2002L0020 — MT — 19.12.2009 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

ID-DIRETTIVA 2002/20/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-7 ta' Marzu 2002

dwar l-awtorizzazzjoni ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta' Awtorizzazzjoni)

(ĠU L 108, 24.4.2002, p.21)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

DIRETTIVA 2009/140/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Test b’rilevanza għaż-ŻEE tal-25 ta’ Novembru 2009

  L 337

37

18.12.2009




▼B

ID-DIRETTIVA 2002/20/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-7 ta' Marzu 2002

dwar l-awtorizzazzjoni ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta' Awtorizzazzjoni)



IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni ( 1 ),

Wara l-kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ( 2 ),

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stipulata f'Artikolu 251 tat-Trattat ( 3 ),

Billi:

(1)

Ir-riżultat tal-konsultazzjoni pubblika dwar ir-reviżjoni ta' l-1999 tal-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi, kif rifless fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-26 ta' April 2000, u s-sejbiet rapportati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoniiet tagħha fuq il-ħames u s-sitt rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett regolatorju tat-telekomunikazzjonijiet, ikkonferma l-ħtieġa ta' regolament aktar armonizzat u anqas oneruż dwar aċċess għas-suq għan-networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi mal-Komuntà kollha.

(2)

Il-konverġenza bejn n-networksta' komunikazzjonijiet differenti elettroniċi u servizzi u t-teknoloġiji tagħhom teħtieġ l-istabbiliment ta' sistema ta' awtorizzazzjoni li tkopri s-servizzi komparabbli kollha bl-istess mod, irrispettivament mit-teknoloġija wżata.

(3)

Il-mira ta' din id-Direttiva hija li jinħoloq qafas legali biex tiġi żgurata l-libertà li jiġu provduti networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, suġġetti biss għall-kondizzjonijiet stipulati f'din id-Direttiva u għal kull restrizzjoni b'konformità ma' Artikolu 46(1) tat-Trattat, b'mod partikolari miżuri li jirrigwardaw il-politika pubblika, s-sigurtà pubblika u s-saħħa pubblika.

(4)

Din id-Direttiva tkopri l-awtorizzazzjoni għan-networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi sew jekk provduti lill-pubbliku sew jekk le. Dan huwa mportanti biex jiġi żgurat li ż-żewġ kategoriji ta' fornituri jistgħu jibbenefikaw minn drittijiet, kondizzjonijiet u proċeduri oġġettivi, trasparenti, non-diskriminatorji u proporzjonati.

(5)

Din id-Direttiva tapplika biss għall-għoti ta' drittijiet għall-użu ta' frekwenzi tar-radju fejn dak l-użu jinvolvi l-forniment ta' network jew servizz ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, normalment bi ħlas. L-użu minn persuna stess ta' tagħmir terminali tar-radju, bażat fuq l-użu mhux esklussiv ta' frekwenzi speċifiċi tar-radju minn utent u mhux relatati ma' attività ekonomika, bħall-użu ta' firxa taċ-ċittadin mid-dilettanti tar-radju, ma tikkonsistix fil-forniment ta' network jew servizz ta' komunikazzjonijiet elttroniċi u huwa għalhekk mhux kopert b'din id-Direttiva. Dak l-użu huwa kopert bid-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 1999 dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta' telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom ( 4 ).

(6)

Dispożizzjonijiet fir-rigward ta' moviment ħieles ta' sistemi kondizzjonati ta' aċċess u l-forniment liberu ta' servizzi protetti ibbażati fuq dawk is-sistemi huma stipulati fid-Direttiva 98/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Novembru 1998 dwar il-protezzjoni legali ta' servizzi bbażati fuq jew li jikkonsistu f'aċċess kondizzjonat ( 5 ). L-awtorizzazzjoni ta' dawk is-sistemi u servizzi għahekk ma teħtieġx li jkunu koperti b'din id-Direttiva.

(7)

Is-sistema ta' awtorizzazzjoni l-anqas oneruża possibbli għandha tintuża biex tippermetti l-forniment ta' networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi sabiex tistimula l-iżvilupp ta' servizzi ġodda ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u networks u servizzi pan-Ewropej ta' komunikazzjonijiet u biex tippermetti li l-fornituri tas-servizzi u l-konsumaturi jibbenefikaw mill-ekonomiji ta' l-iskala tas-suq uniku.

(8)

Dawk il-miri jistgħu jinkisbu l-aħjar b'awtorizzazzjoni ġenerali tan-networks u servizzi kollha ta' komunikazzjonijiet elettroniċi mingħajr ma tkun meħtieġa xi deċiżjoni espliċita jew xi att amministrattiv mill-awtorità regolatorja nazzjonali u billi kull ħtieġa proċedurali tkun limitata għal notifikazzjoni biss. Fejn l-Istati Membri jeħtieġu notifikazzjoni mill-fornituri ta' networks jew ta' servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi meta jibdew l-attivitajiet tagħhom, jistgħu wkoll jeħtieġu prova li dik in-norifikazzjoni tkun ġiet magħmula permezz ta' xi konferma legali postali rikonoxxuta jew elettronika li notifikazzjoni kienet riċevuta. Dik il-konferma għandha f'kull każ ma tkunx tikkonsisti fi jew teħtieġ xi att amministrattiv mill-awtorità regolatorja nazzjonali li lilha għandha ssir in-notifikazzjoni.

(9)

Huwa meħtieġ li jiġu nklużi d-drittijiet u l-obbligi ta' impriżi taħt awtorizzazzjonijiet ġenerali espliċitament f'dawk l-awtorizzazzjonijiet sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet ugwali mal-Komunità kollha u biex jiġi faċilitat in-negozjar trans-konfini ta' interkonnessjoni ta' networks pubbliċi ta' komunikazzjonijiet.

(10)

L-awtorizzazzjoni ġenerali tagħti dritt lill-impriżi li jipprovdu networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi lill-pubbliku li jinnegozjaw l-interkonnessjoni taħt il-kondizzjonijiet tad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 tas-7 ta' Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u interkonnessjoni ta', networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva ta' Aċċess) ( 6 ). Impriżi li jipprovdu networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi barra minn dawk għall-pubbliku jistgħu jinnegozjaw interkonnessjoni fuq kondizzjonijiet kummerċjali.

(11)

L-għoti ta' drittijiet speċifiċi jista' jibqa' jkun meħtieġ għall-użu ta' frekwenzi tar-radju u numri, nklużi kodiċi qosra, mill-pjan nazzjonali ta' numerar. Id-drittijiet għan-numri jista' wkoll jiġi allokat minn pjan Ewropew tan-numerar, inkluż per eżempju l-kodiċi virtwali tal-pajjiż “3883” li ġie attribwit lill-pajjiżi membri tal-Konferenza Ewropea għall-Posta u t-Telekomunikazzjonijiet (CEPT). Dawk id-drittijiet ta' użu m'għandhomx jiġu ristretti ħlief fejn dan ikun inevitabbli minħabba l-iskarsezza tal-frekwenzi tar-radju u l-ħtieġa li jiġi żgurat l-użu effiċjenti tagħhom.

(12)

Din id-Direttiva ma tippreġudikax jekk il-frekwenzi tar-radji humiex assenjati direttament lill-fornituri ta' networks jew servizzi ta' komunikazzjoni elettronika jew lill-entitajiet li jużaw dawn in-networks jew servizzi. Dawk l-entitajiet jistgħu jkunu fornituri ta' kontenut ta' xandir bir-radju jew televiżjoni. Mingħajr preġudizzju għall-kriterji speċifiċi u proċeduri adottati mill-Istati Membri biex jagħtu drittijiet ta' użu għal frekwenzi tar-radju lill-fornituri ta' servizzi ta' kontenut ta' xandir birçradju jew televiżjoni, li jsegwu miri ta' interess ġenerali b'konformità mal-liġi tal-Komunità, il-proċedura għall-assenjar ta' frekwenzi tar-radju għandha f'kull każ tkun oġġettiva, trasparenti, non-diskriminatorja u proporzjonata. Skond il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull restrizzjoni nazzjonali fuq id-drittijiet garantiti b'Artikolu 49 tat-Trattat għandha tkun oġġettivament ġustifikata, proporzjonata u m'għandhiex teċċedi dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu l-miri ta' interess ġenerali kif definiti mill-Istati Membri b'konformità mal-liġi tal-Komunità. Ir-responsabbiltà għall-konformità mal-kondizzjonijiet stipulati għad-dritt ta' użu ta' frekwenza tar-radju u l-kondizzjonijiet relevanti stipulati f'awtorizzazzjoni ġenerali għandhom f'kull każ ikunu r-responsabbiltà ta' l-impriża li lilha d-dritt ta' użu għall-frekwenza tar-radju jkun ingħata.

