02006R1082 — MT — 22.06.2014 — 001.004


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (KE) NRU 1082/2006 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-5 ta' Lulju 2006

dwar raggruppament Ewropew ta' koperazzjoni territorjali (REKT)

(ĠU L 210 31.7.2006, p. 19)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) Nru 1302/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-17 ta’ Diċembru 2013

  L 347

303

20.12.2013


Ikkoreġut bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 330, 3.12.2016, p.  5 (1302/2013)




▼B

REGOLAMENT (KE) NRU 1082/2006 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-5 ta' Lulju 2006

dwar raggruppament Ewropew ta' koperazzjoni territorjali (REKT)



Artikolu 1

In-natura ta' REKT

▼M1

1.  
Raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (“REKT”), jista jiġi stabbilit fuq territorju tal-Unjoni bil-kondizzjonijiet u soġġett għall-arranġamenti previsti minn dan ir-Regolament.
2.  
L-għan ta' REKT għandu jkun li jiffaċilita u jippromwovi, b’mod partikolari, kooperazzjoni territorjali, inkluża waħda jew aktar mil-linji ta' kooperazzjoni transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali, bejn il-membri tiegħu kif stipulat fl-Artikolu 3(1), bil-għan li tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.

▼B

3.  
REKT għandu jkollu personalità ġuridika.
4.  
F'kull wieħed mill-Istati Membri REKT għandu jkollu l-kapaċità ġuridika l-aktar estensiva mogħtija lil persuni ġuridiċi fil-liġi nazzjonali ta' dak l-Istat Membru. Huwa jista', b'mod partikolari, jakkwista jew jiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u jimpjega persunal u jista' jkun parti fi proċedimenti legali.

▼M1

5.  
L-uffiċċju reġistrat ta' REKT għandu jkun fi Stat Membru li taħt il-liġi tiegħu mill-inqas wieħed mill-membri tar-REKT huwa stabbilit.

▼B

Artikolu 2

Liġi applikabbli

▼M1

1.  

L-atti tal-entitajiet ta' REKT għandhom jiġu regolati kif ġej:

(a) 

dan ir-Regolament;

(b) 

il-konvenzjoni msemmija fl-Artikolu 8, fejn hija espressament awtorizzata taħt dan ir-Regolament li tagħmel dan; u,

(c) 

fil-każ ta' kwistjonijiet li mhumiex, jew huma biss parzjalment, irregolati taħt dan ir-Regolament, id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru fejn ir-REKT ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu.

Fejn ikun meħtieġ li tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi internazzjonali privata, REKT għandu jitqies bħala entità tal-Istat Membru fejn ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu.

▼M1

1.  
L-attivitajiet ta' REKT li jirrelataw mat-twettiq ta' kompiti, imsemmija fl-Artikolu 7(2) u (3), fl-Unjoni għandhom ikunu rregolati bil-liġi applikabbli tal-Unjoni u dik nazzjonali kif speċifikat bil-konvenzjoni msemmija fl-Artikolu 8.

L-attivitajiet ta' REKT li huma kofinanzjati mill-baġit tal-Unjoni għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-liġi applikabbli tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali relatati mal-applikazzjoni ta' dik il-liġi tal-Unjoni.

▼B

2.  
Fejn Stat Membru jkun fih diversi entitajiet territorjali li jkollhom applikabbli r-regoli tal-liġi tagħhom stess, ir-referenza għal-liġi applikabbli taħt il-paragrafu 1(ċ) għandha tinkludi l-liġi ta' dawk l-entitajiet, b'kont meħud ta' l-istruttura kostituzzjonali ta' l-Istat Membru konċernat.

Artikolu 3

Il-kompożizzjoni ta' REKT

▼M1

1.  

L-entitajiet li ġejjin jistgħu jsiru membri ta’ REKT:

(a) 

L-Istati Membri jew l-awtoritajiet fuq livell nazzjonali;

(b) 

l-awtoritajiet reġjonali;

(c) 

l-awtoritajiet lokali;

(d) 

l-impriżi pubbliċi fi ħdan it-tifsira tal-punt (b) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ) jew korpi rregolati mil-liġi pubblika skont it-tifsira tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 );

(e) 

impriżi fdati bl-operazzjonijiet ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali f’konformità mal-liġi u tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali applikabbli;

▼C1

(f) 

l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali, jew korpi jew impriżi, ekwivalenti għal dawk imsemmijin taħt il-punti (d) u (e), minn pajjiżi terzi, soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3a.

▼B

Jistgħu jkunu membri wkoll assoċjazzjonijiet li jikkonsistu minn korpi li jappartjenu lil waħda jew aktar minn dawn il-kategoriji.

▼M1

2.  
REKT għandu jkun magħmul minn membri li jinsabu f'territorju ta’ mill-inqas żewġ Stati Membri, ħlief kif previst fl-Artikolu 3a(2) u (5).

