7.7.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 181/22 |
DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA Nru 280/21/COL
tat-13 ta’ Diċembru 2021
li temenda r-regoli proċedurali u sostantivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat billi tintroduċi Linji Gwida ġodda dwar il-kriterji għall-analiżi tal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni [2022/1170]
L-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA (EFTA SURVEILLANCE AUTHORITY, “ESA”),
Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim dwar iż-ŻEE”), b’mod partikolari l-Artikoli minn 61 sa 63 u l-Protokoll 26,
Wara li kkunsidrat il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u ta’ Qorti tal-Ġustizzja (“il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti”), u b’mod partikolari l-Artikolu 24 u l-Artikolu 5(2)(b),
Billi:
Skont l-Artikolu 24 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, l-ESA għandha ddaħħal fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar iż-ŻEE li jikkonċernaw l-għajnuna mill-Istat.
Skont l-Artikolu 5(2)(b) tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, l-ESA għandha toħroġ avviżi jew linji gwida dwar kwistjonijiet indirizzati fil-Ftehim dwar iż-ŻEE, jekk dan il-Ftehim jew il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti jipprevedi dan b’mod speċifiku jew jekk l-ESA tqis li jkun meħtieġ.
Fil-25 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni Ewropea adottat komunikazzjoni li tistabbilixxi l-kriterji għall-analiżi tal-kompatibilità mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni (“il-Linji Gwida”) (1).
Il-Linji Gwida huma wkoll rilevanti għaż-Żona Ekonomika Ewropea (“iż-ŻEE”).
Trid tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tar-regoli taż-ŻEE dwar l-għajnuna mill-Istat fiż-ŻEE kollha kemm hi skont l-objettiv tal-omoġeneità stabbilit fl-Artikolu 1 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.
Skont il-Paragrafu II fit-Taqsima Ġenerali tal-Anness XV tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, l-ESA, wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni, għandha tadotta atti li jikkorrispondu ma’ dawk adottati mill-Kummissjoni Ewropea.
Il-Linji Gwida jistgħu jirreferu għal ċerti strumenti ta’ politika tal-Unjoni Ewropea u għal ċerti atti legali tal-Unjoni Ewropea li ma ġewx inkorporati fil-Ftehim dwar iż-ŻEE. Bil-ħsieb li tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat u kundizzjonijiet ugwali ta’ kompetizzjoni fiż-ŻEE kollha, l-ESA ġeneralment tapplika l-istess punti ta’ referenza bħall-Kummissjoni Ewropea meta tivvaluta l-kompatibbiltà tal-għajnuna mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.
Wara li kkonsultat mal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkonsultat mal-Istati tal-EFTA,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
(1) Ir-regoli sostantivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għandhom jiġu emendati billi jiġu introdotti Linji Gwida ġodda għall-analiżi tal-kompatibilità mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-ŻEE tal-għajnuna mill-Istat biex tiġi promossa l-eżekuzzjoni ta’ proġetti importanti ta’ interess komuni Ewropew. Il-Linji Gwida l-ġodda huma annessi ma’ din id-Deċiżjoni u jagħmlu parti integrali minnha.
(2) Linji Gwida għall-analiżi tal-kompatibilità mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-ŻEE tal-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġetti importanti ta’ interess komuni Ewropew (2) b’effett mill-1 ta’ Jannar 2022.
