02003L0010 — MT — 26.07.2019 — 003.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
ID-DIRETTIVA 2003/10/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-6 ta’ Frar 2003 dwar il-ħtiġiet minimi ta’ saħħa u sigurtà li jirrigwardaw l-esposizzjoni ta’ ħaddiema għal riskji li jirriżultaw minn aġenti fiżiċi (ħoss) (Is-Sbatax-il Direttiva individwali skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 042 15.2.2003, p. 38) |
Emendata bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
Nru |
Paġna |
Data |
||
L 165 |
21 |
27.6.2007 |
||
REGOLAMENT (KE) Nru 1137/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-22 ta' Ottubru 2008 |
L 311 |
1 |
21.11.2008 |
|
REGOLAMENT (UE) 2019/1243 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-20 ta’ Ġunju 2019 |
L 198 |
241 |
25.7.2019 |
ID-DIRETTIVA 2003/10/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-6 ta’ Frar 2003
dwar il-ħtiġiet minimi ta’ saħħa u sigurtà li jirrigwardaw l-esposizzjoni ta’ ħaddiema għal riskji li jirriżultaw minn aġenti fiżiċi (ħoss)
(Is-Sbatax-il Direttiva individwali skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)
TAQSIMA I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Għan u kamp ta’ applikazzjoni
1. Din id-Direttiva, li hija s-17-il Direttiva individwali skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE, tippreskrivi l-ħtiġiet minimi għall-protezzjoni ta’ ħaddiema mir-riskji għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom li joħorġu jew li x’aktarx joħorġu mill-esposizzjoni għall-ħoss u b’mod partikolari r-riskju għas-smiegħ.
2. Il-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw għal attivitajiet li fihom il-ħaddiema huma jew x’aktarx li jkunu esposti għal riskji mill-ħoss bħala riżultat tax-xogħol tagħhom.
3. Id-Direttiva 89/391/KEE għandha tapplika kollha kemm hi għaż-żona kollha msemmija fil-paragrafu 1, mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet aktar strinġenti u/jew speċifiċi li jinsabu f’din id-Direttiva.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, il-parametri fiżiċi wżati bħala bassara tar-riskju huma definiti kif ġej:
(a) l-ogħla pressjoni tal-ħoss (ppeak): valur massimu tal-frekwnza “C” — pressjoni peżata instantanja tal-ħoss;
(b) livell ta’ kull jum ta’ esposizzjoni għall-ħoss (LEX, 8h) (dB(A) re. 20 μPa): medja peżata skond l-ħin tal-livelli ta’ esposizzjoni għall-ħoss għal jum tax-xogħol nominali ta’ tmien sigħat kif definit bl-istandard internazzjonali ISO 1999: 1990, punt 3.6. Tkopri l-ħsejjes kollha presenti fuq ix-xogħol, inkluż ħoss impulsiv;
(ċ) livell ta’ kull ġimgħa ta’ esposizzjoni għall-ħoss (LEX, 8h): medja peżata skond il-ħin tal-livelli ta’ kull jum ta’ esposizzjoni għall-ħoss għal ġimgħa nominali ta’ ħamest ijiem tax-xogħol ta’ tmien sigħat kif definit bl-istandard internazzjonali ISO 1999:1990, punt 3.6 (nota 2).
Artikolu 3
Valuri ta’ limiti ta’ esposizzjoni u valuri ta’ azzjoni ta’ esposizzjoni
1. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva il-valuri tal-limiti ta’ esposizzjoni u l-valuri ta’ azzjoni ta’ esposizzjoni fir-rigward tal-livelli ta’ kull jum ta’ esposizzjoni għall-ħoss u l-ogħla pressjoni tal-ħoss huma ffissati bħala:
(a) valuri ta’ limiti ta’ esponment: LEX, 8h = 87 dB(A) u ppeak = 200 Pa ( 1 ) rispettivament;
(b) valuri ta’ fuq ta’ azzjoni ta’ esposizzjoni: LEX, 8h 85 dB(A) u ppeak = 140 Pa ( 2 ) rispettivament;
(ċ) valuri aktar baxxi ta’ azzjoni ta’ esposizzjoni: LEX, 8h = 80 dB(A) u ppeak = 112 Pa ( 3 ) rispettivament.
