01992L0058 — MT — 26.07.2019 — 003.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 92/58/KEE

ta' l-24 ta'Ġunju 1992

dwar il-ħtiġijiet minimi għall-provvista ta' sinjali tas-sigurtà u/jew tas-saħħa fuq ix-xogħol (id-disa' Direttiva individwali fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)

(ĠU L 245 26.8.1992, p. 23)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DIRETTIVA 2007/30/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Test b’relevanza għaż-ŻEE ta’ l-20 ta’ Ġunju 2007

  L 165

21

27.6.2007

►M2

DIRETTIVA 2014/27/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-26 ta’ Frar 2014

  L 65

1

5.3.2014

►M3

REGOLAMENT (UE) 2019/1243 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-20 ta’ Ġunju 2019

  L 198

241

25.7.2019




▼B

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 92/58/KEE

ta' l-24 ta'Ġunju 1992

dwar il-ħtiġijiet minimi għall-provvista ta' sinjali tas-sigurtà u/jew tas-saħħa fuq ix-xogħol (id-disa' Direttiva individwali fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)



IT-TAQSIMA I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

L-Artikolu 1

L-Oġġettiv

1.  Din id-Direttiva, li hija d-disa' Direttiva individwali fis-sens ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE, tistabbilixxi ħtiġiet minimi għall-provvista tas-sinjali tas-sigurtà u/jew tas-saħħa fuq ix-xogħol.

▼M2

2.  Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għas-sinjali għat-tqegħid fis-suq ta’ sustanzi u taħlitiet perikolużi, prodotti u/jew tagħmir perikolużi, kemm-il darba dispożizzjonijiet oħra tal-Unjoni ma jagħmlux referenza speċifika għaliha.

▼B

3.  Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għas-sinjali użati biex jirregolaw it-trasport fit-toroq, bil-ferrovija, fil-kanali interni, fuq il-baħar jew it-trasport bl-ajru.

4.  Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/391/KEE għandhom japplikaw kollha kemm huma għall-qasam kollu msemmi fil-paragrafu 1, mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet iktar iebsa jew speċifiċi f'din id-Direttiva.

L-Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva:

(a) sinjali tas-sigurtà u/jew tas-saħħa tfisser sinjali li jirreferu għall-skop, attività jew sitwazzjoni speċifika u li jipprovdi informazzjoni jew istruzzjonijiet dwar is-sigurtà u/jew saħħa fuq ix-xogħol permezz ta' tabella, kulur, sinjal illuminat jew sinjal akustiku, komunikazzjoni verbali jew sinjal bl-idejn, skond il-każ;

(b) sinjal ta' projbizzjoni tfisser sinjal li jipprojbixxi mġieba li x'aktarx tinvolvi jew li tikkawża perikolu;

(ċ) sinjal ta' twissija jfisser sinjal li jagħti twissija ta'sogru jew perikolu;

(d) sinjal mandatorju jfisser sinjal li jippreskrivi aġir speċifiku;

(e) ħruġ ta' emergenza jew ta' l-ewwel għajnuna tfisser sinjal li jagħti informazzjoni dwar ħruġ ta' emergenza jew faċilitajiet ta' l-ewwel għajnuna jew ta' salvataġġ;

(f) sinjal ta' informazzjoni ifisser sinjal li jipprovdi informazzjoni barra minn dak imsemmi fil-(b) sa (e);

(g) tabella tfisser sinjal li jipprovdi informazzjoni speċifika b'tgħaqqid ta' forom ġeometriċi, kuluri u simboli jew pittogrammi u li jkunu murija b'dawl ta' intensità suffiċjenti;

(h) tabella supplimentari tfisser tabella użata flimkien ma' waħda mis-sinjali deskritti taħt (g), li tipprovdi informazzjoni supplimentari;

(i) kulur ta' sigurtà tfisser kulur li għalih tingħata tifsira speċifika;

(j) simbolu jew pittogramma tfisser figura li tiddeskrivi sitwazzjoni jew tippreskrivi aġir speċifiku u li hi użata fuq tabella jew superfiċi illuminata;

(k) sinjal illuminat ifisser sinjal prodott bi strument magħmul minn materjali trasparenti jew trasluċenti li huma mdawla minn ġewwa jew minn wara b' tali mod li jagħtu d-dehra ta' wiċċ illuminat;

(l) sinjal akustiku jfisser sinjal ta' ħoss ikkodifikat li jinħareġ u hu trasmess bi strument intenzjonat għal dak l-iskop, mingħajr l-użu ta' vuċi umana jew artifiċjali;

(m) komunikazzjoni verbali tfisser messaġġ irreġistrat bil-vuċi tal-bniedem jew b'vuċi artifiċjali;

(n) sinjal bl-idejn: moviment u/jew posizzjoni ta' l-idejn u/jew ta' l-id, permezz ta' forma kkodifikata, biex tiggwida persuni li qed jagħmlu manuvri li jikkostitwixxu sogru jew perikolu għall-ħaddiema.



IT-TAQSIMA II

OBBLIGI TA' MIN IĦADDEM

L-Artikolu 3

Regoli ġenerali

1.  Min jimpjega għandu jipprovdi sinjali ta' sigurtà u/jew ta' saħħa kif stabbiliti f'din id-Direttiva meta s-sogru ma jistax jiġi evitat jew imnaqqas adegwatament b'metodi tekniċi għall-protezzjoni kollettiva jew miżuri, metodi jew proċeduri użati fl-organizzazzjoni tax-xogħol, jew jiżgura li dawn is-sinjali ikunu f'posthom.

Min iħaddem għandu jieħu kont ta' kull stima ta' riskju skond l-Artikolu 6(3)(a) tad-Direttiva 89/391/KEE.

