1998L0034 — MT — 01.01.2013 — 004.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

ID-DIRETTIVA 98/34/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Ġunju 1998

►M1  li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta' informazzjoni fil-qasam ta' l-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informatika ◄

(ĠU L 204, 21.7.1998, p.37)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

ID-DIRETTIVA 98/48/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL ta' l-20 ta' Lulju 1998

  L 217

18

5.8.1998

 M2

DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2006/96/KE ta' l-20 ta’ Novembru 2006

  L 363

81

20.12.2006

►M3

REGOLAMENT (UE) Nru 1025/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-25 ta' Ottubru 2012

  L 316

12

14.11.2012


Emendat bi:

 A1

  L 236

68

23.9.2003




▼B

ID-DIRETTIVA 98/34/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Ġunju 1998

►M1  li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta' informazzjoni fil-qasam ta' l-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informatika ◄



IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 100a, 213 u 43 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni ( 1 ),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ( 2 ),

Huma u jaġixxu bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 189b tat-Trattat ( 3 ),

(1)

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE tat-28 ta’ Marzu 1983 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u r-regolamenti tekniċi ( 4 ) diġà ġiet emendata b’mod varju u sostanzjali; billi għar-raġunijiet taċ-ċarezza u tar-razzjonalità id-direttiva msemmija għandha tiġi kkonsolidata;

(2)

Billi s-suq intern jinkludi żona mingħajr fruntieri li fiha jiġi żgurat il-moviment tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital; billi, għalhekk, il-projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi fuq il-moviment tal-merkanzija u ta’ miżuri li għandhom effett ekwivalenti hija waħda mill-prinċipji bażiċi tal-Komunità;

(3)

Billi sabiex ikun imħeġġeġ it-tħaddim bla xkiel tas-suq intern għandha tiġi żgurata trasparenza kemm jista’ jkun fir-rigward ta’ l-inizjattivi nazzjonali sabiex jiġu stabbiliti standards u regolamenti tekniċi;

(4)

Billi l-ostakoli għall-kummerċ li jirriżultaw minn regolamenti tekniċi li għandhom x’jaqsmu mal-prodotti jistgħu jitħallew biss fejn huma meħtieġa sabiex jissodisfaw il-ħtiġiet essenzjali u għandhom għan fl-interess pubbliku li tiegħu huma jikkostitwixxu l-garanzija ewlenija;

(5)

Billi huwa essenzjali għall-Kummissjoni li jkollha l-informazzjoni meħtieġa għad-dispożizzjoni tagħha qabel tadotta d-dispożizzjonijiet tekniċi; billi, b’konsegwenza ta’ dan, l-Istati Membri li huma meħtieġa li jiffaċilitaw il-kisba tax-xogħol tagħha skond l-Artikolu 5 tat-Trattat għandhom jinnotifikawha bil-proġetti tagħhom fil-qasam tar-regolamenti tekniċi;

(6)

Billi l-Istati Membri kollha għandhom wkoll ikunu mgħarrfa bir-regolamenti tekniċi kkontemplati minn xi wieħed mill-Istati Membri;

(7)

Billi l-għan tas-suq intern huwa li joħloq ambjent li jwassal għall-kompetittività ta’ l-intrapriżi; billi żieda fil-proviżjoni ta’ informazzjoni hija mod wieħed li jgħin lill-intrapriżi jiksbu iktar mill-vantaġġi inerenti f’dan is-suq; billi huwa għalhekk meħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jiġu megħjuna biex jagħtu l-istima tagħhom dwar l-impatt tar-regolamenti tekniċi nazzjonali proposti mill-Istati Membri l-oħra, billi tkun provduta l-pubblikazzjoni regolari tat-titoli ta’ l-abbozzi nnotifikati u permezz tad-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kunfidenzjalità ta’ dawn l-abbozzi;

(8)

Billi huwa xieraq, fl-interess taċ-ċarezza legali, illi l-Istati Membri jħabbru b’mod pubbliku illi jkun ġie adottat regolament tekniku b’mod konformi mal-formalitajiet stabbiliti f’din id-Direttiva;

(9)

Billi, safejn u sakemm ikollhom x’jaqsmu r-regolamenti tekniċi dwar il-prodotti, il-miżuri mfassla biex jiżguraw it-tħaddim xieraq jew l-iżvilupp kontinwu jinkludu iktar ċarezza dwar l-intenzjonijiet nazzjonali u dwar it-twessigħ tal-kriterji u tal-kondizzjonijiet biex jiġi stmat l-effett potenzjali fuq is-suq tar-regolamenti proposti;

(10)

Billi huwa għalhekk meħtieġ li jiġu stmati l-ħtiġiet kollha stabbiliti fir-rigward ta’ prodott u li jitqiesu l-iżviluppi fil-prattiki nazzjonali għar-regolament tal-prodotti;

(11)

Billi l-ħtiġiet, għajr l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, li jirreferu għaċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodott wara li jkun inħareġ fis-suq x’aktarx li jaffettwaw il-moviment liberu ta’ dak il-prodott jew li joħolqu ostakoli għat-tħaddim xieraq tas-suq intern;

(12)

Billi huwa meħtieġ li jiġi kjarifikat il-kunċett ta’ regolament tekniku de facto; billi, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet li bihom l-awtorità pubblika tirreferi għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra, jew li (bihom) tinkoraġġixxi l-osservanza tagħhom, u d-dispożizzjonijiet li jirreferu għall-prodotti li magħhom tiġi assoċjata l-awtorità pubblika, fl-interess pubbliku, ikollhom l-effett li jsawbu fuq dawn il-ħtiġiet jew speċifikazzjonijiet valur li jorbot iktar milli kieku jkollhom bis-saħħa ta’ l-oriġini privata tagħhom;

(13)

Billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom wkoll jingħataw żmien biżżejjed li fih jipproponu emendi għal miżura kkontemplata, sabiex ineħħu jew inaqqsu kull ostakolu li tista’ toħloq għall-moviment liberu ta’ l-oġġetti;

(14)

Billi l-Istati Membri interessati għandhom iqisu dawn l-emendi meta jiġu biex jifformolaw it-test definittiv tal-miżura prevista;

