2000R2659 — MT — 01.05.2004 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

IR-REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 2659/2000

tad-29 ta' Novembru 2000

dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta' ftehim dwar ir-riċerka u l-iżvilupp

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 304, 5.12.2000, p.7)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date


Emendat bi:

►A1

  L 236

33

23.9.2003




▼B

IR-REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 2659/2000

tad-29 ta' Novembru 2000

dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta' ftehim dwar ir-riċerka u l-iżvilupp

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)



IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2821/71 ta' l-20 ta' Diċembru 1971 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(3) tat-Trattat lil ċerti kategoriji ta' ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi kkonċertati ( 1 ), emendata l-aħħar bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja, u b'mod partikolari Artikolu 1(1)(b) tiegħu,

Wara li ppublikat abbozz ta' dan ir-Regolament ( 2 ),

Wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv dwar Prattiċi Ristrettivi u Posizzjonijiet Dominanti,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2821/71 jagħti l-poter lill-Kummissjoni sabiex tapplika l-Artikolu 81(3) tat-Trattat (li qabel kien l-Artikolu 85(3)) permezz ta' regolament lil ċerti kategoriji ta' ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi kkonċertati li jaqgħu fi ħdan l-iskop ta' Artikolu 81(1) li għandhom bħala oġġett tagħhom ir-riċerka u żvilupp ta' prodotti jew proċessi sa l-istadju ta' applikazzjoni industrijali, u esplojtazzjoni tar-riżultati, li jinkludu d-disposizzjonijiet li jirrigwardaw id-drittijiet intellettwali tal-proprjetà.

(2)

L-Artikolu 163(2) tat-Trattat isejjaħ lill-Komunità sabiex tinkoraġġixxi lill-impriżi, li jinkludu impriżi ta' daqs żgħir u medju, fir-riċerka u attivitajiet ta' żvilupp teknoloġiku ta' kwalità għolja, u biex jappoġġjaw l-isforzi tagħhom biex jikkoperaw ma' xulxin. Skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/65/KE tat-22 ta' Diċembru 1998 dwar ir-regoli għall-parteċipazzjoni ta' impriżi, ċentri tar-riċerka u universitajiet u għat-tixrid tar-riżultati tar-riċerka għall-implimentazzjoni tal-ħames programm ta' qafas tal-Komunità Ewropea (1998/2002) ( 3 ) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 996/1999 ( 4 ) dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 1999/65/KE, azzjonijiet ta' żvilupp teknoloġiku u ta' riċerka indiretta (RTD) appoġġjati taħt il-ħames programm ta' qafas tal-Komunità huma meħtieġa li jsiru koperattivament.

(3)

Ftehim dwar l-esekuzzjoni konġunta ta' xogħol ta' riċerka jew l-iżvilupp konġunt tar-riżultati tar-riċerka, sa, iżda ma jinkludix, l-istadju ta' applikazzjoni industrijali, ġeneralment ma jaqgħux fi ħdan l-iskop ta' Artikolu 81(1) tat-Trattat. F'ċerti ċirkustanzi, iżda, per eżempju fejn il-partijiet jaqblu li ma jagħmlux riċerka u żvilupp ieħor fl-istess qasam, li b'hekk jitilfu l-opportunità li jiksbu vantaġġi kompetittivi fuq partijiet oħrajn, dawn il-ftehim jistgħu jaqgħu fi ħdan l-Artikolu 81(1) u għandhom għalhekk ikunu inklużi fi ħdan l-iskop ta' dan ir-Regolament.

(4)

Skond ir-Regolament (KEE) Nru 2821/71, b'mod partikolari, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KEE) Nru 418/85 tad-19 ta' Diċembru 1984 dwar l-applikazzjoni ta' Artikolu 85(3) tat-Trattat lil kategoriji ta' ftehim u riċerka ( 5 ), kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2236/97 ( 6 ). Ir-Regolament (KEE) Nru 418/85 jiskadi fil-31 ta' Diċmebru 2000.

(5)

Regolament ġdid għandu jaderixxi ż-żewġ ħtiġijiet li jassiguraw protezzjoni effettiva tal-kompetizzjoni u li jipprovdu sigurta legali adegwata għall-impriżi. L-għan ta' dawn l-oġġettivi huwa li jikkunsidraw il-bżonn li jissimplifikaw is-superviżjoni amministrattiva tal-qafas leġislattiv għall-akbar estent possibbli. Taħt ċertu livell ta' poter tas-suq jista' jkun preżunt b'mod ġenerali, għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(3) li l-effetti pożittivi ta' ftehim ta' riċerka u żvilupp ikunu ta' valur akbar minn kull effett negattiv fuq il-kompetizzjoni.

