01996L0071 — MT — 30.07.2020 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
ID-DIRETTIVA 96/71/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-istazzjonar ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi (ĠU L 018 21.1.1997, p. 1) |
Emendata bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
Nru |
Paġna |
Data |
||
L 173 |
16 |
9.7.2018 |
Ikkoreġuta bi:
ID-DIRETTIVA 96/71/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-16 ta' Diċembru 1996
dwar l-istazzjonar ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
–1. Din id-Direttiva għandha tiżgura l-protezzjoni ta’ ħaddiema stazzjonati matul l-istazzjonar tagħhom fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, billi jiġu stipulati dispożizzjonijiet obbligatorji rigward il-kondizzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema li għandhom jiġu rrispettati.
–1a. Din id-Direttiva ma għandha bl-ebda mod taffettwa l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali kif rikonoxxuti fl-Istati Membri u fil-livell tal-Unjoni, inkluż id-dritt jew il-libertà tal-istrajk jew li jittieħdu azzjonijiet oħra koperti bis-sistemi speċifiċi ta’ relazzjonijiet industrijali fl-Istati Membri, f’konformità mal-liġi u/jew il-prassi nazzjonali. Lanqas ma taffettwa d-dritt tan-negozjar, il-konklużjoni u l-infurzar ta’ ftehimiet kollettivi, jew li tittieħed azzjoni kollettiva f’konformità mal-liġi u/jew il-prassi nazzjonali.
1. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-impriżi stabbiliti fi Stat Membru li, fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi transnazzjonali, jistazzjonaw ħaddiema skond il-paragrafu 3, fit-territorju ta' Stat Membru.
2. Din id-Direttiva ma tapplikax għall-impriżi ta' marina merkantili fir-rigward ta' baħħara.
3. Din id-Direttiva għandha tapplika sa fejn l-impriżi imsemmija fil-paragrafu 1 jieħdu waħda mill-miżuri transnazzjonali li ġejjin:
jistazzjonaw ħaddiema fit-territorju ta' Stat Membru għall-kont tagħhom proprju u taħt il-kontroll tagħhom fil-qafas ta' kuntratt konkluż bejn l-impriża li tagħmel l-istazzjonament u d-destinatarju tal-prestazzjoni ta' servizzi li jopera f'dak l-Isat Membru, sakemm teżisti relazzjoni ta' impjieg bejn l-impriża li tagħmel l-istazzjonament u l-ħaddiem fil-perjodu tal-istazzjonament; jew
jistazzjonaw ħaddiema fi stabbiliment jew f'impriża fil-proprjetà ta' grupp fit-territorju ta' Stat Membru, sakemm ikun hemm relazzjoni ta' impjieg bejn l-impriża li tagħmel l-istazzjonament u l-ħaddiema tul il-perjodu tal-istazzjonament; jew
billi jkunu impriża ta’ impjieg temporanju jew aġenzija ta’ kollokament temporanju, ifornu ħaddiem lil impriża utenti stabbilita jew li topera fit-territorju ta’ Stat Membru, sakemm ikun hemm relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża ta’ impjieg temporanju jew aġenzija ta’ kollokament temporanju u l-ħaddiem matul il-perijodu tal-istazzjonament.
Meta ħaddiem li jkun ġie fornut minn impriża ta’ impjieg temporanju jew aġenzija ta’ kollokament temporanju lil impriża utenti kif imsemmi fil-punt (c) ikun ser iwettaq ħidma fil-qafas tal-forniment transnazzjonali ta’ servizzi fis-sens tal-punt (a), (b) jew (c) mill-impriża utenti fit-territorju ta’ Stat Membru li ma jkunx dak fejn il-ħaddiem jaħdem normalment għall-impriża ta’ impjieg temporanju jew aġenzija ta’ kollokament temporanju, jew għall-impriża utenti, il-ħaddiem għandu jitqies li jkun stazzjonat fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru mill-impriża ta’ impjieg temporanju jew aġenzija ta’ kollokament li l-ħaddiem ikollu relazzjoni ta’ impjieg magħha. L-impriża ta’ impjieg temporanju jew l-aġenzija ta’ kollokament għandha titqies li tkun impriża kif imsemmi fil-paragrafu 1 u għandha tikkonforma bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-Direttiva u tad-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ).
