01990L0270 — MT — 26.07.2019 — 002.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

►C1  ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL

tad-29 ta' Mejju 1990

dwar il-ħtiġijiet minimi ta' saħħa u sigurtà għax-xogħol b'tagħmir li għandu display screen (il-ħames Direttiva individwali fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) ◄

(90/270/KEE)

(ĠU L 156 21.6.1990, p. 14)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DIRETTIVA 2007/30/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Test b’relevanza għaż-ŻEE ta’ l-20 ta’ Ġunju 2007

  L 165

21

27.6.2007

►M2

REGOLAMENT (UE) 2019/1243 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-20 ta’ Ġunju 2019

  L 198

241

25.7.2019


Ikkoreġuta bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 109, 24.4.2019, p.  29  (1990/270)




▼B

▼C1

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL

tad-29 ta' Mejju 1990

dwar il-ħtiġijiet minimi ta' saħħa u sigurtà għax-xogħol b'tagħmir li għandu display screen (il-ħames Direttiva individwali fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)

▼B

(90/270/KEE)



IT-TAQSIMA I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

L-Artikolu 1

Suġġett

1.  Din id-Direttiva, li hija l-ħames Direttiva individwali fit-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE, issemmi ħtiġijiet minimi għas-saħħa u s-sigurtà għal xogħol b'tagħmir li għandu display screen kif definit fl-Artikolu 2.

2.  Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/391/KEE huma applikabbli kollha kemm huma għall-qasam kollu msemmi fil-paragrafu 1, mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet aktar strinġenti u/jew speċifiċi li jinsabu fid-Direttiva preżenti.

3.  Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal:

(a) kabini tax-xufiera jew kabini tal-kontroll għal vetturi jew makkinarju;

(b) sistemi tal-kompjuter abbord mezz tat-trasport;

(ċ) sistemi tal-kompjuter maħsubin prinċipalment għall-użu pubbliku;

(d) sistemi 'portable' użati għal perijodu ta' żmien twil fuq workstation;

(e) kalkulaturi, cash registers, u kull apparat li jkollu display ta' l-informazzjoni jew tal-kejl żgħira meħtieġa għall-użu dirett ta' l-apparat;

(f) magni tal-kitba ta' disinn tradizzjonali, magħrufin bħala “typewriter with window”.

L-Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, it-termini li ġejjin għandhom ikollhom it-tifsir li ġej:

(a) tagħmir tad – display screen: display screen alfanumeriku jew grafiku, ikun xi jkun il-proċess ta' display impjegat;

(b)  workstation: numru ta' komponenti li jinkludu tagħmir tad – display screen, li jista' jkollu wkoll keyboard jew apparat biex iddaħħal l-informazzjoni u/jew software li jiddetermina l-interface bejn l-operatur u l-makkinarju, aċċessorji fakoltattivi, tagħmir perferali li jinkludi drive tad-diskette, telefon, modem, stampatriċi, għodda li żżomm id-dokumenti, siġġu tax-xogħol u bank jew wiċċ tax-xogħol, u l-ambjent immedjat tal-post tax-xogħol;

(ċ) ħaddiem: kull ħaddiem kif definit fl-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 89/391/KEE li juża regolarment tagħmir li għandu display screen bħala parti importanti tax-xogħol normali tiegħu.



IT-TAQSIMA II

OBBLIGI TA' MIN IĦADDEM

L-Artikolu 3

Analiżi tal-workstations

1.  Min iħaddem għandu l-obbligu li jagħmel analiżi tal-workstations sabiex jivvaluta l-kondizzjonijiet ta' saħħa u sigurtà li dawn iħallu fuq il-ħaddiema tiegħu, partikolarment fejn jidħlu riskji possibbli tal-vista, problemi fisiċi u problemi ta' stress mentali.

2.  Min iħaddem għandu jieħu l-miżuri xierqa sabiex jirrimedja r-riskji misjuba, fuq il-bażi tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, waqt li jikkonsidra l-effetti addizzjonali u/jew magħqudin tar-riskji misjuba.

L-Artikolu 4

Workstations imdaħħla fis-servizz għall-ewwel darba

Min iħaddem għandu jieħu l-passi xierqa sabiex jiżgura li workstations imdaħħla fis-servizz għall-ewwel darba wara l-31 ta' Diċembru 1992 ikunu konformi mal-ħtiġijiet minimi msemmija fl-Anness.

