1993L0103 — MT — 27.06.2007 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 93/103/KE

tat-23 ta' Novembru 1993

li tirrigwarda l-ħtiġijiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa għax-xogħol abbord il-bastimenti tas-sajd (it-tlettax-il Direttiva individwali li taqa' taħt it-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391KEE)

(ĠU L 307, 13.12.1993, p.1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

DIRETTIVA 2007/30/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Test b’relevanza għaż-ŻEE ta’ l-20 ta’ Ġunju 2007

  L 165

21

27.6.2007




▼B

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 93/103/KE

tat-23 ta' Novembru 1993

li tirrigwarda l-ħtiġijiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa għax-xogħol abbord il-bastimenti tas-sajd (it-tlettax-il Direttiva individwali li taqa' taħt it-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391KEE)



IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 118a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummisjoni ( 1 ), imfassla wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv tas-Sigurtà, l-Iġjene u l-Protezzjoni tas-Saħħa fuq ix-Xogħol,

B'kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew ( 2 ),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali ( 3 ),

Billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Diċembru 1987 dwar is-sigurtà, l-iġjene u s-saħħa fuq ix-xogħol ( 4 ), il-Kunsill innota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tissottometti lilu l-ħtiġijiet minimi li jirrigwardaw l-organizzazzjoni dwar is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol;

Billi l-miżuri ta' sigurtà u tas-saħħa fuq ix-xogħol għandhom jiġu introdotti bħala parti mill-miżuri varji tal-Kommunità għas-settur tas-sajd;

Billi l-konformità mal-ħtiġijiet minimi sabiex jiżguraw livell aħjar ta' sigurtà u ta' saħħa abbord il-bastimenti tas-sajd hija essenzjali għalbiex jiżguraw is-sigurtà u saħħa tal-ħaddiema interessati;

Billi, minħabba x-xogħol u l-kondizzjonijiet tal-ħajja speċifiċi u b'mod partikolari diffiċli abbord il-bastimenti tas-sajd, l-eżistenza ta' l-inċidenti fatali fost il-ħaddiema li jaħdmu fis-sajd fuq il-baħar hija għolja ħafna;

Billi, fil-15 ta' April 1988, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni li tirrikonoxxi l-importanza ta' l-aspetti preventivi tas-sigurtà fuq ix-xogħol abbord il-bastimenti tas-sajd;

Billi, għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema intressati, għandha tingħata l-prominenza li jkunu lokati l-bastimenti tas-sajd f'kull emerġenza, b'mod partikolari permezz ta' l-użu tat-teknoloġiji l-ġodda;

Billi din id-Direttiva hija Direttiva individwali fit-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri li jinkoraġġixxu t-titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol ( 5 ); billi, għalhekk, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva msemmija japplikaw fl-intier tagħhom għax-xogħol abbord il-bastimenti tas-sajd, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet iktar strinġenti u/jew speċifiċi li jinsabu f'din id-Direttiva;

Billi d-Direttivi individwali diġà adottati fil-qasam tas-sigurtà u s-saħħa fuq ix-xogħol japplikaw, għajr jekk speċifikat xort'oħra, għas-sajd fuq il-baħar; billi, għalhekk, jista' f'ċerti każijiet ikun meħtieġ illi jiġu speċifikati l-karatteristiċi partikolari ta' din l-attività sabiex jiġi żgurat illi d-Direttivi individwali jiġu applikati fl-aħjar mod;

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 92/29/KEE tal-31 ta' Marżu 1992 dwar il-ħtiġijiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa għal kura medika mtejba abbord il-bastimenti ( 6 ) tapplika fl-intier tagħha għall-industrija tas-sajd fuq il-baħar;

Billi din id-Direttiva tikkonstitwixxi progress konkret lejn il-kisba tad-dimensjoni soċjali tas-suq intern,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:



L-Artikolu 1

Is-suġġett

1.  Din id-Direttiva, li hija t-tlettax-il Direttiva individwali fit-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE, tistabbilixxi l-ħtiġijiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa li japplikaw għax-xogħol abbord il-bastimenti tas-sajd, kif iddefiniti fl-Artikolu 2.

2.  Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/391/KEE japplikaw fl-intier tagħhom għall-qasam referit fil-paragrafu 1, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet iktar strinġenti u/jew speċifiċi li jinsabu f'din id-Direttiva.

L-Artikolu 2

Id-Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva, it-termini li ġejjin għandu jkollhom it-tifsiriet assenjati lilhom kif hawn taħt:

(a)  bastiment tas-sajd: kull bastiment li jtajjar il-bandiera ta' Stat Membru jew irreġistrat taħt il-ġurisdizzjoni sħiħa ta' Stat Membru użat għal-skopijiet kummerċjali jew għall-qbid jew il-qbid u l-ipproċessar tal-ħut jew ta' riżorsi oħra ħajjin mill-baħar;

(b)  bastiment tas-sajd ġdid: bastiment tas-sajd b'tul bejn il-perpendikolarijiet ta' 15-il metru jew aktar u li għalih, fid-data speċifikata fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 13(1) jew warajha:

(i) jiġi ddepożitat il-kuntratt għall-bini jew bidla maġġuri; jew

(ii) il-kuntratt tal-bini jew ta' bidla maġġuri jkun ġie ddepożitat qabel id-data speċifikata fis-subparagrafu ta' l-Artikolu 13(1) u li jiġi kkonsenjat tliet snin jew aktar wara din id-data; jew

(iii) fin-nuqqas ta' kuntratt tal-bini:

 jitqiegħed il-prim tal-bastiment, jew

 tibda l-kostruzzjoni li tista' tiġi identifikata ma' bastiment speċifiku, jew

 ikun beda t-tagħqid flimkien, li jikkonsisti f'mill-inqas 50 tunnellata jew 1 % tal-massa stmata tal-materjali strutturali kollha, liema jkun l-inqas;

(ċ)  bastiment tas-sajd eżistenti: kull bastiment tas-sajd b'tul bejn il-perpendikolarijiet ta' 18-il metru jew iktar u li mhux bastiment tas-sajd ġdid;

(d)  bastiment: kull bastiment tas-sajd ġdid jew eżistenti;

(e)  ħaddiem: kull persuna li twettaq xogħol abbord bastiment, inklużi dawk li jkunu qegħdin jitħarrġu u l-apprendisti imma esklużi l-persunal tax-xatt li jkunu jwettqu xogħol abbord bastiment mal-moll u l-piloti tal-port;

(f)  sid: is-sid irreġistrat tal-bastiment, għajr jekk dan il-bastiment ikun mikri kawża ta' falliment jew ikun immexxi, fl-intier tiegħu jew f'parti minnu, minn persuna naturali jew legali oħra għajr is-sid irreġistrat skond it-termini ta' ftehim maniġerjali; f'dan il-każ, is-sid għandu jiġi mifhum bħala l-kerrej tal-falliment jew il-persuna naturali jew legali li tamministra l-bastimenti, kif approprjat;

(g)  il-kaptan (tal-bastiment): il-ħaddiem li, skond il-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali, jikkmanda l-bastiment jew li huwa responsabbli minnu.

L-Artikolu 3

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi:

(a) is-sidien jiżguraw illi l-bastimenti tagħhom jintużaw mingħajr ma jqiegħdu s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fil-perikolu, b'mod partikolari fil-kondizzjonijiet meteoroloġiċi previsti, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltá tal-kaptan;

(b) jitqies kull riskju ffaċċjat mill-bqija tal-ħaddiema meta jiġi applikat l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 89/39/KEE;

(ċ) tiġi deskritta kull okkorenza fuq il-baħar li taffettwa jew tista' taffettwa s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema abbord f'rapport iddettaljat li għandu jintbagħat lill-awtoritajiet kompetenti u li għandu jiġi rreġistrat b'attenzjoni u fid-dettal fir-reġistru tal-bastiment, fejn ir-regolamenti jew il-leġislazzjoni nazzjonali fis-seħħ jeħtieġu illi dan ir-reġistru jinżamm fuq it-tip tal-bastiment fil-kwistjoni jew, fin-nuqqas ta' dan ir-reġistru, f'dokument meħtieg għal dan il-għan.