2.  Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' l-Anness V, is-sinjali użati għat-trasport fit-toroq, bil-ferrovija, fil-kanali interni, fuq il-baħar u bl-ajru għandhom ikunu mqiegħda, fejn hu xieraq għal dan it-tip ta' trasport, fl-impriżi u/jew l-ażjendi.

L-Artikolu 4

Sinjali tas-sigurtà u/jew tas-saħħa użati għall-ewwel darba

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6, sinjal tas-sigurtà u/jew tas-saħħa użat fuq ix-xogħol għall-ewwel darba fid-data msemmija fl-Artikolu 11(1) l-ewwel sotto-paragrafu jew wara għandu jissodisfa l-ħtiġijiet minimi stabbiliti fl-anness I sa IX.

L-Artikolu 5

Sinjali tas-sigurtà u/jew saħħa diġà użati

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6, is-sinjali tas-sigurtà u/jew tas-saħħa li huma diġà użati fuq ix-xogħol qabel id-data msemmija fl-Artikolu 11(1) l-ewwel sotto-paragrafu għandu jissodisfa l-ħtiġijiet minimi stabbiliti fl-anness I sa IX mhux iktar tard min tmintax-il xahar wara dik id-data.

L-Artikolu 6

L-Eżenzjonijiet

1.  Kont tenut tat-tipi ta' attivitajiet u/jew tad-daqs ta' l-impriżi kkonċernati, l-Istati Membri jistgħu jispeċifikaw kategoriji ta' mpriżi li għandhom il-permess jissostitwixxu kompletament, parzjalment jew temporanjament, is-sinjali illuminati, u/jew sinjali akustiċi previsti f' din id-Direttiva permezz ta' miżuri alternattivi li jagħtu l-istess livell ta' protezzjoni.

2.  L-Istati Membri jistgħu jidderogaw, wara li jikkonsultaw iż-żewġ naħat ta' l-industrija, mill-applikazzjoni ta' l-Anness VIII, it-Taqsima 2 u/jew l-Anness IX, it-Taqsima 3, waqt li jistabbilixxu miżuri alternattivi li jiggarantixxu l-istess livell ta' protezzjoni.

3.  L-Istati Membri għandhom jikkonsultaw, skond il-liġijiet u/jew il-prattika nazzjonali, organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u ta' ħaddiema meta jimplimentaw il-paragrafu 1.

L-Artikolu 7

Informazzjoni u istruzzjonijiet għall-ħaddiema

1.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10 tad-Direttiva 89/391/KEE, ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jiġu infurmati bil-miżuri kollha li għandhom jittieħdu dwar is-sinjali tas-sigurtà u/jew tas-saħħa użati fuq ix-xogħol.

2.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12 tad-Direttiva 89/391/KEE, il-ħaddiema għandhom jingħataw istruzzjonijiet xierqa, b'mod partikolari fil-forma ta' direzzjonijiet speċifiċi dwar is-sinjali tas-sigurtà u/jew tas-saħħa użati fuq ix-xogħol.

B'mod partikolari, l-istruzzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tkopri t-tifsira tas-sinjali, speċjalment is-sinjali li jinkorporaw kliem, u l-aġir ġenerali u speċifiku li għandu jiġi segwit.

L-Artikolu 8

Il-konsultazzjoni tal-ħaddiema u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema

Il-Konsulatazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom isiru skond l-Artikolu 11 tad-Direttiva 89/391/KEE dwar kwistjonijiet koperti b'din id-Direttiva, inklużi l-Annessi I sa IX.



IT-TAQSIMA III

DISPOŻIZZJONIJIET MIXXELLANJI

▼M3

Artikolu 9

Emendi għall-Annessi

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 9a sabiex tagħmel emendi strettament tekniċi għall-Annessi, sabiex jittieħed kont tal-armonizzazzjoni teknika u l-istandardizzazzjoni fir-rigward tad-disinn u l-manifattura ta’ sinjali jew tagħmir tas-sigurtà u/jew tas-saħħa fuq ix-xogħol, kif ukoll il-progress tekniku, il-bidliet fir-regolamenti jew fl-ispeċifikazzjonijiet internazzjonali u l-avvanzi fl-għarfien fil-qasam tas-sinjali jew tat-tagħmir tas-sigurtà u/jew tas-saħħa fuq ix-xogħol.

Fejn, f’każijiet debitament ġustifikati u eċċezzjonali li jinvolvu riskji imminenti, diretti u serji għas-saħħa u s-sikurezza fiżiċia tal-ħaddiema u ta’ persuni oħra, raġunijiet imperattivi ta’ urġenza jeħtieġu azzjoni f’perijodu qasir ħafna ta’ żmien, il-proċedura prevista fl-Artikolu 9b għandha tapplika għall-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu.

▼M3

Artikolu 9a

Eżerċizzju tad-delega

1.  Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.  Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 9 għal perijodu ta’ ħames snin mis-26 ta’ Lulju 2019. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħat għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perijodi tal-istess tul, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonax għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perijodu.

3.  Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 9 tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.

4.  Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet ( 1 ).

5.  Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.  Att delegat adottat skont l-Artikolu 9 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 9b

Proċedura ta’ urġenza

1.  L-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ mingħajr dewmien u għandhom japplikaw sakemm ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni f’konformità mal-paragrafu 2. In-notifika ta’ att delegat lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandha tagħti r-raġunijiet li għalihom tkun intużat il-proċedura ta’ urġenza.

