02002F0584 — MT — 28.03.2009 — 001.011


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

▼C1

DEĊIŻJONI KWADRU TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Ġunju 2002

dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri

(2002/584/ĠAI)

▼B

(ĠU L 190 18.7.2002, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DEĊIŻJONI QAFAS TAL-KUNSILL 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009

  L 81

24

27.3.2009


Ikkoreġut bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 017, 22.1.2009, p.  45 (2002/584/JHA)




▼B

▼C1

DEĊIŻJONI KWADRU TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Ġunju 2002

dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri

(2002/584/ĠAI)



KAPITOLU 1

PRINĊIPJI ĠENERALI

Artikolu 1

Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi esegwit

1.  
Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.
2.  
L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.
3.  
Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew

1.  
Mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jinħareġ għal atti li huma punibbli mil-liġi ta’ l-Istat Membru emittenti b'piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perijodu massimu ta’ mill-inqas 12-il xahar jew, fejn ingħatat sentenza jew ġiet magħmula ordni ta’ detenzjoni, għal sentenzi ta’ mill-inqas erba’ xhur.
2.  

Ir-reati li ġejjin, jekk huma punibbli fl-Istat Membru emittenti b'piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perijodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin u kif inhuma definiti mil-liġi ta’ l-Istat Membru emittenti, għandhom, skond it-termini ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru u mingħajr verifika tal-kriminalità doppja ta’ l-att, iwasslu għall-konsenja skond mandat ta’ arrest Ewropew:

— 
parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali,
— 
terroriżmu,
— 
traffikar ta’ bnedmin,
— 
sfruttament sesswali ta’ tfal u pornografija tat-tfal,
— 
traffikar illeċitu fi drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi,
— 
traffikar illeċitu f’armi, munizzjon u splussivi,
— 
korruzzjoni,
— 
frodi, inkluż dak li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej fit-tifsira tal-Konvenzjoni tas-26 ta’ Lulju 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej,
— 
laundering ta’ flus li ġejjin minn reati,
— 
falsifikar ta’ muniti, inkluża l-euro,
— 
reati konnessi ma' l-informatika,
— 
reati ambjentali, inkluż it-traffikar illeċitu fi speċi ta’ annimali li huma fil-perikolu li jinqerdu u fi speċi u varjietajiet ta’ pjanti li huma fil-perikolu li jinqerdu,
— 
faċilitazzjoni ta’ dħul u residenza mhux awtorizzati,
— 
qtil, offiżi gravi fuq il-persuna,
— 
kummerċ illeċitu f’organi u tessuti umani,
— 
ħtif tan-nies, restrizzjoni illegali u ħtif ta’ ostaġġi,
— 
razziżmu u ksenofobija,
— 
serq organizzat jew bl-użu ta’ armi,
— 
traffikar illeċitu f’beni kulturali, inklużi antikitajiet u xogħlijiet ta’ l-arti,
— 
frodi,
— 
intrigi ta’ qerq u estorsjoni,
— 
falsifikazzjoni u piraterija ta’ prodotti,
— 
falsifikazzjoni ta’ dokumenti amministrattivi u traffikar tagħhom,
— 
falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ pagament,
— 
traffikar illeċitu f'sustanzi ormonali u affarijiet oħra li jippromovu l-iżvilupp,
— 
traffikar illeċitu f’materjali nukleari jew radjoattivi,
— 
traffikar f’vetturi misruqa,
— 
stupru,
— 
ħruq volontarju,
— 
reati li huma fil-kompetenza tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,
— 
qbid illegali ta’ inġenji ta’ l-ajru/bastimenti,
— 
sabotaġġ.
3.  
Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi fi kwalunkwe ħin, waqt li jaġixxi unanimament wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 39(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li jżid kategoriji oħra ta’ reati mal-lista li tinsab fil-paragrafu 2. Il-Kunsill għandu jeżamina, fid-dawl tar-rapport ippreżentat mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 34(3), jekk il-lista għandhiex tiġi estiża jew emendata.
4.  
Għal reati barra minn dawk koperti mill-paragrafu 2, il-konsenja tista’ tkun soġġetta għall-kondizzjoni li l-atti li għalihom inħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew jikkostitwixxu reat taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni, irrespettivament mill-elementi kostitwenti jew ta’ kif inhu deskritt.

Artikolu 3

Raġunijiet għan-non-esekuzzjoni obbligatorja biex ma jiġix esegwit mandat ta’ arrest Ewropew

L-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni (minn hawn ‘il quddiem “l-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni”) għandha tiċħad li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew fil-każijiet li ġejjin:

1. 

jekk ir-reat li fuqu hu bbażat il-mandat ta’ arrest hu kopert minn amnestija fl-Istat Membru ta' esekuzzjoni, fejn dak l-Istat kellu ġurisdizzjoni biex jieħu azzjoni kriminali kontra r-reat skond il-liġi kriminali tiegħu;

2. 

jekk l-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni hi infurmata li l-persuna rikjesta ġiet finalment ġudikata minn Stat Membru fir-rigward ta’ l-istess atti bil-kondizzjoni li, fejn kien hemm sentenza, is-sentenza ingħatat jew qed tingħata attwalment jew ma tistax tiġi esegwita iżjed taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru li ta s-sentenza;

3. 

jekk il-persuna li hi s-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew ma tistax, minħabba fl-età tagħha, tinsab kriminalment responsabbli għall-atti li fuqhom hu bbażat il-mandat ta’ arrest skond il-liġi ta’ l-Istat ta' esekuzzjoni.

Artikolu 4

Raġunijiet għan-nuqqas ta' esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew

L-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew:

1. 

jekk, f’wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 2(4), l-att li fuqu hu bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jikkostitwix reat skond il-liġi ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni; madankollu, fir-rigward ta’ taxxi jew dazji, regoli doganali u ta' kambju, l-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew m’għandux ikun rrifjutat għar-raġuni li l-liġi ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni ma timponix l-istess tip ta' taxxa jew dazju jew ma fihiex l-istess tip ta’ regoli fir-rigward ta’ taxxi, dazji u regoli doganali u ta' kambju bħal-liġi ta’ l-Istat Membru li joħroġ il-mandat;

2. 

fejn il-persuna li hi s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew qed tiġi pproċessata fl-Istat Membru ta' esekuzzjoni għall-istess att bħal dak li fuqu hu bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew;

3. 

fejn l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni ddeċidew jew li ma jieħdux azzjoni kriminali għar-reat li fuqu hu bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew jew li jwaqqfu l-proċedimenti, jew fejn sentenza finali inatat lill-persuna rikjesta fi Stat Membru, fir-rigward ta’ l-istess atti, li ma tħalliex li jsiru proċedimenti oħra;

4. 

fejn il-prosekuzzjoni kriminali jew il-piena tal-persuna rikjesta hi preskritta skond il-liġi ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni u l-atti jaqaw fil-ġurisdizzjoni ta’ dak l-Istat Membru skond il-liġi kriminali tiegħu stess;

