2006R0561 — MT — 02.03.2015 — 002.004


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (KE) Nru 561/2006 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Marzu 2006

dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85

(Test b' rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 102 11.4.2006, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (KE) Nru 1073/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-21 ta’ Ottubru 2009

  L 300

88

14.11.2009

►M2

REGOLAMENT (UE) Nru 165/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-4 ta' Frar 2014

  L 60

1

28.2.2014


Ikkoreġut b'

►C1

Rettifika, ĠU L 195, 20.7.2016, p.  83 (561/2006)




▼B

REGOLAMENT (KE) Nru 561/2006 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Marzu 2006

dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85

(Test b' rilevanza għaż-ŻEE)



KAPITOLU I

DISPOSIZZJONIJIET TA' INTRODUZZJONI

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar il-ħinijiet ta' sewqan, il-pawżi u l-perijodi ta' mistrieħ għax-xufiera li jaħdmu fit-trasport ta' merkanzija u passiġġieri bit-triq sabiex ikunu armonizzati l-kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni bejn il-modi ta' trasport fuq l-art, speċjalment fir-rigward tas-settur tat-triq, u sabiex jittejbu l-kondizzjonijiet tax-xogħol u s-sigurtà fit-triq. Dan ir-Regolament għandu l-għan ukoll li jippromwovi t-titjib fil-prattika ta' monitoraġġ u ta' infurzar mill-Istati Membri u t-tijib fil-prattiċi ta' xogħol fl-industrija tat-trasport bit-triq.

Artikolu 2

1.  Dan ir-Regolament għandu japplika għat-trasport bit-triq:

(a) ta' merkanzija fejn il-massa massima permessa tal-vetturi, inkluż kwalunkwe karru, jew nofs-karru, taqbeż it-3,5 tunnellati, jew

(b) ta' passiġġieri b'vetturi li huma magħmula jew addattati b'mod permanenti sabiex iġorru aktar minn disa' persuni nkluż ix-xufier, u li huma ntiżi għal dak l-iskop.

2.  Dan ir-Regolament għandu japplika, irrispettivament mill-pajjiż tar-reġistrazzjoni tal-vetturi, għat-trasport bit-triq li jsir:

(a) esklużivament fil-Komunità; jew

(b) bejn il-Komunità, l-Isvizzera u l-pajjiżi li huma partijiet għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

3.  L-AETR għandu japplika, minflok dan ir-Regolament, għal operazzjonijiet tat-trasport internazzjonali bit-triq li parti minnhom issir barra ż-żoni msemmija fil-paragrafu 2, għal:

(a) vetturi reġistrati fil-Komunità jew f'pajjiżi li huma partijiet kontraenti għall-AETR, għall-vjaġġ kollu;

(b) vetturi rreġistrati f'pajjiż terz li ma hux parti kontraenti għall-AETR, għal dik il-parti biss tal-vjaġġ fit-territorju tal-Komunità jew ta' pajjiżi li huma partijiet kontraenti għall-AETR.

Id-disposizzjonijiet ta' l-AETR għandhom isiru konformi ma' dawk ta' dan ir-Regolament, sabiex id-disposizzjonijiet prinċipali f'dan ir-Regolament japplikaw, permezz ta' l-AETR, għal tali vetturi għal kwalunkwe parti tal-vjaġġ li jsir fil-Komunità.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament ma japplikax għat-trasport bit-triq permezz ta':

(a) vetturi wżati għat-trasport tal-passiġġieri b'servizzi regolari fejn ir-rotta koperta minn dan is-servizz ma taqbiżx il-50 kilometru;

▼M2

(aa) vetturi jew kombinazzjonijiet ta' vetturi b'massa permissibbli massima li ma taqbiżx 7,5 tunnellati li jintużaw għat-trasport ta' materjal, tagħmir jew makkinarju għall-użu tas-sewwieq matul xogħlu, u li jintużaw biss f'raġġ ta' 100 km mill-bażi tal-impriża u bil-kundizzjoni li s-sewqan tal-vettura ma tkunx l-attività ewlenija tas-sewwieq;

▼B

(b) vetturi b'velocità massima awtorizzata li ma taqbiżx l-40 kilometru fis-siegħa;

(ċ) vetturi li jkunu proprjetà ta', jew mikrija mingħajr xufier, mis-servizzi armati, is-servizzi tad-difiża ċivili, s-servizzi għat-tifi tan-nar u l-forzi responsabbli għaż-żamma ta' l-ordni pubblika fejn it-trasport isir bħala konsegwenza ta' l-obbligi mogħtija lil dawn is-servizzi u jkun taħt il-kontroll tagħhom;

(d) vetturi inklużi vetturi użati f'operazzjonijiet ta' trasport mhux kummerċjali għat-trasport ta' għajnuna umanitarja wżati f'emerġenzi jew f'operazzjonijiet ta' salvataġġ;

(e) vetturi speċjalizzati wżati għal skopijiet mediċi;

(f) vetturi speċjalizzati ta' assistenza f'każ ta' ħsara li joperaw f'raġġ ta' 100 km mill-bażi tagħhom;

(g) vetturi li jkunu qed isirulhom testijiet fit-triq għal żvilupp tekniku, għal tiswija jew għal skop ta' manutenzjoni, u vetturi ġodda jew li ġew mibnija mill-ġdid li ma jkunux għadhom tqiegħdu fis-servizz;

(h) vetturi jew kombinazzjoni ta' vetturi b'massa massima permissibbli li ma jaqbiżx is-7,5 tunnellati wżati għat-trasport mhux kummerċjali ta' merkanzija;

(i) vetturi kummerċjali, li għandhom stat storiku skond il-liġi ta' l-Istat Membru li fih ikunu misjuqa, u li jintużaw għat-trasport mhux kummerċjali ta' passiġġieri jew ta' merkanzija.