(13)

Bħala parti mill-proċedura ta' l-applikazzjoni għall-għoti ta' drittijiet għall-użu ta' frekwenza tar-radju, l-Istati Membri jistgħu jivverifikaw jekk l-applikant ikunx kapaċi li jikkonforma mal-kondizzjonijiet stipulati fi drittijiet bħal dawk. Għal dan il-għan l-applikant jista' jintalab li jibgħat l-informazzjoni meħtieġa biex jagħti prova tal-kapaċità tiegħu li jikkonforma ma' dawn il-kondizzjonijiet. Fejn dik l-informazzjoni ma tiġix provduta, l-applikazzjoni għad-dritt ta' l-użu ta' frekwenza tar-radju tista' tiġi miċħuda.

(14)

L-Istati Membri la huma obbligati li jagħtu u lanqas miżmuma milli jagħtu drittijiet għall-użu ta' numri mill-pjan nazzjonali ta' innumerar jew drittijiet biex jistallaw faċilitajiet lill-impriżi barra minn fornituri ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi.

(15)

Il-kondizzjonijiet li jistgħu jiġi stipulati f'awtorizzazzjoni ġenerali u għad-drittijiet speċifiċi ta' użu, għandhom ikunu limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ biex tiġi żgurata l-konformità mal-ħtiġiet u l-obbligi taħt il-liġi tal-Komunità u l-liġi nazzjonali skond il-liġi tal-Komunità.

(16)

Fil-każ ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi mhux fornuti lill-pubbliku huwa xieraq li jiġu mposti kondizzjonijiet anqas u aktar ħfief minn dawk ġustifikati għan-networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi offruti lill-pubbliku.

(17)

L-obbligi speċifiċi li jistgħu jiġu mposti fuq il-fornituri ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi skond il-liġi tal-Komunità bis-saħħa tas-saħħa sinjifikanti tagħhom fis-suq kif definita fid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar qafas regolatorju komuni għan-networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Kwadru) għandhom jiġi mposti separatament mid-drittijiet u obbligi ġenerali taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali.

(18)

L-awtorizzazzjoni ġenerali għandu jkun fiha biss kondizzjonijiet li huma speċifiċi għas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. M'għandhiex tkun suġġetta għal kondizzjonijiet li huma diġà applikabbli bis-saħħa ta' xi liġi nazzjonali oħra eżistenti li mhix speċifika għas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Madanakollu, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jinfurmaw lill-operaturi tan-networks u lill-fornituri tas-servizzi dwar leġislazzjoni oħra li għandha x'taqsam man-negozji tagħhom, per eżempju permezz ta' referenzi fuq il-website tagħhom.

(19)

Il-ħtieġa li jiġu publikati deċiżjonijiet dwar l-għoti ta' drittijiet għall-użu ta' frekwenzi jew numri, tista' tiġi sodisfatta billi dawn id-deċiżjonijiet jintgħamlu pubblikament aċċessibbli permezz ta' website.

(20)

L-istess impriża, per eżempju operatur tal -cable, jista' joffri kemm servizz ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, bħat-twassil ta' sinjali tat-televiżjoni, u servizzi mhux koperti taħt din id-Direttiva, bħal kommerċjalizzazzjoni ta' offerta għal servizzi ta' kontenut għax- xandir bil-ħoss jew televiżjoni, u għalhekk obbligi addizzjonali jistgħu jiġu mposti fuq din l-impriża b'relazzjoni ma' l-attività tagħha bħala fornitur tal-kontenut jew distributur, skond id-dispożizzjonijiet ta' Direttivi oħra barra minn dawk ta' din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għall-lista tal-kondizzjonijiet stipulata fl-Anness li jinsab ma' din id-Direttiva.

(21)

Meta jagħtu drittijiet għall-użu ta' frekwenzi tar-radju, numri jew drittijiet għall-installazzjoni ta' faċilitajiet, l-awtoritajiet relevanti jistgħu jinfurmaw lill-impriżi li lilhom ikunu taw dawk id-drittijiet bil-kondizzjonijiet relevanti fl-awtorizzazzjoni ġenerali.

(22)

Fejn it-talba għal frekwenzi tar-radju f'firxa speċifika teċċedi d-disponibiltà tagħhom, proċeduri xierqa u trasparenti għandhom jiġu segwiti għall-assenjar ta' dawk il-frekwenzi sabiex tiġi evitata kull diskriminazzjoni u biex jiġi ottimizzat l-użu ta' dawk ir-riżorsi skarsi.

(23)

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw, fl-istabbiliment tal-kriterji għall-proċeduri ta' għażla kompetittivi jew komparattivi, li l-miri f'Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru) jiġu mħarsa. Għalhekk ma jkunx kuntrarju għal din id-Direttiva jekk kriterji ta' għażla oġġettivi, mhux diskriminatorji u proporzjonati biex jippromvovu l-iżvilupp tal-kompetizzjoni jkollhom l-effett li jeskludu ċerti impriżi minn proċedura ta' għażla kompetittiva jew komparattiva għal-frekwenz partikolari tar-radju.

(24)

Fejn l-assenjazzjoni armonizzata ta' frekwenzi tar-radju lil impriżi partikolari tkun ġiet miftiehma f'livell Ewropew, l-Istati Membri għandhom strettament jimplimentaw dawk il-ftehim fl-għoti tad-drittijiet għall-użu ta' frekwenzi tar-radju mill-pjan nazzjonali għall-użu tal-frekwenzi.

(25)

Il-fornituri ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi jistgħu jeħtieġu konferma tad-drittijiet tagħhom taħt awtorizzazzjoni ġenerali fir-rigward ta' l-interkonnesjoni u d-dritt ta' passaġġ, b'mod partikolari biex jiġu faċilitati n-negozjati ma' livelli oħra ta' gvern reġjonali jew lokali jew ma' fornituri ta' servizz fi Stati Membri oħra. Għal dan il-għan l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jipprovdu dikjarazzjonijiet lill-impriżi jew fuq talba jew alternattivament bħala tweġiba awtomatika għal notifikazzjoni taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali. Dawk id-dikjarazzjonijiet m'għandhomx weħidhom jikkostitwixxu jedd għal drittijiet u lanqas m'għandhom xi drittijiet taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali jew drittijiet ta' użu jew l-eżerċizzju ta' dawk id-drittijiet jiddependu fuq dikjarazzjoni.

(26)

Fejn l-impriżi jsibu li l-applikazzjonijiet tagħhom għal drittijiet biex jinstallaw faċilitajiet ma jkunux ġew ittrattati skond il-prinċipji stabbiliti fid-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru) jew fejn dawk id-deċiżjonijiet jiġu indebitament ittardjati, għandu jkollhom dritt ta' appell kontra d-deċiżjonijiet jew dewmien f'dawn id-deċiżjonijiet skond dik id-Direttiva.

(27)

Is-sanzjonijiet għan-non-konformità mal-kondizzjonijiet taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali għandhom ikunu proporzjonati man-nuqqas. Ħlief f'ċirkostanzi eċċezzjonali, ma jkunx proporzjonat li jiġi sospiż jew irtirat id-dritt għall-forniment ta' servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi jew id-dritt għall-użu ta' frekwenzi tar-radju jew numri fejn l-impriża ma' kkonformatx ma' waħda jew aktar mill-kondizzjonijiet taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal miżuri aktar urġenti li l-awtoritajiet relevanti fl-Istati Membri jistgħu jkunu meħtieġa li jieħdu fil-każ ta' theddid serju għas-sigurtà, is-sigurtà jew is-saħħa pubblika jew għall-interessi ekonomiċi u operazzjonali ta' impriżi oħra. Din id-Direttiva għandha wkoll tkun mingħajr preġudizzju għal xi prestensjonijiet bejn impriżi għall-kumpens għal danni taħt il-liġi nazzjonali.

(28)

L-issuġġettar ta' fornituri ta' servizzi għal obbligi li jirrapportaw u jipprovdu informazzjoni, jista' jkun tqil, kemm għall-impriża kif ukoll għall-awtorità regolatorja nazzjonali konċernata. Dawk l-obbligi għandhom ikunu għalhekk proporzjonati, oġġettivament ġustifikati u limitati għal dak li hu strettament meħtieġ. Mhux meħtieġ li tiġi meħtieġa prova sistematika u regolari tal-konformità ma' l-obbligi kollha taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali jew stipulati mad-drittijiet ta' użu. L-impriżi għandhom id-dritt li jkunu jafu l-għanijiet li għalihom l-informazzjoni li għandhom jipprovdu għandha tintuża. Il-forniment ta' informazzjoni m'għandhiex tkun kondizzjoni għall-aċċess tas-suq. Għall-għanijiet ta' statiska notifikazzjoni tista' tkun meħtieġa mill-fornituri ta' networks jew servizzi ta' komunkazzjonijiet elettroniċi meta dawn jieqfu mill-attivitajiet tagħhom.

(29)

Din id-Direttiva għandha tkun bla preġudizzju għall-obbligi ta' l-Istati Membri li jipprovdu kull informazzjoni meħtieġa għad-difiża ta' l-interessi tal-Komunità fil-kuntest ta' ftehim internazzjonali. Din id-Direttiva għandha wkoll tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta' rapportar taħt leġislazzjoni li mhix speċifika għas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi bħal-liġi tal-kompetizzjoni.

