02005L0029 — MT — 28.05.2022 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
DIRETTIVA 2005/29/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU L 149 11.6.2005, p. 22) |
Emendata bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
Nru |
Paġna |
Data |
||
L 328 |
7 |
18.12.2019 |
Ikkoreġuta bi:
DIRETTIVA 2005/29/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-11 ta' Mejju 2005
dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
KAPITOLU 1
DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Għan
L-għan ta' din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li tikseb livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur billi tapprossima l-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' din id-Direttiva:
“konsumatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika li, fil-kuntest ta' prattiċi kummerċjali koperti minn din id-Direttiva, taġixxi għal skopijiet li huma barra mill-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha;
“kummerċjant” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, fi prattiċi kummerċjali koperti minn din id-Direttiva, taġixxi għal skopijiet marbuta mal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha u kull minn jaġixxi f'isem jew fl-interessi ta' kummerċjant;
“prodott” tfisser kwalunkwe oġġett jew servizz inklużi proprjetà immobbli, servizzi diġitali u kontenut diġitali, kif ukoll drittijiet u obbligi;
“prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur” (minn hawn 'il quddiem imsejħa 'prattiċi kummerċjali') tfisser kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta' xi prodott lil konsumaturi;
“il-ħolqien ta' distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika ta' konsumaturi” tfisser l-użu ta' prattika kummerċjali sabiex tiġi mfixkla b'mod apprezzabbli il-kapaċità tal-konsumatur li jagħmel deċiżjoni nfurmata, li bih il-konsumatur jiġi mġiegħel jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f'ċirkostanzi oħra;
“kodiċi ta' kondotta” tfisser kwalunkwe ftehim jew sett ta' regoli li mhumiex imposti b'liġi, regolament jew disposizzjoni amministrattiva ta' Stat Membru li jiddefinixxu l-imġieba ta' kummerċjanti li jassumu l-obbligu li josservaw il-kodiċi fejn għandhom x'jaqsmu waħda jew iktar prattiċi kummerċjali partikolari jew setturi ta' negozju;
“sid ta' kodiċi” tfisser kwalunkwe entità, inkluż kummerċjant jew grupp ta' kummerċjanti, responsabbli mit-tfassil u r-reviżjoni ta' kodiċi ta' kondotta u/jew mill-monitoraġġ tal-konformità mal-kodiċi minn dawk li assumew l-obbligu li josservawh;
“diliġenza professjonali” tfisser l-istandard ta' sengħa u kura speċjali li kummerċjant huwa raġjonevolment mistenni li jeżerċita fir-rigward ta' konsumaturi, proporzjonat ma' prattika onesta fis-suq u/jew mal-prinċipju ġenerali tal-bona fidi fil-qasam ta' attività tal-kummerċjant;
“stedina għax-xiri” tfisser komunikazzjoni kummerċjali li tindika karatteristiċi tal-prodott u l-prezz f'mod adegwat għall-mezzi ta' komunikazzjoni kummerċjali li ntużaw u li għalhekk tippermetti l-konsumatur jagħmel xirja;
“influwenza mhux xierqa” tfisser l-isfruttament ta' pożizzjoni ta' poter fil-konfront tal-konsumatur sabiex tiġi applikata pressjoni fuqu, anke mingħajr l-użu jew it-theddid ta' l-użu tal-forza fiżika, b'mod li jillimita sostanzjalment il-kapaċità tal-konsumatur li jieħu deċiżjoni informata;
“deċiżjoni transazzjonali” tfisser kwalunkwe deċiżjoni meħuda minn konsumatur dwar jekk, kif u taħt liema kondizzjonijiet jixtri, iħallas il-prezz sħiħ jew parti mill-prezz ta' prodott, iżomm jew jiddisponi minn prodott jew jeżerċita xi dritt kontrattwali fir-rigward tal-prodott, kemm jekk il-konsumatur jiddeċiedi li jieħu jew ma jieħux xi azzjoni;
“professjoni regolata”: tfisser attività professjonali jew grupp ta' attivitajiet professjonali, li l-aċċess għalihom jew il-prattika tagħhom, jew wieħed mill-modalitajiet tal-prattika tagħhom, huwa kondizzjonat, b'mod dirett jew indirett, mill-pussess ta' kwalifiki professjonali speċifiċi, skond liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi;
“klassifikazzjoni”: tfisser il-prominenza relattiva mogħtija lill-prodotti, kif ippreżentati, organizzati jew ikkomunikati mill-kummerċjant, irrispettivament mill-mezzi teknoloġiċi użati għal tali preżentazzjoni, organizzazzjoni jew komunikazzjoni;
“suq online”: tfisser servizz bl-użu ta’ software, inklużi sit web, parti minn sit web jew applikazzjoni, operat minn kummerċjant jew f’ismu, li jippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ kummerċjanti jew konsumaturi oħra.
Artikolu 3
Ambitu ta' applikazzjoni
1. Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara transazzjoni kummerċjali fir-rigward ta' xi prodott.
2. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġi kontrattwali u, b'mod partikolari, għar-regoli dwar il-validità, it-tfassil u l-effetti ta' kuntratt.
3. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għar-regoli Komunitarji jew nazzjonali konnessi ma' aspetti ta' saħħa u sigurtà ta' prodotti.
4. Fil-każ ta' konflitt bejn id-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva u regoli Komunitarji oħra li jirregolaw aspetti speċifiċi ta' prattiċi kummerċjali żleali, dawn ta' l-aħħar għandhom jipprevalixxu u japplikaw għal dawk l-aspetti speċifiċi.
5. Din id-Direttiva ma żżommx lill-Istati Membri milli jadottaw dispożizzjonijiet biex jipproteġu l-interessi leġittimi tal-konsumaturi fir-rigward ta’ kummerċjalizzazzjoni jew prattiki ta’ bejgħ aggressivi jew qarrieqa fil-kuntest ta’ żjarat mhux mitluba minn kummerċjant fid-dar ta’ konsumatur jew vjaġġi promozzjonaliorganizzati minn kummerċjant bil-għan jew bl-effett li jippromwovi jew ibigħ prodotti lill-konsumaturi. Tali dispożizzjonijiet għandhom ikunu proporzjonati, mhux diskriminatorji u ġustifikati għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur.
6. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bi kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali adottata fuq il-bażi tal-paragrafu 5 kif ukoll bi kwalunkwe tibdil sussegwenti. Il-Kummissjoni għandha tagħmel din l-informazzjoni faċilment aċċessibbli għall-konsumaturi u l-kummerċjanti fuq sit web apposta.
7. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għar-regoli li jiddeterminaw il-kompetenza tal-qrati.
8. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe kondizzjonijiet ta' stabbiliment jew reġimi ta' awtorizzazzjoni, jew għall-kodiċijiet deontoloġiċi ta' kondotta jew regoli speċifiċi oħra li jiggvernaw professjonijiet regolati sabiex jinżammu livelli għolja ta' integrità min-naħa tal-professjonisti, li l-Istati Membri jistgħu, konformement mal-liġi Komunitarja, jimponu fuq il-professjonisti.
9. Fir-rigward ta' “servizzi finanzjarji” kif definiti fid-Direttiva 2002/65/KE, u proprjetà immobbli, l-Istati Membri jistgħu jimponu kondizzjonijiet li huma iktar restrittivi jew preskrittivi minn din id-Direttiva f'dak il-qasam li hija tapprossima.
10. Din id-Direttiva ma għandiex tapplika għall-applikazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri konnessi maċ-ċertifikazzjoni u l-indikazzjoni tal-livell ta' finezza ta' artikoli ta' metall prezzjuż.
Artikolu 4
Suq intern
L-Istati Membri la għandhom jirrestrinġu l-libertà tal-provvista ta' servizzi u lanqas għandhom jirrestrinġu l-moviment liberu ta' merkanzija għal raġunijiet li jaqgħu fil-qasam approssimat minn din id-Direttiva.
KAPITOLU 2
PRATTIĊI KUMMERĊJALI ŻLEALI
Artikolu 5
Projbizzjoni ta' prattiċi kummerċjali żleali
1. Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti.
2. Prattika kummerċjali tkun żleali jekk:
hija kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali, u
toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista' toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq jew li lilu tkun indirizzata, jew tal-membru medju tal-grupp meta xi prattika kummerċjali tkun diretta lejn grupp partikolari ta' konsumaturi.
3. Prattiċi kummerċjali li x'aktarx joħolqu distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika biss ta' grupp identifikabbli b'mod ċar ta' konsumaturi li huma partikolarment vulnerabbli għall-prattika jew għall-prodott li għalih din tirriferi minħabba l-mard mentali jew fiżiku, l-età jew il-kredulità tagħhom b'mod li l-kummerċjant jista' raġonevolment ikun mistenni li jipprevedi, għandhom jiġu eżaminati mill-perspettiva ta' membru medju ta' dak il-grupp. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-prattika komuni u leġittima ta' reklamar ta' stqarrijiet eżaġerati jew stqarrijiet li mhumiex intiżi sabiex jittieħdu litteralment.
4. B'mod partikolari, ikunu żleali dawk il-prattiċi kummerċjali li
jqarrqu kif stabbilit fl-Artikoli 6 u 7, jew
jkunu aggressivi kif stabbilit fl-Artikoli 8 u 9.
5. Fl-Anness I tinsab lista ta' dawk il-prattiċi kummerċjali li għandhom f'kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali. L-istess lista waħdanija għandha tapplika fl-Istati Membri kollha u tista tiġi modifikata biss permezz ta' revizjoni tad-Direttiva.
SEZZJONI 1
Artikolu 6
Azzjonijiet qarrieqa
1. Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqajekk tikkontjeni tagħrif falz u li għalhekk ma tikkorrispondix għall-verità jew li b'xi mod, anki bil-preżentazzjoni totali tagħha, tqarraq jew x'aktarx tqarraq bil-konsumatur medju, anke jekk it-tagħrif ikun korrett fattwalment, fir-rigward ta' wieħed jew iktar mill-elementi li ġejjin, u li f'kull każ iġġiegħlu jew x'aktarx iġġiegħlu jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f'ċirkostanzi oħra:
l-eżistenza jew in-natura tal-prodott;
il-karatteristiċi ewlenin tal-prodott, bħad-disponibbiltà, il-benefiċċji, ir-riskji, l-eżekuzzjoni, il-kompożizzjoni, l-aċċessorji, l-assistenza ta' wara l-bejgħ għall-konsumatur u t-trattament ta' ilmenti, il-metodi u d-data ta' manifattura jew tal-provvista, il-kunsinna, l-idoneità għall-iskop, l-użu, il-kwantità, l-ispeċifikazzjoni, l-oriġini ġeografika jew kummerċjali jew ir-riżultati li wieħed jistenna mill-użu tiegħu, jew ir-riżultati u l-karatteristiċi importanti ta' eżamijiet jew kontrolli magħmula tal-prodott;
il-firxa ta' l-impenji min-naħa tal-kummerċjant, il-motivi għall-prattika kummerċjali u n-natura tal-proċess tal-bejgħ, kwalunkwe stqarrija jew simbolu fir-rigward ta' sponsorizzazzjoni diretta jew indiretta jew approvazzjoni tal-kummerċjant jew tal-prodott;
il-prezz jew il-mod kif il-prezz huwa kalkolat, jew l-eżistenza ta' vantaġġ speċifiku fil-prezz;
il-bżonn ta' servizz, parti, sostituzzjoni jew tiswija;
in-natura, l-attributi u d-drittijiet tal-kummerċjant jew ta' l-aġent tiegħu, bħall-identità u assi tiegħu, il-kwalifiki, l-istatus, l-approvazzjoni, l-affiljazzjoni jew il-konnessjonijiet tiegħu u d-drittijiet tiegħu fuq proprjetà industrijali, kummerċjali jew intellettwali jew il-premji li ngħata u r-rikonoxximenti mogħtija lilu;
id-drittijiet tal-konsumatur, inkluż id-dritt ta' tibdil jew rimborż taħt id-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta' oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom ( 1 ), u r-riskji li jista' jiffaċċa.
2. Prattika kummerċjali għandha wkoll titqies bħala qarrieqa jekk, fil-kuntest fattwali tagħha, b'kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha, hija tikkawża jew x'aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f'ċirkostanzi oħra, u tinvolvi:
kwalunkwe kummerċjalizzazzjoni ta' prodott, inkluż reklamar komparattiv, li joħloq konfużjoni bejn kwalunkwe prodotti, trade marks, ismijiet kummerċjali u marki oħrajn distintivi ta' kompetitur;
nuqqas ta' konformità mill-kummerċjant ma' l-impenji kontenuti f'dawk il-kodiċijiet ta' kondotta li fuqhom il-kummerċjant impenja ruħu li jirregola lilu nnifsu, fejn:
l-impenn mhux wieħed li jaspira iżda huwa sod u li jista' jiġi verifikat, u
il-kummerċjant jindika fi prattika kummerċjali li huwa marbut mill-kodiċi;
kwalunkwe kummerċjalizzazzjoni ta’ oġġett, fi Stat Membru wieħed, bħala identiku għal oġġett kummerċjalizzat fi Stati Membri oħra, meta dak l-oġġett ikun differenti b’mod sinifikanti fil-kompożizzjoni jew fil-karatteristiċi, sakemm dan ma jkunx ġustifikat minn fatturi leġittimi u oġġettivi.