Artikolu 4

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) “trasport bit-triq” tfisser kull vjaġġ li jsir kollu jew parti minnu f'toroq miftuħa għall-pubbliku minn vettura, kemm jekk ikollha tagħbija jew le, wżata għat-trasport ta' passiġġieri jew ta' merkanzija;

(b) “vettura” tfisser vettura bil-mutur, tractor, karru jew nofs-karru jew kombinazzjoni ta' dawn il-vetturi, definiti kif ġej:

 “vettura bil-mutur”: kull vettura li titmexxa bil-magni tagħha stess fit-triq, minbarra vettura li timxi b'mod permanenti fuq il-binarji, u li normalment tintuża għat-trasport ta' passiġġieri jew ta' merkanzija;

 tractor”: kull vettura li titmexxa bil-magni tagħha stess fit-triq, minbarra vettura li timxi b'mod permanenti fuq il-binarji, u maħsuba speċjalment biex tiġbed, timbotta jew iċċaqlaq karrijet, nofs-karrijiet, għodod jew magni;

 “karru”: kull vettura ddisinjata sabiex tingħaqad ma' vettura bil-mutur jew tractor;

 “nofs-karru”: karru mingħajr fus tar-rota ta' quddiem ikkombinat b'tali mod li parti sostanzjali mill-piż tiegħu u l-piż tat-tagħbija tiegħu jinġarru miit-tractor jew il-vettura bil-mutur;

(ċ) “xufier” tfisser kull persuna li ssuq il-vettura anki jekk għal perijodu qasir, jew li tkun qed tinġarr fil-vettura bħala parti mid-doveri tagħha, sabiex tkun disponibbli għas-sewqan jekk ikun hekk meħtieġ;

(d) “pawżi” tfisser kull perijodu li fih ix-xufier ma jistax iwettaq sewqan jew xogħol ieħor u li jintuża esklużivament għall-irkupru;

(e) “xogħol ieħor” tfisser l-attivitajiet kollha li huma definiti bħala ħin ta' xogħol fl-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2002/15/KE ħlief “sewqan”, inkluż kull xogħol għall-istess persuna li tħaddem jew għal xi persuna oħra li tħaddem, kemm fis-settur kif ukoll barra s-settur tat-trasport;

(f) “perijodu ta' mistrieħ” tfisser kwalunkwe perijodu bla interruzzjoni li fih ix-xufier jista' jagħmel li jrid bil-ħin tiegħu;

(g) “perijodu ta' mistrieħ ta' kuljum” tfisser il-perijodu ta' kuljum li fih xufier jista' jagħmel li jrid bil-ħin tiegħu u jkopri “perijodu regolari ta' mistrieħ ta' kuljum” u “perijodu mnaqqas ta' mistrieħ ta' kuljum”:

 “perijodu regolari ta' mistrieħ ta' kuljum” tfisser kull perijodu bla interruzzjoni ta' mistrieħ ta' mill-inqas 11-il siegħa. Bħala alternattiva, dan il-perijodu regolari ta' mistrieħ ta' kuljum jista' jittieħed f'żewġ perijodi, l-ewwel wieħed għandu jkun perijodu bla interruzzjoni ta' mill-inqas 3 sigħat u t-tieni wieħed ikun perijodu bla interruzzjoni ta' mill-inqas 9 sigħat;

 “perijodu mnaqqas ta' mistrieħ ta' kuljum” tfisser kull perijodu ta' mistrieħ ta' mill-inqas 9 sigħat imma anqas minn 11-il siegħa;

(h) “perijodu ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa” tfisser perijodu ta' kull ġimgħa li matulu xufier jista' juża l-ħin tiegħu kif irid u jkopri “perijodu regolari ta' mistrieħ fil-ġimgħa” u “perijodu mnaqqas ta' mistrieħ fil-ġimgħa”.

 “perijodu regolari ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa” tfisser kwalunkwe perijodu ta' mistrieħ mill-inqas ta' 45 siegħa;

 “perijodu mnaqqas ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa” tfisser kull perijodu ta' mistrieħ ta' anqas minn 45 siegħa, li jista', bla ħsara għall-kondizzjonijiet fl-Artikolu 8(6), jitqassar għal minimu ta' 24 siegħa konsekuttivi;

(i) “ġimgħa” tfisser il-perijodu ta' ħin bejn 00.00 tat-Tnejn u 24.00 tal-Ħadd;

(j) “ħin tas-sewqan” tfisser it-tul ta' attività tas-sewqan irreġistrata:

 awtomatikament jew semi-awtomatikament permezz tat-tagħmir ta' reġistrazzjoni kif definit fl-Anness I u l-Anness IB tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85; jew

 manwalment kif mitlub fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (KEE) Nru 3281/85

(k) “ħin ta' sewqan ta' kuljum” tfisser it-total tal-ħin akkumulat ta' sewqan bejn it-tmiem ta' perijodu ta' mistrieħ wieħed ta' kuljum u l-bidu tal-perijodu ta' mistrieħ ta' kuljum ta' wara jew bejn perijodu ta' mistrieħ ta' kuljum u perijodu ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa;

(l) “ħin ta' sewqan ta' kull ġimgħa” tfisser it-total tal-ħin akkumulat ta'sewqan f'ġimgħa;

(m) “massa massima permissibbli” tfisser il-massa massima awtorizzata li tista' topera biha l-vettura li jkolha tagħbija sħiħa;

(n) “servizzi regolari tal-passiġġieri” tfisser is-servizzi nazzjonali u internazzjonali kif definiti fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 684/92 tas-16 ta' Marzu 1992 dwar ir-regoli komuni għat-trasport internazzjonali ta' passiġġieri b'coach u b'xarabank ( 1 );

(o) “multi-manning” tfisser is-sitwazzjoni fejn, matul kull perijodu ta' sewqan bejn kwalunkwe żewġ perijodu konsekuttivi ta' mistrieħ ta' kuljum, jew bejn perijodu ta' mistrieħ ta' kuljum u perijodu ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa, hemm mill-inqas żewġ sewwieqa fil-vettura biex jagħmlu s-sewqan. Għall-ewwel siegħa ta' multi-manning il-preżenza ta' sewwieq ieħor jew sewwieqa oħra mhijiex obbligatorja iżda għall-bqija tal-perijodu hija obbligatorja;

(p) “impriża tat-trasport” tfisser kull persuna naturali, kull persuna fiżika, kull assoċjazzjoni jew grupp ta' persuni mingħajr personalità legali, kemm jekk jagħmlu profitt u kemm jekk le, jew kull korp uffiċjali, kemm jekk għandu personalità ġuridika u kemm jekk jiddependi fuq awtorità li għandha din il-personalità, li jwettqu trasport bit-triq, kemm jekk b'kiri jew b'kumpens jew b'akkont tal-persuna nnifisha;

(q) “Perijodu ta' sewqan” ifisser il-ħin ta' sewqan akkumulat minn meta xufier jibda jsuq wara perijodu ta' mistrieħ jew pawża sakemm hu jieħu perijodu ta' mistrieħ jew pawża. Il-perijodu ta' sewqan jista' jkun kontinwu jew imqassam.



KAPITOLU II

EKWIPAĠĠ, ĦINIJIET TAS-SEWQAN, PAWŻI U PERIJODI TA' MISTRIEĦ

Artikolu 5

1.  L-età minima għal kundutturi għandha tkun ta' 18-il sena.

2.  L-età minima għal assistenti tax-xufiera għandha tkun ta' 18-il sena. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jnaqqsu l-età minima għal assistenti tax-xufiera għal 16-il sena kemm-il darba:

(a) it-trasport bit-triq isir fi Stat Membru f'raġġ ta' 50 kilometru mill-post fejn il-vettura hija bbażata, inklużi żoni amministrattivi lokali li għandhom iċ-ċentru tagħhom f'dak ir-raġġ,

(b) it-tnaqqis huwa għal skopijiet ta' taħriġ vokazzjonali; u

(ċ) ikun hemm konformità mal-limiti imposti mir-regoli nazzjonali ta' l-Istat Membru dwar kwistjonijiet ta' impjieg.