2.  Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jista’ joġġezzjona għal att delegat f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 9a(6). F’dak il-każ, il-Kummissjoni għandha tħassar l-att immedjatament wara n-notifika tad-deċiżjoni ta’ oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

▼B

L-Artikolu 10

1.  Id-Direttiva 77/576/KEE għandha titħassar fid-data msemmija fl-Artikolu 11(1), l-ewwel subparagrafu.

Madankollu, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 5, dik id-Direttiva għandha tibqa' tapplika għal-perjodu massimu ta' tmintax-il xahar wara dik id-data.

2.  Kull referenza għad-Direttiva mħassra għandha tinftiehem li tirreferi għad-dispożizzjonijiet korrispondenti ta' din id-Direttiva.

L-Artikolu 11

Dispożizzjonijiet finali

1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux iktar tard mill-24 ta'Ġunju 1994.

Għandhom immedjatament jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan.

2.  Meta Stat Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva u għandu jkollhom magħhom din ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi dwar kif issir din ir-riferenza għandhom jiġu preskritti mill-Istati Membri.

3.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma diġà adottaw jew ser jadottaw fil-qasam li jaqa' taħt din id-Direttiva.

▼M1 —————

▼B

L-Artikolu 12

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




L-ANNESS I

ĦTIĠIJIET MINIMI GĦAS-SINJALI TAS-SIGURTÀ U/JEW TAS-SAĦĦA FUQ IX-XOGĦOL

1.  Rimarki preliminari

1.1. Meta s-sinjali tas-saħħa u/jew tas-sigurtà huma meħtieġa mir-regola ġenerali ta' l-Artikolu 3 tad-Direttiva, huma għandhom jikkonformaw mal-ħtiġijiet speċifiċi fl-Annessi II sa IX.

1.2. Dan l-Anness jintroduċi dawn il-ħtiġijiet, jiddeskrivi l-użi differenti tas-sinjali tas-sigurtà u/jew tas-saħħa, u jagħti regoli ġenerali dwar l-iskambju u l-kombinazzjoni tas-sinjali.

1.3. Is-sinjali tas-saħħa u/jew tas-sigurtà għandhom jiġu użati biss biex jagħtu l-messaġġ jew l-informazzjoni speċifikata fid-Direttiva.

2.  It-Tipi ta' sinjali

2.1.  Sinjali permanenti

2.1.1. Tabelli permanenti għandhom jiġu użati għal sinjali relatati ma' projbizzjonijiet, twissijiet u ħtiġijiet mandatorji u l-post u l-identifikazzjoni tar-rotot ta' ħruġ ta' l-emerġenza u tal-faċilitajiet ta' l-ewwel għajnuna.

Tabelli u/jew kuluri tas-sigurtà għandhom jiġu użati biex jimmarkaw b'mod permanenti il-post u l-identifikazzjoni tat-tagħmir tat-tifi tan-nar.

2.1.2. Id-tabelli fuq kontenituri u pajpijiet għandhom jitqiegħdu kif stabbilit fl-Anness III.

2.1.3. Il-postijiet fejn hemm riskju ta' kolliżjoni ma' ostakli jew ta' waqgħa għandhom jiġu mmarkati b'mod permanenti b'kulur tas-sigurtà u/jew b'tabelli.

2.1.4. Ir-rotot tat-traffiku għandhom jiġu mmarkati b'mod permanenti b'kulur tas-sigurtà.

2.2.  Sinjali li għandhom jintużaw meta hemm bżonn

2.2.1. Sinjali illuminati, sinjali akustiċi, u/jew komunikazzjonijiet verbali għandhom jintużaw meta hemm bżonn, kont tenut tal-possibilitajiet ta' l-iskambji u l-kombinazzjoni tas-sinjali stabbiliti fit-Taqsima 3, biex jissenjalaw perikolu, biex jikkmandaw persuni biex jieħdu azzjoni speċifika u għall-evakwazzjoni b'emerġenza tal-persuni.

2.2.2. Sinjali ta' l-id u/jew komunikazzjonijiet verbali għandhom jintużaw meta hemm bżonn, biex jiggwidaw persuni li qed iwettqu manuvri riskjużi u perikolużi.

3.  Skambju u kombinazzjoni ta' sinjali

3.1. Kwalunkwe minn dawn li ġejjin jista' jiġi użat jekk għandu l-istess effett:

 kulur tas-sigurtà jew tabella biex timmarka postijiet fejn hemm ostaklu jew dislivell,

 sinjali illuminati, sinjali akustiċi jew komunikazzjonijiet verbali,

 sinjali bl-idejn jew komunikazzjoni verbali.

3.2. Ċerti tipi ta' sinjali jistgħu jintużaw flimkien:

 sinjali illuminati u sinjali akustiċi,

 sinjali illuminati u komunikazzjonijiet verbali,

 sinjali bl-idejn u komunikazzjonijiet verbali.

4. L-istruzzjonijiet fit-tabella t'hawn taħt japplikaw għas-sinjali kollha li jinkorporaw kulur ta' sigurtà:



Kulur

Tifsira jew skop

Istruzzjonijiet u Informazzjoni

Aħmar

Sinjali ta' projibizzjoni

Imġieba perikoluża

Allarm ta' perikolu

Waqfien, għeluq, tagħmir għall-qtugħ f'emerġenza

Evakwazzjoni

Tagħmir għat-tifi tan-nar

Identifikazzjoni u post

Isfar

jew

Ambra

Sinjal ta' twissija

Attenzjoni, ħu prekawzjonijiet Eżamina

Blu

Sinjali mandatorji

Aġir jew azzjoni speċifika

Ilbes apparat għall-protezzjoni personali

Aħdar

Ħruġ ta' emerġenza, sinjal ta' l-ewwel għajnuna

Bibien, ħruġ, rotot, tagħmir, faċilitajiet

Bla perikolu

Lura għan-normal

5. L-effikaċja ta' sinjal m'għandhiex tintlaqat ħażin mill-:

5.1. preżenza ta' fonti oħra li ma jħalluhx jidher jew jinstama' sewwa; għalhekk, b'mod partikolari,