5. 

jekk l-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni hi infurmata li l-persuna rikjesta ġiet iġġudikata finalment minn Stat terz fir-rigward ta’ l-istess atti bil-kondizzjoni li, fejn kien hemm sentenza, is-sentenza ġiet skontata jew bħalissa qed tiġi skontata jew ma tistax tiġi esegwita iżjed taħt il-liġi tal-pajjiż li ta s-sentenza;

6. 

jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew ġie maħruġ għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni, fejn il-persuna rikjesta qed toqgħod fi, jew hi ċittadina jew residenta ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni u dak l-Istat jintrabat li jesegwixxi l-piena jew l-ordni ta’ detenzjoni skond il-liġi domestika tiegħu;

7. 

fejn il-mandat ta’ arrest Ewropew jirrigwarda reati li:

(a) 

huma kkunsidrati mil-liġi ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni bħala li ġew imwettqin interament jew f'parti fit-territorju ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni jew f’post trattat bħala tali; jew

(b) 

ġew imwettqin barra mit-territorju ta’ l-Istat Membru emittenti u l-liġi ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni ma jippermettix li tittieħed azzjoni kriminali għall-istess reati mwettqin barra mit-territorju tiegħu.

▼M1

Artikolu 4a

Deċiżjonijiet mogħtija wara kawża li fiha l-persuna ma dehritx personalment

1.  

L-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tista’ wkoll tiċħad l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet li tiġi eżegwita sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni jekk il-persuna ma dehritx personalment fil-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni, sakemm il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jiddikjarax li l-persuna, skond ħtiġiet proċedurali ulterjuri definiti fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru emittenti:

(a) 

fi żmien debitu

(i) 

jew kienet ikkonvokata personalment u għaldaqstant infurmata bid-data u l-post skedati li rriżultaw fid-deċiżjoni, jew b’mezzi oħra fil-fatt irċeviet informazzjoni uffiċjali tad-data u l-post skedati ta’ dik il-kawża b’tali mod li ġie stabbilit inekwivokabbilment li hija kienet konxja mill-kawża skedata;

u

(ii) 

kienet infurmata li tista’ tingħata deċiżjoni jekk hija ma tidhirx għall-kawża;

jew

(b) 

konxja mill-kawża skedata, kienet tat mandat lil konsulent legali, li kien jew appuntat mill-persuna konċernata jew mill-Istat, biex jiddefendiha fil-kawża, u kienet fil-fatt ġiet difiża minn dak il-konsulent fil-kawża;

jew

(ċ) 

wara li kienet innotifikata bid-deċiżjoni u kienet infurmata espressament dwar id-dritt għal kawża mill-ġdid, jew appell, li fihom il-persuna għandha d-dritt li tipparteċipa u li jippermetti li jiġu eżaminati mill-ġdid il-merti tal-każ, inkluż evidenza ġdida, u li jistgħu jwasslu biex tinbidel id-deċiżjoni oriġinali:

(i) 

iddikjarat espressament li huwa jew hija ma tikkontestax id-deċiżjoni;

jew

(ii) 

ma talbitx kawża mill-ġdid jew appell fil-perijodu ta’ żmien applikabbli;

jew

(d) 

ma kinitx notifikata personalment bid-deċiżjoni iżda:

(i) 

ser tkun innotifikata personalment biha mingħajr dewmien wara ċ-ċediment u ser tkun infurmata espressament dwar id-dritt tiegħu jew tagħha għal kawża mill-ġdid, jew appell, li fihom il-persuna għandha d-dritt li tipparteċipa u li jippermettu li jiġu eżaminati mill-ġdid il-merti tal-każ, inkluż evidenza ġdida, u li jistgħu jwasslu biex tinbidel id-deċiżjoni oriġinali;

u

(ii) 

ser tkun infurmata bil-perijodu taż-żmien li fih hija għandha titlob din il-kawża mill-ġdid jew l-appell, kif imsemmi fil-mandat ta’ arrest Ewropew rilevanti.

2.  
F’każ li l-mandat ta’ arrest Ewropew jinħareġ għall-fini tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni taħt il-kondizzjonijiet tal-paragrafu (1)(d) u l-persuna konċernata ma tkunx irċeviet minn qabel xi informazzjoni uffiċjali dwar l-eżistenza tal-proċedimenti kriminali kontriha, huwa jew hija tista’, meta tiġi infurmata bil-kontenut tal-mandat ta’ arrest Ewropew, titlob biex tirċievi kopja tas-sentenza qabel ma tiġi kkonsenjata. Minnufih wara li tkun ġiet infurmata bit-talba, l-awtorità emittenti għandha tipprovdi lill-persuna rikjesta l-kopja tas-sentenza permezz tal-awtorità tal-eżekuzzjoni. It-talba tal-persuna rikjesta m’għandha la ddewwem il-proċedura ta’ ċediment u lanqas iddewwem id-deċiżjoni li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew. Il-forniment tas-sentenza lill-persuna konċernata hu għal finijiet biss ta’ informazzjoni; la għandu jitqies bħala notifika formali tas-sentenza u lanqas ma jistabbilixxi xi limiti ta’ żmien applikabbli biex jintalab proċess ġdid jew appell.
3.  
F’każ li persuna tiġi kkonsenjata skond il-kondizzjonijiet tal-paragrafu (1)(d) u huwa jew hija tkun talbet għal proċess ġdid jew appell, id-detenzjoni ta’ dik il-persuna li tkun qed tistenna dan il-proċess ġdid jew l-appell għandha, sakemm jintemmu dawn il-proċedimenti, tiġi riveduta skond il-liġi tal-Istat Membru emittenti, fuq bażi regolari jew fuq talba tal-persuna konċernata. Reviżjoni bħal din għandha b’mod partikolari tinkludi l-possibbiltà tas-sospensjoni jew l-interruzzjoni tad-detenzjoni. Il-proċess ġdid jew l-appell għandu jibda fi żmien dovut wara ċ-ċediment.

▼C1

Artikolu 5

Garanziji li għandhom jingħataw mill-Istat Membru f’każijiet partikolari

L-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew mill-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni tista’, mil-liġi ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni, tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

▼M1 —————

▼C1

2. 

jekk ir-reat li abbażi tiegħu nħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew huwa punibbli b'piena ta’ kustodja għal għomorha jew ordni ta’ detenzjoni għal għomorha, l-esekuzzjoni ta' dan il-mandat ta’ arrest tista’ tkun soġġetta għall-kondizzjoni li l-Istat Membru emittenti jkollu dispożizzjonijiet fis-sistema legali tiegħu għal reviżjoni tal-piena jew tal-miżura imposta, fuq talba jew l-aktar tard wara 20 sena, jew għall-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ klemenza li għalihom il-persuna hi intitolata li tapplika taħt il-liġi jew prattika ta’ l-Istat Membru emittenti, bl-iskop li ma tiġix esegwita din il-piena jew il-miżura;

3. 

fejn persuna li hi s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ azzjoni kriminali hi ċittadina jew residenta ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni, il-konsenja tista’ tkun soġġetta għall-kondizzjoni li l-persuna, wara li tkun instemat, tiġi ritornata lill-Istat Membru ta' esekuzzjoni sabiex tiskonta hemmhekk il-piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni mogħtija lilha fl-Istat Membru emittenti.