(15)

Billi huwa inerenti fis-suq intern li, b’mod partikolari fejn ma jistax jiġi implimentat il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku mill-Istati Membri, il-Kummissjoni tadotta jew tipproponi l-adozzjoni ta’ atti Komunitarji li jorbtu; billi ġie stabbilit perjodu ta’ żmien ta’ waqfien temporanju speċifiku biex jimpedixxi li d-dħul ta’ miżuri nazzjonali jikkomprometti l-adozzjoni fl-istess qasam mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni ta’ atti tal-Komunità li jorbtu;

(16)

Billi l-Istati Membri involuti fil-kwistjoni għandhom, skond l-obbligi ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 5 tat-Trattat, iħallu għal iktar tard l-implimentazzjoni tal-miżura kkontemplata għal perjodu biżżejjed taż-żmien biex jagħtu permess jew għal eżami konġunt ta’ l-emendi proposti jew għat-tħejjija ta’ proposta għall-att li jorbot tal-Kunsill jew l-adozzjoni ta’ att li jorbot mill-Kummissjoni; billi l-limiti taż-żmien stabbiliti fil-Ftehim tal-laqgħa tar-rappreżentanti tal-gvernijiet ta’ l-Istati Membri fil-Kunsill tat-28 ta’ Mejju 1969 li jipprovdi għal waqfa u għal notifika lill-Kummissjoni ( 5 ), kif emendat bil-Ftehim tal-5 ta’ Marzu 12973 ( 6 ), instabu li mhumiex adegwati fil-każijiet involuti u għandhom għalhekk jiġu mtawla;

(17)

Billi l-proċedura li għandha x’taqsam ma’ l-arranġament ta’ waqfien (standstill) u tan-notifika tal-Kummissjoni li tinsab fil-ftehim imsemmi hawn fuq tat-28 ta’ Mejju 1969 tibqa’ tapplika għall-prodotti soġġetti għal dik il-proċedura li mhumiex koperti b’din id-Direttiva;

(18)

Billi, bil-ħsieb li titħaffef l-adozzjoni ta’ miżuri Komunitarji mill-Kunsill, l-Istati Membri għandhom jieqfu milli jadottaw regolamenti tekniċi jekk il-Kunsill ikun adotta pożizzjoni komuni fuq proposta mill-Kummissjoni dwar dak is-settur;

(19)

Billi, fil-prattika, l-istandards nazzjonali jista’ jkollhom l-istess effett fuq il-moviment tal-prodotti bħar-regolamenti tekniċi;

(20)

Billi għalhekk jidher meħtieġ li l-Kummissjoni tiġi mgħarrfa bl-istandards abbozzati f’kondizzjonijiet simili bħal dawk li japplikaw għar-regolamenti tekniċi; billi, skond l-Artikolu 213 tat-Trattat, il-Kummissjoni tista’, fil-limiti u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, tiġbor kull informazzjoni u twettaq kull kontroll meħtieġ għat-twettieq tal-biċċiet tax-xogħol fdati lilha;

(21)

Billi huwa wkoll meħtieġ għall-Istati Membri u għall-istituzzjonijiet ta’ l-istandards li jiġu mgħarrfa bl-istandards ikkontemplati mill-istituzzjonijiet ta’ l-istandards fl-Istati Membri l-oħra;

(22)

Billi notifika sistematika hija fil-fatt meħtieġa biss fil-każ ta’ suġġetti ġodda għall-istandardizzazzjoni u safejn u sakemm it-trattament ta’ dawn is-suġġetti fil-livell nazzjonali jista’ joħloq differenzi fl-istandards nazzjonali li, b’riżultat ta’ dan, x’aktarx li jfixklu t-tħaddim tas-suq; billi kull notifika jew komunikazzjoni sussegwenti li jkollha x’taqsam mal-progress ta’ l-attivitajiet nazzjonali trid tiddependi fuq l-interess f’dawn l-attivitajiet espress minn dawk li lilhom ikun diġà ġie kkomunikat dan is-suġġett ġdid;

(23)

Billi madankollu l-Kummissjoni għandha tkun kapaċi li titlob il-komunikazzjoni ta’ parti mill-programmi nazzjonali ta’ l-istandardizzazzjoni jew tal-programmi kollha biex tkun tista’ tirrevedi l-iżvilupp ta’ l-attività ta’ l-istandardizzazzjoni b’mod partikolari fis-setturi ekonomiċi;

(24)

Billi s-sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni għandha tiġi organizzata minn u għall-partijiet interessati, fuq il-bażi ta’ koerenza, trasparenza, onestà, kunsens, l-indipendenza ta’ interessi speċjali, effiċjenza u sistema ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ibbażata fuq rappreżentanza nazzjonali;

(25)

Billi t-tħaddim ta’ l-istandardizzazzjoni fil-Komunità għandu ikun imsejjes fuq id-drittijiet fundamentali tal-korpi nazzjonali ta’ l-istandardizzazzjoni, bħalma huma l-possibbilità li jiksbu abbozzi ta’ standards, li jiġu mgħarrfa b’azzjoni meħuda bi tweġiba għall-kummenti mressqa, li jkunu assoċjati ma’ attivitajiet nazzjonali ta’ standardizzazzjoni jew fit-talba tat-tħejjija ta’ standards Ewropej minflok l-istandards nazzjonali; billi jiġi min-naħa ta’ l-Istati Membri li jieħdu l-miżuri xierqa fis-setgħa tagħhom biex jiżguraw li l-korpi ta’ l-istandardizzazjoni josservaw dawn id-drittijiet;

(26)

Billi d-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-arranġamenti ta’ waqfien (standstill) li japplikaw għall-korpi nazzjonali ta’ l-istandardizzazzjoni meta jkun qiegħed jiġi mħejji standard Ewropew għandhom jinġiebu konformi mad-dispożizzjonijiet relevanti adottati mill-korpi ta’ l-istandardizzazzjoni fil-qafas tal-korpi Ewropej ta’ l-istandardizzazzjoni;

(27)