5.1.1. għandu jiġi evitat it-tqegħid ta' diversi sinjali qrib wisq ta' xulxin;

5.1.2. żewġ sinjali illuminati li x'aktarx jitħawwdu m'għandhomx jintużaw fl-istess ħin;

5.1.3. sinjal illuminat m'għandux jintuża qrib fonti simili illuminati oħra;

5.1.4. żewġ sinjali akustiċi m'għandhomx jintużaw fl-istess ħin;

5.1.5. sinjal akustiku m'għandhux jintuża jekk ikun hemm ambjent storbjuż wisq;

5.2. disinn ħażin, numru insuffiċjenti, pożizzjoni mhux tajba, manutenzjoni ħażina jew funzjonament inkorrett tas-sinjali jew l-istrumenti ta' senjalazzjoni.

6. Skond il-ħtieġa, is-sinjali u l-mezzi ta' sinjali għandhom ikunu mnaddfa, miżmuma, ikkontrollati, imsewwija, u jekk neċessarju mibdulin fuq bażi regolari biex jiġi żgurat li jżommu l-kwalitajiet intrinsiċi u/jew funzjonali tagħhom.

7. In-numru u l-pożizzjoni tas-sinjali jew mezzi ta' senjalazzjoni li għandhom jiġu installati jiddependu fuq l-għadd ta' riskji jew perikoli jew il-medda taż-żona li għandha tkun koperta.

8. Sinjali li jeħtieġu xi forma ta' elettriku għandhom jiġu pprovduti bi provista garantita ta' emerġenza fil-każ ta' qtugħ ta' l-elettriku, kemm-il darba r-riskji ma jkunux ġew eliminati.

9. Is-sinjal illuminat u/ jew is-sinjal akustiku jindika meta l-azzjoni għandha tibda, u s-sinjal għandu jkompli sakemm tispiċċa l-azzjoni.

Is-sinjali illuminati u is-sinjali akustiċi għandhom ikunu riattivati immedjatament wara li jiġu użati.

10. Is-Sinjali illuminati u s-sinjali akustiċi għandhom jiġu kkontrollati biex jiġi żgurat li jaħdmu tajjeb u li huma effettivi qabel ma jintużaw u sussegwentament f'intervalli frekwenti biżżejjed.

11. Jekk is-smigħ jew l-vista tal-ħaddiema kkonċernati huma llimitati, inkluża limitazzjoni ikkawżata mill-ilbies ta' tagħmir ta' protezzjoni personali, għandhom jittieħdu miżuri biex jissupplimentaw jew jissostitwixxu is-sinjali kkonċernati.

▼M2

12. Żoni, kmamar jew spazji magħluqa użati għall-ħażna ta’ kwantitajiet sinifikanti ta’ sustanzi jew taħlitiet perikolużi għandhom ikunu indikati bi twissija xierqa b’sinjal meħud mit-Taqsima 3.2 tal-Anness II, jew immarkati kif previst fit-Taqsima 1 tal-Anness III, għajr jekk l-ittikkettar tal-kontenituri jew tal-pakketti individwali jkun adegwat għal dan l-iskop.

Jekk ma jkun hemm l-ebda sinjal ta’ twissija ekwivalenti fit-Taqsima 3.2 tal-Anness II li jwissi lill-persuni dwar sustanzi jew taħlitiet kimiċi perikolużi, għandha tintuża l-pittogramma ta’ periklu rilevanti, kif stipulat fl-Anness V għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ).

▼B




L-ANNESS II

ĦTIĠIJIET MINIMI ĠENERALI GĦAT-TABELLI

1.  Karatteristiċi intrinsiċi

1.1. Il-forma u l-kuluri tat-tabelli stabbiliti fit-taqsima 3, skond l-għan speċifiku tagħhom (it-tabelli li jindikaw projbizzjoni, twissija, azzjoni mandatorja, rotta ta' ħruġ, salvataġġ jew tagħmir tat-tifi tan-nar).

1.2. Il-pittogrammi għandhom ikunu sempliċi kemm jista' jkun u jkollhom biss id-dettalji essenzjali.

1.3. Il-pittogramma użata tista' tkun kemm kemm differenti jew aktar dettaljata minn dawk li jidhru fit-taqsima 3, sakemm jagħtul-istess tifsira u ebda differenza jew adattament ma jgħatti t-tifsira.

1.4. It-tabelli għandhom ikunu magħmula minn materjal li jirreżisti kemm għad-daqqiet u kemm għall-ambjent ta' madwarhom.

1.5. Il-karatteristiċi ta' dimensjoni u kolorimetriċi u fotometriċi tat-tabelli għandhom ikunu tali li jidhru u jinftehmu faċilment.

2.  Il-kondizzjonijiet ta' l-użu

2.1. It-tabelli għandhom bħala prinċipju jiġu installati f'għoli xieraq u f'pożizzjoni approprjata biex tidher faċilment, kont tenut ta' kull ostaklu, kemm fil-punt ta' aċċess għal post f'każ ta' riskju ġenerali, jew fil-viċinanza immedjata ta' riskju jew oġġett speċifiku u f'post imdawwal tajjeb u aċċessibbli faċilment u viżibbli.

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/654/KEE, il-kuluri fosforixxenti, il-materjali riflettivi u dawl artifiċjali għandhom jintużaw meta l-livell ta' dawl naturali huwa baxx.