2. Meta jiġu applikati l-valuri tal-limiti ta’ esposizzjoni, l-istabbiliment ta’ l-esposizzjoni effettiv tal-ħaddiem għandu jagħti kont ta’ attenwazzjoni provduti mill-protetturi individwali tas-smiegħ milbusa mill-ħaddiem. Il-valuri ta’ azzjoni ta’ esposizzjoni m’għandhomx jagħtu kont ta’ l-effett ta’ xi protetturi bħal dawk.
3. F’ċirkostanzi debitament ġustifikati, għal attivitajiet fejn l-esposizzjoni ta’ kull jum għall-ħoss ivarja senjatament minn jum tax-xogħol għall-ieħor, l-Istati Membri jistgħu, għall-għanijiet ta’ l-applikazzjoni tal-valuri tal-limiti ta’ esposizzjoni u l-valuri ta’ azzjoni ta’ esposizzjoni, jużaw il-livell ta’ kull ġimgħa ta’ esposizzjoni għall-ħoss biex jistmaw il-livelli ta’ ħoss li għalihom huma esposti l-ħaddiema, bil-kondizzjoni li:
(a) il-livell ta’ kull ġimgħa ta’ esposizzjoni għall-ħoss kif muri b’immonitorjar adegwat ma jeċċedix il-valur tal-limitu ta’ esposizzjoni ta’ 87 dB(A); u
(b) jittieħdu miżuri adattati sabiex jitnaqqas ir-riskju assoċjat ma’ dawn l-attivitajiet għall-minimu.
TAQSIMA II
OBBLIGAZZJONIJIET TA’ MIN IĦADDEM
Artikolu 4
Stabbiliment u stima tar-riskji
1. Fit-twettieq ta’ l-obbligazzjonijiet preskritti fl-Artikoli 6(3) u 9(1) tad-Direttiva 89/391/KEE, min iħaddem għandu jistma u, fejn meħtieġ, ikejjel il-livelli tal-ħoss li għalihom huma esposti l-ħaddiema.
2. Il-metodi u l-apparat użat għandhom jiġu adattati skond il-kondizzjonijiet prevalenti partikolarment fid-dawl tal-karatteristiċi tal-ħossli għandu jitkejjel, it-tul ta’l-esposizzjoni, il-fatturi ambjentali u l-karatteristiċi ta’ l-apparat tal-kejl.
Dawn il-metodi u dan l-apparat għandhom jagħmluha possibbli biex jiġu stabbiliti l-parametri definiti fl-Artikolu 2 u biex jiġi deċiż jekk, f’każ partikolari, il-valuri ffissati fl-Artikolu 3 ikunux inqabżu.
3. Il-valuri wżati jistgħu jinkludu kampjonar, li għandu jkun rappresentattiv ta’ l-esposizzjoni personali tal-ħaddiem.
4. L-istima u l-kejl imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi ppjanat u mwettaq minn servizzi kompetenti f’intervalli adattati, waqt li jingħata kont partikolari tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7 tad-Direttiva 89/391/KEE dwar is-servizzi kompetenti meħtieġa jew persuni. Id-data miksuba mill-istima u/jew il-kejl tal-livell ta’ esposizzjoni għall-ħoss għandha tiġi priservata f’forma adattata sabiex tippermetti konsultazzjoni fi stadju aktar tard.
5. Meta jiġi applikat dan l-Artikolu, l-istima u r-riżultati tal-kejl għandhom jagħtu kont ta’ l-ineżattezzi tal-kejl stabbiliti skond il-prattika metroloġika.
