2006R1084 — MT — 01.07.2013 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

REGOLAMENT (KE) NRU 1084/2006 TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Lulju 2006

li jistabbilixxi Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1164/94

(ĠU L 210, 31.7.2006, p.79)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date


Emendat bi:

►A1

  L 112

10

24.4.2012




▼B

REGOLAMENT (KE) NRU 1084/2006 TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Lulju 2006

li jistabbilixxi Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1164/94



IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 161(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew ( 1 ),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ( 2 ),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni ( 3 ),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni ( 4 ) jistabbilixxi qafas ġdid għall-azzjoni tal-Fondi Strutturali u tal-Fond ta' Koeżjoni. Huwa jistabbilixxi, b'mod partikolari, l-objettivi, il-prinċipji u r-regoli dwar is-sħubija, il-programmazzjoni, il-valutazzjoni u l-ġestjoni. Għalhekk huwa meħtieġ li tiġi speċifikata l-missjoni tal-Fond ta' Koeżjoni fir-rigward tal-qafas ġdid għall-azzjoni tiegħu u fir-rigward ta' l-għan mogħti lilu fit-Trattat u li jiġi mħassar, għal raġunijiet ta' ċarezza, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94 tas-16 ta' Mejju 1994 li jistabbilixxi l-Fond ta' Koeżjoni ( 5 ).

(2)

Il-proġetti tar-retikolati tat-trasport trans-Ewropew finanzjati mill-Fond ta' Koeżjoni għandhom jikkonformaw mal-linji gwida għal retikolati tat-trasport trans-Ewropej adottati mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew. Sabiex jiġu konċentrati l-isforzi, għandha tingħata prijorità lill-proġetti ta' interess Ewropew kif definiti fid-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 1996 dwar linji gwida tal-Komunità għall-iżvilupp tan-network tat-trasport trans-Ewropew ( 6 ).

(3)

Il-Komunità tista', permezz tal-Fond ta' Koeżjoni, tikkontribwixxi għal azzjoni sabiex jintlaħqu l-objettivi ambjentali Komunitarji kif speċifikati fl-Artikoli 6 u 174 tat-Trattat.

(4)

Ir-Regolament (KE)) Nru 1083/2006jipprovdi li l-eliġibbiltà tan-nefqa għandha tkun stabbilita fil-livell nazzjonali, b'ċerti eċċezzjonijiet li għalihom ikun meħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi. Għandhom għalhekk jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi għall-eċċezzjonijiet relatati mal-Fond ta' Koeżjoni.

(5)

Għandhom ikomplu japplikaw dispożizzjonijiet ta' kondizzjonalità fl-għoti ta' għajnuna finanzjarja tkompli tapplika b'mod konġunt mat-twettiq tal-kondizzjonijiet ta' konverġenza ekonomika kif stabbiliti fl-Artikolu 99 tat-Trattat u tal-ħtieġa ta' finanzi governattivi sodi. F'dan ir-rigward, l-Istati Membri li adottaw l-euro għandhom jimplementaw programmi ta' stabbiltà u l-Istati Membri li m'adottawx l-euro għandhom jimplementaw programmi ta' konverġenza, kif definiti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġitu s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika ( 7 ), li jwassal sabiex jiġu evitati d-defiċit governattivi eċċessivi msemmija fl-Artikolu 104 tat-Trattat. Madankollu, id-dispożizzjonijiet ta' kondizzjonalità m'għandhomx japplikaw għall-impenji diġà magħmula fiż-żmien tas-sospensjoni,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:



Artikolu 1

It-twaqqif u l-għan tal-Fond ta' Koeżjoni

1.  Huwa b'dan stabbilit Fond ta' Koeżjoni (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-Fond) bil-għan li tiġi msaħħa l-koeżjoni ekonomika u soċjali tal-Komunità fl-interessi tal-promozzjoni ta' l-iżvilupp sostenibbli.

2.  Il-Fond għandu jkun regolat mir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 u minn dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-ambitu ta' l-għajnuna

1.  L-għajnuna mill-Fond għandha tingħata lil azzjonijiet fl-oqsma li ġejjin waqt li tiżgura bilanċ adegwat u skond il-ħtiġijiet ta' investiment u ta' infrastruttura speċifiċi għal kull Stat Membru li jirċievi l-għajnuna:

(a) ir-retikolati tat-trasport trans-Ewropej, b'mod partikolari proġetti prijoritarji ta' interess Ewropew kif identifikati mid-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE.