(30)

Ħlasijiet amministrattivi jistgħu jiġu imposti fuq il-fornituri ta' servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi sabiex jiffinanzjaw l-attivitajiet ta' l-awtorità regolatorja nazzjonali fl-amministrazzjoni tas-sistema ta' awtorizzazzjoni u fl-għoti ta' drittijiet ta' użu. Dawk il-ħlasijiet għandhom ikunu limitati li jkopru in-nefqa amministrattiva attwali għal dawk l-attivitajiet. Għal dan il-għan għandha tinħoloq trasparenza fid-dħul u n-nefqa ta' l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali permezz ta' rapportar ta' kull sena dwar is-somma totali ta' ħlasijiet miġbura u n-nefqiet amministrattivi magħmula. Dan jippermetti li l-impriżi jivverifikaw li n-nefqiet għall-amministrazzjoni u l-ħlasijiet ikunu jibbilanċjaw.

(31)

Is-sistemi għall-ħlasijiet amministrattivi m'għandhomx joħolqu tgħawwiġ tal-kompetizzjoni jew joħolqu xkiel għad-dħul fis-suq. B'sistema ġenerali ta' awtorizzazzjoni m'għandux ikun aktar possibbli li l-ispejjeż amministrattivi u b'hekk il-ħlasijiet jiġu attribwiti lil impriżi individwali ħlief għall-għoti tad-drittijiet ta' użu tan-numri, frekwenzi tar-radju u għad-drittijiet biex jiġu stallati faċilitajiet. Kull ħlas amministrattiv applikabbli għandu jkun konformi mal-prinċipji ta' sistema ġenerali ta' awtorizzazzjoni. Eżempju ta' alternattiva ġusta, sempliċi u trasparenti għal dawn il-kriterji ta' attribuzzjoni tal-ħlasijiet tista' tkun formula ta' distribuzzjoni relatata mal-qligħ fuq il-bejgħ.. Fejn il-ħlasijiet amministrattivi jkun baxxi ħafna, ħlasijiet b'rata fissa, jew ħlasijiet li jikkombinaw bażi ta' rata fissa ma' l-element relatat mal-qligħ fuq il-bejgħ tista' wkoll tkun adatta.

(32)

Minbarra l-ħlasijiet amministrattivi, tariffi għall-użu jistgħu jiġu imposti fuq l-użu ta' frekwenzi tar-radju u numri bħala strument li jiżgura l-aħjar użu ta' dawn ir-riżorsi. Dawk it-tariffi m'għandhomx ifixklu l-iżvilupp ta' servizzi innovattivi u l-kompetizzjoni fis-suq. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-għan li għalih it-tariffi għad-drittijiet ta' użu jintużaw. Dawk it-tariffi jistgħu per eżempju jintużaw biex jiffinanzjaw attivitajiet ta' l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li ma jistgħux jiġu koperti bil-ħlasijiet amministrattivi. Fejn, fil-każ ta' proċeduri ta' għażla kompetittivi jew komparattivi, tariffi għad-drittijiet ta' użu ta' frekwenzi tar-radu jikkonsistu kollha kemm huma jew parzjalment f' ammont ta' darba biss, l-arranġamenti tal-ħlas għandhom jiżguraw li dawk it-tariffi fil-prattika ma jwasslux għal għażla fuq il-bażi ta' kriterji li m'humiex relatati mal-mira li jiġi żgurat l-aħjar użu tal-frekwenzi tar-radju. Il-Kummissjoni tista' tippublika fuq bażi regolari studji komparattivi fir-rigward ta' l-aħjar prattiċi għall-assenjament tal-frekwenzi tar-radju, l-assenjament ta' numri jew l-għoti ta' drittijiet ta' passaġġ.

(33)

L-Istati Membri jistgħu jkunu meħtieġa li jemendaw id-drittijiet, kondizzjonijiet, proċeduri, ħlasijiet u tariffi li jirrelataw ma' l-awtorizzazzjonijiet ġenerali u d-drittijiet ta' użu fejn dan ikun oġġettivament ġustifikat. Dak it-tibdil għandu jiġi debitament notifikat lill-partijiet kollha interessati fi żmien biżżejjed, li jagħtihom opportunità adegwata li jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar kull emenda bħal dawk.

(34)

Il-mira tat-trasparenza teħtieġ li l-fornituri tas-servizzi, konsumaturi u partijiet oħra nteressati jkollhom aċċess faċli għal kull informazzjoni fir-rigward tad-drittijiet, kondizzjonijiet, proċeduri, ħlasijiet, tariffi u deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-forniment ta' servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, drittijiet ta' użu ta' frekwenzi tar-radju u numri, drittijiet għall-installazzjoni ta' faċilitajiet, pjani għall-użu ta' frekwenzi nazzjonali u pjani għan-numerar nazzjonali. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom kompitu importanti filli jfornu ta' dik l-informazzjoni u jżommuha aġġornata. Fejn dawk id-drittijiet huma amministratti minn livelli oħra tal-gvern l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jagħmlu kull sforz biex joħolqu strument faċli li jintuża għall-aċċess ta' l-informazzjoni dwar dawk id-drittijiet.

(35)

Il-funzjonament sew tas-suq uniku fuq il-bażi tas-sistemi ta' awtorizzazzjoni nazzjonali taħt din id-Direttiva għandu jiġi sorveljat mill-Kummissjoni.

(36)

Sabiex wieħed jasal għal data waħda ta' l-applikazzjoni ta' l-elementi kollha tal-qafas regolatorju ġdid għas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, huwa mportanti li l-proċess tat-trasposizzjoni nazzjonali ta' din id-Direttiva u l-allinjament tal-liċenzi eżistenti mar-regoli l-ġodda iseħħ b'mod parallel. Madankollu, f'każi speċifiċi fejn is-sostituzzjoni ta' l-awtorizzazzjonijiet eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva bl-awtorizzazzjoni ġenerali u d-drittijiet individwali ta' użu skond din id-Direttiva tista' twassal għal żieda fl-obbligi għall-fornituri ta' servizzi li joperaw taħt awtorizzazzjoni eżistenti jew għal tnaqqis tad-drittijiet tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jutillizzaw żmien addizzjonali ta' disa' xhur wara d-data ta' l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għall-allinjament ta' dawk il-liċenzi, sakemm dan ma jkollux effett negattiv fuq id-drittijiet u l-obbligi ta' impriżi oħra.

(37)

Jista' jkun hemm ċirkostanzi li taħthom l-abolizzjoni ta' kondizzjoni ta' awtorizzazzjoni fir-rigward ta' aċċess għal networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi toħloq tbatija serja għal impriża waħda jew aktar li jkunu bbenefikaw minn dik-il-kondizzjoni. F'każi bħal dawn aktar perjodi transitorji jistgħu jingħataw mill-Kummissjoni, fuq it-talba ta' Stat Membru.

(38)

Minħabba li l-mira ta' l-azzjoni proposta, jiġifieri l-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tar-regoli tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-kondizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta' networks u servizzi ma jistgħux suffiċjentement jinkisbu mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti ta' l-azzjoni, jinkisbu aħjar f'livell tal-Komunità, il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit f'Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proprozjonalità kif stipulat f'dak Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx 'l hinn minn dak li huwa meħtieġ għal dawk il-miri,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:



Artikolu 1

Mira u kamp ta' applikazzjoni

1.  L-iskop ta' din id-Direttiva huwa li jiġi mplimentat suq intern fin-networks u servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi permezz ta' l-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tar-regoli u l-kondizzjonijiet ta' awtorizzazzjoni sabiex jiġi faċilitat il-forniment tagħhom mal-Komunità kollha.

2.  Din id-Direttiva għandha tapplika għall-awtorizzazzjonijiet għall-forniment ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi.

Artikolu 2

Tifsiriet

1.  Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva, t-tifsiriet stipulati f'Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru) għandhom japplikaw.

▼M1

2.  Id-definizzjoni li ġejja għandha tapplika wkoll:

“awtorizzazzjoni ġenerali” tfisser il-qafas legali stabbilit mill-Istat Membru li jiżgura d-drittijiet biex ikunu provduti n-netwerks jew is-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika u jippreskrivi l-obbligi speċifiċi tas-settur li jistgħu japplikaw għat-tipi kollha, jew għal tipi speċifiċi, ta’ netwerks u servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, skont din id-Direttiva.

▼B

Artikolu 3

Awtorizzazzjoni ġenerali ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi

1.  L-Istati Membri għandhom jassiguraw il-libertà ta' forniment ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, bla ħsara għall-kondizzjonijiet stipulati f'din id-Direttiva. Għal dan il-għan, l-Istati Membri m'għandhomx jipprevjenu impriża milli tforni networks jew servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, ħlief fejn dan ikun meħtieġ għar-raġunijiet stipulati f'Artikolu 46(1) tat-Trattat.