Billi huwa meħtieġ li jiġi stabbilit Kumitat Permanenti, li l-membri tiegħu jiġu maħtura mill-Istati Membri li xogħlu jkun li jgħin lill-Kummissjoni teżamina l-abbozzi ta’ l-istandards nazzjonali u li jikkopera fl-isforzi tagħha li jitnaqqas kull effett avvers ta’ dawn fuq il-moviment liberu ta’ l-oġġetti;

(28)

Billi l-Kumitat Permanenti għandu jiġi kkonsultat dwar it-talbiet għall-abbozzi ta’ l-istandardizzazzjonijiet li hemm referenza għalihom f’din id-Direttiva;

(29)

Billi din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-obbligi ta’ l-Istati Membri fejn għandhom x’jaqsmu d-dati ta’ għeluq għat-traspożizzjoni tad-Direttivi stabbiliti fl-Anness III, il-Parti B,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:



L-Artikolu 1

Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw it-tifsriet li ġejjin:

1. “prodott”, kull prodott fabbrikat b’mod industrijali u kull prodott agrikolu, inklużi prodotti mill-ħut;

▼M1

2. “servizz”, kull servizz tas-Soċjetà ta' l-Informatika, jiġifieri kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b'mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta' riċevitur ta' servizzi.

Għall-għanijiet ta' din id-definizzjoni:

 “mill-bogħod” tfisser illi servizz jiġi pprovdut mingħajr ma l-partijiet ikunu preżenti simultanjament,

 “b'mezzi elettroniċi” tfisser illi fil-bidu s-servizz jintbagħat u jiġi rċevut fid-destinazzjoni tiegħu permezz ta' tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluża kompressjoni diġitali) u l-ħażna ta' data, u dan jiġi trasmess, imwassal u rċevut għal kollox permezz ta'wajers, bir-radjo, b'mezzi ottiċi jew b'mezzi oħra elettro-manjetiċi,

 “fuq it-talba individwali ta' riċevitur tas-servizzi” tfisser illi s-servizz jiġi pprovdut permezz tat-trasmissjoni ta' data fuq talba individwali.

Lista indikattiva tas-servizzi mhux koperti b'din id-definizzjoni hija mogħtija fl-Anness V.

Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal:

 servizzi tax-xandir bir-radju,

 servizzi tax-xandir bit-televiżjoni koperti bil-punt (a) ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/552/KEE ( 7 ).

▼B

►M1  3. ◄  “speċifikazzjoni teknika”, speċifikazzjoni li tinsab f’dokument li jistabbilixxi l-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott bħalma huma l-livelli ta’ kwalità, ir-riżultat tal-ħidma, is-sigurtà jew id-dimensjonijiet, inklużi l-ħtiġiet li japplikaw għall-prodott rigward l-isem li bih il-prodott jinbiegħ, it-terminoloġija, is-simboli, l-eżaminazzjoni u l-metodi ta’ l-eżaminazzjoni, l-imballaġġ, l-immarkar jew l-ittikkettjar u l-proċeduri ta’ stima tal-konformità.

It-terminu “speċifikazzjoni teknika” jkopri wkoll il-metodi u l-proċessi tal-produzzjoni użati rigward il-prodotti agrikoli li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 38(1) tat-Trattat, il-prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem jew mill-annimali, u l-prodotti mediċinali ddefiniti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 65/65/KEE ( 8 ), kif ukoll il-metodi u l-proċessi tal-produzzjoni li għandhom x’jaqsmu ma’ prodotti oħra, fejn dawn ikolhom effett fuq il-karatteristiċi tagħhom;

►M1  4. ◄  “ħtiġiet oħra”, ħtieġa, għajr speċifikazzjoni teknika, imposta fuq prodott bil-għan li tipproteġi, b’mod partikolari, il-konsumatur jew l-ambjent, u li taffettwa ċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu wara li jkun inħareġ fis-suq, bħalma huma l-kondizzjonijiet dwar l-użu, ir-riċiklaġġ, l-użu mill-ġdid jew ir-rimi, fejn dawn il-kondizzjonijiet jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinifikanti l-kompożizzjoni jew in-natura tal-prodott jew il-bejgħ tiegħu fis-suq;

▼M1

5. “regola dwar is-servizzi”, ħtieġa ta' natura ġenerali li għandha x'taqsam mal-bidu u l-eżerċizzju ta' attivitajiet ta' servizzi fit-tifsira tal-punt 2, b'mod partikolari id-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-fornitur tas-servizz, is-servizzi u r-riċevitur tas-servizzi, għajr kull regola li mhijiex speċifikament immirata lejn is-servizzi definiti f'dak il-punt.

Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għar-regoli li għandhom x'jaqsmu ma' materji koperti bil-leġislazzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni, kif definiti bid-Direttiva 90/387/KEE ( 9 ).

Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għar-regoli li għandhom x'jaqsmu ma' materji koperti bil-leġislazzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, kif elenkati b'mod mhux eżawrenti fl-Anness VI għal din id-Direttiva.

Bl-eċċezzjoni ta' l-Artikolu 8(3), din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għar-regoli promulgati minn jew għal swieq regolati fit-tifsira tad-Direttiva 93/22/KEE jew minn jew għal swieq oħra jew korpi li jwettqu operazzjonijiet ta' kumpens jew pagament għal dawk is-swieq.

Għall-għanijiet ta' din id-definizzjoni:

 regola għandha tiġi kkunsidrata li tkun speċifikament immirata lejn is-servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informatika fejn, filwaqt li tqis id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet tagħha u tal-parti operattiva tagħha, il-mira speċifika u l-għan tad-dispożizzjonijiet kollha jew ta' xi wħud minnhom individwali tagħha huma dawk li jirregolaw dawn is-servizzi b'mod espliċitu u mmirat,

 regola m'għandhiex tiġi kkunsidrata li tkun speċifikament immirata lejn is-servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informatika jekk din taffettwa dawn is-servizzi biss b'mod impliċitu jew aċċidentali.