Artikolu 6

Determinazzjoni ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti

1.  
L-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru emittenti li hi kompetenti biex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.
2.  
L-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni li hi kompetenti biex tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.
3.  
Kull Stat Membru għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bl-awtorità ġudizzjarja kompetenti taħt il-liġi tiegħu.

Artikolu 7

Rikors lill-awtorità ċentrali

1.  
Kull Stat Membru jista’ jinnomina awtorità ċentrali jew, meta s-sistema legali tiegħu hekk tipprovdi, aktar minn awtorità ċentrali waħda biex tassisti lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.
2.  
Stat Membru jista’, jekk ikun meħtieġ bħala riżultat ta’ l-organizazzjoni tas-sistema ġudizzjarja interna tiegħu, jagħmel l-awtorità(jiet) ċentrali tiegħu responsabbli għat-trasmissjoni amministrattiva u l-wasla ta’ mandati ta’ arrest Ewropej kif ukoll għall-korrispondenza uffiċjali oħra kollha konnessa miegħu.

Stat Membru li jixtieq jagħmel użu mill-possibiltajiet imsemmija f’dan l-Artikolu għandu jikkomunika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill informazzjoni konnessa ma’ l-awtorità ċentrali nominata jew l-awtoritajiet ċentrali nnominati. Dawn l-indikazzjonijiet għandhom ikunu vinkolanti għall-awtoritajiet kollha ta’ l-Istat Membru emittenti.

Artikolu 8

Kontenut u forma tal-mandat ta’ arrest Ewropew

1.  

Il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja stabbilita skond il-formola li tinsab fl-Anness:

(a) 

l-identità u n-nazzjonalità tal-persuna rikjesta;

(b) 

l-isem, l-indirizz, in-numri tat-telefon u l-fax u l-indirizz tal-posta elettronika ta’ l-awtorità ġudizzjarja emittenti;

(c) 

l-indikazzjoni ta' l-eżistenza ta’ sentenza esegwibbli, mandat ta’ arrest jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja esegwibbli oħra li jkollhom l-istess effett, li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta’ l-Artikoli 1 u 2;

(d) 

in-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat, b'mod partikolari fir-rigward ta’ l-Artikolu 2;

(e) 

deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi li fihom twettaq ir-reat, inkluż il-ħin, il-post u l-grad ta’ parteċipazzjoni fir-reat mill-persuna rikjesta;

(f) 

il-piena imposta, jekk hemm sentenza finali, jew l-iskala ta’ pieni stabbilita għar-reat skond il-liġi ta’ l-Istat Membru emittenti;

(g) 

jekk possibbli, konsegwenzi oħra tar-reat.

2.  
Il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jiġi tradott fil-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni. Kwalunkwe Stat Membru jista’, meta din id-Deċiżjoni Kwadru tiġi adottata jew f’data aktar tard, jiddikjara f’dikjarazzjoni depositata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li hu ser jaċċetta traduzzjoni f'waħda jew aktar mil-lingwi uffiċjali oħra ta’ l-Istituzzjonijiet tal-Kommunitajiet Ewropej.



KAPITOLU 2

PROĊEDURA TA’ KONSENJA

Artikolu 9

Trasmissjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew

1.  
Fejn il-post fejn tinsab il-persuna rikjesta hu magħruf, l-awtorità ġudizzjarja emittenti tista’ tittrasmetti l-mandat ta’ arrest Ewropew direttament lill-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni.
2.  
L-awtorità ġudizzjarja emittenti tista’, fi kwalunkwe każ, tiddeċiedi li toħroġ twissija għall-persuna rikjesta fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS).
3.  
Tali twissija għandha ssir skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 95 tal-Konvenzjoni tad-19 ta’ Ġunju 1990 li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta’ l-14 ta’ Ġunju 1985 dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni. Twissija fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen għandha tkun ekwivalenti għal mandat ta’ arrest Ewropew akkompanjat bl-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 8(1).

Għal perjodu transitorju, sakemm is-SIS tkun kapaċi titrasmetti l-informazzjoni kollha deskritta fl-Artikolu 8, it-twissija għandha tkun ekwivalenti għal mandat ta’ arrest Ewropew sakemm tasal għand l-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni l-oriġinali fil-forma debita.

Artikolu 10

Proċeduri dettaljati għat-trasmissjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew

1.  
Jekk l-awtorità ġudizzjarja emittenti ma tafx liema hi l-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni kompetenti, għandha tagħmel l-inkjesti meħtieġa, inkluż permezz ta’ punti ta’ kuntatt tan-Network Ġudizzjarju Ewropew ( 1 ), sabiex tikseb dik l-informazzjoni mill-Istat Membru ta' esekuzzjoni.
2.  
Jekk l-awtorità ġudizzjarja emittenti hekk tixtieq, it-trasmissjoni tista’ ssir permezz tas-sistema ta’ telekomunikazzjonijiet protetta tan-Network Ġudizzjarju Ewropew.
3.  
Jekk mhuwiex possibbli li s-servizzi tas-SIS jiġu msejħa, l-awtorità ġudizzjarja emittenti tista’ ssejjaħ lill-Interpol biex jittrasmetti mandat ta’ arrest Ewropew.
4.  
L-awtorità ġudizzjarja emittenti tista’ titrasmetti l-mandat ta’ arrest Ewropew permezz ta’ kwalunkwe mezz protett li jista' jipproduċi rekords bil-miktub taħt kondizzjonijiet li jippermettu lill-Istat Membru ta' esekuzzjoni li jistabbilixxi l-awtenitiċità tiegħu.
5.  
Id-diffikultajiet kollha dwar it-trasmissjoni jew l-awtentiċità ta’ kwalunkwe dokument meħtieġ għall-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandhom jiġu trattati b'kuntatti diretti bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji involuti, jew, fejn adatt, bl-involviment ta’ l-awtoritajiet ċentrali ta’ l-Istati Membri.
6.  
Jekk l-awtorità li tirċievi mandat ta’ arrest Ewropew mhijiex kompetenti biex taġixxi fuqu, għandha awtomatikament titrasmetti l-mandat ta’ arrest Ewropew lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru tagħha u għandha tinforma lill-awtorità ġudizzjarja emittenti kif meħtieġ.