Artikolu 2
L-ESA se tapplika l-Linji Gwida, bl-adattamenti li ġejjin fejn applikabbli, inkluż, iżda mhux limitat għal, dan li ġej:
(a) |
Meta jkun hemm referenza għal “Stat Membru/Stati Membri”, l-ESA taqraha bħala referenza għal “Stat/Stati tal-EFTA” (3), jew fejn xieraq “Stat/Stati taż-ŻEE”. |
(b) |
Meta jkun hemm referenza għall-“Kummissjoni Ewropea”, l-ESA taqraha bħala referenza għall-“Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA”. |
(c) |
Meta jkun hemm referenza għat-“Trattat” jew it-“TFUE”, l-ESA taqraha bħala referenza għall-“Ftehim dwar iż-ŻEE”. |
(d) |
Meta jkun hemm referenza għall-Artikolu 107 TFUE jew għat-taqsimiet ta’ dan l-Artikolu, l-ESA taqraha bħala referenza għall-Artikolu 61 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE u għat-taqsimiet korrispondenti ta’ dan l-Artikolu. |
(e) |
Meta jkun hemm referenza għall-Artikolu 108 TFUE jew taqsimiet ta’ dan l-Artikolu, l-ESA taqraha bħala referenza għall-Artikolu 1 tal-Parti 1 tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti u t-taqsimiet korrispondenti ta’ dan l-Artikolu. |
(f) |
Meta jkun hemm referenza għall-kliem “(in-)kompatibbli mas-suq intern”, l-ESA taqrah bħala “(in-)kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-ŻEE”. |
(g) |
Meta jkun hemm referenza għall-formulazzjoni “fi (jew barra) l-Unjoni”, l-ESA taqrah bħala “fiż-ŻEE (jew barra)”. |
(h) |
Meta jkun hemm referenza għal “kummerċ intra-Unjoni”, l-ESA taqraha bħala referenza għal “kummerċ fiż-ŻEE”. |
(i) |
Meta l-Linji Gwida jistabbilixxu li se jiġu applikati għas-“setturi kollha ta’ attività ekonomika”, l-ESA tapplikahom għas-“setturi kollha ta’ attività ekonomika jew partijiet ta’ setturi ta’ attività ekonomika li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim dwar iż-ŻEE”. |
(j) |
Meta jkun hemm referenza għall-Avviżi jew il-Linji Gwida tal-Kummissjoni, l-ESA taqraha bħala referenza għal-Linji Gwida korrispondenti tal-ESA. |
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2021.
Għall-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA
Bente ANGELL-HANSEN
Il-President
Membru tal-Kulleġġ Responsabbli
Högni S. KRISTJÁNSSON
Membru tal-Kulleġġ
Stefan BARRIGA
Membru tal-Kulleġġ
Melpo-Menie JOSÉPHIDÈS
Kontrofirmatarju bħala Direttur,
Affarijiet Legali u Eżekuttivi
(1) C(2021) 8481 final (ĠU C 528, 30.12.2021, p. 10).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA Nru 84/16/COL tas-27 ta’ April 2016 li temenda, għal mitt darba u wieħed, ir-regoli proċedurali u sostantivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat billi tintroduċi Linji Gwida ġodda għall-analiżi tal-kompatibilità mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-ŻEE tal-Għajnuna mill-Istat biex jippromwovu l-eżekuzzjoni ta’ proġetti importanti ta’ interess komuni Ewropew [2017/267], ĠU L 39, 16.2.2017, p. 49, u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 11, 16.2.2017, p. 1.
(3) L-“Istati tal-EFTA” jirreferu għall-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja.
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
Kriterji għall-analiżi tal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat għall-promozzjoni tal-eżekuzzjoni ta’ proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni
1. INTRODUZZJONI
1. |
Din il-Komunikazzjoni tipprovdi gwida dwar il-valutazzjoni tal-finanzjament pubbliku ta’ proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni (important projects of common European interest, IPCEIs) skont ir-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. |
2. |