Artikolu 7
Ommissjonijiet qarrieqa
1. Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqameta, fil-kuntest fattwali tagħha, b'kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha u tal-limitazzjonijiet tal-mezz ta' komunikazzjoni, tħalli barra tagħrif importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn, skond il-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni transazzjonali informata u għalhekk tikkawża jew x'aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f'ċirkostanzi oħra.
2. Prattika kummerċjali għandha titqies wkoll bħala ommissjoni qarrieqa meta kummerċjant jaħbi jew jipprovdi b'manjiera mhux ċara, mhux intelliġibbli, ambigwa u/jew mhux f'waqtha dak it-tagħrif importanti msemmi fil-paragrafu 1, b'kont meħud tal-kwistjonijiet deskritti f'dak il-paragrafu, jew ma jonqos milli jidentifika l-intenzjoni kummerċjali wara l-prattika kummerċjali jekk din ma tkunx diġà apparenti mill-kuntest u fejn, fi kwalunkwe każ, din tikkawża jew x'aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f'ċirkostanzi oħra.
3. Fejn il-mezz użat għall-komunikazzjoni tal-prattika kummerċjali jimponi limitazzjonijiet ta' spazju jew ta' żmien, għandu jittieħed kont ta' dawn il-limitazzjonijiet u ta' kwalunkwe miżuri meħuda mill-kummerċjant sabiex jagħmel it-tagħrif disponibbli għall-konsumaturi permezz ta' mezzi oħra meta jiġi deċiż jekk xi tagħrif ġiex imħolli barra.
4. F'każ ta' stedina għax-xiri, it-tagħrif li ġej għandu jitqies bħala importanti, jekk ma jkunx diġà apparenti mill-kuntest:
il-karatteristiċi prinċipali tal-prodott, safejn xieraq għall-mezz u l-prodott;
l-indirizz ġeografiku u l-identità tal-kummerċjant, bħall-isem kummerċjali tiegħu u, fejn ikun applikabbli, l-indirizz ġeografiku u l-identità tal-kummerċjant li f'ismu qiegħed jaġixxi;
il-prezz inklużi t-taxxi, jew fejn in-natura tal-prodott tfisser li l-prezz ma jistax b'mod raġonevoli jiġi kalkolat minn qabel, il-mod li bih il-prezz hu kalkolat, kif ukoll, fejn ikun xieraq, kull ammont ta' ħlas addizzjonali għat-trasport ta' merkanzija, ħlas ta' kunsinna jew ħlas postali jew, fejn dawn l-ammonti ta' ħlas ma jistgħux jiġu raġonevolment kalkolati minn qabel, il-fatt li tali ammonti ta' ħlas addizzjonali jistgħu jkunu dovuti;
l-arranġamenti għall-ħlas, kunsinna u eżekuzzjoni, jekk dawn ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali;
għal prodotti u transazzjonijiet li jinvolvu d-dritt ta' rtirar jew ta' kanċellazzjoni, l-eżistenza ta' dan id-dritt;
għal prodotti offruti fi swieq online, jekk il-parti terza li toffri l-prodotti hijiex kummerċjant jew le, abbażi tad-dikjarazzjoni ta’ dik il-parti terza lill-fornitur tas-suq online.
4a. Meta l-konsumaturi jingħataw il-possibbiltà li jfittxu prodotti offruti minn kummerċjanti differenti jew minn konsumaturi abbażi ta’ tfittxija fl-għamla ta’ keyword, frażi jew input ieħor, irrispettivament minn fejn finalment jiġu konklużi t-tranżazzjonijiet, l-informazzjoni ġenerali, li tkun disponibbli fit-taqsima speċifika tal-interfaċċa online li hija aċċessibbli b’mod dirett u faċli mill-paġna fejn ir-riżultati tat-tfittxija jiġu ppreżentati, dwar il-parametri ewlenin li jiddeterminaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti ppreżentati lill-konsumatur bħala riżultat tal-mistoqsija ta’ tfittxija u l-importanza relattiva ta’ dawk il-parametri, meta mqabbla ma’ parametri oħrajn, għandha titqies bħala importanti. Dan il-paragrafu ma japplikax għall-fornituri ta’ magni tat-tiftix online kif definiti fil-punt (6) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ).
5. Ir-rekwiżiti ta' tagħrif stabbiliti mill-liġi Komunitarja fir-rigward ta' komunikazzjonijiet kummerċjali inklużi r-reklamar jew il-kummerċjalizzazzjoni li jinsabu f'lista mhux eżawrjenti fl-Anness II, għandhom jitqiesu bħala importanti.
6. Fejn kummerċjant jipprovdi aċċess għal reċensjonijiet tal-konsumatur dwar prodotti, l-informazzjoni dwar jekk u kif il-kummerċjant jiżgura li r-reċensjonijiet ippubblikati joriġinaw minn konsumaturi li fil-fatt użaw jew xtraw il-prodott, għandha titqies bħala importanti.
SEZZJONI 2
Artikolu 8
Prattiċi kummerċjali aggressivi
Prattika kummerċjali għandha titqies bħala aggressiva jekk, fil-kuntest fattwali tagħha, b'kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha, permezz ta' fastidju, kostrizzjoni, inkluż l-użu tal-forza fiżika, jew ta' influwenza mhux xierqa, tfixkel b'mod sinifikanti jew x'aktarx tfixkel konsiderevolment il-libertà ta' l-għażla jew l-imġieba tal-konsumatur medju fir-rigward tal-prodott u b'hekk tikkawża jew x'aktarx tikkawża li huwa jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f'ċirkostanzi oħra.
Artikolu 9
Użu ta' fastidju, kostrizzjoni u influwenza mhux xierqa
Fid-determinazzjoni jekk prattika kummerċjali tużax il-fastidju, il-kostrizzjoni, inkluż l-użu tal-forza fisika, jew l-influwenza mhux xierqa, għandu jittieħed kont ta' dawn li ġejjin:
iż-żmien, lok, natura u persistenza tagħha;
l-użu ta' lingwaġġ jew imġieba ta' theddid jew abbużiv;
l-isfruttament mill-kummerċjant ta' kwalunkwe sfortuna jew ċirkostanza speċifika ta' tali gravità li tfixkel il-ġudizzju tal-konsumatur, li biha l-kummerċjant ikun jaf, sabiex jinfluwenza d-deċiżjoni tal-konsumatur fir-rigward tal-prodott;
kwalunkwe ostakoli mhux kontrattwali onerużi jew sproporzjonati imposti mill-kummerċjant fejn konsumatur ikun jixtieq jeżerċita xi drittijiet mogħtija fil-kuntratt, inklużi d-drittijiet tat-taħsir tal-kuntratt jew tal-bidla għal prodott ieħor jew għal kummerċjant ieħor;
kwalunkwe theddida li tiġi meħuda kwalunkwe azzjoni li legalment ma tistax tittieħed.