(6)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2821/71 jeħtieġ li jkollu r-regolament ta' eżenzjoni tal-Kummissjoni biex jiddefinixxi l-kategoriji ta' ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi kkonċernati li japplikaw għalih, sabiex jispeċifikaw ir-restrizzjonijiet jew klawsoli li x'aktarx, jew le, jidhru fil-ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi kkonċertati, u biex jispeċifikaw il-klawsoli li għandhom jinsabu fil-ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi kkonċertati jew il-kondizzjonijiet l-oħra li għandhom ikunu sodisfatti.

(7)

Huwa xieraq li wieħed iwarrab mil-mod li jitniżżlu l-klawsoli eżentati u li jqiegħed aktar enfasi fuq id-definizzjoni tal-kategoriji ta' ftehim li huma eżenti sa ċertu livell ta' poter tas-suq u fuq l-ispeċifikar tar-restrizzjonijiet jew klawsoli li m'għandhomx jinsabu f'dan il-ftehim. Dan huwa konsistenti fuq approċċ ibbażat fuq l-ekonomija li tistma l-impatt ta' ftehim fuq is-suq relevanti.

(8)

Għall-applikazzjoni ta' Artikolu 81(3) permezz ta' regolament, m'huwiex meħtieġ li jkunu ddefiniti dawk il-ftehim li jafu jaqgħu taħt Artikolu 81(1). Fl-istima individwali ta' ftehim taħt Artikolu 81(1), għandha tingħata konsiderazzjoni lil ħafna fatturi, u b'mod partikolari l-istruttura tas-suq fuq is-suq relevanti.

(9)

Il-benefiċċju tal-eżenzjoni ġenerali għandu jkun illimitat għal ftehim li jista' jkun preżunt għalihom b'ċertezza biżżejjed li jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta' Artikolu 81(3).

(10)

Il-koperazzjoni fir-riċerka u l-iżvilupp u fl-esplojtazzjoni tar-riżultati ġeneralment jippromwovi progress tekniku u ekonomiku billi jżid it-tixrid ta' għarfien bejn il-partijiet u jwarrab id-dupplikazzjoni ta' xogħol ta' riċerka u żvilupp, billi jistimula avvanzi ġodda tramite t-tpartit ta' għarfien kumplimentari, u billi jirrazzjonalizza l-manifattura tal-prodotti jew applikazzjoni tal-proċessi li joħorġu mir-riċerka u żvilupp.

(11)

L-esplojtazzjoni konġunta ta' riżultati tista' tkun ikkunsidrata li hija l-konsegwenza naturali tar-riċerka u żvilupp konġunt. Jista' jieħu forom differenti bħalma huma l-produzzjoni, l-esplojtazzjoni ta' drittijiet ta' proprjetà intellettwali li sostanzjalment jikkontribwixxu għal progress tekniku jew ekonomiku, jew il-marketing ta' prodotti ġodda.

(12)

Ġeneralment, il-konsumaturi jistgħu jkunu mistennija li jibbenefikaw mill-volum u effettività miżjuda tar-riċerka u żvilupp tramite introduzzjoni ta' prodotti jew servizzi ġodda jew imtejba jew it-tnaqqis ta' prezzijiet li jinġieb minn proċessi ġodda jew imtejba.

(13)

Sabiex jikseb il-benefiċċji u l-oġġettivi tar-riċerka u żvilupp konġunti l-benefiċċju ta' dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għad-disposizzjonijiet li jinsabu fi ftehim ta' riċerka u żvilupp li ma jikkostitwixxux l-oġġett primarju ta' dawn il-ftehim, iżda li huma rrelatati direttament ma', u meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħhom.

(14)

Sabiex tkun iġġustifikata l-eżenzjoni, l-esplojtazzjoni konġunta għandha tirrelata għall-prodotti jew proċessi li l-użu tar-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp għalihom huwa deċiżiv, u li kull wieħed mill-partijiet jingħata l-opportunità li jisfrutta kull riżultat li jinteressawh. Iżda, fejn korpi akkademiċi, istituti tar-riċerka jew impriżi li jfornu r-riċerka u l-iżvilupp bħala servizz kummerċjali mingħajr ma jkunu normalment attivi fl-isfruttament tar-riżultati jipparteċipaw fir-riċerka u żvilupp, jistgħu jaqblu li jużaw ir-riżultati ta' l-iżvilupp u r-riċerka għall-għan ta' aktar riċerka biss. B'mod simili, non-kompetituri jistgħu jaqblu li jillimitaw id-dritt tagħhom għall-esplojtazzjoni għal qasam tekniku wieħed jew aktar ta' applikazzjoni sabiex jiffaċilitaw il-koperazzjoni bejn il-partijiet b'abbilitajiet kumplimentari.

