2003L0109 — MT — 20.05.2011 — 001.001
Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu
ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2003/109/KE tal-25 ta' Novembru 2003 dwar l-istatus ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU L 016, 23.1.2004, p.44) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
No |
page |
date |
||
L 132 |
1 |
19.5.2011 |
ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL
2003/109/KE tal-25 ta' Novembru 2003
dwar l-istatus ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul
IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkonsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 63(3) u (4) tiegħu,
Wara li kkonsidra l-proposta mill-Kummissjoni ( 1 ),
Wara li kkonsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew ( 2 ),
Wara li kkonsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ( 3 ),
Wara li kkonsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni ( 4 ),
Billi:
(1) |
Bil-ħsieb ta' l-istabbiliment progressiv ta' żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jipprovdi kemm għall-adozzjoni ta' miżuri mmirati li jassiguraw il-moviment liberu ta' persuni, flimkien ma' miżuri konnessi li jirrelataw mal-kontrolli tal-fruntieri esterni, asil u immigrazzjoni, u għall-adozzjoni ta' miżuri li jirrelataw mal-kenn, immigrazzjoni u l-salvagward tad-drittijiet ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi. |
(2) |
Il-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa speċjali tiegħu f'Tampere fil-15 u s-16 ta' Ottubru 1999, iddikjara li l-istatus legali ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għandu ikun approssimat għal dak ta' ċittadini ta' l-Istati Membri u li persuni li tkun irresjediet legalment fi Stat membru għal perjodu ta' żmien li għandu jiġi stabbilit u li jkollha permess ta' residenza għat-tul għandha tingħata f'dak l-Istat Membru sett ta' drittijiet uniformi li jkunu kemm jista' ikun viċin dawk li jgawdu iċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea. |
(3) |
Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea. |
(4) |
L-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul fl-Istati Membri hija element prinċipali fil-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, mira fundamentali tal-Komunità dikjarata fit-Trattat. |
(5) |
L-Istati Membri għandhom jagħtu effett għad-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva mingħajr diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' sess, razza, kulur, oriġini etniku jew soċjali, karatteristiċi ġenetiċi, lingwa, reliġjon jew twemmin, opinjonijiet politiċi jew oħrajn, sħubija f'minoranza nazzjonali, fortuna, twelid, diżabilitajiet, età jew orjentazzjoni sesswali. |
(6) |
Il-kriterju prinċipali għall-kisba ta' l-istatus ta' residenti għat-tul għandu ikun it-tul ta' residenza fit-territorju ta' Stat Membru. Ir-residenza għandha tkun kemm legali u kontinwa sabiex turi li persuna tkun stabbilixxit l-għeruq tagħha f'dak il-pajjiż. Għandha ssir disposizzjoni għall-grad ta' flssibilità sabiex jingħata kont taċ-ċirkostanzi li fihom persuna setgħa kellha titlaq mit-territorju fuq bażi temporanju. |
(7) |
Biex jinkiseb status ta' residenti għal perjodu fit-tul, iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi għandhom jagħtu prova li ikollhom riżorsi adegwati u assigurazzjoni kontra l-mard, biex jevitaw li ikunu piż fuq dak l-Istat Membru. L-Istati Membri, meta jagħmlu stima tal-pussess ta' riżorsi stabbli u regolari jistgħu jagħtu kont għall-fatturi bħal kontribuzzjonijiet għal sistema tal-pensjoni u t-tħaris ta' l-obbligi tat-taxxa. |
(8) |
Barra minn dan, iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jixtiequ li jiksbu u iżommu statutus ta' residenti ta' perjodu twil ta' żmien ma għandhomx jikkostitwixxu theddida għall-politika pubblika jew għas-sigurtà pubblika. L-idea ta' politika pubblika tista' tkopri kundanna ta' ħtija għat-twettieq ta' reat serju. |
(9) |
Il-konsiderazzjonijiet ekonomiċi ma għandhomx ikunu bażi għar-rifjut ta' l-għoti ta' status ta' residenti għal perjodu fit-tul u ma għandhomx ikunu kunsidrati bħala li jfixxklu l-kondizzjonijiet relevanti. |
(10) |
Għandu jiġi preskritt sett ta' regoli li jirregolaw il-proċeduri għall-eżami ta' l-applikazzjoni għall-istatus ta' residenti ta' perjodu twil ta' żmien. Dawk il-proċeduri għandhom ikunu effettivi u maniġġabbli, u jagħtu kont ta' l-ammont normali tax-xogħol ta' l-amministrazzjonijiet ta' l-Istati Membri, kif ukoll ikunu trasparenti u ġusti, sabiex joffru ċ-ċertezza legali adattata lil dawk konċernati. Dawn ma għandhomx jikkostitwixxu mezz biex ifixklu l-eżerċizzju tad-dritt tar-residenza. |
(11) |
Il-kisba ta' status ta' residenti għat-tul għandu jiġi ċertifikat permezz ta' permessi tar-residenza li jippermettu lil dawk konċernati li jagħtu prova ta' l-istatus legali tagħhom faċilment u minnufih. Dawk il-permessi tar-residenza għandhom ukoll jissodisfaw standards tekniċi ta' livell għoli, notevolment fir-rigward tal-protezzjoni kontra l-falsifikazzjoni u l-iffalsifikar, sabiex jiġu evitati abbużi fl-Istati membri li fihom l-istatus jiġi akkwistat u fl-Istat membru li fih jiġi eżerċitat id-dritt tar-residenza. |
(12) |
Sabiex jikkostitwixxi strument ġenwin għall-integrazzjoni ta' residenti għal perjodu twil fis-soċjetà fejn ikunu jgħijxu, ir-residenti għat-tul għandhom igawdu ugwaljanza ta' trattament bħal taċ-ċittadini ta' l-Istat Membru f'firxa wiesa' ta' kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali, taħt il-kondizzjonijiet relevanti definiti f'din id-Direttiva. |
(13) |
Fir-rigward ta' l-assistenza soċjali, il-possibbiltà li jiġu limitati l-benefiċċji għar-residenti ta' pejodu twil ta' żmien għall-benefriċċji prinċipali għandha tiftiehem fis-sens li din l-ideja tkopri ta' l-anqas dħul minimu ta' sostenn, assistenza fil-każ ta' mard, tqala, assistenza tal-ġenituri u kura f'perjodu twil ta' żmien. Il-modalitajiet għall-għoti ta' dawk il-benefiċċji għandhom ikunu stabbiliti bil-liġi nazzjonali. |
(14) |
L-istati Membri għandhom jibqgħu suġġetti għall-obbligu li joffru aċċess lill-minuri għas-sistema edukattiva taħt kondizzjonijiet simili għal dawk preskritti għaċ-ċittadini tagħhom. |
(15) |
L-ideja ta' għotjiet għal studju fil-qasam tat-taħriġ vokazzjonali ma jkoprix miżuri li huma iffinanzjatji taħt skemi ta' assistenza soċjali. B'żieda, l-aċċess għal għotjiet għall-istudju jista' jkun dipendenti fuq il-fatt li l-persuna li tapplika għal dawk l-għotjiet tkun tissodisfa fuq il-merti tiegħu/tagħha il-kondizzjonijiet għall-kisba ta' status ta' residenza f'perjodu twil ta' żmien. Fir-rigward tal-ħruġ ta' għotjiet għall-istudju, l-Istati Membri jistgħu jagħtu kont tal-fatt li ċ-ċittadini ta' l-Unjoni jistgħu jibbenefikaw mill-istess vantaġġ fil-pajjiż ta' oriġini. |
(16) |
Ir-residenti f'poerjodu twil ta' żmien jistgħu igawdu minn protezzjoni rinfurzata kontra t-tkeċċija. Din il-protezzjoni hija bbażata fuq il-kriterji stabbiliti bid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem. Sabiex tiġi assigurata l-protezzjoni kontra t-tkeċċija l-Istati membri għandhom jipprovdu għal rimedju effettiv legali. |
(17) |