2.  Il-forniment ta' networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi jew il-forniment ta' servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi jista', mingħajr preġudizzju għall-obbligi speċifiċi msemmija f'Artikolu 6(2) jew għad-drittijiet ta' użu msemmija f'Artikolu 5, biss ikun suġġett għal awtorizzazzjoni ġenerali. L-impriża konċernata tista' tkun meħtieġa li tissottometti notifikazzjoni iżda m'għandhiex tkun meħtieġa li tikseb deċiżjoni espliċita jew xi att amministrattiv ieħor mill-awtorità regolatorja nazzjonali qabel ma teżerċita d-drittijiet li joħorġu mill-awtorizzazzjoni. Man-notifikazzjoni, fejn meħtieġa, impriża tista' tibda l-attività, fejn meħtieġ suġġetta għad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet ta' użu f'Artikoli 5, 6 u 7.

▼M1

L-impriżi li jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika transkonfinali għal impriżi li jinsabu f’numru ta’ Stati Membri m’għandhomx jiġu meħtieġa jressqu aktar minn notifika waħda għal kull Stat Membru kkonċernat.

▼B

3.  In-notifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 m'għandhiex tinvolvi aktar minn dikjarazzjoni minn persuna legali jew naturali lill-awtorità regolatorja nazzjonali ta' l--intenzjoni li tibda l-forniment ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u s-sottomissjoni ta' l-informazzjoni minima li hija meħtieġa li tippermetti lill-awtorità regolatorja nazzjonali li żżomm reġistru jew lista tal-fornituri ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi. Din l-informazzjoni għandha tkun limitata għal dak li huwa meħtieġ għall-identifikazzjoni tal-fornitur, bħan-numri tar-reġistrazzjoni tal-kumpanija, u l-persuni ta' kuntatt tal-fornitur, l-indirizz tal-fornitur, deskrizzjoni qasira tan-network jew is-servizz, u d-data li fiha jkun mistenni li jibda l-attività.

Artikolu 4

Lista minima tad-drittijiet li joħorġu mill-awtorizzazzjoni ġenerali

1.  Impriżi awtorizzati bis-saħħa ta' Artikolu 3, għandu jkollhom id-dritt:

(a) li jfornu networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi;

(b) ikollhom l-applikazzjoni tagħhom għad-drittijiet meħtieġa biex jinstallaw faċilitajiet kunsidrata skond Artikolu 11 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru).

2.  Fejn dawk l-impriżi jfornu networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet lill-pubbliku l-awtorizzazzjoni ġenerali għandha wkoll tagħtihom id-dritt:

(a) li jinnegozjaw l-interkonnessjoni ma' u fejn japplika li jiksbu aċċess għal jew interkonnessjoni minn fornituri oħra ta' networks pubblikament disponibbli ta' komunikazzjonijiet u servizzi koperti minn awtorizzazzjoni ġenerali f'kull post fil-Komunità taħt il-kondizzjonijiet ta' u skond id-Direttiva 2002/19/KE (Direttiva ta' l-Aċċwss);

(b) jingħataw opportunità li jiġu nominati biex jipprovdu elementi differenti ta' servizz universali u/jew li jkopru partijiet tat-territorju nazzjonali skond id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet ta' l-utenti li jirrelataw ma' networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi (Direttiva ta' Servizz Universali ( 7 ).

▼M1

Artikolu 5

Id-drittijiet għall-użu tal-frekwenzi tar-radju u tan-numri

1.  L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-użu ta’ frekwenzi tar-radju taħt awtorizzazzjonijiet ġenerali. Fejn hu neċessarju, l-Istati Membri jistgħu jagħtu drittijiet individwali ta’ użu sabiex:

 tkun evitata l-interferenza li tagħmel il-ħsara;

 tkun żgurata l-kwalità teknika tas-servizz;

 ikun issalvagwardjat l-użu effiċjenti tal-ispettru; jew

 jiġu issodisfati għanijiet oħrajn ta’ interess ġenerali kif definiti mill-Istati Membri f’konformità mal-liġi Komunitarja.

2.  Fejn huwa meħtieġ li jingħataw drittijiet individwali ta’ użi ta’ frekwenzi tar-radju u numri, l-Istati Membri għandhom jagħtu dawk id-drittijiet, meta mitluba, lil kull impriża għall-provvista ta’ netwerks jew servizzi taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali kif imsemmi fl-Artikolu 3, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6, 7 u 11(1)(c) ta’ din id-Direttiva u kull regola oħra li tiżgura l-użu effiċjenti ta’ dawk ir-riżorsi skont id-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru).

Mingħajr preġudizzju għal kriterji u proċeduri speċifiċi adottati mill-Istati Membri għall-għoti ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju lil fornituri ta’ servizzi ta’ kontenut għax-xandir fuq ir-radju jew it-televiżjoni bil-għan li jintlaħqu għanijiet ta’ interess ġenerali skont il-liġi Komunitarja, id-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju u numri għandhom jingħataw permezz ta’ proċeduri miftuħa, oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonali, u, fil-każ tal-frekwenzi tar-radju, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas). Tista’ tapplika eċċezzjoni għall-ħtieġa ta’ proċeduri miftuħa f’każijiet fejn l-għoti ta’ drittijiet individwali ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju lill-fornuturi ta’ servizzi ta’ kontenut għax-xandir fuq ir-radju jew it-televiżjoni huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv ta’ interess ġenerali kif definit mill-Istati Membri f’konformità mal-liġi Komunitarja.

Meta jagħtu d-drittijiet ta’ użu, l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw jekk dawk id-drittijiet jistgħux ikunu ttrasferiti mid-detentur tad-drittijiet, u taħt liema kondizzjonijiet. Fil-każ tal-frekwenzi tar-radju, tali dispożizzjoni għandha tkun skont l-Artikoli 9 u 9b tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas).

Fejn Stati Membri jagħtu drittijiet ta’ użu għal perijodu ta’ żmien limitat, id-durata għandha tkun adattata għas-servizz ikkonċernat fid-dawl tal-objettiv segwit, u jitqies b’mod xieraq il-bżonn li jkun hemm lok għal perijodu xieraq għall-amortizzazzjoni ta’ investiment.

Fejn id-drittijiet individwali għall-użu tal-frekwenzi tar-radju jingħataw għal għaxar snin jew aktar, u ma jistgħux ikunu trasferiti jew mikrija bejn l-impriżi skont l-Artikolu 9b tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas), l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tiżgura li l-kriterji għall-għoti tad-drittijiet individwali għall-użu jibqgħu jiġu applikati u rispettati għal kemm iddum il-liċenzja b’mod partikolari fuq talba ġustifikata tad-detentur tad-dritt. Jekk dawk il-kriterji ma jkunux japplikaw iżjed, id-dritt individwali ta’ użu għandu jinbidel f’awtorizzazzjoni ġenerali għall-użu tal-frekwenzi tar-radju, suġġett għall-avviż minn qabel u wara perijodu raġonevoli ta’ żmien, jew għandu jiġi trasferit jew mikri b’mod ħieles bejn l-impriżi skont l-Artikoli 9b tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas).

3.  Id-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ drittijiet ta’ użu għandhom jittieħdu, jkunu komunikati u magħmula pubbliċi malajr kemm jista’ jkun wara li tkun waslet l-applikazzjoni kompluta tal-awtorità regolatorja nazzjonali, fi żmien tliet gimgħat fil-każ tan-numri li kienu allokati għal skopijiet speċifiċi ġewwa l-pjan nazzjonali għall-għoti tan-numri u fi żmien sitt ġimgħat fil-każ tal-frekwenzi tar-radju li kienu allokati biex jintużaw minn servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika ġewwa l-pjan nazzjonali għall-frekwenzi. Il-limitu ta’ żmien tal-aħħar għandu jkun bla ħsara għal kull ftehim internazzjonali li jkun japplika u li jkun relatat mal-użu tal-frekwenzi tar-radju jew ta’ pożizzjonijiet orbitali.

4.  Fejn ikun ġie deċiż, wara li kienu kkonsultati l-partijiet konċernati skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas), li d-drittijiet għall-użu tan-numri ta’ valur ekonomiku eċċezzjonali jridu jingħataw permezz ta’ proċeduri ta’ għażla li jkunu kompetittivi u komparattivi, l-Istati Membri jistgħu jestendu l-perijodu massimu ta’ tliet ġimgħat b’mhux iktar minn tliet ġimgħat oħra.

Fir-rigward ta’ proċeduri ta’ għażla kompetittivi jew komparattivi għall-frekwenzi tar-radju, l-Artikolu 7 għandu japplika.

5.  L-Istati Membri ma għandhom jillimitaw l-għadd ta’ drittijiet ta’ użu li jingħataw, għajr fejn dan ikun meħtieġ biex jiġi żgurat l-użu effiċjenti tal-frekwenzi tar-radju skont l-Artikolu 7.