L-IPCEIs jistgħu jagħtu kontribut importanti ħafna għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli, għall-impjiegi, għall-kompetittività u għar-reżiljenza tal-industrija u tal-ekonomija fl-Unjoni u jsaħħu l-awtonomija strateġika miftuħa tagħha, billi jippermettu l-innovazzjoni rivoluzzjonarja u l-proġetti infrastrutturali permezz ta’ kooperazzjoni transfruntiera u b’effetti kollaterali pożittivi fuq is-suq intern u s-soċjetà kollha kemm hi. |
3. |
L-IPCEIs jagħmluha possibbli li l-għarfien, l-għarfien espert, ir-riżorsi finanzjarji u l-atturi ekonomiċi minn madwar l-Unjoni jitlaqqgħu biex jingħelbu l-fallimenti tas-suq jew in-nuqqasijiet sistemiċi importanti jew l-isfidi tas-soċjetà li ma jkunux jistgħu jingħelbu b’mod ieħor. Huma maħsuba biex ilaqqgħu s-settur privat u dak pubbliku biex iwettqu proġetti fuq skala kbira li jipprovdu benefiċċju sinifikanti lill-Unjoni u liċ-ċittadini tagħha. |
4. |
L-IPCEIs jistgħu jirfdu l-politiki u l-azzjonijiet kollha li għandhom l-għan li jilħqu għanijiet Ewropej komuni, b’mod partikolari l-Patt Ekoloġiku Ewropew (1), l-Istrateġija Diġitali (2) u d-Deċennju Diġitali (3), l-Istrateġija Industrijali l-Ġdida għall-Ewropa (4) u l-aġġornament tagħha (5), l-Istrateġija Ewropea għad-Data (6) u NextGenerationEU (7). L-IPCEIs jistgħu jikkontribwixxu wkoll għal irkupru sostenibbli wara disturbi ekonomiċi serji bħal dawk ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 u jappoġġaw l-isforzi biex tissaħħaħ ir-reżiljenza soċjali u ekonomika tal-Unjoni. |
5. |
Filwaqt li jitqiesu l-aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida kif ukoll l-Istrateġija għal Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju (8) (Small and Medium-sized Enterprises, SMEs), huwa importanti li l-SMEs u n-negozji l-ġodda jkunu jistgħu jipparteċipaw fl-IPCEIs u jibbenefikaw minnhom. Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tqis kwalunkwe ċirkostanza li tindika li huwa anqas probabbli li l-għajnuna notifikata tfixkel il-kompetizzjoni bla bżonn, pereżempju minħabba l-ammont tagħha. |
6. |
L-introduzzjoni tal-IPCEIs spiss titlob parteċipazzjoni sinifikanti mill-awtoritajiet pubbliċi kull meta s-suq ma jiffinanzjax proġetti bħal dawn. Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi r-regoli li japplikaw fejn il-finanzjament pubbliku ta’ proġetti bħal dawn jikkostitwixxi l-għajnuna mill-Istat, sabiex l-għajnuna mill-Istat għall-IPCEIs titqies kompatibbli mas-suq intern. B’mod partikolari, ir-regoli għandhom l-għan li jiżguraw li għajnuna bħal din ma taffettwax b’mod negattiv wisq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, u li jillimitaw l-effetti ta’ tali għajnuna fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni għall-minimu neċessarju. |
7. |
L-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li l-għajnuna maħsuba sabiex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni tista’ titqies kompatibbli mas-suq intern. Għaldaqstant, din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi gwida dwar il-kriterji li se tapplika l-Kummissjoni għall-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat li tingħata biex tippromwovi l-eżekuzzjoni tal-IPCEIs. L-ewwel, hija tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, u mbagħad tipprovdi lista ta’ kriterji li se tuża l-Kummissjoni biex tivvaluta n-natura u l-importanza tal-IPCEIs għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat. Imbagħad, hija tispjega kif il-Kummissjoni se tivvaluta l-kompatibbiltà tal-finanzjament pubbliku tal-IPCEIs mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. |
8. |
Din il-Komunikazzjoni ma teskludix il-possibbiltà li l-għajnuna li tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ IPCEIs jistgħu jinstabu wkoll li jkunu kompatibbli mas-suq intern abbażi ta’ dispożizzjonijiet oħrajn tat-Trattat, b’mod partikolari l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat. Madankollu, jista’ jkun li dawk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ma jindirizzawx bis-sħiħ ir-rilevanza, l-ispeċifiċitajiet u l-karatteristiċi tal-IPCEIs. Dawn jistgħu jeħtieġu regoli speċifiċi ta’ eliġibbiltà u ta’ kompatibbiltà kif ukoll dawk proċedurali, kif stabbilit f’din il-Komunikazzjoni. |