L-armonizzazzjoni tat-termini għall-kisba ta' status ta' residenti għat-tul jippromwovi kunfidenza komuni bejn l-Istati Membri. Ċerti Stati Membri joħorġu permessi b'validità permanenti jew illimitata fuq kondizzjonijiet li huma aktar favorevoli minn dawk li hemm provdut dwarhom minn din id-Direttiva. Il-possibbiltà ta' l-applikazzjoni ta' disposizzjonijiet nazzjonali aktar favorevoli ma hix eskluża fit-Trattat. Iżda, għall-finijiet ta' din id-Direttiva, għandu ikun provdut li permessi maħruġa fuq termini aktar favorevoli ma jagħtux id-dritt tar-residenza fi Stati Membri oħra. |
(18) |
L-istabbiliment ta' kondizzjonijiet li skond dawn id-dritt tar-residenza fi Stat Membru ieħor jista' jiġi akkwistat minn ċittadini ta' pajjiżi terzi li ikunu residenti għat-tul għandu jikkontribwixxi għal ksib effettiv tas-suq intern bħala żona li fiha il-moviment ħieles ta' persuni jiġi assigurat. Dan jista' ukoll jikkostitwixxi fattur prinċipali ta' mobilità, notevolment fis-suq ta' l-impiegi ta' l-Unjoni. |
(19) |
Għandha ssir disposizzjoni li d-dritt tar-residenza fi Stat Membru ieħor jista' jiġi eżerċitat sabiex persuna taħdem fil-kapaċità ta' impjegata jew għal rasha, biex tistudja jew ukoll biex tissetilja mingħajr ma teżerċita xi forma ta' attività ekonomika. |
(20) |
Il-membri tal-familja jistgħu ikunu jissetiljaw fi Stat Membru ieħor ma' residenti għat-tul sabiex tiġi priċervata l-unità tal-familja u jiġi evitat tfixkil fl-eżerċizzju tad-dritt tar-residenza tar-residenti għat-tul. Fir-rigward tal-membri tal-familja li jistgħu ikunu awtorizzati li jakkumpajjaw jew li jingħaqdu mar-residenti għat-tul, l-Istati membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għas-sitwazzjoni ta' tfal adulti b'diżabilità u ta' qraba ta' l-ewwel grad fil-linja diretta axxendenti li ikunu dipendenti fuqhom. |
(21) |
L-Istat Membru li fih residenti għat-tul ikollu l-ħsieb li jeżerċita d-dritt tiegħu/tagħha ta' residenza għandu ikun jista' jivverifika li l-persuna konċernata tissodisfa l-kondizzjonijiet għar-residenza fit-territorju tiegħu. Huwa għandu ikun jista' jivverifika li l-persuna konċernata ma tikkostitwixxix theddida għall-politika pubblika, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika. |
(22) |
Biex jiġi evitat li jingħata dritt ta' residenza mhux validu, ir-residenti għat-tul għandhom igawdu fit-tieni Stat Membru l-istess trattament, taħt il-kondizzjonijiet definiti f'din id-Direttiva, li ikunu igawdu fl-Istat Membru li fih ikunu akkwistaw l-istatus. L-għoti ta' benefiċċji taħt assistenza soċjali ikun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà ta' l-Istati Membri li jirtiraw il-permess tar-residenza jekk il-persuna konċernata ma tkunx tissodisfa aktar il-ħtiġiet iffissati b'din id-Direttiva. |
(23) |
Ċittadini ta' pajjiż terz għandhom jingħataw il-possibbiltà li jiksbu status ta' residenti għat-tul fl-Istat Membru li fih ikunu marru u ikunu iddeċidew li jissetiljaw taħt kondizzjonijiet paragunabbli ma' dawk meħtieġa għall-kisba tiegħu fl-ewwel Stat Membru. |
(24) |
Minħabba li l-miri ta' l-azzjoni proposta, jiġifieri l-istabbiliment ta' termini għall-għoti u l-irtirar ta' status ta' residenti għat-tul u d-drittijiet marbuta miegħu u t-termini għall-eżerċizzju ta' drittijiet ta' residenza minn residenti għal perjosu twil ta' żmien fi Stati Membri oħra, ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti ta' l-azzjoni, jinkisbu aħjar mill-Komunità, il-Komunità tistà tadotta mżiuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx ‘l hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk il-miri. |
(25) |
Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Prokoll dwar il-posizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' l-imsemmi Protokoll, dawn l-Istati membri ma humiex jipparteċipaw fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u ma humiex marbuta biha jew suġġetti għall-applikazzjoni tagħha. |
(26) |
Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-posizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tieħux sehem fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva, u u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
ADDOTTA DIN ID-DIRETTIVA:
KAPITOLU I
DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
Din id-Direttiva tistabbilixxi:
(a) it-termini għall-għoti u l-irtirar ta' l-istatus ta' residenti għat-tul mogħti minn Stat membru f'relazzjoni ma' ċittadini ta' pajjiżi terzi li legalment jirrisjedu fit-territorju tiegħu, u d-drittijiet marbuta miegħu; u
(b) it-termini ta' residenza fi Stati Membri oħra minbarra dak li kien ikkonferixxa l-istatus għat-tul fuqhom għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li jgawdu dak l-istatus.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' din id-Direttiva:
(a) “ċittadin ta' pajjiż terz” tfisser xi persuna li ma tkunx ċittadin tal-l-Unjoni skond it-tifsira ta' l-Artikolu 17(1) tat-Trattat;
(b) “residenti għat-tul” tfisser xi ċittadin ta' pajjiż terz li ikollu status ta' residenti għat-tul kif hekk provdut taħt l-Artikoli 4 sa 7;
(ċ) “l-ewwel Stat Membru” tfisser l-Istat membru li għall-ewwel darba ta' l-istatus ta' rewsidenti għal perjodui twil ta' żmien lil ċittadin ta' pajjiż terz;
(d) “it-tieni Stat Membru” tfisser xi Stat Membru minbarra dak li jkun ta' għall-ewwel darba l-istatus ta' residenti għat-tul lil ċittadin ta' pajjiż terz u li fih ir-residenti għat-tul jeżerċita d-dritt ta' residenza;
(e) “membri tal-familja” tfisser iċ-ċittadini ta' pajjiż terz li jirrisjedu fl-Istat Membru konċernat skond id-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat-22 ta' Settembru 2003 dwar id-dritt tar-riunifikazzjoni tal-familja ( 5 );
(f) “protezzjoni internazzjonali” tfisser protezzjoni internazzjonali kif definita fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija ( 6 ).
(g) “permess KE ta' residenza għal residenti għat-tul” tfisser il-permess ta' residenza maħruġ mill-Istat Membru konċernat ma' l-kisba ta' l-istatus ta' residenti għat-tul.
Artikolu 3
Kamp ta' applikazzjoni
1. Din id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju ta' Stat membru.
2. Din id-Direttiva ma tapplikax għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li:
(a) jirrisjedu sabiex isegwu studji jew taħriġ vokazzjonali;
(b) ikunu awtorizzati li jirrisjedu fi Stat Membru fuq il-bażi ta' rpotezzjoni temporanja jew li ikunu appkliaw għall-awtorizzazzjoni biex jirrisjedu fuq dak il-bażi u li ikunu qed jistennew deċiżjoni dwar l-istatus tagħhom;
(ċ) huma awtorizzati jirrisjedu fi Stat Membru fuq il-bażi ta’ forma ta’ protezzjoni għajr protezzjoni internazzjonali jew ikunu applikaw għal awtorizzazzjoni għar-residenza fuq dik il-bażi u jkunu qed jistennew deċiżjoni dwar l-istatus tagħhom;
(d) applikaw għal protezzjoni internazzjonali u ma tkunx għadha ttieħdet deċiżjoni definittiva dwar l-applikazzjoni tagħhom;
(e) jirrisjedu unikament fuq bażi temporanju bħal ħaddiema au pair jew staġjonali, jew bħala ħaddiema ppustjati minn provditur ta' servizzi għall-finijiet tal-provvista ta' servizzi bejn il-fruntieri, jew bħala provdituri ta' servizzi bejn il-fruntieri jew fil-każi fejn il-permess tar-residenza tagħhom ikun ġir formalment limitat;
(f) igawdu status legali regolat mill-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar Relazzjonijiet Diplomatiċi ta' l-1961, il-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar relazzjonijiet Konsulari ta' l-1963, il-Konvenzjoni ta' l-1969 dwar Missjonijiet Speċjali jew il-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Rappresentazzjoni ta' Stati fir-Relazzjoni tagħhom ma' Organizzazzjonijioet Internazzjonali ta' Karattru Universali ta' l-1975.
3. Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet aktar favorevoli ta':
(a) patti ta' ftehim bilaterali u multilaterali bejn il-Komunita jew il-Komunità u l-Istati membri tagħha, min-naħa l-waħda, u pajjiżi terzi min-naħa l-oħra;
(b) patti ta' ftehim diġà konklużi, bejn Stat membru u pajjiż terz qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva;
(ċ) il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Istabbiliment tat-13 ta’ Diċembru 1955, il-Karta Soċjali Ewropea tat-18 ta’ Ottubru 1961, il-Karta Soċjali Ewropea emendata tat-3 ta’ Mejju 1987 u l-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Istatus Ġuridiku tal-Ħaddiema Migranti tal-24 ta’ Novembru 1977, il-paragrafu 11 tal-Iskeda għall-Konvenzjoni dwar ir-Refuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951, kif emendata mill-Protokoll iffirmat fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967, u l-Ftehim Ewropew dwar it-Trasferiment tar-Responsabilità għar-Refuġjati tas-16 ta’ Ottubru 1980.
KAPITOLU II
STATUS TA' RESIDENTI GĦAL PERJODU TWIL TA' ŻMIEN FI STAT MEMBRU
Artikolu 4
Tul ta' żmien ta' residenza
1. L-Istati Membri għandhom jagħtu status ta' residenti għat-tul lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li ikunu rrisjedew legalment u kontinwament fit-territorju tagħhom għal ħames snin li jiġu minnufih qabel is-sottomissjoni ta' l-applikazzjoni relevanti.
1a. L-Istati Membri m’ għandhomx jagħtu status ta’ resident fit-tul fuq il-bażi ta’ protezzjoni internazzjonali fil-każ tar-revoka ta’ protezzjoni internazzjonali, jew it-terminazzjoni jew iċ-ċaħda tat-tiġdid tagħha, kif stabbilit fl-Artikolu 14(3) u fl-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2004/83/KE.
2. Il-perjodi ta' residenza għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 3(2)(e) u (f) ma għandux jingħata kont tagħhom gaħll-finijiet tal-kalkolazzjoni tal-perjodu msemmi fil-paragrafu 1.
Fir-rigward tal-każijiet koperti bl-Artikolu 3(2)(a), fejn iċ-ċittadin tal-pajjiż terz konċernat ikun kiseb titolu ta' residenza li għandu jippermettilu/ha li jingaħat status ta' residenti għat-tul, nofs biss tal-perjodi ta' residenza għall-finijiet ta' studju jew taħriġ vokazzjonali jista' jingħata kont tiegħu fil-kalkolazzjoni tal-perjodu msemmi fil-paragrafu 1.
Fir-rigward ta’ persuni li jkun ingħatalhom l-istatus ta’ protezzjoni internazzjonali, mill-anqas nofs il-perjodu bejn, id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni li fuq il-bażi tagħha tkun ingħatat dik il-protezzjoni internazzjonali, u, id-data li fiha jkun ingħata l-permess ta’ residenza msemmi fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/83/KE, jew dak il-perjodu kollu, jekk dan ikun ta’ aktar minn 18-il xahar, għandu jitqies fil-kalkolu tal-perjodu msemmi fil-paragrafu 1.
3. Il-perjodi ta' assenza mit-territorju ta' l-Istat Membru konċernat ma għandhomx jinterrompu l-perjodu msemmi fil-paragrafu 1 u għandu jingħata kont għall-kalkolazzjoni tagħhom meta ikunu iqsar minn sitt xhur konsekuttivi u ma jeċċedux fit-total 10 xhur fil-perjodu msemmi fil-paragrafu 1.
Fil-każi ta' raġunijiet speċifiċi jew eċċezzjonali ta' natura temporanja u skond il-liġi nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jaċċettaw li perjodu itwal ta' assenza minn dak li huwa msemmi fl-ewwel subparagrafu ma għandux jinterrompi l-perjodu msemmi fil-paragrafu 1. F'dawk il-każi, l-Istati Membri ma għandhomx jagħtu kont tal-perjodu relevanti ta' assenza fil-kalkolazzjoni tal-perjodu msemmi fil-paragrafu 1.
B'deroga mit-tieni subparagrafu, l-Istati Membri jisgħu jagħtu kont fil-kalkolazzjoni tal-perjodu totali msemmi fil-paragrafu 1 ta' assenzi li jirrelataw ma' sekondar għall-finijiet ta' impieg, inkluża l-provvista ta' servizzi bejn il-fruntieri.
Artikolu 5
Kondizzjonijiet għall-kisba ta' status ta' residenti għat-tul
1. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jagħtu evidenza li jkollhom, għalihom u għall-membri dipendenti tal-familja:
(a) riżorsi stabbli u regolari li ikunu suffiċjenti biex imantni lilu/ha nnifsu/ha u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha, mingħajr rikors għas-sistema ta' l-assietnza soċjali ta' l-Istat Membru konċernat. L-Istati Membri għandhom jevalwaw dawn ir-riżorsi b'referenza għan-natura u r-regolarità tagħhom u jistgħu jagħtu kont tal-livell tal-paga minima u l-pensjoniijiet qabel l-applikazzjoni għall-istatus ta' resident għat-tul;
(b) l-assigurazzjoni tal-mard fir-rigward tar-riskji kollha normalment koperti għaċ-ċittadini proprji tiegħu/tagħha fl-Istat membru konċernat;
2. L-Istati membri jistgħu jeħtieġu li ċittadini ta' pajjiżi terzi jikkonformaw ma' kondizzjonijiet ta' integrazzjoni, skond il-liġi nazzjonali.
Artikolu 6
Poltika pubblika u sigurtà pubblika
1. L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jagħtu status ta' residenti għat-tul fuq il-bażi ta' politika pubblika jew sigurtà pubblika.
Meta jieħu d-deċiżjoni relevanti, l-Istat Membru għandu jikkonsidra is-severità jew it-tip ta' offiża kontra l-politika pubblika jew is-sigurtà pubblika, jew il-perikolu li joħroġ mill-persuna konċernata, waqt li jingħata kont proprju tat-tul ta' residenza u l-eżistenza ta' rabtiet mal-pajjiż ta' residenza.
2. Ir-rifjut imsemmi fil-paragrafu 1 ma għandux ikun imsejjes fuq konsiderazzjonijiet ekonomiċi.
Artikolu 7
Kisba ta' status ta' residenti għat-tul
1. Biex jinkiseb status ta' residenti għat-tul, iċ-ċittadin tal-pajjiż terz konċernat għandu jibgħat applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru li fih ikun/tkun tirrisjedi. L-applikazzjoni għandha tkun akkumpnajata b'evidenza dokuemntata li għandha tiġi stabbilita bil-liġi nazzjonali li hu/i jissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 4 u 5 kif ukoll, jekk meħtieġ, b'dokument validu ta' l-ivvjaġġar jew kopja tiegħu ċertifikata.
L-evidenza msemmija fl-ewwel subparagrafu tista' ukoll tinkludi dokumentazzjoni fir-rigward ta' l-akkommodazzjoni xierqa.
2. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jagħtu lill-applikant notifikazzjoni bil-miktub tad-deċiżjoni malajr kemm jista' ikun u f'kull każ mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data li fiha tkun intbagħtet l-applikazzjoni. Kull deċiżjoni bħal dik għandha tiġi notifikata liċ-ċittadin tal-pajjiż terz konċernat skond il-proċeduri ta' notifikazzjoni taħt il-leġislazzjoni relevanti nazzjonali.
F'ċirkostanzi eċċezzjonali marbuta mal-komplessità ta' l-eżami ta' l-applikazzjoni, il-limiti ta' żmien imsemmi fl-ewwel subparagrafu jista' jiġi estiż.
B'żieda, l-persuna konċernata għandha tkun infurmata bid-drittijiet tagħha u l-obbligi taħt din id-Direttiva.
Kull konsegwenzi minħabba li ma tittieħidx deċiżjoni sat-tmiem tal-perjodu li hemm provdut dwaru f'din id-disposizzjoni għandhom ikunu stabbiliti bil-leġislazzjoni nazzjonali ta' l-Istat Membru relevanti.
3. Jekk il-kondizzjonijiet li hemm provdut dwarhom fl-Artikoli 4 u 5 jitħarsu, u l-persuna ma tkunx tippresenta theddida skond it-tifsira ta' l-Artikolu 6, l-Istat Membru konċernat għandu jagħti liċ-ċittadin tal-pajjiż terz konċernat status ta' residenti għat-tul.
Artikolu 8
Permess KE ta' residenza għal residenti għat-tul
1. L-istatus ta' residenti għat-tul għandu jkun permanenti, bla ħsara għall-Artikolu 9.
2. L-Istati Membri għandhom joħorġu Permess KE ta' residenza għal residenza għat-tul lir-residenti għat-tul. Il-permess għandu ikun validu għal ta' l-anqas ħames snin; dan għandu ma' l-applikazzjoni jekk meħtieġa, jiġġedded awtomatikament malli jiskadi.
3. Permess tar-residenza KE għal residenza għat-tul jista' jinħareġ fil-forma ta' stiker jew ta' dokument separat. Dan għandu jinħareġ skond ir-regoli u l-mudell standard kif stipulat fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 tat-13 ta' Ġunju 2002 li jippreskrivi l-format uniformi għall-permessi ta' residenza għal ċittadini ta' pajjiżi terzi ( 7 ). Taħt l-intestatura “tip ta' permess”, l-Istat membru għandu jdaħħal “residenti għat-tul - KE”.
4. Fejn Stat Membru joħroġ il-permess ta’ residenza UE tar-residenti fit-tul lil ċittadin ta’ pajjiż terz li tkun ingħatatlu l-protezzjoni internazzjonali, għandu jdaħħal ir-rimarka li ġejja fil-permess ta’ residenza tal-UE ta’ dak ir-residenti fit-tul, taħt it-titlu “Rimarki”: “Protezzjoni internazzjonali mogħtija minn [isem l-Istat Membru] fi [data]”.
5. Fejn il-permess ta’ residenza fl-UE ta’ residenti fit-tul jinħareġ minn Stat Membru ieħor lil ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu diġà permess ta’ residenza fit-tul fl-UE li jkun inħareġ minn Stat Membru ieħor li jkun fih ir-rimarka li hemm referenza għaliha fil- paragrafu 4, it-tieni Stat Membru għandu jniżżel l-istess rimarka fil-permess ta’ residenza fit-tul fl-UE.
Qabel mat-tieni Stat Membru jniżżel ir-rimarka li hemm referenza għaliha fil- paragrafu 4, huwa għandu jitlob lill-Istat Membru msemmi f’dik ir-rimarka biex jipprovdi informazzjoni dwar jekk ir-resident fit-tul ikunx għadu benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali. L-Istat Membru msemmi fir-rimarka għandu jirrispondi fi żmien xahar minn meta jirċievi r-rikjesta għall-informazzjoni. Fejn il-protezzjoni internazzjonali tkun ġiet irtirata b’deċiżjoni finali, it-tieni Stat Membru m’għandux idaħħal dik ir-rimarka.
6. Fejn, f’konformità mal-istrumenti internazzjonali rilevanti jew il-liġi nazzjonali, ir-responsabbilità għall-protezzjoni internazzjonali tar-resident fit-tul tkun ġiet ittrasferita għat-tieni Stat Membru wara li jkun inħareġ il-permess ta’ residenza UE tar-residenti fit-tul imsemmi fil-paragrafu 5, it-tieni Stat Membru għandu mhux aktar tard minn tliet xhur mit-trasferiment tar-responsabilità, jemenda r-rimarka msemmija fil-paragrafu 4.
Artikolu 9
Irtirar jew telf ta' status
1. Ir-residenti għat-tul ma għandux ikollhom id-dritt li jżommu status ta' residenti għat-tul fil-każi li ġejjin:
(a) il-kxif ta' kisba b'mod għarrieqi ta' status ta' residenti għat-tul;
(b) l-adozzjoni ta' miżura ta' tkeċċija taħt il-kondizzjonijiet li hemm provdut dwarhom fl-Artikolu 12;
(ċ) fil-każ ta' assenza mit-territorju tal-Komunità għal perjodu ta' 12-il xahar konsekuttivi.
2. B'deroga mill-paragrafu 1(ċ), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li assenzi li jeċċedu t-12-il xahar konsekuttivi jew għal raġunijiet speċifiċi jew eċċezzjonali ma għandhomx jinvolvu l-irtirar jew it-telf ta' l-istatus.
3. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li resident għat-tul ma għandux ikollu aktar id-dritt li jżomm l-istatus ta' resident għat-tul fil-każi fejn hu/i jikkostitwixxi theddida għall-politika pubblika, minħabba s-serjetà tar-reati li hu/i ikun għamel, iżda dik it-theddida mhix raġuni għat-tkeċċija skond it-tifsira ta' l-Artikolu 12.
3a. L-Istati Membri jistgħu jirtiraw l-istatus ta’ residenti fit-tul ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fil-każ tar-revoka tal-protezzjoni internazzjonali jew tat-terminazzjoni jew caħda tat-tiġdid tagħha stabbilit fl-Artikolu 14(3) jew l-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2004/83/KE, jekk dak l-istatus ta’ residenza fit-tul kien inkiseb fuq il-bażi ta’ protezzjoni internazzjonali.
4. Ir-resident għat-tul li ikun irrisjeda fi Stat Membru ieħor skond il-Kapitolu III ma għandux aktar ikollu d-dritt li jżomm l-istatus tiegħu/tagħha ta' resident għat-tul miksub fl-ewwel Stat Membru fejn dak l-istatus jingħata fi Stat Membru ieħor skond l-Artikolu 23.
F'kull każ wara sitt snin ta' nuqqas mit-territorju ta' l-Istat Membru li ikun ta l-istatus ta' residenti għat-tul il-persuna konċernata ma għandhiex ikollha aktar id-dritt li żżomm l-istatus tagħha ta' resident għat-tul fl-imsemmi Stat Membru.
B'deroga mit-tieni subparagrafu l-Istat Membru konċernat jista' jipprovdi li għal raġunijiet speċifiċi ir-residenti għat-tul jista' jżmomm l-istatus tiegħu/tagħha ta' residenti għat-tul fl-imsemmi Stat membru fil-każ ta' assenzi għal perjodu li jeċċedi s-sitt snin.
5. Fir-rigward tal-każi msemmija fil-paragrafu 1(ċ) u fil-paragrafu 4, l-Istati Membri li ikunu taw l-istatus għandhom jipprovdu għal proċedura faċilitata għall-kisba mill-ġdid ta' l-istatus ta' residenti għat-tul.
L-imsemmija proċedura għandha tapplika b'mod partikolari fil-każi ta' persuni li ikunu rrisjedew fit-tieni Stat Membru minħabba raġunijiet ta' studju.
