2005R1552 — MT — 07.08.2009 — 002.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

IR-REGOLAMENT (KE) Nru 1552/2005 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-7 ta' Settembru 2005

dwar statistika li tirrigwarda t-taħriġ vokazzjonali fl-intrapriżi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 255, 30.9.2005, p.1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

REGOLAMENT Nru 1893/2006 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL ta' l-20 ta' Diċembru 2006

  L 393

1

30.12.2006

►M2

REGOLAMENT (KE) Nru 596/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-18 ta’ Ġunju 2009

  L 188

14

18.7.2009




▼B

IR-REGOLAMENT (KE) Nru 1552/2005 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-7 ta' Settembru 2005

dwar statistika li tirrigwarda t-taħriġ vokazzjonali fl-intrapriżi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)



IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 285(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat ( 1 ),

Billi:

(1)

Fil-Kunsill Ewropew ta' Liżbona tat-23 u l-24 ta' Marzu 2000, l-Unjoni Ewropea stabbilixxiet l-għan strateġiku li ssir l-iktar ekonomija kompetittiva u dinamika bbażata fuq l-għarfien fid-dinja, kapaċi li tirrealizza żvilupp ekonomiku sostenut b'iktar u aħjar xogħol u b'koeżjoni soċjali ikbar.

(2)

Il-kapaċità li ċ-ċittadini jsibu xogħol, kif ukoll l-adattabilità u l-mobilità tagħhom huma essenzjali sabiex l-Unjoni tkun tista' tkompli twettaq l-impenn tagħha li ssir l-iktar ekonomija kompetittiva u dinamika bbażata fuq l-għarfien fid-dinja.

(3)

It-tagħlim tul il-ħajja huwa element kruċjali għall-iżvilupp u l-inkoraġġiment ta' ħaddiema kapaċi, mħarrġa u flessibbli.

(4)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Mejju 2003 dwar livelli ta' referenza għall-operat medju Ewropew fl-edukazzjoni u fit-taħriġ (punti ta' referenza) ( 2 ) adottaw dan il-punt ta' referenza għat-tagħlim tul il-ħajja: “Għalhekk, sa l-2010, il-livell medju ta' parteċipazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea fit-Tagħlim tul il-Ħajja għandu jkun ta' mill-inqas 12,5 % tal-popolazzjoni adulta li għandha l-età li taħdem (25 sa 64 sena)”.

(5)

Il-Kunsill Ewropew ta' Liżbona kkonferma li t-tagħlim tul il-ħajja huwa element bażiku tal-mudell soċjali Ewropew.

(6)

L-Istrateġija Ewropea għall-Impjieg ġdida konfermata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/578/KE tat-22 ta' Lulju 2003 dwar linji gwida għall-politika tax-xogħol ta' l-Istati Membri ( 3 ) timmira sabiex tikkontribwixxi aħjar għall-istrateġija ta' Liżbona u timplimenta strateġiji koerenti u komprensivi għat-tagħlim tul il-ħajja.

(7)

Fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandu jittieħed kont tal-kunċett ta' persuni żvantaġġjati fis-suq tax-xogħol mogħti fil-linji gwida għall-politika tax-xogħol ta' l-Istati Membri.

(8)

Għandha tingħata attenzjoni partikulari għat-taħriġ fuq il-post tax-xogħol u matul il-ħin tax-xogħol, billi dawn iż-żewġ aspetti huma ta' dimensjonijiet kruċjali tat-tagħlim tul il-ħajja.

(9)

Informazzjoni bbażata fuq statistika paragunabbli fuq livell Komunitarju, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mat-taħriġ vokazzjonali fl-intrapriżi, hija essenzjali għall-iżvilupp ta' strateġiji ta' tagħlim tul il-ħajja u għall-monitoraġġ tal-progress ta' l-implimentazzjoni tagħhom.

(10)

Il-produzzjoni ta' statistika speċifika tal-Komunità hija rregolata minn regoli stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 ta' Frar 1997 dwar l-Istatistika tal-Komunità ( 4 ).