▼M1

Artikolu 3a

L-adeżjoni ta' membri minn pajjiżi terzi jew pajjiżi jew territorji extra-Ewropej (OCTs)

1.  
F'konformità mal-Artikolu 4(3a), REKT jista' jkun magħmul minn membri li jinsabu fit-territorju ta’ mill-inqas żewġ Stati Membri u pajjiż terz wieħed jew iktar li jkunu ġirien ta' mill-inqas wieħed minn dawk l-Istati Membri, inklużi r-reġjuni l-aktar imbiegħda tiegħu, fejn dawk l-Istati Membri u pajjiżi terzi jwettqu b'mod konġunt azzjonijiet ta’ kooperazzjoni territorjali jew jimplimentaw programmi appoġġati mill-Unjoni.

Għall-finjiet ta’ dan ir-Regolament, pajjiż terz jew OCT għandu jitqies li jkun ġar ta’ Stat Membru, inklużi r-reġjuni l-aktar imbiegħda tiegħu, meta l-pajjiż terz jew l-OCT u dak l-Istat Membru jkollhom fruntiera komuni tal-art jew meta sew il-pajjiż terz jew l-OCT u sew Stat Membru jkunu eliġibbli taħt programm marittimu konġunt transkonfinali jew transnazzjonali taħt il-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea jew huma eliġibbli taħt programm ta’ kooperazzjoni transkonfinali, transmarin jew ta’ baċir tal-baħar ieħor, inkluż fejn ikunu mifruda b’ibħra internazzjonali.

2.  
REKT jista' jkun magħmul minn membri li jkunu jinsabu f'territorju ta' Stat Membru wieħed biss u ta' pajjiż terz wieħed jew aktar li jkunu ġirien ta' dak l-Istat Membru, inklużi r-reġjuni l-aktar imbiegħda tiegħu, meta l-Istat Membru kkonċernat jqis li tali REKT ikun konsistenti mal-ambitu tal-kooperazzjoni territorjali tiegħu fil-kuntest tal-kooperazzjoni transkonfinali jew transnazzjonali jew ir-relazzjonijiet bilaterali mal-pajjiżi terzi kkonċernati.
3.  
Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2, il-pajjiżi terzi ġirien ta' Stat Membru inklużi r-reġjuni l-aktar imbiegħda tiegħu jinkludu l-fruntieri marittimi bejn il-pajjiżi kkonċernati.
4.  
F'konformità mal-Artikolu 4a u soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, REKT jista' jkun magħmul ukoll minn membri li jkunu jinsabu fit-territorju ta' mill-inqas żewġ Stati Membri, inklużi r-reġjuni l-aktar imbiegħda tagħhom, u ta' OCT wieħed jew aktar, b'membri minn pajjiż terz wieħed jew aktar jew mingħajrhom.
5.  
F'konformità mal-Artikolu 4a u soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, REKT jista' jkun magħmul ukoll minn membri li jkunu jinsabu fit-territorju ta' Stat Membru wieħed biss, inklużi r-reġjuni l-aktar imbiegħda tiegħu, u ta' OCT wieħed jew aktar, b'membri minn pajjiż terz wieħed jew aktar, jew mingħajrhom.
6.  
REKT m’għandux jiġi stabbilit biss bejn membri minn Stat Membru u OCT wieħed jew aktar marbutin ma' dak l-istess Stat Membru.

▼B

Artikolu 4

L-istabbiliment ta' REKT

1.  
Id-deċiżjoni li jiġi stabbilit REKT għandha tittieħed fuq l-inizjattiva tal-membri prospettivi tiegħu.
2.  

Kull membru prospettiv għandu:

(a) 

jinnotifika lill-Istat Membru li taħt il-liġi tiegħu huwa jkun ġie ffurmat dwar l-intenzjoni tiegħu li jipparteċipa f'REKT; u

(b) 

jibgħat lil dak l-Istat Membru kopja tal-konvenzjoni u l-istatuti proposti msemmija fl-Artikoli 8 u 9.

▼M1

3.  

Wara notifika taħt il-paragrafu 2 minn membru prospettiv, l-Istat Membru li jkun irċieva dik in-notifika għandu, filwaqt li jqis l-istruttura kostituzzjonali tiegħu, japprova l-parteċipazzjoni tal-membru prospettiv fir-REKT u l-konvenzjoni, sakemm dak l-Istat Membru ma jikkonsidrax li:

(a) 

tali parteċipazzjoni jew il-konvenzjoni mhijiex konformi ma' xi wieħed milli ġejjin:

(i) 

dan ir-Regolament;

(ii) 

liġi oħra tal-Unjoni li tikkonċerna l-atti u l-attivitajiet tar-REKT;

(iii) 

il-liġi nazzjonali li tirrigwarda s-setgħat u l-kompetenzi tal-membru prospettiv;

(b) 

tali parteċipazzjoni mhijiex ġustifikata għal raġunijiet ta’ interess pubbliku jew politika pubblika ta’ dak l-Istat Membru; jew

(c) 

l-istatuti ma jkunux konsistenti mal-konvenzjoni.