KAPITOLU 3
KODIĊIJIET TA' KONDOTTA
Artikolu 10
Kodiċijiet ta' kondotta
Din id-Direttiva ma teskludix il-kontroll, li l-Istati Membri jistgħu jinkoraġġixxu, ta' prattiċi kummerċjali żleali minn sidien ta' kodiċijiet u l-persuni jew l-organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 11 milli jirrikorru għal tali korpi jekk il-proċedimenti quddiem dawn il-korpi huma addizzjonali għall-proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi msemmija f'dak l-Artikolu.
Ir-rikors għal dawn il-korpi ta' kontroll ma għandu qatt jitqies bħala ekwivalenti għal rinunzja ta' xi mezz ta' rikors ġudizzjarju jew amministrattiv kif previst fl-Artikolu 11.
KAPITOLU 4
DISPOSIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 11
Infurzar
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mezzi adegwati u effettivi li jikkumbattu l-prattiċi kummerċjali żleali sabiex tiġi nfurzata l-osservanza tad-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva fl-interess tal-konsumaturi.
Dawn il-mezzi għandhom jinkludu disposizzjonijiet legali li taħthom persuni jew organizzazzjonijiet li f'għajnejn il-liġi nazzjonali għandhom interess leġittimu li jiġġieldu l-prattiċi kummerċjali żleali, inklużi kompetituri, jistgħu:
jistitwixxu azzjoni legali kontra tali prattiċi kummerċjali żleali u/jew
iġibu każijiet ta' tali prattiċi kummerċjali żleali quddiem awtorità amministrattiva li għandha l-kompetenza jew li tiddeċiedi dwar ilmenti jew li tagħti bidu għall-proċedimenti legali adegwati.
Għandu jkun għal kull Stat Membru li jiddeċiedi liema minn dawn il-mezzi għandu jkun disponibbli u li jiddeċiedi jekk il-qrati jew l-awtoritajiet amministattivi jistgħux jesiġu li jkun preċedentement sar rikors għal mezzi stabbiliti oħra tat-trattament ta' ilmenti, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 10. Dawn il-faċilitajiet għandhom ikunu disponibbli indipendentement minn jekk il-konsumaturi milquta jinsabux fit-territorju ta' l-Istat Membru fejn jinsab il-kummerċjant jew fi Stat Membru ieħor.
Għandu jkun għal kull Stat Membru li jiddeċiedi:
jekk dawn il-mezzi legali jistgħux jiġu diretti separatament jew konġuntement kontra numru ta' kummerċjanti fl-istess settur ekonomiku; u
jekk dawn il-mezzi legali jistgħux jiġu diretti kontra sid ta' kodiċi fejn il-kodiċi rilevanti jippromwovi n-nonkonformità mar-rekwiżiti legali.
2. Taħt id-disposizzjonijiet legali msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-qrati jew lill-awtoritajiet amministrattivi s-setgħat li, fil-każijiet fejn jikkunsidraw li tali miżuri huma meħtieġa wara li jittieħed kont ta' l-interessi kollha involuti u b'mod partikolari ta' l-interess pubbliku:
jordnaw il-waqfien, jew jistitwixxu proċedimenti legali adegwati għall-għoti ta' ordni ta' waqfien, ta' prattiċi kummerċjali żleali, jew
jekk il-prattika kummerċjali żleali għadha ma seħħetx iżda hija imminenti, jordnaw il-projbizzjoni tal-prattika, jew jistitwixxu proċedimenti legali adegwati għall-għoti ta' ordni ta' projbizzjoni tal-prattika
anki mingħajr prova ta' telf jew ħsara attwali jew ta' intenzjoni jew negligenza min-naħa tal-kummerċjant.
L-Istati Membri għandhom ukoll jipprovdu sabiex il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu jiġu meħuda taħt proċedura aċċelerata:
iżda għandu jkun għal kull Stat Membru li jiddeċiedi liema miż-żewġ possibbiltajiet jagħżel.
Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-qrati u lill-awtoritajiet amministrattivi s-setgħat li, bil-ħsieb li jeliminaw l-effetti kontinwi ta' prattiċi kummerċjali żleali li t-terminazzjoni tagħhom ġiet ordnata permezz ta' deċiżjoni definittiva:
jesiġu l-pubblikazzjoni sħiħa jew parzjali ta' dik id-deċiżjoni u fil-forma li huma jikkunsidraw adegwata,
li jitolbu barra minn dan il-pubblikazzjoni ta' dikjarazzjoni rettifikattiva.
3. L-awtoritajiet amministrattivi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom:
ikunu komposti b'mod li ma jqanqlu l-ebda dubbju dwar l-imparzjalità tagħhom;
ikollhom setgħat adegwati, fejn huma jiddeċiedu dwar ilmenti, sabiex jissorveljaw u jinfurzaw l-osservanza tad-deċiżjonijiet tagħhom effettivament;
normalment jagħtu raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħhom.
Meta s-setgħat msemmija fil-paragrafu 2 jiġu eżerċitati esklussivament minn awtorità amministrattiva, għandhom dejjem jiġu mogħtija r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha. Barra minn hekk, f'dan il-każ, għandhom jiġu previsti proċeduri li permezz tagħhom l-eżerċizzju skorrett jew inġustifikat mill-awtorità amministrattiva tas-setgħat tagħha jew in-nuqqas skorrett jew inġustifikat ta' l-eżerċizzju ta' l-imsemmija setgħat jistgħu ikunu suġġetti għal reviżjoni ġudizzjarja.
Artikolu 11a
Rimedju
1. Il-konsumaturi li jsofru dannu minħabba prattiċi kummerċjali żleali għandu jkollhom aċċess għal rimedji proporzjonati u effettivi, inkluż kumpens għad-dannu mġarrab mill-konsumatur u, fejn rilevanti, tnaqqis fil-prezz jew it-terminazzjoni tal-kuntratt. L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni u l-effetti ta’ dawk ir-rimedji. L-Istat Membri jistgħu jqisu, fejn xieraq, il-gravità u n-natura tal-prattika kummerċjali żleali, id-dannu mġarrab mill-konsumatur u ċirkostanzi rilevanti oħra.