(11)

It-trasmissjoni ta' data soġġetta għal kunfidenzjalità statistika hija rregolata mir-regoli stipulati fir-Regolament (KE) Nru 322/97 u fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KEE) Nru 1588/90 tal-11 ta' Ġunju 1990 dwar it-trasmissjoni ta' data li hija l-oġġett ta' kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċcju ta' l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej ( 5 ).

(12)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 831/2002 tas-17 ta' Mejju 2002 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 dwar Statistika tal-Komunità, rigward l-aċċess għal data kunfidenzjali għal skopijiet xjentifiċi ( 6 ) stabbilixxa l-kundizzjonijiet skond liema jista' jingħata aċċess għal data kunfidenzjali mgħoddija lill-awtorità tal-Komunità.

(13)

Peress li l-għan ta' dan ir-Regolament, u ċioè il-ħolqien ta' standards komuni ta' statistika li jippermettu l-produzzjoni ta' data armonizzata fuq it-taħriġ vokazzjonali fl-intrapriżi ma jistgħux jintlaħqu għal kollox mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu jintlaħqu aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta ċerti miżuri, bi qbil mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat fl-imsemmi Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan.

(14)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati bi qbil mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistipula l-proċeduri għall-eżerċizzju ta' setgħat implimentattivi mogħtija lill-Kummissjoni ( 7 ). Dawn il-miżuri għandhom jieħdu kont tal-kapaċitajiet disponibbli fl-Istati Membri għall-ġbir u l-ipproċessar tad-data.

(15)

Il-Kumitat għall-Programm għall-Istatistika ġie kkonsultat skond l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom tad-19 ta' Ġunju 1989 li tistabbilixxi Kumitat għall-Programmi għall-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej ( 8 ),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:



L-Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas komuni għall-produzzjoni ta' statistika Komunitarja dwar it-taħriġ vokazzjonali fl-intrapriżi.

L-Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

1. “intrapriża” tfisser l-intrapriża kif definita fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 696/93 tal-15 ta' Marzu 1993 dwar l-unitajiet statistiċi għall-osservazzjoni u l-analiżi tas-sistema ta' produzzjoni fil-Komunità ( 9 );

▼M1 —————

▼B

L-Artikolu 3

Data li għandha tinġabar

1.  Id-data għandha tinġabar mill-Istati Membri bil-ħsieb li tkun prodotta statistika Komunitarja għall-analiżi tat-taħriġ vokazzjonali kontinwu fl-intrapriżi fl-oqsma li ġejjin:

(a) il-politika u l-istrateġiji ta' taħriġ ta' l-intrapriżi fl-iżvilupp ta' l-abilitajiet ta' l-impjegati tagħhom;

(b) il-ġestjoni, l-organizzazzjoni u l-forom ta' taħriġ vokazzjonali kontinwu fl-intrapriżi;

(ċ) l-irwol ta' l-imsieħba soċjali biex jiżguraw l-aspetti kollha tat-taħriġ vokazzjonali kontinwu fuq il-post tax-xogħol;

(d) aċċess għat-taħriġ vokazzjonali kontinwu, il-kwantità u l-kontenut ta' dan, b'mod partikulari fil-kuntest ta' l-attività ekonomika u tad-daqs ta' l-intrapriża;

(e) miżuri speċifiċi ta' l-intrapriżi għat-taħriġ vokazzjonali kontinwu biex jittejbu l-kompetenzi ta' l-impjegati fil-qasam ta' l-ICT;

(f) l-opportunitajiet għall-impjegati ta' l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) biex ikollhom aċċess għat-taħriġ vokazzjonali kontinwu u biex jiksbu kompetenzi ġodda, u l-bżonnijiet partikulari ta' l-SMEs fil-provvista tat-taħriġ;

(g) l-effetti ta' miżuri pubbliċi fuq taħriġ vokazzjonali kontinwu fl-intrapriżi;