2. KAMP TA’ APPLIKAZZJONI
9. |
Il-Kummissjoni se tapplika l-prinċipji stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni għall-IPCEIs fis-setturi kollha tal-attività ekonomika. |
10. |
Dawk il-prinċipji ma japplikawx għal:
|
3. KRITERJI TA’ ELIĠIBBILTÀ
11. |
Hija u tiddetermina jekk proġett jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat jew le, il-Kummissjoni se tapplika l-kriterji stabbiliti fit-taqsimiet 3.1, 3.2 u 3.3 ta’ din il-Komunikazzjoni. |
3.1. Definizzjoni ta’ proġett
12. |
Il-proposta għal għajnuna trid tikkonċerna proġett uniku, li jkun iddefinit b’mod ċar fir-rigward tal-għanijiet tiegħu kif ukoll it-termini tal-implimentazzjoni tiegħu, inkluż il-parteċipanti u l-finanzjament tiegħu (12). |
13. |
Il-Kummissjoni tista’ wkoll tqis “proġett integrat”, jiġifieri grupp ta’ proġetti uniċi inkorporati fi struttura, pjan direzzjonali jew programm komuni, bl-istess għan u bbażati fuq approċċ sistemiku koerenti, bħala wieħed eliġibbli. Il-komponenti individwali tal-proġett integrat jistgħu jirrelataw ma’ livelli separati tal-katina ta’ provvista, iżda dawn iridu jkunu kumplimentari u jżidu l-valur b’mod sinifikanti fil-kontribut tagħhom biex jintlaħaq l-għan importanti Ewropew (13). |
3.2. Interess komuni Ewropew
3.2.1. Kriterji kumulattivi ġenerali
14. |
Il-proġett irid jirrappreżenta kontribut importanti konkret, ċar u identifikabbli għall-għanijiet jew l-istrateġiji tal-Unjoni u jrid ikollu impatt sinifikanti fuq it-tkabbir sostenibbli, pereżempju billi jkun ta’ importanza ewlenija għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-Istrateġija Diġitali, id-Deċennju Diġitali u l-Istrateġija Ewropea għad-Data, l-Istrateġija Industrijali l-Ġdida għall-Ewropa u l-aġġornament tagħha, NextGenerationEU, l-Unjoni Ewropea tas-Saħħa (14), iż-Żona Ewropea tar-Riċerka l-ġdida għar-riċerka u l-innovazzjoni (15), il-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid għal Ekonomija Ċirkolari (16), jew l-għan tal-UE biex issir newtrali għall-klima sal-2050, fost l-oħrajn. |
15. |
Il-proġett irid juri li huwa mfassal biex jegħleb fallimenti tas-suq jew nuqqasijiet sistemiċi importanti, li jipprevjenu li l-proġett jitwettaq bl-istess mod fin-nuqqas tal-għajnuna, jew sfidi tas-soċjetà, li kieku ma jiġux indirizzati jew rimedjati sew b’mod ieħor. |
16. |
Sakemm numru iżgħar ma jkunx iġġustifikat min-natura tal-proġett (17), il-proġett normalment irid jinvolvi mill-inqas erba’ Stati Membri u l-benefiċċji tiegħu ma jridux ikunu limitati għall-Istati Membri li jiffinanzjaw, iżda jestendu għal parti usa’ tal-Unjoni. Il-benefiċċji tal-proġett iridu jkunu definiti b’mod ċar, konkret u identifikabbli (18). |
17. |
L-Istati Membri kollha jridu jingħataw opportunità ġenwina biex jipparteċipaw fi proġett emerġenti. L-Istati Membri notifikanti jridu juru li l-Istati Membri kollha kienu infurmati bil-possibbiltà li jitfaċċa proġett — pereżempju permezz ta’ kuntatti, alleanzi, laqgħat, jew avvenimenti ta’ tlaqqigħ, li jinvolvu wkoll l-SMEs u n-negozji l-ġodda — u li ngħataw l-opportunità li jipparteċipaw. |
18. |
Il-benefiċċji tal-proġett ma jridux ikunu limitati għall-impriżi jew għas-settur ikkonċernat, iżda jridu jkunu ta’ rilevanza u applikazzjoni usa’ għall-ekonomija jew għas-soċjetà fl-Unjoni permezz ta’ effetti kollaterali pożittivi (bħal effetti sistemiċi fuq diversi livelli tal-katina tal-valur, jew fuq is-swieq upstream jew downstream, jew użi alternattivi f’setturi oħrajn jew bidla modali) li jkunu definiti b’mod ċar, konkret u identifikabbli. |
