2004R0773 — MT — 06.08.2015 — 004.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

IR-REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) numru 773/2004

tas-7 ta' April 2004

dwar it-tmexxija ta' proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 123 27.4.2004, p. 18)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

 M1

COMMISSION REGULATION (EC) No 1792/2006 of 23 October 2006 (*)

  L 362

1

20.12.2006

►M2

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 622/2008 tat-30 ta’ Ġunju 2008

  L 171

3

1.7.2008

►M3

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 519/2013 tal-21 ta’ Frar 2013

  L 158

74

10.6.2013

►M4

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1348 tat-3 ta' Awwissu 2015

  L 208

3

5.8.2015



(*)

Dan l-att qatt ma ġie ppubblikat bil-Malti.




▼B

IR-REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) numru 773/2004

tas-7 ta' April 2004

dwar it-tmexxija ta' proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)



IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsil (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni preskritti fl-Artikoli 81 sa 82 tat-Trattat ( 1 ), u b'mod partikolari l-Artikolu 33 tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv dwar Prattiċi Restrittivi u Posizzjonijiet Dominanti,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003 jagħti l-poteri (setgħat) lill-Kummissjoni biex tirregola ċerti aspetti tal-proċeduri għall-applikazzjoni ta' l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat. Huwa meħtieġ li jkunu preskritti regoli dwar l-introduzzjoni ta' proċeduri mill-Kummissjoni kif ukoll it-trattament ta' lmenti u tas-smiegħ (seduti) tal-partijiet ikkonċernati.

(2)

Skond ir-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-qrati nazzjonali huma taħt obbligu jevitaw li jieħdu deċiżjonijiet li setgħu jmorru kontra d-deċiżjonijiet previsti mill-Kummissjoni fl-istess każ. Skond l-Artikolu 11(6) ta' dak ir-Regolament, l-awtoritajiet nazzjonali dwar il-kompetizzjoni jinħelsu mill-kompetenza tagħhom hekk kif il-Kummissjoni tkun bdiet il-proċeduri għall-adozzjoni ta' deċiżjoni taħt il-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. F'dan il-kuntest, huwa importanti li l-qrati u l-awtoritajiet dwar il-kompetizzjoni ta' l-Istati Membri jkunu konxji tal-bidu tal-proċeduri mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha għalhekk tkun kapaċi tagħmel pubbliċi d-deċiżjonijiet tagħha biex tibda proċeduri.

(3)

Qabel ma tieħu dikjarazzjonijiet orali minn persuni naturali jew ġuridiċi li jikkunsentaw li jkunu intervistati, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lil dawk il-persuni bil-bażi legali ta' l-intervista u n-natura volontarja tagħha. Il-persuni intervistati għandhom ukoll ikunu informati bil-għan ta' l-intervista u kull rekord li jista' jsir. Biex titjieb l-akkuratezza tad-dikjarazzjonijiet, il-persuni intervistati għandhom ukoll jingħataw l-opportunita li jikkoreġu id-dikjarazzjonijiet irreġistrati. Fejn l-informazzjoni miġbura minn dikjarazzjonijiet orali tkun skambjata skond l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, dik l-informazzjoni għandha biss tintuża f'xiehda biex ikunu imposti sanzjonijiet fuq persuni naturali fejn il-kondizzjonijiet miġjuba f'dak l-Artikolu jkunu ssodisfatti.

(4)

Skond l-Artikolu 23(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 għandhom ikunu imposti multi fuq impriżi u assoċjazzjonijiet ta' impriżi fejn jonqsu li jirrettifikaw f'limitu ta' żmien stabbilit mill-Kummissjoni tweġiba inkorretta, mhux sħiħa jew jew li tiżgwida (qarrieqa) mogħtija minn membru ta' l-istaff tagħhom għal mistoqsijiet matul l-ispezzjonijiet. Huwa għalhekk meħtieġ li jkun ipprovdut lill-impriża kkonċernata rekord ta' kull spjegazzjoni mogħtija u tkun stabbilita proċedura li tagħmilha possibbli għaliha li żżid kull rettifika, emenda jew suppliment ma' l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-membru ta' l-istaff li mhux jew ma kienx awtorizzat li jipprovdi spjegazzjonijiet f'isem l-impriża. L-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-membru ta' l-istaff għandhom jibqgħu fil-file tal-Kummissjoni kif irreġistrati matul l-ispezzjoni.

(5)

L-ilmenti huma fonti (għajn) essenzali ta' informazzjoni biex jinkixef ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Huwa importanti li jkunu ddefiniti proċeduri ċari u effiċjenti biex ikunu ttrattati l-ilmenti ppreżentati lill-Kummissjoni.

(6)

Biex ikun ammissibbli għall-finijiet ta' l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, ilment għandu jkun fih ċerta informazzjoni speċifikata.

(7)

Biex tassisti 'l dawk li jagħmlu ilment biex jissottomettu l-fatti meħtieġa lill-Kummissjoni, għandha tinkiteb formola. Is-sottomissjoni ta' informazzjoni elenkata f'dik il-formola għandha tkun kondizzjoni biex ilment ikun ittrattat bħala ilment kif jirreferi għalih l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

(8)

Persuni naturali jew ġuridiċi li jkunu għażlu li jippreżentaw ilment għandhom jingħataw il-possibbilta li jkunu assoċjati mill-qrib mal-proċeduri mibdija mill-Kummissjoni bil-ħsieb li jinstab ksur. Madankollu, m'għandhux ikollhom aċċess għal sigrieti kummerċjali jew informazzjoni konfidenzali oħra li tappartieni lil partijiet oħra involuti fil-proċeduri.

(9)

Dawk li jagħmlu l-ilmenti għandhom jingħataw l-opportunita jesprimu l-veduti tagħhom jekk il-Kummissjoni tinkkunsidra li hemm raġunijiet insuffiċjenti biex taġixxi fuq l-ilment. Fejn il-Kummissjoni tirrofta lment għar-raġunijiet li awtorita tal-kompetizzjoni ta' Stat Membru tkun qiegħda tittrattha jew tkun diġa għamlet hekk, hija għandha tgħarraf lil min jagħmel l-ilment bl-identita ta' dik l-awtorita.

(10)

Biex tirrispetta d-drittijiet ta' difiża ta' l-impriżi, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-partijiet kkonċernati d-dritt li jinstemgħu qabel ma tieħu deċiżjoni.