6. Bis-saħħa ta’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 89/391/EEC, min iħaddem għandu jagħti attenzjoni partikolari, meta jwettaq l-istima tar-riskju, ta’ dan li ġej:
(a) il-livell, tip u tul ta’ żmien ta’ l-esposizzjoni, inkluż kull esposizzjoni għall-ħoss impulsiv;
(b) il-valuri tal-limitu ta’ esposizzjoni u l-valuri ta’ azzjoni ta’ esposizzjoni preskritti fl-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva;
(ċ) kull effetti li jikkonċernaw is-saħħa u s-sigurtà ta’ ħaddiema li jappartjenu għal gruppi partikolarment sensittivi għar-riskju;
(d) sal-limitu li jista’ jinkiseb teknikament, kull effetti fuq is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema li jirriżultaw minn interazzjonijiet bejn il-ħoss u sustanzi ototossiċi relatati max-xogħol, u bejn il-ħoss u l-vibrazzjonijiet;
(e) kull effetti indiretti fuq is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema li jirriżultaw minn interazzjonijiet bejn il-ħoss u sinjali ta’ twissijja jew ħsejjes oħra li huma meħtieġa li jiġu osservati sabiex jtnaqqas ir-riskju ta’ aċċidenti;
(f) informazzjoni dwar emissjoni tal-ħoss provduta minn manifatturi ta’ apparat tax-xogħol skond id-direttivi relevanti tal-Komunità;
(g) l-eżistenza ta’ apparat alternattiv tax-xogħol maħsub biex inaqqas l-emissjoni tal-ħoss;
(h) l-estensjoni ta’ esposizzjoni għall-ħoss ’l hinn mis-sigħat normali tax-xogħol taħt ir-responsabbiltà ta’ min iħaddem;
(i) informazzjoni adattata miksyba wara sorveljanza fuq is-saħħa, inkluża nformazzjoni ppublikata, sa fejn hu possibbli;
(j) id-disponibbilità ta’ protetturi tas-smeigħ b’karatteristiċi ta’ attenwazzjoni adegwati.
7. Min iħaddem għandu jkollu fil-pussess tiegħu l-istima tar-riskju skond l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 89/391/KEE, u għandu jidentifka liema miżuri għandhom jittieħdu skond l-Artikoli 5, 6, 7 u 8 ta’ din id-Direttiva. L-istima tar-riskju għandha tiġi rekordjata fuq mezz adattat skond il-liġi nazzjonali u l-prattika. L-istima tar-riskju għandha tinżamm aġġornata fuq bażi regolari, partikolarment jekk ikun hemm bidliet sinjifikanti li jistgħu jirrenduha antikwata, jew fejn ir-riżultati tas-sorveljanza tas-saħħa juru li dan ikun meħtieġ.
Artikolu 5
Dispożizzjonijiet immirati li jevitaw jew inaqqsu l-esposizzjoni
1. Waqt li jingħata kont tal-progress tekniku u d-disponibilità ta’ miżuri li jikkontrollaw ir-riskju f’ras il-għajn, ir-riskji li joħorġu mill-esposizzjoni għall-ħoss għandhom jiġu eliminati f’ras il-għajn jew imnaqqsa għal minimu.
It-tnaqqis ta’ dawk ir-riskji għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji ġenerali ta’ prevenzjoni preskritti fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 89/391/KEE, u jagħti kont b’mod partikolari:
(a) metodi oħra tax-xogħol li jeħtieġu anqas esposizzjoni għall-ħoss;
(b) l-għażla ta’ apparat adattat għax-xogħol, li jkun jagħti kont tax-xogħol li għandu jsir, li joħroġ minnu l-anqas ħoss possibbli, inkluża l-possibiltà li jintgħamel disponibbli għall-ħaddiema apparat tax-xogħol suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Komunità bil-mira jew l-effett li jiġi limitat l-esposizzjoni għall-ħoss;
(ċ) id-disinn u l-arranġamenti tal-postijiet tax-xogħol u l-istazzjonijiet tax-xogħol;
(d) informazzjoni adegwata u taħriġ li jgħallem lill-ħaddiema kif jużaw l-apparat kif imiss sabiex jitnaqqas għal minimu –esposizzjoni tagħhom għall-ħoss;
(e) tnaqqis ta’ ħoss permezz ta’ mezzi tekniċi:
(i) tnaqqis tal-ħoss fl-arja, per eżempju permezz ta’ targi, għeluq u koperturi li jassorbu l-ħoss;
(ii) tnaqqis ta’ strutturi li jġorru l-ħoss, per eżempju permezz ta’ tmewwit jew iżolazzjoni;
(f) programmi adattati ta’ manutenzjoni għall-apparat tax-xogħol, il-post tax-xogħol u s-sistemi tal-post tax-xogħol;
(g) organizzazzjoni tax-xogħol biex jitnaqqas il-ħoss:
(i) limitazzjoni tat-tul ta’ żmien u intensità għall-esposizzjoni;
(ii) skedi adattati tax-xogħol b’perjodi adegwati ta’ mistrieħ.