L-impriża utenti għandha tinforma lill-impriża ta’ impjieg temporanju jew l-aġenzija ta’ kollokament li minnha ħaddiem ġie fornut fi żmien xieraq qabel il-bidu tax-xogħol imsemmi fit-tieni subparagrafu.
4. L-impriżi stabbiliti fi Stat li mhux membru m'għandhomx jingħataw trattamenti iktar favorevoli minn impriżi stabbiliti fi Stat Membru.
Artikolu 2
Tifsira
1. Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, “ħaddiem stazzjonat” tfisser ħaddiem li, għall-perjodu limitat jagħmel ix-xogħol tiegħu fitterritorju ta' Stat Membru barra mill-Istat li normalment jaħdem fih.
2. Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, id-definizzjoni ta' ħaddiem hija dik li tapplika fil-liġi ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-ħaddiem jiġi stazzjonat.
Artikolu 3
It-termini u l-kondizzjonijiet ta' l-impjieg
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw, irrispettivament minn liema liġi tkun tapplika għar-relazzjonijiet tal-impjieg, li impriżi kif imsemmi fl-Artikolu 1(1) jiggarantixxu, abbażi ta’ ugwaljanza ta’ trattament, lill-ħaddiema li jkunu stazzjonati fit-territorju tagħhom it-termini u l-kondizzjonijiet tal-impjieg li jkopru l-kwistjonijiet li ġejjin li jkunu stipulati fl-Istat Membru fejn jitwettaq ix-xogħol:
il-perijodi massimi ta’ xogħol u l-perijodi minimi ta’ mistrieħ;
it-tul minimu tal-leave annwali mħallas;
ir-remunerazzjoni, inkluż ir-rati ta’ sahra; dan il-punt ma japplikax għal skemi ta’ pensjoni okkupazzjonali tal-irtirar supplementari;
il-kondizzjonijiet għall-forniment ta’ ħaddiema, b’mod partikolari l-forniment ta’ ħaddiema minn impriżi tal-impjieg temporanju;
is-saħħa, is-sigurtà u l-iġjene fuq ix-xogħol;
miżuri protettivi dwar it-termini u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ nisa tqal jew nisa li welldu reċentement, ta’ tfal u ta’ żgħażagħ;
ugwaljanza ta’ trattament bejn l-irġiel u n-nisa u dispożizzjonijiet oħra dwar in-nondiskriminazzjoni;
il-kondizzjonijiet tal-akkomodazzjoni tal-ħaddiema fejn ipprovduti minn min iħaddem lil ħaddiema li jkunu l-bogħod mill-post tax-xogħol regolari tagħhom;
allowances jew rimborż ta’ spejjeż biex jiġu koperti l-ispejjeż ta’ vjaġġar, tal-ikel u tal-alloġġ għal ħaddiema l-bogħod mid-dar għal raġunijiet professjonali.
Il-punt (i) għandu japplika esklużivament għal spejjeż tal-ivvjaġġar, l-ikel u l-alloġġ imġarrba minn ħaddiema stazzjonati fejn huma jkunu meħtieġa li jivvjaġġa lejn il-post regolari tax-xogħol tagħhom fl-Istat Membru li ġew stazzjonati fit-territorju tiegħu, u lura, jew fejn jintbagħtu temporanjament mill-impjegatur tagħhom minn dak il-post regolari tax-xogħol lejn post tax-xogħol ieħor.
Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, il-kunċett ta’ remunerazzjoni għandu jiġi ddeterminat mil-liġi u/jew il-prattika nazzjonali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jiġi stazzjonat il-ħaddiem u jfisser l-elementi kostitwenti kollha tar-remunerazzjoni magħmula obbligatorji permezz ta’ dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amministrattivi, ftehimiet kollettivi jew sentenza ta’ arbitraġġ nazzjonali li, f’dak l-Istat Membru, tkun ġiet iddikjarata universalment applikabbli jew tapplika mod ieħor f’konformità mal-paragrafu 8.