(15)

L-eżenzjoni mogħtija f'dan ir-Regolament għandha tkun illimitata għal ftehim ta' riċerka u żvilupp li ma joffrux lill-impriżi l-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni għal parti sostanzjali tal-prodotti jew servizzi in kwistjoni. Huwa meħtieġ li jkunu eżenti mill-eżenzjoni ġenerali ftehim bejn il-kompetituri li s-sehem tas-suq ikkombinat tagħhom għall-prodotti jew servizzi li huma kapaċi li jitjiebu jew jinbidlu bir-riżultati tar-riċerka u żvilupp taqbeż ċerta livell fil-ħin li l-ftehim jiddaħħal fiha.

(16)

Sabiex ikun garantit il-manteniment ta' kompetizzjoni effettiva waqt esplojtazzjoni konġunta tar-riżultati, għandha ssir disposizzjoni għall-eżenzjoni ġenerali li tieqaf milli tgħodd jekk is-sehem tas-suq ikkombinat tal-partijiet għall-prodotti li joħorġu mir-riċerka u l-iżvilupp isir kbir wisq. L-eżenzjoni għandha tkompli tapplika, irrispettivament mis-sehem tas-swieq tal-partijiet, għal ċertu perjodu wara l-bidu ta' esplojtazzjoni konġunta, sabiex tistenna l-istabilizzazzjoni ta' l-ishma tas-suq tagħhom, partikolarment wara l-introduzzjoni ta' prodott ġdid għal kollox, u sabiex jiggarantixxu perjodu ta' ritorn minimu fuq l-investimenti involuti.

(17)

Dan ir-Regolament m'għandux jeżenta ftehim li jkollhom restrizzjonijiet li m'humiex indispensabbli sabiex jiksbu l-effetti pożittivi msemmija hawn fuq. Fil-prinċipju ċerti restrizzjonijiet severi kontra l-kompetittività bħalma huma l-limitazzjonijiet fuq il-libertà tal-partijiet li jagħmlu riċerka u żvilupp f'qasam li m'huwiex konness mal-ftehim, l-iffissar tal-prezzijiet li jkunu addebitati lil partijiet terzi, limitazzjoni fuq produzzjoni jew bejgħ, allokazzjoni tas-swieq lill-klijenti, u limitazzjonijiet fuq bejgħ passiv għall-prodotti tal-kuntratt f'territorji rriservati għal partijiet oħra għandhom ikunu esklużi mill-benefiċċju tal-eżenzjoni ġenerali mwaqqaf permezz ta' dan ir-Regolament irrispettivament tas-sehem tas-suq ta' l-impriżi kkonċernati.

(18)

Il-limitazzjoni tas-sehem tas-suq, in-nuqqas ta' eżenzjoni ta' ċerti ftehim u l-kondizzjonijiet li hemm ipprovdut għalihom f'dan ir-Regolament normalment jassiguraw li l-ftehim li japplikaw għalihom l-eżenzjoni ġenerali ma jawtorizzawx lill-impriżi parteċipanti sabiex jeliminaw il-kompetizzjoni dwar parti sostanzjali tal-prodotti in kwistjoni.

(19)

F'każi partikolari li fihom il-ftehim li jaqgħu taħt dan ir-Regolament madankollu għandhom effetti li m'humiex kompatibbli ma' Artikolu 81(3) tat-Trattat, il-Kummissjoni tista' tirtira mill-benefiċċju ta' l-eżenzjoni ġenerali.

(20)

Ftehim bejn impriżi li m'humiex produtturi ta' prodotti kompetittivi li huma kapaċi li jitjiebu jew jinbidlu fir-riżultati tar-riċerka u żvilupp ser jeliminaw biss il-kompetizzjoni effettiva fir-riċerka u żvilupp f'ċirkostanzi eċċezzjonali. Huwa xieraq għalhekk li dawn il-ftehim ikunu awtorizzati sabiex jibbenefikaw mill-eżenzjoni ġenerali rrispettivament tas-sehem tas-suq u sabiex jindirizzaw dawn il-każijiet eċċezzjonali permezz ta' irtirar minn dan il-benefiċċju.

(21)

Peress li ftehim ta' riċerka u żvilupp ħafna drabi huma ta' natura ta' żmien twil, speċjalment fejn il-koperazzjoni testendi għall-esplojtazzjoni tar-riżultati, il-perjodu ta' validità ta' dan ir-Regolament għandu jkun iffissat għal 10 snin.