Artikolu 6

1.  Il-ħin ta' sewqan ta' kuljum ma għandux jeċċedi d-disa' sigħat.

Madankollu, il-ħin ta' sewqan ta' kuljum jista jiġi estiż għal massimu ta' 10 sigħat mhux aktar minn darbtejn f'ġimgħa.

2.  Il-ħin ta' sewqan ta' kull ġimgħa ma għandux jeċċedi is-56 siegħa u ma għandux jeċċedi l-ħin massimu ta' xogħol fil-ġimgħa kif stabbilit fid-Direttiva 2002/15/KE.

3.  It-total tal-ħin akkumulat tas-sewqan matul kull ġimagħtejn konsekuttivi ma għandux jeċċedi 90 siegħa.

4.  Il-ħinijiet tas-sewqan ta' kuljum u ta' kull ġimgħa għandhom jinkludu l-ħin kollu ta' sewqan fit-territorju tal-Komunità jew ta' pajjiz terz.

5.  Ix-xufier għandu jirreġistra bħala xogħol ieħor kull ħin li jagħmel kif deskritt fl-Artikolu 4(e) kif ukoll kull ħin li jagħmel isuq il-vettura wżata għal operazzjonijiet kummerċjali li ma taqax fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, u għandu jirreġistra kull perijodu ta' “disponibbiltà”, kif definiti fl-Artikolu 15(3)(ċ) tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85, mill-aħħar perijodu tiegħu ta' mistrieħ ta' kuljum jew ta' kull ġimgħa. Dan ir-rekord għandu jitniżżel manwalment fuq folja li fiha jiddaħħlu r-rekords, fuq karta stampata jew bl-użu ta' faċilitajiet oħra ta' reġistrazzjoni manwali fuq it-tagħmir ta' reġistrazzjoni.

Artikolu 7

Wara perijodu ta' sewqan ta' erba' sigħat u nofs, xufier għandu jieħu pawża bla interruzzjoni ta' mhux anqas minn ħamsa u erbgħin minuta, sakemm ma jieħux perijodu ta' mistrieħ.

Din il-pawża tista' tiġi mibdula minn pawża ta' mill-inqas 15-il minuta li tiġi segwita minn pawża ta' mill-inqas 30 minuta kull waħda mqassma fuq il-perijodu b'tali mod li tikkonforma mad-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1.

Artikolu 8

1.  Ix-xufier għandu jieħu perijodi ta' mistrieħ ta' kuljum u ta' kull ġimgħa.

2.  F'kull perijodu ta' 24 siegħa wara t-tmiem tal-perijodu ta' mistrieħ ta' kuljum ta' qabel jew il-perijodu ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa ta' qabel ix-xufier għandu jkun ħa perijodu ġdid ta' mistrieħ ta' kuljum.

Jekk il-porzjon tal-perijodu ta' mistrieħ ta' kuljum li taqa' f'dak il-perijodu ta' 24 siegħa huwa mhux inqas minn 9 sigħat imma inqas minn 11-il siegħa, il-perijodu ta' mistrieħ ta' kuljum għandu jitqies bħala perijodu mnaqqas ta' mistrieħ ta' kuljum.

3.  Perijodu ta' mistrieħ ta' kuljum jista' jkun estiż biex jagħmel perijodu regolari ta' mistrieħ fil-ġimgħa jew perijodu mnaqqas ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa.

4.  Xufier jista' jkollu ta' l-aktar tliet perijodi mnaqqsa ta' mistrieħ ta' kuljum bejn kull żewġ perijodi ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa.

5.  B'deroga mill-paragrafu 2, fi żmien 30 siegħa minn tmiem ta' perijodu ta' mistrieħ ta' kuljum jew ta' kull ġimgħa, xufier li jkun għamel “multi-manning” għandu jkun ħa perijodu ġdid ta' mistrieħ ta' kuljum ta' mhux inqas minn 9 sigħat.

6.  F'kull ġimagħtejn konsekuttivi, xufier għandu jieħu mill-inqas:

 żewġ perijodi regolari ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa, jew

 perijodu wieħed regolari ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa u perijodu wieħed mnaqqas ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa ta' mhux inqas minn 24 siegħa. Madankollu, it-tnaqqis għandu jkun ikkumpensat minn mistrieħ ekwivalenti meħud en bloc qabel tmiem it-tielet ġimgħa wara l-ġimgħa in kwistjoni.

Perijodu ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa għandu jibda mhux aktar tard mit-tmiem ta' sitt perijodi ta' 24 siegħa il-wieħed mit-tmiem tal-perijodu ta' qabel ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa.

▼M1

6a.  B’ deroga mill-paragrafu 6, sewwieq li jkun qed iwettaq servizz wieħed okkażjonali ta’ trasport internazzjonali tal-passiġġieri, kif definit fir-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank ( 2 ), jista’ jipposponi l-perjodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa b’sa 12-il perjodu konsekuttiv ta’ 24 siegħa wara perjodu regolari preċedenti ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa, kemm-il darba:

(a) is-servizz idum għallinqas 24 siegħa konsekuttiva fi Stat Membru jew pajjiż terz li għalih ikun japplika dan ir-Regolament u li ma jkunx dak fejn ikun beda s-servizz;

(b) is-sewwieq jieħu, wara l-użu tad-deroga:

(i) jew żewġ perjodi ta’ mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa; jew

(ii) perjodu wieħed ta’ mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa u perjodu wieħed imnaqqas ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa ta’ mill-inqas 24 siegħa. Madankollu, it-tnaqqis għandu jkun ikkumpensat b’perjodu ta’ mistrieħ li jittieħed f’daqqa qabel tmiem it-tielet ġimgħa wara t-tmiem tal-perjodu ta’ deroga;

(c) wara l-1 ta’ Jannar 2014, il-vettura tkun mgħammra b’ apparat ta’ reġistrazzjoni skont ir-rekwiżiti tal-Anness IB għar-Regolament (KEE) Nru 3821/85; u

(d) wara l-1 Jannar 2014, jekk is-sewqan isir matul il-perjodu mill-22:00 sas-06:00, il-vettura ikollha ekwipaġġ ta’ aktar minn persuna waħda jew il-perjodu ta’ sewqan imsemmi fl-Artikolu 7 jitnaqqas għal tliet sigħat.

