1995D0319 — MT — 01.01.2010 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-12 ta' Lulju 1995

biex tistabbilixxi Kumitat ta' Spetturi Anzjani fuq ix-Xogħol

(95/319/KE)

(ĠU L 188, 9.8.1995, p.11)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI tat-22 ta’ Ottubru 2008

  L 288

5

30.10.2008




▼B

ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-12 ta' Lulju 1995

biex tistabbilixxi Kumitat ta' Spetturi Anzjani fuq ix-Xogħol

(95/319/KE)



IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Billi “Grupp ta' Spetturi Anzjani fuq ix-Xogħol” ilu jopera informalment sa mill-1982;

Billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ( 1 ) fil-programm tagħha li jikkonċerna s-sigurtà, l-igjene, u s-saħħa fuq ix-xogħol tikkontempla l-formalizzazzjoni ta' laqgħat regolari ta' dan il-Grupp;

Billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Diċembru 1992 dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar effettiv tal-leġislazzjoni tal-Kommunità fil-qasam ta' l-affarijiet soċjali ( 2 ) jistiednu lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex jibqgħu jinkoraġġixxu u jappoġġaw il-kooperazzjoni mill-qrib u kontinwa bejn il-membri tal-Grupp fir-rigward tal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

Billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ( 3 ) dwar il-programm tagħha li jikkonċerna s-sigurtà, l-iġjene, u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol tipprovdi għall-formalizzazzjoni tal-“Grupp ta' Spetturi Anzjani fuq ix-Xogħol” bħala Kumitat;

Billi r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-16 Ġunju 1994 dwar l-iżvilupp ta' kooperazzjoni amministrattiva dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġislazzjoni tal-Komunità fis-suq intern ( 4 ) tiżviluppa attitudni ta' kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri u bejn dawn u l-Kummissjoni, ibbażata fuq l-obbligazzjonijiet ta' l-assistenza reċiproka u t-trasparenza u fuq il-principji tal-proporzjonalità u l-kunfidenzjalità;

Billi din l-attitudni għandha tkun adottata wkoll fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġislazzjoni soċjali tal-Kommunità fil-qasam tas-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol partikolarment kif mistqarr fil-White Paper tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija soċjali Ewropea (§ 10B) u l-Programm ta' Azzjoni Soċjali ta' Terminu medju;

Billi l-identifikazzjoni, l-analiżi, u r-riżoluzzjoni ta' problemi prattiċi relatati ma' l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' l-infurzar tal-leġislazzjoni sekondarja tal-Kommunitá dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol jaqaw l-iktar taħt il-kompetenza tas-servizzi nazzjonali ta' l-ispezzjoni fuq ix-xogħol u jeħtieġu kooperazzjoni mill-qrib bejn dawk is-servizzi u l-Kummissjoni;

Billi l-“Kumitat ta' Spetturi Anzjani fuq ix-Xogħol”, permezz ta' l-esperjenza twila tieghu, jikkostitwixxi qafas xieraq għall-monituraġġ, fuq il-bażi ta' kooperazzjoni mill-qrib bejn il-membri tiegħu u l-Kummissjoni, l-infurzar effetiv u l-ekwivalenti tal-ligi sekondarja tal-Kommunità fuq is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, u l-analiżi rigoruża ta' kwistjonijiet prattiċi involuti fil-monituragg ta' l-infurzar tal-leġislazzjoni f'dan il-qasam;

Billi din id-Deċiżjoni mhix f'kunflitt ma' l-obbligazzjonijiet tal-Istati Membri li joriġinaw mill-Konvenzjoni dwar l-Ispezzjoni fuq ix-Xogħol ta' l-ILO tal-11 ta' Lulju 1947 (Nru 81),

IDDEĊIEDIET KIF ĠEJ:



L-Artikolu 1

1.  Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn “Kumitat ta' Spetturi Anzjani fuq ix-Xogħol”, minn issa 'il quddiem imsejjaħ il-“Kumitat”.

2.  Il-Kumitat għandu jkun jikkonsisti minn rappreżentanti tas-servizzi ta' l-ispezzjoni fuq ix-xogħol ta' l-Istati Membri.

L-Artikolu 2

1.  Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu lill-Kummissjoni, jew fuq talba tal-Kummissjoni jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess, dwar kull problema li għandha x'taqsam ma' l-infurzar mill-Istati Membri tal-ligi tal-Kommunità dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

2.  Minħabba d-diversità tar-responsabbiltajiet tas-servizzi nazzjonali ta' l-ispezzjoni fuq ix-xogħol, li jistgħu imorru lil hinn mill-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, il-Kumitat, fuq talba tal-Kummissjoni jew fuq l-inizjattiva tieghu stess, għandu wkoll jagħti l-opinjoni tiegħu fuq materji li jinkludu oqsma oħrajn tal-leġislazzjoni soċjali tal-Kommunità li jħallu impatt fuq is-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

3.  Il-Kumitat għandu jipproponi lill-Kummissjoni kull inizjattiva li jħoss li hi xierqa sabiex tinkoraġġixxi l-infurzar effettiv tal-liġi tal-Kommunità dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, speċjalment permezz ta' kooperazzjoni mill-qrib bejn is-sistemi nazzjonali tal-spezzjoni fuq ix-xogħol.