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/67/UE, l-Istati Membri għandhom jippubblikaw l-informazzjoni dwar it-termini u l-kondizzjonijiet tal-impjieg, f’konformità mal-liġi u/jew il-prattika nazzjonali, mingħajr dewmien u f’mod trasparenti, fuq is-sit web nazzjonali uffiċjali uniku imsemmi f’dak l-Artikolu, inkluż l-elementi kostitwenti tar-remunerazzjoni kif imsemmi fit-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u t-termini u l-kondizzjonijiet kollha tal-impjieg f’konformità mal-paragrafu 1a ta’ dan l-Artikolu..
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni pprovduta fuq is-sit web nazzjonali uffiċjali uniku tkun preċiża u aġġornata. Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha l-indirizzi tas-siti web nazzjonali uffiċjali uniċi.
Fejn, b’mod mhux konformi mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/67/UE, l-informazzjoni fuq is-sit web nazzjonali uffiċjali uniku ma tindikax liema termini u kondizzjonijiet ta’ impjieg għandhom jiġu applikati, dik iċ-ċirkostanza għandu jittieħed kont tagħha, f’konformità mal-liġi u/jew il-prattika nazzjonali, fid-determinazzjoni tal-penali fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati bis-saħħa ta’ din id-Direttiva, fil-miżura neċessarja biex tiġi żgurata l-proporzjonalità tagħha.
1a. Fejn id-durata effettiva tal-stazzjonar taqbeż it-12-il xahar, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, irrispettivament minn liema liġi tapplika għar-relazzjonijiet tal-impjieg, li impriżi kif imsemmi fl-Artikolu 1(1) jiggarantixxu, abbażi ta’ ugwaljanza ta’ trattament, lill-ħaddiema stazzjonati li jkunu fit-territorju tagħhom, flimkien mat-termini u l-kondizzjonijiet tal-impjieg imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, it-termini u l-kondizzjonijiet applikabbli kollha tal-impjieg li jkunu stipulati fl-Istat Membru fejn jitwettaq ix-xogħol:
L-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandux japplika għall-kwistjonijiet li ġejjin:
il-proċeduri, il-formalitajiet u l-kondizzjonijiet tal-konklużjoni u t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ impjieg, inkluż klawżoli ta’ nonkompetizzjoni;
skemi ta’ pensjoni okkupazzjonali tal-irtirar supplementari.
Fejn il-fornitur ta’ servizz jippreżenta notifika motivata, l-Istat Membru fejn jiġi pprovdut is-servizz għandu jestendi l-perijodu msemmi fl-ewwel subparagrafu għal 18-il xahar.
Fejn impriża kif imsemmi fl-Artikolu 1(1) tissostitwixxi ħaddiem stazzjonat b’ħaddiem stazzjonat ieħor li jwettaq l-istess xogħol fl-istess post, id-durata tal-istazzjonament, għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, għandha tkun id-durata kumulattiva tal-perijodi ta’ stazzjonament tal-ħaddiema stazzjonati individwali kkonċernati.
Il-kunċett ta’ “l-istess xogħol fl-istess post” imsemmi fir-raba’ subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu jiġi ddeterminat filwaqt li jittieħed kont fost l-oħrajn tan-natura tas-servizz li għandu jiġi pprovdut, ix-xogħol li għandu jitwettaq u l-indirizz(i) tal-post tax-xogħol.
1b. L-Istati Membri għandhom jistipulaw li l-impriżi msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 1(3) jiggarantixxu lill-ħaddiema stazzjonati t-termini u l-kondizzjonijiet li japplikaw bis-saħħa tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ) lil ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija fornuti minn aġenziji tax-xogħol temporanju stabbiliti fl-Istat Membru fejn jitwettaq ix-xogħol.