2. Fuq il-bażi ta’ l-istima tar-riskju msemmija fil-paragrafu 4, jekk il-valuri ta’ fuq ta’ azzjoni ta’ esposizzjoni jinqabżu, min iħaddem għandu jistabbilixxi u jimplimenta programm ta’ miżuri tekniċi u/jew ta’ organizzazzjoni maħsuba biex inaqqsu l-esposizzjoni għall-ħoss, waqt li jingħata kont b’mod partikolari tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1.
3. Fuq il-bażi ta’ l-sitima tar-riskju msemmija fl-Artikolu 4, il-postijiet tax-xogħol fejn il-ħaddiema x’aktarx ikunu esposti għal ħoss li jeċċedi l-valuri ta’ fuq ta’ azzjoni ta’ esposizzjoni għandhom ikunu mmarkati b’sinjali adattati. Iż-żoni in kwistjoni għandhom ukoll ikunu delimitati u l-aċċess għalhom ristrett fejn dan huwa teknikament possibbli u r-riskju ta’ esposizzjoni hekk jiġġustifika.
4. Fejn, minħabba n-natura ta’ l-attività, ħaddiem jibbenefika mill-użu ta’ faċilitajiet ta’ mistrieħ taħt ir-responsabbiltà ta’ min iħaddem, il-ħoss f’dawn il-faċilitajiet għandu jitnaqqas għal livell kompatibbli ma’ l-għan tagħhom u l-kondizzjonijiet ta’ użu.
5. Bis-saħħa ta’ l-Artikolu 15 tad-Direttiva 89/391/KEE, min iħaddem għandu jaddatta l-miżuri msemmija f’dan l-Artikolu għall-ħtiġiet tal-ħaddiema li jagħmlu parti minn gruppi partikolarment sensittivi ta’ riskju.
Artikolu 6
Protezzjoni personali
1. Jekk ir-riskji li joħorġu minn esposizzjoni għall-ħoss ma jistgħux jiġu prevenuti b’mezzi oħra, protetturi ndividwali adattati, li jiffittjaw kif imiss tas-smiegħ għandhom jintgħamlu disponibbli għall-ħaddiema u wżati minnhom skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 89/656/KEE tat-30 ta’ Novembru 1989 dwar il-ħtiġiet minimi għas-saħħa u s-sigurtà għall-użu minn ħaddiema ta’ apparat personali protettiv fuq il-post tax-xogħol (it-tielet Direttiva individwali skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) ( 4 ) u l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 89/391/KEE u taħt il-kondizzjonijiet preskritti hawn taħt:
(a) meta l-esposizzjoni għall-ħoss jeċċedi l-valuri aktar baxxi ta’ azzjoni ta’ esposizzjoni, min iħaddem għandu jagħmel disponibbli protetturi tas-smiegħ lill-ħaddiema;
(b) meta l-esposizzjoni għall-ħoss ikun daqsinsew jew ikun jeċċedi l-valuri ta’ fuq ta’ azzjoni ta’ esposizzjoni, protetturi ndividwali tas-smiegħ għandhom jintużaw;
(ċ) il-protetturi individwali tas-smiegħ għandhom ikunu hekk magħżula li jeliminaw ir-riskju għas-smiegħ jew inaqqsu r-riskju għal minimu.
2. Min iħaddem għandu jagħmel kull sforz biex jassigura l-ilbies ta’ protetturi tas-smiegħ u għandu jkun responsabbli biex jivverifika l-effettività tal-miżuri meħuda b’ konformità ma’ dan l-Artikolu.
Artikolu 7
Limitazzjoni ta’ esposizzjoni
1. Taħt ebda ċirkostanzi m’għandu l-esposizzjoni tal-ħaddiema kif stabbilit skond l-Artikolu 3(2) jeċċedi l-valuri tal-limitu ta’ esposizzjoni.
2. Jekk, minkejja l-miżuri meħuda għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, esposizzjonii ’l fuq mill-valuri tal-limiti ta’ esposizzjoni jinkixfu, min iħaddem għandu:
(a) jieħu azzjoni immedjata biex inaqqas l-esposizzjoni taħt il-valuri tal-limitu ta’ esposizzjoni;
(b) jidentifika r-raġunijiet il għaliex ikun seħħ l-esposizzjoni żejjed; u
(ċ) jemenda l-miżuri ta’ protezzjoni u prevenzjoni sabiex jiġi evitat li dan jerġa’ jseħħ.