19. |
Il-proġett irid jinvolvi kofinanzjament importanti mill-benefiċjarju (19). |
20. |
L-Istati Membri jridu jipprovdu evidenza dwar jekk il-proġett jikkonformax mal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” skont it-tifsira tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852, jew ma’ metodoloġiji komparabbli oħra (20). Fl-ibbilanċjar globali tal-effetti pożittivi tal-għajnuna kontra l-effetti negattivi tagħha fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ, il-Kummissjoni se tqis il-konformità ma’ dan il-prinċipju bħala fattur importanti fil-valutazzjoni tagħha. B’mod ġenerali, l-investimenti li jagħmlu ħsara sinifikanti lill-għanijiet ambjentali skont it-tifsira tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852 x’aktarx ma jkollhomx biżżejjed effetti pożittivi biex jissuperaw l-effetti negattivi tagħhom fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ. F’kull każ, l-effetti pożittivi ta’ proġett fl-indirizzar ta’ fallimenti tas-suq jew nuqqasijiet sistemiċi importanti, jew sfidi tas-soċjetà li kieku ma setgħux jiġu indirizzati, huma soġġetti għal valutazzjoni individwalizzata fil-każijiet kollha. |
3.2.2. Indikaturi pożittivi ġenerali
21. |
Minbarra l-kriterji kumulattivi fit-Taqsima 3.2.1, il-Kummissjoni se tieħu nota pożittiva ta’ dawn l-elementi li ssuġġerew l-Istati Membri:
|
3.2.3. Kriterji speċifiċi
22. |
Il-proġetti ta’ Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni (“RŻI”) jridu jkunu ta’ natura innovattiva maġġuri jew jikkostitwixxu valur miżjud importanti f’termini ta’ RŻI fid-dawl tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku fis-settur ikkonċernat (23). |
23. |
Il-proġetti li jinkludu l-ewwel użu industrijali jridu jippermettu l-iżvilupp ta’ prodott jew servizz ġdid b’kontenut għoli ta’ riċerka u innovazzjoni jew l-użu ta’ proċess ta’ produzzjoni fundamentalment innovattiv. Aġġornamenti regolari mingħajr dimensjoni innovattiva ta’ faċilitajiet eżistenti u l-iżvilupp ta’ verżjonijiet aktar ġodda ta’ prodotti eżistenti ma jikkwalifikawx bħala l-ewwel użu industrijali. |
24. |
Għall-iskop ta’ din il-Komunikazzjoni, l-ewwel użu industrijali jirreferi għat-titjib ta’ faċilitajiet pilota, ta’ impjanti ta’ dimostrazzjoni jew tat-tagħmir u l-faċilitajiet li huma l-ewwel mit-tip tagħhom u li jkopru l-passi kollha wara l-linja pilota, inkluż il-fażi tal-ittestjar u ż-żieda tal-produzzjoni tal-lott, iżda mhux il-produzzjoni tal-massa jew l-attivitajiet kummerċjali (24). It-tmiem tal-ewwel użu industrijali huwa ddeterminat billi, fost oħrajn, jitqiesu l-indikaturi tal-prestazzjoni rilevanti li huma relatati mar-RŻI u li jindikaw il-kapaċità li tibda l-produzzjoni tal-massa. L-ewwel attivitajiet ta’ użu industrijali jistgħu jiġu ffinanzjati bl-għajnuna mill-Istat sakemm l-ewwel użu industrijali jsegwi attività tar-RŻI, u fih innifsu jinkorpora komponent importanti tar-RŻI li jikkostitwixxi element integrali u neċessarju għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-proġett. L-ewwel użu industrijali ma għandux għalfejn jitwettaq mill-istess entità li tkun wettqet l-attività tar-RŻI, dment li dik l-entità takkwista d-drittijiet biex tuża r-riżultati li jkunu nkisbu mill-attività tar-RŻI preċedenti, u li l-attività tar-RŻI u l-ewwel użu industrijali jkunu t-tnejn deskritti fil-proġett. |
25. |
Il-proġetti ta’ infrastruttura fis-setturi ambjentali, tal-enerġija, tat-trasport, tas-saħħa jew diġitali, sa fejn mhumiex koperti mill-punti 22 u 23, iridu jkunu ta’ importanza kbira għall-istrateġiji ambjentali, klimatiċi, tal-enerġija (inkluż is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija), tat-trasport, tas-saħħa, industrijali jew diġitali tal-Unjoni jew jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għas-suq intern, inkluż, iżda mhux limitat għal dawk is-setturi speċifiċi, u jistgħu jiġu appoġġati għall-perjodu sakemm isiru totalment operazzjonali wara li jinbnew. |