Il-kondizzjonijiet u l-proċedura għall-kisba mill-ġdid ta' status ta' residenti għat-tul għandhom ikunu stabbiliti bil-liġi nazzjonali.
6. L-iskadenza tal-Permess KE ta' residenza għal residenti għat-tul ma għandha bl-ebda mod tinvolvi l-irtirar jew it-telf ta' l-istatus ta' residenti għat-tul.
7. Fejn l-irtirar jew it-telf ta' status ta' residenti għat-tul ma jwassalx għat-tneħħija, l-Istat Membru għandu jawtorizza lill-persuna konċernata li tibqa' fit-territorju tiegħu jekk hi tħares il-kondizzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu u/jew jekk hi ma tikkostitwixxix theddida għall-politika pubblika jew għas-sigurtà pubblika.
Artikolu 10
Garanziji proċedurali
1. Għandhom jingħataw raġunijiet għal kull deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal status ta' residenti għat-tul jew l-irtirar ta' dak l-istatus. Kull deċiżjoni bħal dik għandha tiġi notifikata liċ-ċittadin tal-pajjiż terz konċernat skond il-proċeduri ta' notifikazzjoni taħt il-leġislazzjoni relevanti nazzjonali. In-notifikazzjoni għandha tispeċifika l-proċeduri ta' rimedju disponibbli u żmien li fih hu/i jista' jaġixxi.
2. Fejn applikazzjoni għal status ta' residenti għat-tul tiġi miċħuda jew dak l-istatus jiġi rtirat jew mitluf jew il-permess tar-residenza ma jiġġeddidx, il-persuna konċernata għandu ikollha d-dritt li tagħmel kontestazzjoni legali fl-Istat Membru konċernat.
Artikolu 11
Trattament ugwali
1. Ir-residenti għat-tul għandhom igawdu trattament ugwali ma' dak taċ-ċittadini fir-rigward ta':
(a) aċċess għall-impieg jew attivtà ta' impieg għal rasu, kemm-il darba dawk l-attivitajiet ma jinvolvux ukoll involviment ta' kull tant fl-eżerċizzju ta' awtorità pubblika, u kondizzjonijiet ta' l-impieg u kondizzjonijiet tax-xogħol, inklużi kondizzjonijiet li jirrigwardaw it-tkeċċija u l-ħlas;
(b) edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, inklużi għotjiet ta' studju skond il-liġi nazzjonali;
(ċ) rikonoxximent ta' diplomi professjonali, ċertifikati u kawlifiki oħra, skond il-proċeduri relevanti nazzjonali;
(d) sigurtà soċjali, assistenza soċjali u protezzjoni soċjali kif definiti bil-liġi nazzjonali;
(e) benefiċċji tat-taxxa;
(f) aċċess għal oġġetti u servizzi u l-provvista ta' oġġetti u servizzi magħmula disponibbli lill-pubbliku u l-proċeduri għal ksib ta' akkommodazzjoni;
(g) il-libertà ta' assoċjazzjoni u affiljazzjoni u sħubija ta' organizzazzjoni li tirrappresenta l-ħaddiema jew lil min iħaddem jew ta' xi organizzazzjoni li l-membri tagħha ikunu jwettqu xi xogħol speċifiku, inklużi l-benefiċċji konferiti minn dawk l-organizzazzjonijiet, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet nazzjonali dwar politika pubblika u sigurtà pubblika.
(h) aċċess liberu għat-territorju kollu ta' l-Istat Membru konċernat, fil-limiti li hemm provdut dwarhom fil-leġislazzjoni nazzjonali għal raġunijiet ta' sigurtà.
2. Fir-rigward tad-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1, il-punti (b), (d), (e), (f) u (g), l-Istat Membru konċernat jista' jirrestrinġi trattament ugwali għall-każi fejn ir-residenza reġistrata jew il-post normali ta' residenza tar-residenti għat-tul, jew dak tal-membri tal-familja li għalihom hu/i jagħmer talba għall-benefiċċji, ikun jinsab fit-territorju ta' l-Istat Membru konċernat.
3. L-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu trattament ugwali maċ-ċittadini tagħhom fil-każi li ġejjin:
(a) L-Istati membri jisgħu iżommu restrizzjonijiet għall-aċċess għall-impieg jew attivitajiet ta' impieg għal rashom fil-każi fejn, skond il-leġislazzjoni eżistenti nazzjonali jew tal-Komunità, dawn l-attivitajiet ikunu riżervati għaċ-ċittadini tagħhom, iċ-ċittadini tal-KE jew taż-ZEE.
(b) l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li tingħata evidenza tal-profiċjenza adattata fil-lingwa għall-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ. L-aċċess għall-università jista' ikun bil-kondizzjoni tat-twettieq ta' prirekwiżiti speċifiċi edukattivi.
4. L-Istati Membri jistgħu jillimitaw it-trattament ugwali fir-rigward ta' assistenza soċjali u protezzjoni soċjali għall-benefiċċji prinċipali.
4a. Għal dak li jikkonċerna l-Istat Membur li ta l-protezzjoni internazzjonali, il- paragrafi 3 u 4 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2004/83/KE.
5. L-Istati membri jistgħu jiddeċiedu li jagħtu aċċess għal benefiċċji addizzjonali fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 1.
L-Istati Membri jistgħu ukoll jiddeċiedu li jagħtu trattament ugwali fir-rigward ta' oqsma mhux koperti bil-paragrafu 1.
Artikolu 12
Protezzjoni kontra tkeċċija
1. L-Istati Membri jistgħu jieħdu deċiżjoni li jkeċċu residenti għat-tul unikament fejn hu/i jikkostitwixxi theddiha attwali u suffiċjentement serja għall-politika pubblika jew għas-sigurtà pubblika.
2. Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex tkun ibbażata fuq konsiderazzjonijiet ekonomiċi.
3. Qabel ma tittieħed deċiżjoni biex jitkeċċa residenti għat-tul, l-Istati membri għandhom jagħtu kont tal-fatturi li ġejjin:
(a) it-tul tar-residenza fit-territorju tagħhom;
(b) l-età tal-persuna konċernata;
(ċ) il-konsegwenzi għall-persuna konċernata u l-membri tal-familja;
(d) ir-rabtiet mal-pajjiż tar-residenza jew in-nuqqas ta' rabtiet mal-pajjiż ta' oriġini.
3a. Fejn Stat Membru jiddeċiedi li jkeċċi resident fit-tul li l-permess ta’ residenza fit-tul fl-UE tiegħu ikun fih ir-rimarka msemmija fl-Artikolu 8(4), huwa għandu jitlob lill-Istat Membru msemmi f’dik ir-rimarka jikkonferma jekk il-persuna għadhiex benefiċjarja tal-protezzjoni internazzjonali f’dak l-Istat Membru. L-Istat Membru msemmi fir-rimarka għandu jirrispondi fi żmien xahar minn meta jirċievi t-talba għal informazzjoni.
3b. Jekk ir-resident fit-tul jibqa’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali fl-Istat Membru msemmi fir-rimarka, dik il-persuna għandha titkeċċa lejn dan l-Istat Membru, li għandu, mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali applikabbli u għall-prinċipju tal-unità tal-familja, idaħħal lura minnufih, mingħajr formalitajiet, lil dak il-benefiċjarju u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha.
3c. B’deroga mill-paragrafu 3b, l-Istat Membru li jkun adotta d-deċiżjoni ta’ tkeċċija għandu jżomm il-jedd li jibgħat, skont l-obbligi internazzjonali tiegħu, lir-resident fit-tul f’pajjiż li ma jkunx dak l-Istat Membru li kien ta l-protezzjoni internazzjonali, meta dik il-persuna tissodisfa l-kondizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2004/83/KE.
4. Fejn tkun ġiet adottata deċiżjoni ta' tkeċċija, il-proċedura ta' rimedju ġudizzjarju għandha tkun disponibbli għar-residenti għat-tul fl-Istat Membru konċernat.