▼M3 —————

▼M1

11. “regolament tekniku”, speċifikazzjonijiet tekniċi u ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi rilevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ tat-tqegħid fis-suq, il-forniment ta' servizz, l-istabbiliment ta' operatur tas-servizz jew l-użu fi Stat Membru jew f'parti l-kbira minnu, kif ukoll il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri, għajr dawk ipprovduti fl-Artikolu 10, li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta' prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta' servizz, jew l-istabbiliment ta' fornitur tas-servizz.

Ir-regolamenti tekniċi de facto jinkludu:

 il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' Stat Membru li jirreferu jew għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew għal ħtiġiet oħra jew għal regoli dwar is-servizzi, jew għall-kodiċijiet professjonali jew il-kodiċijiet ta' prattika li, min-naħa tagħhom, jirreferu għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew għal ħtiġiet oħra jew għal regoli dwar is-servizzi, li l-ħarsien tagħhom jagħti preżunzjoni ta' konformità ma' l-obbligi imposti mil-liġijiet, mir-regolamenti jew mid-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija iktar 'il fuq,

 ftehim volontarji li awtorità pubblika tkun parti kontrattanti għalihom u li jipprovdu, fl-interess ġenerali, għal konformità ma' l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, għajr speċifikazzjonijiet dwar l-offerti ta' l-akkwist pubbliku,

 speċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi li huma marbutin ma' miżuri fiskali jew finanzjarji li jaffettwaw il-konsum ta' prodotti jew ta' servizzi billi jinkoraġġixxu l-konformità ma' dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew il-ħtiġiet l-oħra jew ir-regoli dwar servizzi; speċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi marbutin mas-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali mhumiex inklużi.

Dan jinkludi r-regolamenti tekniċi imposti mill-awtoritajiet innominati mill-Istati Membri u li jidhru f'lista li għandha titfassal mill-Kummissjoni qabel il-5 ta' Awissu 1999 (*), fil-qafas tal-Kumitat li hemm riferenza għalih fl-Artikolu 5.

Għandha tiġi użata l-istess proċedura biex tiġi emendata din il-lista;

12. “abbozz ta' regolament tekniku”, it-test ta' speċifikazzjoni teknika jew ħtieġa oħra jew ta' regola dwar is-servizzi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi, ifformulat bil-għan li jsir liġi bħala regolament tekniku, bit-test ikun fi stadju ta' tħejjija fejn ikun għad jistgħu isiru emendi sostanzjali.

▼B

Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal dawk il-miżuri li l-Istati Membri jqisu meħtieġa skond it-Trattat għall-protezzjoni tal-persuni, b’mod partikolari il-ħaddiema, meta jiġu użati prodotti, sakemm dawn il-miżuri ma jaffettwawx il-prodotti.

▼M3 —————

▼B

L-Artikolu 5

Għandu jitwaqqaf Kumitat Permanenti li jkun magħmul minn rappreżentanti maħtura mill-Istati Membri li jistgħu jitolbu l-għajnuna ta’ esperti jew konsulenti; il-President tiegħu għandu jkun rappeżentant tal-Kummissjoni.

Il-Kumitat għandu jfassal ir-regoli ta’ proċedura tiegħu.

L-Artikolu 6

1.  Il-Kumitat għandu jiltaqa’ mill-inqas darbtejn fis-sena ►M3  ————— ◄ .

▼M1

Il-Kumitat għandu jiltaqa' f'kompożizzjoni speċifika sabiex jeżamina kwistjonijiet li jkollhom x'jaqsmu mas-servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informatika.

▼B

2.  Il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kumitat rapport dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-proċeduri stabbiliti f’din id-Direttiva, u għandha tressaq proposti mmirati għall-eliminazzjoni ta’ ostakoli eżistenti jew previsti għall-kummerċ.

3.  Il-Kumitat għandu jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar il-komunikazzjonijiet u l-proposti li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 2 u jista’ f’konnessjoni ma’ dawn, b’mod partikolari, jipproponi illi l-Kummissjoni:

▼M3 —————

▼B

 tiżgura fejn meħtieġ, sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ ostakoli għall-kummerċ, illi fil-bidu, l-Istati Membri interessati jiddeċiedu bejniethom dwar miżuri xierqa,

 tieħu l-miżuri xierqa kollha,

 tidentifika l-oqsma fejn tidher meħtieġa l-armonizzazzjoni, u, jekk jinqala’ l-każ, tindaħal għall-armonizzazzjoni xierqa f’settur partikolari.

4.  Il-Kumitat għandu jiġi kkonsultat mill-Kummissjoni:

▼M3 —————

▼B

(c) meta tkun qed tiddeċiedi dwar is-sistema attwali li biha jrid jiġi effetwat l-iskambju ta’ informazzjoni li għalih hemm provvdut f’din id-Direttiva u dwar kull bdil għalih;

(d) meta tkun qed tirrevedi kif taħdem is-sistema stabbilita b’din id-Direttiva.

▼M3 —————

▼B

5.  Il-Kumitat jista’ jiġi kkonsultat mill-Kummisjoni dwar kull abbozz preliminari ta’ regolament tekniku rċevut minn din ta’ l-aħħar.

6.  Kull kwistjoni li tirrigwarda l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva tista’ tiġi sottomessa lill-Kumitat fuq it-talba tal-President tiegħu jew ta’ l-Istat Membru.

7.  Il-proċeduri tal-Kumitat u l-informazzjoni li trid tiġi sottomessa għandhom ikunu kunfidenzjali.

Madankollu, il-Kumitat u l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu, sakemm jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa, jikkonsultaw, għal opinjoni esperta, lil persuni naturali jew legali, inklużi persuni fis-settur privat.

▼M1

8.  Fir-rigward tar-regoli dwar servizzi, il-Kummissjoni u l-Kumitat jistgħu jikkonsultaw lil persuni naturali jew legali mill-industrija jew mid-dinja akkademika, u fejn possibbli korpi rappreżentattivi, kapaċi li jagħtu opinjoni esperta dwar il-miri soċjali u tas-soċjetà u l-konsegwenzi ta' kull abbozz ta' regola dwar is-servizzi, u jqisu l-parir tagħhom kull meta jiġu mitluba li jagħmlu dan.

