1998L0056 — MT — 30.06.2014 — 003.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 98/56/KE

ta’ l-20 ta’ Lulju 1998

dwar il-marketing tal-materjali tal-propagazzjoni tal-pjanti ornamentali

(ĠU L 226, 13.8.1998, p.16)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 806/2003 ta' l-14 ta' April 2003

  L 122

1

16.5.2003

►M2

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2003/61/KE tat-18 ta’ Ġunju 2003

  L 165

23

3.7.2003

►M3

REGOLAMENT (UE) Nru 652/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-15 ta’ Mejju 2014

  L 189

1

27.6.2014




▼B

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 98/56/KE

ta’ l-20 ta’ Lulju 1998

dwar il-marketing tal-materjali tal-propagazzjoni tal-pjanti ornamentali



IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni ( 1 ),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew ( 2 ),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ( 3 ),

(1)

Billi l-produzzjoni tal-pjanti ornamentali tokkupa post importanti fl-agrikoltura tal-Komunità.

(2)

Billi riżultati sodisfaċenti fil-kultivazzjoni tal-pjanti ornamentali jiddependu ħafna fuq il-kwalità u s-saħħa tal-materjal użat għall-propagazzjoni tagħhom.

(3)

Billi l-istabbiliment tal-kondizzjonijiet armonizzati fil-livell Komunitarju għandu jassigura li x-xerrejja fil-Komunità kollha jirċievu materjal tal-propagazzjoni li huwa b’saħħtu u ta’ kwalità tajba.

(4)

Billi, sa fejn dawn ikollhom x’jaqsmu mas-saħħa tal-pjanti, dawn il-kondizzjonijiet armonizzati għandhom ikunu konsistenti mad-Direttiva tal-Kunsill 77/93/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1976 rigward il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni fl-Istati Membri ta’ organiżmi li huma ta’ ħsara għall-pjanti jew għall-prodotti mill-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom fil-Komunità ( 4 ).

(5)

Billi huwa xieraq li jkunu stabbiliti regoli Komunitarji għall-ġeneri u għall-ispeċji kollha tal-pjanti ornamentali fill-Komunità, bl-eċċezzjoni ta’ dawk koperti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta' Diċembru 1996 rigward il-protezzjoni ta' speċji tal-fawna u l-flora ferjali billi jiġi rregolat il-kummerċ fihom ( 5 ).

(6)

Billi, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet dwar is-saħħa tal-pjanti tad-Direttiva 77/93/KEE, mhux xieraq li jkunu applikati r-regoli Komunitarji dwar il-marketing tal-materjal tal-propagazzjoni meta jkun muri li dan il-materjal u dawn il-pjanti huma intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, billi r-regoli applikabbli hemmhekk jistgħu jkunu differenti minn dawk li jinsabu f’din id-Direttiva.

(7)

Billi l-eżami tas-saħħa ta’l-pjanta u ta' l-istandards tal-kwalità għal ċerti ġenji u speċi partikolari ta’ pjanti ornamentali teħtieġ l-eżaminazzjoni teknika u xjentifika twila u ddettaljata; billi għalhekk għandha tiġi stabbilita proċedura sabiex jiġu ddeterminati dawn l-istandards.

(8)

Billi fl-ewwel lok hija r-responsabbiltà tal-fornituri tal-materjal tal-propagazzjoni li jagħmlu ċert li l-prodott tagħhom iwettaq il-kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva.

(9)

Billi l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri, meta jwettqu l-kontrolli u l-ispezzjonijiet, għandhom jassiguraw li l-fornituri jwettqu dawk il-kondizzjonijiet.

(10)

Billi għandhom ikunu introdotti miżuri ta’ kontrolli Komunitarji li jassiguraw l-applikazzjoni uniformi fl-Istati Membri kollha ta’ l-istandards stabbiliti f’din id-Direttiva.

(11)

Billi huwa fl-interessi tax-xerrejja tal-materjal tal-propagazzjoni li l-ismijiet tal-varjetajiet jew tal-gruppi ta’ pjanti jkunu magħrufa u li l-identità tagħhom tkun imħarsa.

(12)

Billi l-karatteristiċi speċifiċi għall-industrija li topera fis-settur tal-pjanti ornamentali huma fattur li joħloq kumplikazzjonijiet; billi, għalhekk, l-aħjar mod kif jista’ jinkiseb l-għan iddikjarat hawn fuq hu jew permezz ta’ konoxxenza komuni tal-varjetà jew, fil-kas ta’ varjetajiet jew gruppi ta’ pjanti, permezz tad-disponibbiltà ta’ deskrizzjoni mħejjija u miżmuma mill-fornituri.

