2001L0023 — MT — 09.10.2015 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2001/23/KE

tat-12 ta’ Marzu 2001

dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji

(ĠU L 082 22.3.2001, p. 16)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DIRETTIVA (UE) 2015/1794 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Test b'rilevanza għaż-ŻEE tas-6 ta' Ottubru 2015

  L 263

1

8.10.2015




▼B

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2001/23/KE

tat-12 ta’ Marzu 2001

dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji



IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew ( 1 ),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali ( 2 ),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 77/187/KEE ta’ l-14 ta’ Frar 1977 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji ( 3 ) giet emendata sostanzjalment ( 4 ). Fl-interess taċ-ċarezza u tar-razzjonalità, għandha għalhekk tiġi kkodifikata.

(2)

Il-prattiki ekonomiċi qed iġibu warajhom, kemm f’livell nazzjonali kif ukoll f’livell Komunitarju, tibdiliet fl-istruttura ta’ l-impriżi, permezz ta’ trasferimenti ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji lil impjegati oħrajn bħala riżultat ta’ trasferimenti legali jew inkorporazzjonijiet.

(3)

Huwa neċessarju li jigi pprovdut għall-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ li jinbidel min jimpjega, b’mod partikulari, sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tagħhom ikunu salvagwardjati.

(4)

Jibqgħu differenzi fl-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni ta’ impjegati f’din l-arja u dawn id-differenzi għandhom jitnaqqsu.

(5)

Il-Karta Komunitarja dwar id-Drittijiet Soċjali Fondamentali tal-Ħaddiema adottata fid-9 ta’ Diċembru 1989 (“Karta Soċjali”) tiddikjara, fil-punti 7, 17 u 18 b’mod partikulari li: “Il-kompletazzjoni tas-suq intern għandha twassal għal titjib fil-kundizzjonijiet ta’ l-għixien u tax-xogħol tal-ħaddiema fil-Komunità Ewropea. It-titjib għandu jkopri, meta neċessarju, l-iżvilupp ta’ ċerti aspetti tar-regolamenti ta’ l-impjieg bħal proċeduri għall-disimpieg kollettiv u dawk li jirrigwardjaw fallimenti. L-informazzjoni, l-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema għandha tiġi żviluppata fuq linji xierqa b’kont meħud tal-prattika fis-seħħ fl-Istati Membri varji. Din l-informazzjoni, l-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni għandha tiġi implimentata fiż-żmien dovut, b’mod partikulari inkonnessjoni ma’ operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni fl-impriżi jew f’ każijiet ta’ inkorporazzjonijiet li jkollhom impatt fuq l-impjieg tal-ħaddiema”.

(6)

Fl-1977 il-Kunsill adotta d-Direttiva 77/187/KEE għall-promozzjoni ta’ l-armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali relevanti li jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati u li jeħtieġu lil min jagħmel it-trasferiment u lil dawk li lilhom isir it-trasferiment biex jinfurmaw u jikkonsultaw ir-rappreżentanti ta’ l-impjegati fi żmien dovut.

(7)

Dik id-Direttiva kienet sussegwentement emendata fid-dawl ta’ l-impatt tas-suq intern, it-tendenzi leġislattivi ta’ l-Istati Membri għar-rigward tas-salvataġġ ta’ l-impriżi f’diffikultajiet ekonomiċi, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, id-Direttiva tal-Kunsill 75/129/KEE tas-17 ta’ Frar 1975 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati ma’ disimpjieg kollettiv ( 5 ) u l-leġislazzjoni diġà fis-seħħ fil-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri.

(8)

Il-konsiderazzjonijiet ta’ sigurtà u trasparenza legali kienu jeħtieġu li l-kunċett legali ta’ trasferiment għandu jiġi ċċarat fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din il-kjarifika ma biddlitx il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 77/187/KEE skond kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

(9)

Il-Karta Soċjali tirrikonoxxi l-importanza tal-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni, speċjalment dawk ibbażati fuq sess, kulur, razza, opinjoni u twemmin.

(10)

Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għal-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Anness I Parti B li fihom l-Istati Membri għandhom jikkonformaw mad-Direttiva 77/187/KEE, u ma’ l-att li jemendaha,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:



IL-KAPITOLU I

Il-Kamp ta’ applikazzjoni u d-definizzjonijiet

L-Artikolu 1

1.  

(a) Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju lil persuna oħra li timpjega bħala riżultat ta’ trasferiment jew inkorporazzjoni legali.