Fl-eventwalità ta’ nonapprovazzjoni, l-Istat Membru għandu jiddikjara r-raġunijiet tiegħu għan-nuqqas ta' approvazzjoni u għandu, meta jkun xieraq, jissuġġerixxi l-emendi meħtieġa għall-konvenzjoni.

L-Istat Membru għandu jasal għad-deċiżjoni tiegħu, rigward l-approvazzjoni, f'perijodu ta' sitt xhur mid-data ta' meta tkun waslet in-notifika skont il-paragrafu 2. Jekk l-Istat Membru li jkun irċieva n-notifika, ma jqajjimx oġġezzjoni f'dak il-perjodu stabbilit, il-parteċipazzjoni tal-membru prospettiv u l-konvenzjoni għandha jitqiesu li jkunu ġew approvati. Madankollu, l-Istat Membru fejn ir-REKT għandu jkollu l-uffiċċju rreġistrat propost għandu japprova l-konvenzjoni formalment biex ir-REKT ikun jista' jiġi stabbilit.

Kwalunkwe talba għal informazzjoni addizzjonali mill-Istat Membru lil membru prospettiv għandha tinterrompi l-iskadenza msemmija fit-tielet subparagrafu. Il-perjodu tal-interruzzjoni għandu jibda mill-jum wara d-data li fiha l-Istat Membru jkun bagħat l-osservazzjonijiet tiegħu lill-membru prospettiv u għandu jibqa' għaddej sa meta l-membru prospettiv ikun wieġeb għall-osservazzjonijiet.

Madankollu, interruzzjoni tal-iskadenza msemmija fit-tielet subparagrafu m’għandhiex isseħħ jekk il-membru prospettiv iressaq tweġiba għall-osservazzjonijiet tal-Istat Membru fi żmien għaxart ijiem minn meta jkun beda l-perjodu tal-interruzzjoni.

Fid-deċiżjoni dwar il-parteċipazzjoni f'REKT tal-membru prospettiv, l-Istati Membri jistgħu japplikaw ir-regoli nazzjonali.

▼M1

3a.  

Fil-każ ta’ REKT b'membri prospettivi minn pajjiż terz wieħed jew iktar l-Istat Membru fejn ir-REKT għandu jkollu l-uffiċċju reġistrat propost tiegħu fih, f'konsultazzjoni mal-Istati Membri l-oħrajn ikkonċernati, jaċċerta ruħu li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3a jkunu ssodisfati u li kull pajjiż terz ikun approva l-parteċipazzjoni tal-membru prospettiv f'konformità ma':

(a) 

kundizzjonijiet u proċeduri ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'dan ir-Regolament; jew

(b) 

ftehim konkluż bejn mill-inqas Stat Membru wieħed li taħt il-liġi tiegħu huwa stabbilit membru prospettiv u dak il-pajjiż terz.

▼B

4.  
L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtoritajiet kompetenti li jirċievu n-notifiki u d-dokumenti kif stabbilit fil-paragrafu 2.

▼M1

5.  
Il-membri għandhom jaqblu fuq il-konvenzjoni msemmija fl-Artikolu 8 filwaqt li jiżguraw konsistenza mal-approvazzjoni skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.
6.  
Kwalunkwe emenda għall-konvenzjoni jew għall-istatuti għandhom jiġu nnotifikati mir-REKT lill-Istati Membri li taħt il-liġi tagħhom l-membri tar-REKT huma stabbiliti. Kwalunkwe emenda għall-konvenzjoni, b'eċċezzjoni esklużivament fl-eventwalità tal-adeżjoni ta' membru ġdid taħt il-punt (a) tal-paragrafu 6a, għandha tiġi approvata minn dawk l-Istati Membri skont il-proċedura stipulata f'dan l-Artikolu.

▼M1

6a.  

Id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw fl-eventwalità tal-adeżjoni ta' membri ġodda għal REKT eżistenti:

(a) 

fl-eventwalità ta’ adeżjoni ta' membru ġdid minn Stat Membru li jkun diġà approva l-konvenzjoni, tali adeżjoni għandha tiġi approvata biss mill-Istat Membru, li l-membru l-ġdid ikun ġie stabbilit skont il-liġijiet tiegħu, f'konformità mal-proċedura stipulata fil-paragrafu 3 u nnotifikata lill-Istat Membru fejn ir-REKT ikollu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu;

(b) 

fl-eventwalità tal-adeżjoni ta' membru ġdid minn Stat Membru li ma jkunx għadu approva l-konvenzjoni, għandha tapplika l-proċedura stipulata fil-paragrafu 6;

(c) 

fl-eventwalità tal-adeżjoni ta' membru ġdid minn pajjiż terz għal REKT eżistenti, tali adeżjoni għandha tkun soġġetta għal analiżi mill-Istat Membru fejn ir-REKT ikollu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu f'konformità mal-proċedura stipulata fil-paragrafu 3a.