(13)

Billi, sabiex tkun assigurata l-identità u l-marketing b’mod ordinat tal-materjal tal-propagazzjoni, għandhom isiru regoli Komunitarji dwar is-separazzjoni tal-pakketti u dwar l-immarkar; billi t-tikketti għandhom jagħtu d-dettalji meħtieġa kemm għall-kontroll uffiċjali kif ukoll għall-informazzjoni ta’ min ikabbar.

(14)

Billi għandhom jiġu stabbiliti regoli li jippermettu, fil-kas ta’ diffikultajiet temporanji tal-provvista, il-marketing ta’ materjal tal-propagazzjoni bla ħsara għal ħtiġiet anqas stretti minn dawk li jinsabu f’din id-Direttiva.

(15)

Billi għandhom isiru disposizzjonijiet li jawtorizzaw il-marketing, ġewwa l-Komunità, tal-prodotti tal-materjali tal-propagazzjoni f’pajjiżi terzi, dejjem sakemm jingħataw garanziji ekwivalenti f’kull aspett fir-rigward tal-prodotti tal-materjal tal-propagazzjoni fil-Komunità u jkunu mħarsa r-regoli Komunitarji.

(16)

Billi, sabiex ikunu armonizzati l-metodi rekniċi ta’ l-eżaminazzjoni użati fl-Istati Membri u biex ikunu mqabbla l-materjali tal-propagazzjoni prodotti fil-Komunità ma’ dawk il-prodotti f’pajjiżi terzi, provi komparattivi għandhom ikunu mwettqa dwar il-konformità tal-materjal tal-propagazzjoni mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva.

(17)

Billi, sabiex jitħaffef l-operat effettiv ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tiġi fdata bir-responsabbiltà li tadotta miżuri għall-implimentazzjoni tagħha; billi dawn il-miżuri għandhom jiġu adottati permezz ta’ proċedura li tinvolvi l-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fi ħdan Kumitat Permanenti għal Materjali tal-Propagazzjoni tal-Pjanti Ornamentali.

(18)

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 91/682/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1991 dwar il-marketing tal-materjali tal-propagazzjoni u tal-pjanti ornamentali ( 6 ) stabbiliet kondizzjonijiet armonizzati fuq livell Komunitarju sabiex tassigura li xerrejja fil-Komunità kollha jirċievu materjal tal-propagazzjoni u pjanti ornamentali li huma b’saħħithom u ta’ kwalità tajba.

(19)

Billi l-Istati Membri ffaċċjaw diffikultajiet fl-interpretazzjoni u fit-transpożizzjoni ta’ l-imsemmija Direttiva.

(20)

Billi l-imsemmija Direttiva kienet meqjusa bħala addatta għal inklużjoni fl-Inizjattiva LASSI (SLIM) (Leġislazzjoni aktar Sempliċi għas-Suq Intern) li kienet imnedija mill-Kummissjoni f’Mejju 1996.

(21)

Billi l-grupp SLIM dwar il-Pjanti Ornamentali għamel diversi rakkomandazzjonijiet immirati biex jissimplifikaw l-imsemmija Direttiva; billi dawk ir-rakkomandazzjonijiet jinsabu fil-Komunikattiva mill-Kummissjoni lejn il-Kunsill u lejn il-Parlament Ewropew dwar l-inizjattiva SLIM.

(22)

Billi dawk ir-rakkomandazzjonijiet kienu relatati mal-persunal li jrid jiġi kkontrollat mill-imsemmija Direttiva, l-ispeċji koperti b’dik id-Direttiva, l-awtentiċità varjetali, l-interrelazzjoni mad-Direttiva 77/93/KEE u l-ekwivalenza ta’ pajjiżi terzi.

(23)

Billi, wara li ġew meqjusa dawk ir-rakkomandazzjonijiet huwa mixtieq li jiġu emendati ċerti disposizzjonijiet tad-Direttiva 91/682/KEE; billi minħabba n-numru ta’ dawn l-emendi, l-imsemmija Direttiva għandha tkun formulata mill-ġdid fl-interessi tal-kjarezza,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:



TITOLU I

SKOP

Artikolu 1

1.  Din id-Direttiva għandha tapplika għall-marketing tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti ornamentali fi ħdan il-Komunità. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-ħarsien tal-flora ferjali stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 338/97, ir-regoli dwar l-ippakkjar u dwar l-ippakkjar ta’ l-iskart stabbiliti fid-Direttiva 94/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 7 ), jew, ħlief jekk previst mod ieħor f’din id-Direttiva jew fuq il-bażi tagħha, ir-regoli dwar is-saħħa tal-pjanti stabbiliti fid-Direttiva 77/93/KEE.