L-impriża utenti għandha tinforma lil-impriżi msemmijin fil-punt (c) tal-Artikolu 1(3) dwar it-termini u l-kondizzjonijiet tal-impieg li din tapplika fir-rigward tal-kondizzjonijiet tax-xogħol u r-remunerazzjoni safejn koperti mill-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.
2. Fil-kaz ta' assemblaġġ inizjali u/jew l-ewwel installazzjoni ta' oġġetti meta din hija parti integrali ta' kuntratt għall-fornitura ta' oġġetti u neċessarju biex l-oġġetti forniti jintużaw u li jkunu esegwiti minn ħaddiema kwalifikati u/jew speċjalizzati ta' l-impriża ta' fornitura, l-ewwel subparagrafu tal- paragrafu 1 (b) u (ċ) m'għandhomx japplikaw, jekk il-perjodu tal-istazzjonament ma jaqbiżx tmint ijiem.
Din id-dispożizzjoni m'għandhiex tapplika għall-attivitajiet fil-qasam ta' xogħol tal-bini mniżżel fl-Anness.
3. L-Istati Membri jistgħu, wara li jikkonsultaw ma' min iħaddem u mal-ħaddiema, skond it-tradizzjonijiet u l-prattiki ta' kull Stat Membru, jiddeċiedu li ma japplikawx l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 (ċ) fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 1(3)(a) u (b) meta t-tul tal-istazzjonament ma jaqbiżx xahar.
4. L-Istati Membri jistgħu, skond il-liġijiet u/jew il-prattiki nazzjonali, jipprovdu li jistgħu isiru eżenzjonijiet mill-ewwel subparagrafu tal-paragrafu (ċ) fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 1(3)(a) u (b) u mid-deċiżjoni mill-Stat Membru fis-sens tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, permezz ta' ftehim kollettiv fis-sens tal-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu, dwar wieħed jew aktar setturi ta' attività, meta t-tul tal-istazzjonament ma jaqbiżx xahar.
5. L-Istati Membri jistghu jipprovdu biex l-eżenzjonijiet jingħataw mill-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 (b) u (ċ) fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 1(3)(a) u (b) għar-raġuni li x-xogħol li għandu jsir ikun insinifikanti. L-Istati Membri li jagħmlu użu mill-għażla msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jistabilixxu l-kriterji li x-xogħol li għandu jsir għandu jilħaq sabiex jiġi kkunsidrat “insinifikanti”.
6. It-tul tal-istazzjonament għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi ta' sena mill-bidu tal-istazzjonament. Għall-iskop ta' dawn il-kalkoli, għandu jittieħed kont ta' kull perjodu preċedenti li matulhom kien jokkupa l-post ħaddiem stazzjonat.
7. Il-paragrafi 1 sa 6 m’għandhomx jipprevjenu l-applikazzjoni ta’ termini u kondizzjonijiet ta’ impjieg li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema.
L-allowances speċifiċi għall-istazzjonament għandhom jitqiesu bħala parti mir-remunerazzjoni, sakemm ma jitħallsux bħala rimborż ta’ spejjeż effettivament imġarrba minħabba l-istazzjonament, bħal spejjeż tal-ivvjaġġar, tal-ikel u tal-alloġġ. ►C2 Min iħaddem jenħtieġ li, mingħajr preġudizzju għall-punt (i) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, jirrimborża lill-ħaddiema stazzjonat għal tali spejjeż f'konformità mal-liġi u/jew il-prattika nazzjonali applikabbli għar-relazzjoni ta' impjieg. ◄
Fejn it-termini u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg applikabbli għar-relazzjoni tal-impjieg ma jiddeterminawx jekk u, fil-każ li iva liema, elementi tal-allowance speċifika għall-istazzjonament jitħallsux bħala rimborż ta’ spejjeż effettivament imġarrba minħabba l-istazzjonament jew li humiex parti mir-remunerazzjoni, allura l-allowance sħiħa għandha titqies li tkun tħallset bħala rimborż ta’ spejjeż effettivament.