2.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi, rigward il-konformità ma' din id-Direttiva, il-bastimenti jkunu bla ħsara għal kontrolli regolari mill-awtoritajiet speċifikament mogħtija l-poter li jwettqu dawn il-kontrolli.

Ċerti kontrolli li jirrigwardaw il-konformità ma' din id-Direttiva jistgħu jitwettqu fuq il-baħar.

L-Artikolu 4

Il-bastimenti tas-sajd il-ġodda

Il-bastimenti l-ġodda tas-sajd għandhom jikkonformaw mal-ħtiġijiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa stabbiliti fl-Anness I sa mhux iktar tard mid-data rreferita fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 13(1).

L-Artikolu 5

Il-bastiment tas-sajd eżistenti

Il-bastimenti eżistenti tas-sajd għandhom jikkonformaw mal-ħtiġijiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa stabbiliti fl-Anness II fi żmien seba' snin mid-data rreferita fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 13(1).

L-Artikolu 6

It-tiswijiet, il-bdil u l-bidliet estensivi

Meta l-bastimenti jkollhom jgħaddu minn tiswijiet, bdil u bidliet estensivi fid-data speċifikata fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 13(1) jew warajha, dawn it-tiswijiet, bdil u bidliet estensivi għandhom jikkonformaw mal-ħtiġijiet relevanti minimi stabbiliti fl-Anness I.

L-Artikolu 7

It-tagħmir u l-manutenzjoni

1.  Għall-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-kaptan, is-sidien:

(a) jiżguraw illi l-bastimenti u l-apparat li jitwaħħal u t-tagħmir tagħhom, b'mod partikolari dawk referiti fl-Annessi I u II, ikunu miżmuma tajjeb teknikament, u kull difett misjub li x'aktarx jaffettwa s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema jiġi rretifikat mill-aktar fis possibbli;

(b) jieħdu l-miżuri sabiex jiżguraw illi l-bastimenti u l-apparat li jitwaħħal u t-tagħmir jiġu mnaddfa regolarment sabiex jinżamm l-istandard approprjat ta' l-iġjene;

(ċ) iżommu abbord il-bastiment kwantità adegwata ta' tagħmir xieraq ta' emerġenża u tas-sopravivenza f'ordni tajba tax-xogħol;

(d) tal-ħtiġijiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa li jirrigwardaw it-tagħmir tas-sigurtà u s-sopravivenza mogħtija fl-Anness III;

(e) mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 89/656/KEE tat-30 ta' Novembru 1989 dwar il-ħtiġijiet minimi tas-saħħa u s-sigurtà għall-użu mill-ħaddiema tat-tagħmir personali protettiv fuq il-post tax-xogħol (it-tielet Direttiva individwali fit-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) ( 7 ), jikkunsidraw l-ispeċifikazzjonijiet tat-tagħmir personali prottetiv mogħtija fl-Anness IV ma' din id-Direttiva.

2.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi, għall-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, is-sid jissupplixxi lill-kaptan il-mezzi meħtieġa għalbiex jgħinuh iwettaq l-obbligi imposti fuqu b'din id-Direttiva.

L-Artikolu 8

It-tagħrif lill-ħaddiema

1.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10 tad-Direttiva 89/391/KEE, il-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jiġu mgħarrfa bil-miżuri kollha li għandhom jittieħdu rigward is-sigurtà u s-saħħa abbord il-bastimenti.

2.  It-tagħrif għandu ikun mifhum mill-ħaddiema interessati.

L-Artikolu 9

It-Taħriġ tal-ħaddiema

1.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12 tad-Direttiva 89/391/KEE, il-ħaddiema għandhom jingħataw it-taħriġ xieraq, b'mod partikolari fl-għamla ta' istruzzjonijiet preċiżi u li jinftiehmu, dwar is-sigurtà u s-saħħa abbord il-bastimenti u b'mod partikolari dwar il-prevenzjoni ta' l-inċidenti.

2.  It-taħriġ referit fil-paragrafu 1 għandu jkopri b'mod partikolari t-tifi tan-nar, l-użu tat-tagħmir tas-salvataġġ u tas-sopravivenza u, għall-ħaddiema interessati, l-użu ta' l-apparat tas-sajd u tal-ġbid 'il ġewwa u l-użu tat-tipi varji tas-sinjali inklużi s-sinjali bl-idejn.

Dan it-taħriġ għandu jkun bla ħsara għall-aġġornament meħtieġ meta dan ikun meħtieġ mill-kambjament ta' l-attivitajiet abbord.

L-Artikolu 10

It-taħriġ iddettaljat tal-persuni li x'aktarx jikkmandaw bastiment

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 92/29/KEE, kull persuna li x'aktarx tikkmanda bastiment għandha tingħata taħriġ iddettaljat dwar:

(a) il-prevenzjoni tal-mard u l-inċidenti tax-xogħol abbord u l-passi li għandhom jittieħdu fil-każ ta' inċident;

(b) l-istabbiltà u l-manutenzjoni tal-bastiment fil-kondizzjonijiet kollha previsti fit-tagħbija u matul il-ħidmiet tas-sajd;

(ċ) in-navigazzjoni u l-komunikazzjoni bir-radju, inklużi l-proċeduri.

L-Artikolu 11

Il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema

Il-konsultazzjoni mal-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom dwar il-materji koperti b'din id-Direttiva għandhom isiru skond l-Artikolu 11 tad-Direttiva 89/391/KEE.

L-Artikolu 12

L-addattament ta' l-Annessi

L-addattamenti purament tekniċi ta' l-Annessi għandhom iqisu:

 l-adozzjoni tad-direttivi fil-qasam ta' l-armonizzazzjoni u l-istandardizzazzjoni tekniċi li jirrigwardaw ċerti aspetti tas-sigurtà u tas-saħħa abbord il-bastimenti,

 u/jew

 il-progress tekniku, il-bidliet fir-regolamenti jew l-ispeċifikazzjonijiet internazzjonali u s-sejbiet ġodda fil-qasam tas-sigurtà u s-saħħa abbord il-bastimenti,

għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 89/391/KEE.

L-Artikolu 13

Dispożizzjonijiet finali

1.  L-Istati Membri għandħom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sat-23 ta' Novembru 1995. Huma għandhom jgħarrfu b'dan lill-Kummissjoni minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jiġu akkumpanjati b'din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali li jkunu diġà adottaw jew li jadottaw fil-qasam irregolat b'din id-Direttiva.

▼M1 —————

▼B

L-Artikolu 14

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




L-ANNESS I

IL-ĦTIĠIJIET MINIMI TAS-SIGURTÀ U S-SAĦĦA GĦALL-BASTIMENTI L-ĠODDA TAS-SAJD

(L-Artikoli 4, 5, u 7(1)(a))

Nota preliminari

L-obbligi stabbiliti f'dan l-Anness japplikaw kull meta meħtieġa mill-karatteristiċi tal-post tax-xogħol, l-attività, iċ-ċirkostanzi jew ir-riskju abbord bastiment ġdid tas-sajd.

1.   Il-kapaċità ta' kemm jiflaħ għall-baħar u l-istabbiltà

1.1. Il-bastiment għandu jkun miżmum f'kondizzjoni li jiflaħ għall-baħar u mgħammar sewwa kif approprjat għall-għan u l-użu tiegħu.

1.2. It-tagħrif dwar l-istabbiltà tal-bastiment għandu jkun disponibbli abbord u għandu jkun aċċessibbli għall-ħaddiema fuq l-għassa.

1.3. Il-bastimenti kollha għandhom jkunu stabbli biżżejjed meta intatti fil-kondizzjonijiet tas-servizz li huma maħsuba għalihom.

Il-kaptan għandu jieħu l-miżuri prekawzjonarji meħtieġa sabiex iżomm l-istabbiltà adegwata tal-bastiment.

L-istruzzjonijiet forniti li jirrigwardaw l-istabbiltà tal-bastiment għandhom jiġu osservati strettament.