(h) opportunitajiet indaqs għall-impjegati kollha fl-aċċess għat-taħriġ vokazzjonali kontinwu fl-intrapriżi, b'rigward għas-sess u l-età ta' gruppi speċifiċi b'mod partikolari;

(i) miżuri speċifiċi għat-taħriġ vokazzjonali kontinwu għal nies li huma żvantaġġjati fis-suq tax-xogħol;

(j) it-tkomplija ta' miżuri ta' taħriġ vokazzjonali immirati għal tipi differenti ta' kuntratti ta' impjieg;

(k) l-ispejjeż marbutin mat-taħriġ vokazzjonali kontinwu: livelli u riżorsi ta' ffinanzjar, inċentivi għat-taħriġ vokazzjonali kontinwu; u

(l) il-proċeduri ta' evalwazzjoni u ta' monitoraġġ ta' l-intrapriżi fir-rigward tat-taħriġ vokazzjonali kontinwu.

2.  Data speċifika fil-qasam tat-taħriġ vokazzjonali inizjali fl-intrapriżi għandha tinġabar mill-Istati Membri rigward:

(a) il-parteċipanti li jkunu qed jirċievu taħriġ vokazzjonali inizjali; u

(b) l-ispejjeż totali għat-taħriġ vokazzjonali inizjali.

▼M1

Artikolu 4

Ambitu ta' l-istatistika

L-istatistika fuq it-taħriġ vokazzjonali fl-intrapriżi għandha tkopri għall-inqas l-attivitajiet ekonomiċi kollha mfissra fit-taqsimiet minn B sa N u minn R sa S tan-NACE Rev. 2.

▼B

L-Artikolu 5

Unitajiet ta' l-istatistika

1.  Għall-ġbir tad-data, l-intrapriża li teżerċita waħda mill-attivitajiet ekonomiċi msemmija fl-Artikolu 4 u li tħaddem 10 impjegati jew iktar għandha tiġi meqjusa bħala unità statistika.

▼M2

2.  B’kont meħud tad-distribuzzjoni speċifika, skont id-daqs, ta’ intrapriżi f’livell nazzjonali u l-evoluzzjoni tal-ħtiġijiet tal-politika, l-Istati Membri jistgħu jestendu d-definizzjoni ta’ unità statistika f’pajjiżhom. Il-Kummissjoni tista’ wkoll tiddeċiedi li testendi dik id-definizzjoni, jekk tali estensjoni ttejjeb sostanzjalment il-kwalità ta’ rappreżentazzjoni u l-kwalità tar-riżultat tal-istħarriġ fl-Istati Membri kollha. Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 14(3).

▼B

L-Artikolu 6

Sorsi ta' data

1.  Stati Membri għandhom jiksbu d-data meħtieġa permezz ta' stħarriġ fl-intrapriżi jew permezz ta' stħarriġ fl-intrapriżi flimkien ma' sorsi oħra, bl-applikazzjoni ta' prinċipji ta' piż imnaqqas fuq min iwieġeb u ta' simplifikazzjoni amministrattiva.

2.  Stati Membri għandhom jistabbilixxu l-metodu li bih l-intrapriżi jwieġbu għall-istħarriġ.

3.  Permezz ta' l-istħarriġ, l-intrapriżi huma interpellati sabiex jagħtu data korretta u sħiħa fiż-żmien preskritt.

4.  Jistgħu jintużaw sorsi oħra, inkluża data amministrattiva, biex tiġi kompletata d-data miġbura, jekk dawn is-sorsi huma adatti f'termini ta' rilevanza u żmien.

L-Artikolu 7

Karatteristiċi ta' l-istħarriġ

1.  L-istħarriġ għandu jkun stħarriġ bil-ġbir ta' kampjuni.

2.  Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li d-data li jitrasmettu tirrifletti l-istruttura tal-popolazzjoni ta' l-unitajiet statistiċi. L-istħarriġ għandu jitmexxa b'tali mod li jippermetti analiżi statistika tar-riżultati fuq livell Komunitarju għall-inqas fil-kategoriji li ġejjin:

(a) attivitajiet ekonomiċi skond in- ►M1  Rev. 2 tan-NACE ◄ ; u

(b) id-daqs ta' l-intrapriżi.