▼M3

Artikolu 7

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 8(1), it-talbiet kollha li jsiru lill-istituzzjonijiet tal-istandards biex ifasslu speċcifikazzjonijiet tekniċi jew standard għal prodotti speċifiċi bil-għan li jilleġislaw regolament tekniku għal tali prodotti bħala abbozz ta' regolamenti tekniċi, u għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet għal-leġislazzjoni tagħhom.

▼B

L-Artikolu 8

1.  Soġġetti għall-Artikolu 10, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l-informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ l-istandard relevanti tkun biżżejjed; għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawn ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz.

Fejn ikun xieraq, u għajr jekk ma jkunux diġà bagħtuh b’komunika minn qabel, l-Istati Membri għandhom simultanjament jikkomunikaw it-test tad-dispożizzjonijiet bażiċi leġislattivi jew regolatorji interessati prinċipalment u direttament, jekk it-tagħrif ta’ dan it-test ikun meħtieġ biex jistma l-implikazzjonijiet ta’ l-abozz ta’ regolament tekniku.

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-abbozz mill-ġdid skond il-kondizzjonijiet ta’ hawn fuq jekk jagħmlu tibdil lill-abbozz li jkollu l-effett li jibdel b’mod sinifikanti l-iskop tiegħu, iqassru l-iskeda imfassla oriġinarjament għall-implimentazzjoni, iżidu l-ispeċifikazzjonijiet jew il-ħtiġiet jew jagħmlu lil dawn ta’ l-aħħar iktar stretti.

Fejn, b’mod partikolari, l-abbozz ifittex li jillimita l-bejgħ fis-suq jew l-użu ta’ sustanza kimika, it-tħejjija jew il-prodott għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika jew għall-protezzjoni tal-konsumaturi jew ta’ l-ambjent, l-Istati Membri għandhom jibagħtu wkoll jew sommarju jew ir-referenzi tad-data kollha relevanti li għandhom x’jaqsmu mas-sustanza, mat-tħejjija jew mal-prodott involut u dwar sostituti magħrufa u disponibbli, fejn din l-informazzjoni tkun disponibbli, u jikkomunikaw l-effetti antiċipati tal-miżura dwar is-saħħa pubblika u l-protezzjoni tal-konsumatur u ta’ l-ambjent, flimkien ma’ analiżi dwar ir-riskju imwettaq kif xieraq b’mod konformi mal-prinċipji għall-evalwazzjoni tar-riskju minn sustanzi kimiċi kif hemm referenza għalih fl-Artikolu 10(4) tar-Regolament (KEE) Nru 793/93 ( 10 ) fil-każ ta’ sustanza eżistenti jew fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 67/548/KEE ( 11 ), fil-każ ta’ sustanza ġdida.

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika mill-ewwel lill-Istati Membri l-oħra bl-abbozz u d-dokumenti kollha li jkunu ntbagħtulha; tista’ wkoll tirreferi dan l-abbozz, għal opinjoni, lill-Kumitat li hemm referenza għalih fl-Artikolu 5 u, fejn xieraq, lill-kumitat responsabbli mill-qasam involut inkwistjoni.

▼M1

Rigward l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra jew ir-regoli dwar servizzi li hemm riferenza għalihom fit-tielet inċiż tat-tieni subparagrafu tal-punt 11 ta' l-Artikolu 1, il-kummenti jew l-opinjonijiet dettaljati tal-Kummissjoni jew ta' l-Istati Membri jista' jkollhom x'jaqsmu biss ma' l-aspetti li jistgħu jfixklu l-kummerċ jew, rigward ir-regoli dwar servizzi, il-moviment liberu tas-servizzi jew il-libertà ta' stabbiliment ta' operaturi tas-servizz u mhux l-aspetti fiskali jew finanzjarji tal-miżura.

▼B

2.  Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jagħmlu kummenti lill-Istat Membru li jkun bagħat l-abbozz tar-regolament tekniku; dan l-Istat Membru għandu jqis dawn il-kummenti kemm jista’ jkun possibbli fit-tħejjija sussegwenti tar-regolament tekniku.

3.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw it-test definittiv tar-regolament tekniku lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

4.  L-informazzjoni fornuta skond dan l-Artikolu ma għandhiex tkun kunfidenzjali għajr fuq it-talba espressa ta’ l-Istat Membru li jinnotifika. Kull talba bħal din għandha tiġi appoġġjata b’raġunijiet.

F’każijiet ta’ din ix-xorta, jekk jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa, il-Kumitat li hemm referenza għalih fl-Artikolu 5 u l-awtoritajiet nazzjonali għandhom ifittxu l-parir espert mingħand persuni naturali jew legali fis-settur privat.

5.  Meta r-regolamenti tekniċi abbozzati jagħmlu parti minn miżuri li jkunu meħtieġa li jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni fl-istadju ta’ abbozz skond att Komunitarju ieħor, l-Istati Membri jistgħu jibagħtu komunika fit-tifsira tal-paragrafu 1 skond dan l-att l-ieħor, sakemm jindikaw formalment illi l-komunika msemmija tikkostitwixxi wkoll komunika skond il-għanijiet ta’ din id-Direttiva.

In-nuqqas ta’ reazzjoni mill-Kummissjoni skond din id-Direttiva għall-abbozz ta’ regolament tekniku ma għandux jippreġudika xi deċiżjoni li tista’ tittieħed skond atti oħra tal-Komunità.

L-Artikolu 9

1.  L-Istati Membri għandhom jipposponu l-adozzjoni ta’ abozz ta’ regolament tekniku għal tliet xhur mid-data ta’ meta l-Kummissjoni tirċievi l-komunika li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 8(1).