2. Dawk ir-rimedji għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ rimedji oħra disponibbli għall-konsumaturi taħt id-dritt tal-Unjoni jew nazzjonali.
Artikolu 12
Qrati u awtoritajiet amministattivi: il-prova sostanzjali tal-pretensjonijiet
L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-qrati jew lill-awtoritajiet amministrattivi s-setgħat fil-proċedimenti ċivili jew amministrattivi msemmija fl-Artikolu 11 sabiex:
jesiġu li l-kummerċjant iġib prova ta' l-eżattezza tal-pretensjonijiet fattwali fir-rigward ta' xi prattika kummerċjali jekk, b'kont meħud ta' l-interess leġittimu tal-kummerċjant u ta' kwalunkwe parti oħra fil-proċedimenti, tali kondizzjoni tidher ġustifikata abbażi taċ-ċirkostanzi tal-każ partikolari u
jikkunsidraw il-pretensjonijiet fattwali bħala mhux eżatti jekk il-prova rikjesta skond il-paragrafu (a) ma tinġiebx jew titqies insuffiċjenti mill-qorti jew mill-awtorità amministrattiva.
Artikolu 13
Penali
1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għal ksur ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali addottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kriterji mhux eżawrjenti u indikattivi li ġejjin jitqiesu għall-impożizzjoni ta’ penali, fejn xieraq:
in-natura, il-gravità, l-iskala u t-tul ta’ żmien tal-ksur;
kwalunkwe azzjoni meħuda mill-kummerċjant biex itaffi jew jirrimedja d-dannu mġarrab mill-konsumaturi;
kwalunkwe ksur preċedenti mill-kummerċjant;
il-benefiċċji finanzjarji miksuba jew telf evitat mill-kummerċjant minħabba l-ksur, jekk id-data rilevanti tkun disponibbli;
penali imposti fuq il-kummerċjant għall-istess ksur fi Stati Membri oħra f’każijiet transkonfinali fejn informazzjoni dwar tali penali tkun disponibbli permezz tal-mekkaniżmu stabbilit mir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 );
kwalunkwe fattur aggravanti jew mitiganti applikabbli għaċ-ċirkostanzi tal-każ.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta l-penali jiġu imposti skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2017/2394, huma jinkludu l-possibbiltà li jiġu imposti multi permezz ta’ proċeduri amministrattivi jew li jinbdew proċedimenti legali biex jiġu imposti multi, jew it-tnejn li huma, fejn l-ammont massimu ta’ tali multi jkun tal-inqas 4 % tal-fatturat annwali tal-kummerċjant fl-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati. Mingħajr preġudizzju għal dak ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu, għal raġunijiet kostituzzjonali nazzjonali, jirrestrinġu l-impożizzjoni ta’ multi għal:
ksur tal-Artikoli 6, 7, 8, u 9 u tal-Anness I ta’ din id-Direttiva; u
l-użu kontinwu min-naħa ta’ kummerċjant ta’ prattika kummerċjali li tkun konstata bħala li hija żleali mill-awtorità nazzjonali kompetenti jew qorti, meta dik il-prattika kummerjċali ma tkunx ksur imsemmi fil-punt (a).
4. Għal każijiet fejn ikollha tiġi imposta multa skont il-paragrafu 3, iżda ma tkunx disponibbli informazzjoni dwar il-fatturat annwali tal-kummerċjant, l-Istati Membri għandhom jintroduċu l-possibbiltà li jimponu multi, li l-ammont massimu tagħhom għandu jkun tal-inqas EUR 2 miljuni.
5. L-Istati Membri għandhom, sat-28 ta’ Novembru 2021, jinnotifikaw lill-Kummissjoni bir-regoli u l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 u għandhom jinnotifikawha, mingħajr dewmien, dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li tolqothom.
Artikolu 14
Emendi lid-Direttiva 84/450/KEE
Id-Direttiva 84/450/KEE hija b'dan emendata kif ġej:
L-Artikolu 1 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:
“Artikolu 1
L-għan ta' din id-Direttiva huwa li tipproteġi lill-kummerċjanti minn reklamar qarrieqi u l-konsegwenzi żleali tiegħu u tistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom huwa permess ir-reklamar komparattiv.”
L-Artikolu 2
“3. ‘kummerċjant’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi għal skopijiet konnessi mal-kummerċ, sengħa, negozju jew professjoni tagħha u kull minn jaġixxi f'isem jew fl-interessi ta' kummerċjant.”
“4. ‘sid ta' kodiċi’: tfisser kwalunkwe entità, inkluż kummerċjant jew grupp ta' kummerċjanti, responsabbli mit-tfassil u r-reviżjoni ta' kodiċi ta' kondotta u/jew mill-monitoraġġ tal-konformità mal-kodiċi minn dawk li assumew l-obbligu li josservawh.”.
L-Artikolu 3a għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 3a
1. Ir-reklamar komparattiv għandu, safejn il-paragun huwa konċernat, jiġi permess fejn jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:
ma jqarraqx fit-tifsira ta' l-Artikoli 2(2), 3 u 7(1) ta' din id-Direttiva jew l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern ( *1 );
jagħmel paragun bejn merkanziji jew servizzi li jissodisfaw l-istess ħtiġijiet jew li huma maħsuba għall-istess għan;
jagħmel paragun oġġettiv bejn wieħed jew iżjed mill-karatteristiċi essenzjali, rilevanti, verifikabbli u rappreżentattivi ta' dawk il-merkaniziji u servizzi, li jistgħu jinkludu l-prezz;
la jiskredita u lanqas imaqdar it-trade marks, l-ismijiet kummerċjali, jew il-marki oħra distintivi, il-merkanziji, is-servizzi, l-attivitajiet, jew iċ-ċirkostanzi ta' xi kompetitur;
jirriferixxi, għal prodotti b'titlu ta' oriġini, f'kull każ għal prodotti bl-istess titlu;
ma jieħux vantaġġ inġustament mir-reputazzjoni ta' trade mark, ta' isem kummerċjali jew ta' marki oħra distintivi ta' xi kompetitur jew tat-titlu ta' oriġini ta' prodotti konkorrenti;
ma jippreżentax merkanzija jew servizzi bħala imitazzjonijiet jew repliki ta' merkanzija jew servizzi li għandhom trade mark jew isem kummerċjali protett;
ma joħloqx konfużjoni bejn kummerċjanti, bejn dak li jirreklama u xi kompetitur jew bejn it-trade marks, ismijiet kummerċjali jew marki oħra distintivi, merkanzija jew servizzi tar-riklamant u dawk ta' xi kompetitur.