Artikolu 11

Drittijiet ta’ persuna rikjesta

1.  
Meta persuna rikjesta tiġi arrestata, l-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni kompetenti għandha, skond il-liġi nazzjonali tagħha, tinforma lil dik il-persuna bil-mandat ta’ arrest Ewropew u bil-kontenut tiegħu, u wkoll bil-possibbiltà li tagħti l-kunsens għall-konsenja lill-awtorità ġudizzjarja emittenti.
2.  
Persuna rikjesta li tiġi arrestata għall-fini ta’ l-esekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkollha d-dritt li tkun assistita minn avukat u minn interpretu skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni.

Artikolu 12

Iż-żamma tal-persuna f'detenzjoni

Meta persuna tiġi arrestata abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar jekk il-persuna rikjesta għandhiex tibqa’ f'detenzjoni, skond il-liġi ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni. Il-persuna tista’ tiġi meħlusa proviżorjament fi kwalunkwe ħin f'konformità mal-liġi domestika ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni, bil-kondizzjoni li l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru tieħu l-miżuri kollha li tikkunsidra meħtieġa biex tippreveni li l-persuna taħrab.

Artikolu 13

Kunsens għall-konsenja

1.  
Jekk il-persuna arrestata tindika li tagħti l-kunsens tagħha għall-konsenja, dak il-kunsens u, jekk adatt, rinunzja espressa għall-benefiċċju tar-“regola ta’ l-ispeċjalità”, imsemmija fl-Artikolu 27(2), għandhom jingħataw quddiem l-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni, skond il-liġi domestika ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni.
2.  
Kull Stat Membru għandu jadotta l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-kunsens u, fejn adatt, ir-rinunzja, kif imsemmija fil-paragrafu 1, ikunu stabbiliti b’tali mod li juri li l-persuna kkonċernata tathom volontarjament u f’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi. Għal dak il-għan, il-persuna rikjesta għandu jkollha d-dritt għal avukat.
3.  
Il-kunsens u, fejn adatt, ir-rinunzja, kif imsemmija fil-paragrafu 1, għandhom ikunu rreġistrati formalment skond il-proċedura stabbilita mil-liġi domestika ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni.
4.  
Fil-prinċipju, il-kunsens ma jistax jiġi rrevokat. Kull Stat Membru jista’ jipprevedi li l-kunsens u, jekk adatt, ir-renunzja jistgħu jiġu rrevokati, skond ir-regoli applikabbli taħt il-liġi domestika tiegħu. F’dan il-każ, il-perjodu bejn id-data tal-kunsens u dik tar-revoka tiegħu m’għandux jiġi kkunsidrat fl-istabbiliment tal-limiti ta' żmien stabbiliti fl-Artikolu 17. Stat Membru li jixtieq li jkollu rikors għal din il-possibbiltà għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill kif meħtieġ meta din id-Deċiżjoni Kwadru tiġi adottata u għandu jispeċifika l-proċeduri li permezz tagħhom għandha tkun possibbli r-revoka tal-kunsens u kwalunkwe emenda għalihom.

Artikolu 14

Smigħ tal-persuna rikjesta

Fejn il-persuna arrestata ma tagħtix kunsens għall-konsenja tagħha kif imsemmi fl-Artikolu 13, hija għandha tkun intitolata li tinstema’ mill-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni, skond il-liġi ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni.

Artikolu 15

Deċiżjoni dwar il-konsenja

1.  
L-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni għandha tiddeċiedi, fil-limiti ta' żmien u taħt il-kondizzjonijiet definiti f’din id-Deċiżjoni Kwadru, jekk il-persuna għandhiex tiġi kkonsenjata.
2.  
Jekk l-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni ssib li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru emittenti mhijiex suffiċjenti biex tiddeċiedi dwar il-konsenja, għandha titlob li l-informazzjoni supplementarja meħtieġa, b'mod partikolari fir-rigward ta’ l-Artikoli 3 sa 5 u l-Artikolu 8, tiġi mogħtija bħala kwistjoni ta’ urġenza u tista’ tistabbilixxi limitu ta' żmien għall-wasla tagħha, waqt li tittieħed f'konsiderazzjoni l-ħtieġa li jkunu mħarsin il-limiti ta' żmien stabbiliti fl-Artikolu 17.
3.  
L-awtorità ġudizzjarja emittenti tista’ fi kwalunkwe ħin titrasmetti kwalunkwe informazzjoni utli addizjonali lill-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni.

Artikolu 16

Deċiżjoni fil-każ ta’ iżjed minn talba waħda

1.  
Jekk żewġ Stati Membri jew aktar ħarġu mandati ta’ arrest Ewropej għall-istess persuna, id-deċiżjoni dwar liema mill-mandati ta’ arrest Ewropej għandhom jiġu esegwiti għandha tittieħed mill-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni b’konsiderazzjoni debita taċ-ċirkostanzi kollha u speċjalment is-serjetà relativa u l-post tar-reati, id-dati rispettivi tal-mandati ta’ arrest Ewropej u jekk il-mandat inħariġx għall-finijiet tat-teħid ta' azzjoni kriminali jew għall-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.
2.  
L-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni tista’ titlob il-parir ta’ l-Eurojust ( 2 ) biex tieħu d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1.
3.  
Fil-każ ta’ kunflitt bejn mandat ta’ arrest Ewropew u talba għall-estradizzjoni ppreżentata minn pajjiż terz, id-deċiżjoni dwar jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew jew it-talba għall-estradizzjoni jieħdux preċedenza għandha tittieħed mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni b’konsiderazzjoni debita taċ-ċirkostanzi kollha, b'mod partikolari dawk imsemmija fil-paragrafu 1 u dawk imsemmija fil-konvenzjoni applikabbli.
4.  
Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ l-Istati Membri taħt l-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali.

Artikolu 17

Limiti ta' żmien u proċeduri għad-deċiżjoni ta' l-esekuzzjoni ta' mandat ta’ arrest Ewropew

1.  
Mandat ta’ arrest Ewropew għandu jiġi ttrattat u esegwit b’urġenza.
2.  
F’każijiet fejn il-persuna rikjesta tagħti l-kunsens għall-konsenja tagħha, id-deċiżjoni finali dwar l-esekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandha tittieħed f’perjodu ta’ 10 ijiem mill-għoti tal-kunsens.
3.  
F’kazijiet oħra, id-deċiżjoni finali dwar l-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandha tittieħed f’perjodu ta’ 60 jum wara l-arrest tal-persuna rikjesta.
4.  
Fejn f’każijiet speċifiċi l-mandat ta’ arrest Ewropew ma jistax jiġi esegwit fil-limiti ta' żmien stabbiliti fil-paragrafi 2 jew 3, l-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni għandha tinforma immedjatament lill-awtorità ġudizzjarja emittenti b'dan, u tagħti r-raġunijiet għad-dewmien. F’dan il-każ, il-limiti ta' żmien jistgħu jiġu estiżi b’ 30 jum ieħor.
5.  
Sakemm l-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni finali dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew, hija għandha tiżgura li l-kondizzjonijiet materjali meħtieġa għall-konsenja effettiva tal-persuna jibqgħu sodisfatti.
6.  
Għandhom jingħataw raġunijiet għal kwalunkwe ċaħda għall-esekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.
7.  
Fejn f’ċirkostanzi eċċezzjonali Stat Membru ma jistax iħares il-limiti ta' żmien previsti f’dan l-Artikolu, huwa għandu jinforma lill-Eurojust, waqt li jagħti r-raġunijiet għad-dewmien. Barra dan, Stat Membru li esperjenza dewmien ripetut min-naħa ta’ Stat Membru ieħor fl-esekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest Ewropej għandu jinforma lill-Kunsill bil-għan li tiġi evalwata l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru fil-livell ta’ l-Istati Membri.