L-Artikolu 3

Il-Kumitat, fl-għajnuna li jagħti lill-Kummissjoni, għandu jaħdem sabiex jilħaq l-għanijiet segwenti:

1. jiddeffinixxi l-prinċipji komuni tal-ispezzjoni fuq ix-xoghol fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u jiżviluppa metodi ta' assessjar tas-sistemi nazzjonali ta' l-ispezzjoni b'relazzjoni ma dawk il-prinċipji;

2. il-promozzjoni ta' l-għarfien imtejjeb u l-ftehim reċiproku dwar sistemi nazzjonali u prattiċi ta' spezzjoni fuq ix-xogħol differenti, il-metodi u l-oqsfa legali biex jieħu azzjoni;

3. l-iżvilupp ta' skambji ta' l-esperjenza bejn is-servizzi nazzjonali ta' l-ispezzjoni fuq ix-xogħol fil-monitoraġġ ta' l-infurzar tal-liġi sekondarja tal-Kommunitá dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, biex jassigura l-infurzar konsistenti fil-Kommunità;

4. il-promozzjoni ta' skambji għall-ispetturi fuq ix-xogħol bejn l-amministrazzjonijiet u l-istabbiliment ta' programmi ta' taħriġ għall-ispetturi;

5. it-tfassil u l-pubblikazzjoni ta' dokumenti sabiex jiffaċilitaw l-attivitajiet ta' l-ispetturi fuq ix-xogħol;

6. l-iżvilupp ta'sistema, effiċjenti u affidabbli, ta' skambju ta' l-informazzjoni bil-ħeffa bejn l-ispetturi fuq ix-xogħol dwar il-problemi kollha li jiltaqgħu magħhom fil-monitoraġġ ta' l-infurzar tal-leġislazzjoni tal-Kommunità fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol;

7. l-istabbiliment ta' kooperazzjoni attiva ma' l-ispettorat fuq ix-xogħol ta' pajjiżi terzi sabiex jiġi promoss ix-xogħol magħmul mill-Kommunitá fuq is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u sabiex tgħin biex issolvi problemi trans-fruntieri;

8. l-istudju ta' l-impatt possibbli fuq strateġiji oħrajn tal-Kommunitá ta' l-attivitajiet tal-ispezzjoni fuq ix-xogħol li għandhom x'jaqsmu mas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol.

L-Artikolu 4

Il-Kumitat għandu jistabbilixxi programm fuq medda ta' tliet snin, li bih jiġu speċifikati l-attivitajiet individwali għal kull sena filwaqt li jieħu konsiderazzjoni ta' l-evalwazzjoni ta' l-attivitajiet tas-sena preċedenti.

L-Artikolu 5

▼M1

1.  Il-Kumitati għandhom ikunu magħmula minn membru sħiħ wieħed għal kull Stat Membru.

Għal kull membru sħiħ għandu jiġi maħtur membru sostitut. Il-membru sostitut għandu jattendi l-laqgħat tal-Kumitat biss meta l-membru sħiħ ma jkunx jista’ jattendi.

2.  Il-membri sħaħ u sostituti tal-Kumitat għandhom jiġu maħtura mill-Kummissjoni fuq proposta mill-Istati Membri.

Huma u jressqu l-ismijiet tan-nomini tagħhom lill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn ikunu rappreżentanti tas-servizzi nazzjonali tal-ispezzjonijiet tax-xogħol b’mandat li jwettqu r-responsabilitajiet tal-Kumitat.

▼B

3.  Iż-żmien tal-kariga tal-membri tal-Kumitat għandu jkun ta' tliet snin. Il-ħatra tagħhom tkun tista' tiġġedded.

4.  Iż-żmien tal-kariga ta' membru għandu jintemm qabel jeskadi l-perjodu ta' tliet snin mar-riżenja jew il-mewt tiegħu jew tagħha, jew wara komunikazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kummissjoni li tindika li ż-żmien ta' kariga għandu jkun mitmum.

▼M1 —————

▼B

L-Artikolu 6

Il-lista tal-membri għandha tkun ippubblikata mill-Kummissjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej għal skopijiet ta' l-informazzjoni.

L-Artikolu 7

1.  Il-Kumitat għandu jkun ippresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

2.  Il-President għandu jkun mgħejun minn żewġ viċi-Presidenti magħżulin minn fost il-membri taż-żewġ Stati Membri li jkollhom il-Presidenza tal-Kunsill matul dik is-sena.