Artikolu 8
Informazzjoni lill-ħaddiema u taħriġ
Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 10 u 12 tad-Direttiva 89/391/KEE min iħaddem għandu jassigura li ħaddiema li huma esposti għall-ħoss fuq ix-xogħol fi jew il-fuq mill-valuri l-baxxi ta’ azzjoni ta’ esposizzjoni, u/jew ir-rappresentanti tagħhom, jirċievu informazzjoni u taħriġ relatati mar-riskji li jirriżultaw minn esposizzjoni għall-ħoss dwar, b’mod partikolari:
(a) in-natura ta’ dawk ir-riskji;
(b) il-miżuri meħuda biex tiġi implimentata din id-Direttiva sabiex jiġu eliminati jew imnaqqsa għal minimu ir-riskji mill-ħoss, inklużi ċ-ċirkostanzi li fihom il-miżuri japplikaw;
(ċ) il-valuri tal-limitu ta’ esposizzjoni u l-valuri ta’ azzjoni ta’ esposizzjoni preskritti fl-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva;
(d) ir-riżultati ta’ l-istima u l-miżura tal-ħoss imwettqa skond l-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva flimkien ma spjegazzjoni tas-sinjifikat tagħhom u r-riskji potenzjali;
(e) l-użu korrett ta’ protetturi tas-smiegħ;
(f) għaliex u kif tikxef u tirrapporta sinjali ta’ dannu għas-smiegħ;
(g) iċ-ċirkostanzi li fihom ħaddiema huma intitolati għas-sorveljanza tas-saħħa u l-għan tas-sorveljanza tas-saħħa, skond l-Artikolu 10 ta’ din id-Direttiva;
(h) prattiċi siguri tax-xogħol biex jiġi minimizzat l-esposizzjoni għall-ħoss.
Artikolu 9
Konsultazzjoni u parteċipazzjoni tal-ħaddiema
Il-konsulktazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u/jew ir-rappresentanti tagħhom għandu jseħħ skond l-Artikolu 11 tad-Direttiva 89/391/KEE dwar il-kwistjonijiet koperti b’din id-Direttiva, b’mod partikolari:
— l-istima tar-riskji u l-identifikazzjoni tal-miżuri li għandhom jittieħdu, msemmija fl-Artikolu 4,
— l-azzjonijiet immirati lejn l-eliminazzjoni jew it-tnaqqis tar-riskji li joħorġu mill-esposizzjoni għall-ħoss imsemmija fl-Artikolu 5,
— l-għażla ta’ protetturi indidwali tas-smiegħ imsemmija fl-Artikolu 6(1)(ċ).
TAQSIMA III
DISPOŻIZZJONIJIET MIXXELLANJI
Artikolu 10
Sorveljanza tas-saħħa
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 14 tad-Direttiva 89/391/KEE, l-Istati Membri għandhom jadottaw dispożizzjonijiet biex jassiguraw is-sorveljanza adattata tas-saħħa tal-ħaddiema fejn ir-riżultati ta’ l-istima u l-kejl hekk kif provdut fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-Direttiva jindikaw riskju għas-saħħa tagħhom. Dawn id-dispożizzjonijiet, inklużi l-ħtiġiet speċifikati għar-rekords tas-saħħa u d-disponibilità tagħhom, għandhom jiġu introdotti skond il-liġi nazzjonali u/jew prattika.
2. Ħaddiem li l-esposizzjoni tiegħu jeċċedi l-valuri ta’ fuq ta’ azzjoni ta’ esposizzjoni għandu jkollu d-dritt li jkollu s-smiegħ tiegħu/tagħha ivverifikat minn tabib jew minn persuna oħra kwalifikata kif imiss taħt ir-responsabbiltà ta’ tabib, skond il-liġi nazzjonali u/jew prattika. Ittestjar preventiv awdjometriku għandu wkoll ikun disponibbli għall-ħaddiema li l-esposizzjoni tagħhom jeċċedi l-valuri l-baxxi ta’ azzjoni ta’ esposizzjoni, fejn l-istima u l-kejl hekk kif provdut fl-Artikolu 4(1) jindikaw riskju għas-saħħa.