L-Artikolu 4(1) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mezzi adegwati u effettivi sabiex jiġi kumbattut ir-reklamar qarrieqi sabiex jinfurzaw konformità mad-disposizzjonijiet dwar reklamar komparattiv fl-interess tal-kummerċjanti u tal-kompetituri. Tali mezzi għandhom jinkludu disposizzjonijiet legali li taħthom persuni jew organizzazzjonijiet li f'għajnejn il-liġi nazzjonali għandhom interess leġittimu li jiġġieldu r-reklamar qarrieqi jew li jirregolaw ir-reklamar komparattiv jistgħu:
jistitwixxu azzjoni legali kontra tali reklamar jew
iġibu każijiet ta' tali reklamar quddiem awtorità amministrattiva li għandha l-kompetenza jew li tiddeċiedi dwar ilmenti jew li tagħti bidu għall-proċedimenti legali adegwati.
Għandu jkun għal kull Stat Membru li jiddeċiedi liema minn dawn il-mezzi għandu jkun disponibbli u li jiddeċiedi jekk il-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi jistgħux jesiġu li jkun preċedentement sar rikors għal mezzi stabbiliti oħra tat-trattament ta' ilmenti, inklużi dawk msemmija fl-Artikolu 5.
Għandu jkun għal kull Stat Membru li jiddeċiedi:
jekk dawn il-mezzi legali jistgħux jiġu diretti separatament jew konġuntement kontra numru ta' kummerċjanti fl-istess settur ekonomiku; u
jekk dawn il-mezzi legali jistgħux jiġu diretti kontra sid ta' kodiċi fejn il-kodiċi rilevanti jippromwovi in-nonkonformità mar-rekwiżiti legali.”
L-Artikolu 7(1) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:
“1. Din id-Direttiva ma tipprekludix l-Istati Membri milli jżommu jew jadottaw disposizzjonijiet bil-għan li jiżguraw protezzjoni aktar estensiva, fir-rigward ta' reklamar qarrieqi, għall-kummerċjanti u għall-kompetituri”.
Artikolu 15
Emendi lid-Direttivi 97/7/KE u 2002/65/KE
1) L-Artikolu 9 tad-Direttiva 97/7/KE għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 9
Bejgħ mhux mitlub
Fid-dawl tal-projbizzjoni ta' prattiki ta' bejgħ mhux mitlub stabbilita fid-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern ( *2 ), l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jeżentaw lill-konsumatur mill-obbligu ta' kwalunkwe ħlas f'każijiet ta' kunsinna mhux mitluba, fejn in-nuqqas ta' tweġiba ma jikkostitwixxix kunsens.
2) L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/65/KE għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 9
Fid-dawl tal-projbizzjoni ta' prattiki ta' bejgħ mhux mitlub stabbilita fid-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern ( *3 ), u bla preġudizzju għad-disposizzjonijiet tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-tiġdid taċitu ta' kuntratti b'distanza, meta tali regoli jippermettu tiġdid taċitu, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex jeżentaw lill-konsumatur mill-obbligu f'każijiet ta' kunsinna mhux mitluba, fejn in-nuqqas ta' tweġiba ma jikkostitwixxix kunsens.
Artikolu 16
Emendi lid-Direttiva 98/27/KE u lir-Regolament (KE) Nru 2006/2004
1) Fl-Anness tad-Direttiva 98/27/KE, il-punt 1 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:
“1. Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (ĠU L 000, 00.6.2005, p. 00).”.
2) Fl-Anness mar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-infurzar tal-liġijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumatur (“ir-Regolament dwar il-koperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumatur”) ( 4 ) għandu jiġi miżjud il-punt li ġej:
“16. Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (ĠU L 000, 00.6.2005, p. 00).”.
Artikolu 17
Tagħrif
L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri adegwati sabiex jgħarrfu lill-konsumatur dwar il-liġi nazzjonali li tittrasponi din id-Direttiva u għandhom, fejn xieraq, jinkoraġġixxu lill-kummerċjanti u lis-sidien ta' kodiċijiet sabiex jgħarrfu lill-konsumaturi dwar il-kodiċijiet ta' kondotta tagħom.
Artikolu 18
Revi ¿joni
1. Sa mhux aktar tard minn 00.6.2011 il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport komprensiv dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari ta' l-Artikoli 3(9) u 4 u l-Anness I, dwar il-possibbiltà ta' iżjed armonizzazzjoni u simplifikazzjoni tal-liġi Komunitarja konnessa mal-ħarsien tal-konsumatur, u, waqt li jittieħed kont ta' l-Artikolu 3(5) , dwar kwalunkwe miżuri li jkunu meħtieġa fil-livell Komunitarju sabiex jiżguraw li l-livelli adegwati ta' ħarsien tal-konsumatur jiġu miżmuma. Ir-rapport għandu jiġi akkumpanjat, jekk meħtieġ, minn proposta sabiex tiġi riveduta din id-Direttiva jew partijiet rilevanti oħra tal-liġi Komunitarja.
2. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jagħmlu li jistgħu sabiex jaġixxu, skond it-Trattat, fi żmien sentejn mill-preżentazzjoni mill-Kummissjoni ta' kwalunkwe proposta magħmula skond il-paragrafu 1.
Artikolu 19
Trasposizzjoni
L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa 00.6.2007. Huma għandhom minnufih jinfurmaw lil-Kummissjoni bihom u jinfurmaw il-Kummissjoni dwar emendi sussegwenti mingħajr dewmien.
Għandhom japplikaw dawk il-miżuri sa 00.12.2007. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jikkontjenu riferiment għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali riferiment fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandu jsir tali riferiment.
Artikolu 20
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 21
L-indirizzati
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
ANNESS 1
Prattiċi kummerċjali li f'kull ċirkostanza huma kkunsidrati żleali
Prattiċi kummerċjali qarrieqa
Fejn il-kummerċjant isostni li huwa firmatarju ta' kodiċi ta' kondotta meta ma jkunx.
Il-wiri mill-kummerċjant ta' marka ta' fiduċja, marka ta' kwalità jew ekwivalenti mingħajr ma jkun kiseb l-awtorizzazzjoni meħtieġa.
Fejn il-kummerċjant isostni li kodiċi ta' kondotta għandu l-appoġġ uffiċjali ta' xi korp pubbliku jew korp ieħor, meta ma jkollux.
Fejn il-kummerċjant isostni li huwa (inklużi l-prattiċi kummerċjali tiegħu) jew xi prodott ġie approvat, appoġġat jew awtorizzat minn korp pubbliku jew privat ieħor meta huwa/dan ma kienx jew isostni hekk mingħajr ma jikkonforma ruħu mat-termini ta' l-approvazzjoni, appoġġ jew awtorizzazzjoni.