▼M1

2.  L-Istati Membri għandhom jipposponu:

 għal erba' xhur l-adozzjoni ta' abbozz ta' regolament tekniku fil-għamla ta' ftehim volontarju fit-tifsira tat-tieni inċiż tat-tieni subparagrafu tal-punt 11 ta' l-Artikolu 1,

 mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 3, 4 u 5, għal sitt xhur l-adozzjoni ta' kull abbozz ta' regolament tekniku ieħor (għajr l-abbozzi tar-regoli dwar servizzi),

mid-data ta' meta l-Kummissjoni tkun irċeviet il-komunikazzjoni li hemm riferenza għaliha fl-Artikolu 8(1) jekk il-Kummissjoni jew Stat Membru ieħor jagħtu opinjoni dettaljata, fi żmien tliet xhur minn dik id-data, b'effett li l-miżura prevista tista' toħloq xkiel għall-moviment liberu tal-merkanzija ġewwa s-suq intern;

 mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 4 u 5, għal erba' xhur l-adozzjoni ta' kull abbozz ta' regola dwar servizzi, mid-data li fiha l-Kummissjoni tkun irċeviet il-komunikazzjoni li hemm riferenza għaliha fl-Artikolu 8(1) jekk il-Kummissjoni jew xi Stat Membru ieħor jagħti opinjoni dettaljata, fi żmien tliet xhur minn dik id-data, illi l-miżura prevista tista' toħloq xkiel għall-moviment liberu tas-servizzi jew għall-libertà ta' stabbiliment ta' operaturi tas-servizzi ġewwa s-suq intern.

Fir-rigward ta' abbozzi ta' regoli dwar is-servizzi, l-opinjonijiet dettaljati mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri ma jistgħux jaffettwaw miżuri tal-politika kulturali, b'mod partikolari fl-isfera awdjo-viżiva, li l-Istati Membri jistgħu jadottaw b'mod konformi mal-liġijiet tal-Komunità, filwaqt li jqisu d-diversità lingwistika, il-karatteristiċi speċifiċi nazzjonali u reġjonali u l-wirt kulturali tagħhom.

L-Istat Membru konċernat għandu jirrapporta lill-Kummissjoni dwar l-azzjoni li jipproponi li jieħu fuq dawn l-opinjonijiet dettaljati. Il-Kummissjoni għandha tikkummenta fuq din ir-reazzjoni.

Fir-rigward tar-regoli dwar servizzi, l-Istat Membru konċernat għandu jindika, fejn xieraq, ir-raġunijiet għaliex ma jistgħux jitqiesu l-opinjonijiet dettaljati.

3.  Bl-esklużjoni ta' l-abbozzi tar-regoli li għandhom x'jaqsmu ma' servizzi, l-Istati Membri għandhom jipposponu l-adozzjoni ta' abbozz ta' regolament tekniku għal tnax-il xahar mid-data li fiha l-Kummissjoni tkun irċeviet il-komunikazzjoni li hemm riferenza għaliha fl-Artikolu 8(1) jekk, fi żmien tliet xhur minn din id-data, il-Kummissjoni tħabbar l-intenzjoni tagħha li tipproponi jew li tadotta direttiva, regolament jew deċiżjoni dwar il-materja b'mod konformi ma' l-Artikolu 189 tat-Trattat.

▼B

4.  L-Istati Membri għandhom jipposponu l-adozzjoni ta’ abozz ta’ regolament tekniku għal 12-il xahar mid-data meta l-Kummissjoni tkun irċeviet il-komunika li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 8(1) jekk, fi żmien tliet xhur wara din id-data, il-Kummissjoni tħabbar l-intenzjoni tagħha li tipproponi jew tadotta direttiva, regolament jew deċiżjoni dwar il-materja b’mod konformi ma’ l-Artikolu 189 tat-Trattat.

5.  Jekk il-Kunsill jadotta pożizzjoni komuni matul il-perjodu taż-żmien tal-waqfien (standstill) li hemm referenza għalih fil-paragrafi 3 u 4, dan il-perjodu taż-żmien għandu, soġġett għall-paragrafu 6, jittawwal għal 18-il xahar.

6.  L-obbligi li hemm referenza għalihom fil-paragrafi 3, 4 u 5 għandhom jaqgħu:

 meta l-Kummissjoni tgħarraf lill-Istati Membri li ma jkunx iktar bi ħsiebha tipproponi jew tadotta att tal-Komunità li jorbot,

 meta l-Kummissjoni tgħarraf lill-Istati Membri bl-irtirar ta’ l-abbozz jew tal-proposta tagħha,

 meta l-Kummissjoni jew il-Kunsill ikunu adottaw att tal-Komunità li jorbot.

▼M1

7.  Il-paragrafi 1 sa 5 m'għandhomx japplikaw fil-każijiet fejn:

 għal raġunijiet urġenti, mqajma minn ċirkostanzi serji u imprevisti li għandhom x'jaqsmu mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika jew is-sigurtà, il-protezzjoni ta' l-annimali jew il-priservazzjoni tal-pjanti, u għar-regoli dwar servizzi, u wkoll għall-politika pubblika, b'mod speċjali l-protezzjoni tal-minuri, Stat Membru huwa obbligat li jħejji regolamenti tekniċi fi spazju qasir ħafna ta' żmien sabiex jippromulgahom u jdaħħalhom fil-pront mingħajr ma jkunu possibbli konsultazzjonijiet jew

 għal raġunijiet urġenti mqajjma minn ċirkostanzi serji li għandhom x'jaqsmu mal-protezzjoni tas-sigurtà u l-integrità tas-sistema finanzjarja, speċjalment il-protezzjoni tad-depożituri, ta' l-investituri u ta' persuni assigurati, Stat Membru huwa obbligat li jippromulga u li jimplimenta fil-pront regoli dwar is-servizzi finanzjarji.

Fil-komunikazzjoni li hemm riferenza għaliha fl-Artikolu 8, l-Istat Membru għandu jagħti r-raġunijiet għall-urġenza tal-miżuri meħuda. Il-Kummissjoni għandha tagħti l-veduti tagħha dwar il-komunikazzjoni malajr kemm jista jkun. Għandha tieħu azzjoni xierqa fil-każijiet fejn din il-proċedura ma tintużax kif suppost. Il-Parlament Ewropew għandu jinżamm imgħarraf mill-Kummissjoni.