(22)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' Artikolu 82 tat-Trattat.

(23)

F'konformità mal-prinċipju tal-primat tal-liġi tal-Komunità, l-ebda miżura meħuda skond il-liġijiet nazzjonali dwar il-kompetizzjoni m'għandhom jippreġudikaw l-applikazzjoni uniformi matul is-suq komuni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni fil-Komunità jew l-effett sħiħ ta' kull miżura adottata fl-implimentazzjoni ta' dawk ir-regoli, li jinkludu dan ir-Regolament,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:



Artikolu 1

Eżenzjoni

1.  Skond Artikolu 81(3) tat-Trattat u suġġett għad-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, huwa ddikjarat li Artikolu 81(1) m'għandux japplika għall-ftehim entrati bejn żewġ impriżi jew aktar (minn hawn 'il quddiem imsejħa “il-partijiet”) li jirrelataw għall-kondizzjonijiet li fihom dawk l-impriżi jsegwu:

(a) riċerka u żvilupp konġunt ta' prodotti jew proċessi u esplojtazzjoni konġunta tar-riżultati ta' dik ir-riċerka u żvilupp;

(b) esplojtazzjoni konġunta tar-riżultati tar-riċerka u żvilupp ta' prodotti jew proċessi li jsiru konġuntament skond ftehim minn qabel bejn l-istess partijiet; jew

(ċ) riċerka u żvilupp konġunt ta' prodotti jew proċessi li jeskludu esplojtazzjoni konġunta tar-riżultati.

Din l-eżenzjoni għandha tapplika għall-estent li dawn il-ftehim (minn hawn 'il quddiem imsejħa “ftehim ta' riċerka u żvilupp”) ikollhom restrizzjonijiet ta' kompetizzjoni li jaqgħu fi ħdan l-iskop ta' Artikolu 81(1).

2.  L-eżenzjoni li hemm ipprovdut għaliha fil-paragrafu 1 għandha tapplika wkoll għad-disposizzjonijiet li jinsabu fil-ftehim ta' riċerka u żvilupp li ma jikkostitwixxux l-oġġett primarju ta' dawn il-ftehim, iżda huma rrelatati direttament ma', u meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħhom, bħalma hu obbligu li parti ma twettaqx, indipendentement jew flimkien ma' parti terzi, riċerka u żvilupp fil-qasam li jirrelata għalih il-ftehim jew f'qasam konness mill-qrib waqt l-esekuzzjoni tal-ftehim.

L-ewwel sottoparagrafu, iżda, ma japplikax għad-disposizzjonijiet li għandhom l-istess oġġettiv bħalma għandhom ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni elenkati f'Artikolu 5(1).

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament:

1. “ftehim” ifisser ftehim, deċiżjoni ta' assoċjazzjoni ta' impriżi jew prattika kkonċertata;

2. “Impriżi parteċipanti” ifisser impriżi li huma parti għall-ftehim ta' riċerka u żvilupp u l-impriżi rispettivi konnessi magħhom.

3. “Impriżi konnessi” jfissru:

(a) impriżi li fihom, parti għall-ftehim ta' riċerka u żvilupp, direttament jew indirettament:

(i) għandu l-poter li jeżerċita aktar minn nofs id-drittijiet tal-vot,

(ii) għandu l-poter li jinnomina aktar minn nofs il-membri tal-bord superviżorju, bord ta' amministrazzjoni jew korpi li jirrapreżentaw lill-impriża legalment, jew

(iii) għandu d-dritt li jamministra l-affarijiet ta' l-impriża;

(b) impriżi li direttament jew indirettament għandhom, aktar mill-parti għall-ftehim ta' riċerka u żvilupp, id-drittijiet jew poteri mniżżlin f'(a);

(ċ) impriżi li fihom, impriża msemmija f'(b) għandha, direttament jew indirettament, id-drittijiet jew poteri mniżżla f'(a);

(d) impriżi li fihom, parti għall-ftehim ta' riċerka u żvilupp flimkien ma impriża waħda jew aktar imsemmija f'(a), (b) jew (ċ), jew li fihom, żewġ impriżi jew aktar minn dawn ta' l-aħħar, għandhom id-drittijiet jew poteri mniżżla f'(a) b'mod konġunt;

(e) impriżi li fihom id-drittijiet jew il-poteri mniżżla f'(a) jinżammu b'mod konġunt minn:

(i) partijiet tal-ftehim ta' riċerka u żvilupp jew l-impriżi konnessi rispettivi tagħhom imsemmija f'(a) sa (d), jew

(ii) parti waħda jew aktar lill-ftehim ta' riċerka u żvilupp jew impriża konnessa waħda jew aktar tagħhom imsemmija f'(a) sa (d) u terza parti waħda jew aktar;

4. “riċerka u żvilupp” jfisser il-kisba ta' l-għarfien irrelatat ma' prodotti jew proċessi u l-eżekuzzjoni ta' analiżi teoretiċi, studju sistematiku jew esperimentazzjoni, li jinkludi produzzjoni sperimentali, testjar tekniku ta' prodotti jew proċessi, it-twaqqif tal-faċilitajiet meħtieġa u l-kisba ta' drittijiet ta' proprjetà intellettwali għar-riżultati;

5. “prodott” ifisser oġġett u/jew servizz, li jinkludu sew oġġetti u/jew servizzi intermedjarji u oġġetti u/jew servizzi finali;

6. “proċess ta' kuntratt” ifisser teknoloġija jew proċess li toħroġ mir-riċerka u żvilupp konġunt;

7. “prodott ta' kuntratt” ifisser prodott li joħroġ mir-riċerka u żvilupp konġunt jew prodott jew ipprovdut bl-applikazzjoni tal-proċessi tal-kuntratt;

8. “esplojtazzjoni tar-riżultati” ifisser il-produzzjoni jew distribuzzjoni tal-prodotti tal-kuntratt jew l-applikazzjoni tal-proċessi tal-kuntratt jew l-assenjament jew liċenzjar ta' drittijiet ta' proprjetà intellettwali jew il-komunikazzjoni ta' għarfien meħtieġ għal din il-manifattura jew applikazzjoni;

9. “drittijiet għal proprjetà intelletwali” tinkludi drittijiet għal proprjetà industrijali, drittijiet tal-awtur u neighbouring rights;

10. know-how” ifisser pakkett ta' informazzjoni prattika li m'hijiex patentata, li tirriżulta minn esperjenza u testjar, li hija sigrieta, sustanzjali u identifikata: f'dan il-kuntest, “sigriet” ifisser li n-know-how, m'huwiex ġeneralment magħruf jew aċċessibbli faċilment; “sostanzjali” ifisser li n-know-how jinkludi informazzjoni li hija indipensabbli għall-produzzjoni ta' l-oġġetti tal-kuntratt jew l-applikazzjoni tal-proċessi tal-kuntratt; “identifikat” ifisser li n-know-how huwa deskritt f'manjiera komprensiva biżżejjed sabiex ikun possibbli li jkun ivverifikat li jaderixxi l-kriterja ta' segretezza u sustanzjalità;

11. riċerka u żvilupp, jew esplojtazzjoni tar-riżultati, isir “b'mod konġunt” fejn ix-xogħol involut:

(a) isir minn grupp, organizzazzjoni jew impriża konġunta,

(b) huwa fdat lil parti terza, jew

(ċ) allokat bejn il-partijiet permezz ta' speċjalizzazzjoni fir-riċerka, żvilupp, produzzjoni jew distribuzzjoni;

12. “impriża kompetittiva” jfisser impriża li qiegħda tforni prodott li huwa kapaċi li jitjieb jew jinbidel mill-prodott tal-kuntratt (kompetitur attwali) jew impriża li, f'raġunijiet realistiċi, timpriża l-investimenti addizzjonali meħtieġa jew kull spiża oħra meħtieġa għall-i switching sabiex tkun tista' tforni dan il-prodott f'risposta għal żieda żgħira u permanenti fi prezzijiet relattivi (kompetitur potenzjali).

13. “suq relevanti għall-prodotti tal-kuntratt” jfisser il-prodott relevanti u suq(swieq) ġeografiku(ċi) li fih jinsabu l-prodotti tal-kuntratt.

Artikolu 3

Kondizzjonijiet għall-eżenzjoni

1.  L-eżenzjoni msemmija f'Artikolu 1 għandha tapplika suġġett għall-kondizzjonijiet imqiegħda fil-paragrafi 2 sa 5.

2.  Il-partijiet kollha għandhom ikollhom aċċess għar-riżultati tar-riċerka u żvilupp konġunt għall-għanijiet ta' aktar riċerka jew esplojtazzjoni. Iżda, istituti tar-riċerka, korpi akkademiċi, jew impriżi li jfornu r-riċerka u l-iżvilupp bħala servizz kummerċjali mingħajr ma jkunu normalment attivi fl-esplojtazzjoni tar-riżultati, jistgħu jaqblu li jillimitaw l-użu tagħhom tar-riżultati għall-għanijiet ta' aktar riċerka.

