1991R1534 — MT — 01.05.2004 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KEE) Nru 1534/91

tal-31 ta' Mejju 1991

dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85 (3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta' ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma fis-settur ta' l-assigurazzjoni

(ĠU L 143, 7.6.1991, p.1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta'Diċembru 2002

  L 1

1

4.1.2003




▼B

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KEE) Nru 1534/91

tal-31 ta' Mejju 1991

dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85 (3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta' ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma fis-settur ta' l-assigurazzjoni



IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 87 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni ( 1 ),

Wara li kkunsidra l-fehma tal-Parlament Ewropew ( 2 ),

Wara li kkunsidra l-fehma tal-Kumitat Soċjali u Ekonomiku ( 3 ),

Billi l-Artikolu 85(1) tat-Trattat jista', skond l-Artikolu 85(3), ikun iddikjarat illi ma jgħoddx għal kategoriji ta' ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma li jilħqu l-ħtiġijiet ta' l-Artikolu 85(3);

Billi r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(3) tat-Trattat iridu jiġu adottati permezz ta' Regolament ibbażat fuq l-Artikolu 87 tat-Trattat;

Billi l-koperazzjoni bejn l-impriżi fis-settur ta' l-assigurazzjoni hija, sa ċertu punt, mixtieqa sabiex jiġi żgurat li dan is-settur jiffunzjona tajjeb u jista' fl-istess ħin jippromwovi l-interessi tal-konsumaturi;

Billi l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 tal-21 ta' Diċembru 1989 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi ( 4 ) jgħin lill-Kummissjoni sabiex tissorvelja mill-qrib fuq problemi li jġibu magħhom il-konċentrazzjonijiet fis-setturi kollha, inkluż il-qasam ta' l-assigurazzjoni;

Billi l-eżenzjonjiet mogħtija fl-Artikolu 85(3) tat-Trattat ma jistgħux fihom infushom jaffettwaw il-Komunità u d-disposizzjonijiet nazzjonali li jħarsu l-interessi tal-konsumaturi f'dan is-settur;

Billi l-ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma li jilħqu dawk l-għanjiet jistgħu, sakemm jaqgħu fi ħdan il-projbizzjoni li hemm fl-Artikolu 85(1) tat-Trattat, ikunu eżenti minnha taħt ċerti kondizzjonijiet; billi dan igħodd b'mod partikolari għal ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma marbuta mat-twaqqif ta' ħlas ta' tariffi komuni għar-riskju bbażati fuq statistika garantita b'mod kollettiv jew in-numru ta' talbiet, it-twaqqif ta' kondizzjonijiet ta' politika standard, li jkunu koperti b'mod komuni ċerti tipi ta' riskji, il-ħlas ta' ċerti talbiet, l-ittestjar u l-aċċettazzjoni ta' mekkaniżmi tas-sigurtà, u reġistri ta', u informazzjoni fuq, riskji aggravati;

Billi minħabba n-numru kbir ta' notifiki mitfugħa skond ir-Regolament tal-Kunsill Nru 17 tas-6 ta' Frar 1962: L-ewwel Regolament li jħaddem l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat ( 5 ), kif emendat l-aħħar mill-Att ta' l-Adeżjoni ta' Spanja u l-Portugall, jixraq li sabiex tiffaċilita l-ħidma tal-Kummissjoni, trid tkun megħjuna sabiex tiddikjara, permezz ta' Regolament, li d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat ma jkunux jgħoddu għal ċerti kategoriji ta' ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma;

Billi jrid jiġi stabbilit taħt liema kondizzjonijiet il-Kummissjoni, b'tisħib mill-qrib u kontinwu ma' l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri, tista' teżerċita dawk il-poteri;

Billi, meta tkun qed teżerċita dawk il-poteri, il-Kummissjoni trid tqis mhux biss ir-riskju li titneħħa l-kompetizzjoni f'parti sostanzjali tas-suq relevanti u ta' xi benefiċċju li jista' jgħaddi għal fuq min għandu l-polza minħabba l-ftehim, iżda anki r-riskju li r-riproduzzjoni ta' klawsoli li jirristrinġu u l-operat ta' kumpaniji ta' l-akkomodazzjoni jinvolvu għal min għandu l-polza;