2.   L-istallazzjonijiet mekkaniċi u elettriċi

2.1. L-istallazzjonijiet elettriċi għandhom jkunu ddisinjati u mibnija hekk illi ma jippreżentaw l-ebda perikolu u sabiex jiżguraw:

 il-protezzjoni għall-ekwipaġġ u għall-bastiment mir-riskji elettriċi,

 il-funzjonament xieraq tat-tagħmir kollu meħtieġ sabiex il-bastiment jinżamm f'kondizzjonijiet tal-ħidma u tal-ħajja normali mingħajr ma jsir rikors għall-provvista tad-dawl ta' l-emerġenza,

 il-ħidma tat-tagħmir elettriku essenżjali għas-sigurtà għal kull emerġenza.

2.2. Għandu jiġi pprovdut sors ta' provvista ta' l-elettriku ta' l-emerġenza.

Għajr fuq il-bastimenti miftuħa, dan is-sors għandu jiġi mqiegħed 'il barra mill-kamra tal-magni u jrid, fil-każijiet kollha, ikun hekk arranġat illi jiżgura f'każ ta' ħruq jew ta' nuqqas ieħor ta' l-istallazzjoni prinċipali ta' l-elettriku, il-funzjonament simultanju għall-inqas ta' tliet siegħat rigward:

 is-sistema tal-komunikażzjoni interna, l-istrumenti tal-kxif tan-nar u s-sinjali ta' l-emerġenza,

 id-dwal tan-navigazzjoni u d-dwal ta' l-emergenza,

 l-istallazzjoni tar-radju,

 il-pompa elettrika ta' l-emerġenza tat-tifi tan-nar meta preżenti.

Jekk is-sors tal-provvista ta' l-elettriku ta' l-emerġenza hija batterija ta' l-akkumulazzjoni u s-sors tal-provvista prinċipali ta' l-elettriku jfalli, il-batterija ta l-akkumulazzjoni għandha tiġi awtomatikament imqabbda mal-bord tas-swiċċijiet ta' l-elettriku ta' l-emerġenza u mal-provvista ta' l-enerġija għall-perjodu taż-żmien bla waqfien ta' tliet sigħat mas-sistemi referiti fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet inċiżi tat-tieni subparagrafu.

Il-bord prinċipali tas-swiċċijieti ta' l-elettriku u l-bord tas-swiċċijiet ta' l-emerġenza jridu, safejn u sakemm possibbli, jiġu installati hekk illi ma jistgħux jiġu esposti simultanjament għall-ilma jew għan-nar.

2.3. Il-bords tas-swiċċijiet għandhom ikunu mmarkati biċ-ċar; il-kaxxi tal-fjusijiet u l-holders tal-fjusijiet għandhom jiġu ċċekkjati f' intervali regolari taż-żmien għalbiex jiżguraw illi tiġi użata l-gradazzjoni korretta tal-fjus.

2.4. Il-kompartimenti li jżommu l-batteriji tal-ħażna elettrika għandhom jkunu vventilati adegwatament.

2.5. Il-mezzi elettroniċi tan-navigazzjoni għandhom jiġu ttestjati frekwentament u miżmuna tajjeb.

2.6. It-tagħmir kollu uzat għall-irfigħ għandu jiġi ttestjat u eżaminat f'intervalli regolari taż-żmien.

2.7. Il-partijiet kollha ta' l-apparat tal-ġbid, l-apparat ta' l-irfigħ u t-tagħmir li għandu x'jaqsam magħhom għandu jiġi miżmum f'tiswija u ordni tax-xogħol tajba.

2.8. Meta jiġu installati l-impjanti tar-refriġerazzjoni u s-sistemi ta' l-arja kkompressata, dawn għandhom jinżammu tajjeb u jiġu eżaminati f'intervalli regolari taż-żmien.

2.9. L-apparat tat-tisjir u domestiku li juża gassijiet tqal għandu jiġi użat biss fi spazji b'ventilazzjoni tajba u għandu jingħata l-attenzjoni sabiex tiġi evitata kull akkumulazzjoni perikoluża tal-gass.

Iċ-ċilindri li jkun fihom gassijiet li jieħdu n-nar jew gassijiet oħra perikolużi għandhom jiġu mmarkati biċ-ċar skond il-kontenut tagħhom u stivati fuq gverti għall-arja.

Il-valvoli, regolaturi tal-pressjoni u l-pajpijiet kollha li joħorġu miċ-ċilindri għandhom jiġu protetti kontra l-ħsara.

3.   L-istallazzjoni tar-radju

L-istallazzjoni tar-radju għandha tippermetti l-kuntatt kull ħin ma' mill-inqas stazzjon wieħed fuq il-kosta jew fuq l-art, filwaqt li jitqiesu l-kondizzjonijiet normali tal-propagazzjoni tar-raġġi tar-radju.

4.   Ir-rotot u l-postijiet tal-ħruġ ta' l-emerġenza

4.1. Ir-rotot u l-postijiet tal-ħruġ li jistgħu jintużaw bħala passaġġi u postijiet tal-ħruġ waqt emerġenza għandhom ikunu mingħajr tfixkil u aċċessibbli bil-ħeffa f'kull ħin u jwasslu direttament 'il barra għal fuq il-gverti għall-arja jew għal żona mingħajr perikolu u minn hawn għad-dgħajjes tas-salvataġġ sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jħallu l-istazzjonijiet tax-xogħol tagħhom jew ż-żoni li jgħixu fihom kemm jista' jkun malajr u fis-sigurtà.

4.2. In-numru, id-distribuzzjoni u d-daqs tar-rotot u tal-postjiet tal-ħruġ li jistgħu jintużaw bħala passaġġi u postijiet tal-ħruġ waqt emerġenza għandhom jiddependu skond l-użu, it-tagħmir u d-daqs tal-post tax-xogħol u ż-żoni li jgħixu fihom u skond in-numru massimu potenzjali tal-persuni preżenti.

Il-postijiet tal-ħruġ li jistgħu jintużaw bħala postijiet tal-ħruġ ta' l-emerġenża u li jkunu magħluqa għandhom jiġu mħaddma mill-ewwel u disponibbli waqt emerġenza minn kull ħaddiem jew minn grupp tas-salvataġġ.

4.3. Il-bibien ta' l-emerġenza u l-postijiet l-oħra tal-ħruġ ta' emerġenza għandhom ikunu jilqgħu adegwatament għat-temp u ma jidħolx l-ilma fihom rigward il-lokazzjoni u l-funzjoni partikolari tagħhom.

Il-bibien ta' l-emerġenza u l-postijiet l-oħra tal-ħruġ ta' emerġenza għandhom jkunu jirreżistu n-nar daqs il-paratiji.

4.4. Ir-rotot u l-postijiet tal-ħruġ ta' emerġenza għandhom jiġu indikati bis-sinjali skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 92/58/KEE ( 8 ).

Dawn is-sinjali għandhom jiġu mqiegħda fil-punti approprjati u jiġu maħduma għalbiex iservu għat-tul taż-żmien.

4.5. Ir-rotot u l-faċilitajiet tal-ħelsien u l-postijiet tal-ħruġ ta' emerġenza li jeħtieġu d-dawl għandhom jiġu pprovduti b'dawl ta' l-emerġenza ta' intensità adegwata fil-każ li jinqata' d-dawl.

5.   Il-kxif tan-nar u t-tifi tan-nar

5.1. Jiddependi mid-daqs u l-użu tal-bastiment, it-tagħmir li jkun fih, il-proprjetajiet fiżiċi u kimiċi tas-sustanzi preżenti u n-numru massimu potenzjali tal-persuni preżenti, il-kwartieri li jgħixu fihom n-nies ul-postijiet tax-xogħol fil-magħluq, inklużi l-kamra tal-magni u l-istivi tal-ħut meta meħtieġ, għandhom jkunu mgħammra bit-tagħmir approprjat tat-tifi tan-nar u, jekk meħtieġ, b'apparat tal-kxif tan-nar u sistemi ta' l-allarm.

5.2. It-tagħmir tat-tifi tan-nar għandu dejjem jinżamm fil-lok xieraq tiegħu, miżmum f'kondizzjoni tajba tax-xogħol u jkun disponibbli għall-użu immedjat.