3.  Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, fejn il-ftehim tar-riċerka u żvilupp jipprovdi biss għar-riċerka u żvilupp konġunt, kull parti għandha tkun liberu sabiex jesplojtja r-riżultati tar-riċerka u żvilupp konġunti u kull għarfien li kien jeżisti minn qabel għall-għanijiet ta' din l-esplojtazzjoni indipendentement. Dan id-dritt għall-esplojtazzjoni jista' jkun illimitat għal qasam tekniku jew aktar ta' applikazzjoni, fejn il-partijiet m'humiex impriżi kompetittivi fil-ħin li jidħol fis-seħħ il-ftehim tar-riċerka u żvilupp.

4.  Kull esplojtazzjoni konġunta għandha tirrelata ma' riżultati li huma protetti permezz ta' drittijiet ta' proprjetà intelletwali jew li jikkostitwixxu għarfien, li sostanzjalment jikkontribwixxi għall-progress tekniku jew ekonomiku u r-riżultati għandhom ikunu deċiżivi għall-produzzjoni tal-prodotti tal-kuntratt jew għall-applikazzjoni tal-proċessi tal-kuntratt.

5.  Impriżi li jieħdu ħsieb il-produzzjoni permezz ta' speċjalizzazzjoni fil-produzzjoni għandhom ikunu meħtieġa li jaderixxu ma' l-ordnijiet għall-fornimenti mill-partijiet kollha, ħlief fejn il-ftehim tar-riċerka u żvilupp jipprovdi wkoll għad-distribuzzjoni konġunta.

Artikolu 4

Limitu tas-sehem tas-suq u dewmien ta' eżenzjoni

1.  Fejn l-impriżi parteċipanti m'humiex impriżi kompetittivi, l-eżenzjoni msemmija f'Artikolu 1 għandha tapplika għal kemm idumu għaddejja r-riċerka u żvilupp. Fejn ir-riżultati huma esplojtati konġuntament, l-eżenzjoni għandha tkompli tapplika għal seba' snin minn meta l-prodotti tal-kuntratt jitqiegħdu fuq is-suq fi ħdan is-suq komuni għall-ewwel darba.

2.  Fejn żewġ impriżi parteċipanti jew aktar huma impriżi kompetittivi, l-eżenzjoni li hemm ipprovdut għaliha f'Artikolu 1 għandha tapplika għall-perjodu msemmi f'paragrafu 1 biss jekk, fil-ħin li jidħol fis-seħħ il-ftehim tar-riċerka u żvilupp, is-sehem tas-suq ikkombinat ta' l-impriżi parteċipanti ma jaqbiżx il-25 % tas-suq relevanti għall-prodotti li huma kapaċi li jitjiebu jew jinbidlu mill-prodotti tal-kuntratt.

3.  Wara t-tmiem tal-perjodu msemmi f'paragrafu 1, l-eżenzjoni għandha tkompli tapplika sakemm is-sehem ikkombinat tas-suq ta' l-impriżi parteċipanti ma jaqbiżx il-25 % tas-suq relevanti għall-prodotti tal-kuntratt.

Artikolu 5

Ftehim mhux kopert mill-eżenzjoni

1.  L-eżenzjoni msemmija f'Artikolu 1 m'għandhiex tapplika għall-ftehim tar-riċerka u żvilupp li, direttament jew indirettament, waħedhom jew f'kombinazzjoni ma' fatturi oħra taħt il-kontroll tal-partijiet, għandhom bħala oġġett tagħhom:

(a) ir-restrizzjoni tal-libertà ta' l-impriżi parteċipanti sabiex jagħmlu r-riċerka u żvilupp indipendentement jew f'koperazzjoni ma' partijiet terzi f'qasam li m'huwiex konness ma' dak li jirrelata mar-riċerka u żvilupp jew, wara li jitlesta, fil-qasam li jirrelata għalih jew f'qasam konness;

(b) il-projbizzjoni li wara li tkun tlestiet ir-riċerka u żvilupp tkun sfidata l-validità tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali li l-partijiet għandhom fis-suq komuni u li huma relevanti għar-riċerka u żvilupp jew, wara li jiskadi l-ftehim tar-riċerka u żvilupp, il-validità tad-drittijiet għall-proprjetà intellettwali li l-partijiet għandhom fis-suq komuni u li jipproteġu lir-riżultati tar-riċerka u żvilupp, mingħajr preġudizzju għall-possibilità li tipprovdi għax-xoljiment tal-ftehim tar-riċerka u żvilupp fl-eventwalità li wieħed mill-partijiet jisfida l-validità ta' dawn id-drittijiet ta' proprjetà intelletwali;