(11)

Għandu wkoll isir provvediment għas-smigħ ta' persuni li ma ssottomettewx ilment kif jirreferi għalih l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 u li mhumiex partijiet li lilhom dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet kienet indirizzata imma li b'danakollu juru interess suffiċjenti. Assoċjazzjonijiet tal-konsmatur li japplikaw biex jinstemgħu għandhom ġeneralment jitqiesu bħala li għandhom interess suffiċjenti, fejn il-proċeduri jikkonċernaw prodotti jew servizzi użati mill-konsumatur aħħari jew prodotti jew servizzi li jikkostitwixxu input dirett fi prodotti jew servizzi tali. Fejn tikkunsidra li dan ikun utili għall-proċeduri, il-Kummissjoni għandha wkoll tkun tista' tistieden persuni oħra biex jesprimu l-veduti tagħhom bil-miktub u jattendu s-smigħ (seduta) orali tal-partijiet li lilhom dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet kienet indirizzata. Fejn xieraq, hija għandha wkoll tkun tista' tistieden persuni tali biex jesprimu l-veduti tagħhom f'dak is-smigħ (seduta) orali.

(12)

Biex itejjeb l-effikaċja tas-smigħ (seduta) orali, l-Uffiċjal tas-Smigħ (Seduta) għandu jkollu l-poter (setgħa) jippermetti lill-partijiet ikkonċernati, lill-dawk li jagħmlu l-ilment, lill-persuni oħra mistiedna għas-smigħ, lis-servizzi tal-Kummissjoni u lill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri jagħmlu mistoqsijiet matul is-smigħ.

(13)

Meta tagħti aċċess għall-file, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali u informazzjoni konfidenzali oħra. Il-kategorija ta' “informazzjoni konfidenzali oħra” tinkludi informazzjoni barra minn sigrieti kummerċjali, li tista' tkun ikkunsidrata bħala konfidenzali, sa fejn l-isvelar tagħha jista' jagħmel ħsara sinifikattiva lil impriża jew persuna. Il-Kummissjoni għandha tkun tista' titlob lil impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi li jissottomettu jew ikunu ssottomettew dokumenti jew dikjarazzjonijiet biex jidentifikaw informazzjoni konfidenzali.

(14)

Fejn sigrieti kummerċjali jew informazzjoni konfidenzali oħra jkunu meħtieġa biex ikun ipprovat ksur, il-Kummissjoni għandha tassessja (tagħmel stima) għal kull dokument individwali jekk il-ħtieġa li tiżvela tkux ikbar mill-ħsara li tista' tirriżulta mill-isvelar.

(15)

Fl-interess taċ-ċertezza legali, limitu ta' żmien minimu għas-sottomossjonijiet diversi li jipprovdi għalihom dan ir-Regolament għandu lkun preskritt.

(16)

Dan ir-Regolament jissostitwixxi r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2842/98 tat-22 ta' Diċembru 1998 dwar is-smigħ (seduta) ta' partijiet f'ċerti proċeduri taħt l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat tal-KE ( 2 ), li għalhekk għandu jkun irrevokat.

(17)

Dan ir-Regolament jallinja r-regoli proċedurali (regoli interni) fis-settur tat-trasport mar-regoli ta' proċedura (regoli interni) ġenerali fis-setturi kollha. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2843/98 tat-22 ta' Diċembru 1998 dwar l-għamla, kontenut u dettalji oħra ta' applikazzjonijiet u notifiki li jipprovdu għalihom r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1017/68, (KEE) Nru 4056/86 u (KEE) Nru 3975/87 li japplikaw ir-regoli dwar il-kompetizzjoni għas-settur ta' trasport ( 3 ) għandu għalhekk ikun irrevokat.

(18)

Ir-Regolament (EC) Nru 1/2003 jabolixxi s-sistema ta' notifika u awtorizzazzjoni. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3385/94 tal-21 ta' Diċembru 1994 dwar l-għamla, kontenut u dettalji oħra ta' applikazzjonijiet u notifiki li jipprovdi għalih ir-Regolament tal-Kunsill Nru 17 ( 4 ) għandu għalhekk ikun irrevokat,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:



KAPITOLU I

AMBITU

Artikolu 1

Suġġett u ambitu

Dan ir-regolament japplika għal proċeduri mmexxija mill-Kummissjoni għall-applikazzjoni ta' l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat.



KAPITOLU II

BIDU TA' PROĊEDURI

Artikolu 2

Bidu ta' proċeduri

▼M2

1.  Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tibda proċeduri bil-ħsieb li tadotta deċiżjoni skond il-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 fi kwalunkwe żmien, imma mhux iktar tard mid-data li fiha hija toħroġ stima preliminari kif jirreferi għaliha l-Artikolu 9(1) ta’ dak ir-Regolament jew dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet jew id-data li fiha avviż skond l-Artikolu 27(4) ta’ dak ir-Regolament ikun ippubblikat, skond liema tkun id-data l-iktar kmieni.

▼B

2.  Il-Kummissjoni tista' tagħmel pubbliku l-bidu tal-proċeduri, b'kull manjiera xierqa. Qabel tagħmel hekk, hija għandha tgħarraf lill-partijiet ikkonċernati.

3.  Il-Kummissjoni tista' teżerċita l-poteri ta' investigazzjoni tagħha skond il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 qabel tibda l-proċeduri.

4.  Il-Kummissjoni tista' tirrofta ilment skond l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 mingħajr ma tibda proċeduri.



KAPITOLU III

INVESTIGAZZJONIJIET MILL-KUMMISSJONI

Artikolu 3

Poter (setgħa) li tieħu dikjarazzjonijiet

1.  Fejn il-Kummissjoni tintervista persuna bil-kunsens tagħha skond l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, hija għandha, fil-bidu ta' l-intervista, tiddikjara l-bażi legali u l-għan ta' l-intervista, u tfakkar in-natura volontarja tagħha. Hija għandha wkoll tgħarraf lill-persuna intervistata bl-intenzjoni tagħha li tirrekordja (tirreġistra) l-intervista.