Artikolu 18

Sitwazzjoni sakemm tittieħed id-deċiżjoni

1.  

Fejn il-mandat ta’ arrest Ewropew inħareġ għall-fini tat-tmexxija ta’ proċedimenti kriminali, l-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni għandha:

(a) 

jew taqbel li l-persuna rikjesta għandha tinstema’ skond l-Artikolu 19;

(b) 

jew taqbel għat-trasferiment temporanju tal-persuna rikjesta.

2.  
Il-kondizzjonijiet u t-tul tat-trasferiment temporanju għandhom ikunu stabbiliti bi ftehim reċiproku bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti u dawk ta' esekuzzjoni.
3.  
Fil-każ ta’ trasferiment temporanju, il-persuna għandha tkun tista’ tirritorna lejn l-Istat Membru ta' esekuzzjoni sabiex tattendi smigħ dwarha bħala parti mill-proċedura ta’ konsenja.

Artikolu 19

Smigħ tal-persuna sakemm tittieħed id-deċiżjoni

1.  
Il-persuna rikjesta għandha tinstema’ minn awtorità ġudizzjarja, assistita minn persuna oħra nominata skond il-liġi ta’ l-Istat Membru tal-qorti rikjedenti.
2.  
Il-persuna rikjesta għandha tinstema’ skond il-liġi ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni u bil-kondizzjonijiet stabbiliti bi ftehim reċiproku bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti u dawk ta' esekuzzjoni.
3.  
L-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni kompetenti tista’ tinkariga awtorità ġudizzjarja oħra ta’ l-Istat Membru tagħha biex tieħu sehem fis-smigħ tal-persuna rikjesta sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni adatta ta’ dan l-Artikolu u tal-kondizzjonijiet stabbiliti.

Artikolu 20

Privileġġi u immunitajiet

1.  
Fejn il-persuna rikjesta tgawdi minn privileġġ jew immunità fir-rigward ta’ ġurisdizzjoni jew esekuzzjoni fl-Istat Membru ta' esekuzzjoni, il-limiti ta' żmien imsemmija fl-Artikolu 17 għandhom jibdew jiddekorru biss jekk, u mill-jum meta, l-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni tiġi infurmata bil-fatt li l-privileġġ jew l-immunità ġew rinunzjati.

L-Istat Membru ta' esekuzzjoni għandu jiżgura li l-kondizzjonijiet materjali meħtieġa għall-konsenja effettiva huma sodisfatti meta l-persuna ma tibqax tgawdi minn dan il-privileġġ jew l-immunità.

2.  
Fejn il-poter li jiġu rinunzjati l-privileġġ jew l-immunità huwa ta' awtorità ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni, l-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni għandha titolbu jeserċita dak il-poter minnufih. Fejn il-poter li jiġu rinunzjati l-privileġġ jew l-immunità huwa ta’ awtorità ta’ Stat ieħor jew organizzazzjoni internazzjonali, għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja emittenti li titolbu jeserċita dak il-poter.

Artikolu 21

Kunflitt ta' obbligi internazzjonali

Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex tkun ta’ preġudizzju għall-obbligi ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni fejn il-persuna rikjesta ġiet estradita lejn dak l-Istat Membru minn Pajjiż terz u fejn dik il-persuna hi protetta minn dispożizzjonijiet ta’ l-arranġament dwar l-ispeċjalità skond liema l-persuna kienet estradita. L-Istat Membru ta' esekuzzjoni għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa għat-talba minnufih tal-kunsens ta’ l-Istat li minnu ġiet estradita l-persuna rikjesta biex il-persuna tista’ tiġi konsenjata lill-Istat Membru li ħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew. Il-limiti ta' żmien imsemmija fl-Artikolu 17 m’għandhomx jibdew jiddekorru sal-jum li fiha ma jibqgħux japplikaw dawn ir-regoli ta’ l-ispeċjalità. Sakemm tittieħed id-deċiżjoni ta’ l-Istat li minnu kienet estradita l-persuna rikjesta, l-Istat Membru ta' esekuzzjoni jiżgura li l-kondizzjonijiet materjali meħtieġa għall-konsenja effettiva jibqaw sodisfatti.

Artikolu 22

Notifika tad-deċiżjoni

L-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni għandha tinnotifika immedjatament lill-awtorità ġudizzjarja emittenti bid-deċiżjoni dwar l-azzjoni li għandha tittieħed dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew.

Artikolu 23

Limiti ta' żmien għall-konsenja tal-persuna

1.  
Il-persuna rikjesta għandha tiġi konsenjata malajr kemm jista' jkun f’data miftehma bejn l-awtoritajiet ikkonċernati.
2.  
Il-persuna għandha tiġi konsenjata mhux aktar tard minn 10 ijiem wara d-deċiżjoni finali dwar l-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew.
3.  
Jekk il-konsenja tal-persuna rikjesta fil-perjodu stabbilit fil-paragrafu 2 ma tħallietx minħabba ċirkostanzi li mhumiex fil-kontroll ta’ l-ebda mill-Istati Membri, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta' esekuzzjoni u dawk emittenti għandhom jagħmlu immedjatament kuntatt ma’ xulxin u jiftehmu dwar data ta’ konsenja ġdida. F’dak il-każ, il-konsenja għandha ssir fi żmien 10 ijiem mid-data l-ġdida hekk miftehma.
4.  
Il-konsenja tista’ eċċezzjonalment tiġi posposta temporanjament għal raġunijiet umanitarji serji, per eżempju jekk hemm raġunijiet sostanzjali biex jitwemmen li dan ipoġġi manifestament f'perikolu l-ħajja jew is-saħħa tal-persuna rikjesta. L-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandha sseħħ malli dawn ir-raġunijiet ma jibqgħux jezistu. L-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni għandha tinforma immedjatament lill-awtorità ġudizzjarja emittenti u tiftiehem fuq data ta’ konsenja ġdida. F’dak il-każ, il-konsenja għandha seħħ fi żmien 10 ijiem mid-data l-ġdida hekk miftiehma.
5.  
Ma' l-iskadenza tal-limiti ta' żmien imsemmija fil-paragrafi 2 sa 4, jekk il-persuna għadha qed tinżamm f'kustodja hija għandha tinħeles.