Il-ħaddiema għandhom jkunu jafu sewwa fejn ikun qiegħed it-tagħmir tat-tifi tan-nar, il-mod kif jaħdem u kif għandu jintuża.

Il-preżenza ta' mezzi tat-tifi tan-nar u ta' tagħmir ieħor tat-tifi tan-nar li jistgħu jinġarru għandhom dejjem jiġu ċċekkjati qabel ma l-bastiment isalpa.

5.3. It-tagħmir tat-tifi tan-nar li jitħaddem bl-idejn għandu jkun aċċessibbli faċilment u jintuża b'mod sempliċi u għandu jkun indikat bis-sinjali skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 92/58/KEE.

Dawn is-sinjali għandhom jitqiegħdu f'punti approprjati u magħmula li jservu għat-tul taż-żmien.

5.4. Is-sistemi tal-kxif tan-nar u ta' l-allarm għandhom ikunu ttestjati regolarment u miżmuma f'kondizzjoni tajba.

5.5. Għandhom jitwettqu eżerċizzji dwar it-tifi tan-nar f'intervalli regolari taż-żmien.

6.   Il-ventilazzjoni tal-postijiet tax-xogħol fil-magħluq

Għandhom jittieħdu passi li juru illi teżisti arja friska biżżejjed fil-postijiet tax-xogħol fil-magħluq, billi jitqiesu l-metodi tax-xogħol użati u l-ħtiġijiet fiżiċi li l-ħaddiema jitqiegħdu fihom.

Jekk tintuża sistema mekkanika tal-ventilazzjoni, din għandha tinżamm f'kondizzjoni tajba.

7.   It-temperatura fiż-żoni tax-xogħol

7.1. It-temperatura fiż-żoni tax-xogħol għandha tkun adegwata għall-ġisem tal-bniedem matul il-ħinijiet tax-xogħol, billi jitqiesu l-metodi tax-xogħol użati, il-ħtigijiet fiżiċi li jitqiegħdu fihom il-ħaddiema u l-kondizzjonijiet tat-temp attwali jew potenzjali fiż-żona fejn jopera l-bastiment.

7.2. It-temperatura fil-kwartieri ta' l-għixien, fil-faċilitajiet sanitarji, fil-postijiet ta' l-ikel u fil-kmamar ta' l-ewwel għajnuna għandha tkun xierqa għall-użu partikolari ta' dawn it-tip ta' żoni.

8.   Id-dawl naturali u artifiċjali fil-postijiet tax-xogħol

8.1. Il-postijiet tax-xogħol għandhom safejn u sakemm possibbli jirċievu dawl naturali biżżejjed u jkunu mgħammra b'dawl artifiċjali xieraq għall-ħidmiet tas-sajd li jkunu qegħdin isiru, mingħajr ma' jqiegħdu s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fil-perikolu jew jipperikolaw bastimenti oħra.

8.2. L-installazzjonijiet sabiex idawlu ż-żoni tax-xogħol, it-turġien, is-slielem u l-passaġġi għandhom jiġu mqiegħda hekk illi t-tip tad-dawl ipprovdut ma joħloq l-ebda riskju ta' inċident lill-ħaddiema u l-ebda tfixkil għan-navigazzjoni tal-bastiment.

8.3. Il-postijiet tax-xogħol li fihom il-ħaddiema jkunu esposti b'mod speċjali għar-riskji fil-każ li jintefa d-dawl artifiċjali għandhom ikunu pprovduti b'dawl ta' l-emerġenza ta' intensità adegwata.

8.4. Id-dwal ta' l-emerġenza għandhom jinżammu f'kondizzjoni effiċjenti tax-xogħol u għandhom jiġu ttestjati f'intervalli regolari taż-żmien.

9.   Il-gverti, il-paratiji u l-aċċess għall-gverti

9.1. L-ispazji aċċessibbli għall-ħaddiema għandhom ikunu tat-tip li ma jiżolqux jew mgħammra kontra ż-żliq jew ipprovduti b'mezzi li jipprevienu l-waqgħat u għandhom jinżammu mingħajr xkiel kemm jista' jkun.

9.2. Il-postijiet tax-xogħol li jkun fihom stazzjonijiet tax-xogħol għandhom ikunu mgħammra adegwatament b'apparati li jitfu l-ħoss u ta' l-iżolazzjoni, filwaqt li jinżammu fil-moħħ it-tip tax-xogħlijiet involuti u l-attività fiżika tal-ħaddiema.

9.3. L-uċuħ tal-gverti, tal-paratiji u ta' l-aċċess għall-gverti għandhom ikunu magħmula b'mod illi jkunu jistgħu jitnaddfu jew mgħammra mill-ġdid li jilħqu standard approprjat ta' l-iġjene.

10.   Il-bibien

10.1. Għandhom jiġu pprovduti l-mezzi sabiex il-bibien jistgħu jiġu miftuħa u magħluqa min-naħa ta' ġewwa mingħajr tagħmir speċjali.

Il-bibien għandhom ikunu jistgħu jaħdmu minn kull waħda miż-żewġ naħat tagħhom meta jkunu qegħdin jintużaw il-postjiet tax-xogħol.

10.2. Il-bibien, u b'mod partikolari l-bibien li jiżżerżqu, meta dawn għandhom jintużaw, għandhom jaħdmu kemm jista' jkun bla perikolu għall-ħaddiema, b'mod speċjali f'kondizzjonijiet ħżiena tat-temp u tal-baħar.

11.   Ir-rotot tal-moviment — iż-żoni ta' perikolu

11.1. Il-passaġġi, il-bagolli, il-parti ta' barra tal-kmamar ta' fuq il-gverta u r-rotot kollha tal-moviment b'mod ġenerali għandhom ikunu mgħammra b'poġġamani tas-salvagward, poġġamani tal-qabda u ħbula tas-salvataġġ jew mezzi oħra li jiżguraw is-sigurtà tal-ħaddiema matul l-attivitajiet ta' abbord.

11.2. Jekk ikun hemm ir-riskju illi l-ħaddiema jistgħu jaqgħu minn aperturi fuq il-gverta jew minn gverta għall-oħra, għandha tiġi pprovduta kull fejn possibbli l-protezzjoni adegwata.

Fejn il-poġġamani tas-salvagward jipprovdu din il-protezzjoni, dawn għandhom jkunu għoljin mill-inqas metru.

11.3. L-aċċess għall-istallazzjonijiet 'il fuq mill-gverta bl-għan tax-xogħol jew għall-manutenzjoni għandhom ikunu hekk illi jiżguraw is-sigurtà tal-ħaddiema.

Għandhom jiġu pprovduti poġġamani tas-salvagward jew mezzi protettivi simili ta' l-għoli approprjat sabiex jipprevienu l-waqgħat.

11.4. Il-murati jew il-mezzi l-oħra pprovduti sabiex jipprevienu lill-persuni milli jaqgħu minn fuq il-bastiment għandhom ikunu miżmuma f'kondizzjoni effiċjenti.

Il-murati għandhom jkunu mgħammra b'aperturi jew mezzi oħra simili sabiex jgħinu l-ilma jiskula malajr kemm jista' jkun.

11.5. Fuq il-bastiment tas-sajd tat-tkarkir li jkollu r-rampi fuq il-poppa, il-parti ta' fuq tar-rampa għandha tkun mgħammra b'rixtellu jew b'mezzi oħra ta' rbit ta' l-istess għoli tal-murati jew ta' mezzi oħra li jmissu magħhom, għalbiex jipproteġu lill-ħaddiema mir-riskju li jaqgħu għal ġor-rampa.

Dan ir-rixtellu jew mezz ieħor għandhom ikunu jinfetħu u jingħalqu faċilment, preferibbilment b'apparat tal-kontroll remot, u għandhom jinfetħu biss sabiex tinxteħet ix-xibka jew għalbiex tinġibed.

12.   It-tqassim u l-post ta' l-istazzjonijiet tax-xogħol

12.1. Iż-żoni tax-xogħol għandhom jinżammu mingħajr tfixkil u, safejn u sakemm possibli, għandhom ikunu protetti mill-baħar u jipprovdu protezzjoni adegwata għall-ħaddiema milli jaqgħu fuq il-bastiment jew minn fuqu.