L-objettivi ta’ dawn il-verifiki huma li jipprovdu dijanjosi kmieni ta’ xi telf ta’ smiegħ minħabba l-ħoss, u biex tiġi priservata l-funzjoni tas-smiegħ.
3. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu arranġamenti biex jassiguraw li, għal kull ħaddiem li jgħaddi minn sorveljanza skond il-paragrafi 1 u 2, isiru rekord individwali tas-saħħa u jinżammu aġġornati. Ir-rekors tas-saħħa għandu jkun fihom sommarju tar-riżultati tas-sorveljanza tas-saħħa mwettqa. Għandhom jinżammu f’forma adattata sabiex jippermettu kull konsultazzjoni f’data aktar tard, waqt li jingħata kont ta’ kull konfidenzjalità.
Kopji tar-rekords adattati għandhom jiġu provduti lill-awtorità kompetenti fuq talba. Il-ħaddiem individwali għandu, fuq talba tiegħu jew tagħha, jkollu aċċess għar-rekords tas-saħħa li jirrelataw personalment miegħu jew magħha.
4. Fejn, bħala riżultat ta’ sorveljanza ta’ funzjoni tas-smiegħ, ħaddiem jinstab li jkollu dannu identifikabbli fis-smiegħ, tabib, jew speċjalista jekk it-tabib iqis dan meħtieġ, għandu jistma jekk id-dannu jkunx x’aktarx ir-riżultat ta’ esposizzjoni għall-ħoss fuq ix-xogħol. Jekk dan ikun il-każ:
(a) il-ħaddiem għandu jkun infurmoat mit-tabib jew persuna oħra kwalifikata kif imiss bir-riżultat li jirrelata personalment miegħu jew magħha;
(b) min iħaddem għandu:
(i) jirrevedi l-istima tar-rikju mwettqa skond l-Artikolu 4;
(ii) jirrevedi l-miżuri provduti għall-eliminazzjoni jew tnaqqis tar-riskji skond l-Artikoli 5 u 6;
(iii) jagħti kont tal-parir tal-professjonista tal-kura tas-saħħa okkupazzjonali jew xi persuna oħra kwalifikata kif imiss jew l-awtorità kompetenti fl-implimentazzjoni ta’ kull mżiuri meħtieġa biex jiġi eliminat jew jitnaqqas ir-riskju skond l-Artikoli 5 u 6, inkluża l-possibbiltà li l-ħaddiem jiġi assenjat xogħol alternattiv fejn ma jkun hemm ebda riskju ta’ aktar esposizzjoni; u
(iv) jirranġa sorveljanza sistematika tas-saħħa u jipprovdi għal reviżjoni ta’ l-istatus tas-saħħa ta’ kull ħaddiem ieħor li similarment espost.
Artikolu 11
Derogi
1. F’sitwazzjonijiet eċċezzjonali fejn, minħabba n-natura tax-xogħol, l-użu sħiħ u kif imiss tal-protetturi individwali tas-smiegħ ikun x’aktarx li jista’ joħloq riskju akbar għas-saħħa jew is-sigurtà milli kieku ma jintużawx dawk il-protetturi, l-Istati Membri jistgħu jagħtu derogi mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 6(1)(a) u (b) u 7.
2. Id-derogi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jingħataw mill-Istati Membri wara konsultazzjoni maż-żewġ naħat ta’ l-industrija u, fejn xieraq, ma’ l-awtoritajiet mediċi responsabbli, skond il-liġijiet nazzjonali u/jew prattika. Dawk id-derogi għandhom ikunu akkumpanjati b’kondizzjonijiet li jiggarantixxu, waqt li jingħata kont taċ-ċirkostanzi speċjali, li r-riskji li jirriżultaw jitnaqqsu għal minimu u li l-ħaddiema konċernati jkunu suġġetti għal sorveljanza miżjuda tas-saħħa. Dawk id-derogi għandhom ikunu riveduti kull erba’ snin u rtirati malli ċ-ċirkostanzi li ġġustifikawhom ma jibqgħux validi.
3. Kull erba’ snin l-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni lista tad-derogi msemmija fil-paragrafu 1, waqt li jindikaw ir-raġunijiet eżatti u ċ-ċirkostanzi li ġagħluhom jiddeċiedu li jagħtu d-derogi.