6.  L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiżguraw li l-frekwenzi tar-radju jintużaw b’mod effiċjenti u effettiv skont l-Artikoli 8(2) u 9(2) tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas). Huma għandhom jiżguraw li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta mill-ebda trasferiment jew akkumulazzjoni ta’ drittijiet ta’ użu tal-frekwenzi tar-radju. Għal tali finijiet, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri adatti bħall-obbligu ta’ bejgħ jew kiri ta’ drittijiet għall-użu tal-frekwenzi tar-radju.

▼B

Artikolu 6

Il-kondizzjonijiet stipulati ma' l-awtorizzazzjoni ġenerali u d-drittijiet ta' użu għall-frekwenzi tar-radju u għan-numri, u obbligi speċifiċi

▼M1

1.  L-awtorizzazzjoni ġenerali biex ikunu pprovduti n-netwerks u s-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, id-drittijiet għall-użu tal-frekwenzi tar-radju, u d-drittijiet għall-użu tan-numri, tista’ tkun soġġetta biss għall-kundizzjonijiet elenkati fl-Anness. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom ikunu proporzjonati, trasparenti u mhux diskriminatorji, u fil-każ ta’ drittijiet għall-użu ta’ frekwenzi tar-radju, għandhom ikunu skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas).

▼B

2.  L-obbligi speċifiċi li jistgħu jiġu mposti fuq fornituri ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi taħt Artikoli 5(1), 5(2), 6 u 8 tad-Direttiva 2002/19/KE (Direttiva ta' l-Aċċess) ►M1  l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva dwar is-Servizz Universali) ◄ jew fuq dawk nominati biex ifornu servizz universali taħt l-imsemmija Direttiva għandhom ikunu legalment separati mid-drittijiet u l-obbligi ta' l-awtorizzazzjoni ġenerali. Sabiex tinkiseb it-trasparenza għall-impriżi, il-kriterji u l-proċeduri għall-imposizzjoni ta' dawk l-obbligi speċifiċi fuq impriżi ndividwali għandhom ikunu msemmija fl-awtorizzazzjoni ġenerali.

3.  L-awtorizzazzjoni ġenerali għandu jkun fiha biss kondizzjonijiet li huma speċifiċi għal dak is-settur u li huma mniżżla fit-Taqsima A ta' l-Anness u m'għandhiex tidduplika kondizzjonijiet li huma applikabbli għal impriżi bis-saħħa ta' xi leġislazzjoni nazzjonali oħra.

4.  L-Istati Membri m'għandhomx jidduplikaw il-kondizzjonijiet ta' l-awtorizzazzjoni ġenerali meta jagħtu drittijiet ta' użu għall-frekwenzi tar-radju jew numri.

Artikolu 7

Proċedura biex jiġi limitat in-numru ta' drittijiet ta' użu li għandhom jingħataw għall-frekwenzi tar-radju

▼M1

1.  Fejn Stat Membru jkun qed jikkunsidra jillimitax in-numru tad-drittijiet għall-użu li jridu jingħataw għall-frekwenzi tar-radju, jew jekk iġeddidx il-validità ta’ drittijiet eżistenti jekk mhux skont it-termini speċifikati f’dawk id-drittijiet, għandu inter alia:

▼B

(a) jieħu kont debitu tal-ħtieġa li jimmasimizza l-benefiċċji għall-utenti u li jiffaċilita l-iżvilupp tal-kompetizzjoni;

(b) jagħti lill-partijiet kollha nteressati, nklużi utenti u konsumaturi, l-opportunità li jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar kull limitazzjoni skond Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru);

▼M1

(c) jippubblika kull deċiżjoni biex jillimita l-għoti tad-drittijiet għall-użu jew it-tiġdid tad-drittijiet għall-użu, waqt li jagħti r-raġunijiet għal dan;

▼B

(d) wara li jkunu stabbilixxa il-proċedura, jistieden applikazzjonijiet għad-drittijiet ta' użu; u

(e) jirrevedi l-limitazzjoni f'intervalli raġonevoli jew fuq it-talba raġonata ta' l-impriżi affettwati.

2.  Fejn Stat Membru jikkonkludi li aktar drittijiet ta' użu għall-frekwenzi tar-radju jistgħu jingħataw, għandu jippublika dik il-konklużjoni u jistieden applikazzjonijiet għal dawk id-drittijiet.

▼M1

3.  Fejn l-għoti ta’ drittijiet għall-użu tal-frekwenzi tar-radju jeħtieġ li ma jkunx limitat, l-Istati Membri għandhom jagħtu dawn id-drittijiet fuq il-bażi tal-kriterji tal-għażla li jridu jkunu oġġettivi, trasparenti, proporzjonati u mhux diskriminatorji. Kull wieħed minn dawn il-kriterji tal-għażla jrid jagħti l-importanza li tistħoqq lill-kisba tal-għanijiet li jidhru fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas) u tar-rekwiżiti li jidhru fl-Artikolu ta’ dik id-Direttiva.

▼B

4.  Fejn proċeduri ta' għażla kompetittivi jew komparattivi għandhom jintużaw, l-Istati Membri jistgħu jestendu l-perjodu massimu ta' sitt ġimgħat imsemmi f'Artikolu 5(3) sakemm ikun meħtieġ sabiex jiġi żgurat li dawk il-proċeduri jkunu ġusti, raġonevoli, miftuħa u trasparenti għall-partijiet kollha nteressati, iżda b'mhux aktar minn tmien xhur.

Dawn il-termini ta' żmien għandhom ikunu bla preġudizzju għal kull ftehim internazzjonali applikabbli li jirrelata ma' l-użu ta' frekwenzi u l-koordinazzjoni tas-satelliti.

5.  Dan Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għat-trasferiment tad-drittijiet ta' użu għall-frekwenzi tar-radju skond ►M1  Artikolu 9b ◄ tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru).

Artikolu 8

Assenjament armonizzat ta' frekwenzi tar-Radju

Fejn l-użu ta' frekwenzi tar-radju jkun ġie armonizzat, il-kondizzjonijiet u l-proċeduri ta' l-aċċess jkunu ġew miftiehma, u l-impriżi li lilhom il-frekwenzi tar-radju għandhom jiġu assenjati jkunu ntagħżlu skond ftehim internazzjonali u r-regoli tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jagħtu d-dritt ta' użu għal dawk il-frekwenzi tar-radju skond dan. Sakemm il-kondizzjonijiet nazzjonali kollha stipulati mad-dritt ta' użu għall-frekwenzi tar-radju konċernati jkunu ġew sodisfatti fil-każ ta' proċedura komuni ta' għażla, l-Istati Membri m'għandhomx jimponu xi kondizzjonijiet, kriterji addizzjonali jew proċeduri oħra li jirrestrinġu, ibiddlu jew idewmu l-implimentazzjoni korretta ta' l-assenjament komuni ta' dawk il-frekwenzi tar-radju.

Artikolu 9

Dikjarazzjonijiet biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet ta' installazzjoni ta' faċilitajiet u drittijiet ta' interkonnessjoni

Fuq it-talba ta' impriża, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom, fi żmien ġimgħa, joħroġu dikjarazzjonijiet standardizzati, li jikkonfermaw, fejn japplika, li l-impriża tkun bagħtet notifikazzjoni taħt Artikolu 3(2) u jagħtu dettalji dwar taħt liema ċirkostanzi impriża li tforni networks jew servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi taħt awtorizzazzjoni ġenerali jkollha d-dritt li tapplika għall-drittijiet biex tinstalla faċilitajiet, biex tinnegozja interkonnessjoni, u/jew tikseb aċċess jew interkonnessjoni sabiex tiffaċilita l-eżerċizzju ta' dawk id-drittijiet per eżempju f'livelli oħra tal-gvern jew b'relazzjoni ma' impriżi oħra. Fejn xieraq dawk id-dikjarazzjonijiet jistgħu wkoll jinħarġu bħala risposta awtomatika wara n-notifikazzjoni msemmija f'Artikolu 3(2).

Artikolu 10

Konformità mal-kondizzjonijiet ta' l- awtorizzazzjoni ġenerali jew ta' drittijiet ta' użu u ma'obbligi speċjali

▼M1

1.  L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jimmonitorjaw u jissorveljaw l-osservanza tal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni ġenerali jew tad-drittijet għall-użu u tal-obbligi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 6(2), skont l-Artikolu 11.

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikollhom is-setgħa li jitolbu lill-impriżi li jipprovdu n-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika koperti mill-awtorizzazzjoni ġenerali jew li jgawdu d-drittijiet għall-użu tal-frekwenzi tar-radju jew tan-numri biex jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tkun ivverifikata l-osservanza tal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni ġenerali jew tad-drittijiet għall-użu jew tal-obbligi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 6(2), skont l-Artikolu 11.

2.  Meta l-awtorità regolatorja nazzjonali jirriżultalha li impriża ma tkunx qed tosserva waħda jew iżjed mill-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni ġenerali jew tad-drittijiet għall-użu, jew tal-obbligi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 6(2), hija għandha tinnotifika lill-impriża b’dak ir-riżultat u tagħti lill-impriża l-opportunità li tiddikjara l-fehmiet tagħha, f’limitu ta’ żmien raġonevoli.