Artikolu 24

Konsenja posposta jew kondizzjonali

1.  
L-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni tista’, wara li tiddeċiedi li tesegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew, tipposponi l-konsenja tal-persuna rikjesta biex il-persuna tkun tista’ tiġi pproċessata fl-Istat Membru ta' esekuzzjoni jew, jekk hi diġà ġiet mogħtija sentenza, sabiex tkun tista’ tiskonta, fit-territorju tagħha, sentenza mogħtija għal att minbarra dak imsemmi fil-mandat ta’ arrest Ewropew.
2.  
Minflok tipposponi l-konsenja, l-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni tista’ tikkonsenja temporanjament il-persuna rikjesta lill-Istat Membru emittenti skond kondizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti bi ftehim reċiproku bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji ta' esekuzzjoni u dawk emittenti. Il-ftehim isir bil-miktub u l-kondizzjonijiet għandhom ikunu vinkolanti għall-awtoritajiet kollha fl-Istat Membru emittenti.

Artikolu 25

Transitu

1.  

Kull Stat Membru għandu, ħlief meta jagħmel użu mill-possibbiltà ta’ rifjut meta t-transitu ta’ ċittadin jew resident hu meħtieġ għall-fini ta’ esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni, jippermetti t-transitu mit-territorju tiegħu ta’ persuna rikjesta li qed tiġi konsenjata bil-kondizzjoni li tkun ġiet mogħtija informazzjoni dwar:

(a) 

l-identità u n-nazzjonalità tal-persuna soġġetta għall-mandat ta’ arrest Ewropew;

(b) 

l-eżistenza ta’ mandat ta’ arrest Ewropew;

(c) 

in-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat;

(d) 

id-deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi tar-reat, inklużi d-data u l-post.

Fejn persuna li hi s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ azzjoni kriminali hija ċittadina jew residenta ta’ l-Istat Membru ta’ transitu, it-transitu jista’ jkun soġġett għall-kondizzjoni li l-persuna, wara li tkun instemat, tiġi ritornata lejn l-Istat Membru ta’ transitu biex tiskonta l-piena ta’ kustodja jew l-ordni ta’ detenzjoni mogħtija lilha fl-Istat Membru emittenti.

2.  
Kull Stat Membru għandu jinnomina awtorità responsabbli li tirċievi rikjesti għat-transitu u d-dokumenti meħtieġa, kif ukoll kwalunkwe korrispondenza uffiċjali oħra konnessa ma’ rikjesti għat-transitu. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw din in-nomina lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.
3.  
Ir-rikjesta għat-transitu u l-informazzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu indirizzati lill-awtorità nnominata skond il-paragrafu 2 bi kwalunkwe mezz li jista' jipproduċi rekord bil-miktub. L-Istat Membru ta’ transitu għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu bl-stess proċedura.
4.  
Din id-Deċiżjoni Kwadru ma tapplikax fil-każ ta’ trasport bl-ajru mingħajr waqfa skedata. Madankollu, jekk ikun hemm inżul mhux skedat, l-Istat Membru emittenti għandu jipprovdi lill-awtorità nnominata skond il-paragrafu 2 bl-informazzjoni prevista fil-paragrafu 1.
5.  
Fejn transitu jinvolvi persuna li għandha tiġi estradita minn pajjiż terz lejn Stat Membru dan l-Artikolu japplika mutatis mutandis. B'mod partikolarment l-espressjoni “mandat ta’ arrest Ewropew” għandha tkun ikkunsidrata li hi mibdula bi “talba għall-estradizzjoni”.



KAPITOLU 3

EFFETTI TAL-KONSENJA

Artikolu 26

Tnaqqis fil-perjodu ta’ detenzjoni skontat fl-Istat Membru ta' esekuzzjoni

1.  
L-Istat Membru emittenti għandu jnaqqas il-perjodi kollha ta’ detenzjoni li jirriżultaw mill-esekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew mill-perjodu totali ta’ detenzjoni li għandu jiġi skontat fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat bħala riżultat ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni li qed tingħata.
2.  
Għal dak il-għan, l-informazzjoni kollha dwar it-tul tad-detenzjoni tal-persuna rikjesta abbażi tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandha tkun trasmessa mill-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni jew l-awtorità ċentrali nnominata skond l-Artikolu 7 lill-awtorità ġudizzjarja emittenti fil-ħin tal-konsenja.

Artikolu 27

Azzjoni kriminali possibbli għal reati oħra

1.  
Kull Stat Membru jista’ jinnotifika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li, fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ Stati Membri oħra li taw l-istess notifika, il-kunsens hu kkunsidrat li ġie mogħti għall-azzjoni kriminali, l-għoti ta’ sentenza jew id-detenzjoni bil-għan li tiġi skontata piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha, barra dak li għaliha ġiet konsenjata, sakemm f’każ partikolari l-awtorità ġudizzjaraja ta' esekuzzjoni ma tiddikjarax mod ieħor fid-deċiżjoni tagħha dwar il-konsenja.
2.  
Ħlief fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 3, persuna konsenjata ma tistax tiġi pproċessata, mogħtija sentenza jew b’xi mod ieħor miċħuda mil-libertà tagħha għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha minbarra dak li għalih ġiet konsenjata l-persuna.
3.  

Il-paragrafu 2 ma japplikax fil-każijiet li ġejjin:

(a) 

meta l-persuna wara li kellha l-opportunità biex titlaq mit-territorju ta’ l-Istat Membru li lilu ġiet konsenjata m'għamlitx hekk fi żmien 45 jum mill-ħelsien finali tagħha, jew irritornat f'dak it-territorju wara li telqet minnu;

(b) 

ir-reat mhuwiex punibbli b'piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni;

(c) 

il-proċedimenti kriminali ma jikkawżawx l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ restrizzjoni għal-libertà personali;

(d) 

meta l-persuna setgħet tkun soġġetta għal piena jew miżura li ma tinvolvix iċ-ċaħda tal-libertà personali, b'mod partikolari piena finanzjarja jew miżura minflok din, ukoll jekk il-piena jew il-miżura tista’ tikkawża restrizzjoni tal-libertà personali:

(e) 

meta l-persuna tat il-kunsens biex tiġi konsenjata, fejn adatt fl-istess ħin li hi rrinunzjat għar-regola ta’ l-ispeċjalità, skond l-Artikolu 13;

(f) 

meta l-persuna, wara l-konsenja tagħha, irrinunzjat espressament għall-benefiċċju tar-regola ta’ l-ispeċjalità fir-rigward ta’ reati speċifiċi qabel il-konsenja tagħha. Ir-rinunzja għandha tiġi mogħtija quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti ta’ l-Istat Membru emittenti u għandha tiġi rreġistrata skond il-liġi domestika ta’ dak l-Istat. Ir-rinunzja għandha titfassal b’tali mod li jkun magħmul ċar li l-persuna għamlitha volontarjament u b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi. Għal dak il-għan, il-persuna għandu jkollha d-dritt għal avukat;

(g) 

fejn l-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni li kkonsenjat il-persuna tagħti l-kunsens tagħha skond il-paragrafu 4.