2.  L-intervista tista' ssir b'kull mezz inkluż telefon jew mezzi elletroniċi.

3.  Il-Kummissjoni tista' tirrekordja d-dikjarazzjonijiet magħmulin mill-persuni intervistati b'kull għamla. Kopja ta' reġistrazzjoni/rekord għandha tintgħamel disponibbli lill-persuna intervistata għal approvazzjoni. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi skeda ta' żmien li fiha l-persuna intervistata tista' tikkomunikalha kull korrezzjoni li għandha ssir lid-dikjarazzjoni.

Artikolu 4

Mistoqsijiet orali matul spezzjonijiet

1.  Meta, skond l-Artikolu 20(2)(e) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, uffiċjali jew persuni li jakkompjaw oħra awtorizzati mill-Kummissjoni jitolbu rappreżentanti jew membri ta' l-istaff ta' impriża jew ta' assoċjazzjoni ta' intrapriżi għal spjegazzjonijiet, l-ispjegazzjonijiet mogħtija jistgħu jkunu rrekordjati b'kull għamla.

2.  Kopja ta' kull reġistrazzjoni/rekord magħmul skond il-paragrafu 1 għandha tintgħamel disponibbli lill-impriża jew assoċjazzjoni ta' impriżi kkonċernata wara l-ispezzjoni.

3.  F'każijiet fejn membru ta' l-istaff ta' impriża jew ta' assoċjazzjoni ta' impriżi li mhux jew ma kienx awtorizzat mill-impriża jew assoċjazzjoni ta' impriżi biex jipprovdi spjegazzjonijiet f'isem l-impriża jew assoċjazzjoni ta' impriżi jkun intalab jagħti spjegazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi limitu ta' żmien li fih l-impriża jew assoċjazzjoni ta' impriżi tista' tikkomunika lill-Kummissjoni kull rettifika, emenda jew suppliment għall-ispjegazzjonijiet mogħtija minn membru ta' l-istaff tali. r-rettifika, emenda jew suppliment għandhom jinżdiedu ma l-ispjegazzjonijiet kif irrekordjati skond il-paragrafu 1.

▼M4

Artikolu 4a

Il-Programm ta' Klemenza tal-Kummissjoni

1.  Il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi r-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet ta' kooperazzjoni li bihom tista' tippremja lill-impriżi li huma jew li kienu partijiet f'kartelli sigrieti, għall-kooperazzjoni tagħhom biex ikun żvelat il-kartell u fl-iffaċilitar tal-istabbiliment ta' ksur, b'immunità jew tnaqqis fil-multi li kieku jiġu imposti skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (il-programm ta' klemenza tal-Kummissjoni).

L-impriża li hija l-ewwel waħda li tressaq provi li fl-opinjoni tal-Kummissjoni jistgħu jippermettulha twettaq ispezzjoni mmirata jew issib ksur tal-Artikolu 101 tat-Trattat b'konnessjoni mal-allegat kartell, tista' tingħata immunità minn multi. Tnaqqis fil-multi jista' jingħata lil impriżi li jipprovdu lill-Kummissjoni prova tal-ksur allegat, li tirrappreżenta valur miżjud sinifikanti fir-rigward tal-provi li jkunu diġà fil-pussess tal-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni tagħti biss l-immunità mill-multa jew tnaqqis tagħha skont il-programm ta' klemenza tagħha jekk, fit-tmiem tal-proċedura amministrattiva, l-impriża tkun issodisfat ir-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet ta' kooperazzjoni previsti fil-kuntest tal-programm ta' klemenza. Dawn jistgħu jkopru, fost oħrajn, it-tip ta' informazzjoni u evidenza li l-impriżi huma meħtieġa li jippreżentaw u koperazzjoni ulterjuri mistennija mill-impriżi matul il-proċedimenti amministrattivi.

2.  Sabiex tikkwalifika għal immunità jew tnaqqis tal-multa li kieku tkun imposta, l-impriżi jipprovdu lill-Kummissjoni bi preżentazzjonijiet volontarji dwar l-għarfien tagħhom dwar kartell sigriet u r-rwol tagħhom fih, li jistgħu jkunu wkoll f'forma ta' preżentazzjonijiet volontarji dwar l-għarfien tal-impjegati jew rappreżentanti preċedenti jew attwali tal-impriża (dikjarazzjonijiet korporattivi ta' klemenza). Tali dikjarazzjonijiet korporattivi ta' klemenza jitfasslu b'mod speċifiku biex jitressqu lill-Kummissjoni bil-ħsieb li tinkiseb immunità jew tnaqqis fil-multi fil-programm ta' klemenza tal-Kummissjoni.

3.  Il-Kummissjoni se toffri lill-partijiet metodi xierqa biex jipprovdu dikjarazzjonijiet korporattivi ta' klemenza li mhumiex sottomissjoni bil-miktub, inklużi dawk orali. Id-dikjarazzjonijiet korporattivi orali jistgħu jkunu rrekordjati u traskritti fil-bini tal-Kummissjoni. L-impriża tingħata l-opportunità li tivverifika l-akkuratezza tar-reġistrazzjoni tad-dikjarazzjoni orali tagħha fil-bini tal-Kummissjoni, u, fejn meħtieġ, li tikkoreġi s-sustanza tad-dikjarazzjoni mingħajr dewmien. Ir-regoli f'dan ir-Regolament dwar id-dikjarazzjonijiet korporattivi ta' klemenza japplikaw għal tali dikjarazzjonijiet irrispettivament mill-mezz li fuqhom huma maħżuna. Informazzjoni li kienet diġà teżisti, jiġifieri evidenza li teżisti irrispettivament mill-proċedimenti tal-Kummissjoni u li hija ppreżentata lill-Kummissjoni minn impriża fil-kuntest tat-talba tagħha għal immunità minn multa jew għat-tnaqqis tagħha, ma tagħmilx parti minn dikjarazzjoni korporattiva ta' klemenza.

▼B



KAPITOLU IV

ITTRATTAR TA' LMENTI

Artikolu 5

Ammissibilita ta' lmenti

1.  Persuni naturali u ġuridiċi għandhom juru interess leġittimu biex ikunu intitolati jippreżentaw ilment għall-finijiet ta' l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

Ilmenti tali għandu jkun fihom l-informazzjoni rekwiżita mill-Formola C, kif miġjuba fl-Anness. Il-Kummissjoni tista' teżenta minn dan l-obbligu fir-rigward ta' parti ta' l-informazzjoni, inklużi dokumenti, rekwiżiti mill-Formola C.