3.  L-awtorità rilevanti għandha jkollha s-setgħa li titlob il-waqfien tal-ksur imsemmi fil-paragrafu 2 jew minnfih jew f’limitu ta’ żmien raġonevoli u għandha tieħu l-miżuri xierqa u proporzjonati bl-iskop li tiżgura l-osservanza.

F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet rilevanti li jimponu:

(a) pieni finanzjarji disswasivi fejn xieraq, li jistgħu jinkludu penali perjodiċi b’effett retroattiv; kif ukoll

(b) ordnijiet ta’ twaqqif jew ta’ dewmien ta’ servizz jew grupp ta’ servizzi li, jekk jitkomplew, jirriżultaw fi ħsara sinifikanti għall-kompetizzjoni, sakemm ikun hemm konformità mal-obbligi ta’ aċċess imposti wara l-analiżi tas-suq imwettqa skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas).

Il-miżuri u r-raġunijiet li fuqhom huma jkunu bażati għandhom ikunu komunikati lill-impriża konċernata mingħajr dewmien u għandhom jistipulaw perijodu raġonevoli għall-impriżi biex dawn jiġu konformi mal-miżura.

4.  Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 u 3, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-awtorità rilevanti s-setgħa li timponi sanzjonijiet finanzjarji, fejn xieraq, fuq impriżi li jkunu naqsu milli jipprovdu informazzjoni skont l-obbligi imposti fl-Artikolu 11(1)(a) jew (b) ta’ din id-Direttiva, jew skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/19/KE (id-Direttiva ta’ Aċċess), f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, stipulat mill-awtorità regolatorja nazzjonali.

5.  Fil-każi ta’ ksur serju jew ripetut tal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni ġenerali jew tad-drittijiet għall-użu, jew tal-obbligi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 6(2), meta jkunu fallew il-miżuri immirati biex jiżguraw l-osservanza kif imsemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu ma jħallux lill-impriża tkompli tipprovdi n-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika jew jissospendu jew jirtiraw id-drittijet għall-użu. Is-sanzjonijiet u l-pieni li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi jistgħu jkunu applikati biex ikopru l-perijodu ta’ kull ksur, ukoll jekk sussegwentement il-ksur ikun ġie rettiffikat.

6.  Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2, 3 u 5, meta l-awtorità rilevanti jkollha l-evidenza ta’ ksur tal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni ġenerali jew tad-drittijiet għall-użu, jew tal-obbligi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 6(2) li jkun jirrappreżenta theddida immedjata u serja għall-protezzjoni pubblika, is-sigurtà pubblika u s-saħħa pubblika jew li jkun se joħloq problemi ekonomiċi u operattivi serji għal oħrajn li jipprovdu jew jużaw in-netwerks u s-servizzi tal- komunikazzjoni elettronika jew utenti oħra tal-ispettru tar-radju, hija tista’ tieħu miżuri temporanji urġenti biex tirrimedja s-sitwazzjoni qabel ma tasal għad-deċiżjoni finali. L-impriża kkonċernata għandha wara dan tingħata opportunita raġonevoli biex tiddikjara l-fehmiet tagħha u tipproponi r-rimedji. Fejn xieraq, l-awtorità rilevanti għandha tikkonferma l-miżuri interim, li għandhom ikunu validi għal massimu ta’ 3 xhur, iżda li jistgħu, f’ċirkostanzi fejn ma jkunux intemmu l-proċeduri ta’ infurzar, jiġu estiżi għal perijodu ulterjuri sa mhux aktar minn tliet xhur.

▼B

7.  L-impriżi għandu jkollhom id-dritt ta' appell kontra l-miżuri meħuda taħt dan l-Artikolu skond il-proċedura msemmija f'Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru).

Artikolu 11

L-informazzjoni meħtieġa taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali, għal drittijiet ta' użu u għal obbligi speċifiċi

1.  Mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta' informazzjoni u rapportar taħt il-leġislazzjoni nazzjonali barra mill-awtorizzazzjoni ġenerali, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu biss jeħtieġu lill-impriżi li jipprovdu nformazzjoni taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali, għal drittijiet ta' użu jew l-obbligi speċifiċi msemmija f'Artikolu 6(2) li hija proporzjonata u oġġettivament ġustifikata għal:

▼M1

(a) verifika sistematika jew każ b’każ tal-konformità mal-kondizzjonijiet 1 u 2 tal-Parti A, mal-kondizzjonijiet 2 u 6 tal-Parti B u mal-kondizzjonijiet 2 u 7 tal-Parti C tal-Anness u tal-konformità mal-obbligi msemmija fl-Artikolu 6(2);

▼B

(b) verifikazzjoni każ b'kaz tal-konformità mal-kondizzjonijiet kif stipulati fl-Anness fejn ikun ġie riċevut ilment jew meta l-awtorità regolatorja nazzjonali jkollha raġunijiet għaliex temmen li kondizzjoni ma tkunx qed titħares jew f'każ ta' xi investigazzjoni mill-awtorità regolatorja nazzjonali fuq l-inizjattiva tagħha stess;

(ċ) proċeduri għal u stima tat-talbiet għall-għoti ta' drittijiet ta' użu;

(d) il-pubblikazzjoni ta' rapporti komparattivi tal-kwalità u l-prezz ta' servizzi għall-benefiċċju tal-konsumaturi;

(e) għanijiet statistiċi definiti b'mod ċar;

(f) analiżi tas-suq għall-għanijiet tad-Direttiva 2002/19/KE (Direttiva ta' Aċċess) jew id-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva ta' Servizz Universali);

▼M1

(g) is-salvagwardja tal-użu effiċjenti u l-iżgurar tal-ġestjoni effettiva tal-frekwenzi tar-radju;

(h) l-evalwazzjoni ta’ żviluppi futuri fin-netwerks jew fis-servizzi li jista’ jkollhom impatt fuq is-servizzi ta’ bl-ingrossa li jkunu disponibbli għall-kompetituri.

▼M1

L-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (b), (d), (e), (f), (g) u (h) tal-ewwel subparagrafu ma tistax tintalab qabel jingħata, jew bħala kundizzjoni ta’, l-aċċess għas-suq.

▼B

2.  Meta l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jeħtieġu li impriżi jipprovdu informazzjoni kif imsemmija fil-paragrafu 1, għandhom jinfurmawhom bl-għan speċifiku li għalih l-informazzjoni għandha tiġi wżata.

Artikolu 12

Ħlasijiet amministrattivi

1.  Kull ħlas amministrattiv impost fuq impriżi li jfornu servizz jew network taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali jew li lilhom ikun ingħata dritt ta' użu, għandu:

(a) fit-total, ikopri biss l-ispejjeż amministrattivi magħmula fl-amministrazzjoni, kontroll u infurzar ta' l-iskema ta' l-awtorizzazzjoni ġenerali u tad-drittijiet ta' użu u l-obbligi speċifiċi kif imsemmija f'Artikolu 6(2), li jistgħu jinkludu spejjeż għall-kooperazzjoni internazzjonali, armonizzazzjoni u standardizzazzjoni, analiżi tas-suq, solveljanza tal-konformità u kontrolli oħra tas-suq, kif ukoll ħidma regolatorja li tinvolvi l-preparazzjoni u l-infurzar ta' leġislazzjoni sekondarja u deċiżjonijiet amministrattivi, bħal deċiżjonijiet dwar l-aċċess u l-interkonnessjoni; u

(b) jiġi mpost fuq impriżi ndividwali b'mod oġġettiv, trasparenti u proporzjonat li jimminimizza spejjeż amministrattivi addizzjonali u l-ħlasijiet li jġibu magħhom.

2.  Fejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jimponu ħlasijiet amministrattivi, għandhom jippublikaw rapport ta' kull sena ta' l-ispejjeż amministrattivi tagħhom u tas-somma totali ta' ħlasijiet miġbura. Fid-dawl tad-differenza bejn is-somma totali tal-ħlasijiet u l-ispejjeż amministrattivi, għandhom isiru l-aġġustamenti xierqa.

Artikolu 13

Tariffi għad-drittijiet ta' użu u drittijiet għall-installazzjoni ta' faċilitajiet

L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-awtorità relevanti li timponi tariffi għad-drittijiet ta' użu għall-frekwenzi tar-radju jew numri jew drittijiet li jiġu stallati faċilitajiet fi, minfuq jew taħt proprjetà pubblika jew privata li jirriflettu l-ħtieġa li jiġi żgurat l-aqwa użu ta' dawn ir-riżorsi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk it-tariffi għandhom ikunu oġġettivament ġustifikati, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonati b'relazzjoni ma' l-iskop maħsub tagħhom u għandhom jieħdu kont tal-miri f'Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru).