8. “Ftehim kollettiv jew sentenzi ta' arbitraġġ iddikjarati bħala ta' applikazzjoni ġenerali” ifisser ftehim kollettiv jew sentenzi ta' arbitraġġ li għandhom ikunu osservati mill-impriżi kollha fissettur u fil-professjoni jew fl-industrija kkonċernata.
Fl-assenza ta’, jew b’żieda ma’, sistema biex ftehimiet kollettivi jew sentenzi ta’ arbitraġġ jiġu ddikjarati li jkollhom applikazzjoni universali fis-sens tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu, jekk jiddeċiedu hekk, jibbażaw irwieħhom fuq:
Sakemm l-applikazzjoni tagħhom għal impriżi kif imsemmi fl-Artikolu 1(1) tiżgura ugwaljanza ta’ trattament dwar kwistjonijiet elenkati fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u, fejn applikabbli, fir-rigward tat-termini u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg li għandhom jiġu ggarantiti lill-ħaddiema stazzjonati skont il-paragrafu 1a ta’ dan l-Artikolu, bejn dawk l-impriżi u l-impriżi l-oħra msemmija f’dan is-subparagrafu li huma f’pożizzjoni simili.
L-ugwaljanza ta’ trattament, fis-sens ta’ dan l-Artikolu għandha titqies li tkun teżisti fejn impriżi nazzjonali f’pożizzjoni simili:
9. L-Istati Membri jistgħu jobbligaw impriżi kif imsemmi fl-Artikolu 1(1) biex jiggarantixxu lill-ħaddiema msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 1(3), b’żieda għat-termini u l-kondizzjonijiet tal-impjieg imsemmija fil-paragrafu 1b ta’ dan l-Artikolu, termini u kondizzjonijiet oħra li japplikaw għal ħaddiema temporanji fl-Istati Membri fejn jitwettaq ix-xogħol.
10. Din id-Direttiva ma għandhiex tipprekludi l-applikazzjoni mill-Istati Membri, f’konformità mat-Trattat, għal impriżi nazzjonali u għall-impriżi ta’ Stati Membri oħra, abbażi tal-ugwaljanza ta’ trattament, tat-termini u l-kondizzjonijiet tal-impjieg dwar kwistjonijiet li mhumiex dawk imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 fil-każ ta’ dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku.
Artikolu 4
Il-kooperazzjoni dwar l-informazzjoni
1. Għall-iskopijiet ta' implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom, skond il-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali, jinnominaw uffiċċju wieħed jew aktar jew korp nazzjonali wieħed jew aktar li jagħmlu liaison.
2. L-Istati Membri għandhom jagħmlu provvediment għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet jew il-korpi kompetenti, inkluż awtoritajiet pubbliċi li, skont il-liġi nazzjonali, huma responsabbli għall-monitoraġġ tat-termini u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg imsemmija fl-Artikolu 3, inkluż fil-livell tal-Unjoni. Tali kooperazzjoni għandha b’mod partikolari tikkonsisti fit-tweġiba għal talbiet motivati minn dawk l-awtoritajiet jew korpi għal informazzjoni dwar il-forniment transnazzjonali ta’ ħaddiema, u fl-indirizzar ta’ abbużi manifesti jew każijiet possibbli ta’ attivitajiet illegali, bħal każijiet transnazzjonali ta’ xogħol mhux iddikjarat u impjieg indipendenti fittizju marbuta mal-istazzjonar ta’ ħaddiema. Fejn l-awtorità jew il-korp kompetenti fl-Istat Membru li minnu ġie stazzjonat l-ħaddiem ma jkollux fil-pussess tiegħu l-informazzjoni mitluba mill-awtorità jew il-korp kompetenti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jiġi stazzjonat il-ħaddiem, għandu jfittex dik l-informazzjoni minn awtoritajiet jew korpi oħra f’dak l-Istat Membru. Fil-każ ta’ dewmien persistenti fil-forniment ta’ tali l-informazzjoni lill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jiġi stazzjonat il-ħaddiem, il-Kummissjoni għandha tkun infurmata u għandha tiegħu miżuri xierqa.
Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet pubbliċi imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jikkooperaw mill-qrib sabiex jeżaminaw kull diffikultà li tista' tinqala' fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 3(10).
L-assistenza amministrattiva reċiproka għandha tingħata bla ħlas.
3. Kull Stat Membru għandu jieħu miżuri xierqa biex jagħmel l-informazzjoni dwar it-termini u l-kundizzjonijiet ta' impjieg msemmija fl-Artikolu 3 ġeneralment disponibbli.
4. Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni ta' l-uffiċji ta' liaison u/jew korpi kompetenti imsemmija fil-paragrafu 1.
Artikolu 5
Monitoraġġ, kontroll u infurzar
L-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jiġi stazzjonat il-ħaddiem u l-Istat Membru li minnu ġie stazzjonat il-ħaddiem għandhom ikunu responsabbli għall-monitoraġġ, il-kontroll u l-infurzar tal-obbligi stipulati f’din id-Direttiva u fid-Direttiva 2014/67/UE u għandhom jieħdu l-miżuri xierqa fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ din id-Direttiva.
L-Istati Membri għandhom jistipulaw ir-regoli dwar penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati bis-saħħa ta’ din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali stabbiliti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
L-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jiżguraw li proċeduri adegwati jkunu disponibbli għall-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tal-ħaddiema għall-infurzar tal-obbligi skont din id-Direttiva.
Fejn, wara valutazzjoni ġenerali li ssir skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/67/UE minn Stat Membru, jiġi stabbilit li impriża b’mod skorrett jew frawdolenti qed toħloq l-impressjoni li s-sitwazzjoni ta’ ħaddiem taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, dak l-Istat Membru għandu jiżgura li l-ħaddiem jibbenefika mil-liġi u l-prattika rilevanti.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dan l-Artikolu ma jwassalx għal sitwazzjoni fejn il-ħaddiem ikkonċernat ikun soġġett għal kondizzjonijiet inqas favorevoli minn dawk applikabbli għal ħaddiema stazzjonati.
Artikolu 6
Il-ġurisdizzjoni
Sabiex jiġi infurzat id-dritt għat-termini u l-kundizzjonijiet ta' impjieg iggarantiti fl-Artikolu 3, il-proċeduri gudizzjarji jistgħu jinfetħu fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-ħaddiem qiegħed jew ġie stazzjonat, mingħajr preġudizzju, meta applikabbli, għad-dritt, taħt konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti dwar il-ġurisdizzjoni, ta' ftuħ ta' li jinfetħu proċeduri fi Stat ieħor.
Artikolu 7
L-implimentazzjoni
L-Istati Membri għandhom jadottaw id-dispożizzjonijiet ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mis-16 ta' Diċembru 1999. Għandhom jinfurmaw immedjatament lill-Kummissjoni bihom.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'tali referenza fl-okkazjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
Artikolu 8
Reviżjoni mill-Kummissjoni
Sa mhux aktar tard mis-16 ta' Diċembru 2001, il-Kummissjoni għanda tirrivedi l-operat ta' din id-Direttiva bl-iskop li tipproponi l-emendi neċessarji lill-Kunsill fejn meħtieġ.
Artikolu 9
Din-id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
ANNESS
L-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 3(2) jinkludu x-xogħol kollu tal-bini li jirrigwarda l-kostruzzjoni, it-tiswija, il-manutenzjoni, l-alterazzjoni jew it-twaqqigħ ta’ bini, u b’mod partikolari x-xogħol li ġej:
it-tħaffir
iċ-ċaqliq ta' materjal ta' l-art
ix-xogħol ta' bini
l-assemblaġġ u l-iżmuntar ta' elementi prefabbrikati
l-armar jew l-installazzjoni
l-alterazzjonijiet
ir-renovazzjoni
it-tiswija
iż-żarmar
id-demolizzjoni
il-manutenzjoni
ix-xogħol ta' dekorazzjoni, ta' żebgħa u tindif
it-titjib
( 1 ) Id-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta’ ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta’ servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU L 159, 28.5.2014, p. 11).
( 2 ) Id-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9).