4.  
Talba għal kunsens għandha tiġi ppreżentata lill-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni, flimkien ma’ l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) u traduzzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 8(2). Il-kunsens għandu jingħata meta r-reat li għalih hu mitlub hu stess hu soġġett għall-konsenja skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru. Il-kunsens għandu jiġi rrifjutat għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 3 u barra minn hekk jista’ jiġi rrifjutat biss għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 4. Id-deċiżjoni għandha tiġi meħuda mhux aktar tard minn 30 jum wara l-wasla tat-talba.

Għas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5 l-Istat Membru emittenti għandu jagħti l-garanziji previsti fih.

Artikolu 28

Konsenja jew estradizzjoni sussegwenti

1.  
Kull Stat Membru jista’ jinnotifika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li, fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ Stati Membri oħra li taw l-istess notifika, il-kunsens għall-konsenja ta’ persuna lil Stat Membru minbarra l-Istat Membru ta' esekuzzjoni skond mandat ta’ arrest Ewropew li nħareġ għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha hu kkunsidrat li ngħata, ħlief jekk f’każ partikolari l-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni tiddikjara mod ieħor fid-deċiżjoni tagħha dwar il-konsenja.
2.  

Fi kwalunkwe każ, persuna li ġiet konsenjata lill-Istat Membru emittenti skond mandat ta’ arrest Ewropew tista’, mingħajr il-kunsens ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni, tiġi konsenjata lil Stat Membru minbarra l-Istat Membru ta' esekuzzjoni skond mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għal kwalunkwe reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha fil-każijiet li ġejjin:

(a) 

fejn il-persuna rikjesta, li kellha opportunità biex titlaq mit-territorju ta’ l-Istat Membru li lilu ġiet konsenjata, m'għamlitx hekk fi żmien 45 jum mill-ħelsien finali tagħha, jew irritornat lejn dak it-territorju wara li telqet minnu;

(b) 

fejn il-persuna rikjesta tagħti l-kunsens biex tiġi konsenjata lil Stat Membru minbarra l-Istat Membru ta' esekuzzjoni skond mandat ta’ arrest Ewropew. Il-kunsens għandu jingħata quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti ta’ l-Istat Membru emittenti u għandu jkun reġistrat skond il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat. Huwa għandu jkun imwassal b’tali mod li jkun ċar li l-persuna kkonċernata tatu volontarjament u b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi. Għal dak il-għan, il-persuna rikjesta għandu jkollha d-dritt għal avukat;

(c) 

fejn il-persuna rikjesta mhijiex soġġetta għar-regola ta’ l-ispeċjalità, skond l-Artikolu 27(3)(a), (e), (f) u (g).

3.  

L-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni tagħti l-kunsens għall-konsenja lil Stat Membru ieħor skond ir-regoli li ġejjin:

(a) 

it-talba għall-kunsens għandha tiġi ppresentata skond l-Artikolu 9, flimkien ma’ l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) u t-traduzzjoni kif iddikjarat fl-Artikolu 8(2);

(b) 

il-kunsens għandu jingħata meta r-reat li għalih hu mitlub hu fih innifsu soġġett għal konsenja skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru;

(c) 

id-deċiżjoni għandha tittieħed mhux iktar tard minn 30 jum wara l-wasla tat-talba;

(d) 

il-kunsens għandu jiġi rrifjutat għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 3 u barra minn hekk jista’ jiġi rrifjutat biss għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 4.

Għas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5, l-Istat Membru emittenti għandu jagħti l-garanziji previsti fih.

4.  
Minkejja l-paragrafu 1, persuna li ġiet konsenjata skond mandat ta’ arrest Ewropew m’għandhiex tiġi estradita lejn Stat terz mingħajr il-kunsens ta’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li kkonsenja l-persuna. Dan il-kunsens għandu jingħata skond il-Konvenzjonijiet li bihom dak l-Istat Membru hu marbut, kif ukoll il-liġi domestika tiegħu.

Artikolu 29

Konsenja ta’ proprjetà

1.  

Fuq it-talba ta’ l-awtorità ġudizzjarja emittenti jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, l-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni għandha, skond il-liġi nazzjonali tagħha, taqbad u tikkonsenja l-proprjetà li:

(a) 

tista’ tkun meħtieġa bħala evidenza, jew

(b) 

ġiet akkwistata mill-persuna rikjesta bħala riżultat tar-reat.

2.  
Il-proprjetà msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi konsenjata anki jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jistax jitwettaq minħabba fil-mewt jew il-ħarba tal-persuna rikjesta.
3.  
Jekk il-proprjetà msemmija fil-paragrafu 1 tista' tiġi maqbuda jew konfiskata fit-territorju ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni, dan ta’ l-aħħar jista’, jekk il-proprjetà hi meħtieġa b'konnessjoni ma’ proċedimenti kriminali pendenti, iżommha temporanjament jew jikkonsenjaha lill-Istat Membru emittenti, bil-kondizzjoni li tiġi ritornata.
4.  
Kwalunkwe drittijiet li l-Istat Membru ta' esekuzzjoni jew li partijiet terzi jistgħu jkunu akkwistaw fil-proprjetà msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu ppreservati. Fejn jeżistu dawn id-drittijiet, l-Istat Membru emittenti għandu jirritorna l-proprjetà mingħajr ħlas lill-Istat Membru ta' esekuzzjoni malli jintemmu l-proċedimenti kriminali.

Artikolu 30

Spejjeż

1.  
L-ispejjeż li saru fit-territorju ta’ Stat Membru ta' esekuzzjoni għall-esekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandhom jitħallsu minn dak l-Istat Membru.
2.  
L-ispejjeż oħra kollha għandhom jitħallsu mill-Istat Membru emittenti.



KAPITOLU 4

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 31

Relazzjoni ma’ strumenti legali oħra

1.  

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tagħhom f’relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u Stati terzi, din id-Deċiżjoni Kwadru għandha, mill-1 ta’ Jannar 2004, tissostitwixxi d-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-konvenzjonijiet li ġejjin applikabbli fil-qasam ta’ l-estradizzjoni f’relazzjonijiet bejn l-Istati Membri:

(a) 

il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957, il-protokoll addizzjonali tagħha tal-15 ta’ Ottubru 1975, it-tieni protokoll addizzjonali tagħha tas-17 ta’ Marzu 1978, u l-Konvenzjoni Ewropea dwar it-trażżin tat-terroriżmu tas-27 ta’ Jannar 1977 safejn hi kkonċernata l-estradizzjoni;

(b) 

il-Ftehim bejn it-12-il Stat Membru tal-Komunitajiet Ewropej dwar is-simplifikazzjoni u l-modernizazzjoni ta’ metodi tat-trasmissjoni ta’ talbiet ta’ estradizzjoni tas-26 ta’ Mejju 1989;

(c) 

il-Konvenzjoni ta’ l-10 ta’ Marzu 1995 dwar proċedura simplifikata ta’ estradizzjoni bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea;

(d) 

il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1996 dwar l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea;

(e) 

it-Titolu III, Kapitolu 4 tal-Konvenzjoni tad-19 ta’ Ġunju 1990 li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta’ l-14 ta’ Ġunju 1985 dwar it-tneħħija gradwali ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni.