2.  Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal:

 il-materjal li jintwera li huwa intiż għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, li huwa identifikat bħala tali u li jinżamm iżolat b’mod suffiċjenti,

 il-materjal li l-prodotti tiegħu mhumiex intiżi għal skopijiet ornamentali, jekk huwa kopert b’leġislazzjoni Komunitarja oħra dwar il-marketing ta’ materjal ta’ din ix-xorta.

3.  Skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17, jista’ jkun deċiż li wħud mill-ħtiġiet, jew kollha kemm huma, ta’ din id-Direttiva, m’għandhomx japplikaw fir-rigward ta’ żerriegħa ta’ speċji jew gruppi partikolari ta’ pjanti, meta dawn ikunu intiżi għall-produzzjoni ta’ aktar materjal tal-propagazzjoni u meta ma jkun hemm ebda konnessjoni sinifikanti bejn il-kwalità ta’ din iż-żerriegħa u l-kwalità tal-materjal li jirriżulta minnha.



TITOLU

II DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 2

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

1) “Materjal tal-propagazzjoni”: materjal tal-pjanti intiżi għal:

 propagazzjoni tal-pjanti ornamentali, jew

 il-produzzjoni tal-pjanti ornamentali; b’danakollu, fil-każ tal-produzzjoni minn pjanti sħaħ, din id-definizzjoni tapplika biss sa fejn il-pjanta ornamentali riżultanti hija intiża għall-marketing.

“Propagazzjoni”: riproduzzjoni permezz tal-mezzi veġetattivi jew mezzi oħrajn.

2) “Fornitur”: kull persuna naturali jew ġuridika involuta professjonalment fil-marketing jew fl-importazzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni.

3) Marketing”: bejgħ jew konsenja minn fornitur lejn persuna oħra. 'Bejgħ' jinkludi li wieħed iżomm disponibbli jew jaħżen, jesebixxi bl-iskop ta’ bejgħ, jew li joffri għall-bejgħ.

4) “Korp uffiċjali responsabbli”:

(a) awtorità, stabbilita jew innominata mill-Istat Membru taħt is-superviżjoni tal-gvern nazzjonali u responsabbli għall-kwistjonijiet li jirrigwardaw il-kwalità;

(b) kwalunkwe awtorità ta’ l-Istat stabbilita:

 jew fuq livell nazzjonali, jew

 fuq il-livell reġjonali, taħt is-sorveljanza ta’ l-awtoritajiet nazzjonali, fil-limiti stabbiliti mill-kostituzzjoni ta’ l-Istati Membri kkonċernati.

Il-korpi riferiti hawn fuq jistgħu, b’mod konformi mal-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, jiddelegaw id-dmirijiet li hemm provvediment dwarhom f’din id-Direttiva li għandhom jitwettqu taħt l-awtorità u s-sorveljanza tagħhom lil xi persuna ġuridika, kemm jekk irregolata b’liġi pubblika jew privata, li, taħt il-kostituzzjoni uffiċjalment approvata tagħha, għandha l-inkarigu esklussiv li taqdi l-funzjonijiet pubbliċi speċifiċi, sakemm dik il-persuna, u l-membri tagħha, ma jkollha l-ebda interess personali fl-eżitu tal-miżuri meħuda.

Aktar minn hekk, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17, persuni ġuridiċi oħrajn stabbiliti f’isem il-korp riferit fil-punt (a) u li jaġixxu taħt l-awtorità u s-sorveljanza tal-korp ta’ dik ix-xorta jistgħu jiġu approvati, sakemm din il-persuna ma jkollha l-ebda interess personali fl-eżitu tal-miżuri meħuda.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-korpi uffiċjali responsabbli tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika dik l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħrajn kollha.

5) “lott”: numru ta’ unitajiet ta’ prodott wieħed, li jistgħu jiġu identifikati mill-omoġenità ta’ l-għamla u ta’ l-oriġini tagħhom.



TITOLU III

ĦTIĠIET LI GĦANDHOM IKUNU MILĦUQA MILL-MATERJALI TAL-PROPAGAZZJONI

Artikolu 3

1.  Il-fornituri jistgħu jagħmlu l-marketing tal-materjali tal-propagazzjoni biss jekk dan jissodisfa l-ħtiġiet stabbiliti f’din id-Direttiva.

2.  Il-paragrafu 1 m’għandux japplika għall-materjali tal-propagazzjoni intiżi għal:

(a) provi jew skopijiet xjentifiċi,

(b) xogħol ta’ l-għażla, jew

(ċ) il-konservazzjoni tad-diversità ġenetika.