(b) Bla ħsara għas-subparagrafu (a) u għad-dispożizzjonijiet li ġejjin ta’ dan l-Artikolu, ikun hemm trasferiment fis-sens ta’ din id-Direttiva meta jkun hemm trasferiment ta’ xi entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha, jiġifieri għaqda organizzata ta’ riżorsi bl-objettiv li twettaq attività ekonomika, kemm jekk l-attività hija ċentrali jew anċillari kemm jekk le.

(ċ) Din id-Direttiva għandha tapplika għal impriżi pubbliċi u privati li huma involuti f’attivitajiet ekonomiċi kemm jekk jaħdmu għall-qligħ kemm jekk le. Ir-riorganizzazzjoni amministrattiva ta’ l-awtoritajiet pubbliċi amministrattivi, jew it-trasferiment ta’ funzjonijiet amministrattivi bejn awtoritajiet pubbliċi amministrattivi, mhijiex trasferiment fis-sens ta’ din id-Direttiva.

2.  Din id-Direttiva għandha tapplika meta u sakemm l-impriża, in-negozju jew il-parti ta’ l-impriża jew tan-negozju trasferita tinstab fl-iskop territorjali tat-Trattat.

▼M1

3.  Din id-Direttiva għandha tapplika għal trasferiment ta' bastiment tal-baħar li huwa parti minn trasferiment ta' impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju fis-sens tal-paragrafi 1 u 2, dment li min lilu jsir it-trasferiment jinsab, jew l-impriża, in-negozju, jew parti minn impriża jew negozju ttrasferiti jibqgħu, fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni territorjali tat-Trattat.

Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika fejn l-oġġett tat-trasferiment jikkonsisti esklużivament minn bastiment tal-baħar wieħed jew aktar.

▼B

L-Artikolu 2

1.  Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

(a) “min jagħmel it-trasferiment” għandu jfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li, għar-raġuni ta’ trasferiment fis-sens ta’ l-Artikolu 1(1), ma tibqax il-persuna li timpjega għar-rigward ta’ l-impriża, in-negozju jew il-parti ta’ impriża jew negozju;

(b) “min lilu jsir trasferiment” għandu jfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li, għal raġuni ta’ trasferiment fis-sens ta’ l-Artikolu 1(1), isir dak li jimpjega f’dak li jirrigwarda l-impriża, n-negozju jew parti ta’ impriża jew negozju;

(ċ) “rappreżentanti ta’ min jimpjega” u espressjonijiet relatati għandhom ifissru ir-rappreżentanti ta’ l-impjegati previsti mil-liġijiet jew mill-prattika ta’ l-Istati Membri;

(d) “impjegat” għandu jfisser kull persuna li, fl-Istat Membru kkonċernat, hija protetta bħala impjegata taħt il-liġi nazzjonali ta’ l-impjieg.

2.  Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni ta’ kuntratt ta’ mpjieg jew relazzjoni ta’ mpjieg.

Madanakollu, l-Istati Membri m’għandhomx jeskludu mill-iskop ta’ din id-Direttiva kuntratti ta’ mpjieg jew relazzjonijiet ta’ mpjieg biss minħabba:

(a) n-numru ta’ sigħat tax-xogħol maħduma jew li jridu jinħadmu,

(b) li huma relazzjonijiet ta’ mpjieg irregolati minn kuntratt ta’ mpjieg fiss fis-sens ta’ l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/383/KEE tal-25 ta’ Gunju 1991 li jissupplimentaw il-miżuri biex jiġi nkoraġġit titjib fis-sigurtà u fis-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol li għandhom relazzjoni tax-xogħol għal perjodu fiss jew relazzjoni ta’ xogħol temporanja ( 6 ), jew

(ċ) li huma relazzjonijiet ta’ impjieg temporanji fis-sens ta’ l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/383/KEE, u l-impriża, in-negozju jew il-parti ta’ impriża jew negozju trasferit huma, jew jifformaw parti min-negozju temporanju ta’ impjieg li huwa min jimpjega.



IL-KAPITOLU II

Is-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati

L-Artikolu 3

1.  Id-drittijiet u l-obbliġi ta’ min jagħmel it-trasferiment ikkawżati minn kuntratt ta’ mpjieg jew minn relazzjoni ta’ mpjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment.

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li, wara d-data tat-trasferiment, min jagħmel it-trasferiment u min lilu jsir it-trasferiment għandhom ikunu impenjati konġuntement u separatament għar-rigward ta’ obbliġi li kienu kkawżati qabel id-data ta’ trasferiment minn kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment.