▼M2

3.  Il-metodu għall-ġbir ta’ kampjuni u r-rekwiżiti għall-preċiżjoni, id-daqs tal-kampjuni meħtieġa biex jintlaħqu dawk ir-rekwiżiti kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati tan-NACE Rev. 2 u l-kategoriji tad-daqs skont liema r-riżultati jistgħu jiġu analizzati statistikament għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni. Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 14(3).

▼B

L-Artikolu 8

Metodu ta' l-istħarriġ

1.  Sabiex jitnaqqas il-piż fuq min iwieġeb, il-metodu ta' kif isir l-istħarriġ għandu jippermetti li l-ġbir tad-data jiġi addattat fi-rigward ta':

(a) intrapriżi għat-taħriġ u intrapriżi li mhumiex għat-taħriġ; u

(b) forom differenti ta' taħriġ vokazzjonali.

▼M2

2.  Id-data speċifika li ser tinġabar rigward l-intrapriżi għat-taħriġ u l-intrapriżi li mhumiex għat-taħriġ u rigward il-forom differenti ta’ taħriġ vokazzjonali huma stabbiliti mill-Kummissjoni. Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 14(3).

▼B

L-Artikolu 9

Kontroll tal-kwalità u rapporti

1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw il-kwalità tad-data li jitrasmettu.

2.  Mhux iktar tard minn 21 xahar wara t-tmiem tal-perjodu ta' referenza imsemmi fl-Artikolu 10, Stati Membri għandhom jippreżentaw rapport ta' kwalità lill-Kummissjoni (Eurostat) li jkun fih l-informazzjoni u d-data kollha mitluba sabiex tkun verifikata l-kwalità tad-data trasmessa. Ir-rapport għandu jispeċifika ksur potenzjali tar-rekwiżiti metodoloġiċi.

3.  Abbażi tar-rapporti msemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tevalwa l-kwalità tad-data trasmessa b'attenzjoni partikulari sabiex jiġi żġurat li d-data bejn Stati Membri tkun kumparabbli.

▼M2

4.  Il-ħtiġijiet ta’ kwalità fir-rigward ta’ data miġbura u trażmessa għall-istatistiċi tal-Komunità dwar it-taħriġ vokazzjonali fl-intrapriżi, l-istruttura tar-rapporti dwar il-kwalità msemmija fil-paragrafu 2 u kull miżura meħtieġa biex il-kwalità tad-data tiġi evalwata u mtejba huma stabbiliti mill-Kummissjoni. Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 14(3).

▼B

L-Artikolu 10

Perjodu ta' referenza u perjodiċità

1.  Il-perjodu ta' referenza li għandu jiġi kopert fil-ġbir tad-data għandu jkun ta' sena kalendarja.

▼M2

2.  Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-ewwel sena ta’ referenza li għaliha għandha tiġi miġbura d-data. Din il-miżura, imfassla biex temenda l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi tissupplimentah, għandha tiġi adottata f’konformità mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 14(3).

▼B

3.  L-Istati Membri għandhom jiġbru d-data kull ħames snin.

L-Artikolu 11

Trasmissjoni tad-data

1.  L-Istati Membri u l-Kummissjoni, fl-oqsma tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, għandhom jippromwovu l-kundizzjonijiet biex ikun hemm iktar użu tal-ġbir elettroniku tad-data, tat-trasmissjoni elettronika tad-data u ta' l-ipproċessar awtomatiku tad-data.