L-Artikolu 5

Workstations diġà funzjonanti

Min iħaddem għandu jieħu l-passi xierqa sabiex jiżgura li workstations li diġà qed jintużaw qabel jew fil-31 ta' Diċembru 1992 jiġu adattati sabiex ikunu konformi mal-ħtiġijiet minimi imsemmija fl-Anness mhux aktar tard minn erba' snin wara dik id-data.

L-Artikolu 6

Informazzjoni u taħriġ għall-ħaddiema

1.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10 tad-Direttiva 89/391/KEE, il-ħaddiema għandhom jirċievu informazzjoni dwar l-aspetti kollha tas-saħħa u s-sigurtà relatati mal-workstation tagħhom, partikolarment informazzjoni dwar dawk il-miżuri applikabbli għal workstations kif implimentati taħt l-Artikoli 3, 7 u 9.

Fil-każi kollha, il-ħaddiema jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jiġu infurmati dwar kull miżura għas-saħħa u s-sigurtà meħuda konformi ma' din id-Direttiva.

2.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12 tad-Direttiva 89/391/KEE, kull ħaddiem għandu jirċievi wkoll taħriġ fl-użu tal-workstation qabel ma jibda dan it-tip ta' xogħol u kull meta l-organizzazzjoni tal-workstation tkun sostanzjalment mibdula.

L-Artikolu 7

Rutina tax-xogħol ta' kuljum

Min iħaddem għandu jippjana l-attivitajiet tal-ħaddiema b'mod li xogħol ta' kuljum fuq display screen ikun interrott perjodikament b'ħinijiet ta' mistrieħ jew bi bdil fl-attività li jnaqqsu l-massa ta' xogħol fuq id-display screen.

L-Artikolu 8

Konsultazzjoni mal-ħaddiema u l-parteċipazzjoni tagħhom

Għandu jkun hemm konsultazzjoni mal-ħaddiema u/jew mar-rappreżentanti tagħhom u l-parteċipazzjoni tagħhom skond l-Artikolu 11 tad-Direttiva 89/391/KEE dwar il-kwistjonijiet koperti minn din id-Direttiva, inkluż l-Anness tagħha.

L-Artikolu 9

Protezzjoni ta' l-għajnejn u tal-vista tal-ħaddiema

1.  Il-ħaddiema huma intitolati għal test ta' l-għajnejn u tal-vista xieraq magħmul minn persuna bil-kapaċitajiet neċessarji:

 qabel jibdew xogħol ta' display screen,

 f'intervalli regolari minn hemm 'il quddiem, u

 jekk jiltaqgħu ma' diffikultajiet ta' l-għajnejn li jistgħu ikunu minħabba xogħol ta' display screen.

2.  Il-ħaddiema huma intitolati għal eżami oftalmoloġiku jekk ir-riżultati tat-test imsemmi fil-paragrafu 1 juri li dan hu neċessarju.

3.  Jekk ir-riżultati tat-test imsemmi fil-paragrafu 1 jew ta' l-eżami msemmija fil-paragrafu 2 juru li hu neċessarju u jekk strumenti korrettivi normali ma jistgħux jintużaw, il-ħaddiema għandhom jiġu pprovduti bi strumenti korrettivi speċjali xierqa għax-xogħol ikkonċernat.

4.  Miżuri meħuda skond dan l-Artikolu ma jistgħu fl-ebda ċirkostanza jinvolvu l-ħaddiema fi spejjeż finanzjarji addizzjonali.

5.  Il-protezzjoni ta' għajnejn u tal-vista tal-ħaddiema tista' tkun ipprovduta bħala parti minn sistema tas-saħħa nazzjonali.



IT-TAQSIMA III

DISPOŻIZZJONIJIET VARJI

▼M2

Artikolu 10

Emendi għall-Anness

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 10a sabiex tagħmel emendi strettament tekniċi għall-Anness, sabiex jittieħed kont tal-progress tekniku, l-iżviluppi fir-regolamenti jew fl-ispeċifikazzjonijiet internazzjonali u l-għarfien fil-qasam tat-tagħmir li għandu display screen.

Fejn, f’każijiet debitament ġustifikati u eċċezzjonali li jinvolvu riskji imminenti, diretti u serji għas-saħħa u s-sikurezza fiżiċi tal-ħaddiema u ta’ persuni oħra, raġunijiet imperattivi ta’ urġenza jeħtieġu azzjoni f’perijodu qasir ħafna ta’ żmien, il-proċedura prevista fl-Artikolu 10b għandha tapplika għall-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu.