Il-Kummissjoni għandha timmoniterja mill-qrib l-użu li jsir minn din id-deroga biex tiżgura li l-preservazzjoni tas-sikurezza fit-toroq taħt kundizzjonijiet stretti ħafna, b’mod partikolari billi tiċċekkja li l-ħin ta’ sewqan totali akkumulat matul il-perjodu kopert mid-deroga ma jkunx eċċessiv. Sal-4 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport li jevalwa l-konsegwenzi tad-deroga fir-rigward tas-sikurezza fit-toroq kif ukoll l-aspetti soċjali. Jekk tqis li dan ikun xieraq, il-Kummissjoni għandha tipproponi emenda għal dan ir-Regolament f’dan ir-rigward.

▼B

7.  Kwlaunkwe mistrieħ meħud bħala kumpens għal perijodu mnaqqas ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa għandu jittieħed flimkien ma' perijodu ieħor ta' mistrieħ ta' mill-inqas disa' sigħat.

8.  Fejn xufier jagħżel li jagħmel dan, perijodi ta' mistrieħ ta' kuljum u perijodi imnaqqsa ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa 'il bogħod mill-bażi jistgħu jittieħdu f'vettura, kemm-il darba din ikollha faċilitajiet għall-irqad xierqa għal kull xufier u l-vettura tkun wieqfa.

9.  Perijodu ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa li jiġi f'ġimagħtejn jista' jitqies f'xi waħda minn dawk il-ġimagħt, iżda mhux fit-tnejn.

Artikolu 9

1.  B'deroga mill-Artikolu 8, fejn ix-xufier jakkumpanja vettura li tkun qed tinġarr b'lanċa jew b'ferrovija, u jieħu perijodu regolari ta' mistrieħ ta' kuljum, dak il-perijodu jista' jkun interott mhux aktar minn darbtejn minn attivitajiet oħra li fit-total tagħhom ma jeċċedux siegħa. Matul il-perijodu regolari ta' mistrieħ ta' kuljum imsemmi fil-paragrafu 1, ix-xufier għandu jkollu aċċess għal sodda jew couchette.

2.  Kwalunkwe ħin li s-sewwieq jieħu biex jivvjaġġja lejn il-vettura u lura u li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, li mhix fid-dar tas-sewwieq jew fiċ-ċentru ta' operazzjonijiet ta' min iħaddem fejn is-sewwieq hu normalment ibbażat, m'għandux jitqies bħala perijodu ta' mistrieħ jew pawża sakemm ix-xufier mhuwiex fuq vapur jew trejn u għandu aċċess għal couchette.

3.  Kwalunkwe ħin li s-sewwieq jieħu bħala sewwieq ta' vettura li ma jaqax fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament minn jew lejn il-vettura li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, li mhix fid-dar tas-sewwieq jew fiċ-ċentru ta' operazzjonijiet ta' min iħaddem fejn is-sewwieq hu normalment ibbażat, għandu jitqies bħala “xogħol ieħor”.



KAPITOLU III

RESPONSABBILTÀ TA' L-IMPRIŻA TAT-TRASPORT

Artikolu 10

1.  Impriża tat-trasport ma għandhiex tagħti lix-xufiera li timpjega jew li jkunu għad-disposizzjoni tagħha xi ħlas, anke jekk ikun fil-forma ta' bonus jew żieda mal-paga, li jkun relatat mad-distanza tal-vjaġġ li jkun sar u/jew l-ammont ta' merkanzija li nġarret jekk dak il-ħlas ikun tali li jista' jipperikola s-sigurtà fit-triq u/jew jinkoraġġixxi ksur ta' dan ir-Regolament.

2.  Impriża tat-trasport għandha torganizza x-xogħol tax-xufiera msemmija fil-paragrafu 1 b'tali mod illi x-xufiera jkunu jistgħu jikkonformaw mar-Regolament (KEE) Nru 3821/85 u l-Kapitolu II ta' dan ir-Regolament. L-impriża tat-trasport għandha tagħti struzzjonijiet kif jixraq lix-xufier u għandha tagħmel kontrolli regolari sabiex tiżgura l-konformità mar-Regolament (KEE) Nru 3821/85 u l-Kapitolu II ta' dan ir-Regolament.

3.  Impriża tat-trasport hija responsabbli għal ksur li jsir mix-xufiera ta' l-impriża, anki jekk il-ksur ikun sar fit-territorju ta' Stat Membru ieħor jew pajjiż terz.

Bla ħsara għad-dritt ta' l-Istati Membri li jżommu impriżi tat-trasport kompletament responsabbli, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu din ir-responsabbiltà kondizzjonali fuq il-ksur mill-impriża tal-paragrafi 1 u 2. L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw kull prova li l-impriża tat-trasport ma tistax b'mod raġonevoli tinżamm responsabbli għall-ksur li jkun sar.

4.  Impriżi, kunsinjatarji, burdnara, operaturi ta' ġiti, kuntratturi prinċipali, sub-kuntratturi u l-aġenziji għall-impjieg tax-xufiera għandhom jiżguraw illi l-iskedi tal-ħin tat-trasport miftiehma f'kuntratt iħarsu d-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

5.  

(a) Impriża tat-trasport li tuża vetturi li jkunu mgħammra b'tagħmir ta' reġistrazzjoni li jikkonforma ma' l-Anness IB tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85 u li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandha:

(i) tiżgura illi d-data kollha tkun trasferita mit-tagħmir fil-vettura u mill-card tax-xufier b'mod regolari kif stipulat mill-Istat Membru u li d-data relevanti tkun trasferita aktar ta' spiss sabiex tiżgura li tkun trasferita d-data kollha dwar attivitajiet li jkunu saru minn jew għal dik l-impriża;

(ii) tiżgura li d-data kollha trasferita kemm mil-tagħmir fil-vettura kif ukoll mill-card tax-xufier tinżamm mill-inqas għal tnax-il xahar wara li tkun ġiet irrekordjata u jekk tintalab minn uffiċjal awtorizzat li jispezzjona, din id-data hija, jew direttament jew mill-bogħod, mill-fond ta' l-impriża;

(b) “trasferiment” f'dan il-paragrafu għandu jkun interpretat skond id-definizzjoni mniżżla fil-Anness I B, Kapitolu I punt (s) tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85;

(ċ) Il-perijodu massimu li fih d-data relevanti għandha tkun trasferita skond (a)(i) għandu jkun deċiż mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2).



KAPITOLU IV

EĊĊEZZJONIJIET

Artikolu 11

Stat Membru jista' japplika minimi itwal ta' pawżi u perijodi ta' mistrieħ jew massimi iqsar ta' ħin ta' sewqan minn dawk imniżżla fl-Artikoli 6 sa 9 fil-każ ta' trasport fit-triq li jsir kollu kemm hu fit-territorju tiegħu. Permezz ta' dan, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont ta' ftehim rilevanti kollettivi jew ftehim ieħor bejn l-imsieħba soċjali. Madankollu, r-Regolament għandu jibqa' japplika għal xufiera li jwettqu operazzjonijiet internazzjonali ta' trasport.