2.  Tliet kopji tal-karta kif ukoll, jekk possibbli, kopja eletronika ta' l-ilment għandhom ikunu ssottomessi lill-Kummissjoni. Min jagħmel l-ilment għandu jissottometti wkoll versjoni mhux konfidenzali ta' l-ilment, jekk konfidenzalita tkun ikklejmjata għal xi parti ta' l-ilment.

3.  L-ilmenti għandhom ikunu ssottomessi f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Komunità.

Artikolu 6

Parteċipazzjoni ta' min jagħmel l-ilment fil-proċeduri

▼M2

1.  Fejn il-Kummissjoni toħroġ dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet marbuta ma’ materja fir-rigward ta’ ilment li tkun irċeviet, hi għandha tipprovdi lil min jagħmel l-ilment b’kopja tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, ħlief f’każi fejn tkun tapplika l-proċedura għar-riżolviment fejn il-Kummissjoni għandha tinforma bil-miktub lil min jagħmel l-ilment dwar in-natura u l-materja tas-suġġett tal-proċedura. Il-Kummissjoni għandha wkoll tistabbilixxi skadenza li fiha min ikun qed jagħmel l-ilment għandu jagħti l-fehmiet tiegħu bil-miktub.

▼B

2.  Il-Kummissjoni tista', fejn xieraq, tagħti lil dawk li jagħmlu l-ilment l-opportunita li jesprimu l-veduti tagħhom fis-smigħ (seduta) orali tal-partijiet li lilhom dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet tkun inħarġet, jekk dawk li jagħmlu l-ilment hekk jitolbu fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom.

Artikolu 7

Irroftar ta' lment

1.  Fejn il-Kummissjoni tikkunsidra li fuq il-bażi ta' l-informazzjoni fil-pussess tagħha hemm raġunijiet insuffiċjenti biex taġixxi dwar ilment, hija għandha tgħarraf lil min jagħmel l-ilment bir-raġunijiet tagħha u tistabbilixxi limitu ta' żmien li fih min jagħmel l-ilment jista' jagħti tagħrif tal-veduti tiegħu miktub. Il-Kummissjoni m'għandhiex tkun obbligata tieħu in konsiderazzjoni iktar sottomissjonijiet bil-miktub irċevuti wara l-iskadenza ta' dak il-limitu ta' żmien.

2.  Jekk min jagħmel l-ilment jagħti tagħrif dwar il-veduti tiegħu fil-limitu ta' żmien stabbilit mill-Kummissjoni u s-sottomissjonijiet bil-miktub magħmula minn min jagħmel l-ilment ma jwasslux għal stima differenti ta' l-ilment, il-Kummissjoni għandha tirrofta l-ilment b'deċiżjoni.

3.  Jekk min jagħmel l-ilment jonqos li jagħti tagħrif dwar il-veduti tiegħu fil-limitu ta'żmien stabilit mill-Kummissjoni, l-ilment għandu jitiqies li kien irtirat.

Artikolu 8

Aċċess għal informazzjoni

1.  Fejn il-Kummissjoni tkun infurmat lil min jagħmel l-ilment bl-intenzjoni tagħha li tirrofta l-ilment skond l-Artikolu 7(1) min jagħmel l-ilment jista' jitlob aċċess għad-dokumenti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-istima provviżorja tagħha. Għal dan il-għan, min jagħmel l-ilment jista' madankollu ma jkollux aċċess għal sigrieti kummerċjali u informazzjoni konfidenzali oħra li tappartieni lill-partijiet oħra involuti fil-proċeduri.

▼M4 —————

▼B

Artikolu 9

Irroftar ta' ilment skond l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003

Fejn il-Kummissjoni tirrofta lment skond l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, hija għandha tgħarraf lil min jagħmel l-ilment mingħajr dewmien bl-awtorita tal-kompetizzjoni nazzjonali li tkun tittratta jew tkun diġa ttrattat il-każ.



KAPITOLU V

EŻERĊIZZJU TAD-DRITT GĦAS-SMIGĦ

Artikolu 10

Dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet u tweġiba

▼M2

1.  Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-partijiet ikkonċernati bl-oġġezzjonjiet imressqa kontrihom. Id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet għandha tiġi nnotifikata bil-miktub lil kull waħda mill-partijiet li kontrihom ikunu qed jitressqu l-oġġezzjonijiet.

▼B

2.  Il-Kummissjoni għandha, meta tinnotifika d-dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet lill-partijiet ikkonċernati, tistabbilixxi limitu ta' żmien li fih dawn il-partijiet jistgħu jinformawha bil-miktub bil-veduti tagħhom. Il-Kummissjoni m'għandhiex tkun obbligata tqis sottomissjonijiet miktuba rċevuti wara l-iskadenza ta' dak il-limitu ta' żmien.

3.  Il-partijiet jistgħu, fis-sottomissjonijiet miktuba tagħhom, jistabbilixxu l-fatti kollha magħrufa minnhom li huma relevanti għad-difiża tagħhom kontra l-oġġezzjonijiet miġjuba mill-Kummissjoni. Huma għandhom jehimżu kull dokumenti relevanti bħala prova tal-fatti esposti. Huma għandhom jipprovdu oriġinal fuq il-karta kif ukoll kopja elettronika jew, fejn ma jipprovdux kopja elettronika, ►M3  31 ◄ oriġinal fuq il-karta tas-sottomissjoni tagħhom u tad-dokumenti mehmuża magħha. Huma jistgħu jipproponu li l-Kummissjoni tisma' persuni li jistgħu jikkorroboraw il-fatti esposti fis-sottomissjoni tagħhom.

▼M2

Artikolu 10a

Proċeduri għar-riżolviment f'każi ta’ kartelli

1.  Wara li jibdew il-proċedimenti skond l-Artikolu 11(6) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi skadenza li fiha l-partijiet jistgħu jindikaw li huma lesti li jidħlu għal diskussjonijiet għar-riżolviment bil-ħsieb li possibilment ikunu introdotti s-sottomissjonijiet għar-riżolviment. Il-Kummissjoni m'għandhiex tkun obbligata tikkunsidra t-tweġibiet riċevuti wara l-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien.