3.  Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-paragrafu 2 jistgħu jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17.

Artikolu 4

Il-materjal tal-propagazzjoni għandu, meta applikabbli, ikun konformi mal-kondizzjonijiet relevanti dwar is-saħħa ta’ pjanti stabbiliti fid-Direttiva 77/93/KEE.

Artikolu 5

1.  Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1 u ta’ l-Artikolu 4, il-materjal tal-propagazzjoni għandu jkun marketed meta:

 irid ikun mill-anqas spezzjonat b’mod viżwali, ikun sostanzjalment ħieles minn kull organiżmi li jagħmlu l-ħsara u li jnaqqsu l-kwalità, jew minn kull sinjali jew sintomi tagħhom, li jnaqqsu l-utilità tiegħu,

 irid ikun sostanzjalment ħieles minn kull diffetti li x'aktarx jistgħu jnaqqsu l-kwalità tiegħu bħala materjal tal-propagazzjoni,

 irid ikollu vitalità u qisien sodisfaċenti fir-rigward ta’ l-utilità tiegħu bħala materjal tal-propagazzjoni,

 fil-każ ta’ żerriegħa, irid ikollha l-kapaċità ta’ ġelbin sodisfaċenti,

 jekk marketed b’referenza għal xi varjetà permezz ta’ l-Artikolu 9, għandu jkollu identità u purità varjetali sodisfaċenti.

2.  Xi materjal tal-propagazzjoni li, fuq il-bażi tas-sinjali jew tas-sintomi li jidhru, m’huwiex sostanzjalment ħieles minn organiżmi li jagħmlu l-ħsara, għandu jingħata trattament xieraq jew, meta xieraq, għandu jitneħħa.

3.  Fil-każ ta’ materjal taċ-ċitru l-ħtiġiet li ġejjin għandhom ukoll ikunu sodisfatti:

(a) irid ikun idderivat minn materjal inizjali li jkun ġie kkontrollat u misjub li m’għandu l-ebda sintomi ta’ mikrobi, organiżmi bħal mikrobi jew mard;

(b) irid ikun ġie kkontrollat u misjub li huwa sostanzjalment ħieles minn dawn it-tipi ta’ mikrobi, organiżmi bħal mikrobi jew mard sa mill-bidu ta’ l-aħħar ċiklu tal-veġetazzjoni; u

(ċ) fil-każ ta’ tilqim, irid ikun ġie mlaqqam ma’ xtieli msensla tan-nisel apparti minn dawk suxxettibbli għall-virojdi.

4.  Fil-każ ta’ basal tal-fjuri għandu wkoll jissodisfa l-ħtiġiet li ġejjin:

 il-materjal tal-propagazzjoni irid ikun ġie dderivat minn materjal li, fl-istadju ta’ meta l-wiċċ tar-raba’ jkun għadu qiegħed jikber, ikun ġie kkontrollat u misjub li huwa sostanzjalment ħieles minn kull organiżmi li jagħmlu l-ħsara u minn mard, is-sinjali jew is-sintomi tagħhom.

5.  Skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18, tista’ tkun stabbilita skeda għal ġenus jew speċi partikolari, li tistipula kondizzjonijiet addizzjonali dwar il-kwalità li trid tintlaħaq mill-materjal tal-propagazzjoni meta dan ikun marketed. Ġenus jew speċi għandha tiġi inkluża fl-iskeda biss jew jintwera li hemm ħtieġa għal dawn ir-regoli addizzjonali. Meta tiġi determinata din il-ħtieġa għandhom japplikaw il-kriterji li ġejjin:

 l-esistenza ta’ problemi fir-rigward tal-kwalità tal-materjal tal-propagazzjoni tal-ispeċi jew tal-ġenus ikkonċernati, li jistgħu jiġu riżolti b’mod sodisfaċenti biss permezz ta’ mezzi leġislattivi,

 l-importanza ekonomika tal-materjal tal-propagazzjoni ta’ l-ispeċi jew tal-ġenus ikkonċernati,

 konsistenza ma’ l-istandards internazzjonali dwar pesti rregolati mhux tal-kwarantina.



TITOLU IV

ĦTIĠIET LI GĦANDHOM IKUNU MILĦUQA MILL-FORNITURI TAL-MATERJAL TAL-PROPAGAZZJONI

Artikolu 6

1.  Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, il-fornituri għandhom ikunu uffiċjalment irreġistrati b’relazzjoni ma’ l-attivitajiet li huma jwettqu taħt din id-Direttiva. Il-korp uffiċjali responsabbli jista’ jqis lill-fornituri, li huma diġà rreġistrati taħt id-Direttiva 77/93/KEE, bħala rreġistrati għall-iskopijiet tad-Direttiva preżenti. Dawn il-fornituri għandhom b’danakollu jħarsu l-ħtiġiet tad-Direttiva preżenti.