3.  Il-President u ż-żewġ viċi-Presidenti għandhom jikkostitwixxu l-Bureau.

4.  Il-Bureau għandu jipprepara u jorganiżża ix-xogħol tal-Kumitat flimkien mas-servizzi tal-Kummissjoni, li għandhom jiffunzjonaw bħala segretarjat ghall-Kumitat, għall-Bureau u għall-gruppi ta' ħidma referuti fl-Artikolu 9.

▼M1

Artikolu 8

1.  Il-Kumitat, bi qbil mar-rappreżentant tal-Kummissjoni, jista' jistieden lil kwalunkwe persuna b'kompetenzi partikolari biex tieħu sehem f'xogħlu fir-rigward ta' xi punt fuq l-aġenda.

2.  Kull membru jew membru sostitut jista’ jkun akkumpanjat minn espert, sakemm il-membru jibgħat talba motivata lill-president mill-inqas xahar qabel il-laqgħa tal-Kumitat relevanti.

▼B

L-Artikolu 9

1.  Il-Kumitat jista', bi qbil mar-rappreżentant tal-Kummissjoni, jistabbilixxi gruppi ta' ħidma.

▼M1

2.  Il-gruppi ta' ħidma għandhom ikunu ppreseduti minn membru tal-Kumitat jew minn espert tas-servizzi tal-ispezzjoni tax-xogħol tal-Istati Membri, u għandhom jikkonsistu minn membri tal-Kumitat u/jew esperti, skont il-każ. Il-gruppi ta' ħidma għandhom jirrappurtaw lis-sessjoni plenarja tal-Kumitat.

▼M1

Artikolu 9a

La l-membri u lanqas l-esperti ma għandhom jirċievu ħlas għal xogħolhom.

▼B

L-Artikolu 10

1.  Il-Kumitat u l-Bureau għandhom ikunu mlaqqa' mill-President tal-Kumitat, jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba ta' terz tal-membri tal-Kumitat. Il-Kumitat għandu jiltaqa' mill-inqas darbtejn fis-sena.

2.  Ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni għandhom jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Kumitat u tal-gruppi ta' ħidma.

▼M1

3.  Dawn li ġejjin jistgħu jattendu għal-laqgħat tal-Kumitat bħala osservaturi:

(a) rappreżentant tas-servizzi tal-ispezzjoni tax-xogħol ta’ kull stat taż-ŻEE/EFTA;

(b) id-Direttur tal-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol;

(ċ) rappreżentant tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol.

▼B

L-Artikolu 11

1.  Il-Kummissjoni tista', meta tfittex l-opinjoni tal-Kumitat, tistabbilixxi limitu ta' żmien li fih dik l-opinjoni għandha tkun mogħtija.

2.  Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat m'għandhomx ikunu segwiti b'vot.

3.  Il-konklużjonijiet tal-Kumitat għandhom ikunu ddikjarati bil-miktub. Fl-eventwalità ta' differenzi ta' opinjoni bejn il-membri tal-Kumitat, għandha tingħata lill-Kummissjoni stqarrija bil-miktub ta' l-veduti espressi.

▼M1

Artikolu 11a

Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu, li għandhom jistipulaw l-arranġamenti prattiċi għal xogħlu, fost oħrajn, meta jsiru l-laqgħat u l-organizzazzjoni tal-gruppi ta’ ħidma.

▼B

L-Artikolu 12

1.  Il-Kumitat għandu jħejji rapport annwali dwar l-attivitajiet tiegħu lill-Kummissjoni, speċjalment dwar xi problema li għandha x'taqsam ma' l-infurzar jew il-monitoraġġ ta' l-infurzar tal-leġislazzjoni sekondarja tal-Kommunitá dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

▼M1

2.  Il-Kummissjoni għandha tibgħat dak ir-rapport lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat Konsultattiv għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol.

▼B

L-Artikolu 13

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 214 tat-Trattat, il-membri tal-Kumitat għandhom ikunu taħt l-obbligazzjoni li ma jiżvelawx informazzjoni li jkunu saru jafu mix-xogħol tagħhom fil-Kumitat jew mill-gruppi ta' ħidma, meta l-Kummissjoni jew membru tal-Kumitat ikun irid li l-informazzjoni mogħtija jew l-opinjoni mtluba jibqgħu konfidenzjali.

F'dawn il-każi, għandhom jattendu għal-laqgħat il-membri tal-Kumitat u r-rappreżentanti tal-Kummissjoni biss.



( 1 ) ĠU C 28, tat-3.2.1988, p. 3.

( 2 ) ĠU C 49, tad-19.2.1993, p. 6.

( 3 ) COM (95) 282 final.

( 4 ) ĠU C 179, ta' l-1.7.1994, p. 1.