2.  L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri approprjati biex jiżguraw li min jagħmel it-trasferiment jinnotifika lil min lilu jsir it-trasferiment bid-drittijiet u l-obbliġi kollha li jkunu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment skond dan l-Artikolu, sa fejn dawk id-drittijiet u l-obbligi huma jew għandhom ikunu magħrufa minn min jagħmel it-trasferiment fil-ħin tat-trasferiment. Nuqqas minn min jagħmel it-trasferiment li jinnotifika lil min lilu jsir it-trasferiment b’xi dritt jew obbligazzjoni ta’ din ix-xorta m’ għandux jaffettwa t-trasferiment ta’ dak id-dritt jew obbligazzjoni u d-drittijiet ta’ xi impjegati kontra min lilu jsir it-trasferiment u/jew min jagħmel it-trasferiment għar-rigward ta’ dak id-dritt jew l-obbligu.

3.  Wara t-trasferiment, min lilu jsir it-trasferiment għandu jkompli josserva t-termini u l-kundizzjonijiet miftiehma f’kull ftehim kollettiv skond l-istess kondizzjonijiet applikabbli għal min jagħmel it-trasferiment taħt dak il-ftehim, sad-data li fiha l-ftehim kollettiv jispiċċa jew jiskadi jew sad-dħul fis-seħħ jew l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv ieħor.

L-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-perjodu għall-osservazzjoni ta’ dawn it-termini u kundizzjonijiet bil-kundizzjoni li dan ma jkunx anqas minn sena wahda.

4.  

(a) Sakemm l-Istati Membri ma jipprovdux xort’ oħra, il-paragrafi 1 u 3 m’ għandhomx japplikaw inkonnessjoni mad-drittijiet ta’ l-impjegati għall-benefiċċji tax-xjuħija, l-invalidità jew tas-superstiti taħt skemi ta’ pensjoni supplementari tal-kumpaniji jew ta’ bejn il-kumpaniji barra l-iskemi statutorji tas-sigurtà soċjali fl-Istati Membri.

(b) Ukoll meta ma jipprovdux skond is-subparagrafu (a) li l-paragrafi 1 u 3 japplikaw inkonnessjoni ma’ dawn id-drittijiet, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji għall-protezzjoni ta’ l-interessi ta’ l-impjegati u ta’ persuni li ma jkunux għadhom impjegati fin-negozju ta’ min jagħmel it-trasferiment fil-ħin tat-trasferiment għar-rigward tad-drittijiet li jtuhom intitolament immedjat jew prospettiv għal benefiċċji tax-xjuħija, inklużi l-benefiċċji tas-superstiti, taħt skemi supplimentari msemmija fis-subparagrafu (a).

L-Artikolu 4

1.  It-trasferiment ta’ l-impriża, n-negozju jew xi parti mill-impriza jew negozju m’għandux fih innifsu jikkostitwixixi bażi għal tkeċċija minn min jagħmel it-trasferiment jew minn min lilu jsir it-trasferiment. Din id-dispożizzjoni m’għandhiex tkun ta’ xkiel għal tkeċċijiet li jistgħu iseħħu għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew ta’ l-organizzazzjoni li jinvolvu bidliet fin-nies li jkunu jaħdmu.

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-ewwel subparagrafu ma japplikax għal ċerti kategoriji speċifiċi ta’ mpjegati li mhumiex koperti mil-liġijiet jew mill-prattika ta’ l-Istati Membri għar-rigward ta’ protezzjoni kontra t-tkeċċija.

2.  Jekk il-kuntratt ta’ l-impjieg jew ir-relazzjoni tax-xogħol jintemmu minħabba li t-trasferiment jinvolvi bidla sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għad-detriment ta’ l-impjegat, min jimpjega għandu jitqies bħala responsabbli għat-tmiem tal-kuntratt ta’ l-impjieg jew ir-relazzjoni ta’ l-impjieg.

L-Artikolu 5

1.  Sakemm l-Istati Membri ma jipprovdux xort’ oħra, l-Artikoli 3 u 4 m’ għandhomx japplikaw għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju meta min ikun qed jagħmel it-trasferiment huwa s-suġġett ta’ proċedimenti ta’ falliment jew ta’ xi proċedimenti analogi ta’ falliment li kienu istitwiti bl-iskop tal-likwidazzjoni ta’ l-assi ta’ min qed jagħmel it-trasferiment u huma taħt is-superviżjoni ta’ awtorità pubblika kompetenti (li tista’ tkun prattikant tal-falliment awtorizzat minn awtorità pubblika kompetenti).