3.3. L-importanza tal-proġett
26. |
Sabiex jikkwalifika bħala IPCEI, proġett irid ikun importanti kemm fil-kwantità kif ukoll fil-kwalità. Jenħtieġ li l-proġett ikun jew ta’ daqs jew ta’ kamp ta’ applikazzjoni partikolarment kbir, jew jimplika livell ta’ riskju teknoloġiku jew finanzjarju konsiderevolment għoli, jew it-tnejn li huma. Biex tiddetermina l-importanza ta’ proġett, il-Kummissjoni se tqis il-kriterji stabbiliti fit-taqsima 3.2. |
4. KRITERJI TA’ KOMPATIBBILTÀ
27. |
Fil-valutazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna għall-promozzjoni tal-eżekuzzjoni ta’ IPCEI abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat, il-Kummissjoni se tqis il-kriterji (25) stabbiliti fit-taqsimiet 4.1, 4.2 u 4.3 ta’ din il-Komunikazzjoni. |
28. |
Il-Kummissjoni se twettaq test ta’ bbilanċjar, skont it-tifsira tat-taqsima 4.2, biex tivvaluta jekk l-effetti pożittivi mistennija tal-għajnuna jisbqux l-effetti negattivi possibbli. |
29. |
Filwaqt li tqis in-natura tal-proġett, il-Kummissjoni tista’ tqis li l-preżenza ta’ nuqqasijiet tas-suq, nuqqasijiet sistemiċi jew sfidi soċjetali importanti, kif ukoll il-kontribut għal interess Ewropew komuni, tista’ tiġi preżunta għall-komponenti individwali ta’ proġett integrat meta l-proġett ikun jissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti fit-taqsima 3. |
4.1. Il-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-għajnuna
30. |
L-għajnuna ma tridx tissussidja l-kostijiet ta’ proġett li impriża xorta waħda kien ikollha ġġarrab, u ma tridx tikkumpensa r-riskju normali tan-negozju ta’ attività ekonomika. Mingħajr l-għajnuna, it-twettiq tal-proġett għandu jkun impossibbli, jew għandu jkun possibbli biss fuq skala iżgħar, b’kamp ta’ applikazzjoni aktar ristrett, jew mhux malajr biżżejjed, jew b’mod differenti li jirrestrinġi b’mod sinifikanti l-benefiċċji mistennija tiegħu (26). L-għajnuna se titqies proporzjonali biss jekk l-istess riżultat ma jkunx jista’ jinkiseb b’inqas għajnuna. |
31. |
L-Istati Membri jridu jipprovdu informazzjoni adegwata lill-Kummissjoni dwar il-proġett megħjun flimkien ma’ deskrizzjoni komprensiva tax-xenarju kontrofattwali li jikkorrispondi għal sitwazzjoni fejn ma tingħata l-ebda għajnuna minn l-ebda Stat Membru (27). Ix-xenarju kontrofattwali jista’ jikkonsisti fin-nuqqas ta’ proġett alternattiv, meta l-evidenza turi li dan x’aktarx ikun kontrofattwali, jew ta’ proġett alternattiv meqjus mill-benefiċjarji fit-teħid tad-deċiżjonijiet interni tagħhom, u jista’ jkun marbut ma’ proġett alternattiv li jitwettaq kompletament jew parzjalment barra l-Unjoni. Biex tintwera l-kredibbiltà tax-xenarju kontrofattwali ppreżentat mill-benefiċjarji, l-Istat Membri notifikanti huma mistednin jipprovdu dokumenti interni rilevanti tal-benefiċjarji, bħal preżentazzjonijiet tal-bord, analiżijiet, rapporti u studji (28). |
32. |
Fin-nuqqas ta’ proġett alternattiv, il-Kummissjoni se tivverifika li l-ammont ta’ għajnuna mill-Istat ma jkunx jaqbeż il-minimu meħtieġ biex il-proġett megħjun ikun profittabbli biżżejjed, pereżempju billi tagħmilha possibbli li tinkiseb rata ta’ redditu interna li tikkorrispondi għall-parametru referenzjarju speċifiku jew ir-rata minima speċifika tas-settur jew tad-ditta. Rati normali ta’ redditu meħtieġa mill-benefiċjarji fi proġetti ta’ investiment oħra simili, il-kost tal-kapital tagħhom fl-intier tiegħu, jew ir-redditi li sikwit jiġu osservati fl-industrija kkonċernata jistgħu jintużaw ukoll għal din il-fini. Għandhom jitqiesu l-kostijiet u l-benefiċċji rilevanti kollha mistennija matul il-ħajja tal-proġett. |