Artikolu 12

Sakemm ma tiġix preġudikata s-sigurtà fit-triq u sabiex il-vetturi jkunu jistgħu jaslu sa post ta' waqfien addatt, ix-xufier jista' jitbiegħed mill-Artikoli 6 sa 9 sal-livell meħtieġ biex jiżgura s-sigurtà tal-persuni, tal-vettura jew tat-tagħbija tagħha. Ix-xufier għandu jindika r-raġuni għaliex ikun hekk tbiegħed b'mod manwali fuq il-folja ta' reġistrazzjoni tat-tagħmir ta' reġistrazzjoni jew fuq karta stampata mit-tagħmir tar-reġistrazzjoni jew fir-roster tax-xogħol, mhux aktar tard minn meta jasal f'post adatt għal waqfien.

Artikolu 13

1.  Sakemm ma jkunux preġudikati l-għanijiet ta' l-Artikolu 1, kull Stat Membru jista' jagħti eċċezzjonijiet għall-Artikoli 5 sa 9 u jagħmel tali eċċezzjonijiet soġġetti għal kondizzjonijiet individwali fit-territorju tiegħu stess jew, bi ftehim ma' l-Istati kkonċernati, fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, li jkunu applikabbli għat-trasport b' dawn li ġejjin:

(a) vetturi li huma proprjetà ta', jew li jkunu mikrija mingħajr xufier minn awtoritajiet pubbliċi biex jagħmlu trasport fit-triq li ma jikkompetix ma' impriżi privati tat-trasport;

(b) vetturi wżati jew mikrija mingħajr ix-xufier minn impriżi ta' agrikoltura, ortikultura, forestrija, biedja jew sajd għat-trasport ta' merkanzija bħala parti mill-attività intraprenditorjali tagħhom stess f'raġġ li ma jaqbiżx il-100 km mill-bażi ta' l-impriża;

(ċ)  tractors għall-agrikoltura u tractors għall-forestrija wżati għal attivitajiet agrikoli jew ta' forestrija, f'raġġ li ma jaqbiżx il-100 km mill-bażi ta' l-impriża li tkun il-proprjetarja tal-vettura, jew tikriha jew twelliha;

▼M2

(d) vetturi jew kombinazzjoni ta' vetturi b'massa massima permissibbli li ma taqbiżx is-7,5 tunnellati użati minn fornituri ta' servizzi universali kif imfisser f'Artikolu 2(13) tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewroprew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern ta' servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz ( 3 ) biex iwasslu oġġetti bħala parti mis-servizz universali.

Dawn il-vetturi għandhom jintużaw biss f'raġġ ta' ►M2  100 km ◄ mill-bażi ta' l-impriża, u bil-kondizzjoni illi s-sewqan tal-vetturi ma jkunx l-attività prinċipali tax-xufier;

(e) vetturi li joperaw b'mod esklużiv fuq gzejjer li ma jaqbżux l-2 300 kilometru kwadru f'żona li ma tkunx magħquda mal-bqija tat-territorju nazzjonali permezz ta' pont, baxxfond jew mina miftuħa għall-użu minn vetturi bil-mutur;

(f) vetturi wżati għat-trasport tal-merkanzija f'raġġ ta' ►M2  100 km ◄ mill-bażi ta' l-impriża u li jaħdmu bil-gass naturali jew likwifikat jew bl-elettriku b'massa massima permissibbli li, meta jkun inkluż il-piż ta' karru jew nofs-karru, ma jaqbiżx is-7,5 tunnellati;

(g) vetturi wżati għat-tagħlim u l-eżaminazzjoni bl-iskop li tinkiseb liċenzja tas-sewqan jew ċertifikat ta' kompetenza professjonali, sakemm dawn ma jkunux qegħdin jintużaw għat-trasport kummerċjali ta' merkanzija jew ta' passiġġieri;

(h) vetturi wżati b'konnessjoni ma' servizzi ta' dranaġġ, ta' protezzjoni mill-għargħar, manutenzjoni ta' l-ilma, gass u elettriku mal-manutenzjoni u l-kontroll tat-toroq, ma' servizzi ta' ġbir ta' skart bieb b'bieb u ta' rimi, servizzi tat-telegraf u telefon, xandir tar-radju u televixin u l-iskoperta ta' trasmettituri u riċevituri tar-radju jew tat-televixin;

(i) vetturi b'10 sa 17-il sedil użati esklużivament għat-trasport mhux kummerċjali tal-passiġġieri;

(j) vetturi speċjalizzati li jġorru tagħmir taċ-ċirku u ta' fun-fairs;

(k) vetturi mgħammra partikolarment għal proġetti mobbli, li l-iskop primarju tagħhom huwa li jintużaw bħala faċilità edukattiva meta jkunu wieqfa;

▼C1

(l) vetturi użati għall-ġbir tal-ħalib minn irziezet u/jew għat-twassil lura fl-irziezet ta' kontenituri tal-ħalib jew ta' prodotti tal-ħalib intiżi bħala għalf għall-annimali;

▼B

(m) vetturi speċjalizzati li jġorru flus u/jew oġġetti ta' valur;

(n) vetturi wżati sabiex iġorru skart jew karkassi ta' annimali li ma jkunux intiżi għall-konsum mill-bniedem;

(o) vetturi wżati esklużivament f'toroq li jinsabu f'faċilitajiet ċentrali ta' attività bħal portijiet, interportijet u termini tal-ferrovija;

(p) vetturi wżati għat-trasport ta' annimali ħajjin mill-irziezet lejn is-swieq lokali u viċi-versa jew mis-swieq lejn il-biċċeriji lokali f'distanza ta' mhux aktar minn ►M2  100 km ◄ .

2.  L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-eċċezzjonijiet mogħtija taħt il-paragrafu 1 u l-Kummissjoni għandha tavża lill-Istati Membri l-oħra dwar dan.

3.  Sakemm ma jiġux preġudikati l-għanijiet imniżżla fl-Artikolu 1 u tingħata protezzjoni xierqa lix-xufiera, Stat Membru jista', wara l-approvazzjoni mill-Kummissjoni, jagħti eżenzjonijiet żgħar minn dan ir-Regolament fit-territorju tiegħu għal vetturi li jintużaw f'żoni li jiġu stabbiliti minn qabel b'densità tal-popolazzjoni ta' anqas minn 5 persuni għal kull kilometru kwadru, fil-każijiet li ġejjin:

 servizzi domestiċi regolari tal-passiġġieri, fejn l-iskeda tagħhom tkun konfermata mill-awtoritajiet (u f'dan il-każ eżenzjonjiet rigward pawżi biss huma permessi), u

 operazzjonijiet domestiċi ta' trasport ta' merkanzija bit-triq fuq akkont ta' persuna nnifisha jew b'kiri jew b'kumpens, li ma għandhomx impatt fuq is-suq intern u li huma bżonnjużi sabiex imantnu ċerti setturi ta' l-industrija fit-territorju konċernat u fejn id-disposizzjonijiet ta' eżenzjoni ta' dan ir-Regolament jimponu raġġ limitat sa 100 km.