2.  Meta l-Artikoli 3 u 4 japplikaw għal trasferiment waqt proċedimenti ta’ falliment li nfetħu għar-rigward ta’ min jagħmel it-trasferiment (kemm jekk dawk il-proċedimenti jkunu nbdew bl-iskop tal-likwidazzjoni ta’ l-assi ta’ min ikun qed jagħmel it-trasferiment kemm jekk le) u sakemm dawn il-proċedimenti jkunu taħt is-superviżjoni ta’ awtorità pubblika kompetenti (li tista’ tkun prattikant tal-falliment determinat mil-liġi nazzjonali) Stat Membru jista’ jipprovdi li:

(a) minkejja l-Artikolu 3(1), id-djun ta’ min ikun qed jagħmel it-trasferiment ikkawżati minn xi kuntratti ta’ mpjieg jew relazzjonijiet ta’ impjieg u pagabbli qabel it-trasferiment jew qabel il-ftuħ tal-proċedimenti tal-falliment m’għandhomx jiġu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment, sakemm dawn il-proċedimenti jikkawżaw, taħt il-liġi ta’ dak l-Istat Membru, protezzjoni għall-inqas ekwivalenti għal dik prevista f’sitwazzjonijiet koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE ta’ l-20 ta’ Ottubru 1980 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri konnessi mal-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ tal-falliment ta’ min jimpjegahom ( 7 ), u, jew alternattivament, li,

(b) min lilu jsir it-trasferiment, min jagħmel it-trasferiment jew il-persuna jew persuni li jeżerċitaw il-funzjonijiet ta’ min jagħmel it-trasferiment, min-naħa wahda, u r-rappreżentanti ta’ l-impjegati min-naħa l-oħra jistgħu jaqblu li jsiru tibdiliet, sa fejn tippermetti l-liġi jew il-prattika kurrenti, għat-termini u l-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ l-impjegati ddisinjati għas-salvagwardja ta’ l-opportunitajiet ta’ l-impjieg billi jiżguraw is-soppravivenza ta’ l-impriża, in-negozju jew parti mill-impriża jew min-negozju.

3.  Stat Membru jista’ japplika l-paragrafu 20(b) għal kull trasferiment meta min jagħmel it-trasferiment ikun f’qagħda ta’ kriżi ekonomika serja, kif definita mil-liġi nazzjonali, sakemm il-qagħda tiġi ddikjarata minn awtorità pubblika kompetenti u tkun miftuħa għal sorveljanza ġudizzjarja, bil-kundizzjoni li dawn id-dispożizzjonijiet kienu digà jeżistu fil-liġi nazzjonali fis-17 ta’ Lulju 1998.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-effetti ta’ din id-dispożizzjoni qabel is-17 ta’ Lulju 2003 u għandha tissottometti kull proposta approprjata lill-Kunsill.

4.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri approprjati bl-iskop li jipprevjenu l-użu ħażin tal-proċedimenti ta’ falliment b’tali mod li jċaħħdu lill-impjegati mid-drittijiet previsti f’din id-Direttiva.

L-Artikolu 6

1.  Jekk l-impriża, in-negozju jew parti mill-impriża jew min-negozju jippreservaw l-awtonomija tagħhom, l-istatus u l-funzjoni tar-rappreżentanti jew tar-rappreżentazzjoni ta’ l-impjegati milquta mit-trasferiment għandhom jiġu ppreservati skond l-istess termini u soġġett għall-istess kundizzjonijiet li kien jeżistu qabel id-data tat-trasferiment minħabba l-liġi, ir-regolament, id-dispożizzjoni jew il-ftehim amminstrattiv, sakemm il-kundizzjonijiet neċessarji għat-twaqqif tar-rappreżentazzjoni ta’ l-impjegat ikunu sodisfatti.

L-ewwel subparagrafu m’għandux japplika jekk, skond il-liġijiet, ir-regolamenti, id-dispożizzjonijiet amministrattivi jew il-prattika fl-Istati Membri, jew skond ftehim mar-rappreżentanti ta’ l-impjegati, il-kundizzjonijiet neċessarji biex jerġgħu jiġu maħtura r-rappreżentanti ta’ l-impjegati jew biex terġa’ titwaqqaf ir-rappreżentanza ta’ l-impjegati jkunu sodisfatti.