2.  Il-Paragrafu 1 m’għandux japplika għall-fornituri li jbiegħu biss lill-persuni li m’humiex involuti professjonalment fil-produzzjoni jew fil-bejgħ ta’ pjanti ornamentali jew tal-materjal tal-propagazzjoni. Dawn il-fornituri għandhom b’danakollu jħarsu l-ħtiġiet tad-Direttiva preżenti.

Artikolu 7

1.  Il-fornituri involuti fil-produzzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni għandhom:

 jidentifikaw u jissorveljaw punti kritiċi fil-proċess tal-produzzjoni tagħhom li jinfluwenzaw il-kwalità tal-materjal,

 iżommu l-informazzjoni, għall-eżami meta mitluba mill-korp uffiċjali responsabbli għas-sorveljanza stabbilit fl-ewwel inċiż,

 jieħdu kampjuni meta dawn ikunu meħtieġa għall-analiżi f’laboratorju b’faċilitajiet u b’esperjenza xierqa,

 jassiguraw li, waqt il-produzzjoni, lottijiet tal-materjal tal-propagazzjoni jibqgħu separatament identifikabbli.

2.  Fil-każ li jitfaċċa, fuq il-fond ta’ fornitur involut fil-produzzjoni ta’ materjal tal-propagazzjoni, xi organiżmu li jagħmel il-ħsara li huwa elenkat fid-Direttiva 77/93/KEE jew f’xi miżura stabbiliti skond l-Artikolu 5(5), il-fornitur għandu jirraporta lejn il-korp uffiċjali responsabbli u għandu jwettaq kull miżura ordnata minn dak il-korp.

3.  Meta l-materjal tal-propagazzjoni jkun marketed, il-fornituri rreġistrati għandhom iżommu reġistri tal-bejgħ jew tax-xiri tagħhom għal ta’ mill-anqas 12-il xahar.

4.  Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1 jistgħu jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17.



TITOLU V

MARKETING U TIKKETTJAR TAL-MATERJAL TAL-PROPAGAZZJONI

Artikolu 8

1.  Il-materjal tal-propagazzjoni għandu jkun marketed f’lottijiet. B’danakollu, il-materjal tal-propagazzjoni ta’ lottijiet differenti jista’ jkun marketed bħala konsenja waħda, sakemm il-fornitur iżomm ir-reġistri tal-kompożizzjoni u ta’ l-oriġini tal-lottijiet differenti.

2.  Meta l-materjal tal-propagazzjoni ikun marketed, dan irid jiġi akkumpanjat minn tikketta jew minn dokument ieħor magħmul mill-fornitur.

3.  B’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikoklu 17, għandhom ikunu stabbiliti l-ħtiġiet fir-rigward tat-tikketta jew tad-dokument riferit fil-paragrafu 2. Fil-każ meta jkun marketed materjal tal-propagazzjoni lejn persuni li m’humiex involuti professjonalment fil-produzzjoni jew fil-bejgħ ta’ pjanti ornamentali jew tal-materjal tal-propagazzjoni, il-ħtiġiet dwar l-ittikkettjar jistgħu jkunu llimitati għall-informazzjoni xierqa dwar il-prodott. Il-ħtiġiet dwar l-ippakkjar tal-materjal tal-propagazzjoni jistgħu jiġu adottati skond l-istess proċedura.

4.  Il-Paragrafu 1 m’għandux japplika għall-materjal tal-propagazzjoni li jitpoġġa fis-suq biss għal persuni li m’humiex involuti professjonalment fil-produzzjoni jew fil-bejgħ ta’ pjanti ornamentali jew tal-materjal tal-propagazzjoni.

Artikolu 9

1.  Materjal tal-propagazzjoni jista’ jitpoġġa fis-suq b’referenza għal varjetà, biss jekk il-varjetà kkonċernata tkun:

 legalment protetta minn dritt tal-varjetà tal-pjanta skond id-disposizzjonijiet dwar il-ħarsien tal-varjetajiet ġodda, jew

 uffiċjalment irreġistrata, jew

 magħrufa b’mod komuni, jew

 tkun iddaħħlet f’lista miżmuma minn fornitur flimkien mad-deskrizzjoni ddettaljata u d-denominazzjoni tagħha. Dawn il-listi għandhom isiru skond regoli indikattivi li huma aċċettati internazzjonalment, meta dawn ikunu applikabbli. Il-listi għandhom jitpoġġew għad-disposizzjoni, fuq talba, tal-korp uffiċjali responsabbli ta’ l-Istat Membru kkonċernat.