2.2. It-tabella għandha titneħħa meta s-sitwazzjoni li tirreferi għaliha ma tibqax teżisti.

3.  It-tabelli li għandhom jiġu użati

3.1.  Sinjali projbittivi

Karatteristiċi intrinsiċi:

 forma tonda

 pittogramma sewda fuq sfond abjad, b'tarf aħmar u linja djagonali (il-parti l-ħamra għandha tokkupa għallinqas 35 % ta' l-ispazju tas-sinjal).

Is-Sinjali li għandhom jintużaw,

image Ma tistax tpejjep

image Tipjip u nar mikxuf ipprojbiti

image Ma hemmx aċċess għan-nies

image Titfix bl-ilma

image Mhux tajjeb għax-xorb

image Mhux aċċessibli għal persuni li mhumiex awtorizzati

image Ma hemmx aċċess għal vetturi industrijali

image Tmissx

3.2.  Sinjali tat-twissija

Karatteristiċi intrinsiċi:

 forma trijangolari

 pittogramma sewda fuq sfond isfar, bi truf suwed (il-parti s-safra għandha tieħu mill-inqas 50 % ta' l-ispazju tas-sinjal).

image Materjal infjammabbli jew temperatura għolja ( 3 )

image Materjal esplożiv

image Materjal tossiku

image Materjal korrożiv

image Materjal radjuattiv

image Tagħbija fil-għoli

image Vetturi ta' l-industrija

image Perikolu: elettriku

image Perikolu ġenerali ►(1) M2   ( *1 )

image Raġġ ta' lażer

image Materjal ossidant

image Radjazzjoni non-jonizzanti

image Qawwa manjetika b'saħħitha

image Ostakoli

image Diżlivell

image Riskji bijoloġiċi ( *2 )

image Temperatura baxxa

►M2

 

 ◄

3.3.  Sinjali mandatorji

Karatteristiċi intrinsiċi:

 forma tonda

 pittogramma bajda fuq sfond blu (il-parti l-blu tieħu għallinqas 50 % ta' l-ispazju tas-sinjal).

image Għandha tintlibes protezzjoni għall-għajnejn

image Għandu jintlibes elmu ta' protezzjoni

image Għandha tintlibes protezzjoni għall-widnejn

image Għandu jintlibes apparat respiratorju

image Għandhom jintlibsu żraben ta' protezzjoni

image Għandhom jintlibsu ingwanti ta' protezzjoni

image Għandhom jintlibsu fradal ta' protezzjoni

image Għandha tintlibes protezzjoni għall-wiċċ

image Għandu jintlibes arneż ta' protezzjoni

image In-nies għandhom jużaw din ir-rotta

image Sinjal ġenerali mandatorju (li jkollu miegħu meta neċessarju, sinjal ieħor)

3.4  Ħruġ ta' emerġenza jew sinjal ta' l-ewwel għajnuna

Karatteristiċi intrinsiċi:

 forma rettangolari jew kwadra

 pittogramma bajda fuq sfond aħdar (il-parti l-ħadra għandha tieħu mill-inqas 50 % ta' l-ispazju tas-sinjal).

image Ħruġ ta' emerġenza/ Rotta biex taħrab

image Din id-direzzjoni (sinjali ta' informazzjoni supplimentari)

image Servizz ta' l-ewwel għajnuna

image Streċer

image Doċċa tas-sigurtà

image Ħasil ta' l-għajnejn

image Telefon ta' l-emerġenza għall-ewwel għajnuna jew għall-ħarba

3.5.  Sinjali tat-tifi tan-nar

Karatteristiċi intrinsiċi:

 forma rettangolari jew kwadra

 pittogramma bajda fuq sfond aħmar (il-parti l-ħamra għandha tieħu mill-inqas 50 % ta' l-ispazju tas-sinjal).

image Manka tan-nar

image Sellum

image Pompa għat-tifi tan-nar

image Telefon ta' l-emergenza għan-nar

image Din id-Direzzjoni (sinjal ta' informazzjoni supplimentari)




L-ANNESS III

ĦTIĠIJIET MINIMI GĦAL SINJALI FUQ KONTENITURI U PAJPIJIET

▼M2

1. Il-kontenituri użati fuq il-post tax-xogħol għal sustanzi jew taħlitiet kimiċi klassifikati bħala perikolużi skont il-kriterji għal kwalunkwe klassi ta’ periklu fiżiku jew għas-saħħa skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, u kontenituri użati għall-ħażna ta’ tali sustanzi jew taħlitiet perikolużi, flimkien mal-pajpijiet viżibbli li jkun fihom jew li jittrasportaw tali sustanzi u taħlitiet perikolużi, għandhom ikunu ttikkettati bil-pittogrammi ta’ periklu rilevanti f’konformità ma’ dak ir-Regolament.

L-ewwel paragrafu ma japplikax għal kontenituri użati għax-xogħol għal perjodi qosra u l-anqas ma japplika għal kontenituri li l-kontenuti tagħhom jinbidlu b’mod frekwenti, dment li jittieħdu miżuri alternattivi adegwati, b’mod partikolari dwar informazzjoni u/jew taħriġ, li jiggarantixxu l-istess livell ta’ protezzjoni.

It-tikketti msemmija fl-ewwel paragrafu jistgħu jkunu:

 mibdula b’sinjali ta’ twissija stipulati fl-Anness II, bl-użu tal-istess pittogrammi jew simboli. Jekk ma jkun hemm l-ebda sinjal ta’ twissija ekwivalenti fit-Taqsima 3.2. tal-Anness II, għandha tintuża l-pittogramma ta’ periklu rilevanti stipulata fl-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008,

 miżjuda b’informazzjoni addizzjonali, bħall-isem u/jew il-formula tas-sustanza jew it-taħlita perikoluża u d-dettalji tal-periklu,

 għat-trasport ta’ kontenituri fuq il-post tax-xogħol, issupplementata jew mibdula b’sinjali li huma applikabbli fl-Unjoni kollha għat-trasport ta’ sustanzi jew taħlitiet perikolużi.