Billi ż-żamma ta' reġistri u l-mod kif tkun ittrattata l-informazzjoni fuq riskji aggravati trid issir skond it-tħaris xieraq tal-kunfidenzjalità;

Billi, skond l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni tista' tagħti lok biex deċiżjoni meħuda skond l-Artikolu 85(3) tat-Trattat tibda tgħodd b'effett retroattiv; billi l-Kummissjoni trid ukoll tkun kapaċi tadotta disposizzjonijet għal dak il-għan f'Regolament;

Billi, skond l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 17, il-ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma jistgħu, permezz ta' deċiżjoni mill-Kummissjoni, ikunu eżentati minn din il-projbizzjoni, speċjalment jekk huma modifikati b'tali mod li jilħqu l-ħtiġijiet ta' l-Artikolu 85(3) tat-Trattat; billi huwa mixtieq li l-Kummissjoni tkun tista' tagħti permezz ta' Regolament bħal eżenzjoni minn dak il-ftehim, deċiżjonijiet, u prattiċi miftehma jekk huma modifikati b'tali mod li jaqgħu fi ħdan kategorija mfissra f'Regolament li jeżenta;

Billi ma jistax jiġi eskluż illi, f'każijiet speċifiċi, il-kondizzjonijiet mogħtija fl-Artikolu 85(3) tat-Trattat jistgħu ma jintlaħqux; billi l-Kummissjoni għandha jkollha s-setgħa li tirregola dawk il-każijiet skond ir-Regolament Nru 17 permezz ta' Deċiżjoni li jkollha effett għall-ġejjieni,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:



Artikolu 1

1.  Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni tista', permezz ta' Regolament u skond l-Artikolu 85(3) tat-Trattat, tiddikjara li l-Artikolu 85(1) m'għandux jgħodd għall-kategoriji ta' ftehim bejn l-impriżi, deċiżjonijiet ta' assoċjazzjonijiet ta' impriżi u prattiċi miftiehma fil-qasam ta' l-assigurazzjoni li għandhom bħala l-għan tagħhom il-koperazzjoni f'każ ta':

(a) twaqqif ta' tariffi ta' ħlas ta' riskju komuni bbażati fuq statistiċi garantiti b'mod kollettiv jew fuq in-numru ta' talbiet;

(b) twaqqif ta' kondizzjonijiet ta' politika bażiċi komuni;

(ċ) li jkunu koperti ċerti tipi ta' riskji;

(d) li jkunu mħallsa t-talbiet;

(e) li jkun ttestjat u aċċettat t-tagħmir tas-sigurtà;

(f) registri ta', u informazzjoni fuq, riskji aggravati, dejjem jekk iż-żamma ta' dawn ir-reġistri u l-użu ta' din l-informazzjoni jsir skond il-protezzjoni xierqa tal-kunfidenzalità.

2.  Ir-Regolament tal-Kummissjoni msemmi fil-Paragrafu 1, jispjega l-kategoriji ta' ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma li jgħodd għalihom u jrid jispeċifika b'mod partikolari:

(a) ir-restrizzjonijiet jew klawsoli li jistgħu, jew ma jistgħux, jidhru fi ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma;

(b) il-klawsoli li jrid ikun hemm fil-ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma jew il-kondizzjonijiet l-oħra li jridu jintlaħqu.

Artikolu 2

Kwalunkwe Regolament adottat skond l-Artikolu 1 għandu tul ta' żmien limitat.

Dan jista' jiġi imħassar jew emendat meta ċ-ċirkustanzi jkunu nbidlu skond xi fatti essenzjali sabiex jiġi adottat; f'dak il-każ, irid jiġi stabbilit perjodu għall-modifiki tal-ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma li għalihom kien jgħodd ir-Regolament ta' qabel.

Artikolu 3

Regolament adottat skond l-Artikolu 1 jista' jagħti lok li jgħodd retroattivament għall-ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma li għalihom, fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament imsemmi, tkun ġiet applikata deċiżjoni b'effett retroattiv skond l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 17.