Iż-żoni tat-tqandil għandhom ikunu spazjużi biżżejjed, f'dak li jirrigwarda kemm l-għoli u kemm il-kobor tal-wiċċ.

12.2. Jekk il-magni jkunu kkontrollati mill-kamra tal-magna, għandhom ikunu kkontrollati minn żona separata, bil-ħoss iżolat u mwarrba mill-kamra tal-magna nnifisha u aċċessibli mingħajr id-dħul minn din ta' l-aħħar.

Il-briġġ tan-navigazzjoni huwa kkunsidrat żona li tilħaq il-ħtiġijiet ta' l-ewwel subparagrafu.

12.3. Il-kontrolli tat-tagħmir tal-ġbid għandhom ikunu installati f'żona kbira biżżejjed sabiex jippermettu lill-operaturi li jaħdmu mingħajr tfixkil.

It-tagħmir tal-ġbid għandu jkollu wkoll mezzi approprjati tas-sigurtà għall-emerġenzi, inklużi mezzi tal-waqfien ta' l-emerġenza.

12.4. L-operatur tat-tagħmir tal-ġbid għandu jkollu veduta adegwata tat-tagħmir tal-ġbid u tal-ħaddiema fuq ix-xogħol.

Jekk it-tagħmir tal-ġbid ikun ikkontrollat mill-briġġ, l-operatur għandu jkollu wkoll veduta ċara tal-ħaddiema fuq ix-xogħol, jew direttament jew permezz kull medju ieħor xieraq.

12.5. Għandha tintuża sistema ta' komunikazzjoni ta' min joqgħod fuqha bejn il-briġġ u l-gverta tax-xogħol.

12.6. Għandha dejjem tinżamm għassa b'attenzjoni kbira u l-ekwipaġġ għandu jiġi mwissi bil-perikolu imminenti ta' baħar qawwi li jkun ġej għal fuqu matul il-ħidmiet tas-sajd jew meta jkun qiegħed isir xogħol ieħor fuq il-gverta.

12.7. Għandu jiġi mminimizzat il-ħbit mal-ħbula u l-gerlini għarwiena u ma' partijiet li jiċċaqalqu tat-tagħmir bl-installazzjoni ta' mezzi protettivi.

12.8. Il-kontrolli għandhom jkunu installati sabiex iċaqalqu t-toqol, b'mod partikolari fuq il-bastimenti tat-tkarkir:

 il-mezzi biex jimmobbilizzaw l-apparat li jżomm it-tartarun miftuħ,

 il-mezzi sabiex jikkontrollaw il-moviment tat-tbandil tas-sakku.

13.   Il-kwartieri ta' l-għixien

13.1. Il-lokazzjoni, l-istruttura, il-protezzjoni mill-ħoss, il-mezzi ta' l-iżolazzjoni u l-arranġament tal-kwartieri ta' l-għixien u tal-faċilitajiet tal-ħaddiema, fejn dawn jeżistu, u l-mezz ta' l-aċċess għalihom għandhom ikunu hekk illi jipprovdu protezzjoni adegwata kontra t-temp u l-baħar, il-vibrazzjoni, il-ħoss u l-irwejjaħ spjaċevoli minn partijiet oħra tal-bastiment li x'aktarx ifixklu lill-ħaddiema matul il-ħin tal-mistrieħ tagħhom.

Fejn id-disinn, id-daqs u/jew l-għan tal-bastiment jippermettu, il-kwartieri fejn igħixu l-ħaddiema għandhom jitqiegħdu hekk illi jimminimizzaw l-effetti taċ-ċaqliq u ta' l-aċċelerazzjoni.

Għandhom jittieħdu l-miżuri approprjati safejn u sakemm possibbli sabiex jipproteġu li dawk li ma jpejpux mill-iskonfort ikkawżat mid-duħħan tat-tabakk.

13.2. Il-kwartieri fejn jgħixu l-ħaddiema għandhom ikunu vventilati kif xieraq sabiex tiġi żgurata l-provvista kostanti ta' l-arja friska u tiġi pprevenuta l-kondensazzjoni.

Għandhom jiġu pprovduti d-dwal approprjati fil-kwartieri ta' l-għixien, bi

 dawl normali ġenerali adegwat,

 dawl ġenerali bati sabiex jiġi evitat id-disturb tal-ħaddiema li jkunu qegħdin jistrieħu, u

 dawl lokali f'kull kuċċetta.

13.3. Il-kċina tal-bastiment u l-kamra ta' l-ikel tal-ħaddiema, fejn dawn jeżistu, għandhom ikunu tad-daqs adegwat, mixgħula u vventilati tajjeb u ħfief sabiex jitnaddfu.

Għandhom jiġu pprovduti refriġeraturi jew tagħmir ieħor tal-ħażna ta' l-ikel f'temperatura baxxa.

14.   Il-faċilitajiet sanitarji

14.1. Fuq il-bastimenti li jkollhom il-kwartieri ta' l-għixien, għandhom jiġu pprovduti u installati faċilitajiet tad-doċoċ b'ilma ġieri sħun u kiesaħ, friskaturi tal-ħasil u kmamar tat-twaletta u ż-żoni rispettivi għandhom ikunu vventilati kif jixraq.

14.2. Kull ħaddiem għandu jkollu l-użu ta' post fejn iżomm ħwejġu.

15.   L-ewwel għajnuna

Fuq il-bastimenti kollha għandu jkun disponibbli t-tagħmir ta' l-ewwel għajnuna li jwettaq il-ħtiġijiet fl-Anness II mad-Direttiva 92/29/KEE.

16.   Is-slielem u l-iskalapiżi għal-lqugħ abbord

Għandhom ikunu disponibbli sellum, skalapiża jew tagħmir ieħor simili għal-lqugħ tal-persuni li jipprovdu mezz approprjat u fis-sigurtà, mingħajr perikolu għat-tlugħ abbord.

17.   Il-ħsejjes

Għandhom jittieħdu l-miżuri kollha tekniċi approprjati sabiex jitnaqqas il-livell tal-ħsejjes fuq il-postijiet tax-xogħol u fil-kwartieri ta' l-għixien safejn u sakemm possibli, filwaqt li jitqies id-daqs tal-bastiment.




L-ANNESS II

IL-ĦTIĠIJIET MINIMI TAS-SIGURTÀ U TAS-SAĦĦA GĦALL-BASTIMENTI EŻISTENTI TAS-SAJD

(L-Artikoli 5 u 7 (1) (a))

Nota preliminari

L-obbligi stabbiliti f'dan l-Anness japplikaw, safejn u sakemm jippermettu l-karatteristiċi strutturali tal-bastiment eżistenti tas-sajd, kull meta meħtieġa mill-karatteristiċi tal-post tax-xogħol, għall-attività, iċ-ċirkustanzi jew ir-riskju abbord bastiment eżistenti tas-sajd.

1.   Il-kapaċità ta' kemm jiflaħ għall-baħar u l-istabbiltà

1.1. Il-bastiment għandu jinżamm f'kondizzjoni li jiflaħ għall-baħar u mgħammar tajjeb kif approprjat għall-għan u l-użu tiegħu.

1.2. Fejn jeżisti, għandu jkun disponibbli abbord it-tagħrif dwar l-istabbiltà tal-bastiment u għandu jkun aċċessibli għall-ħaddiema fuq l-għassa.

1.3. Il-bastimenti kollha għandhom ikunu stabbli biżżejjed meta intatti fil-kondizzjonijiet tas-servizz li għalihom huma maħsuba.

Il-kaptan għandu jieħu l-miżuri meħtieġa prekawzjonarji, sabiex iżomm l-istabbiltà adegwata tal-bastiment.

L-istruzzjonijiet ipprovduti li jirrigwardaw l-istabbiltà tal-bastiment għandhom ikunu osservati b'mod strett.