(ċ) il-limitazzjoni ta' produzzjoni jew bejgħ;

(d) l-iffissar tal-prezzijiet meta jinbiegħu l-prodotti tal-kuntratt lil partijiet terza;

(e) ir-restrizzjoni tal-klijenti li l-impriżi parteċipanti jistgħu jservu, wara t-tmiem ta' seba' snin minn meta l-prodotti tal-kuntratt jitqiegħdu fuq is-suq fi ħdan is-suq komuni għall-ewwel darba;

(f) il-projbizzjoni li jsir bejgħ passiv tal-prodotti tal-kuntratt f'territorji riżervati għal partijiet oħra;

(g) il-projbizzjoni li jitqiegħdu l-prodotti tal-kuntratt fuq is-suq jew li tissegwa politika attiva għall-bejgħ tagħhom f'territorji fi ħdan is-suq komuni li huma riżervati għal partijiet oħra wara t-tmiem ta' seba' snin minn meta l-prodotti tal-kuntratt jitqiegħdu għall-ewwel darba fuq is-suq fi ħdan is-suq komuni;

(h) il-ħtieġa li ma jingħatawx liċenzji lill-partijiet terzi sabiex jipproduċu l-prodotti tal-kuntratt jew li jkunu applikati l-proċessi tal-kuntratt fejn l-esplojtazzjoni tar-riżultati tar-riċerka u żvilupp konġunt minn ta' l-anqas wieħed mill-partijiet ma jkunx ipprovdut għalih jew ma jsirx;

(i) il-ħtieġa għar-rifjut li titlaħħaq mad-domanda minn utenti jew bejjiegħa fit-territorji rispettivi tagħhom li jinnegozjaw il-prodotti tal-kuntratt f'territorji oħra fi ħdan is-suq komuni; jew

(j) il-ħtieġa li ssir diffiċli għall-utenti jew bejjiegħa li jakkwistaw il-prodotti tal-kuntratt minn bejjiegħa oħra fi ħdan is-suq komuni, u b'mod partikolari li jkunu eżerċitati d-drittijiet għal proprjetà intelletwali jew li jittieħdu miżuri sabiex jipprevjienu lill-utenti jew bejjiegħa milli jakkwistaw, jew iqiegħdu fuq is-suq fi ħdan is-suq komuni, prodotti li tqiegħdu fuq is-suq legalment fi ħdan il-Komunità minn parti oħra jew bil-kunsens tagħha.

2.  Il-Paragrafu 1 m'għandux japplika għal:

(a) l-iffissar ta' miri ta' produzzjoni fejn l-esplojtazzjoni tar-riżultati tinkludi l-produzzjoni konġunta tal-prodotti tal-kuntratt;

(b) l-iffissar ta' miri tal-bejgħ u l-iffissar tal-prezzijiet addebitati lill-klijenti immedjati fejn l-esplojtazzjoni tar-riżultati tinkludi d-distribuzzjoni konġunta tal-prodotti tal-kuntratt.

Artikolu 6

Applikazzjoni tal-limitu tas-sehem tas-suq

1.  Għall-għanijiet li jkun applikat il-limitu tas-sehem tas-suq, li hemm ipprovdut għalih f'Artikolu 4, għandhom jgħoddu r-regoli li ġejjin:

(a) is-sehem tas-suq għandu jkun ikkalkulat abbażi tal-valur tal-bejgħ fis-suq; jekk id-data tal-valur tal-bejgħ fis-suq m'humiex disponibbli, estimi bbażati fuq informazzjoni oħra tas-suq ta' min jafdaha, li jinkludu volumi ta' bejgħ fis-suq, li jistgħu jintużgħu sabiex jitwaqqaf is-sehem tas-suq ta' l-impriża kkonċernata;

(b) is-sehem tas-suq għandu jkun ikkalkulat abbażi ta' data rrelatata mas-sena tal-kalendarja ta' qabel;

(ċ) Is-sehem tas-suq miżmum mill-impriżi msemmija fil-punt 3(e) ta' l-Artikolu 2 għandhom ikunu apporzjonati ugwalment għal kull impriża li għandha d-drittijiet jew il-poteri mniżżla fil-punt 3(a) ta' Artikolu 2.