(b) l-ambjent, fil-limiti tal-prijoritajiet assenjati lill-politika ta' protezzjoni ambjentali Komunitarja taħt il-programm ta' politika u ta' azzjoni dwar l-ambjent. F'dan il-kuntest, il-Fond jista' jintervjeni wkoll f'oqsma relatati ma' l-iżvilupp sostenibbli li b'mod ċar joffru benefiċċji ambjentali, jiġifieri effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija u enerġija rinnovabbli u, fis-settur tat-trasport barra r-retikolati trans-Ewropej, trasport bil-ferrovija, fuq xmajjar, bil-baħar, sistemi ta' trasport intermodali u l-interoperabbiltà tagħhom, il-ġestjoni tat-traffiku fuq it-triq, bil-baħar u bl-ajru, trasport urban nadif u trasport pubbliku.

2.  Għandu jkun hemm qbil abbażi ta' sħubija bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar il-bilanċ adegwat ta' l-għajnuna.

Artikolu 3

Eliġibbiltà tan-nefqa

L-infiq li ġej ma għandux ikun eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-Fond ta' Koeżjoni:

(a) mgħax fuq id-dejn;

(b) ix-xiri ta' art għal ammont li jeċċedi l-10 % tan-nefqa totali eliġibbli għall-operazzjoni konċernata;

(ċ) djar;

(d) id-diżattivazzjoni ta' impjanti ta' l-enerġija nukleari; u

(e) it-taxxa fuq il-valur miżjud li tkun rekuperabbli.

Artikolu 4

Kondizzjonijiet li japplikaw għal aċċess għal għajnuna mill-Fond

1.  L-għajnuna mill-Fond għandha tkun kondizzjonata mir-regoli li ġejjin:

(a) jekk il-Kunsill ikun iddeċieda skond l-Artikolu 104(6) tat-Trattat li jeżisti defiċit governattiv eċċessiv fi Stat Membru benefiċjarju, u

(b) jkun stabbilixxa skond l-Artikolu 104(8) tat-Trattat li l-Istat Membru konċernat ma ħax azzjoni effettiva b'risposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill magħmula taħt l-Artikolu 104(7) tat-Trattat,

il-Kunsill jista' jiddeċiedi li jissospendi t-totalità ta' l-impenji mill-Fond jew parti minnhom għall-Istat Membru konċernat b'effett mill-1 ta' Jannar tas-sena ta' wara d-deċiżjoni ta' sospensjoni.

2.  Jekk il-Kunsill jistabbilixxi li l-Istat Membru konċernat ħa l-azzjoni korrettiva meħtieġa, huwa għandu jiddeċiedi, mingħajr dewmien, li jneħħi s-sospensjoni ta' l-impenji konċernati. Fl-istess waqt, il-Kunsill għandu jiddeċiedi, fuq proposta mill-Kummissjoni, li l-impenn sospiż jerġa' jiddaħħal fil-baġit skond il-proċedura stabbilita fil-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u amministrazzjoni finanzjarja tajba ( 8 ).

3.  Il-Kunsill għandu jieħu d-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni.

Artikolu 5

Dispożizzjonijiet transizzjonali

1.  Dan ir-Regolament ma għandu jinċidi la fuq it-tkomplija u lanqas fuq il-modifika, inkluża l-kanċellazzjoni totali jew parzjali, ta' proġett jew ta' forom oħrajn ta' għajnuna approvati mill-Kummissjoni abbażi tar-Regolament KE Nru 1164/94, li sussegwentement għandu japplika għal dik l-għajnuna jew għall-proġetti konċernati sa l-għeluq tagħhom.

2.  L-applikazzjonijiet għal proġetti kbar fis-sens ta' l-Artikoli 39, 40 u 41 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 magħmula lill-Kummissjoni taħt ir-Regolament (KE) Nru 1164/94 għandhom jibqgħu validi sakemm tali applikazzjonijiet jiġu supplimentati, fejn meħtieġ, sabiex jiġu konformi mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament u ma' l-Artikoli msemmija hawn fuq tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 fi żmien mhux aktar minn xahrejn mill-1 ta' Jannar 2007.