2.  Stati Membri għandhom jittrasmettu lill-Kummissjoni (Eurostat) id-data individwali ta' l-intrapriżi skond id-dispożizzjonijiet tal-Komunita li diġà jeżistu dwar it-trasmissjoni tad-data soġġetta għall-kunfidenzjalità ta' l-istatistika kif stipulata fir-Regolamenti (KE) Nru 322/97 u (Euratom, KEE) Nru 1588/90. Stati Membri għandhom jiżguraw li d-data trasmessa ma tippermettix l-identifikazzjoni diretta ta' l-unitajiet statistiċi.

3.  Stati Membri għandhom jittrasmettu d-data f'forma elettronika, skond il-format tekniku adatt u l-istandard ta' l-iskambju li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2).

4.  Stati Membri għandhom jittrasmettu d-data kompleta u korretta mhux aktar tard minn 18-il xahar mit-tmiem tas-sena ta' referenza.

L-Artikolu 12

Rapport dwar l-implimentazzjoni

1.  Sa 20 ta' Ottubru 2010 u wara li jiġi kkonsultat il-Kumitat għall-Programm Statistiku, il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Dan ir-rapport għandu, b'mod partikulari:

(a) jevalwa l-benefiċċji li jgawdu minnhom il-Komunità, l-Istati Membri u l-utenti ta' l-istatistika prodotta meta mqabblin mal-piż fuq min iwieġeb; u

(b) jidentifika oqsma li jistgħu potenzjalment jittejbu u emendi, li jidher li huma meħtieġa fid-dawl tar-riżultati miksuba.

2.  Wara r-rapport, il-Kummissjoni tista' tipproponi miżuri sabiex tittejjeb l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

▼M2

Artikolu 13

Miżuri ta’ implimentazzjoni

Il-miżuri meħtieġa biex jitqiesu l-iżviluppi ekonomiċi u tekniċi rigward il-ġbir, it-trażmissjoni u l-ipproċess ta’ data, għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni. Dawk il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 14(3).

Miżuri oħra għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament li għandhom x’jaqsmu mal-format tekniku xieraq u l-istandard tal-iskambju għat-trażmissjoni elettronika tad-data, għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni f’konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 14(2).

Artikolu 14

Proċedura tal-Kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat tal-Programm Statistiku stabbilit bl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 89/382/KEE, Euratom ( 10 ).

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stipulat fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal tliet xhur.

3.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

▼B

L-Artikolu 15

Iffinanzjar

1.  Għall-ewwel sena ta' referenza li għaliha għandhom ikunu prodotti l-istatistiċi tal-Komunità msemmija f'dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tagħmel kontribuzzjoni finanzjarja lill-Istati Membri bħala għajnuna biex jiġu koperti l-ispejjeż li jkollhom fil-ġbir, fl-ipproċessar u fit-trasmissjoni tad-data.

2.  L-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja għandu jiġi ffissat bħala parti mill-proċedura tal-budget annwali relevanti. L-awtorità tal-budget għandha tiddefinixxi l-approprjazzjoni disponibbli.

3.  Fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' tirrikorri għal esperti u għal organizzazzjonijiet għall-għajnuna teknika, li jista' jkun hemm provvediment għall-iffinanzjar tagħhom fil-qafas finanzjarju ġenerali għal dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni tista' torganizza seminars, kollokwji jew laqgħat oħra ta' esperti li jistgħu jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, u tista' twettaq azzjonijet ta' informazzjoni, ta' pubblikazzjoni u ta' disseminazzjoni adatti.

L-Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara l-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Frar 2005 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2005.

( 2 ) ĠU C 134, tas-7.6.2003, p. 3.

( 3 ) ĠU L 197, tal-5.8.2003, p. 13.

( 4 ) ĠU L 52, tat-22.2.1997, p. 1. Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal Kunsill (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).

( 5 ) ĠU L 151, tal-15.6.1990, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003.

( 6 ) ĠU L 133, tat-18.5.2002, p. 7.

( 7 ) ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

( 8 ) ĠU L 181, tat-28.6.1989, p. 47.

( 9 ) ĠU L 76, tat-30.3.1993, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003.

( 10 ) ĠU L 181, 28.6.1989, p. 47.