Artikolu 4

1.  Regolament adottat skond l-Artikolu 1 jista' jagħti lok li l-projbizzjoni li hemm fl-Artikolu 85(1) tat-Trattat ma tgħoddx, għal dak il-perjodu kif ikun stabbilit f'dak ir-Regolament, għall-ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma diġà eżistenti fit-13 ta' Marzu 1962 li ma jilħqux il-kondizzjonijiet ta' l-Artikolu 85(3) fejn:

 fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament imsemmi, huma jiġu modifikati b'tali mod li jilħqu l-kondizzjonijiet imsemmija skond id-disposizzjonijiet tar-Regolamenti msemmi u

 il-modifiki jiġu mgħarrfa lill-Kummissjoni fi żmien stipulat mir-Regolament imsemmi.

Id-disposizzjonijiet ta' l-ewwel sottoparagrafu jgħoddu bl-istess mod għal dak il-ftehim, deċiżjonijiet u disposizzjonijiet li jkun hemm fid-data ta' l-adeżjoni ta' Stati Membri ġodda li għalihom jgħodd l-Artikolu 85(1) tat-Trattat permezz tad-dħul u li ma jilħqux il-kondizzjonijiet ta' l-Artikolu 85(3).

2.  Il-Paragrafu 1 jgħodd għall-ftehim, deċiżjonijiet u disposizzjonijiet li kellhom jiġu notifikati qabel l-1 ta' Frar 1963, skond l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 17, biss fejn ġew hekk notifikati qabel dik id-data.

Il-Paragrafu 1 ma jgħoddx għall-ftehim, deċiżjonijiet u disposizzjonijiet li hemm fid-data ta' l-adeżjoni ta' Stati Membri ġodda li għalihom jgħodd l-Artikolu 85(1) tat-Trattat permezz ta' l-adeżjoni u li kellu jkun notifikat fi żmien sitt xhur mid-data ta' l-adeżjoni skond l-Artikoli 5 u 25 tar-Regolament Nru 17, sakemm ma kinux hekk notifikati fil-perjodu msemmi.

3.  Il-vantaġġ mid-disposizzjonijiet adottati skond il-paragrafu 1 m'għandux jiġi inkluż f'azzjonijiet pendenti fid-data ta' l-adeżjoni fis-seħħ ta' Regolament adottat skond l-Artikolu 1; lanqas m'għandu għalfejn jiġi inkluż bħala mezz għal talbiet għal ħsara kontra partijiet oħra.

Artikolu 5

Fejn il-Kummissjoni tipproponi li tadotta Regolament, din trid tippubblika d-draft tiegħu sabiex il-persuni kollha u l-organizzazzjonijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jgħaddulha l-kummenti tagħhom f'dak iż-żmien stipulat, li ma jkunx inqas minn xahar, kif din tistabbilixxi.

Artikolu 6

1.  Il-Kummissjoni trid tikkonsulta lill-Kumitat Konsultattiv dwar Ħidmiet Ristrettivi u Monopolji:

(a) qabel ma tippubblika l-Abbozz tar-Regolament;

(b) qabel ma tadotta Regolament.

2.  Għandu jgħodd l-Artikolu 10(5) u (6) tar-Regolament Nru 17, marbut mal-konsultazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv. Iżda, laqgħat konġunti mal-Kummissjoni jridu jsiru mhux aktar kmieni minn xahar wara li jintbagħat l-avviż dwarhom.

▼M1 —————

▼B

Artikolu 8

Mhux aktar tard minn sitt snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kummissjoni provdut fl-Artikolu 1, il-Kummissjoni trid tgħaddi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar il-mod kif jaħdem dan ir-Regolament, flimkien ma' dawk il-proposti għal emendi għal dan ir-Regolament kif ikun meħtieġ minħabba l-esperjenza.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) ĠU C 16, tat-23.1.1990, pġ. 13.

( 2 ) ĠU C 260, tal-15.10.1990, pġ. 57.

( 3 ) ĠU C 182, tat-23.7.1990, pġ. 27.

( 4 ) ĠU L 395, tat-30.12.1989, pġ. 1.

( 5 ) ĠU C 13, tal-21.2.1962, pġ. 204/62.