33. |
Il-livell massimu ta’ għajnuna permessa se jkun iddeterminat fir-rigward tad-diskrepanza fil-finanzjament identifikata b’rabta mal-kostijiet eliġibbli. Jekk tkun iġġustifikata mill-analiżi tad-diskrepanza fil-finanzjament, l-intensità tal-għajnuna tista’ tkopri l-kostijiet eliġibbli kollha. Id-diskrepanza fil-finanzjament tirreferi għad-differenza bejn il-flussi ta’ flus pożittivi u negattivi matul il-ħajja tal-investiment, imraħħsa sal-valur attwali tagħhom abbażi ta’ fattur ta’ skont xieraq li jirrifletti r-rata ta’ redditu meħtieġa għall-benefiċjarju biex iwettaq il-proġett, partikolarment fid-dawl tar-riskji involuti. Il-kostijiet eliġibbli huma stabbiliti fl-Anness (29). |
34. |
Fejn jintwera — pereżempju permezz ta’ dokumenti interni ta’ kumpanija — li l-benefiċjarju tal-għajnuna għandu għażla ċara bejn li jwettaq proġett megħjun jew proġett alternattiv mingħajr l-għajnuna, l-Kummissjoni se tqabbel il-valuri attwali netti mistennija tal-investiment fil-proġett megħjun u fil-proġett kontrofattwali, filwaqt li tqis il-probabbiltajiet li jseħħu x-xenarji kummerċjali differenti. |
35. |
L-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi l-eżekuzzjoni tal-IPCEIs tista’ tiġi akkumulata ma’ finanzjament tal-Unjoni jew għajnuna oħra mill-Istat, dment li l-ammont totali ta’ finanzjament pubbliku mogħti fir-rigward tal-istess kostijiet eliġibbli ma jaqbiżx ir-rata ta’ finanzjament l-aktar favorevoli stabbilita fir-regoli applikabbli tad-dritt tal-Unjoni. |
36. |
Bħala salvagwardja addizzjonali biex jiġi żgurat li l-għajnuna mill-Istat tibqa’ proporzjonata u limitata għal dak meħtieġ, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istat Membru notifikanti biex jimplimenta mekkaniżmu ta’ rkupru (30). Jenħtieġ li l-mekkaniżmu ta’ rkupru jiżgura distribuzzjoni bbilanċjata ta’ qligħ addizzjonali meta l-proġett ikun aktar profittabbli milli previst fl-analiżi notifikata tad-diskrepanza fil-finanzjament u jenħtieġ li japplika biss għal dawk l-investimenti li, abbażi tar-riżultati tal-fluss tal-flus ex post u tal-iżborżi tal-għajnuna mill-Istat, jilħqu rata ta’ redditu li taqbeż il-kost tal-kapital tal-benefiċjarji. Jenħtieġ li kwalunkwe mekkaniżmu ta’ rkupru bħal dan jiġi definit b’mod ċar minn qabel sabiex jipprovdi prevedibbiltà finanzjarja għall-benefiċjarji fil-mument tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-parteċipazzjoni fil-proġett. Jenħtieġ li mekkaniżmi bħal dawn jitfasslu b’tali mod li jżommu inċentivi għall-benefiċjarji biex jimmassimizzaw l-investiment u l-prestazzjoni tal-proġetti tagħhom. |
37. |
Fl-analiżi tagħha, il-Kummissjoni se tqis l-elementi li ġejjin:
|
38. |
Sabiex ikunu indirizzati d-distorsjonijiet attwali jew potenzjali diretti jew indiretti tal-kummerċ internazzjonali, il-Kummissjoni tista’ tqis il-fatt li, direttament jew indirettament, il-kompetituri li jinsabu barra mill-Unjoni, fl-aħħar tliet snin, ikunu rċevew jew ikunu se jirċievu għajnuna ta’ intensità ekwivalenti għal proġetti simili. Madankollu, meta d-distorsjonijiet tal-kummerċ internazzjonali x’aktarx li jseħħu wara aktar minn tliet snin minħabba n-natura partikolari tas-settur inkwistjoni, il-perjodu ta’ referenza jista’ jiġi estiż b’mod korrispondenti. Jekk possibbli b’xi mod jew ieħor, l-Istat Membru kkonċernat se jipprovdi lill-Kummissjoni b’biżżejjed informazzjoni biex tkun tista’ tivvaluta s-sitwazzjoni, b’mod partikolari rigward il-ħtieġa li jitqies il-vantaġġ kompetittiv li jgawdi kompetitur f’pajjiż terz. Jekk il-Kummissjoni ma jkollhiex evidenza rigward l-għajnuna mogħtija jew proposta, hija tista’ wkoll tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq evidenza ċirkostanzjali. Il-Kummissjoni tista’ wkoll tieħu azzjoni xierqa biex tindirizza d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw minn sussidji rċevuti barra mill-Unjoni. |