2.   L-installazzjonijiet mekkaniċi u elettriċi

2.1. L-installazzjonijiet elettriċi għandhom ikunu ddisinjati u mibnija sabiex ma jippreżentaw l-ebda perikolu u sabiex jiżguraw:

 il-protezzjoni lill-ekwipaġġ u lill-bastiment mir-riskji elettriċi,

 il-funzjonament xieraq tat-tagħmir kollu meħtieġ sabiex il-bastiment jinżamm fil-kondizzjonijiet normali tax-xogħol u ta' l-għixien mingħajr rikors għall-provvista ta' l-enerġija ta' l-emerġenza,

 it-tħaddim tat-tagħmir elettriku essenzjali għas-sigurtà f'kull emerġenza.

2.2. Għandu jiġi pprovdut sors ta' l-enerġija elettrika għall-emerġenza.

Għajr għall-bastimenti miftuħa, is-sors ta' l-enerġija elettrika għall-emerġenza għandu jkun imqiegħed 'il barra mill-kamra tal-magna u f'kull każ għandu jkun irranġat li jiżgura, f'każ ta' ħruq jew nuqqas ieħor ta' l-installazzjoni elettrika prinċipali, il-funzjonament simultanju għal mill-inqas tliet sigħat rigward:

 is-sistema interna tal-komunikazzjoni, l-apparat tal-kxif tan-nar u s-sinjali ta' l-emerġenza,

 id-dwal tan-navigazzjoni u d-dwal ta' l-emerġenza,

 l-installazzjoni tar-radju,

 il-pompa elettrika tat-tifi tan-nar f'emerġenza meta preżenti.

Jekk is-sors ta' l-enerġija elettrika ta' l-emerġenża jkun batterija ta' l-akkumulazzjoni u s-sors ta' l-enerġija elettrika prinċipali jfalli, il-batterija ta' l-akkumulazzjoni għandha tiġi mqabbda awtomatikament mal-bord tas-swiċċijiet ta' l-elettriku ta' l-emerġenza u tforni l-enerġija għall-perjodu taż-żmien bla waqfien ta' tliet sigħat għas-sistemi msemmija fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet inċiżi tat-tieni subparagrafu.

Il-bord prinċipali tas-swiċċijiet ta' l-elettriku u l-bord tas-swiċċijiet ta' l-emerġenza jridu, safejn u sakemm possibli, ikunu installati hekk illi ma jistgħux ikunu esposti simultanjament għall-ilma u n-nar.

2.3. Il-bords tas-swiċċijiet għandhom ikunu mmarkati biċ-ċar; il-kaxxi tal-fjusijiet u l-holders tal-fjusijiet għandhom jiġu ċċekkjati f'intervalli regolari taż-żmien sabiex jiżguraw illi jkun qiegħed jiġi użat il-grad korrett tal-fjus.

2.4. Il-kompartamenti fejn ikunu jinsabu l-batteriji tal-ħażna elettrika għandhom ikunu vventilati adegwatament.

2.5. L-għajnuniet elettroniċi tan-navigazzjoni għandhom jiġu ttestjati spiss u miżmuma tajjeb.

2.6. It-tagħmir kollu użat għall-irfigħ għandu jiġi ttestjat u eżaminat f'intervalli regolari taż-żmien.

2.7. Il-partijiet kollha tat-tagħmir tal-ġbid, tat-tagħmir ta' l-irfigħ u tat-tagħmir li għandu x'jaqsam magħhom għandhom jinżammu f'tiswija tajba u f'ordni tajba tax-xogħol.

2.8. Meta jiġu installati impjanti tar-refriġerazzjoni u sistemi ta' l-arja kkompressata, dawn għandhom ikunu miżmuma fi stat tajjeb u eżaminati f'intervalli regolari taż-żmien.

2.9. L-apparat tat-tisjir domestiku li juża l-gassijiet tqal għandu jiġi użat biss fi spazji vventilati tajjeb u għandu jitqies illi tiġi evitata kull akkumulazzjoni perikoluża tal-gass.

Iċ-ċilindri li jkun fihom gassijiet li jieħdu n-nar u gassijiet oħra perikolużi għandhom ikunu mmarkati biċ-ċar skond il-kontenut tagħhom u stivati fuq il-gverti għall-arja.

Il-valvoli, ir-regolaturi tal-pressjoni u l-pajpijiet kollha li joħorġu miċ-ċilindri għandhom ikunu protetti mill-perikolu.

3.   L-installazzjoni tar-radju

L-installazzjoni tar-radju għandha tippermetti l-kuntatt il-ħin kollu ma' mill-inqas stazzjon wieħed fuq il-kosta jew fuq l-art, filwaqt li jitqiesu l-kondizzjonijiet normali għall-propogazzjoni tar-raġġi tar-radju.

4.   Ir-rotot u l-postijiet tal-ħruġ ta' l-emerġenza

4.1. Il-passaġġi u l-postijiet tal-ħruġ li jistgħu jintużaw bħala rotot u postijiet tal-ħruġ ta' l-emerġenza għandhom ikunu mingħajr tfixkil u aċċessibli faċilment il-ħin kollu u jwasslu kemm jista' jkun direttament 'il barra għal fuq il-gverta għall-arja jew għal żona bla perikolu u minn hemm għad-dgħajsa tas-salvataġġ sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jevakwaw l-istazzjonijiet tax-xogħol tagħhom jew iż-żoni fejn jgħixu malajr u bla perikolu kemm jista' jkun possibbli.

4.2. In-numru, it-tqassim u d-daqs tal-passaġġi u tal-postijiet tal-ħruġ li jistgħu jintużaw bħala rotot u postijiet tal-ħruġ ta' l-emerġenza għandhom jiddependu skond l-użu, it-tagħmir u d-daqs tal-postijiet tax-xogħol u taż-żoni ta' l-għixien u skond in-numru potenzjali massimu tan-nies preżenti.

Il-postijiet tal-ħruġ li jistgħu jintużaw bħala postijiet tal-ħruġ ta' l-emerġenza u li jkunu magħluqa għandhom ikunu jistgħu jitħaddmu immedjatament u bla xkiel f'emerġenza minn kull ħaddiem jew mit-timijiet tas-salvataġġ.

4.3. Ir-rotot u l-postijiet tal-ħruġ ta' l-emerġenza għandhom ikunu indikati bis-sinjali skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 92/58/KEE.

Dawn is-sinjali għandhom ikunu mqiegħda fil-punti approprjati u magħmula li jservu għat-tul taż-żmien.

4.4. Ir-rotot tal-ħelsien u l-faċilitajiet tas-salvataġġ u l-postijiet tal-ħruġ ta' emerġenza li jeħtieġu d-dawl għandhom ikunu pprovduti bid-dwal ta' l-emerġenza ta' intensità adegwata fil-każ li jinqata' d-dawl.

5.   Il-kxif tan-nar u t-tifi tan-nar

5.1. Jiddependi mid-daqs u l-użu tal-bastiment, it-tagħmir li jkollu, il-proprjetajiet fiżiċi u kimiċi tas-sustanzi preżenti u n-numru massimu potenzjali tal-persuni preżenti, il-kwartieri ta' l-għixien u l-postijiet tax-xogħol fil-magħluq, inklużi l-kamra tal-magna u l-istiva tal-ħut jekk meħtieġ, għandhom ikunu mgħammra bit-tagħmir approprjat tat-tifi tan-nar u, jekk meħtieġ, b'apparat tal-kxif tan-nar u sistemi ta' l-allarm.

5.2. It-tagħmir tat-tifi tan-nar għandu jkun dejjem miżmum fil-post proprju tiegħu, mantenut f'kondizzjoni tajba tax-xogħol u disponibbli għall-użu immedjat.

Il-ħaddiema għandhom ikunu jafu sewwa fejn ikun qiegħed it-tagħmir tat-tifi tan-nar, il-mod kif jaħdem u kif għandu jintuża.

Il-preżenza ta' mezzi tat-tifi tan-nar u ta' tagħmir ieħor li jinġarr tat-tifi tan-nar għandha dejjem tiġi ċċekkjata qabel ma l-bastiment isalpa.

5.3. It-tagħmir tat-tifi tan-nar imħaddem bl-idejn għandu jkun aċċessibbli bla xkiel u sempliċi għall-użu skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 92/58/KEE.