▼M1

Artikolu 14

Emendi tad-drittijiet u l-obbligi

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet, il-kondizzjonijiet u l-proċeduri li jikkonċernaw l-awtorizzazzjonijiet ġenerali u d-drittijet għall-użu jew id-drittijiet li jkunu installati l-faċilitajiet jistgħu jkunu emendati biss fil-każi li jkunu oġġettivament ġustifikati u b’mod proporzjonat, b’kont meħud, fejn adatt, tal-kondizzjonijiet speċifiċi li japplikaw għad-drittijiet trasferibbli ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju. Ħlief fejn l-emendi proposti huma minuri u ntlaħaq qbil dwarhom mad-detentur tad-drittijiet jew l-awtorizzazzjoni ġenerali, għandu jingħata avviż b’mod adatt tal-intenzjoni li se jsiru dawn l-emendi u l-partijiet konċernati, inklużi l-utenti u l-konsumaturi, għandu jingħatalhom perijodu biżżejjed ta’ żmien biex jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar l-emendi proposti, li dan m’għandux ikun inqas minn erba’ xhur ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali.

2.  L-Istati Membri m’għandhomx jillimitaw jew jirtiraw id-drittijiet li jkunu installati l-faċilitajiet jew id-drittijiet għall-użu tal-frekwenzi tar-radju qabel ma jagħlaq il-perijodu li għalih huma kienu ngħataw ħlief meta dan ikun iġġustifikat u jkun applikabbli b’konformità mal-Anness u mad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti dwar il-kumpens għall-irtirar tad-drittijiet.

▼B

Artikolu 15

Pubblikazzjoni ta' informazzjoni

▼M1

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti kollha dwar id-drittijiet, il-kundizzjonijiet, il-proċeduri, il-ħlasijiet, il-ħlas ta’ drittijiet u d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-awtorizzazzjonijiet ġenerali, id-drittijiet għall-użu u d-drittijiet li jkunu installati l-faċilitajiet tkun ippubblikata u miżmuma aġġornata b’mod xieraq sabiex huma jipprovdu aċċess faċli għal dik l-informazzjoni lill-partijiet konċernati kollha.

▼B

2.  Fejn l-informazzjoni kif imsemmija fil-paragrafu 1 hija miżmuma f'livelli differenti tal-gvern, b'mod partikolari nformazzjoni dwar il-proċeduri u l-kondizzjonijiet fuq drittijiet għall-installazzjoni ta' faċilitajiet, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tagħmel l-isforzi kollha raġonevoli, waqt li tieħu kont ta' l-ispejjeż involuti, biex toħloq sintesi faċli biex tiftiehem ta' dik l-informazzjoni kollha, nkluża nformazzjoni f'livelli differenti tal-gvern u l-awtoritajiet responsabbli, sabiex jiġu faċilitati l-applikazzjonijiet għad-drittijiet ta' l-installazzjoni ta' faċilitajiet.

Artikolu 16

Proċeduri ta' reviżjoni

Il-Kummissjoni għandha perjodikament tirrevedi l-funzjonament tas-sistemi nazzjonali ta' awtorizzazzjoni u l-iżvilupp tal-forniment ta' servizz transkonfini fil-Komunità u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-ewwel okkażżjoni mhux aktar tard minn tliet snin wara d-data ta' l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva msemmija f'Artikolu 18(1), it-tieni subparagrafu. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tista' titlob informazzjoni mill-Istati Membri, li għandha tiġi provduta mingħajr dewmien żejjed.

Artikolu 17

Awtorizzazzjonijiet eżistenti

▼M1

1.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9a tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas), l-awtorizzazzjonijiet ġenerali u d-drittijiet individwali ta’ użu li diġà jkunu eżistenti fil-31 ta’ Diċembru 2009 għandhom jinġiebu konformi mill-Istati Membri mal-Artikoli 5, 6, 7, u mal-Anness ta’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn 19 ta’ Diċembru 2011.

2.  Fejn l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 twassal għal tnaqqis fid-drittijiet jew estensjoni tal-awtorizzazzjonijiet ġenerali jew drittijiet individwali ta’ użu diġà eżistenti, l-Istati Membri jistgħu jestendu l-validità ta’ dawk l-awtorizzazzjonijiet jew drittijiet sat-30 ta’ Settembru 2012, sakemm id-drittijiet ta’ impriżi oħra skont il-liġi tal-Komunità ma jiġux affettwati bihom. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn l-estensjonijiet lill-Kummissjoni u jiddikjaraw ir-raġunijiet għalihom.

▼B

3.  Fejn l-Istat Membru konċernat jista' jagħti prova li l-abolizzjoni ta' kondizzjoni ta' awtorizzazzjoni fir-rigward ta' aċċess għal networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, li kienet fis-seħħ qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, toħloq diffikultajiet eċċessivi għal impriżi li jkunu bbenefikaw minn aċċess obbligatorju għal network ieħor, u fejn ma jkunx possibbli għal dawn l-impriżi li jinnegozjaw ftehim ġodda b'kondizzjonijiet kummerċjali raġonevoli qabel id-data ta' applikazzjoni msemmija f'Artikolu 18(1), it-tieni subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jitolbu prolongazzjoni temporanja tal-kondizzjoni/jiet relevanti. Dawk it-talbiet għandhom jiġu sottomessi sad-data ta' applikazzjoni msemmija f'Artikolu 18(1), it-tieni subparagrafu, l-aktar tard, u għandhom jispeċifikaw il-kondizzjoni/jiet u l-perjodu li għalihom il-prolongazzjoni temporanja qed tintalab.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummisjoni bir-raġunjiet għat-talba ta' dik il-prolongazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tikkonsidra dik it-talba waqt li tieħu kont tas-sitwazzjoni partikolari fl-Istat Membru u l-impriża/i konċernata/i, u l-ħtieġa li jiġi żgurat ambjent regolatorju koerenti f'livell tal-Komunità. Għandha tieħu deċiżjoni dwar jekk tilqax jew tiċħadx it-talba, u fejn tiddeċiedi li tilqa' t-talba, fuq il-kamp ta' appléikazzjoni u t-tul tal-prolongazzjoni li għandha tingħata. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika d-deċiżjoni tagħha lill-Istat Membru konċernat fi żmien sitt wara li tirċievi l-applikazzjoni għall-prolongazzjoni. Dawk id-deċiżjonijiet għandhom jiġu ppublikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 18

Transposizzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa' l-24 ta' Lulju 2003 l-aktar tard. Għandhom minnufih javżaw b'dan lill-Kummissjoni.

Għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-25 ta' Lulju 2003.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam regolat minn din id-Direttiva u ta' kull emenda sussegwenti għal dawk id-dispożizzjonijiet.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropew.

Artikolu 20

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




ANNESS

▼M1

Il-kundizzjonijiet elenkati f’dan l-Anness jipprovdu l-lista massima ta’ kundizzjonijiet li jistgħu jiżdiedu mal-awtorizzazzjonijiet ġenerali (il-Parti A), id-drittijiet għall-użu tal-frekwenzi tar-radju (il-Parti B) u d-drittijiet għall-użu tan-numri (il-Parti C) kif imsemmija fl-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 11(1)(a), fil-limiti permessi skont l-Artikoli 5, 6, 7, 8 u 9 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas).

▼B

A.   Kondizzjonijiet li jistgħu jiġi stipulati ma' awtorizzazzjoni ġenerali

1.

Kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-iffinanzjar ta' servizz universali b'konformità mad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva ta' Servizz Universali).

2.

Ħlasijiet amministrattivi skond Artikolu 12 ta' din id-Direttiva.

3.

Interoperabilità ta' servizzi u interkonnessjoni ta' networks b'konformità mad-Direttiva 2002/19/KE (Direttiva ta' Aċċess).

▼M1

4.

L-aċċessibilità mill-utenti aħħarija għan-numri mill-pjan nazzjonali għall-għoti tan-numri, numri mill-Ispazju Ewropew tan-Numerazzjoni Telefonika, n-Numri ta’ Telefonati Bla Ħlas Internazzjonali Universali u fejn, teknikament u ekonomikament fattibbli, minn pjani għall-għoti tan-numri ta’ Stati Membri oħrajn, u l-kondizzjonijiet f’konformità mad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva Servizz Universali).

▼B

5.

Ħtiġiet ambjentali u ta' l-ippjanar urban u rurali, kif ukoll ħtiġiet u kondizzjonijiet marbuta ma' l-għoti ta' aċċess għal u ma' l-użu ta' art pubblika jew privata u kondizzjonijiet marbuta mal-ko-lokazzjoni u qsim tal-faċilità b'konformità mad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva Kwadru) u nkluż, fejn japplika, kull garanzija finanzjarja jew teknika, meħtieġa biex tiġi żgurata l-esekuzzjoni xierqa ta' xogħlijiet ta' infrastruttura.

6.

Obbligi ta' trasmissjoni “must carry” b'konformità mad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva ta' Servizz Universali).

▼M1

7.

Id-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza speċifiċi għas-settur tal- komunikazzjoni elettronika konformi mad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) ( 8 ).

8.