Jekk żewġ partijiet jew aktar ta’ l-istess impriża jindikaw li jkunu lesti li jidħlu għal diskussjonijiet għar-riżolviment skond l-ewwel subparagrafu, huma għandhom jaħtru rappreżentant konġunt biex f’isimhom jidħol għad-diskussjonijiet mal-Kummissjoni. Meta tkun qed tistabbilixxi l-limitu taż-żmien imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha turi b’dan lill-partijiet rilevanti li huma identifikati fi ħdan l-istess impriża, bl-iskop uniku li tgħinhom ikunu konformi ma’ din id-dispożizzjoni.

2.  Il-partijiet li jkunu qed jieħdu sehem fid-diskussjonijiet għar-riżolviment jistgħu jiġu infurmati mill-Kummissjoni b’:

(a) l-oġġezzjonijiet li tkun qed tipprevedi li tressaq kontrihom;

(b) il-provi użati biex ikunu determinati l-oġġezzjonijiet previsti;

(c) verżjonijiet mhux kunfidenzjali ta’ kwalunkwe dokument speċifiku aċċessibbli elenkat fil-fajl tal-każ f’dak il-mument partikolari, safejn talba tal-parti tkun iġġustifikata bl-iskop li tgħin lill-parti taċċerta l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-perjodu ta’ żmien jew ta’ kwalunkwe aspett ieħor dwar il-kartell; kif ukoll

(d) il-firxa tal-multi potenzjali.

Din l-informazzjoni għandha tkun kunfidenzjali vis-à-vis l-partijiet terzi, ħlief meta l-Kummissjoni tkun tat awtorizzazzjoni espliċita minn qabel għall-iżvelar.

▼M4

Jekk isir progress fid-diskussjonijiet għar-riżolviment, il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi limitu ta' żmien li fih il-partijiet jistgħu jimpenjaw ruħhom li jsegwu l-proċedura għar-riżolviment billi jressqu sottomissjonijiet għar-riżolviment li jirriflettu r-riżultati tad-diskussjonijiet dwar ir-riżolviment u jirrikonoxxu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur tal-Artikolu 101 tat-Trattat kif ukoll ir-responsabbiltà tagħhom. Dawn is-sottomissjonijiet ta' riżolviment ikunu speċifikament imfassla mill-impriżi kkonċernati bħala talba formali lill-Kummissjoni biex tadotta kwalunkwe deċiżjoni fil-każ tagħhom skont il-proċediment ta' riżolviment. Qabel ma l-Kummissjoni tistabbilixxi l-limitu taż-żmien għall-introduzzjoni ta' sottomissjonijiet ta' riżolviment, il-partijiet konċernati jkunu intitolati li jkollhom l-informazzjoni speċifikata fl-ewwel subparagrafu, żvelata lilhom, fuq talba, fil-ħin. Il-Kummissjoni ma għandhiex tkun obbligata tqis sottomissjonijiet ta' riżolviment wara l-iskadenza ta' dak il-limitu ta' żmien.

Il-Kummissjoni se toffri lil partijiet metodi xierqa biex jipprovdu sottomissjonijiet ta' riżolviment li mhumiex sottomissjoni bil-miktub, inklużi dawk orali. Is-sottomissjonijiet ta' riżolviment orali jistgħu jkunu rrekordjati u traskritti fil-bini tal-Kummissjoni. L-impriża tingħata l-opportunità li tivverifika l-akkuratezza teknika tar-reġistrazzjoni tas-sottomissjoni orali tagħha fil-bini tal-Kummissjoni, u, fejn meħtieġ, li tikkoreġi s-sustanza tas-sottomissjoni tagħha mingħajr dewmien. Ir-regoli f'dan ir-Regolament dwar sottomissjonijiet ta' riżolviment japplikaw għal tali dikjarazzjonijiet irrispettivament mill-mezz li fuqhom huma maħżuna.

▼M2

3.  Meta d-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet innotifikata lill-partijiet tkun tirrifletti l-kontenut tas-sottomissjonijiet għar-riżolviment, it-tweġiba bil-miktub għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzzjonijiet mill-partijiet ikkonċernati fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-Kummissjoni, għandha tikkonferma li d-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet indirizzata lilhom tkun tirrifletti l-kontenut tas-sottomissjonijiet tagħhom għar-riżolviment. Il-Kummissjoni tista’ imbagħad tipproċedi biex tadotta deċiżjoni skond l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Prattiċi Ristrettivi u l-Pożizzjonijiet Dominanti skond l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

4.  Il-Kummissjoni fi kwalunkwe ħin tista’ tiddeċiedi li twaqqaf għal kollox il-proċedura dwar d-diskussjonijiet għar-riżolviment għall-każ speċifiku jew fir-rigward ta’ parti jew partijiet speċifiċi involuti, jekk din tikkunsidra li aktarx li ma jinkisbux l-effiċjenzi proċedurali.

▼B

Artikolu 11

Dritt ta' smigħ

▼M2

1.  Il-Kummissjoni għandha tagħti lill-partijiet li lilhom tindirizza dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet l-opportunità li jinstemgħu qabel ma tikkonsulta lill-Kumitat Konsultattiv li jirreferi għalih l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

▼B

2.  Il-Kummissjoni għandha, fid-deċiżjonijiet tagħha, tittratta biss oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-partijiet li jirreferi għalihom il-paragrafu 1 ikunu setgħu jikkummentaw.

▼M2

Artikolu 12

1.  Il-Kummissjoni għandha tagħti lill-partijiet li lilhom tkun indirizzat dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet l-opportunità li jiżviluppaw l-argumenti tagħhom f’seduta orali, jekk huma jitolbu dan fis-sottomissjonijiet miktuba tagħhom.

2.  Madankollu, meta jippreżentaw is-sottomissjonijiet għar-riżolviment tagħhom, il-partijiet għandhom jikkonfermaw lill-Kummissjoni li jinħtieġu biss li jingħataw l-opportunità biex jiżviluppaw l-argumenti tagħhom f'seduta orali jekk id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet ma’ tikkonfermax il-kontenut tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom għal riżolviment.

▼B

Artikolu 13

Smigħ (seduta) ta' persuni oħra

1.  Jekk persuni naturali u legali barra minn dawk li jirreferi għalihom l-Artikoli 5 u 11 japplikaw biex jinstemgħu u juru interess suffiċjenti, il-Kummissjoni għandha tgħarrafhom bil-miktub bin-natura tas-suġġett tal-proċedura u għandha tistabbilixxi limitu ta' żmien li fih huma jistgħu jagħtu tagħrif dwar il-veduti tagħhom bil-miktub.