▼B

2. Is-sinjali għandhom jitwaħħlu kif ġej:

 fuq in-naħa jew inħawi viżibbli,

 f'forma li ma tistax tintlewa, li titwaħħal weħidha jew miżbugħa.

3. Fejn xieraq, is-sinjali msemmija fit-taqsima 1 ta' dan l-Anness għandhom ikollhom il-karatteristiċi intrinsiċi imsemmija fit-taqsima 1.4. ta' l-Anness II u għandhom jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta' l-użu tat-tabelli stabbiliti fit-taqsima 2 ta' l-Anness II.

4. Mingħajr preġudizzju għat-taqsimiet 1, 2 u 3, it-tikketti użati fuq il-pajpijiet għandhom jitqiegħdu b'mod li jidhru viċin l-iktar postijiet perikolużi, bħall-valvuli u konġunturi, u f'intervalli xierqa.

5. Żoni, kmamar jew spazji magħluqa użati għall-ħażna ta' kwantitajiet sostanzjali ta' sustanzi jew ►M2  b'taħlitiet perikolużi ◄ għandhom ikunu indikati bi twissija xierqa b'sinjal meħud mit-taqsima 3.2. ta' l-Anness II, jew immarkati kif previst fit-taqsima 1 ta' l-Anness III, għajr jekk it-tikkettar tal-pakketti individwali jew tal-kontenituri jkun adegwat għal dan l-iskop, kont tenut ta' l-Anness II, punt 1.5 skond id-dimensjonijiet.

Ħażniet ta' numri ta' sustanzi jew ►M2  b'taħlitiet perikolużi ◄ jistgħu jiġu indikati b'sinjali ta' twissija għall-perikolu ġenerali.

Is-sinjali jew it-tikketti msemmija hawn fuq għandhom ikunu mqiegħda, kif xieraq, viċin il-post tal-ħażna jew fuq il-bieb li jwassal fil-kamra tal-ħażna.




L-ANNESS IV

ĦTIĠIJIET MINIMI GĦALL-IDENTIFIKAZZJONI U L-LOKALIZZAZZJONI TAT-TAGĦMIR TAT-TIFI TAN-NAR

1.  Rimarka preliminari

Dan l-Anness japplika għat-tagħmir użat esklużivament għal skopijiet tat-tifi tan-nar.

2. It-Tagħmir tat-tifi tan-nar għandu jkun identifikat billi jintuża kulur speċifikat għat-tagħmir u t-tqegħid ta' tabella tal-lokalità, u/jew billi jintuża kulur speċifiku għall-postijiet fejn tagħmir bħal dan huwa merfugħ, jew il-punti għall-aċċess għalihom.

3. Il-kulur li jidentifika dan it-tagħmir huwa l-aħmar.

Il-parti l-ħamra għandha tkun kbira biżżejjed biex it-tagħmir jista' jiġi identifikat faċilment.

4. It-tabelli previsti fit-taqsima 3.5 ta' l-Anness II għandhom jintużaw biex jimmarkaw il-lokalizzazzjoni ta' dan it-tagħmir.




L-ANNESS V

ĦTIĠIJIET MINIMI GĦAS-SINJALI LI JINTUŻAW GĦALL-OSTAKLI U POSTIJIET PERIKOLUŻI, U GĦALL-IMMARKAR TAR-ROTOT TAT-TRAFFIKU

1.   Sinjali għall-ostakli u l-postijiet perikolużi

1.1. Postijiet fejn hemm riskju ta' kolliżjoni ma' ostakli, ta' waqgħa, jew ta' oġġetti li jaqgħu, għandhom ikunu mmarkati bi strixxi alternati sofor u suwed, jew ħomor u bojod f'żoni mibnija fl-impriża li għandhom aċċess għaliha l-ħaddiema waqt ix-xogħol tagħhom.

1.2. Id-dimensjonijiet għall-marki għandhom ikunu fil-proporzjoni mad-daqs ta' l-ostaklu jew tal-post tal-perikolu inkwistjoni.

1.3. L-istrixxi sofor u suwed jew ħomor u bojod għandhom ikunu f'angolu ta' bejn wieħed u ieħor 45o u bejn wieħed u ieħor ta' l-istess daqs.

1.4. Eżempju:

image

2.   Il-Marki tar-rotot tat-traffiku

2.1. Meta l-użu u t-tagħmir tal-kmamar jeħtieġ dan għall-protezzjoni tal-ħaddiema, ir-rotot tat-traffiku għall-vetturi għandhom ikunu identifikati bi strixxi kontinwi f'kulur li jidher ċar, preferibbilment bl-abjad jew l-isfar, meta jitqies il-kulur ta' l-art.

2.2. L-istrixxi għandhom ikunu imqiegħda biex jindikaw id-distanza ta' sigurtà neċessarja bejn il-vetturi u kull oġġett li jista' jkun fil-qrib, u bejn nies u vetturi.

2.3. Ir-rotot tat-traffiku permanenti f'żoni mibnija fil-beraħ għandhom, sakemm huwa prattikabli, ikunu mmarkati bl-istess mod, kemm-il darba ma jkunux provduti b' barrieri jew b' bankini tajba.




L-ANNESS VI

ĦTIĠIJIET MINIMI GĦAL SINJALI MDAWLA

1.   Karatteristiċi intrinsiċi:

1.1. Id-dawl li jagħti sinjal għandu jipproduċi kuntrast imdawwal approprjat għall-ambjent, skond il-kondizzjonijiet maħsuba għall-użu tas-sinjal, imma mingħajr ma jagħmel dija jew inaqqas il-viżibilità minħabba nuqqas ta' dawl.