Dawn is-sinjali għandhom jitqiegħdu fil-punti approprjati u magħmula għalbiex iservu għat-tul taż-żmien.

5.4. L-apparat tal-kxif tan-nar u s-sistemi ta' l-allarm għandhom ikunu ttestjati regolarment u miżmuma f'kondizzjoni tajba.

5.5. Għadhom jitwettqu eżerċizzji rigward it-tifi tan-nar f'intervalli regolari taż-żmien.

6.   Il-ventilazzjoni tal-postijiet tax-xogħol fil-magħluq

Għandhom jittieħdu passi li jaraw illi teżisti arja friska biżżejjed fil-postijiet tax-xogħol fil-magħluq, wara li jitqiesu l-metodi tax-xogħol użati u l-ħtiġijiet fiżiċi mqiegħda fuq il-ħaddiema.

Jekk tintuża sistema mekkanika tal-ventilazzjoni, din għandha tinżamm f'kondizzjoni tajba.

7.   It-temperatura fiż-żoni tax-xogħol

7.1. It-temperatura fiż-żoni tax-xogħol għandha tkun adegwata għall-ġisem tal-bniedem matul il-ħinijiet tax-xogħol, filwaqt li jitqiesu l-metodi tax-xogħol użati, il-ħtiġijiet fiżiċi mqiegħda fuq il-ħaddiema u l-kondizzjonijiet attwali u potenzjali tat-temp fiż-żona li fiha jopera l-bastiment.

7.2. It-temperatura fil-kwartieri ta' l-għixien, fil-faċilitajiet sanitarji, fil-postijiet ta' l-ikel u fil-kmamar ta' l-ewwel għajnuna għandha, meta dawn iż-żoni jeżistu, tkun approprjata għall-għan partikolari ta' dawn iż-żoni.

8.   Id-dawl naturali u artifiċjali tal-postijiet tax-xogħol

8.1. Il-postijiet tax-xogħol għandhom jirċievu safejn u sakemm possibbli dawl naturali biżżejjed u jkunu mgħammra bid-dwal artifiċjali xierqa għall-ħidmiet li jkunu qegħdin isiru, mingħajr ma' jqiegħdu s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fil-perikolu jew jipperikolaw in-navigazzjoni ta' bastimenti oħra.

8.2. L-installazzjonijiet ta' dwal fiż-żoni tax-xogħol, fit-turġien, fis-slielem u fil-kurituri għandhom jitqiegħdu hekk illi t-tip ta' dawl previst ma' joħloq l-ebda riskju ta' inċidenti lill-ħaddiema u l-ebda xkiel lin-navigazzjoni tal-bastiment.

8.3. Il-postijiet tax-xogħol fejn il-ħaddiema jkunu esposti b'mod speċjali għar-riskji għandhom jiġu pprovduti fil-każ ta' qtugħ tad-dawl artifiċjali b'dawl ta' l-emerġenza ta' intensità adegwata.

8.4. Id-dwal ta' l-emerġenza għandhom jinżammu f'kondizzjoni effiċjenti tax-xogħol u ttestjati f'intervalli regolari taż-żmien.

9.   Il-gverti, il-paratiji u l-aċċess għall-gverti

9.1. L-ispazji aċċessibli għall-ħaddiema ma jridux ikunu jiżolqu jew għandhom jiġu mgħammra għall-kontra ż-żlieq jew ikunu pprovduti b'mezzi li jipprevienu l-waqgħat u ħielsa mill-ostakoli kemm jista' jkun possibbli.

9.2. Il-postijiet tax-xogħol li jkun fihom l-istazzjonijiet tax-xogħol għandhom ikunu, safejn u sakemm possibli, mingħajr ħoss u iżolati b'mod adegwat, filwaqt li jinżammu fil-moħħ it-tip tax-xogħol involut u l-attività fiżika tal-ħaddiema.

9.3. Il-wiċċ tal-gverti, tal-paratiji u ta' l-aċċess għall-gverti fiż-żoni tax-xogħol għandhom ikunu hekk illi jkunu jistgħu jitnaddfu jew imgħammra mill-ġdid għall-istandard approprjat ta' l-iġjene.

10.   Il-bibien

10.1. Għandhom jiġu pprovduti l-mezzi sabiex il-bibien ikunu jistgħu jitħaddmu minn fuq ġewwa l-ħin kollu mingħajr tagħmir speċjali.

Il-bibien għandhom ikunu jistgħu jitħaddmu minn kull waħda miż-żewġ naħat meta jkunu qegħdin jintużaw il-postijiet tax-xogħol.

10.2. Il-bibien u b'mod partikolari l-bibien li jiżżerżqu, meta dawn għandhom jiġu uzati, għandhom jiffunzjonaw kemm jista' jkun fis-sigurtà, b'mod speċjali fil-maltemp u f'kondizzjonijiet tal-baħar avversi.

11.   Rotot tal-moviment — iż-żoni perikolużi

11.1. Il-kurituri, il-bagolli, il-partijiet ta' fuq barra ta' l-aċċess għall-gverti u r-rotot kollha tal-moviment ġenerali għandhom ikunu mgħammra b'poġġamani tas-sigurtà, poġġamani tal-qbid magħhom jew ħbula tas-salvataġġ jew mezzi oħra li jiżguraw is-sigurtà tal-ħaddiema matul il-kors ta' l-attivitajiet abbord.

11.2. Jekk jeżisti r-riskju li l-ħaddiema jistgħu jaqgħu mill-aperturi fuq il-gverta, jew minn fuq gverta għall-oħra għandha tiġi pprovduta l-protezzjoni adegwata kull fejn u meta jkun possibli.

11.3. L-aċċess għall-installazzjonijiet 'il fuq mill-gverta għax-xogħol jew il-manutenzjoni għandu jkun hekk illi jiżgura s-sigurtà tal-ħaddiema.

Għandhom jiġu pprovduti poġġamani tas-sigurtà jew mezzi simili tal-protezzjoni ta' l-għoli approprjat sabiex jipprevienu l-waqgħat.

11.4. Il-murati jew mezzi oħra pprovduti sabiex jipprevienu l-persuni milli jaqgħu fil-baħar għandhom jinżammu f'kondizzjoni effiċjenti.

Il-murati għandhom ikunu mgħammra b'aperturi għall-ilma jew b'mezzi oħra simili għalbiex iħallu l-ilma jiskula malajr.

11.5. Fuq il-bastimenti tat-tkarkir bit-tartarun li jaħdmu mill-poppa bir-rampi, ir-rampa għandha tkun imgħammra b'xatba jew mezzi oħra li jorbtuha ta' l-istess għoli bħall-murati jew il-mezzi l-oħra li jmissu magħha, sabiex jipproteġu lill-ħaddiema mir-riskju li jaqgħu għal ġewwa r-rampa.

Din ix-xatba jew mezz ieħor għandhom ikunu jistgħu jinfetħu u jingħalqu faċilment u għandhom jinfetħu biss għalbiex tinxteħet ix-xibka jew għalbiex tinġibed.

12.   It-tqassim ta' l-istazzjonijiet tax-xogħol

12.1. Iż-żoni tax-xogħol għandhom jinżammu ħielsa u, safejn u sakemm possibli, protetti mill-baħar u jipprovdu protezzjoni adegwata lill-ħaddiema kontra l-waqgħat fuq il-bastiment jew il-waqgħat għall-baħar.

Iż-żoni tat-tqandil għandhom ikunu spazjużi biżżejjed, fejn jidħol il-kobor kemm ta' l-għoli u kemm tal-wiċċ.

12.2. Jekk il-magni jkunu kkontrollati mill-kamra tal-magna, dawn għandhom ikunu kkontrollati minn post differenti, mingħajr ħoss u iżolat mill-kamra tal-magna nnifisha u aċċessibbli mingħajr passaġġ minn din ta' l-aħħar.

Il-briġġ tan-navigazzjoni huwa kkunsidrat bħala żona li tilħaq il-ħtiġijiet ta' l-ewwel subparagrafu.