▼B

L-Artikolu 10

1.  L-Artikoli 8 u 9 ma għandhomx japplikaw għal dawk il-liġijiet, ir-regolament u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri jew għal ftehim volontarju li permezz tiegħu l-Istati Membri:

▼M1

 jikkonformaw ma' atti Komunitarji li jorbtu li jirriżultaw fl-adozzjoni ta' speċifikazzjonijiet tekniċi jew ir-regoli dwar servizzi,

 jissodisfaw l-obbligi li joħorġu minn ftehim internazzjonali li jirriżultaw fl-adozzjoni ta' speċifikazzjonijiet tekniċi komuni jew regoli dwar servizzi fil-Komunità,

▼B

 jagħmlu użu mill-klawsoli ta’ salvagwardja li jipprovdu għalihom atti tal-Komunità li jorbtu,

 japplikaw l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 92/59/KEE ( 12 ),

 jillimitaw lilhom infushom għal li jimplimentaw sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej,

▼M1

 jillimitaw lilhom infushom għal li jemendaw regolament tekniku fi ħdan it-tifsira tal-punt 11 ta' l-Artikolu 1, b'mod konformi ma' talba tal-Kummissjoni bil-ħsieb li jitneħħa xi ostakolu għall-kummerċ jew, fil-każ tar-regoli dwar servizzi, għall-moviment liberu tas-servizzi jew tal-libertà ta' stabbiliment ta' operaturi tas-servizzi.

▼B

2.  L-Artikolu 9 ma għandux japplika għal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li jipprojbixxu l-manifattura sakemm u safejn dawn ma jostakolawx il-moviment liberu tal-prodotti.

▼M1

3.  Il-paragrafi 3 sa 6 ta' l-Artikolu 9 m'għandhomx japplikaw għall-ftehim volontarji li hemm referenza għalihom fit-tieni inċiż tat-tieni subparagrafu tal-punt 11 ta' l-Artikolu 1.

4.  L-Artikolu 9 m'għandux japplika għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra jew għar-regoli dwar is-servizzi li hemm referenza għalihom fit-tielet inċiż tat-tieni subparagrafu tal-punt 11 ta' l-Artikolu 1.

▼B

L-Artikolu 11

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sentejn lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar ir-riżultati ta’ l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. ►M3  Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-istatistiċi annwali dwar in-notifiki li tirċievi f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. ◄

L-Artikolu 12

Meta Stat Membru jadotta regolament tekniku, dan għandu jkun fih referenza għal din id-Direttiva jew għandu jkun akkumpanjat b’din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tiegħu. Il-metodi dwar kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

L-Artikolu 13

1.  Id-Direttivi u d-Deċiżjonijiet elenkati fil-lista fil-Parti A ta’ l-Anness III huma hawnhekk irrevokati mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ l-Istati Membri dwar id-dati ta’ għeluq għat-traspożizzjoni tad-Direttivi msemmija, stabbiliti fl-Anness III, il-Parti B.

2.  Ir-referenzi għad-direttivi u d-deċiżjonijiet irrevokati għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw b’mod konformi mat-tabella tal-korrelazzjoni ddikjarata fl-Anness IV.

L-Artikolu 14

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 15

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

▼M3 —————

▼B




L-ANNESS III

IL-PARTI A

Direttivi u Deċiżjonijiet revokati

(li hemm referenza għalihom bl-Artikolu 13)

Id-Direttiva 83/189/KEE u l-emendi sussegwenti tagħha

Id-Direttiva tal-Kunsill 88/l82/KEE

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 90/230/KEE

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/400/KEE

Id-Direttiva 94/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 96/139/KEE

IL-PARTI B

Il-lista tad-dati ta’ l-għeluq għat-traspożizzjoni fil-liġijiet nazzjonali

(li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 130)



Id-Direttiva

Dati ta’ għeluq għat-traspożizzjoni

83/189/KEE (ĠU L 109, tas-26.4.1983, p. 8)

il-31.3.1984

88/182/KEE (ĠU L 81, tas-26.3.1988, p. 75)

l-l-1.1.1989

94/10/KE (ĠU L 100, tad-19.4.1994, p. 30)

l-1.7.1995




L-ANNESS IV

TABELLA TAL-KORRELAZZJONI



Id-Direttiva tal-Kunsill 83/l89/KEE

Din id-Direttiva

L-Artikolu 1

L-Artikolu 1

L-Artikolu 2

L-Artikolu 2

L-Artikolu 3

L-Artikolu 3

L-Artikolu 4

L-Artikolu 4

L-Artikolu 5

L-Artikolu 5

L-Artikolu 6

L-Artikolu 6

L-Artikolu 7

L-Artikolu 7

L-Artikolu 8

L-Artikolu 8

L-Artikolu 9

L-Artikolu 9

L-Artikolu 10

L-Artikolu 10

L-Artikolu 11

L-Artikolu 11

L-Artikolu 12

L-Artikolu 12

L-Artikolu 13

L-Artikolu 14

L-Artikolu 15

L-Anness I

L-Anness I

L-Anness II

L-Anness II

L-Anness III

L-Anness IV

▼M1




L-ANNESS V

Lista indikattiva tas-servizzi mhux koperti bit-tieni subparagrafu tal-punt 2 ta' l-Artikolu 1

1.   Servizzi mhux ipprovduti “mill-bogħod”

Servizzi pprovduti fil-preżenza fiżika tal-fornitur u tar-riċevitur, anke jekk jinvolvu l-użu ta' mezzi elettroniċi

(a) eżamijiet mediċi jew kura medika fi klinika ta' tabib bl-użu ta' tagħmir elettroniku fejn il-pazjent ikun fiżikament preżenti;

(b) konsultazzjoni ta' katalgu elettroniku f'ħanut bil-klijent fuq il-post;

(ċ) riservazzjoni ta' biljetti ta' l-ajru f'aġenzija tal-vjaġġi fil-preżenza fiżika tal-klijent permezz ta' network ta' kompjuters;

(d) logħob elettroniku magħmul disponibbli f'video-arcade fejn il-klijent ikun fiżikament preżenti.