Meta min jagħmel it-trasferiment ikun is-suġġett ta’ proċedimenti ta’ falliment jew xi proċedimenti analogi ta’ falliment awtorizzata minn awtorità pubblika kompetenti), l-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-impjegati trasferiti jkunu rappreżentati b’mod addattat sakemm issir l-elezzjoni jew il-ħatra ġdida tar-rappreżentanti ta’ l-impjegati.

Jekk l-impriża, in-negozju jew parti mill-impriża jew min-negozju ma jippreservawx l-awtonomija tagħha, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-impjegati trasferiti li kienu rappreżentati qabel it-trasferiment jibqgħu jiġu rappreżentati b’mod addattat waqt il-perjodu neċessarju biex terġa’ titwaqqaf jew terġa’ tiġi maħtura r-rappreżentanza ta’ l-impjegati skond il-liġi jew il-prattika nazzjonali.

2.  Jekk il-kariga tar-rappreżentanti ta’ l-impjegati effettwati mit-trasferiment jagħlaq bħala riżultat tat-trasferiment, ir-rappreżentanti għandhom ikomplu jgawdu il-protezzjoni li hemm provduta fil-liġijiet, fir-regolamenti, fid-dispożizzjonijiet amminstrattivi jew fil-prattika ta’ l-Istati Membri.



IL-KAPITOLU III

L-informazzjoni u l-konsultazzjoni

L-Artikolu 7

1.  Min jagħmel it-trasferiment u min lilu jsir it-trasferiment għandhom ikunu meħtiega jinfurmaw lir-rappreżentanti ta’ l-impjegati rispettivi tagħhom milquta mit-trasferiment b’dan li gej:

 id-data jew id-data proposta tat-trasferiment,

 ir-raġunijiet għat-trasferiment,

 l-implikazzjonijiet legali, ekonomiċi u soċjali tat-trasferiment għall-impjegati,

 kull miżura li tkun maħsuba għar-rigward ta’ l-impjegati.

Min jagħmel it-trasferiment għandu jagħti din l-informazzjoni lir-rappreżentanti ta’ l-impjegati tiegħu fi żmien addattat, qabel ma jsir it-trasferiment.

Min lilu jsir it-trasferiment għandu jagħti din l-informazzjoni lir-rappreżentanti ta’ l-impjegati tiegħu fi żmien addattat, u f’kull każ qabel ma’ l-impjegati tiegħu jintlaqtu direttament mit-trasferiment f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tagħhom tax-xogħol u ta’ l-impjieg.

2.  Meta min jagħmel it-trasferiment jew min lilu jsir it-trasferiment jaħseb f’ miżuri għar-rigward ta’ l-impjegati tiegħu, għandu jikkonsulta lir-rappreżentanti ta’ l-impjegati tiegħu fi żmien addattat dwar dawn il-miżuri bl-iskop li jintlaħaq ftehim.

3.  L-Istati Membri li l-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi jipprovdu li r-rappreżentanti ta’ l-impjegati jistgħu jirrikorru għal bord ta’ arbitragg biex jakkwistaw deċiżjoni dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu inkonnessjoni ma’ l-impjegati jistgħu jillimitaw l-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 għal każijiet meta t-trasferiment imwettaq jikkawża bidla fin-negozju li x’aktarx tinvolvi żvantaggi serji għal numru konsiderevoli ta’ l-impjegati.

L-informazzjoni u l-konsultazzjoni għandhom ikopru għall-anqas il-miżuri maħsuba inkonnessjoni ma’ l-impjegati.

L-informazzjoni għandha tiġi pprovduta u l-konsultazzjonijiet għandhom isiru fi żmien xieraq qabel issir il-bidla fin-negozju kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu.

4.  L-obbliġi stabbiliti f’dan l-Artikolu għandhom japplikaw mingħajr distinzjoni ta’ jekk id-deċiżjoni li tirriżulta f’dan it-trasferiment hi meħuda minn min jimpjega jew minn impriża li tikkontrolla lil min jimpjega.

Meta jkunu qed jiġu kkunsidrati l-ksur allegat tal-htiġiet ta’ l-informazzjoni u l-konsultazzjoni stabbiliti b’din id-Direttiva, l-argument li dan il-ksur ġara minħabba li l-informazzjoni ma ġietx ipprovduta minn impriża li tikkontrolla lil min iħaddem ma tkunx aċċettata bħala skuża.