Fejn il-kummerċjant jagħmel stedina sabiex jinxtraw prodotti bi prezz speċifikat mingħajr ma juri l-eżistenza ta' raġunijiet ġustifikati li l-kummerċant jista' jkollu sabiex jemmen li mhuwiex sejjer ikun jista' jforni jew iqabbad kummerċjant ieħor sabiex iforni, dawk il-prodotti jew prodotti ekwivalenti għal dak il-prezz għal perjodu u fil-kwantitajiet li huma raġonevoli relattivament għall-prodott, għal-livell ta' reklamar tal-prodott u għall-prezz offrut (bait advertising).
Fejn il-kummerċjant jagħmel stedina sabiex jinxtraw prodotti bi prezz speċifikat u mbagħad:
jirrifjuta li juri l-oġġett reklamat lill-konsumaturi, jew
jirrifjuta li jieħu ordnijiet għall-prodott jew li jikkunsinjah fi żmien raġonevoli, jew
juri kampjun difettuż tiegħu
bl-intenzjoni li jippromwovi prodott differenti ('bait and switch').
Fejn il-kummerċjant jiddikjara b'mod falz li prodott sejjer ikun disponibbli biss għal żmien limitat ħafna, jew li sejjer ikun disponibbli biss taħt kondizzjonijiet partikolari għal żmien limitat ħafna sabiex iqanqal deċiżjoni immedjata u jċaħħad lill-konsumaturi mill-opportunità jew miż-żmien suffiċjenti sabiex jagħmlu għażla informata.
Fejn il-kummerċjant jimpenja ruħu li jipprovdi servizz ta' wara l-bejgħ lill-konsumaturi li magħhom il-kummerċjant ikkomunika qabel it-transazzjoni b'lingwa li mhijiex il-lingwa uffiċjali ta' l-Istat Membru fejn il-kummerċjant jinsab u mbagħad jagħmel dan is-servizz disponibbli biss b'lingwa oħra mingħajr ma jindika dan b'mod ċar lill-konsumatur qabel il-konsumatur jimpenja ruħu fit-transazzjoni.
Fejn il-kummerċjant jistqarr u b'mod ieħor joħloq l-impressjoni li xi prodott jista jinbiegħ legalment meta ma jistax.
Fejn il-kummerċjant jippreżenta drittijiet mogħtija mil-liġi lill-konsumaturi bħala karatteristika distintiva ta' l-offerta tiegħu.
Fejn il-kummerċjant juża kontenut editorjali fil-medja sabiex jippromwovi prodott fejn huwa jkun ħallas għall-promozzjoni tiegħu mingħajr ma jagħmel dan ċar fil-kontenut jew permezz ta' immaġini u ħsejjes identifikabbli b'mod ċar mill-konsumatur. (advertorial). Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE ( 5 ).
Fejn il-kummerċjant jipprovdi riżultati tat-tiftix b’rispons għal mistoqsija ta’ tfittxija online minn konsumatur mingħajr ma juri b’mod ċar kwalunkwe riklam imħallas jew pagament speċifiku biex prodotti jiksbu klassifikazzjoni ogħla fir-riżultati tat-tiftix.
Fejn il-kummerċjant jagħmel affermazzjoni li hija essenzjalment mhux eżatta dwar in-natura u l-firxa tar-riskju għas-sigurtà personali tal-konsumatur jew tal-familja tiegħu jekk il-konsumatur ma jixtrix il-prodott.
Fejn il-kummerċjant jippromwovi prodott simili għal xi prodott magħmul minn manifattur partikolari b'mod tali li deliberatament iqarraq bil-konsumatur li jemmen li l-prodott huwa magħmul minn dak l-istess manifattur meta ma jkunx.
Fejn il-kummerċjant jistabbilixxi, jopera jew jippromwovi skema promozzjonali piramidali fejn konsumatur iħallas għall-opportunità li jirċievi kumpens derivat primarjament mill-introduzzjoni ta' konsumaturi oħrajn fl-iskema minflok mill-bejgħ jew konsum ta' prodotti.
Fejn il-kummerċjant isostni li dalwaqt sejjer jieqaf mill-kummerċ jew ibiddel il-post tal-kummerċ meta ma jkunx sejjer jagħmel dan.
Fejn il-kummerċjant isostni li prodotti jistgħu jiffaċilitaw ir-rebħ f'logħob ta' l-azzard.
Fejn il-kummerċjant isostni, bil-qerq, li prodott jista' jfejjaq mard, xi disfunzjoni jew malformazzjonijiet.
Fejn il-kummerċjant jgħaddi tagħrif li huwa essenzjalment mhux eżatt dwar kondizzjonijiet tas-suq jew dwar il-possibbiltà li jinstab il-prodott bl-intenzjoni li jipperswadi lill-konsumatur jakkwista l-prodott b'kondizzjonijiet inqas favorevoli mill-kondizzjonijiet normali tas-suq.
Fejn il-kummerċjant isostni fi prattika kummerċjali li joffri parteċipazzjoni f'xi kompetizzjoni jew promozzjoni ta' premju mingħajr ma jagħti l-premji deskritti jew ekwivalenti raġonevoli.
Fejn il-kummerċjant jiddeskrivi prodott bħala “gratis”, “b'xejn”, “mingħajr ħlas” jew simili jekk il-konsumatur għandu jħallas xi ħaġa oħra barra l-prezz li inevitabbilment kellu jħallas sabiex wieġeb għall-prattika kummerċjali u sabiex ġabar jew ħallas għall-kunsinna ta' l-oġġett.
Fejn il-kummerċjant jinkludi fil-materjal promozzjonali fattura jew rikjesta oħra ta' ħlas li tagħti l-impressjoni lill-konsumatur li huwa kien diġà ordna l-prodott kummerċjalizzat meta ma kienx għamel dan.
Fejn il-kummerċjant bil-qerq isostni jew joħloq l-impressjoni li huwa ma jkunx qiegħed jaġixxi għall-finijiet konnessi mal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tiegħu, jew bil-qerq juri ruħu bħala konsumatur.
Fejn il-kummerċjant bil-qerq jagħti l-impressjoni li jeżisti servizz ta' wara l-bejgħ fir-rigward ta' prodott fi Stat Membru ieħor barra minn dak li fih il-prodott huwa mibjugħ.
Prattiċi kummerċjali aggressivi
Fejn il-kummerċjant ibigħ mill-ġdid biljetti ta’ avvenimenti lill-konsumaturi jekk il-kummerċjant ikun akkwistahom permezz ta’ mezzi awtomatizzati biex jevita kwalunkwe limitu impost fuq l-għadd ta’ biljetti li persuna tista’ tixtri jew kwalunkwe regola oħra applikabbli għax-xiri ta’ biljetti.
