8.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 345/5


Talba għal Opinjoni Konsultattiva mill-Qorti tal-EFTA minn Oslo tingrett bid-data tal-14 ta’ Marzu 2022 fil-Kawża ta’ Stendi AS & Norlandia Care Norge AS vs Oslo kommune v/ordføreren

(Il-Kawża E-4/22)

(2022/C 345/04)

Saret talba lill-Qorti tal-EFTA, bid-data tal-14 ta’ Marzu 2022, minn Oslo tingrett (il-Qorti Distrettwali ta' Oslo), li waslet fir-Reġistru tal-Qorti fit-30 ta' Marzu 2022, għal Opinjoni Konsultattiva fil-Kawża ta' Stendi AS & Norlandia Care NorgeAS vs Oslo kommune v/ordføreren, dwar il-mistoqsijiet li ġejjin:

Dwar jekk l-akkwist jaqax fil-kunċett ta’ servizz jew jaqax barra minnu:

1.

Kuntratt bi ħlas li jipprovdi għall-provvista ta’ postijiet għal żmien twil fi djar tal-kura, li l-akkwist tagħhom isir bil-kundizzjonijiet deskritti [fit-talba], għandu jitqies bħala kuntratt relatat mal-provvista ta’ “servizzi” skont il-punt (9) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24/UE?

Dwar l-eċċezzjoni fl-Artikolu 32 ŻEE għall-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali:

1.

Il-kapaċità ta’ awtorità kontraenti pubblika li tibbaża ruħha fuq l-eċċezzjoni fl-Artikolu 32 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, moqri flimkien mal-Artikolu 39, hija affettwata minn jekk:

a)

is-servizzi inkwistjoni qabel kienu s-suġġett ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku bejn l-awtorità kontraenti u kemm l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ kif ukoll fornituri oħra (mhux mingħajr skop ta’ qligħ)?

b)

awtoritajiet kontraenti pubbliċi oħra fl-istess Stat għadhom jagħżlu li jikkonkludu kuntratti għal servizzi ekwivalenti kemm ma’ organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ kif ukoll ma’ fornituri oħra (mhux mingħajr skop ta’ qligħ)?

c)

is-setgħa li jittieħdu deċiżjonijiet biex tiġi amministrata kura tas-saħħa koerċittiva fir-rigward ta’ persuni mingħajr kapaċità legali li jagħtu kunsens li huma kontra dik il-kura tas-saħħa, ma titqiegħedx direttament mal-kuntrattur tal-awtorità pubblika kontraenti, iżda mal-persunal tas-saħħa li jaħdem mal-kuntrattur?

2.

Kif għandu jiġi interpretat il-kliem “anki okkażjonalment” fl-Artikolu 32 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, moqri flimkien mal-Artikolu 39?

Dwar ir-riżerva għal organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ:

1.

L-Artikoli 31 u 36 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE u l-Artikoli 74 - 77 tad-Direttiva 2014/24/UE jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-awtoritajiet kontraenti pubbliċi li jirriżervaw id-dritt li jipparteċipaw fi proċeduri ta’ sejħiet għal offerti relatati mas-servizzi tas-saħħa u dawk soċjali għal “organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ” skont it-termini stabbiliti fid-dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali inkwistjoni?