2.  Il-Kummissjoni tista', fejn xieraq, tistieden il-persuni li jirreferi għalihom il-paragrafu 1 biex jiżviluppaw l-argumenti tagħhom fis-smigħ orali (seduta) tal-partijiet li lilhom dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet kienet indirizzata, jekk il-persuni li jirreferi għalihom il-paragrafu 1 jitolbu dan fil-kummenti miktuba tagħhom.

3.  Il-Kummissjoni tista' tistieden kull persuna oħra biex tesprimi l-veduti tagħha bil-miktub u tattendi għas-smigħ orali (seduta) tal-partijiet li lilhom dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet kienet indirizzata. Il-Kummissjoni tista' wkoll tistieden persuni tali biex jesprimu l-veduti tagħhom f'dak is-smigħ orali (seduta).

Artikolu 14

Tmexxija tas-smigħ orali (seduta)

1.  Is-smigħ (seduti) għandu jitmexxa minn Uffiċjal tas-Smigħ f'indipendenza sħiħa.

2.  Il-Kummissjoni għandha tistieden il-persuni li għandhom jinstemgħu biex jattendu s-smigħ orali (seduta) f'data tali kif tiddetermina.

3.  Il-Kummissjoni għandha tistieden lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta' l-Istati Membri biex jipparteċipaw fis-smigħ orali (seduta). Tista' wkoll tistieden uffiċjali u impjegati ċivili ta' awtoritajiet oħra ta' l-Istati Membri.

4.  Il-persuni mistiedna jattendu għandhom jew jidhru in persona jew ikunu rrappreżentati minn rappreżentanti legali jew rappreżentanti awtorizzati mill-kostituzzjoni tagħhom kif xieraq. Impriżi u assoċjazzjonijiet ta' impriżi jistgħu wkoll ikunu rrappreżentati minn aġent dovutement awtorizzat maħtur minn fost l-istaff permanenti tagħhom.

5.  Il-persuni mismugħa mill-Kummissjoni jistgħu jkunu assistiti mill-avukati tagħhom jew persuni kkwalifikati oħra ammessi mill-Uffiċjali tas-Smigħ (seduta).

6.  Is-smigħ orali (seduta) m'għanudx ikun pubbliku. Kull persuna tista' tinstema' separatament jew fil-preżenza ta' persuni oħra mistiedna biex jattendu, filwaqt li jkunu kkunsidrati l-interessi leġittimi ta' l-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom u informazzjoni konfidenzali oħra.

7.  L-Uffiċjal tas-Smigħ (seduta) jista' jippermetti lill-partijiet li lilhom dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet kienet indirizzata, lil min jagħmel l-ilment, persuni oħra mistiedna għas-smigħ (seduta), is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri biex jagħmlu mistoqsijiet matul is-smigħ (seduta).

8.  Id-dikjarazzjonijiet magħmula minn kull persuna li nstemgħet għandhom ikunu rridordjati. Wara talba, l-irrekordjar tas-smigħ (seduta) għandu jintgħamel disponibbli lill-persuni li attendew is-smigħ (seduta). Konsiderazzjoni għandha tingħata lill-interessi leġittimi tal-partijiet fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom u informazzjoni konfidenzali oħra.



KAPITOLU VI

AĊĊESS GĦALL-FILE U TRATTAMENT TA' INFORMAZZJONI KONFIDENZALI

▼M4

Artikolu 15

Aċċess għall-fajl

▼B

1.  Jekk tintalab dan, il-Kummissjoni għandha tagħti aċċess għall-file lill-(tal-)partijiet lil lilhom tkun indirizzat id-dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet. Aċċess għandu jingħata wara n-notifika tad-dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet.

▼M4

1a.  Wara li jibdew il-proċeduri skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 u sabiex tkun tista' tgħin lill-partijiet biex jippreżentaw sottomissjonijiet ta' riżolviment, il-Kummissjoni tiżvelalhom il-provi u d-dokumenti deskritti fl-Artikolu 10a(2) meta jintalbu u soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fis-subparagrafi rilevanti. Fid-dawl ta' dan, meta jippreżentaw is-sottomissjonijiet miktuba tagħhom għal riżolviment, il-partijiet jikkonfermaw lill-Kummissjoni li se jinħtieġu biss aċċess għall-fajl skont il-paragrafu 1 wara li l-irċevuta tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jekk id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma tirriflettix il-kontenut tas-sottomissjonijiet tagħhom għal riżolviment. Meta d-diskussjonijiet għal riżolviment ma jitkomplewx ma' parti waħda jew aktar, tali Parti tingħata l-aċċess għall-fajl skont il-paragrafu 1 meta dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet tkun indirizzata lilha.

▼M4

1b.  L-aċċess skont il-paragrafu 1 jew 1a għal dikjarazzjoni korporattiva ta' klemenza skont it-tifsira tal-Artikolu 4a(2) jew għal sottomissjoni ta' riżolviment skont it-tifsira tal-Artikolu 10a(2), jingħata biss fil-bini tal-Kummissjoni. Il-partijiet u r-rappreżentanti tagħhom ma jikkopjawx dikjarazzjonijiet korporattivi ta' klemenza jew sottomissjonijiet ta' riżolviment permezz ta' kwalunkwe mezzi mekkaniċi jew elettroniċi.

▼B

2.  Id-dritt ta' aċċess għall-file m'għandux ikun estiż għal sigrieti kummerċjali, informazzjoni konfidenzali oħra u dokumenti interni tal-Kummissjoni jew ta' l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta' l-Istati Membri. Id-dritt ta' aċċess għall-file m'għandux ukoll ikun estiż għall-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta' l-Istati Membri jew bejn dawn ta' l-aħħar fejn korrispondenza tali tkun tinsab fil-file tal-Kummissjoni.

3.  Xejn f'dan ir-Regolament ma jimpedixxi l-Kummissjoni milli tiżvela u tuża informazzjoni meħtieġa biex tipprova ksur ta' l-Artikoli 81 jew 82 tat-Trattat.

▼M4 —————

▼B

Artikolu 16

Identifikazzjoni u protezzjoni ta' informazzjoni konfidenzali

1.  Informazzjoni, inklużi dokumenti, m'għandhiex tkun ikkomunikata jew magħmula disponibbli mill-Kummissjoni sakemm ikun fiha sigrieti kummerċjali jew informazzjoni konfidenzali oħra ta' xi persuna.