1.2. L-erja mdawla li tagħti sinjal tista' tkun ta' kulur wieħed jew ikollha pittogramma fuq sfond speċifiku.

1.3. Il-kulur waħdieni għandu jikkorrispondi mat-tabella tal-kuluri u t-tifsiriet tagħhom stabbiliti fit-taqsima 4 ta' l-Anness I.

1.4. Bl-istess mod, meta s-sinjal ikollu pittogramma, din ta' l-aħħar għandha tkun konformi mar-regoli kollha relevanti stabbiliti fl-Anness II.

2.   Regoli speċifikati li jirregolaw l-użu

2.1. Jekk l-apparat jista' jarmi kemm sinjali kontinwi kif ukoll sinjali intermittenti, is-sinjal intermittenti għandu jkun użat biex jindika livell iktar għoli ta' perikolu jew ta' bżonn iktar urġenti għall-intervent jew l-azzjoni mitluba/imposta milli indikat bis-sinjal kontinwu.

Id-dewmien ta' kull leħħa u l-frekwenza tagħhom fil-każ ta' sinjal ta' dawl intermittenti għandhom ikunu tali li

 jiżguraw li l-messaġġ jiġi pperċepit tajjeb, u

 jevitaw kull konfużjoni jew bejn is-sinjali mdawla differenti jew ma' sinjal kontinwu mdawwal.

2.2. Jekk sinjal li jleħħ huwa użat minflok — jew flimkien ma' — is-sinjal akustiku, għandhom jiġu użati kodiċi identiċi.

2.3. L-apparat li jagħti sinjali li jleħħu fil-każ ta' perikolu gravi għandu jkun taħt sorveljanza speċjali jew ikollu fanal awżiljarju.




L-ANNESS VII

ĦTIĠIJIET MINIMI GĦAL SINJALI AKUSTIĊI

1.   Karatteristiċi intrinsiċi:

1.1. Is-sinjali akustiċi għandu:

(a) jkollhom livell ta' ħoss li hu konsiderevolment ogħla mill-livell tal-ħoss ambjentali, sabiex jinstama' mingħajr ma jkun eċċessiv jew iweġġa';

(b) ikunu rikonoxxibbli faċilment, fis-sens tat-tul tal-pulsazzjoni u l-intervalli bejn pulsazzjonijiet jew gruppi ta' pulsazzjonijiet, u jintgħarfu b'mod distint minn kull sinjal akustiku ieħor u mill-ħsejjes ambjentali.

1.2. Jekk apparat jista' jagħti sinjal akustiku fi frekwenzi varjabbli jew kostanti, il-frekwenza varjabbli għandha tintuża biex tindika livell ogħla ta' perikolu jew bżonn iktar urġenti għall-intervent jew azzjoni mitluba jew imposta ma' fejn għandha x'taqsam il-frekwenza stabbli.

2.   Il-Kodiċi

Is-sinjal għall-evakwazzjoni għandu jkun kontinwu.




L-ANNESS VIII

ĦTIĠIJIET MINIMI GĦALL-KOMUNIKAZZJONI VERBALI

1.   Karatteristiċi intrinsiċi

1.1. Il-komunikazzjoni verbali bejn min jitkellem jew strument emittenti u persuna jew iktar li jisimgħu għandha tieħu il-forma (xi kultant kodifikata) ta' testi qosra, frażijiet, gruppi ta' kliem u/jew kliem individwali.

1.2. Messaġġi mitkellma għandhom ikunu qosra, sempliċi u ċari kemm jista' jkun; il-ħila verbali ta' min jitkellem u kapaċità ta' smigħ ta' minn jisma' għandhom ikunu tali li jirrendu l-komunikazzjoni verbali affidabbli.

1.3. Il-komunikazzjoni verbali hija diretta (permezz tal-vuċi umana) jew indiretta (permezz ta' vuċi umana jew vuċi artifiċjali li hija mxandra b'kull mezz li huwa approprjat).

2.   Ir-regoli speċifiċi dwar l-użu

2.1. Il-persuni involuti għandu jkollhom tagħrif tajjeb tal-lingwa użata biex hekk ikunu jistgħu jippronunzjaw u jifhmu l-messaġġ mitkellem b'mod korrett u konsegwentement jaġixxu b'mod xieraq għas-saħħa u/jew għas-sigurtà.

2.2. Jekk il-komunikazzjoni verbali hija użata minflok — jew flimkien ma' — ġesti, għandu jintuża kliem kodifikat bħal:



— ibda

biex jindika l-bidu ta' kmand

— ieqaf

biex jinterrompi jew iwaqqaf moviment

— spiċċa

biex titwaqqaf l-operazzjoni

— erfa'

biex tintrafa' tagħbija

— baxxi

biex titniżżel tagħbija

— 'il quddiem

għandhom ikunu kkoordinati mas-sinjali korrispondenti bl-idejn right accolade

— lura

— lejn il-lemin

— lejn ix-xellug

— perikolu

għal waqfien ta' l-emergenza

— malajr

biex jitħaffef moviment għar-raġunijiet ta' sigurtà.




L-ANNESS IX

ĦTIĠIJIET MINIMI GĦAS-SINJALI BL-IDEJN

1.   Karatteristiċi

Is-Sinjali bl-idejn għandhom ikunu preċiżi, sempliċi, espansivi, magħmula faċilment u distinti minn sinjali oħra.

Meta ż-żewġ dirgħajn huma użati fl-istess ħin, għandhom ikunu mċaqalqa simetrikament u biex jagħtu sinjal wieħed biss.