▼M2

Artikolu 10a

Eżerċizzju tad-delega

1.  Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.  Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 10 għal perijodu ta’ ħames snin mis-26 ta’ Lulju 2019. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħat għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perijodi tal-istess tul, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonax għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perijodu.

3.  Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 10 tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.

4.  Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet ( 1 ).

5.  Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.  Att delegat adottat skont l-Artikolu 10 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 10b

Proċedura ta’ urġenza

1.  L-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ mingħajr dewmien u għandhom japplikaw sakemm ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni f’konformità mal-paragrafu 2. In-notifika ta’ att delegat lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandha tagħti r-raġunijiet li għalihom tkun intużat il-proċedura ta’ urġenza.

2.  Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jista’ joġġezzjona għal att delegat f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 10a(6). F’dak il-każ, il-Kummissjoni għandha tħassar l-att immedjatament wara n-notifika tad-deċiżjoni ta’ oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

▼B

L-Artikolu 11

Dispożizzjonijiet finali

1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sal-31 ta' Diċembru 1992.

Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni d'dan minnufih.

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw, jew li diġà adottaw, fil-qasam li jaqa' taħt din id-Direttiva.

▼M1 —————

▼B

L-Artikolu 12

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




L-ANNESS

ĦTIĠIJIET MINIMI

(L-Artikoli 4 u 5)

Rimarka Preliminari

L-obbligi msemmija f'dan l-Anness għandhom japplikaw sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' din id-Direttiva u sakemm, l-ewwelnett, il-komponenti kkonċernati huma preżenti fuq il-workstation, u t-tininett, sakemm il-ħtiġijiet jew karatteristiċi inerenti fill-biċċa xogħol ma jipprekluduhiex.

1. TAGĦMIR

(a)  Kumment Ġenerali

L-użu nnifsu tat-tagħmir m'għandux ikun sors ta' riskju għall-ħaddiema.

(b)  Display screen

Il-karattri fuq l-iskrin għandhom ikunu definiti tajjeb u ffurmati b'mod ċar, ta' daqs adegwat u bi spazji adegwati bejn il-karattri u l-linji.

L-immaġni fuq l-iskrin għandha tkun stabbli, mingħajr ċaqliq jew forom oħra ta' instabbilità.

Il-luminożità u/jew il-kuntrast bejn il-karattri u l-isfond għandha tkun waħda li tista' tiġi aġġustata b'mod faċli għall-kondizzjonijiet ambjentali.

L-iskrin għandu jkun jiċċaqlaq 'il fuq u 'l isfel u minn naħa għal oħra b'mod faċli u liberu sabiex jissodisfa l-bżonnijiet tal-ħaddiem.

Għandu jkun possibbli li tintuża bażi separata għall-iskrin jew mejda aġġustabbli.

L-iskrin għandu jkun liberu minn dija riflessiva u riflessjonijiet li jistgħu jikkawżaw skumdità għall-utent.

(c)  Keyboard

Il-keyboard għandha tkun tiċċaqlaq 'il fuq u 'l isfel u separata mill-iskrin sabiex tħalli lill-ħaddiem isib pożizzjoni komda biex jaħdem u jevita l-għajja fid-dirgħajn u fl-idejn.

L-ispazju quddiem il-keyboard għandu jkun biżżejjed sabiex ikun ta' appoġġ għall-idejn u d-dirgħajn ta' l-operatur.

Il-keyboard għandu jkollha wiċċ matt sabiex jiġi evitat dawl riflessiv.

L-arranġament tal-keyboard u l-karatteristiċi tal-keys għandhom jiffaċilitaw l-użu tal-keyboard.

Is-simboli fuq il-keys għandhom jikkuntrastaw adegwatament u jkun leġibbli mill-pożizzjoni tax-xogħol.

(d)  Il-bank jew il-wiċċ tal-post tax-xogħol

Il-bank jew il-wiċċ tax-xogħol għandu jkollu wiċċ kbir biżżejjed u li ma tantx jirrifletti u li jħalli arranġament flessibbli ta' l-iskrin, il-keyboard, id-dokumenti u l-apparat relatat.