Fejn il-kummerċjant jindika li reċensjonijiet ta’ prodotti jkunu saru minn konsumaturi li fil-fatt użaw jew xtraw il-prodott mingħajr ma jieħu passi raġonevoli u proporzjonati biex jivverifika li dawn joriġinaw minn tali konsumaturi.
Fejn il-kummerċjant jissottometti jew jikkummissjona persuna ġuridika jew fiżika oħra biex tissottometti reċensjonijiet jew approvazzjonijiet foloz, jew jirrappreżenta b’mod ħażin reċensjonijiet tal-konsumaturi jew approvazzjonijiet fuq il-midja soċjali, sabiex jippromwovi prodotti.
Fejn il-kummerċjant joħloq l-impressjoni li l-konsumatur ma jistax iħalli l-post qabel ma jsir kuntratt.
Fejn il-kummerċjant jagħmel żjarat personali fid-dar tal-konsumatur u jinjora t-talba tal-konsumatur sabiex jitlaq jew sabiex ma jirritornax ħlief f'ċirkostanzi u sal-punt ġustifikat, skond il-liġi nazzjonali, sabiex jinforza obbligazzjoni kontrattwali.
Fejn il-kummerċjant jagħmel solleċitazzjonijiet persistenti u mhux mixtieqa permezz tat-telefon, fax, e-mail jew mezz ieħor remot ħlief f'ċirkostanzi u sal-punt ġustifikat, skond il-liġi nazzjonali, sabiex jinforza obligazzjoni kontrattwali. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10 tad-Direttiva 97/7/KE, d-Direttiva 95/46/KE ( 6 ) u d-Direttiva 2002/58/KE.
Fejn il-kummerċjant jesiġi li konsumatur li jixtieq iressaq pretensjoni fuq polza ta' assigurazzjoni jipproduċi dokumenti li ma jistgħux raġonevolment jiġu kkunsidrati rilevanti għall-kwistjoni jekk il-pretensjoni kinetx valida, jew jonqos sistematikament milli jwieġeb għal korrispondenza pertinenti, sabiex jiddisswadi xi konsumatur milli jeżerċita d-drittijiet kontrattwali tiegħu.
Fejn il-kummerċjant jinkludi f'reklam tħeġġiġ dirett lit-tfal sabiex jixtru jew sabiex jipperswadu l-ġenituri tagħhom jew adulti oħrajn sabiex jixtrulhom il-prodotti reklamati. Din id-disposizzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16 tad-Direttiva 89/552/KEE dwar xandir bit-televiżjoni.
Fejn il-kummerċjant jitlob ħlas immedjat jew differit għar-ritorn jew għall-kustodja ta' prodotti forniti minnu, iżda mhux solleċitati mill-konsumatur ħlief fejn il-prodott huwa sostitut fornit konformement ma' l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 97/7/KE (“bejgħ mhux mitlub”).
Fejn il-kummerċjant jgħarraf espliċitament lill-konsumatur li jekk ma jixtrix il-prodott jew servizz, ix- xogħol jew l-għajxien tal-kummerċjant ikunu fil-periklu.
Fejn il-kummerċjant joħloq l-impressjoni falza li konsumatur diġà rebaħ, se jirbaħ, jew li hekk kif jagħmel xi azzjoni partikolari jirbaħ, xi premju jew xi benefiċċju ekwivalenti ieħor, meta fil-fatt
ANNESS II
Disposizzjonijiet tal-liġi Komunitarja li jistabbilixxu regoli għar-reklamar u għall-komunikazzjonijiet kummerċjali
L-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 97/7/KE
L-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta' Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż ( 7 )
L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 94/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 1994 dwar il-protezzjoni tax-xerrejja f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ċerti aspetti tal-kuntratti li għandhom x’jaqsmu max-xiri tad-dritt għall-użu tal-propjetà immobbli fuq bażi ta' timeshare ( 8 )
L-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 98/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta’ prodotti offruti lill-konsumaturi ( 9 )
L-Artikoli 86 sa 100 tad-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem ( 10 )
L-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) ( 11 )
L-Artikolu 1(d) tad-Direttiva 98/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur ( 12 )
L-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2002/65/KE
L-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2001/107/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Jannar 2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (IIKTT) bl-iskop li jiġu rregolati kumpaniji ta' amministrazzjoni u prospectuses simplifikati ( 13 )
L-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva 2002/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' ta' Diċembru 2002 dwar il-medjazzjoni ta' l-assigurazzjoni ( 14 )
L-Artikolu 36 tad-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Novembru 2002 li tikkonċerna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja ( 15 )
L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar is-swieq ta' l-istrumenti finanzjarji ( 16 )
L-Artikolu 31 u 43 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE tat-18 ta' Ġunju 1992 dwar il-kordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi li għandhom x'jaqsmu ma' assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja ( 17 )(it-Tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja)
L-Artikoli 5, 7 u 8 tad-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-4 ta' Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat għall-offerta lill-pubbliku jew għall-ammissjoni għall-kummerċ ta' titoli ( 18 )
( 1 ) ĠU L 171, 7.7.1999, p. 12.
( 2 ) Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal- intermedjazzjoni online (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 57).
( 3 ) Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 345, 27.12.2017, p. 1).
( *1 ) ĠU L 000, 00.6.2005, p.00.”.
( *2 ) ĠU L 000, 00.6.2005, p. 00.”.
( *3 ) ĠU L 000, 00.6.2005, p. 00.”.
( 4 ) ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1.
( 5 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE tat-3 ta' Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti disposizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta' attivitajiet ta' xandir bit-televiżjoni (ĠU L 298, 17.10.1989, p. 23). Direttiva kif emendata mid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament u tal-Kunsill (ĠU L 202, 30.7.1997, p. 60).
( 6 ) Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31). Direttiva kif emendata mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).
( 7 ) ĠU L 158, 23.6.1990, p. 59.
( 8 ) ĠU L 280, 29.10.1994, p. 83.
( 9 ) ĠU L 80, 18.3.1998, p. 27.
( 10 ) ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2004/27/KE (ĠU L 136, 30.4.2004, p. 34).
( 11 ) ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.
( 12 ) ĠU L 101, 1.4.1998, p. 17.
( 13 ) ĠU L 41, 13.2.2002, p. 20.
( 14 ) ĠU L 9, 15.1.2003, p. 3.
( 15 ) ĠU L 345, 19.12.2002, p. 1. Direttiva kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 2004/66/KE (ĠU L 168, 1.5.2004, p. 35).
( 16 ) ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1.
( 17 ) ĠU L 228, 11.8.1992, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/87/KE (ĠU L 35, 11.2.2003, p. 1).
( 18 ) ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64.