Artikolu 12
Emendi għad-Direttiva
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 12a sabiex tagħmel emendi strettament tekniċi għal din id-Direttiva sabiex jittieħed kont tal-armonizzazzjoni teknika u l-istandardizzazzjoni fir-rigward tad-disinn, il-bini, il-manifattura jew il-kostruzzjoni tat-tagħmir tax-xogħol u tal-postijiet tax-xogħol, il-progress tekniku, il-bidliet fl-ispeċifikazzjonijiet jew fl-istandards Ewropej armonizzati u s-sejbiet ġodda dwar il-ħoss.
Fejn, f’każijiet debitament ġustifikati u eċċezzjonali li jinvolvu riskji imminenti, diretti u serji għas-saħħa u s-sikurezza fiżiċi tal-ħaddiema u ta’ persuni oħra, raġunijiet imperattivi ta’ urġenza jeħtieġu azzjoni f’perijodu qasir ħafna ta’ żmien, il-proċedura prevista fl-Artikolu 12b għandha tapplika għall-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu.
Artikolu 12a
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 12 għal perijodu ta’ ħames snin mis-26 ta’ Lulju 2019. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħat għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perijodi tal-istess tul, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonax għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perijodu.
3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 12 tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.
4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet ( 5 ).
5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 12 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 12b
Proċedura ta’ urġenza
1. L-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ mingħajr dewmien u għandhom japplikaw sakemm ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni f’konformità mal-paragrafu 2. In-notifika ta’ att delegat lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandha tagħti r-raġunijiet li għalihom tkun intużat il-proċedura ta’ urġenza.
2. Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jista’ joġġezzjona għal att delegat f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 12a(6). F’dak il-każ, il-Kummissjoni għandha tħassar l-att immedjatament wara n-notifika tad-deċiżjoni ta’ oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.
▼M3 —————
Artikolu 14
Kodiċi ta’ kondotta
Fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni ta’ din id-direttriva l-Istati Membri għandhom iġejju b’konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali, skond il-liġi nazzjonali u l-prattika, kodiċi ta’ kondotta li jipprovdi għal linji gwida prattiċi biex jgħinu lill-ħaddiema u lil min iħaddem fis-setturi tal-mużika u d-divertiment li jissodisfaw l-obbligi legali tagħhom kif preskritti f’din id-Direttiva.
Artikolu 15
Tħassir
Id-Direttiva 86/188/KEE hija b’dan imħassra b’effett mid-data ffissata fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 17(1).
TAQSIMA IV
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
▼M1 —————
Artikolu 17
Transposizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel il-15 ta’ Frar 2006. Għandhom jinfurmaw minnufih b’dan lill-Kummissjoni.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’dik ir-referenza fl-okkazzjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif għandha ssir dik ir-referenza għandhom ikunu stipulati mill-Istati Membri.
2. Sabiex jingħata kont ta’ kondizzjonijiet partikolari, l-Istati Membri jistgħu, fejn meħtieġ, ikollhom perjodu addizzjonali ta’ ħames snin mill-15 ta’ Frar 2006, jiġifieri total ta’ tmien snin, biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7 fir-rigward tal-persunal abbord bastimenti tal-baħar.
Sabiex ikunu jistgħu jħejju kodiċi ta’ kondotta li jipprovdi għal linji gwida prattiċi għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom ikunu intitolati li jagħmlu użu tal-perjodu transitorju massimu ta’ sentejn mill-15 ta’ Frar 2006, jiġifieri total ta’ ħames snin mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva, fir-rigward tas-setturi tal-mużika u d-divertiment bil-kondizzjoni li matul dan il-perjodu l-livelli ta’ protezzjoni diġà miksuba fi Stati Membri individwali, fir-rigward tal-persunal f’dawn is-setturi, jinżammu.
3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jadottaw jew li jkunu diġà adottaw fil-qasam regolat minn din id-Direttiva.
Artikolu 18
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 19
Indirizzati
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
( 1 ) 140 dB (c) b’relazzjoni għal 20 μPa.
( 2 ) 137 dB (c) b’relazzjoni għal 20 μPa.
( 3 ) 135 dB (c) b’relazzjoni għal 20 μPa.
( 4 ) ĠU L 393, tat-30.12.1989, p. 18.
( 5 ) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.