12.3. Il-kontrolli tat-tagħmir tal-ġbid għandu jkun installat f'żona kbira biżżejjed għalbiex tħalli lill-operaturi jaħdmu mingħajr tfixkil.

It-tagħmir tal-ġbid għandu wkoll ikollu l-mezzi tas-sigurtà approprjati għall-emerġenzi, inklużi faċilitajiet tal-waqfien ta' l-emerġenza fil-każ ta' ħsara.

12.4. L-operatur tat-tagħmir tal-ġbid għandu jkollu veduta adegwata tat-tagħmir tal-ġbid u tal-ħaddiema fuq ix-xogħol tagħhom.

Jekk it-tagħmir tal-ġbid ikun ikkontrollat minn fuq il-briġġ, l-operatur għandu jkollu wkoll veduta ċara tal-ħaddiema fuq ix-xogħol tagħhom, jew direttament jew permezz ta' kull mezz ieħor xieraq.

12.5. Għandha tintuża sistema ta' komunikazzjoni ta' min joqgħod fuqha bejn il-briġġ u l-gverta tax-xogħol.

12.6. Dejjem għandha tinżamm għassa b'attenzjoni kbira u l-ekwipaġġ għandu jiġi mwissi bil-perikolu imminenti ta' baħar qawwi li jkun ġej għal fuqu matul il-ħidmiet tas-sajd jew meta jkun qiegħed isir xogħol ieħor fuq il-gverta.

12.8. Il-kontrolli għandhom ikunu installati sabiex iċaqalqu t-toqol, b'mod partikolari fuq il-bastimenti tat-tkarkir bit-tartarun:

 mezzi sabiex jimmobbilizzaw l-apparat li jżomm it-tartarun miftuħ,

 mezzi biex jikkontrollaw il-moviment tat-tbandil tas-sakku.

13.   Il-kwartieri ta' l-għixien

13.1. Il-kwartieri ta' l-għixien tal-ħaddiema, meta dawn jeżistu, għandhom ikunu hekk illi jimminimizzaw il-ħoss, il-vibrazzjoni, l-effetti taċ-ċaqliq u l-aċċelerazzjoni, u l-irwejjaħ spjaċevoli minn partijiet oħra tal-bastiment.

Għandu jkun installat dawl approprjat fil-kwartieri ta' l-għixien.

13.2. Il-kċina tal-bastiment u l-kamra ta' l-ikel tal-ħaddiema, meta dawn jeżistu, għandhom ikunu ta' daqs adegwat, mixgħula u vventilati tajjeb u ħfief biex tnaddafhom.

Għandhom jkunu pprovduti refriġeraturi jew tagħmir ieħor tal-ħażna ta' l-ikel f'temperatura baxxa.

14.   Il-faċilitajiet sanitarji

Fuq il-bastimenti bil-kwartieri ta' l-għixien, għandhom ikunu installati kmamar tat-twaletta, bil-friskaturi tal-ħasil u, fejn possibbli, doċċa u ż-żoni rispettivi għandhom ikunu vventilati kif jixraq.

15.   L-ewwel għajnuna

Fuq il-bastimenti kollha għandu jkun disponibbli t-tagħmir ta' l-ewwel għajnuna li jwettaq il-ħtiġijiet fl-Anness II tad-Direttiva 92/29/KEE.

16.   Is-slielem u l-iskalapiżi għal-lqugħ tal-persuni

Għandhom ikunu disponibbli sellum, skalapiża jew tagħmir ieħor simili li jipprovdu mezz xieraq, mingħajr perikolu għat-tlugħ abbord il-bastiment.




L-ANNESS III

IL-ĦTIĠIJIET MINIMI TAS-SIGURTÀ U S-SAĦĦA LI JIRRIGWARDAW IT-TAGĦMIR TAS-SALVATAĠĠ U TAS-SOPRAVIVENZA

(L-Artikolu 7(1)(d))

Nota preliminari

L-obbligi stabbiliti f'dan l-Anness japplikaw kull meta jkunu meħtieġa mill-karatteristiċi tal-post tax-xogħol, l-attività, iċ-ċirkostanzi jew ir-riskju abbord bastiment.

1. Il-bastimenti għandhom iġorru tagħmir adegwat tas-salvataġġ u tas-sopravivenza, inklużi mezzi adegwati biex jirkupraw lill-ħaddiema mill-ilma, u salvataġġ bir-radju, b'mod partikolari raġġ-fanal ta' emerġenza bir-radju li jindika l-pożizzjoni b'mekkaniżmu tar-rilaxx idrostatiku, filwaqt li jitqies in-numru tal-persuni abbord u ż-żona fejn il-bastiment ikun qiegħed jopera.

2. L-oġġetti kollha tat-tagħmir tas-salvataġġ u tas-sopravivenza għandhom jinżammu fil-postijiet xierqa tagħhom, mantenuti f'ordni tajba tax-xogħol u jkunu disponibbli għall-użu immedjat.

Għandhom jiġu ċċekkjati mill-ħaddiema qabel ma' l-bastiment isalpa u matul il-vjaġġ.

3. It-tagħmir tas-salvataġġ u tas-sopravivenza għandu jiġi spezzjonat f'intervalli regolari taż-żmien.

4. Il-ħaddiema kollha għandhom jirċievu t-taħriġ xieraq u l-istruzzjonijiet approprjati minn qabel ma tinħoloq emerġenza.

5. Jekk it-tul tal-bastiment jaqbeż il-45 metru jew jekk iġorr ħames ħaddiema jew aktar, għandu jiġi pprovdut reġistru taċ-ċorma b'istruzzjonijiet ċari għal kull ħaddiem li għandha tiġi segwita fil-każ ta' emerġenza.

6. Il-ġmiegħ taċ-ċorma għall-eżerċizzji tas-sopravivenza għandu jiġi mwettaq kull xahar fil-port u/jew fuq il-baħar.

Dawn l-eżerċizzji għandhom jiżguraw illi l-ħaddiema jifhmuhom bir-reqqa u jiġu eżerċitati fid-dmirijiet li jkollhom iwettqu rigward it-tqandil u l-ħidma tat-tagħmir kollu tas-salvataġġ u tas-sopravivenza.

Il-ħaddiema għandhom ikunu mħarrġa fl-istabbiliment u l-operazzjoni tat-tagħmir tar-radju li jinġarr, fejn miġrur.




L-ANNESS IV

IL-ĦTIĠIJIET MINIMI TAS-SIGURTÀ U TAS-SAĦĦA LI JIRRIGWARDAW IT-TAGĦMIR TAL-PROTEZZJONI PERSONALI

(L-Artikolu 7(1)(e))

Nota preliminari

L-obbligi stabbiliti f'dan l-Anness japplikaw kull meta jkunu meħtieġa mill-karatteristiċi tal-post tax-xogħol, l-attività, iċ-ċirkostanzi jew ir-riskju abbord bastiment.

1. Meta r-riskji għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema ma jistgħux jiġu pprevenuti jew limitati suffiċjentement bil-mezzi kollettivi jew tekniċi tal-protezzjoni, dawn għandhom jiġu pprovduti b'tagħmir protettiv personali.

2. It-tagħmir personali tal-protezzjoni fl-għamla ta' lbies jew milbus fuq l-ilbies għandu jkun f'kuluri li jispikkaw filwaqt li jikkuntrastaw ma' l-ambjent tal-baħar u jidhru b'mod ċar.



( 1 ) ĠU C 337, tal-31.12.1991, p. 21;

ĠU C 311, tas-27.11.1992, p. 21.

( 2 ) ĠU C 241, tal-21.9.1992, p.106; u d-Deċiżjoni tas-27 ta' Ottubru 1993 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

( 3 ) ĠU C 169, tas-6.7.1992, p. 46.

( 4 ) ĠU C 28, tat-3.2.1988, p. 1.

( 5 ) ĠU L 183, tad-29.6.1989, p. 1.

( 6 ) ĠU L 113, tat-30.4.1992, p. 19.

( 7 ) ĠU L 393, tat-30.12.1989, p. 18.

( 8 ) ĠU L 245, tas-26.8.1992, p. 23.