Sakemm jissodisfaw il-kondizzjonijiet mogħtija hawn fuq, is-sinjali użati jistgħu jvarjaw kemm kemm jew ikunu iktar iddettaljati minn dawk li jidhru fit-taqsima 3; iżda għandhom, madanakollu, ikollhom l-istess tifsira u jinftehmu bl-istess mod.

2.   Regoli speċifiċi li jirregolaw l-użu

2.1. Il-persuna li tagħti sinjali, minn hawn 'il quddiem imsemmija 'is-sinjalatur'', tuża movimenti tad-dirgħajn/idejn biex tagħti istruzzjonijiet ta' manuvra lil persuna li tirċievi s-sinjali, minn hawn 'il quddiem imsemmija l-operatur.

2.2. Is-sinjalatur għandu jkun kapaċi jsegwi il-manuvri kollha b'għajnejh mingħajr ma jkun fil-perikolu.

2.3. Ix-xogħol tas-sinjalatur għandu jikkonsisti esklużivament fid-direzzjoni ta' manuvri u f'li jiżgura is-sigurtà tal-ħaddiema fil-viċinanza.

2.4. Jekk il-kondizzjonijiet deskritti fil-punt 2.2 ma jiġux sodisfatti, sinjalatur ieħor jew iktar għandhom jintużaw.

2.5. L-operatur għandu jinterrompi l-manuvra li qed issir sabiex jitlob istruzzjonijiet ġodda meta ma jistax iwettaq l-ordnijiet li hu rċieva biċ-ċertezza ta' sigurtà neċessarji.

2.6.  Aċċessorji:

L-operatur għandu jkun kapaċi jagħraf is-sinjalatur mingħajr diffikultà.

Is-sinjalatur għandu jilbes b'mod distintiv xieraq, e.ż. b'ġakketta, b'elmu, bi kmiem jew b'faxxi ta' l-idejn, jew iġorr pali.

L-oġġetti distintivi li jiddistingwuh għandhom ikollhom kuluri brillanti, preferibilment kollha ta' l-istess kulur għall-użu esklussiv tas-sinjalaturi.

3.   Is-sinjali kodifikati li għandhom jintużaw

Rimarka preliminari

Il-sett li ġej ta' sinjali kodifikati hu mingħajr preġudizzju għall-kodiċi oħra applikabli fuq il-livell Komunitarju, użati għall-istess manuvri f'ċerti setturi:



Tifsira

Deskrizzjoni

Illustrazzjoni

A. Sinjali ġenerali

IBDA

Attenzjoni

Bidu tal-kmand

ż-żewġ dirgħajn huma miftuħa b'mod orizzontali bil-pali jħarsu faċċata

image

IEQAF

Interruzzjoni

Tmiem tal-moviment

id-driegħ tal-lemin tippunta 'l fuq bil-pala tħares faċċata

image

TMIEM

ta' l-operazzjoni

ż-żewġ idejn huma magħqudin quddiem is-sider

image

B. Movimenti vertikali

GĦOLLI

id-driegħ il-leminija tippunta 'l fuq bil-pala faċċata miftuħa u tagħmel ċirku bil-mod

image

BAXXI

id-driegħ tal-lemin jippunta 'l isfel u bil-pala tħares 'il ġewwa u tagħmel ċirku bil-mod

image

DISTANZA VERTIKALI

l-idejn jindikaw id-distanza relevanti

image

Ċ. Movimenti Orizzontali

IMXI ‘L QUDDIEM

iż-żewġ dirgħajn huma milwija bil-pala tħares 'il fuq, u l-parti tal-quddiem tad-dirgħajn tagħmel movimenti bil-mod lejn il-ġisem

image

IMXI LURA

iż-żewġ dirgħajn huma milwija bil-palmi jħarsu 'l isfel, u l-parti ta' quddiem tad-dirgħajn tagħmel movimenti bil-mod ‘l bogħod mill-ġisem

image

LEMIN

għas-sinjalatur

id-driegħ tal-lemin hija estiża bejn wieħed u ieħor orizzontalment bil-pala tħares 'l isfel u bil-mod tagħmel movimenti żgħar lejn il-lemin

image

XELLUG

għas-sinjalatur

id-driegħ tax-xellug huwa maħruġ bejn wieħed u ieħor orizzontalment bil-pala tħares 'l isfel u bil-mod tagħmel movimenti żgħar lejn ix-xellug

image

DISTANZA ORIZZONTALI

l-idejn jindikaw id-distanza rilevanti

image

D. Perikolu

PERIKOLU

Waqfien ta' emerġenza

iż-żewġ dirgħajn jippuntaw 'l fuq bil-pali miftuħa faċċata

image

MALAJR

il-movimenti kollha iktar mgħaġġla

 

BIL-MOD

il-movimenti kollha iktar bil-mod

 



( 1 ) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

( 2 ) Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

( 3 ) Fin-nuqqas ta' sinjal speċifiku għal-temperaturi għoljin

( *1 ) Dan is-sinjal ta’ twissija m’għandux jintuża biex iwissi lill-persuni dwar sustanzi jew taħlitiet kimiċi perikolużi, ħlief għal każijiet meta s-sinjal ta’ twissija jintuża f’konformità mat-tieni paragrafu tat-Taqsima 5 tal-Anness III biex jindika l-ħażniet ta’ sustanzi jew taħlitiet perikolużi.

( *2 ) Il-pittogramm stabbilit fid-Direttiva tal-Kunsill 90/679/ KEE tas-26 ta' Novembru 1990 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskju li għandu x'jaqsam ma' espożizzjoni għal aġenti bijoloġiki fuq ix-xogħol (Is-Seba' Direttiva individwali fis-sens ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/ KEE) / ĠU L 374, tal-31.12.1990, p. 1.