Artikolu 4a

Parteċipazzjoni ta' membri minn OCT

Fil-każ ta' REKT b'membru prospettiv minn OCT, l-Istat Membru li miegħu jkun marbut OCT għandu jaċċerta ruħu li l-kondizzjonijiet tal-Artikolu 3a jkunu ssodisfati u, filwaqt li jikkunsidra r-relazzjoni tiegħu mal-OCT, jew:

(a) 

japprova l-parteċipazzjoni tal-membru prospettiv f'konformità mal-Artikolu 4(3); jew

(b) 

jikkonferma bil-miktub lill-Istat Membru fejn ir-REKT għandu jkollu l-uffiċċju rreġistrat propost li l-awtoritajiet kompetenti fl-OCT jkunu approvaw il-parteċipazzjoni tal-membru prospettiv f'konformità mal-kondizzjonijiet u l-proċeduri ekwivalenti għal dawk stipulati f'dan ir-Regolament.

▼M1

Artikolu 5

Kisba ta' personalità ġuridika u pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali

1.  
Il-konvenzjoni u l-istatuti u kwalunkwe emenda sussegwenti għalihom għandhom jiġu reġistrati jew jiġu ppubblikati, jew it-tnejn, fl-Istat Membru fejn ir-REKT ikkonċernat ikollu l-uffiċċju rreġistrat fih, skont il-liġi nazzjonali applikabbli ta' dak l-Istat Membru. Ir-REKT għandu jikseb personalità ġuridika fid-data tar-reġistrazzjoni jew tal-pubblikazzjoni tal-konvenzjoni u tal-istatuti, skont liema sseħħ l-ewwel. Il-membri għandhom jinfurmaw lill-Istati Membri kkonċernati u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-reġistrazzjoni jew il-pubblikazzjoni tal-konvenzjoni u tal-istatuti.
2.  
Ir-REKT għandu jiżgura li, fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol mir-reġistrazzjoni jew mill-pubblikazzjoni tal-konvenzjoni u tal-istatuti, tintbagħat talba lill-Kumitat tar-Reġjuni skont il-mudell stabbilit fl-Anness għal dan ir-Regolament. Il-Kumitat tar-Reġjuni għandu mbagħad jitrasferixxi dik it-talba lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, għall-pubblikazzjoni ta' avviż fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li jħabbar it-twaqqif ta' REKT, flimkien mad-dettalji mniżżla fl-Anness għal dan ir-Regolament.

▼B

Artikolu 6

Il-kontroll ta' l-amministrazzjoni ta' fondi pubbliċi

1.  
Il-kontroll ta' l-amministrazzjoni ta' fondi pubbliċi minn REKT għandu jkun organizzat mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru fejn ir-REKT ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu. L-Istat Membru fejn ir-REKT ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu għandu jinnomina l-awtorità kompetenti għal dan il-kompitu qabel ma jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-parteċipazzjoni fir-REKT taħt l-Artikolu 4.
2.  
Fejn ikun meħtieġ taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' l-Istati Membri konċernati oħrajn, l-awtoritajiet ta' l-Istat Membru fejn REKT ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu għandhom jagħmlu arranġamenti sabiex l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri konċernati oħrajn iwettqu kontrolli fit-territorju tagħhom fir-rigward ta' dawk l-atti tar-REKT li jitwettqu f'dawk l-Istati Membri u jiskambjaw l-informazzjoni xierqa kollha.
3.  
Il-kontrolli kollha għandhom jitwettqu skond standards ta' verifika aċċettati internazzjonalment.

▼M1

4.  
Minkejja l-paragrafi 1, 2 u 3 ta' dan l-Artikolu, fejn il-kompiti ta' REKT kif imsemmija taħt l-Artikolu 7(3) jkopru azzjonijiet li huma kkofinanzjati mill-Unjoni, għandha tapplika l-leġiżlazzjoni rilevanti li tikkonċerna l-kontroll ta' fondi pprovduti mill-Unjoni.

▼B

5.  
L-Istat Membru fejn REKT ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu għandu jinforma lill-Istati Membri konċernati oħrajn dwar kwalunkwe diffikultà li jkun iltaqa' magħha waqt il-kontrolli.