2.  Jekk is-sehem tas-suq imsemmi f'Artikolu 4(3) inizjalment m'huwiex aktar minn 25 % iżda sussegwentment jitla' aktar minn dan il-livell mingħajr ma jaqbeż it-30 %, l-eżenzjoni msemmija f'Artikolu 1 għandha tkompli tapplika għal perjodu ta' sentejn konsekuttivi tal-kalendarju wara s-sena li fih inqabżet il-limitu ta' 25 % għall-ewwel darba.

3.  Jekk is-sehem tas-suq imsemmi f'Artikolu 4(3) inizjalment m'huwiex aktar minn 25 % iżda sussegwentment jitla' għal aktar minn 30 %, l-eżenzjoni msemmija f'Artikolu 1 għandha tkompli tapplika għal perjodu ta' sena tal-kalendarju wara s-sena li fih inqabeż il-livell ta' 30 % l-ewwel darba.

4.  Il-benefiċċju tal-paragrafi 2 u 3 ma jistgħux jingħaqdu sabiex jaqbżu perjodu ta' sentejn tal-kalendarju.

Artikolu 7

Irtirar

Il-Kummissjoni tista' tirtira l-benefiċċju ta' dan ir-Regolament, skond Artikolu 7 tar-Regolament (KEE) Nru 2821/71, fejn, jew bl-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta' Stat Membru jew ta' persuna naturali jew legali li tippretendi interess leġittimu, issib f'każ partikolari li ftehim li tapplika għalih fl-eżenzjoni msemmija f'Artikolu 1, xorta waħda għandha effetti li huma inkompatibbli mal-kondizzjonijiet imqiegħda f'Artikolu 81(3) tat-Trattat, u b'mod partikolari fejn:

(a) l-eżistenza tal-ftehim tar-riċerka u żvilupp sostanzjalment tirristrinġi l-iskop għal parti terzi li jagħmlu riċerka u żvilupp fil-qasam relevanti minħabba l-kapaċità għar-riċerka llimitata disponibbli x'imkien ieħor;

(b) minħabba l-istruttura partikolari tal-forniment, l-eżistenza tal-ftehim tar-riċerka u żvilupp jirristrinġi sostanzjalment l-aċċess ta' partijiet terza lis-suq għall-prodotti tal-kuntratt;

(ċ) mingħajr ebda raġuni valida oġġettivament, il-partijiet ma jesplojtjawx ir-riżultati tar-riċerka u żvilupp konġunt;

(b) il-prodotti tal-kuntratt li m'humiex suġġetti fis-suq komuni kollu jew f'parti sostanzjali minnu għal kompetizzjoni effettiva minn prodotti identiċi jew prodotti li huma kkunsidrati mill-utenti li huma ekwivalenti mil-lat tal-karatteristiċi tagħhom, prezz, u użu maħsub tagħhom;

(e) l-eżistenza tal-ftehim tar-riċerka u żvilupp telimina l-kompetizzjoni effettiva fir-riċerka u żvilupp f'suq partikolari.

Artikolu 8

Perjodu transizzjonali

Il-projbizzjoni mqiegħda f'Artikolu 81(1) tat-Trattat m'għandhiex tapplika fil-perjodu mill-1 ta' Jannar 2001 sat-30 ta' Ġunju 2002 wara ftehim li diġà qegħdin fis-seħħ fil-31 ta' Diċembru 2000 li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet għall-eżenzjoni li hemm ipprovdut għalihom f'dan ir-Regolament iżda li jissodisfaw il-kondizzjonijiet għall-eżenzjoni li hemm ipprovdut għalihom fir-Regolament (KEE) Nru 418/85.

▼A1

Artikolu 8a

Il-projbizzjoni fl-Artikolu 81(1) tat-Trattat ma għandhiex tapplika għal akkordji li kienu jeżistu fid-data ta' l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja u li, minħabba l-adeżjoni, jaqgħu fi ħdan l-iskop ta' l-Artikolu 81(1) jekk, fi żmien sitt xhur mid-data ta' l-adeżjoni, dawn ikunu emendati b'mod illi jsiru konformi mal-kondizzjonijiet stipulati f'dan ir-Regolament.

▼B

Artikolu 9

Perjodu ta' validità

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2001.

Għandu jiskadi fil-31 ta' Diċmebru 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) ĠU L 285, tad-29.12.1971, pġ. 46.

( 2 ) ĠU Ċ 118, tas-27.4.2000, pġ. 3.

( 3 ) ĠU L 26, ta' l-1.2.1999, pġ. 46.

( 4 ) ĠU L 122, tat-12.3.1999, pġ. 9.

( 5 ) ĠU L 53, tat-22.2.1985, pġ. 5.

( 6 ) ĠU L 306, tal-11.11.1997, pġ. 12.