijiet ko-finanzjati mill-Fond;

(b) sat-30 ta’ Ġunju 2012 għall-perjodu mill-2007 sa l-2010 u t-30 ta’ Ġunju 2015 għall-perjodu mill-2011 sa l-2013 rispettivament, rapport ta’ evalwazzjoni dwar ir-riżultati u l-impatt ta’ azzjonijiet ko-finanzjati mill-Fond;

3.  Il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni:

(a) sat-30 ta’ Ġunju 2009, rapport dwar u reviżjoni ta’ l-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 14 għat-taqsim annwali bejn l-Istati Membri, flimkien mal-proposti dwar l-emendi jekk ikun meħtieġ;.

(b) sat-31 ta’ Diċembru 2010, rapport intermedju dwar ir-riżultati miksuba u dwar l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi ta’ l-implimentazzjoni tal-Fond, flimkien ma’ proposta dwar l-iżvilupp ġejjieni tal-Fond;

(ċ) sat-31 ta’ Diċembru 2012 għall-perjodu mill-2007 sa l-2010 u l-31 ta’ Diċembru 2015 għall-perjodu mill-2011 sa l-2013 rispettivament, rapport ta’ evalwazzjoni ex post.

Artikolu 49

Rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-programm annwali

1.  Ir-rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-programm annwali għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja sabiex jagħti stampa ċara ta’ l-implimentazzjoni tal-programm:

(a) l-implimentazzjoni finanzjarja u operattiva tal-programm annwali;

(b) il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-programm pluriennali u l-prijoritajiet tiegħu fir-rigward tal-miri speċifiċi u verifikabbli tiegħu, bi kwantifikazzjoni, kulfejn u kulmeta dawn iwasslu għal kwantifikazzjoni, ta’ l-indikaturi;

(ċ) il-passi meħudin mill-awtorità responsabbli biex tiżgura l-kwalità u l-effettività ta’ l-implimentazzjoni, b’mod partikolari:

(i) miżuri ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni, li jinkludu arranġamenti għall-ġbir ta’ data;

(ii) taqsira dwar kwalunkwe problema sinifikattiva li tkun inqalet fl-implimentazzjoni tal-programm operattiv u kwalunkwe miżura li tkun ittieħdet;

(iii) l-użu magħmul mill-assistenza teknika.

(d) il-miżuri meħudin biex tingħata informazzjoni dwar u ssir pubbliċità dwar il-programmi annwali u pluriennali.

2.  Ir-rapport għandu jiġi ġġudikat bħala aċċettabbli meta hu jkun fih l-informazzjoni kollha elenkata fil-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar il-kontenut tar-rapport sottomess mill-awtorità responsabbli fi żmien xahrejn minn meta tirċievi l-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 1, li għandha tiġi mgħarrfa lill-Istati Membri. Jekk il-Kummissjoni ma tirrispondix fit-terminu ta’ żmien stabbilit, ir-rapport għandu jitqies li ġie aċċettat.



KAPITOLU X

DISPOŻIZZJONIJIET TRANSITORJI

Artikolu 50

It-tħejjija għall-programm pluriennali

1.  B’deroga mill-Artikolu 17, l-Istati Membri għandhom:

(a) mill-aktar fis possibbli wara d-29 ta’ Ġunju 2007 iżda mhux aktar tard mill-14 ta’ Lulju 2007, jaħtru l-awtorità nazzjonali responsabbli msemmija fl-Artikolu 24(1)(a), kif ukoll, fejn xieraq, l-awtorità delegata;

(b) sa l-1 ta’ Mejju 2007, jissottomettu d-deskrizzjoni tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll imsemmijin fl-Artikolu 31(2).

2.  Sal-31 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istati Membri bi:

(a) stima ta’ l-ammonti allokati lilhom għas-sena finanzjarja 2007;

(b) stimi ta’ l-ammonti li għandhom jiġu allokati lilhom għas-snin finanzjarji mill-2008 sa l-2013, abbażi ta’ estrapolazzjoni tal-kalkolu għall-istima għas-sena finanzjarja 2007, b’kunsiderazzjoni ta’ l-approprjazzjonijiet annwali proposti għas-snin mill-2007 sa l-2013 kif imniżżlin fil-Qafas Finanzjarju.

Artikolu 51

It-tħejjija għall-programmi annwali 2007 u 2008

1.  B’deroga mill-Artikolu 19, l-iskeda ta’ żmien li ġejja għandha tapplika għall-implimentazzjoni fis-sena finanzjarja 2007:

(a) sal-31 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istati Membri stima ta’ l-ammonti allokati lilhom għas-sena finanzjarja 2007;

(b) sa l-1 ta’ Diċembru 2007, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw l-abbozz tal-programmi annwali għall-2007 lill-Kummissjoni;

(ċ) sa l-1 ta’ Mejju 2008, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw l-abbozz tal-programm annwali għall-2008 lill-Kummissjoni.

2.  Fir-rigward tal-programm annwali għall-2007, l-infiq li fil-fatt isir bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u d-data li fiha d-deċiżjoni ta’ finanzjament, li tapprova l-programm annwali ta’ l-Istat Membru kkonċernat tkun adottata, jista’ jikkwalifika għal appoġġ mill-Fond.

3.  Sabiex tippermetti l-adozzjoni fl-2008 ta’ deċiżjonijiet finanzjarji, li japprovaw il-programm annwali għall-2007, il-Kummissjoni għandha tfassal l-impenn baġitarju Komunitarju għall-2007 abbażi ta’ l-istima ta’ l-ammont li għandu jiġi allokat lill-Istati Membri, ikkalkulat kif previst fl-Artikolu 12.



KAPITOLU XI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 52

Il-Kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat komuni “Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni”, stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 574/KE (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-“Kumitat”).

2.  Fejn qed issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Artikolu 53

Reviżjoni

Il-Kunsill għandu jirrevedi din id-Deċiżjoni abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2013.

Artikolu 54

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta l-Unjoni Ewropea.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2007.

Artikolu 55

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lill-Istati Membri bi qbil mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.



( 1 ) Opinjoni ta’ l-14 ta’ Frar 2006 (ĠU C 88, 11.4.2006, p. 15).

( 2 ) Opinjoni tas-16 ta’ Novembru 2005 (ĠU C 115, 16.5.2006, p. 47).

( 3 ) Opinjoni ta’ l-14 ta’ Novembru 2006 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

( 4 ) ĠU L 16, 23.1.2004, p. 44.

( 5 ) ĠU L 144, 6.6.2007, p. 1.

( 6 ) ĠU L 144, 6.6.2007, p. 22.

( 7 ) ĠU L 144, 6.6.2007, p. 45.

( 8 ) ĠU L 248,16.9.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1995/2006 (ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1).

( 9 ) ĠU L 304, 30.9.2004, p. 12.

( 10 ) ĠU L 375, 23.12.2004, p. 12.

( 11 ) ĠU L 289, 3.11.2005, p. 15.

( 12 ) ĠU L 167, 27.6.2008, p. 69.

( 13 ) ĠU L 53, 23.2.2002, p. 1.

( 14 ) ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.