Artikolu 7

Kompiti

1.  
REKT għandu jwettaq il-kompiti mogħtija lilu mill-membri tiegħu skond dan ir-Regolament. Il-kompiti tiegħu għandhom ikunu definiti mill-konvenzjoni miftiehma mill-membri tiegħu, konformement ma' l-Artikoli 4 u 8.

▼M1

2.  
REKT għandu jaġixxi fil-limiti tal-kompiti mogħtija lilu, jiġifieri l-faċilitazzjoni u l-promozzjoni ta’ kooperazzjoni territorjali għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u l-għelib ta’ ostakoli fis-suq intern. Kull kompitu għandu jiġi determinat mill-membri tiegħu li jaqa' fil-kompetenza ta’ kull membru, sakemm l-Istat Membru jew il-pajjiż terz ma japprovax il-parteċipazzjoni ta’ membru stabbilit skont il-liġi nazzjonali tiegħu anke meta dak il-membru ma jkunx kompetenti għall-kompiti kollha speċifikati fil-konvenzjoni.
3.  
REKT jista' jwettaq azzjonijiet speċifiċi oħrajn ta' kooperazzjoni territorjali bejn il-membri tiegħu sabiex jilħaq l-objettiv imsemmi fl-Artikolu 1(2), kemm jekk ikollhom kontribut finanzjarju mill-Unjoni u kemm jekk le.

Primarjament, il-kompiti ta’ REKT jistgħu jikkonċernaw l-implimentazzjoni ta' programmi ta' kooperazzjoni jew partijiet minnhom jew l-implimentazzjoni ta' ħidmiet appoġġati mill-Unjoni permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali tal-Fond Soċjali Ewropew u/jew tal-Fond ta' Koeżjoni.

L-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-kompiti li r-REKT jistgħu jwettqu mingħajr appoġġ finanzjarju mill-Unjoni. Madankollu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13, l-Istati Membri ma għandhomx jeskludu dawk il-kompiti relatati mal-prijoritajiet ta' investiment imsemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013 ( 3 ) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

▼B

4.  
Il-kompiti mogħtija lil REKT mill-membri tiegħu ma għandhomx jikkonċernaw l-eżerċizzju ta' setgħat mogħtija mil-liġi pubblika jew ta' dmirijiet li l-objettiv tagħhom ikun li jissalvagwardjaw l-interessi ġenerali ta' l-Istat jew ta' awtoritajiet pubbliċi oħrajn, bħas-setgħat tal-pulizija u dawk regolatorji, il-ġustizzja u l-politika barranija.

▼M1

Madankollu, f’konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni u nazzjonali, l-assemblea ta’ REKT, imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 10(1) tista' tiddefinixxi t-termini u l-kundizzjonijiet tal-użu ta' oġġett ta' infrastruttura li r-REKT qed jamministra, jew it-termini u l-kundizzjonijiet li soġġett tagħhom qed jingħata servizz ta' interess ekonomiku ġenerali, inklużi t-tariffi u l-miżati li għandhom jitħallsu mill-utenti.

▼B

5.  
Il-membri ta' REKT jistgħu jiddeċiedu b'mod unanimu li jagħtu s-setgħa lil wieħed mill-membri sabiex jesegwixxi l-kompiti tiegħu.

Artikolu 8

Konvenzjoni

1.  
REKT għandu jkun iggvernat minn konvenzjoni konkluża unanimament mill-membri tiegħu skond l-Artikolu 4.

▼M1

2.  

Il-konvenzjoni għandha tispeċifika:

(a) 

l-isem tar-REKT u l-uffiċċju rreġistrat tiegħu;

(b) 

il-medda tat-territorju li fih ir-REKT jista' jesegwixxi l-kompiti tiegħu;

(c) 

l-għan u l-kompiti tar-REKT;

(d) 

it-tul ta' żmien tar-REKT u l-kundizzjonijiet għax-xoljiment tiegħu;

(e) 

il-lista tal-membri tar-REKT;

(f) 

il-lista tal-organi tar-REKT u l-kompetenzi rispettivi tagħhom;

(g) 

il-liġi applikabbli tal-Unjoni u l-liġi applikabbli nazzjonali tal-Istat Membru fejn ir-REKT ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu għall-finijiet tal-interpretazzjoni u l-infurzar tal-konvenzjoni;

(h) 

il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali applikabbli tal-Istat Membru fejn jaġixxu l-organi tar-REKT;

(i) 

l-arranġamenti għall-involviment ta' membri minn pajjiżi terzi jew minn OCTs jekk ikun xieraq inkluża l-identifikazzjoni tal-liġi applikabbli fejn ir-REKT iwettaq kompiti f'pajjiżi terzi jew f'OCTs;

(j) 

il-liġi applikabbli tal-Unjoni u dik nazzjonali direttament rilevanti għall-attivitajiet tar-REKT imwettqa skont il-kompiti speċifikati fil-konvenzjoni;