L-għodda li żżomm id-dokumenti għandha tkun stabbli u aġġustabbli u għandha tkun impoġġija b'mod li tnaqqas il-bżonn ta' ċaqliq skomdu tar-ras u ta' l-għajnejn.

Għandu jkun hemm spazju adegwat għall-ħaddiema sabiex isibu pożizzjoni komda.

(e)  Siġġu tax-xogħol

Is-siġġu tax-xogħol għandu jkun stabbli u jħalli l-ħaddiem libertà tal-moviment faċli u pożizzjoni komda.

Is-siġġu għandu jkun aġġustabbli mill-għoli.

Id-dahar tas-siġġu għandu jkun aġġustabbli kemm għall-għoli kif ukoll għaċ-ċaqliq 'il fuq u 'l isfel.

Għal min jixtieq għandu jkun hemm post disponibbli fejn wieħed iserraħ saqajh.

2. AMBJENT

(a)  Ħtiġijiet ta' spazju

Il-workstation għandu jkun dimensjonat u ddisinjat b'mod li jħalli spazju biżżejjed lill-utent sabiex jibdel il-pożizzjoni u jvarja l-movimenti.

(b)  Dawl

Id-dawl tal-kamra u/jew id-dawl tal-lampi għandu jiżgura kondizzjonijiet ta' dawl sodisfaċenti u kuntrast xieraq bejn l-iskrin u l-isfond ambjentali, skond it-tip ta' xogħol u l-bżonnijiet viżivi ta' l-utent.

Dija u riflessjonijiet fuq l-iskrin jew apparat ieħor li jistgħu jiddisturbaw m'għandhomx jitħallew billi wieħed jikkoordina l-post tax-xogħol u l-arranġament tal-workstation ma' l-ippożizzjonar u l-karatteristiċi tekniċi tas-sorsi tad-dawl artifiċjali.

(ċ)  Riflessjonijiet u dija

Il-workstations għandhom ikunu ddisinjati b'mod li s-sorsi tad-dawl, bħal twieqi jew fetħiet oħra, ħitan trasparenti jew li jgħaddi d-dawl minnhom, u tagħmir imwaħħal jew ħitan ikkuluriti jgħajtu ma jikkawżawx dija diretta u, kemm jista' jkun, lanqas riflessjonijiet fuq l-iskrin.

It-twieqi għandhom ikunu mgħammra b'sistema tajba ta' għatu aġġustabbli sabiex innaqqas id-dawl tal-ġurnata minn fuq il-workstation.

(d)  Storbju

Storbju li joħroġ mill-apparat tal-workstation(s) għandu jitqies meta workstation ikun qiegħed jiġi mgħammar, partikolarment sabiex ma jtellifx l-attenzjoni jew jiddisturba d-diskors.

(e)  Sħana

Tagħmir li jagħmel parti mill-workstation(s) m'għandux jipproduċi sħana eċċessiva li tista' tikkawża skomfort lill-ħaddiema.

(f)  Radjazzjoni

Ir-radjazzjoni kollha bl-eċċezzjoni tal-parti viżiva ta' l-ispettru elettromanjetiku għandha titnaqqas għal livelli negliġibbli mill-perspettiva tal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.

(g)  Umdità

Għandu jiġi stabbilit u miżmum livell adegwat ta' umdità.

3.  INTERFACE BEJN L-OPERATUR U L-KOMPJUTER

Fit-tfassil, l-għażla, il-kuntrattar u l-modifika tas-software, u fit-tfassil tax-xogħol li juża tagħmir tad-display screen, min iħaddem għandu jikkunsidra l-prinċipji li ġejjin:

(a) is-software għandu jkun adattat għal dak ix-xogħol;

(b) is-software għandu jkun faċli biex tużah u, fejn hu xieraq, adattabbli għal-livell ta' għarfien u esperjenza tal-ħaddiem; l-ebda faċilità ta' kontroll kwantitattiv jew kwalitattiv ma tista' tintuża mingħajr l-għarfien tal-ħaddiema;

(ċ) is-sistemi għandhom jipprovdu feedback lill-ħaddiema dwar il-prestazzjoni tagħhom;

(d) is-sistemi għandhom juru informazzjoni f'format u b'pass li huma adattati għall-ħaddiem;

(e) il-prinċipji ta' ergonomija tas-software għandhom japplikaw, partikolarment għall-ipproċessar ta' data umana.



( 1 ) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.