It-trasport bit-triq taħt din l-eżenzjoni jista' jinkludi vjaġġ għal żona b'densità ta' popolazzjoni ta' 5 persuni jew aktar għal kull kilometru kwadru biss sabiex jintemm jew jinbeda l-vjaġġ. Kull miżura bħal din għandha tkun proporzjonata fin-natura u l-firxa ta' applikazzjoni tagħha.

Artikolu 14

1.  Sakemm ma jiġux preġudikati l-għanijiet mniżżla fl-Artikolu 1, l-Istati Membri jistgħu, awtorizzati mill-Kummissjoni, jagħtu eċċezzjonijiet mill-applikazzjoni ta' l-Artikoli 6 sa 9 ta' dan ir-Regolament għal operazzjonijiet tat-trasport li jsiru f'ċirkostanzi eċċezzjonali.

2.  F'każijiet urġenti l-Istati Membri jistgħu jagħtu eċċezzjoni temporanja għal perijodu li ma jaqbiżx it-tletin jum, u din għandha tkun notifikata minnufih lill-Kummissjoni.

3.  Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra b'kull eċċezzjoni mogħtija skond dan l-Artikolu.

Artikolu 15

L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi x-xufiera tal-vetturi li għalihom issir referenza fl-Artikolu 3(a) huma ggvernati mir-regoli nazzjonali li jipprovdu protezzjoni xierqa fir-rigward tal-ħinijiet permessi tas-sewqan u l-pawżi u l-perijodi ta' mistrieħ imposti.



KAPITOLU V

PROĊEDURI TA' KONTROLL U SANZJONIJIET

Artikolu 16

1.  Meta ma jkun installat fil-vettura l-ebda tagħmir ta' reġistrazzjoni skond ir-Regolament (KEE) Nru 3821/85, il-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw għal:

(a) servizzi regolari nazzjonali ta' passiġġieri, u

(b) servizzi regolari internazzjonali ta' passiġġieri li l-vened tar-rotta tagħhom jinsabu f'distanza massima ta' 50 km f'linja dritta minn fruntiera bejn żewġ Stati Membri u li t-tul tar-rotta tagħhom ma teċċedix il-100 km.

2.  L-impriża tat-trasport għandha tagħmel skeda tas-servizz u roster tax-xogħol li għandhom juru, fir-rigward ta' kull xufier, l-isem, il-post fejn huwa bbażat u l-iskeda bil-quddiem għal diversi perijodi ta' sewqan, xogħol ieħor, pawżi u disponibbiltà.

Kull xufier li jingħata jaħdem servizz imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jġorr miegħu estratt mir-roster tax-xogħol u kopja ta' l-iskeda tas-servizz.

3.  Ir-roster tax-xogħol għandu:

(a) jinkludi l-dettalji kollha mniżżla fil-paragrafu 2 għal perijodu minimu li jkopri it-28 jum ta' qabel; dawn il-partikolaritajiet għandhom ikunu aġġornati f'intervalli regolari, u ma jistax ikun hemm dewmien ta' aktar minn xahar bejniethom;

(b) ikun iffirmat mill-kap ta' l-impriża tat-trasport jew minn persuna awtorizzata li tirrapreżentah;

(ċ) jinżamm mill-impriża tat-trasport għal sena wara l-għeluq tal-perijodu kopert minnha. L-impriża tat-trasport għandha, meta tintalab, tagħti estratt mir-roster lix-xufiera kkonċernati; u

(d) jiġi ppreżentat u jingħata fuq talba ta' l-uffiċjal awtorizzat li jispezzjona.

Artikolu 17

1.  L-Istati Membri għandhom, bil-mod standard stabbilit fid-Deċiżjoni 93/173/KEE ( 4 ), jibagħtu l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni sabiex tkun tista', ta' kull sentejn, tagħmel rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u r-Regolament (KEE) Nru 3821/85 u żviluppi fl-oqsma in kwistjoni.

2.  Din l-informazzjoni għandha tkun komunikata lill-Kummissjoni mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru tas-sena li tiġi wara t-tmiem tal-perijodu ta' sentejn ikkonċernat.

3.  Ir-rapport għandu jiddikjara x'użu jkun sar mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 13.

4.  Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien 13-il xahar mit-tmiem tal-perijodu ta' sentejn ikkonċernat.

Artikolu 18

L-Istati Membri għandhom jadottaw dawk il-miżuri li jkunu meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 19

1.  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali li japplikaw għal ksur ta' dan ir-Regolament u r-Regolament (KEE) Nru 3821/85 u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw illi jkunu implimentati. Dawk il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati, dissważivi u b'mod li ma jiddiskriminawx. L-ebda ksur ta' dan ir-Regolament u r-Regolament (KEE) Nru 3821/85 ma għandu jkun suġġett għal aktar minn penali jew proċedura waħda. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawn il-miżuri sad-data imsemmija fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 29. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar dan.

2.  Stat Membru għandu jagħti l-kapaċità lill-awtoritajiet kompetenti li jimponu penali fuq impriża u/jew xufier għal ksur ta' dan ir-Regolament li jinqabad fit-territorju tiegħu u li għalih tkun għadha ma ġietx imposta penali, anki meta dak il-ksur ikun sar fit-territorju ta' Stat Membru ieħor jew ta' pajjiz terz.

Bħala eċċezzjoni, fejn jinstab ksur:

 li ma jkunx sar fit-territorju ta' l-Istat Membru kkonċernat, u

 li jkun sar minn impriża stabbilita, jew minn xufier li għandu l-post ta' l-impjieg tiegħu, fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż terz:

Stat Membru jista', sa l-1 ta' Jannar 2009, minflok ma jimponi penali, jinnotifika bil-fatti tal-ksur lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru jew fil-pajjiż terz fejn l-impriża hija stabbilita jew fejn ix-xufier għandu l-post ta' l-impjieg tiegħu.

3.  Kull meta Stat Membru jibda proċeduri jew jimponi penali għal ksur partikolari għandu jagħti lix-xufier prova xierqa ta' dan bil-miktub.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi sistema ta' penali proporzjonati, li jistgħu jinkludu penali finanzjarji, tkun fis-seħħ għal ksur ta' dan ir-Regolament jew ir-Regolament (KEE) Nru 3821/85 minn impriżi, jew kunsinjatarji, burdnara, operaturi tal-ġiti, kuntratturi prinċipali, sub-kuntratturi u aġenziji għall-impjieg ta' xufiera li jkunu assoċjati ma' impriżi.