5. Għandha tingħata għajnuna legali lir-residenti għat-tul li ma jkollhomx ir-riżorsi adegwati, fuq l-istess termini kif japplikaw għaċ-ċittadini ta' l-Istat fejn ikunu jirrisjedu.
6. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 1999/83/KE.
Artikolu 13
Disposizzjonijiet nazzjonali aktar favorevoli
L-Istati Membri jistgħu joħorġu permessi ta' residenza b'validità permanenti jew illimitata li ikunu aktar favorevoli minn dawk preskritti f'din id-Direttiva. Dawk il-permessi ta' residenza ma għandhomx jikkonferixxu d-dritt ta' residenza fl-Istati Membri l-oħra kif hemm provdut dwarhom fil-Kapitolu II ta' din id-Direttiva.
KAPITOLU III
RESIDENZA FL-ISTATI MEMBRI L-OĦRA
Artikolu 14
Prinċipju
1. Residenti għat-tul għandu jikseb id-dritt li jirrisjedu fit-territorju ta' l-Istati Membri minbarra dak li ikun tah l-istatus ta' residenti għat-tul, għal perjodu li jisboq it-tlett xhur, kemm-il darba l-kondizzjonijiet stipulati f'dan il-kapitolu jitħarsu.
2. Residenti għat-tul jista' jirrisjedi fit-tieni Stat Membru għar-raġunijiet li ġejjin:
(a) l-eżerċizzju ta' attività ekonomika f'kapaċità ta' impieg jew impieg għal rasu;
(b) l-insegwiment ta' studju jew taħriġ vokazzjonali;
(ċ) għanijiet oħra.
3. Fil-każ ta' attività ekonomika fil-kapaċità ta' impjegat jew impieg għal rasu msemmija fil-paragrafu 2(a), l-Istati Membri jistgħu jeżaminaw is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol tagħhom u japplikaw il-proċeduri nazzjonali tagħhom, fir-rigward tal-ħtiġiet għal, rispettivament, il-mili ta' posizzjoni battala, jew għall-eżerċizzju ta' dawk l-attivitajiet.
Għal raġunijiet tal-politika tas-suq tax-xogħol, l-Istati Membri jistgħu jagħtu preferenza lil ċittadini ta' l-Unjoni, lil ċittadini ta' pajjiżi terzi, fejn hemm provvidement dwar dan fil-leġislazzjoni tal-Komunità, kif ukoll għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment u li jirċievu l-benefiċċji tad-disimipieg fl-Istat Membru konċernat.
4. B'deroga mid-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw in-numru totali ta' persuni intitolati li jingħataw dritt tar-residenza, kemm-il darba dawk il-limitazzjonijiet ikunu diġà ffissati għad-dħul ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fil-leġislazzjoni eżistenti fiż-żmien ta' l-adozzjoni ta' din id-Direttiva.
5. Dan il-kapitolu ma jikkonċernax ir-residenza ta' residenti għat-tul fit-territorju ta' l-Istati Membri:
(a) bħala ħaddiema impjegati imqegħda minn provditur ta' servizzi għall-finijiet ta' provvista ta' servizzi bejn il-fruntieri;
(b) bħala provdituri ta' servizzi bejn il-fruntieri.
L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu, skond il-liġi nazzjonali, il-kondizzjonijiet li taħthom ir-residenti għat-tul li jixtiequ li jmorru lejn it-tieni Stat Membru bil-ħsieb li jeżerċitaw attività ekonomikabħala ħaddiema staġjonali li jkunu jistgħu jirrisjedu f'dak l-Istat Membru. Ħaddiema bejn il-fruntieri jistgħu ukoll ikunu suġġetti għal disposizzjonijiet speċifiċi tal-liġi nazzjonali.
6. Dan il-Kapitolu huwa mingħajr preġudizzju għall-leġislazzjoni relevanti tal-Komunità dwar is-sigurtà soċjali fir-rigward ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi.
Artikolu 15
Kondizzjonijiet għar-residenza f'tieni Stat Membru
1. Mill-aktar fis u mhux aktar tard minn tlett xhur wara d-dħul fit-territorju tat-tieni Stat Membru, ir-residenti għat-tul jista' japplika lill-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru għal permess ta' residenza.
L-Istati Membri jistgħu jaċċettaw li r-residenti għat-tul jibgħat l-applikazzjoni għal permess ta' residenza lill-awtoritajiet kompetenti tat-tieni Stat Membru waqt li ikun għadu joqgħod fit-territorju ta' l-ewwel Stat Membru.
2. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-persuni konċernati jipprovdu evidenza li huma ikollhom:
(a) riżorsi stabbli u regolari li ikunu suffiċjenti biex imantnu lilhom infushom u lill-membri tal-familja tagħhom, mingħajr ma jirrikorru għall-assistenza soċjali ta' l-Istat Membru konċernat. Għal kull waħda mill-kategoriji msemmija fl-Artikolu 14(2), l-Istati Membri għandhom jevalwaw dawn ir-riżorsi b'referenza għan-natura tagħhom u r-regolarità u jistgħu jagħtu kont tal-livell tal-paga minima u l-pensjonijiet;
(b) assigurazzjoni tal-mard li tkun tkopri r-riskji kollha fit-tieni Stat Membru li normalment ikunu l-istess bħal dawk taċ-ċittadini proprji ta' l-Istat Membru konċernat.
3. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jikkonformaw mal-miżuri ta' integrazzjoni, skond il-liġi nazzjonali.
Din il-kondizzjoni ma għandhiex tapplika fejn iċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi konċernati ikunu ġew meħtieġa li jikkonformaw mal-kondizzjonijiet ta' integrazzjoni sabiex jingħataw status ta' residenti għat-tul, skond id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 5(2).
Mingħajr preġudizzju għa-tieni subparagrafu, il-persuni konċernati jistgħu ikunu meħtieġa li jattendu korsijiet tal-lingwa.
4. L-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata b'evidenza dokumentarja, li għandha tiġi stabbilita bili-liġi nazzjonali, li l-persuni konċernati jissodisfaw il-kondizzjonijiet relevanti, kif ukoll permezz tal-permess ta' residenti għat-tul u dokument validu ta' l-ivvjaġġar jew kopji ċertifikati tagħhom.
L-evidenza msemmija fl-ewwel subparagrafu tista' ukoll tinkludi dokumentazzjoni fir-rigward ta' l-akkommodazzjoni xierqa.
B'mod partikolari:
(a) fil-każ ta' l-eżerċizzju ta' attività ekonomika it-tieni Stat Membru jista' jeħtieġ li l-persuni konċernati jipprovdu evidenza:
(i) jekk ikunu f'kapaċità ta' impjegati, li jkollhom kuntratt ta' impieg, dikjarazzjoni minn min iħaddem illi huma impjegati jew propsta għal kuntratt ta' l-impieg, taħt il-kondizzjonijiet li hemm provvidiment dwarhom fil-leġislazzjoni nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu liema mill-imsemmija forom ta' evidenza hija meħtieġa.
(ii) jekk ikunu fil-kapaċità ta' impjegati għal rashom, li jkollhom il-fondi xierqa li ikunu meħtieġa, skond il-liġi nazzjonali, biex jeżerċitaw l-attività ekonomika f'dik il-kapaċità, waqt li jippreżentaw id-dokumenti u l-permessi meħtieġa;
(b) fil-każ ta' studju jew taħriġ vokazzjonali it-tieni Stat Membru jista' jeħtieġ li l-persuni konċernati jipprovdu evidenza li ikunu inkitbu fi stabbiliment akkreditat sabiex isegwu studji jew taħriġ vokazzjonali.
Artikolu 16
Membri tal-familja
1. Fejn ir-resident għat-tul jeżerċita d-dritt tiegħu/tagħha f'tieni Stat Membru u fejn il-familja kienet diġà kostitwita fl-ewwel Stat Membru, il-membri tal-familja tiegħu/tagħha li jissodisfaw il-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86/KE għandhom ikunu awtorizzati li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu mar-resident għat-tul.