(k) 

ir-regoli applikabbli għall-persunal ta' REKT kif ukoll il-prinċipji li jirregolaw l-arranġamenti dwar ġestjoni tal-persunal u l-proċeduri għar-reklutaġġ;

(l) 

l-arranġamenti għar-responsabbiltà tar-REKT u tal-membri tiegħu f'konformità mal-Artikolu 12;

(m) 

l-arranġamenti xierqa għar-rikonoxximent reċiproku, inkluż għall-kontroll finanzjarju fil-ġestjoni tal-fondi pubbliċi; kif ukoll

(n) 

il-proċeduri għall-adozzjoni tal-istatuti u l-modifika tal-konvenzjoni, li għandhom ikunu konformi mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5.

3.  
Meta l-kompiti ta’ REKT jirrigwardaw biss il-ġestjoni ta’ programm ta’ kooperazzjoni jew parti minnu taħt ir-Regolament (UE) Nru 1299/2013, jew fejn REKT jirrigwarda l-kooperazzjoni interreġjonali jew netwerks, l-informazzjoni taħt il-punt (b) tal-paragrafu 2 mhijiex meħtieġa.

Artikolu 9

Statuti

1.  
L-istatuti ta' REKT għandhom jiġu adottati abbażi tal-konvenzjoni u f'konformità magħha, mill-membri tiegħu billi jaġixxu unanimament.
2.  

L-istatuti tar-REKT għandhom jispeċifikaw, bħala minimu, is-segwenti:

(a) 

id-dispożizzjonijiet operattivi tal-organi tiegħu u l-kompetenzi ta' dawk l-organi, kif ukoll in-numru ta' rappreżentanti tal-membri fl-organi relevanti;

(b) 

il-proċeduri għal teħid ta' deċiżjonijiet;

(c) 

il-lingwa jew lingwi operattivi tiegħu;

(d) 

l-arranġamenti għall-funzjonament tiegħu;

(e) 

il-proċeduri rigward il-ġestjoni tal-persunal u r-reklutaġġ;

(f) 

l-arranġamenti għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-membri tiegħu;

(g) 

ir-regoli ta' kontabbiltà u baġitarji applikabbli għall-membri tiegħu;

(h) 

il-ħatra ta’ awditur estern indipendenti għall-kontijiet tar-REKT; u

(i) 

il-proċeduri għall-modifika tal-istatuti tiegħu, li għandhom ikunu konformi mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5.

▼B

Artikolu 10

L-organizzazzjoni ta' REKT

1.  

REKT għandu jkollu mill-inqas l-organi li ġejjin:

(a) 

assemblea, li tkun magħmula minn rappreżentanti tal-membri tiegħu;

(b) 

direttur, li jirrapreżenta lir-REKT u li jaġixxi f'ismu.

2.  
L-istatuti jistgħu jipprovdu għal organi addizzjonali b'setgħat definiti b'mod ċar.
3.  
REKT għandu jkun responsabbli għall-atti ta' l-organi tiegħu fir-rigward ta' terzi, anke fejn tali atti ma jaqgħux fil-limiti tal-kompiti tar-REKT.

Artikolu 11

Baġit

1.  
REKT għandu jistabbilixxi baġit annwali li ġhandu jiġi adottat mill-assemblea, li jikkontjeni, b'mod partikolari, komponent dwar spejjeż ta' kuljum u, jekk meħtieġ, komponent operattiv.

▼M1

2.  
Il-preparazzjoni tal-kontijiet tiegħu inklużi, fejn meħtieġa, ir-rapport annwali li jakkumpanjahom u l-verifika kif ukoll il-pubblikazzjoni ta' dawn il-kontijiet, għandhom jiġu rregolati mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru fejn ir-REKT għandu l-uffiċċju reġistrat tiegħu.

▼B

Artikolu 12

Likwidazzjoni, insolvenza, waqfien ta' ħlasijiet u responsabbiltà

1.  
Fir-rigward ta' likwidazzjoni, insolvenza, waqfien ta' ħlasijiet u proċeduri simili, REKT għandu jkun regolat mil-liġijiet ta' l-Istat Membru fejn ir-REKT ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fil-paragrafi 2 u 3.

▼M1

REKT għandu jkun responsabbli għad-dejn kollu tiegħu.

▼M1

2.  
Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, sal-punt li l-assi ta' REKT huma insuffiċjenti biex jilħqu l-obbligazzjonijiet finanzjarji tiegħu, il-membri tiegħu għandhom jkunu responsabbli għad-djun irrispettivament min-natura ta' dawk id-djun, is-sehem ta' kull Membru jkun iffissat proporzjonalment skont il-kontribuzzjoni finanzjarja tiegħu. L-arranġamenti għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji għandhom ikunu ffissati fl-istatuti.