Artikolu 20

1.  Ix-xufier għandu jżomm kull prova li tingħata minn Stat Membru dwar penali imposti jew il-bidu ta' proċeduri sakemm l-istess ksur ta' dan ir-Regolament ma jkunx jista' jwassal aktar għal tieni proċedura jew penali skond id-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

2.  Ix-xufier għandu jagħti, meta jintalab, l-evidenza msemmija fil-paragrafu 1.

3.  Xufier li jkun impjegat jew li jkun qiegħed għad-disposizzjoni ta' aktar minn impriża waħda tat-trasport għandu jagħti informazzjoni biżżejjed lil kull impriża biex tkun tista' tikkonforma mal-Kapitolu II.

Artikolu 21

Sabiex jiġu ndirizzati każijiet fejn Stat Membru jikkunsidra li kien hemm ksur ta' dan ir-Regolament, liema ksur ikun tali li ċertament ser jikkawża periklu fis-sigurtà tat-triq, huwa għandu jawtorizza l-awtorità kompetenti rilevanti sabiex twaqqaf il-vettura konċernata sakemm il-kawża tal-ksur tkun rettifikata. L-Istati Membri jistgħu jġiegħlu lis-sewwieq jieħu perijodu ta' mistrieħ ta' kuljum. L-Istati Membri jistgħu wkoll fejn xieraq, jirtiraw, jissospendu jew jirrestrinġu l-liċenzja ta' impriża, jekk l-impriża tkun stabbilita f'dak l-Istat Membru, jew jirtiraw, jissospendu jew jirrestrinġu l-liċenzja tas-sewqan ta' sewieq. Il-Kummissjoni li taġixxi bi qbil mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 24 (2) għandha tiżviluppa linji gwida bil-għan li jippromwovu applikazzjoni armonizzata ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 22

1.  L-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u biex jikkontrollaw li hemm konformità miegħu.

2.  L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jiskambjaw b'mod regolari l-informazzjoni kollha disponibbli dwar:

(a) il-ksur tar-regoli mniżżla fil-Kapitolu II minn persuni li mhumiex residenti u kull penali imposta għal dan il-ksur;

(b) il-penali imposti minn Stat Membru fuq ir-residenti tiegħu għal ksur bħal dan li jitwettaq fi Stati Membri oħra.

3.  L-Istati Membri għandhom jibgħatu regolarment l-informazzjoni relevanti dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni nazzjonali ta' dan ir-Regolament lill-Kummissjoni, li għandha tagħmel din l-informazzjoni disponibbli fil-forma elettronika lill-Istati Membri l-oħra.

4.  Il-Kummissjoni għandha tappoġġa d-djalogu ta' bejn l-Istati Membri dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni nazzjonali ta' dan ir-Regolament permezz tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 24 (1).

Artikolu 23

Il-Komunità għandha tidħol f'kull negozjati ma' pajjiżi terzi li jistgħu jkunu meħtieġa sabiex ikun implimentat dan ir-Regolament.

Artikolu 24

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat imwaqqaf taħt l-Artikolu 18(1) tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85.

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

3.  Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 25

1.  B'talba ta' Stat Membru, jew b'inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni għandha:

(a) teżamina każijiet fejn iqumu differenzi fl-applikazzjoni u l-infurzar ta' kull disposizzjoni ta' dan ir-Regolament u b'mod partikolari dwar il-ħinijiet tas-sewqan, il- pawżi u l-perijodi ta' mistrieħ;

(b) tiċċara d-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, bl-iskop li tippromovi approċċ komuni.

2.  Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar approċċ rakkommandat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2). Il-Kummissjoni għandha tikkomunika d-deċiżjoni tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Istati Membri.



KAPITOLU VI

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 26

Ir-Regolament (KEE) Nru 3821/85 għandu jinbidel b'li ġej:

1. L-Artikolu 2 għandu jiġi emendat kif ġej:

“Artikolu 2

Għall-fini ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw it-tifsiriet li hemm fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 ( 5 ).

2. L-Artikolu 3(1), (2) u (3) għandhom jinbidlu b'dan li ġej:

“1.  It-tagħmir ta' reġistrazzjoni għandu jkun stallat u wżat fil-vetturi reġistrati fi Stat Membru li jintużaw għat-trasport ta' passiġġieri jew ta' merkanzija bit-triq, ħlief il-vetturi msemmija fl-Artikoli 3 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006. Vetturi msemmija fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 u vetturi, li kienu eżentati mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85, iżda li ma għadhomx eżentati taħt ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 għandu jkollhom sa l-31 ta' Diċembru 2007 biex jikkonformaw ma' dan ir-rekwiżit.

2.  L-Istati Membri jistgħu jeżentaw il-vetturi msemmija fl-Artikolu 13(1) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

3.  L-Istati Membri jistgħu, wara awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni, jeżentaw mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament il-vetturi wżati għall-operazzjonijiet tat-trasport imsemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006.”;

3. L-Artikolu 14(2) għandu jinbidel kif ġej:

“2.  L-impriża għandha żżomm il-folji tar-rekords u l-karti stampati, kull meta jkunu nħarġu dawn il-karti stampati biex ikun hemm konformità ma' l-Artikolu 15(1), f'ordni kronoloġika u f'forma li tista' tinqara għal mill-inqas minn sena wara l-użu tagħhom u għandha tagħti kopji lix-xufiera kkonċernati li jitolbu għalihom. L-impriża għandha wkoll tagħti kopja tad-data mniżżla mill-cards tax-xufier, ix-xufiera kkonċernati li jitolbuhom u l-karti stampati ta' dawn il-kopji. Il-folji ta' reġistrazzjoni, il-karti stampati u l-informazzjoni mniżżla għandhom jintwerew jew jingħataw meta mitluba minn kull uffiċjal awtorizzat li jispezzjona.”;

4. L-Artikolu 15 għandu jiġi emendat kif ġej:

 Fil-paragrafu 1, għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

 

“Fejn il-card tax-xufier titħassar, ma tibqax taħdem tajjeb jew ma tkunx fil-pussess tax-xufier, ix-xufier għandu:

(a) fil-bidu tal-vjaġġ tiegħu, jistampa d-dettalji tal-vettura li jkun qiegħed isuq ix-xufier, u għandu jdaħħal f'dik il-karta stampata:

(i) id-dettalji li bihom ix-xufier jista' jiġi identifikat (l-isem, il-card tax-xufier jew in-numru tal-liċenzja tax-xufier), inkluża l-firma tiegħu;

(ii) il-perijodi tal-ħin imsemmija fil-paragrafu 3, it-tieni inċiż (b), (ċ) u (d).