Ir-regoli tal-protezzjoni tal-konsumatur speċifiċi għas-settur tal-komunikazzjoni elettronika, inklużi l-kundizzjonijiet konformi mad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva dwar is-Servizz Universali), u l-kundizzjonijiet dwar l-aċċessibilità għall-utenti b’diżabilità skont l-Artikolu 7 ta’ dik id-Direttiva.

▼B

9.

Restrizzjonijiet b'relazzjoni għall-trasmissjonijiet b'kontenut illegali, skond id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali ta' servizzi ta' soċjeta ta' l-informazzjoni, b'mod partikolari kummerċ elettroniku, fis-suq intern ( 9 ) u restrizzjonijiet b'relazzjoni mat-trasmissjoni ta' kontenut ta' ħsara skond Artikolu 2a(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE tat-3 ta' Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stipulati bil-liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar l-eżerċizzju ta' attivitajiet tax-xandir tat-televiżjoni ( 10 ).

10.

L-informazzjoni li għandha tiġi provduta taħt proċedura ta' notifikazzjoni skond Artikolu 3(3) ta' din id-Direttiva u għal għanijiet oħra kif inklużi f'Artikolu 11 ta' din id-Direttiva.

11.

Tippermetti l-interċettar legali mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali b'konformità mad- ►M1  Direttiva 2002/58/KE ◄ u d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' tagħrif personali u l-moviment liberu ta' dak it-tagħrif ( 11 ).

▼M1

11a.

Il-termini għall-użu tal-komunikazzjoni mill-awtoritajiet pubbliċi biex iwissu lill-pubbliku ġenerali b’theddid imminenti u biex itaffu l-konsegwenzi ta’ katastrofi serju.

▼M1

12.

It-termini ta’ użu waqt diżastri kbar jew emerġenzi nazzjonali biex jiġu żgurati komunikazzjonijiet bejn is-servizzi ta’ emerġenza u l-awtoritajiet.

▼B

13.

Miżuri rigward il-limitazzjoni ta' esponiment tal-pubbliku ġenerali għall-kampielettromanjetiċi kawżati minn networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi skond il-liġi tal-Komunità.

14.

Obbligi għal aċċess barra minn dawk previsti f'Artikolu 6(2) ta' din id-Direttiva li japplikaw għal impriżi li jfornu networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, f'konformità mad-Direttiva 2002/19/KE (Direttiva ta' Aċċess).

15.

Il-manutenzjoni ta' l-integrità ta' networks pubbliċi ta' komunikazzjonijiet skond id-Direttiva 2002/19/KE (Direttiva ta' Aċċess) u d-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva ta' Servizz Universali) inkluż b'kondizzjonijiet li jipprevjenu l-interferenza elettromanjetika bejn networks u/jew servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi skond id-Direttiva tal-Kunsill 89/336/KEE tat-3 ta' Mejju 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li jirrelataw mal-kompatibilità elettromanjetika ( 12 ).

▼M1

16.

Is-sigurtà ta’ netwerks pubbliċi kontra aċċess mhux awtorizzat skont id-Direttiva 2002/58/KE (Direttiva dwar il-Privatezza u l-komunikazzjoni elettronika).

▼B

17.

Kondizzjonijiet għall-użu ta' frekwenzi tar-radju, b'konformità ma' Artikolu 7(2) tad-Direttiva 1999/5/KE, fejn dak l-użu mhux magħmul suġġett għall-għoti ta' drittijiet individwali ta' użu skond Artikolu 5(1) ta' din id-Direttiva.

18.

Miżuri maħsuba biex jiżguraw konformità ma' l-istandards u/jew speċifikazzjonijiet imsemmija f'Artikolu 17 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru).

▼M1

19.

Obbligi ta’ trasparenza għall-fornituri ta’ netwerk ta’ komunikazzjonijiet pubbliku li jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi disponibbli għall-pubbliku sabiex tiġi żgurata konnettività end-to-end, f’konformità mal-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE, żvelar rigward kwalunkwe kundizzjoni li tillimita l-aċċess għal servizzi u/jew l-użu tagħhom u applikazzjonijiet fejn kundizzjonijiet bħal dawn huma permessi mill-Istati Membri f’konformità mal-liġi Komunitarja, u fejn meħtieġ u proporzjonat, aċċess minn awtoritajiet regolatorji nazzjonali għal informazzjoni bħal din meħtieġa biex jiġi vverifikat dan l-iżvelar.

▼B

B.   Kondizzjonijiet li jistgħu jiġu stipulati ma' drittijiet ta' użu għall-frekwenzi tar-radju

▼M1

1.

L-obbligu li jkun provdut servizz jew li tintuża tip ta’ teknoloġija li jkun ingħata għalihom id-dritt għall-użu tal-frekwenza, inklużi, meta jkun xieraq, ir-rekwiżiti tal-kopertura u ta’ kwalita’.

2.

L-użu effettiv u effiċjenti ta’ numri f’konformità mad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas).

▼B

3.

Il-kondizzjonijiet tekniċi u operattivi meħtieġa biex tiġi evitata nterferenza ta' ħsara u għall-limitazzjoni ta' esponiment tal-pubbliku ġenerali għall-kampi elettromanjetiċi, fejn dawk il-kondizzjonijiet huma differenti minn dawk inklużi fl-awtorizzazzjoni ġenerali.

4.

Id-dewmien massimu b'konformità ma' Artikolu 5 ta' din id-Direttiva, suġġett għal kull bidla fil-pjan ta' frekwenzi nazzjonali.

5.

It-trasferiment tad-drittijiet fuq l-inizjattiva tad-detentur tad-drittijiet u l-kondizzjonijiet għal dak it-trasferiment b'konformità mad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru).

6.

It-tariffi għall-użu skond Artikolu 13 ta' din id-Direttiva.

7.

Kull impenn li l-impriża li tikseb id-dritt ta' użu tkun għamlet fil-kors ta' proċedura ta' għażla kompetittiva jew komparattiva.

8.

L-obbligi taħt xi ftehim internazzjonali relevanti li jirrelataw ma' l-użu tal-frekwenzi.

▼M1

9.

L-obbligi speċifiċi għall-użu sperimentali tal-frekwenzi tar-radju.

▼B

Ċ.   Kondizzjonijiet li jistgħu jiġu stipulati mad-drittijiet ta' użu tan-numri

▼M1

1.

L-identifikazzjoni tas-servizzi li għalihom in-numri għandhom jintużaw, inkluża kull ħtieġa marbuta mal-forniment ta’ dak is-servizz u, sabiex jiġi evitat kull dubju, prinċipji ta’ tariffi u prezzijiet massimi li jistgħu japplikaw fis-serje ta’ numri speċifiċi bl-iskop li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumatur skont l-Artikolu 8(4)(b) tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas).

▼B

2.

L-użu effettiv u effiċjenti ta' numri b'konformità mad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru).

3.

Ħtiġiet għall-portabilità tan-numri b'konformità mad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva ta' Servizz Universali).

4.

Obbligu li jiġi provdut għall-abbonati ta' direttorji pubbliċi it-tafħrif għall-għanijiet ta' Artikoli 5 u 25 tad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva ta' Servizz Universali).

5.

Dewmien massimu b'konformità ma' Artikolu 5 ta' din id-Direttiva, suġġett għal kull bidla fil-pjan nazzjonali ta' innumerar.

6.

It-trasferiment tad-drittijiet fuq l-inizjattiva tad-detentur tad-drittijiet u l-kondizzjonijiet għal dak it-trasferiment b'konformità mad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru).

7.

It-tariffi għall-użu skond Artikolu 13 ta' din id-Direttiva.

8.

Kull impenn li l-intrapriża li tikseb id-dritt għall-użu tkun għamlet fil-kors ta' proċedura ta' għażla kompetittiva jew komparattiva.

9.

Obbligi taħt xi ftehim internazzjonali relevanti li jirrelataw ma' l-użu tan-numri.



( 1 ) ĠU Ċ 365 E, tad-19.12.2000, p. 230 u ĠU Ċ 270 E, tal-25.9.2001, p. 182.

( 2 ) ĠU Ċ 123, tal-25.4.2001, p. 55.

( 3 ) Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-1 ta' 2001 (ĠU Ċ 277, ta' l-1.10.2001, p. 116), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-17 ta' Settembru 2001 (ĠU Ċ 337, tat-30.11.2001, p. 18) u Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2001 (għada mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l-14 ta' Frar 2002.

( 4 ) ĠU L 91, 07.4.1999, p. 10.

( 5 ) ĠU L 320, tat-28.11.1998, p. 54.

( 6 ) Ara paġna 7 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

( 7 ) Ara paġna 51 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

( 8 ) ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.

( 9 ) ĠU L 178, tas-17.7.2000, p. 1.

( 10 ) ĠU L 298, tas-17.10.1989, p. 23. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 202, tat-30.7.1997, p. 60).

( 11 ) ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31.

( 12 ) ĠU L 139, tat-23.5.1989, p. 19. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 93/68/KEE (ĠU L 220, tat-30.8.1993, p. 1).