2.  Safejn ikun possibbli, kull varjetà għandu jkollha l-istess denominazzjoni fl-Istati Membri kollha, skond il-miżuri implimentattivi li jistgħu jiġu adottati skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 17 jew, fin-nuqqas tagħhom, skond ir-regoli indikattivi aċċettati internazzjonalment.

3.  Jekk il-materjal tal-propagazzjoni jitpoġġa fis-suq b’referenza għal grupp ta’ pjanti apparti mill-varjetà riferita fil-paragrafu 1, il-fornitur għandu jindika l-grupp tal-pjanti b’tali mod sabiex jevita konfużjoni ma’ kull denominazzjoni varjetali.

4.  Disposizzjonijiet implimentattivi addizzjonali għar-raba’ inċiż tal-paragrafu 1 jistgħu jiġu adottati skond il-proċedura li tinsab fl-Artikolu 17.



TITOLU VI

MATERJAL TAL-PROPAGAZZJONI LI JISSODISFA ĦTIĠIET ANQAS STRINĠENTI

Artikolu 10

Fil-każ li jkun hemm diffikultajiet temporanji fil-provvista tal-materjal tal-propagazzjoni li jissodisfa l-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva u li ma jkunux jistgħux jiġu ssuperati ġewwa l-Komunità, jistgħu jiġu adottati regoli, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17, dwar it-marketing ta’ materjal tal-propagazzjoni li jissodisfa ħtiġiet anqas strinġenti.



TITOLU VII

MATERJAL TAL-PROPAGAZZJONI PRODOTT F’PAJJIŻI TERZI

Artikolu 11

1.  Skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17, għandu jiġi deċiż jekk il-materjal tal-propagazzjoni li jiġi minn pajjiż terz joffrix garanziji ekwivalenti fl-aspetti kollha fir-rigward tal-materjal li jiġi mill-Komunità skond din id-Direttiva.

2.  Waqt li d-deċiżjoni riferita fil-paragrafu 1 tkun għadha pendenti, ma jistax jiġi impurtat materjal tal-propagazzjoni minn pajjiżi terzi ħlief jekk il-fornitur importatur ikun ċert qabel ma jimporta li l-materjal li huwa jrid jimporta joffri garanziji ekwivalenti f’kull aspett fil-konfront tal-materjal tal-propagazzjoni prodott ġewwa l-Komunità skond din id-Direttiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwalità, l-identifikazzjoni u s-saħħa tal-pjanti.

3.  L-importatur għandu jinnotifika lill-korpi uffiċjali responsabbli dwar il-materjal importat permezz tal-paragrafu 2 u għandu jżomm evidenza dokumentarja tal-kuntratt tiegħu mal-fornitur fil-pajjiż terz.

4.  Jistgħu jiġu stabbiliti miżuri implimentattivi relatati mal-proċedura li trid tiġi segwita u mal-ħtiġiet ulterjuri li jridu jiġu sodisfatti mill-importaturi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17.



TITOLU VIII

MIŻURI TA’ KONTROLL U DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 12

1.  L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-fornituri jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiggarantixxu l-konformità mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva. Għal dan il-għan l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-materjali tal-propagazzjoni jkunu spezzjonati uffiċjalment:

 ta’ mill-anqas permezz ta’ kontrolli bl-addoċċ, u

 ta’ mill-inqas fir-rigward tal-marketing minn persuni professjonalment involuti fil-produzzjoni jew fil-bejgħ tal-pjanti ornamentali jew tal-materjal tal-propagazzjoni,

sabiex jivverifikaw jekk ikun hemm konformità mal-ħtiġiet. L-Istati Membri jistgħu wkoll jieħdu kampjuni sabiex jivverifikaw jekk ikunx hemm il-konformità. Waqt li jwettqu s-superviżjoni u s-sorveljanza, il-korpi uffiċjali responsabbli għandu jkollhom aċċess ħieles għall-partijiet kollha ta’ l-istabbilimenti tal-fornituri matul ħinijiet raġonevoli.

Il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta’ Diċembru 2002, tissottometti rapport lill-Kunsill dwar l-andament ta’ l-arranġamenti tal-kontroll previsti minn dan l-Artikolu, flimkien ma’ proposti xierqa li jistgħu, meta jkun xieraq, jinkludu proposti għat-tneħħija tal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva mill-bejgħ bl-imnut.

2.  Proċeduri implimentattivi dettaljati għall-ispezzjonijiet uffiċjali permezz ta’ din id-Direttiva jistgħu jkunu stabbiliti skond il-proċedura kif stabbilita fl-Artikolu 17.