2.  
L-Istati Membri jistgħu jkomplu japplikaw strumenti ta' ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali fis-seħħ meta din id-Deċiżjoni Kwadru hi adottata safejn dawn l-istrumenti ta' ftehim jew arranġamenti jippermettu li l-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru jiġu estiżi jew imwessa' u jgħinu biex jissimplifikaw jew jiffaċilitaw aktar il-proċeduri għall-konsenja ta’ persuni li huma s-suġġett ta' mandati ta’ arrest Ewropej.

L-Istati Membri jistgħu jikkonkludu strumenti ta' ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali wara li din id-Deċiżjoni Kwadru tkun daħlet fis-seħħ safejn dawn l-istrumenti ta' ftehim jew arranġamenti jippermettu li l-provvedimenti ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru jkunu estiżi jew imwessgħa u jgħinu biex jissimplifikaw jew jiffaċilitaw aktar il-proċeduri għall-konsenja ta’ persuni li huma s-suġġett ta’ mandati ta’ arrest Ewropej, b'mod partikolari billi jistabbilixxu limiti ta' żmien iżjed qosra minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 17, billi jestendu l-lista ta’ reati stabbiliti fl-Artikolu 2(2), billi jillimitaw aktar ir-raġunijiet għaċ-ċaħda stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4, jew billi jnaqqsu l-limitu previst fl-Artikolu 2(1) jew (2).

L-istrumenti ta' ftehim u l-arranġamenti msemmija fit-tieni subparagrafu fl-ebda każ ma jistgħu jaffetwaw ir-relazzjonijiet ma’ Stati Membri li mhumiex partijiet għalihom.

L-Istati Membri għandhom, fi żmien tliet xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru, jinnotifikaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bl-istrumenti ta' ftehim u l-arranġamenti eżistenti msemmija fl-ewwel subparagrafu li jixtiequ jkomplu japplikaw.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ukoll lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe ftehim jew arranġament ġdid imsemmi fit-tieni subparagrafu, fi żmien tliet xhur mill-iffirmar tiegħu.

3.  
Fejn il-konvenzjonijiet jew l-istrumenti ta' ftehim imsemmija fil-paragrafu 1 japplikaw għat-territorji ta’ Stati Membri jew għat-territorji li għalihom Stat Membru jassumi l-kompetenza għar-relazzjonijiet esterni li għalihom din id-Deċiżjoni Kwadru ma tapplikax, dawn l-istrumenti għandhom ikomplu jirregolaw ir-relazzjonijiet eżistenti bejn dawk it-territorji u l-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 32

Dispożizzjoni transitorja

1.  
It-talbiet għall-estradizzjoni riċevuti qabel l-1 ta’ Jannar 2004 jkomplu jkunu rregolati minn istrumenti eżistenti dwar l-estradizzjoni. It-talbiet riċevuti wara dik id-data jkunu rregolati mir-regoli adottati mill-Istati Membri skond din id-Deċiżjoni Kwadru. Madankollu, kwalunkwe Stat Membru jista’, fil-ħin ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru mill-Kunsill, jagħmel dikjarazzjoni li tindika li bħala Stat Membru ta' esekuzzjoni hu ser ikompli jittratta talbiet dwar atti mwettqin qabel data li jispeċifika skond is-sistema ta’ estradizzjoni applikabbli qabel l-1 ta’ Jannar 2004. Id-data in kwistjoni ma tistax tkun aktar tard mis-7 ta’ Awissu 2002. Din id-dikjarazzjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u tista’ tiġi rtirata fi kwalunkwe ħin.

Artikolu 33

Dispożizzjonijiet dwar l-Awstrija u Ġibiltà

1.  
Sakemm l-Awstrija ma tkunx modifikat l-Artikolu 12(1) ta’ l-“Auslieferungs-und Rechtshilfegesetz” u, l-aktar tard, sal-31 ta’ Diċembru 2008, tista’ tippermetti lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta' esekuzzjoni tagħha jirrifjutaw l-infurzar ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jekk il-persuna rikjesta hija ċittadina Awstrijaka u jekk l-att li għalih inħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew mhuwiex punibbli taħt il-liġi Awstrijaka.
2.  
Din id-Deċiżjoni Kwadru għandha tapplika għal Ġibiltà.

Artikolu 34

Implimentazzjoni

1.  
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex iħarsu d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru sal-31 ta’ Diċembru 2003.
2.  
L-Istati Membri għandhom jittrasmettu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu fil-liġi nazzjonali tagħhom l-obbligi imposti fuqhom taħt din id-Deċiżjoni Kwadru. Meta qed jagħmel dan, kull Stat Membru jista’ jindika li ser japplika immedjatament din id-Deċiżjoni Kwadru fir-relazzjoniiet tiegħu ma’ dawk l-Istati Membri li taw l-istess notifika.

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jikkomunika lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni l-informazzjoni riċevuta skond l-Artikolu 7(2), l-Artikolu 8(2), l-Artikolu 13(4) u l-Artikolu 25(2). Huwa għandu wkoll jippubblika l-informazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

3.  
Abbażi ta’ l-informazzjoni kkomunikata mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, il-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2004, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-operazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru, akkumpanjat, fejn meħtieġ, minn proposti leġislattivi.
4.  
Il-Kunsill għandu fit-tieni nofs ta’ l-2003 jmexxi reviżjoni, b'mod partikolari ta’ l-applikazzjoni prattika, tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru mill-Istati Membri kif ukoll il-funzjonament tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen.

Artikolu 35

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni Kwadru għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.




ANNESS

MANDAT TA’ ARREST EWROPEW ( 3 )

Dan il-mandat inħareġ minn awtorità ġudizzjarja kompetenti. Nitlob li l-persuna msemmija hawn taħt tiġi arrestata u konsenjata għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

image

image

►(1) M1  

image

image

image



( 1 ) Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 98/428/ĠAI tad-29 ta' Ġunju 1998 rigward il-ħolqien ta' Network Ġudizzjarju Ewropew (ĠU L 191, 7.7.1998, p. 4).

( 2 ) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI tat-28 ta' Frar 2002 li tistabbilixxi Eurojust bil-għan li tiġi msaħħa l-ġlieda kontra l-kriminalità serja (ĠU L 63, 6.3.2002, p. 1).

( 3 ) Dan il-mandat għandu jinkiteb, jew jiġi tradott f'waħda mil-lingwi uffiċjali ta' l-Istat Membru ta' esekuzzjoni, fejn dak l-Istat Membru jkun magħruf, jew fi kwalunkwe lingwa oħra aċċettata minn dak l-Istat.