(b) fl-aħħar tal-vjaġġ, jistampa l-informazzjoni dwar il-perijodi ta' ħin irreġistrati mit-tagħmir tar-reġistrazzjoni, jirreġistra kull perijodu ta' xogħol ieħor, disponibbiltà u mistrieħ li jkun ħa mill-ħin mindu kienet stampata il-folja fil-bidu tal-vjaġġ, meta ma jkunx reġistrat mit-takografu, u jimmarka fuq dak id-dokument id-dettalji li bihom ix-xufier jista' jiġi identifikat (l-isem, il-card tax-xufier jew in-numru tal-liċenzja tax-xufier), inkluża l-firma tiegħu.”;

 Il-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu għandu jinbidel b'dan li ġej:

 

“Meta x-xufier ma jkunx jista' juża t-tagħmir stallat fil-vettura minħabba li x-xufier kien 'il bogħod mill-vettura, il-perijodi tal-ħin imsemmija fil-paragrafu 3, it-tieni inċiż (b), (ċ) u (d) għandhom:

(a) jekk il-vettura tkun stallata b'tagħmir ta' reġistrazzjoni skond l-Anness I, jiddaħħlu fil-folja tar-rekords, jew manwalment, jew b'reġistrazzjoni awtomatika jew b'mezzi oħra, b'mod li jistgħu jinqraw u mingħajr ma titħammeġ il-folja; jew

(b) jekk il-vettura tkun attrezzata b'tagħmir tar-reġistrazzjoni skond l-Anness IB, jiddaħħlu fil-card tax-xufier permezz tal-faċilità ta' dħul manwali li hemm fit-tagħmir tar-reġistrazzjoni.

Fejn ikun hemm aktar minn xufier wieħed fuq il-vettura attrezzata bit-tagħmir ta' reġistrazzjoni skond l-Anness IB, kull xufier għandu jiżgura illi l-card tax-xufiera tiegħu tidħol fl-islott it-tajjeb fit-takografu.”;

 Il-paragrafi (3)(b) u (ċ) għandhom jinbidlu b'dan li ġej:

 

“(b) ‘xogħol ieħor’ tfisser kull attività minbarra s-sewqan, kif imfisser fl-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta' persuni li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport bit-triq ( 6 ), kif ukoll kull xogħol għall-istess persuna li tħaddem jew għal xi persuna oħra li tħaddem kemm fis-settur tat-trasport jew barra minnu, u għandha tkun irreġistrata taħt dan is-sinjal image.

(ċ) ‘disponibbiltà’ definita fl-Artikolu 3(b) tad-Direttiva 2002/15/KE għandha tkun irreġistrata taħt dan is-sinjal image.

 Il-paragrafu 4 għandu jitħassar;

 Il-paragrafu 7 għandu jinbidel b'dan li ġej:

  “7.  

(a) Fejn ix-xufier isuq vettura li tkun attrezzata b'tagħmir ta' reġistrazzjoni skond l-Anness I, ix-xufier għandu jkun kapaċi juri, kull meta jintalab minn uffiċjali li jispezzjona:

(i) il-folji tar-rekords għall-ġimgħa kurrenti u dawk użati mix-xufier fil-15-il jum ta' qabel;

(ii) il-card tax-xufier jekk dan ikollu waħda, u

(iii) kull rekord manwali u karti stampati li jkunu saru matul il-ġimgħa kurrenti u l-15-il jum ta' qabel kif meħtieġ taħt dan ir-Regolament u r-Regolament (KE) Nru 561/2006.

Madankollu, wara l-1 ta' Jannar 2008, il-perijodi ta' ħin imsemmija f'(i) u (iii) għandhom ikopru l-jum kurrenti u t-28 jum ta' qabel.

(b) Meta x-xufier isuq vettura attrezzata b'tagħmir ta' reġistrazzjoni skond l-Anness IB, ix-xufier għandu jkun kapaċi juri, kull meta jintalab minn uffiċjali li jispezzjona:

(i) il-card tax-xufier tiegħu;

(ii) kull rekord manwali u karta stampata li tkun saret matul il-ġimgħa kurrenti u l-15-il jum ta' qabel kif mitlub taħt dan ir-Regolament u Regolament (KE) Nru 561/2006, u

(iii) il-folji tar-rekords li jaqblu ma' l-istess perijodu bħal dak imsemmi fis-subparagrafu ta' qabel li matulu huwa saq vettura attrezzata b'tagħmir ta' reġistrazzjoni skond l-Anness 1.

Madankollu, wara l-1 ta' Jannar 2008, il-perijodi ta' ħin imsemmija taħt (ii) għandhom ikopru il-jum kurrenti u t-28 jum ta' qabel.

(ċ) Uffiċjali awtorizzat li jispezzjona jista' jiċċekkja l-konformità mar-Regolament (KE) Nru 561/2006 billi janalizza l-folji tar-rekords, tad-data murija jew stampata li tkun ġiet irreġistrata mit-tagħmir ta' reġistrazzjoni jew mill-card tax-xufier jew, fin-nuqqas ta' dan, billi janalizza kwalunkwe dokument ieħor ta' appoġġ illi jiġġustifika n-nuqqas ta' osservanza ta' xi disposizzjoni, bħal dawk imniżżla fl-Artikoli 16 (2) u (3).”

Artikolu 27

Ir-Regolament (KEE) Nru 2135/98 qiegħed jiġi emendat kif ġej:

1. L-Artikolu 2(1)(a) għandu jinbidel b'dan li ġej:

“1.  

(a) Mill-għoxrin jum wara l-jum tal-pubblikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' ... dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġislazzjoni soċjali relatata mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 ( 7 ) vetturi mressqa għas-servizz għall-ewwel darba għandhom jitwaħħlilhom tagħmir ta' reġistrazzjoni skond il-ħtiġiet ta' l-Anness IB għar-Regolament (KEE) Nru 3821/85.

2. L-Artikolu 2(2) għandu jinbidel b'dan li ġej:

“2.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li huma qegħdin f'pożizzjoni li joħorġu karti tas-sewqan mhux aktar tard mill-għoxrin jum wara l-jum tal-pubblikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006”.

Artikolu 28

Ir-Regolament (KEE) Nru 3820/85 qiegħed b'dan jiġi mħassar u mibdul b'dan ir-Regolament.

Madankollu, il-paragrafi 1, 2 u 4 ta' Artikolu 5 tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85 għandhom jibqgħu japplikaw sad-dati mniżżla fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2003/59/KE.

Artikolu 29

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-11 ta' April 2007, minbarra l-Artikoli 10(5), 26(3) u (4) u 27, li għandhom jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2006.

Dan ir-Regolament għandu jkun jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) ĠU L 74, 20.3.1992, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003.

( 2 ) ĠU L 300, 14.11.2009, p. 88.

( 3 ) ĠU L 15, 21.1.1998, p. 14.

( 4 ) ĠU L 72, 25.3.1993, p. 33.

( 5 ) ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1”;

( 6 ) ĠU L 80, 23.2.2002, p. 35.”;

( 7 ) ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1”.