Artikolu 13

1.  Jekk, matul l-ispezzjonijiet uffiċjali riferiti fl-Artikolu 12, jew waqt il-provi riferiti fl-Artikolu 14, jinstab li l-materjal tal-propagazzjoni ma jkunx jissodisfa l-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva, il-korp uffiċjali responsabbli għandu jassigura li l-fornitur jieħu l-azzjoni korrettiva xierqa jew, jekk din ma tkunx possibbli, għandu jipprojbixxi l-marketing ta’ dak il-materjal tal-propagazzjoni ġewwa l-Komunità.

2.  Jekk jinstab li xi materjal tal-propagazzjoni li jitpoġġa fis-suq minn fornitur partikolari ma jkunx konformi mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva, l-Istat Membru kkonċernat għandu jassigura li jittieħdu miżuri xierqa fil-konfront ta’ dak il-fornitur.

3.  Xi miżuri meħuda permezz tal-paragrafu 2 għandhom jiġu rtirati malli jkun stabbilit b’ċertezza suffiċjenti li l-materjal tal-propagazzjoni intiż għall-marketing mill-fornitur, ikun fil-ġejjieni, konformi mal-ħtiġiet u mal-kondizzjonijet ta’ din id-Direttiva.

▼M2

Artikolu 14

1.  Provi, jew, fejn ikun xieraq, testijiet għandhom jitwettqu fl-Istati Membri fuq kampjuni biex jiċċekkjaw li l-materjal għal propagar ikun konformi mar-rekwiżiti u kondizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. Il-Kummissjoni tista’ torganizza spezzjonijiet tal-provi mir-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u tal-Kummissjoni.

2.  Testijiet u provi komparattivi tal-Komunità jistgħu jitwettqu fi ħdan il-Komunità għall-kontroll ta’ wara tal-kampjuni tal-materjal għal propagar jew xtieli ornamentali mqiegħda fis-suq skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, sew jekk obbligatorji jew liberi, inklużi dawk relatati mas-saħħa tax-xtieli. It-testijiet u provi komparattivi jistgħu jinkludu dan li ġej:

 materjal għal propagazzjoni magħmul f’pajjiżi barranin,

 materjal għal propagar u tħawwil adatt għall-biedja organika,

 materjal għal propagar imqiegħed fis-suq relatat ma’ miżuri għall-konservazzjoni tad-diversità ġenetika.

3.  Dawn it-testijiet u provi komparattivi għandhom jintużaw biex jagħmlu konformi l-metodi tekniċi ta’ eżami ta’ materjal għal propagar ta’ xtieli ornamentali u biex jiċċekkjaw li jissodisfaw il-kondizzjonijiet li magħhom il-materjal għandu jkun konformi.

4.  Il-Kummissjoni, waqt li taġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 17, għandha tagħmel l-arranġamenti meħtieġa għat-testijiet u provi komparattivi li għandhom jitwettqu. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 17 dwar l-arranġamenti tekniċi biex isiru t-testijiet u l-provi u r-riżultati tagħhom. Meta jinqalgħu problemi rigward organiżmi koperti bid-Direttiva 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 fuq miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni fil-Komunità ta’ organiżmi li jagħmlu l-ħsara lix-xtieli jew prodotti tax-xtieli u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità ( 8 ), il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Kumitat Permanenti fuq is-Saħħa tax-Xtieli, li għandha wkoll tiġi konsultata fuq protokolli għalliprovi tal-Komunità fejn dawn jolqtu organiżmi koperti bid-Direttiva 2000/29/KE.

5.  Il-Komunità tista’ tagħmel kontribuzzjoni finanzjarja għat-twettiq tat-testijiet u provi previsti fil-paragrafi 2 u 3.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja mgħandhiex tkun aktar mis-somma ta’ flus ivvotata mill-awtorità dwar il-budget.

6.  It-testijiet u l-provi li jistgħu jibbenefikaw mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità, u regoli dettaljati tad-dispożizzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja, għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 17.

7.  It-testijiet u l-provi previsti fil-paragrafi 2 u 3 jistgħu jsiru biss mill-awtoritajiet jew persuni legali ta’ l-Istat waqt li jaġixxu skond ir-responsabbiltà ta’ l-Istat.

▼B

Artikolu 15

Il-marketing tal-materjal tal-propagazzjoni li jkun konformi mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva m’għandux ikun soġġett għall-ebda restrizzjonijiet fir-rigward tal-fornitur, tal-kwalità, tas-saħħa tal-pjanti, ta’ l-ittikkettjar u ta’ l-ippakkjar, apparti milli f’dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.