2. Fejn ir-resident għat-tul jeżerċita d-dritt tiegħu/tagħha f'tieni Stat Membru u fejn il-familja kienet diġà kostitwita fl-ewwel Stat Membru, il-membri tal-familja tiegħu/tagħhaminbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86/KE jistgħu jkunu awtorizzati li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu mar-resident għat-tul.
3. Fir-rigward tas-sottomissjoni ta' l-applikazzjoni għal permess ta' residenza, japplikaw id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 15(1).
4. It-tieni Stat Membru jista' jeħtieġ li l-membri tal-familja konċernati jippreżentaw ma' l-applikazzjoni tagħhom għal permess tar-residenza:
(a) il-permess KE tar-residenza tagħhom għal residenti għat-tul jew permess tar-residenza jew dokument valur ta' l-ivvjaġġar jew kopji ċertifikati tagħhom;
(b) evidenza li ikunu rrisjedew bħala membri tal-familja tar-resident għat-tul fl-ewwel Stat Membru;
(ċ) evidenza li huha ikollhom riżorsi stabbli u regolari li ikunu suffiċjenti biex imantnu lilhom infushom mingħajr ma jirrikorru għall-assistenza soċjali ta' l-Istat Membru konċernat jew li r-resident għat-tul ikollu dawk ir-riżorsi u assigurazzjoni għalihom, kif ukoll assigurazzjoni tal-mard li tkun tkopri r-riskji kollha fit-tieni Stat Membru. L-Istati Membri għandhom jevalvaw dawn ir-riżorsi b'referenza għan-natura u r-regolarità tagħhom u jistgħu jagħtu kont tal-livell tal-paga minima u tal-pensjonijiet.
5. Fejn il-familja ma tkunx diġà kostitwita fl-ewwel Stat Membru, id-Direttiva 2003/86/KCgħandha tapplika.
Artikolu 17
Politka pubblika u sigurtà pubblika
1. L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw applikazzjonijiet għar-residenza minn residenti għat-tul jew membri tal-familja tagħhom fejn il-persuna konċernata tkun tikkostitwixxi theddida għall-politika pubblika jew għas-sigurtà pubblika.
Meta tittieħed id-deċiżjoni relevanti, l-Istat Membru għandu jikkonsidra s-severità jew it-tip ta' reat kontra l-politika pubblika jew is-sigurtà pubblika kommess mir-resident għat-tul jew il-membru/i tal-familja tiegħu/tagħha, jew il-perikolu li tippreżenta l-persuna konċernata.
2. Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex tkun ibbażata fuq konsiderazzjonijiet ekonomiċi.
Artikolu 18
Saħħa pubblika
1. L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw applikazzjonijiet għar-residenza minn residenti għat-tul jew il-familji tagħhom fejn il-persuna konċernata tkun tikkostitwixxi theddida għas-saħħa pubblika.
2. L-uniku mard li jista' jiġġustifika rifjut li jippermetti d-dħul jew id-dritt ta' residenza fit-territorju tat-tieni Stat Membru għandu ikun il-mard kif definit fl-istrumenti relevanti applikabbli ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u dak il-mard l-ieħor infettuż jew li jittieħed ibbażat fuq parassiti hekk kif inhu suġġett għal-disposizzjonijiet protettivi b'relazzjoni maċ-ċittadini tal-pajjiżi li jospita. L-Istati Membri ma għandhomx jintroduċu disposizzjonijiet jew prattiċi ġodda aktar restrittivi.
3. Il-mard li jseħħ wara li ikun inħareġ l-ewwel permess ta' residenza fit-tieni Stat Membru ma għandux jiġġustifika r-rifjut tat-tiġdid tal-permess jew it-tkeċċija mit-territorju.
4. L-Istat Membru jista' jeħtieġ eżami mediku, għall-persuni li għalihom tgodd din id-Direttiva, sabiex jiġi ċertifikat li ma ikunux isofru minn xi mard imsemmi fil-paragrafu 2. Dawk l-eżamijiet mediċi, li jistgħu ikunu mingħajr ħlas, ma għandhomx jitwettqu fuq bażi sistematiku.
Artikolu 19
Eżami ta' l-applikazzjonijiet u l-ħruġ tal-permess ta' residenza
1. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jipproċessaw l-applikazzjonijiet fi żmien erba' xhur mid-data fi fiha ikunu intbagħtu.
Jekk applikazzjoni ma tkunx akkumpanjata bl-evidenza dokumentarja elenkata fl-Artikoli 15 u 16, jew f'ċirkostanzi eċċezzjonali marbuta mal-komplessità ta' l-eżami ta' l-applikazzjoni, il-limitu ta' żmien imsemmi fl-ewwel subparagrafu jista' jiġi estiż għal perjodu li ma jisboqx it-tlett xhur. F'dawk il-każi l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jinfurmaw b'dan lill-applikant.
2. Jekk il-kondizzjonijiet li hemm provvidiment dwarhom fl-Artikoli 14, 15 u 16 jiġu sodisfatti, allura, bla ħsara għad-disposizzjonijiet li jirrelataw mal-politika pubblika, is-sigurtà pubblika u s-saħħa pubblika, it-tieni Stat Membru għandu joħroġ lir-resident għat-tul permess ta' residenza li jiġġedded. Il-permess ta' residenza għandu, b'applikazzjoni, jekk meħtieġ, jiġġedded malli jiskadi. It-tieni Stat Membru għandu jinforma lill-ewwel Stat Membru bid-deċiżjoni tiegħu.
3. It-tieni Stat Membru għandu joħroġ lill-membri tal-familja ta' residenti għat-tul permessi ta' residenza li ikunu validi għall-istess perjodu bħal dak tal-permess maħruġ lir-residenti għat-tul.
Artikolu 19a
Emenda għall-permessi ta’ residenza fl-UE tar-residenti fit-tul
1. Fejn permess ta’ residenza fl-UE tar-residenti fit-tul ikun fih ir-rimarka li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 8(4), u fejn, skont l-istrumenti internazzjonali u l-liġi nazzjonali applikabbli, r-responsabbilità għall-protezzjoni internazzjonali tiġi ttrasferita lil tieni Stat Membru qabel ma dak l-Istat Membru joħroġ il-permess ta’ residenza fl-UE tar-residenti fit-tul imsemmi fl-Artikolu 8(5), it-tieni Stat Membru għandu jitlob lill-Istat Membru li jkun ħareġ il-permess ta’ residenza fl-UE tar-residenti fit-tul biex jemenda dik ir-rimarka skont dan.
2. Fejn resident fit-tul jingħata protezzjoni internazzjonali fit-tieni Stat Membru qabel ma dak l-Istat Membru ħareġ il-permess ta’ residenza fl-UE tar-residenti fit-tul imsemmi fl-Artikolu 8(5), dak l-Istat Membru għandu jitlob lill-Istat Membru li jkun ħareġ il-permess ta’ residenza fl-UE tar-residenti fit-tul biex jemendah sabiex idaħħal ir-rimarka msemmija fl-Artikolu 8(4).
3. Wara t-talba msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istat Membru li jkun ħareġ il-permess ta’ residenza fl-UE tar-residenti fit-tul għandu joħroġ permess ta’ residenza fl-UE tar-residenti fit-tul emendat sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara li jirċievi t-talba mit-tieni Stat Membru.
Artikolu 20
Garanziji proċedurali
1. Għandhom jingħataw ir-raġunijiet għal kull deċiżjoni li tirrifjuta applikazzjoni għal permess ta' residenza. Dan għandu jiġi notifikat liċ-ċittadin tal-pajjiż terz konċernat skond il-proċeduri ta' notifikazzjoni taħt il-leġislazzjoni relevanti nazzjonali. In-notifikazzjoni għandha tispeċifika l-proċeduri possibbli ta' rimedju disponibbli u l-limitu ta' żmien biex tittieħed dik l-azzjoni.