▼A1

Artikolu 5a

Dispożizzjonijiet speċifiċi wara l-adeżjoni tal-Kroazja

1.  Miżuri li, fid-data tal-adeżjoni tal-Kroazja, kienu s-suġġett ta' deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar assistenza skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1267/1999 tal-21 ta' Ġunju 1999 li jistabbilixxi kull strument għal Politika Strutturali għal Qabel l-Adeżjoni ( 9 ) u li l-implimentazzjoni tagħhom ma tlestietx sa dik id-data għandhom ikunu kkunsidrati bħala approvati mill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament.

Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2 sa 5, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet approvati skont dan ir-Regolament u r-Regolament (KE) Nru 1083/2006 għandhom japplikaw għall-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

2.  Kwalunkwe proċedura tal-akkwist li tirrigwarda miżuri msemmija fil-paragrafu 1 li, fid-data tal-adeżjoni, diġà kienu s-suġġett ta' sejħa għall-offerti pubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi implimentata f'konformità mar-regoli stabbiliti f'dik is-sejħa għall-offerti. L-Artikolu 165 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej ( 10 ) m’għandux japplika.

Kwalunkwe proċedura tal-akkwist li tirrigwarda miżura msemmija fil-paragrafu 1 li, fid-data tal-adeżjoni, kienet għadha ma saritx is-suġġett ta' sejħa għall-offerti pubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi implimentata f'konformità mat-Trattati jew mal-atti adottati skont it-Trattati kif ukoll mal-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

3.  Pagamenti magħmula mill-Kummissjoni taħt miżura msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitqiesu bħala kontribuzzjoni mill-Fond skont dan ir-Regolament.

Pagamenti magħmula mill-Kummissjoni taħt miżura msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu assenjati lill-impenn miftuħ l-iżjed kmieni magħmul l-ewwelnett skont ir-Regolament (KE) Nru 1267/1999, u mbagħad skont dan ir-Regolament u r-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

Il-kondizzjonijiet għal pagamenti interim jew għall-bilanċ finali huma dawk kif stabbiliti fil-paragrafu 2 (b) sa (d) u l-paragrafi 3 sa 5 tal-Artikolu D fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1164/94.

4.  Għall-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, ir-regoli li jirregolaw l-eliġibbiltà tan-nefqa skont ir-Regolament (KE) Nru 1267/1999 jew speċifikament stabbiliti fil-ftehimiet ta' finanzjament rilevanti għandhom jibqgħu applikabbli, ħlief f'każijiet debitament ġustifikati li dwarhom għandha tittieħed deċiżjoni mill-Kummissjoni fuq talba tal-Kroazja.

5.  Jekk ikunu meħtieġa xi miżuri biex jiffaċilitaw it-transizzjoni tal-Kroazja mir-reġim ta' qabel l-adeżjoni għal dak li jirriżulta mill-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri meħtieġa.

▼B

Artikolu 6

Taħsir

1.  Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 105(1) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 u ta' l-Artikolu 5 ta' dan ir-Regolament, ir-Regolament (KE) Nru 1164/94 huwa b'dan imħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2007.

2.  Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Reviżjoni

Il-Kunsill għandu jirrivedi dan ir-Regolament sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2013 skond l-Artikolu 161 tat-Trattat.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) Kunsens ta' l-4 ta’ Lulju 2006 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

( 2 ) ĠU C 255, 14.10.2005, p. 88.

( 3 ) ĠU C 231, 20.9.2005, p. 35.

( 4 ) Ara paġna 25 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

( 5 ) ĠU L 130, 25.5.1994, p. 1, Regolament kif emendat l-aħħar bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003.

( 6 ) ĠU L 228, 9.9.1996, p. 1. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni Nru 884/2004/KE (ĠU L 167, 30.04.2004, p. 1).

( 7 ) ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1055/2005 (ĠU L 174, 7.7.2005, p. 1).

( 8 ) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

( 9 ) ĠU L 161, 26.6.1999, p. 73.

( 10 ) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.