Artikolu 16

Skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17, Stat Membru jista’ taħt ċerti kondizzjonijiet jitlob li jkun meħlus totalment jew parzjalment minn ċerti obbligazzjonijiet taħt din id-Direttiva fir-rigward ta’ tipi ta’ materjal tal-propagazzjoni ta’ ċerti ġeneri jew speċi li l-produzzjoni tagħhom hija ta’ importanza ekonomika minima fit-territorju tiegħu, apparti milli jekk dan imur kontra l-Artikolu 15.



TITOLU IX

IL-PROĊEDURI TAL-KUMITAT

▼M1

Artikolu 17

▼M3

1.  Il-Kumitat għandu jkun megħjun mill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf stabbilit bl-Artikolu 58(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 9 ). Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 10 ).

▼M1

2.  Meta jsir riferiment għal dan l-Artikolu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE ( 11 ).

Il-perjodu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat għal xahar.

3.  Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli tiegħu ta' Proċedura.

Artikolu 18

▼M3

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf stabbilit bl-Artikolu 58(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

▼M1

2.  Meta jsir riferiment għal dan l-Artikolu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/kE ( 12 ).

Il-perjodu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat għal tliet xhur.

▼B



TITOLU X

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 19

1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva fl-1 ta’ Lulju 1999. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan minnufih.

2.  Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-riferenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif għandha ssir din ir-referenza għandhom jiġu adottati mill-Istati Membri.

3.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lejn il-Kummissjoni it-testi tad-disposizzjonijiet ewlenija tal-liġi domestika li huma jadottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva.

Artikolu 20

1.  Id-Direttiva 91/682/KEE għandha tiġi mħassra b’effett mill-1 ta’ Lulju 1999 mingħajr preġudizzju għall-obbligazzjonijiet ta’ l-Istati Membri fir-rigward tal-perjodu tat-transposizzjoni u ta’ l-implimentazzjoni riferiti fil-Parti A ta’ l-Anness ta’ hawn isfel.

2.  Referenzi għad-Direttiva 91/682/KEE li ġiet imħassra għandhom jiftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond il-lista tal-korrelazzjoni fil-Parti B ta’ l-Anness ta’ hawn isfel.

3.  Id-dispożizzjonijiet implimentattivi adottati permezz tad-Direttiva 91/682/KEE għandhom ikomplu japplikaw ħlief jekk jiġu emendati jew imħassra minn disposizzjonijiet implimentattivi ġodda.

Artikolu 21

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




ANNESS

PARTI A



Limiti taz-zmien ghal transposizzjoni fil-ligi nazzjonali u l-implimentazzjoni

Direttiva

Limitu taż-żmien għat-transposizzjoni

Limitu ta' żmien għall-implimentazzjoni

91/682/KEE (ĠU L 376, tal-31.12.1991, p. 21.)

il-31 ta' Diċembru 1992

L-Artikoli 5-11, 14, 15, 17, 19 u 24(għall-ġeneri u għall-ispeċi kollha) il-31 ta' Diċembru 1993

PARTI B



Lista tal-korrelazzjoni

Din id-Direttiva

Direttiva 91/682/KEE

Artikolu 1

Artikoli 1 u 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 8

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 4

Artikolu 6

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 5

Artikolu 8

Artikoli 10 u 11

Artikolu 9

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 13

Artikolu 11

Artikolu 16

Artikolu 12

Artikoli 17 u 18

Artikolu 13

Artikolu 19

Artikolu 14

Artikolu 20

Artikolu 15

Artikolu 14

Artikolu 16

Artikolu 17

Artikolu 21

Artikolu 18

Artikolu 22

Artikolu 19

Artikolu 20

Artikolu 21



( 1 ) ĠU C 50, tas-17. 2. 1998, p. 8.

( 2 ) ĠU C 104, tas-6. 4. 1998, p. 40.

( 3 ) ĠU C 157, tal-25. 5. 1998, p. 3.

( 4 ) ĠU L 26, tal-31. 1. 1977, p. 20. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 98/2/KE (ĠU L 15, tal-21. 1. 1998, p. 34).

( 5 ) ĠU L 61, tat-3. 3. 1997, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 938/97 (ĠU L 140, tat-30. 5. 1997, p. 1).

( 6 ) ĠU L 376, tal-31. 12. 1991, p. 21.

( 7 ) ĠU L 365, tal-31. 12. 1994, p. 10.

( 8 ) ĠU L 169, ta’ l-10.7.2000, p. 1. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 806/2003 (ĠU L 122, tas-16.5.2003, p. 1).

( 9 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

( 10 ) Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

( 11 ) ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

( 12 ) ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.