Il-membri ta’ REKT jistgħu jipprovdu fl-istatuti, li huma responsabbli, wara li jkunu waqfu milli jkunu membri ta' REKT, għall-obbligi li jirriżultaw minn attivitajiet tar-REKT matul is-sħubija tagħhom.

2a.  
Jekk ir-responsabbiltà ta' mill-inqas membru wieħed ta' REKT minn Stat Membru tkun limitata bħala riżultat tal-liġi nazzjonali skont liema jkun iffurmat, il-membri l-oħra jistgħu wkoll jillimitaw ir-responsabbiltà tagħhom fil-konvenzjoni meta l-liġi nazzjonali li timplimenta dan ir-Regolament tippermettilhom jagħmlu hekk.

L-isem ta' REKT li l-membri tiegħu jkollhom responsabbiltà limitata għandu jinkludi l-kelma 'limitat'.

Ir-rekwiżiti għall-pubblikazzjoni tal-konvenzjoni, l-istatuti u l-kontijiet ta’ REKT meta l-membri tiegħu jkollhom responsabbiltà limitata għandhom ikunu mill-anqas ugwali għal dawk meħtieġa għal entitajiet legali oħra b'responsabbiltà limitata skont il-liġijiet tal-Istat Membru fejn dak ir-REKT ikollu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu.

Fil-każ ta' REKT li l-membri tiegħu għandhom responsabbiltà limitata, kwalunkwe Stat Membru kkonċernat jista' jesiġi li r-REKT jagħmel assigurazzjoni adatta jew li jkun soġġett għal garanzija pprovduta minn bank jew istituzzjoni finanzjarja oħra stabbilita fi Stat Membru jew li jkun kopert b'faċilità pprovduta bħala garanzija minn entità pubblika jew minn Stat Membru biex jiġu koperti r-riskji speċifiċi għall-attivitajiet tar-REKT.

▼B

3.  
Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà finanzjarja ta' l-Istati Membri fir-rigward ta' kwalunkwe finanzjament mill-Fondi Strutturali u/jew ta' Koeżjoni provduti lil REKT, l-ebda responsabbiltà finanzjarja ma għandha tirriżulta għall-Istati Membri taħt dan ir-Regolament fir-rigward ta' REKT li tiegħu huma ma jkunux membri.

Artikolu 13

Interess pubbliku

Fejn REKT iwettaq kwalunkwe attività bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta' Stat Membru dwar il-politika pubblika, is-sigurtà pubblika, is-saħħa pubblika jew il-moralità pubblika, jew bi ksur ta' l-interess pubbliku ta' Stat Membru, korp kompetenti ta' dak l-Istat Membru jista' jipprojbixxi dik l-attività fuq it-territorju tiegħu jew jeżiġi li dawk il-membri li jkunu ġew iffurmati taħt il-liġi tiegħu jirtiraw mir-REKT sakemm ir-REKT ma jieqafx mill-attività msemmija.

Tali projbizzjonijiet ma għandhomx jikkostitwixxu mezz ta' restrizzjoni arbitrarja jew moħbija fuq il-koperazzjoni territorjali bejn il-membri tar-REKT. Għandha tkun possibbli r-reviżjoni tad-deċiżjoni ta' dak il-korp kompetenti minn awtorità ġudizzjarja.

Artikolu 14

Xoljiment

1.  
Minkejja d-dispożizzjonijiet dwar ix-xoljiment li jinsabu fil-konvenzjoni, fejn issir applikazzjoni minn kwalunkwe awtorità kompetenti b'interess leġittimu, il-qorti jew l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru fejn REKT ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu għandha tordna l-istralċ tar-REKT jekk issib li r-REKT ma jkunx għadu jikkonforma aktar mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 1(2) jew 7 jew, b'mod partikolari, fejn ir-REKT ikun qiegħed jaġixxi barra mil-limiti tal-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 7. Il-qorti jew l-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-Istati Membri kollha li taħt il-liġi tagħhom ġew iffurmati l-membri dwar kwalunkwe applikazzjoni għax-xoljiment ta' REKT.
2.  
Il-qorti jew l-awtorità kompetenti tista' tippermetti lir-REKT żmien sabiex jirrimedja s-sitwazzjoni. Jekk ir-REKT jonqos milli jagħmel dan fiż-żmien permess, il-qorti jew l-awtorità kompetenti għandha tordna l-istralċ tiegħu.

Artikolu 15

Ġurisdizzjoni

1.  
It-terzi li jikkunsidraw ruħhom danneġġati mill-atti jew ommissjonijiet ta' REKT għandhom ikollhom id-dritt li jfittxu jinfurzaw ir-pretensjonijiet tagħhom permezz ta' proċess ġudizzjarju.