2.  Kull persuna li tagħti tagħrif dwar il-veduti tagħha skond l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 7(1), l-Artikolu 10(2) u l-Artikolu 13(1) u (3) jew sussegwentement tissottometti iktar informazzjoni lill-Kummissjoni matul l-istess proċedura, għandha tidentifika b'mod ċar kull materjal li hija tikkunsidra li jkun konfidenzali, filwaqt li tagħti r-raġunijiet, u tipprovdi verżjoni separata mhux konfidenzali sad-data stabbilita mill-Kummissjoni biex tagħti tagħrif dwar il-veduti tagħha.

3.  Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista' tirrikjedi l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta' impriżi li jipproduċu dokumenti jew dikjarazzjonijiet skond ir-Regolament (KE) Nru 1/2003 biex jidentifikaw id-dokumenti jew parti ta' dokumenti li huma jqisu li fihom sigrieti kummerċjali jew informazzjoni konfidenzali oħra li tappartieni lilhom u jidentifikaw l-impriżi li fir-rigward tagħhom dokumenti tali għandhom ikunu kkunsidrati konfidenzali. Il-Kummissjoni tista' bl-istess mod tirrikjedi l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta' impriżi biex jidentifikaw kull parti ta' dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet, sommarju ta' każ miktub skond l-Artikolu 27(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jew deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni li fil-veduta tagħhom jkun fiha sigrieti kummerċjali.

Il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi limitu ta' żmien li fih l-impriżi u assoċjazzjonijiet ta' impriżi għandhom:

(a) jissostanzjaw l-ilment tagħhom għall-konfidenzalita fir-rigward ta' kull dokument individwali jew parti ta' dokument, dikjarazzjoni jew parti ta' dikjarazzjoni;

(b) jipprovdu lill-Kummissjoni b'verżjoni mhux konfidenzali tad-dokumenti jew dikjarazzjonijiet, li fihom il-passaġġi (siltiet) konfidenzali jkunu mħassrin;

(ċ) jipprovdu deskrizzjoni konċiża ta' kull biċċa informazzjoni mħassra.

4.  Jekk impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi jonqsu li josservaw il-paragrafi 2 u 3, il-Kummissjoni tista' tassumi li d-dokumenti jew dikjarazzjonijiet kkonċernati ma fihomx informazzjoni konfidenzali.

▼M4



KAPITOLU VIa

LIMITAZZJONIJIET GĦALL-UŻU TA' INFORMAZZJONI MIKSUBA FIL-KORS TAL-PROĊEDIMENTI TAL-KUMMISSJONI

Artikolu 16a

1.  L-informazzjoni miksuba skont dan ir-Regolament tintuża biss għall-iskopijiet ta' proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat.

2.  L-aċċess għal dikjarazzjonijiet korporattivi ta' klemenza skont it-tifsira tal-Artikolu 4a(2) jew għas-sottomissjonijiet ta' riżolviment skont it-tifsira tal-Artikolu 10a(2) jingħata biss għall-finijiet tal-eżerċitar tad-drittijiet ta' difiża fi proċedimenti quddiem il-Kummissjoni. Informazzjoni meħuda minn tali dikjarazzjonijiet u s-sottomissjonijiet tista' tintuża mill-parti li tkun kisbet aċċess għall-fajl biss fejn ikun meħtieġ għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħha fil-proċeduri:

(a) quddiem il-qrati tal-Unjoni Ewropea li jkunu qed jirrieżaminaw id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jew

(b) quddiem il-qrati tal-Istati Membri f'każijiet li huma direttament relatati mal-każ li għalihom l-aċċess ġie mogħti, u li jirrigwardaw:

(i) l-allokazzjoni bejn parteċipanti fil-kartell ta' multa in solidum imposta fuqhom mill-Kummissjoni; jew

(ii) ir-rieżami ta' deċiżjoni li biha awtorità tal-kompetizzjoni ta' Stat Membru sabet ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

3.  Dawn il-kategoriji ta' informazzjoni miksuba skont dan ir-Regolament ma jintużawx fi proċedimenti quddiem il-qrati nazzjonali sakemm il-Kummissjoni ttemm il-proċedimenti tagħha kontra l-partijiet kollha investigati bl-adozzjoni ta' deċiżjoni skont l-Artikolu 7, 9 jew 10 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jew xorta oħra tkun temmet il-proċedimenti tagħha:

(a) l-informazzjoni li tħejjiet minn persuna fiżika jew ġuridika speċifikament għall-proċedimenti tal-Kummissjoni; kif ukoll

(b) l-informazzjoni li l-Kummissjoni fasslet u bagħtet lill-partijiet matul il-proċedimenti tagħha.

▼B



KAPITOLU VII

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 17

Limiti ta' żmien

▼M2

1.  Fl-istabbiliment ta’ limiti ta’ żmien li jipprovdu għalihom l-Artikolu 3(3), l-Artikolu 4(3), l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 7(1), l-Artikolu 10(2), l-Artikolu 10(a)1, l-Artikolu 10(a)2, l-Artikolu 10a(3) u l-Artikolu 16(3), il-Kummissjoni għandha tikkunsidra kemm iż-żmien meħtieġ għall-preparazzjoni tas-sottomissjoni u għall-urġenza tal-każ.

▼B

2.  Il-limiti ta' żmien li jirreferi għalihom l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 10(2) għandhom ikunu ta' għall-inqas erba' gimgħat. Madankollu, għall-proċeduri mibdija bil-ħsieb li jkunu adottati miżuri interim skond l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-limitu ta' żmien jista' jitqassar għall-ġimgħa waħda.

▼M2

3.  Il-limiti ta’ żmien li jirreferu għalihom l-Artikolu 4(3), l-Artikolu 10a(1), l-Artikolu 10a(2) u l-Artikolu 16(3) għandhom ikunu ta’ mill-inqas ġimagħtejn. Il-limitu taż-żmien imsemmi fl-Artikolu 3(3) għandu jkun ta’ mill-anqas ġimagħtejn, ħlief għas-sottomissjonijiet għar-riżolviment, li għalihom iridu jsiru l-korrezzjonijiet fi żmien ġimgħa. Il-limitu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 10a(3) għandu jkun ta’ mill-anqas ġimagħtejn.