Kull konsegwenzi li jirriżultaw minħabba li ma tittieħidx deċiżjoni sa l-aħħar tal-perjodu msemmi fl-Artikolu 19(1) għandhom ikunu stabbiliti bil-leġislazzjoni nazzjonali ta' l-Istat Membru relevanti.
2. Fejn applikazzjoni għal permess ta' residenza tiġi rifjutata, jew permess ma jiġġeddidx jew jiġi irtirat, il-persuna konċernata għandu ikollha d-dritt li tiftaħ proċeduri legali fl-Istat Membru konċernat.
Artikolu 21
Trattament mogħti fit-tieni Stat Membru
1. Malli ikunu irċevew il-permess ta' residenza li hekk provvidiment dwaru fl-Artikolu 19 fit-tieni Stat Membru, ir-residenti għat-tuk f'dak l-Istat Membru għandhom igawdu trattament ugwali fl-oqsma u taħt il-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 11.
2. Ir-residenti għat-tul għandu ikollhom aċċess għas-suq tax-xogħol skond id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1.
L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-persuni msemmija fl-Artikolu 14(2)(a) ikollhom aċċess ristrett għall-attivitajiet ta' impieg differenti minn dawk li għalihom ikunu ingħataw il-permess ta' residenza taħt il-kondizzjonijiet stipulati fil-leġislazzjoni nazzjonali għal perjodu li ma jisboqx it-12-il xahar.
L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu skond il-liġi nazzjonali l-kondizzjonijiet li taħthom il-persuni msemmija fl-Artikolu14(2)(b) jew (ċ) jista' ikollhom aċċess għal attività ta' impieg jew impieg għal rashom.
3. Malli ikunu irċevew il-permess ta' residenza li hemm provvidiment dwaru fl-Artikolu 19 fit-tieni Stat Membru, il-membri tal-familja tar-residenti għat-tul għandhom f'dak l-Istat Membru igawdu d-drittijiet elenkati fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/86/KE.
Artikolu 22
Irtirar tal-permess ta' residenza u obbligu għal dħul lura
1. Sakemm iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikun kiseb status ta' residenti għat-tul, it-tiini Stat Membru jista' jiddeċiedi li jirrifjuta li jġedded jew li jirtira l-permess tar-residenza u li jobbliga lill-persuna konċernata u lill-membri tal-familja tiegħu/tagħha, skond il-proċeduri li hemm provvidiment dwarhom fil-liġi nazzjonali, inklużi proċeduri ta' tneħħija, li jħallu t-territorju tiegħu fil-każi li ġejjin:
(a) għal raġunijiet ta' politika pubblika jew sigurtà pubblika kif definit fl-Artikolu 17;
(b) fejn il-kondizzjonijiet li hemm provvidiment dwarhom fl-Artikoli 14, 15 u 16 ma jkunux aktar imħarsa;
(ċ) fejn iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ma ikunx jirrisjedi legalment fl-Istat Membru konċernat.
2. Jekk it-tieni Stat Membru jadotta xi waħda mill-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel Stat Membru għandu minnufih idaħħal lura mingħajr formalitajiet ir-resident għat-tul u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha. It-tieni Stat Membru għandu jinnotifika lill-ewwel Stat Membru bid-deċiżjoni tiegħu.
3. Sakemm iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikun kiseb status ta' residenza għat-tul u mingħajr preġudizzju għall-obbligu tad-dħul lura imsemmi fil-paragrafu 2, it-tieni Stat Membru għandu jadotta deċiżjoni li jneħħi liċ-ċittadin tal-pajjiż terz mit-territorju ta' l-Unjoni skond u taħt il-garanziji ta' l-Artikolu 12, għal raġunijiet serji ta' politika pubblika u sigurtà pubblika.
F'dawk il-każi, fejn tiġi adottata l-imsemmija deċiżjoni, it-tieni Stat Membru għandu jikkonsulta ma' l-ewwel Stat Membru.
Fejn it-tieni Stat Membru jadotta deċiżjoni li jneħħi ċ-ċittadin tal-pajjiż terz konċernat, dan għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jimplimentha. F'dawk il-każi, t-tieni Stat Membru għandu jipprovdi lill-ewwel Stat Membru l-informazzjoni xierqa fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tat-tneħħija.
3a. Sakemm, fil-frattemp, ma tkunx ġiet irtirata l-protezzjoni internazzjonali jew jekk il-persuna tidħol f’waħda mill-kategoriji speċifikati fl-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2004/83/KE, il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu m’għandux japplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li l-permess ta’ residenza fit-tul fl-UE tagħhom maħruġ mill-ewwel Stat Membru ikun fih ir-rimarka msemmija fl-Artikolu 8(4) ta’ din id-Direttiva.
Dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2004/83/KE.
4. Id-deċiżjonijiet tat-tneħħija ma għandhomx ikunu akkumpanjati bi projbizzjoni permanenti dwar residenza fil-każi msemmija fil-paragrafu 1(b) u (ċ).
5. L-obbligi tad-dħul lura msemmi fil-paragrafu 2 għandu ikun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li r-resident għat-tul u/jew il-membri tal-familja tiegħu/tagħha imorru lejn Stat Membru terz.
Artikolu 23
Kisba ta' status ta' resident għat-tul fit-tieni Stat Membru
1. Malli ssirlu applikazzjoni, it-tieni Stat Membru għandu jagħti l-istatus ta' residenti għat-tul li hemm provvediment dwaru fl-Artikolu 7, bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta' l-Artikoli 3, 4, 5 u 6. It-tieni Stat Membru għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu lill-ewwel Stat Membru.
2. Il-proċeduri preskritti fl-Artikolu 7 għandhom japplikaw għall-presentazzjoni u l-eżami ta' applikazzjonijiet għal status ta' resident għat-tul fit-tieni Stat Membru. L-Artikolu 8 għandu japplika għall-ħruġ tal-permess tar-residenza. Fejn l-applikazzjoni tiġi rifjutata, il-garanziji proċedurali li hemm provvediment dwarhom fl-Artikolu 10 għandhom japplikaw.
KAPITOLU IV
DISPOSIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 24
Rapport u klawżola rendez-vous
Perjodikament, u għall-ewwel darba mhux aktar tard mit-23 ta' Jannar 2011, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kuinsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva fl-Istati Membri u għandha tipproponi dawk l-emendi hekk kif jistgħu ikunu meħtieġa. Dawn il-proposti għall-emendi għandhom isiru permezz ta' prijorità b'relazzjoni ma' l-Artikoli 4, 5, 9 u 11 u l-Kapitolu III.
Artikolu 25
Punti ta' kuntatt
L-Istati Membri għandhom jaħtru punti ta’ kuntatt li jkunu responsabbli biex jirċievu u jibagħtu l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni msemmija fl-Artikoli 8, 12, 19, 19a, 22 u 23.
L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-koperazzjoni adattata fl-iskambju ta' l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu.
Artikolu 26
Transposizzjoni
L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva l-aktar tard sat-23 ta' Jannar 2006. Huma għandhom jinformaw minnufih b'dan lill-Kummissjoni.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu ikun fihom refernza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'dik ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni tagħhom. Il-metodi ta' kif issir dik ir-referenza għandu ikunu preskritti mill-Istati Membri.
Artikolu 27
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 28
Indirizzati
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.
( 1 ) OJ C 240 E, tat-28.8.2001, p. 79.
( 2 ) ĠU C 284 E, tal-21.11.2002, p. 102.
( 3 ) ĠU C 36, tat-8.2.2002, p. 59.
( 4 ) ĠU C 19, tat-22.1.2002, p. 18.
( 5 ) ĠU L 251, tat-3.10.2003, p. 12.
( 6 ) ĠU L 304, 30.9.2004, p. 12.
( 7 ) ĠU L 157, tal-15.6.2002, p. 1.