▼M1

2.  
Ħlief fejn previst mod ieħor f'dan ir-Regolament, il-liġi tal-Unjoni dwar il-ġurisdizzjoni għandha tapplika għal kwistjonijiet li jinvolvu REKT. Fi kwalunkwe każ li ma jkunx previst f'tali liġi tal-Unjoni, il-qrati kompetenti għar-riżoluzzjoni ta' kwistjonijiet għandhom ikunu l-qrati tal-Istat Membru fejn ir-REKT ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu.

▼B

Il-qrati kompetenti għar-riżoluzzjoni ta' disputi taħt l-Artikolu 4(3) jew (6), jew taħt l-Artikolu 13 għandhom ikunu l-qrati ta' l-Istat Membru li d-deċiżjoni tiegħu tkun kontestata.

3.  

Xejn f'dan ir-Regolament ma għandu jiċħad liċ-ċittadini mill-eżerċizzju tad-drittijiet kostituzzjonali nazzjonali tagħhom ta' appell kontra korpi pubbliċi li jkunu membri ta' REKT fir-rigward ta':

(a) 

deċiżjonijiet amministrattivi fir-rigward ta' attivitajiet li jkunu qegħdin jitwettqu minn REKT;

(b) 

aċċess għal servizzi fil-lingwa tagħhom stess; u

(ċ) 

aċċess għal informazzjoni.

F'dawn il-każijiet il-qrati kompetenti għandhom ikunu dawk ta' l-Istat Membru li taħt il-kostituzzjoni tiegħu jirriżultaw id-drittijiet ta' appell.

Artikolu 16

Dispożizzjonijiet finali

▼M1

1.  
L-Istati Membri għandhom jadottaw dispożizzjonijiet sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament, inkluż fir-rigward tad-determinazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-proċedura ta' approvazzjoni, f'konformità mal-arranġamenti legali u amministrattivi tagħhom.

Fejn ikun meħtieġ taħt it-termini tal-liġi nazzjonali ta' Stat Membru, dak l-Istat Membru jista' jistabbilixxi lista komprensiva tal-kompiti li l-membri ta' REKT fis-sens tal-Artikolu 3(1) stabbiliti taħt il-liġijiet tiegħu diġà għandhom, sa fejn għandha x'taqsam il-kooperazzjoni territorjali f'dak l-Istat Membru.

L-Istat Membru għandu jippreżenta lill-Kummissjoni b'kulldispożizzjoni adottata taħt dan l-Artikolu, kif ukoll emendi għalih. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dawn id-dispożizzjonijiet lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

▼M1

1a.  
Id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 sa fejn jikkonċernaw Stat Membru li OCT ikun marbut miegħu, filwaqt li titqies ir-relazzjoni bejn l-Istat Membru u dak l-OCT, għandhom jiżguraw ukoll l-applikazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament fir-rigward ta' dawk l-OCTs li jkunu ġirien ta' Stati Membri oħrajn jew ir-reġjuni l-aktar imbiegħda ta’ dawk l-Istati Membri.

▼B

2.  
L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għall-ħlas ta' onorarji in konnessjoni mar-reġistrazzjoni tal-konvenzjoni u ta' l-istatuti. Dawk l-onorarji ma jistgħux, madankollu, jeċċedu l-ispiża amministrattiva tagħhom.

▼M1

Artikolu 17

Rapport

Sal-1 ta' Awwissu 2018 il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat tar-Reġjuni rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, li jevalwa, abbażi ta’ indikaturi, l-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-valur miżjud Ewropew u l-ambitu għas-simplifikazzjoni tiegħu.

Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 17a, li jistabbilixxu l-lista ta’ indikaturi li hemm riferiment għalihom fl-ewwel paragrafu.

▼M1

Artikolu 17a

Eżerċizzju tad-delega

1.  
Is-setgħa sabiex ikunu adottati atti delegati tingħata lill-Kummissjoni skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2.  
Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin minn 21 ta’ Diċembru 2013
3.  
Id-delega ta’ setgħa li jirreferi għaliha t-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe waqt mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat diġà fis-seħħ.
4.  
Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
5.  
Att delegat adottat skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’perjodu ta’ tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se jressqu oġġezzjoni. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

▼B

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Awwissu 2007, bl-eċċezzjoni ta' l-Artikolu 16, li għandu japplika mill-1 ta' Awwissu 2006.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

▼C1




ANNESS

Mudell tal-informazzjoni li għandha tiġi sottomessa skont l-Artikolu 5(2)

IT-TWAQQIF TA' RAGGRUPPAMENT EWROPEW TA' KOOPERAZZJONI TERRITORJALI (REKT)

L-isem ta’ REKT li l-membri tiegħu jkollhom responsabbiltà limitata għandu jinkludi l-kelma “limitat” (l-Artikolu 12(2a))

L-asterisk * tindika l-oqsma obbligatorji.

image

image