▼B

4.  Fejn xieraq u wara talba rraġunata magħmula qabel l-iskadenza tal-limitu ta' żmien oriġinali, il-limiti ta' żmien jistgħu jkunu estiżi.

Artikolu 18

Revoki

Ir-Regolamenti (KE) Nru 2842/98, (KE) Nru 2843/98 u (KE) Nru 3385/94 huma rrevokati.

Referenzi għar-regolamenti rrevokati għandhom ikunu interpretati bħala referenzi għal dan ir-regolament.

Artikolu 19

Disposizzjonijiet transizzjonali

Passi proċedurali meħuda taħt ir-Regolamenti (KE) Nru 2842/98 u (KE) Nru 2843/98 għandhom jissoktaw ikollhom effett għall-fini ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 20

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2004.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS

FORMA: C

ILMENT SKOND L-ARTIKOLU 7 TAR-REGOLAMENT (KE) NRU 1/2003

I.   Informazzjoni dwar min jagħmel ilment u impriża/i jew assoċjazzjoni ta' impriżi li jikkawżaw l-ilment

1.

Agħti dettalji sħaħ dwar l-identita tal-persuna ġuridika jew naturali li tissottometti l-ilment. Fejn min jagħmel l-ilment tkun impriża, identifika l-grupp korporattiv li tappartieni għalih u pprovdi deskrizzjoni qasira tan-natura u ambitu ta' l-attivitajiet kummerċjali tiegħu. Ipprovdi persuna ta' kuntatt (bin-numru tat-telefon, indirizzi postali u e-mail) li permezz tagħhom jistgħu jinkisbu spjegazzjonijiet supplimentari.

2.

Identifika l-impriża(i) jew assoċjazzjoni ta' impriżi li mal-kondotta tagħha l-ilment ikun konness, inkluża, fejn applikabbli, l-informazzjoni kollha disponibbli dwar il-grupp korporattiv li lilu l-impriża(i) li kontra tagħha jsir l-ilment tappartieni u n-natura u l-ambitu ta' l-attivitajiet kummerċjali segwiti minnhom. Indika l-pożizzjoni ta' min jagħmel l-ilment vis-a-vis l-impriża(i) jew assoċjazzjoni ta' impriżi li kontra tagħha jsir l-ilment (e.g. klijent, kompetitur).

II.   Dettalji tal-ksur allegat u xiehda

3.

Agħti fid-dettall il-fatti li minnhom, fl-opinjoni tiegħek, jidher li jeżisti ksur ta' l-Artikolu 81 jew 82 tat-Trattat u/jew l-Artikolu 53 jew 54 tal-ftehim taż-ŻEE. Indika b'mod partikolari n-natura tal-prodotti (merkanzija jew servizzi) milquta mill-ksur allegat u spjega, fejn meħtieġ, ir-relazzjonijiet kummerċjali dwar dawn il-prodotti. Ipprovdi d-dettalji kollha disponibbli dwar il-ftehim u prattiċi (prassi) ta' l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi li magħhom dan l-ilment ikun konness. Indika, sakemm hu possibbli, il-posizzjonijiet relattivi tas-suq ta' l-impriżi kkonċernati bl-ilment.

4.

Issottometti d-dokumenti kollha fil-pussess tiegħek li għandhom x'jaqsmu mal-jew konnessi direttament mal-fatti miġjuba fl-ilment (per eżempju, testi ta' ftehim, minuti ta' negozjati jew laqgħat, termini ta' transazzjonijiet, dokumenti kummerċjali, ċirkularijiet, korrispondenza, noti ta' konversazzjonijiet bit-telefon…). Iddikjara l-ismijiet u indirizz tal-persuni li jistgħu jagħtu xhieda fuq il-fatti miġjuba fl-ilment, u b'mod partikolari ta' persuni milquta bil-ksur allegat. Issottometti statistiċi jew data oħrajn fil-pussess tiegħek li għandhom x'jaqsmu mal-fatti deskritti, b'mod partikolari fejn juru żviluppi fil-post tas-suq (per eżempju informazzjoni konnessa ma' prezzijiet u tendenzi ta' prezzijiet, barrieri (xkiel) għad-dħul fis-suq għal fornituri ġodda eċċ.).

5.

Agħti l-veduta tiegħek dwar l-ambitu ġeografiku tal-ksur allegat u spjega, fejn dan mhux ovvju, sa fejn il-kummerċ bejn Stati Membri jew bejn il-Komunità u wieħed jew iktar Stati ta' l-AEKL li huma partijiet kontraenti tal-Ftehim dwar iż-ŻEE jista' jintlaqat mill-kondotta li dwarha sar l-ilment.

III.   Sentenza (verdett) mitlub mill-Kummissjoni u interess leġittimu

6.

Spjega x'sentenza (verdett, riżultat) jew azzjoni qiegħed tfittex (titlob) bħala riżultat tal-proċeduri miġjuba mill-Kummissjoni.

7.

Agħti r-raġunijiet li bihom tikklejmja interess leġittimu bħala min jagħmel l-ilment skond l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. Iddikjara b'mod partikolari kif il-kondotta (imġieba, aġir) li dwarha sar l-ilment tolqtok u spjega kif, fil-veduta tiegħek, intervent mill-Kummissjoni ikun responsabbli (għandu jwassal) biex jirrimedja l-ilment (t-tort) allegat.

IV.   Proċeduri quddiem l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jew qrati nazzjonali

8.

Ipprovdi informazzjoni sħiħa dwar jekk avviċinajtx, dwar l-istess suġġetti jew suġġetti konnessi mill-qrib, xi awtorita tal-kompetizzjoni oħra u/jew jekk saritx kawża quddiem qorti nazzjonali. Jekk inhu hekk, ipprovdi dettalji sħaħ dwar l-awtorita amministrattiva jew ġudizzjali (ġudizzjarja) kkuntattjata u s-sottomissjonijiet tiegħek lill-awtorita tali.

Dikjarazzjoni li l-informazzjoni mogħtija f'din il-għamla u fl-Annessi magħha qiegħda tingħata għal kollox in bona fede

Data u firma.



( 1 ) ĠU L 1, ta' l-4.1.2003, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 411/2004 (ĠU L 68, tas-6.3.2004, p. 1).

( 2 ) ĠU L 354, 30.12.1998, p. 18.

( 3 ) ĠU L 354, 30.12.1998, p. 22.

( 4 ) ĠU L 377, tal-31.12.1994, p. 28.