5.  L-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-obbliġi stabbiliti fil-paragrafi 1, 2 u 3 għall-impriżi jew negozji li, skond in-numru ta’ l-impjegati, jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-elezzjoni jew in-nomina ta’ korp kolleġjali li jirrappreżenta lill-impjegati.

6.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu li, fejn ma jkun hemm l-ebda rappreżentant ta’ l-impjegati f’ impriża jew negozju li ma jkunx tort tagħhom, l-impjegati kkonċernati għandhom jiġu infurmati bil-quddiem:

 bid-data jew bid-data proposta tat-trasferiment,

 bir-raguni għat-trasferiment,

 bl-implikazzjonijiet legali, ekonomiċi u soċjali tat-trasferiment għall-impjegati,

 bil-miżuri kollha mahsuba għar-rigward ta’ l-impjegati.



IL-KAPITOLU IV

Dispożizzjonijiet finali

L-Artikolu 8

Din id-Direttiva m’ għandhiex taffettwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li huma aktar favorevoli għall- impjegati jew li jippromwovu jew jippermettu ftehim kollettiv jew ftehim bejn imsieħba soċjali aktar favorevoli għall-impjegati.

L-Artikolu 9

L-Istati Membri għandhom jintroduċu fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom dawk il-miżuri li huma meħtiega biex jippermettu lill-impjegati kollha u r-rappreżentanti ta’ l-impjegati li jikkunsidraw li sarilhom xi nuqqas f’li jikkonformaw ma’ l-obbligi kkawżati minn din id-Direttiva biex iwettqu t-talbiet tagħhom permezz ta’ proċess ġudizzjarju wara rikors possibbli għal awtoritajiet kompetenti oħrajn.

L-Artikolu 10

Il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kunsill analiżi ta’ l-effett tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva qabel is-17 ta’ Lulju 2006. Għandha tipproponi kull emenda li tista’ tidher neċessarja.

L-Artikolu 11

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni it-testi tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-disipożizzjonijiet amministrattivi li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

L-Artikolu 12

Id-Direttiva 77/187/KEE, kif emendata bid-Direttiva msemmija fl-Anness 1, il-Parti A hija mħassra, mingħajr preġudizzju għall-obbliġi ta’ l-Istati Membri li jikkonċernaw il-limiti ta’ żmien għall-implimentazzjoni stabbiliti fl-Anness 1, il-Parti B.

Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala riferenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

L-Artikolu 13

Din id-Direttiva għandha tidhol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 14

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




L-ANNESS I

IL-PARTI A

Id-Direttiva mħassra u d-Direttiva li temendaha

(imsemmija fl-Artikolu 12)

Id-Direttiva tal-Kunsill 77/187/KEE (ĠU L 61, tal-5.3.1977, p. 26)

Id-Direttiva tal-Kunsill 98/50/KE (ĠU L 201, tas-17.7.1998, p. 88)

IL-PARTI B

Limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni għal-liġi nazzjonali

(imsemmija fl-Artikolu 12)



Id-Direttiva

Limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni

77/187/KEE

is-16 ta' Frar 1979

98/50/KE

is-17 ta' Lulju 2001




L-ANNESS II



IT-TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Id-Direttiva 77/187/KEE

Din id-Direttiva

L-Artikolu 1

L-Artikolu 1

L-Artikolu 2

L-Artikolu 2

L-Artikolu 3

L-Artikolu 3

L-Artikolu 4

L-Artikolu 4

L-Artikolu 4a

L-Artikolu 5

L-Artikolu 5

L-Artikolu 6

L-Artikolu 6

L-Artikolu 7

L-Artikolu 7

L-Artikolu 8

L-Artikolu 7a

L-Artikolu 9

L-Artikolu 7b

L-Artikolu 10

L-Artikolu 8

L-Artikolu 11

L-Artikolu 12

L-Artikolu 13

L-Artikolu 14

L-ANNESS I

L-ANNESS II



( 1 ) L-Opinjoni mogħtija fil-25 ta’ Ottubru 2000 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

( 2 ) ĠU C 367, ta’ l-20.12.2000, p. 21.

( 3 ) ĠU L 61, tal-5.3.1977, p. 26.

( 4 ) Ara l-Anness I, il-Parti A.

( 5 ) ĠU L 48, tat-22.2.1975, p. 29. Id-Direttiva sostitwita bid-Direttiva 98/59/KE (ĠU L 225, tat-12.8.1998, p. 16).

( 6 ) ĠU L 206, tad-29.7.1991, p. 19.

( 7 ) ĠU L 283, ta’ l-20.10.1980, p. 23. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-1994.