02005D0671 — MT — 20.04.2017 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2005/671/ĠAI

ta' l-20 ta’ Settembru 2005

dwar l-iskambju ta' informazzjoni u l-koperazzjoni fir-rigward ta' reati terroristiċi

(ĠU L 253 29.9.2005, p. 22)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DIRETTIVA (UE) 2017/541 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-15 ta’ Marzu 2017

  L 88

6

31.3.2017




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2005/671/ĠAI

ta' l-20 ta’ Settembru 2005

dwar l-iskambju ta' informazzjoni u l-koperazzjoni fir-rigward ta' reati terroristiċi



Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

▼M1

(a) “reati terroristiċi”: ir-reati msemmija fid-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 );

▼B

(b) “Konvenzjoni ta' l-Europol”: il-Konvenzjoni tas-26 ta' Lulju 1995 dwar l-istabbiliment ta' Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija ( 2 );

(ċ) “Deċiżjoni ta' l-Eurojust”: id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI tat-28 ta' Frar 2002 li tistabbilixxi l-Eurojust bil-għan li tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità gravi ( 3 );

(d) “grupp jew entità”: “gruppi terroristiċi” fis-sens ta' l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 u l-gruppi u l-entitajiet elenkati fl-Anness mal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK tal-Kunsill tas-27 ta' Diċembru 2001 dwar l-applikazzjoni ta' miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu ( 4 ).

Artikolu 2

Trasmissjoni ta’ informazzjoni dwar reati terroristiċi lill-Eurojust, lill-Europol u lill-Istati Membri

1.  Kull Stat Membru għandu jinnomina servizz speċjalizzat fi ħdan is-servizzi tal-pulizija tiegħu jew awtoritajiet oħra ta' l-infurzar tal-liġi, li, konformement mal-liġi nazzjonali, ikollu aċċess għal, u jiġbor, dik l-informazzjoni rilevanti kollha li tikkonċerna u tirriżulta minn investigazzjonijiet kriminali kondotti mill-awtoritajiet tiegħu ta' l-infurzar tal-liġi fir-rigward ta’ reati terroristiċi u jibgħatha lill-Europol konformement mal-paragrafi 3 u 4.

2.  Kull Stat Membru għandu jinnomina awtorità waħda jew aktar, fejn is-sistema legali tiegħu tipprevedi hekk, bħala korrispondent nazzjonali ta’ l-Eurojust għal kwistjonijiet ta' terroriżmu, jew awtorità ġudizzjarja adatta jew awtorità kompetenti oħra li, skond il-liġi nazzjonali, għandha jkollha aċċess għal, u tkun tista' tiġbor, dik l-informazzjoni rilevanti kollha dwar prosekuzzjonijiet u kundanni għal reati terroristiċi u tibgħatha lill-Eurojust konformement mal-paragrafu 5.

3.  Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jassigura li għall-inqas l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 dwar investigazzjonijiet kriminali u l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 dwar prosekuzzjonijiet u kundanni għal reati terroristiċi li jolqtu jew jistgħu jolqtu żewġ Stati Membri jew iżjed, miġbura mill-awtorità rilevanti, jiġu trasmessi lil:

(a) l-Europol, konformement mal-liġi nazzjonali u mad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' l-Europol, sabiex jiġu proċessati; u

(b) l-Eurojust, konformement mal-liġi nazzjonali u fejn id-disposizzjonijiet tad-Deċiżjoni ta' l-Eurojust hekk jippermettu, sabiex l-Eurojust ikun jista' jeżegwixxi l-funzjonijiet tiegħu.

4.  L-informazzjoni li għandha tiġi trasmessa lill-Europol skond il-paragrafu 3 għandha tkun li ġejja:

(a)  data li tidentifika l-persuna, il-grupp jew l-entità;

(b) atti taħt investigazzjoni u ċ-ċirkustanzi speċifiċi tagħhom;

(ċ) ir-reat konċernat;

(d) rabtiet ma' każijiet rilevanti oħra;

(e) l-użu ta' teknoloġiji tal-komunikazzjoni;

(f) it-theddida li jirrappreżenta l-pussess ta' armi ta' distruzzjoni massiva.

5.  L-informazzjoni li għandha tiġi trasmessa lill-Eurojust skond il-paragrafu 3 għandha tkun li ġejja:

(a)  data li tidentifika l-persuna, il-grupp jew l-entità li jkunu kriminalment investigati jew proċessati;

(b) ir-reat konċernat u ċ-ċirkostanzi speċifiċi tiegħu;

(ċ) informazzjoni dwar kundanni finali għal reati terroristiċi u ċ-ċirkostanzi speċifiċi relattivi għal dawk ir-reati;

(d) rabtiet ma' każijiet rilevanti oħra;

(e) talbiet għal assistenza ġudizzjarja, inklużi ittri rogatorji, indirizzati lil Stat Membru ieħor jew minn Stat Membru ieħor u t-tweġiba;

▼M1

6.  Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-informazzjoni rilevanti miġbura mill-awtoritajiet kompetenti tagħha fil-qafas ta’ proċedimenti kriminali b’rabta ma’ reati terroristiċi tkun aċċessibbli kemm jista’ jkun malajr għall-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, fejn l-informazzjoni tista’ tintuża fil-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi kif imsemmi fid-Direttiva (UE) 2017/541, f’dak l-Istat Membru, jew fuq talba jew spontanjament, u f’konformità mal-liġi nazzjonali u l-istrumenti legali internazzjonali rilevanti.

▼M1

7.  Il-paragrafu 6 ma japplikax fejn l-iskambju ta’ informazzjoni jista’ jipperikola l-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin jew is-sikurezza ta’ individwu, u lanqas meta dan imur kontra l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Istat Membru kkonċernat.

8.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, malli jirċievu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 6, l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jieħdu miżuri f’waqthom f’konformità mal-liġi nazzjonali, kif xieraq.

▼B

Artikolu 3

Gruppi investigattivi konġunti

Fejn ikun il-każ, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jistabbilixxu gruppi investigattivi konġunti sabiex iwettqu investigazzjonijiet kriminali dwar reati terroristiċi.

Artikolu 4

Talbiet għal assistenza ġudizzjarja u eżekuzzjoni ta' sentenzi

Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li t-talbiet minn Stati Membri oħra għal assistenza legali reċiproka u għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi konnessi ma' reati terroristiċi jiġu trattati bħala kwistjoni ta’ urġenza u jingħataw prijorità.

Artikolu 5

Tħassir ta' disposizzjonijiet eżistenti

Id-Deċiżjoni 2003/48/ĠAI hija b'dan mħassra.

Artikolu 6

Implementazzjoni

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw mad-disposizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2006.

Artikolu 7

Applikazzjoni Territorjali

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal Ġibiltà.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.



( 1 ) Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6).

( 2 ) ĠU C 316, 27.11.1995, p. 2. Konvenzjoni kif l-aħħar emendata bil-Protokoll tas-27.11.2003 (ĠU L 2, 6.1.2004, p. 3).

( 3 ) ĠU L 63, 6.3.2002, p. 1. Deċiżjoni kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/659/ĠAI (ĠU L 245, 29.9.2003, p. 44).

( 4 ) ĠU L 344, 28.12.2001, p. 93. Posizzjoni Komuni kif l-aħħar emendata bil-Posizzjoni Komuni 2005/220/PESK (ĠU L 69, 16.3.2005, p. 59).