2.   Servizzi mhux ipprovduti permezz ta' “mezzi elettroniċi”

 Servizzi li jkollhom kontenut ta' materjal anke jekk ipprovdut permezz ta' mezzi elettroniċi:

 

(a) distributuri awtomatiċi ta' flus jew biljetti (bankonoti, biljetti tat-tren);

(b) aċċess għal networks ta' toroq, parkeġġi tal-karozzi, eċċ, li jieħdu l-flus għall-użu, anke jekk ikun hemm mezzi elettroniċi fid-dħul/ħruġ li jikkontrollaw l-aċċess u/jew li jiżguraw li jsir il-pagament eżatt,

 Servizzi off-line: tqassim ta' CD roms jew software fuq id-disketti,

 Servizzi li ma jiġux ipprovduti permezz ta' sistemi ta' proċessar/inventarji elettroniċi:

 

(a) servizzi tat-telefonija bil-vuċi;

(b) servizzi tat-telefax/telex;

(ċ) servizzi pprovduti permezz tat-telefonija bil-vuċi jew bil-fax;

(d) konsulta ta' tabib bit-telefon/telefax;

(e) konsulta ta' avukat bit-telefon/telefax;

(f)  marketing dirett bit-telefon/telefax.

3.   Servizzi mhux ipprovduti “fuq it-talba individwali ta' riċevitur tas-servizzi”

Servizzi pprovduti bit-trasmissjoni ta' data mingħajr it-talba individwali li tiġi riċevuta simultanjament minn numru bla limitu ta' riċevituri individwali (trasmissjoni minn punt għal diversi punti):

(a) servizzi tax-xandir bit-televiżjoni (inklużi servizzi ta' near-video on-demand koperti bil-punt (a) ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/552/KEE;

(b) servizzi tax-xandir bir-radjo;

(ċ)  teletext (bit-televiżjoni).




L-ANNESS VI

Lista indikattiva tas-servizzi finanzjarji koperti bit-tielet subparagrafu tal-punt 5 ta' l-Artikolu 1

 Servizzi ta' investiment

 Operazzjonijiet ta' l-assigurazzjoni jew ta' assigurazzjoni mill-ġdid

 Servizzi bankarji

 Operazzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-fondi tal-pensjonijiet

 Servizzi li għandhom x'jaqsmu ma' operazzjonijet fi futures jew options

Dawn is-servizzi jinkludu b'mod partikolari:

(a) is-servizzi ta' investiment li hemm riferenza għalihom fl-Anness għad-Direttiva 93/22/KEE ( 13 ); servizzi ta' intrapriżi ta' investiment kollettiv,

(b) is-servizzi koperti bl-attivitajiet soġġetti għar-rikonoxximent reċiproku li hemm riferenza għalihom fl-Anness għad-Direttiva 89/646/KEE ( 14 ),

(ċ) operazzjonijiet koperti bl-attivitajiet ta' l-assigurazzjoni jew ta' l-assigurazzjoni mill-ġdid riferiti fi:

 l-Artikolu 1 tad-Direttiva 73/239/KEE ( 15 ),

 l-Anness għad-Direttiva 79/267/KEE ( 16 ),

 id-Direttiva 64/225/KEE ( 17 ),

 id-Direttivi 92/49/KEE ( 18 ) u 92/96/KEE ( 19 ).



( 1 ) ĠU C 78, tat-12.3.1997, p. 4.

( 2 ) ĠU C 133, tat-28.4.1997, p. 5.

( 3 ) L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Settembru 1997 (ĠU C 304, tas-6.10.1997, p. 79), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-23 ta’ Frar 1998 (ĠU C 110, tat-8.4.1998, p. 1) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta’ April 1998 (ĠU C 152, tat-18.5.1998). Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Mejju 1998.

( 4 ) ĠU L 109, tas-26.4.1983, p. 8. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/139/KE (ĠU L 32, tal-10.2.1996, p. 31).

( 5 ) ĠU L 76, tas-17.6.1969, p. 9.

( 6 ) ĠU C 9, tal-15.3.1973, p. 3.

( 7 ) ĠU L 298, tas-17.10.1989, p. 23. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 97/36/KE (ĠU L 202, tat-30.7.1997, p. 1)

( 8 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 65/65/KEE tas-26 ta’ Jannar 1965 dwar it-taqrib tad-dispożizzjonijiet stabbiliti b’liġi, regolament jew b’azzjoni amministrattiva li għandhom x’jaqsmu mal-prodotti mediċinali (ĠU 22, tad-9.2.1965, p. 369/65), id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 93/39/KEE (ĠU L 214, ta’ l-24.8.1993, p. 22).

( 9 ) ĠU L 192, ta' l-24.7.1990, p. 1. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 97/51/KE (ĠU L 295, tad-29.10.1997, p. 23).

( 10 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 tat-23 ta’ Marzu 1993 dwar l-evalwazzjoni u l-kontroll tar-riskji f’sustanzi eżistenti (ĠU L 84, tal-5.4.1993, p.1).

( 11 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1967 dwar it-taqrib tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu mal-klassifika, l-ippakkjar u l-ittikkettjar ta’ sustanzi perikolużi (ĠU 196, tas-16.8.1967, p. 1). Id-Direttiva, kif emendata bid-Direttiva 92/32/KEE, (ĠU L 154, tal-5.6.1992, p. 1).

( 12 ) Direttiva tal-Kunsill 92/59/KEE tad-29 ta’ Ġunju 1992 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodott (ĠU L 228, tal-11.8.1992, p.24).

( 13 ) ĠU L 141, tat-11.6.1993, p. 27.

( 14 ) ĠU L 386, tat-30.12.1989, p. 1. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 92/30/KEE (ĠU L 110, tat-28.4.1992, p. 52).

( 15 ) ĠU L 228, tas-16.8.1973, p. 3. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 92/49/KEE (ĠU L 228, tal-11.8.1992, p. 1).

( 16 ) ĠU L 63, tat-13.3.1979, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 90/619/KEE (ĠU L 330, tad-29.11.1990, p. 50).

( 17 ) ĠU 56, ta' l-4.4.1964, p. 878/64. Id-Direttiva kif emendata bl-Att ta' Adeżjoni 1973.

( 18 ) ĠU L 228, tat-11.8.1992, p. 1.

( 19 ) ĠU L 360, tas-7.12.1992, p. 1.