39. |
Meta tiġbor evidenza, il-Kummissjoni tista’ tuża s-setgħat investigattivi tagħha (31). |
40. |
L-għażla tal-istrument ta’ għajnuna trid issir fid-dawl tal-falliment tas-suq jew ta’ nuqqasijiet sistemiċi importanti oħrajn li għandu l-għan li jindirizza. Pereżempju, meta l-problema sottostanti tkun nuqqas ta’ aċċess għal finanzjament, normalment jeħtieġ li l-Istati Membri jirrikorru għall-għajnuna fil-forma ta’ għajnuna ta’ likwidità, bħal self jew garanzija (32). Meta jkun meħtieġ li impriża tingħata wkoll ċertu grad ta’ kondiviżjoni tar-riskju, l-istrument ta’ għajnuna magħżul normalment għandu jkun avvanz ripagabbli. Strumenti ta’ għajnuna ripagabbli ġeneralment se jitqiesu bħala indikatur pożittiv. |
41. |
L-għażla tal-benefiċjarji permezz ta’ proċedura kompetittiva, trasparenti u nondiskriminatorja se titqies bħala indikatur pożittiv. |
4.2. Prevenzjoni ta’ distorsjonijiet bla bżonn tal-kompetizzjoni u test ta’ bbilanċjar
42. |
L-Istat Membru jrid jipprovdi evidenza li l-miżura ta’ għajnuna proposta tikkostitwixxi l-istrument politiku xieraq biex jindirizza l-għan tal-proġett. Miżura ta’ għajnuna mhijiex se titqies xierqa jekk strumenti ta’ politika jew tipi ta’ strumenti ta’ għajnuna oħrajn li joħolqu inqas distorsjoni jkunu jistgħu jiksbu l-istess riżultat. |
43. |
Sabiex l-għajnuna tkun kompatibbli, l-effetti negattivi tal-miżura ta’ għajnuna f’termini ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri jridu jkunu limitati u inferjuri meta mqabbla mal-effetti pożittivi f’termini tal-kontribut għall-għanijiet ta’ interess komuni. |
44. |
Fil-valutazzjoni tal-effetti negattivi tal-miżura ta’ għajnuna, il-Kummissjoni se tiffoka l-analiżi tagħha fuq l-impatt prevedibbli li l-għajnuna jista’ jkollha fuq il-kompetizzjoni bejn l-impriżi fis-swieq tal-prodott ikkonċernati, inkluż is-swieq upstream jew downstream, u fuq ir-riskju ta’ kapaċità żejda. |
45. |
Il-Kummissjoni se tivvaluta r-riskju ta’ esklużjoni mis-suq u d-dominanza fih. Il-proġetti li jinvolvu l-kostruzzjoni ta’ infrastruttura (33) jridu jikkonformaw mal-prinċipji tal-aċċess miftuħ u nondiskriminatorju għall-infrastruttura u l-ipprezzar nondiskriminatorju u t-tħaddim tan-network, inkluż dawk stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni (34). |
46. |
Il-Kummissjoni se tivvaluta l-effetti negattivi potenzjali fuq il-kummerċ, inkluż ir-riskju li ssir kompetizzjoni bejn l-Istati Membri ta’ min joffri l-aktar sussidji, li tista’ sseħħ speċjalment fir-rigward tal-għażla tal-post. |
47. |
Fil-valutazzjoni tagħha tal-effetti negattivi potenzjali fuq il-kummerċ, il-Kummissjoni se tqis jekk l-għajnuna tiddependix fuq ir-rilokazzjoni ta’ attività ta’ produzzjoni jew kwalunkwe attività oħra tal-benefiċjarju minn Parti Kontraenti oħra għall-Ftehim taż-ŻEE lejn it-territorju tal-Istat Membru li jagħti l-għajnuna. Kundizzjoni bħal din tidher li tagħmel ħsara lis-suq intern, irrispettivament kemm verament jintilfu impjiegi fl-istabbiliment inizjali tal-benefiċjarju fiż-ŻEE, u x’aktarx ma tiġix ikkumpensata minn kwalunkwe effett pożittiv. |
4.3. Trasparenza
48. |
L-Istati Membri jridu jiżguraw li l-informazzjoni li ġejja tiġi pubblikata fil-modulu ta’ trasparenza (transparency award module) tal-Kummissjoni, jew fuq sit web komprensiv dwar l-għajnuna mill-Istat, fil-livell nazzjonali jew reġjonali:
|
49. |
Ir-rekwiżit li tiġi ppubblikata l-informazzjoni japplika fir-rigward tal-għotjiet ta’ għajnuna individwali li jaqbżu l-EUR 100 000. Informazzjoni bħal din trid tiġi ppubblikata wara li tittieħed id-deċiżjoni li tingħata l-għajnuna, trid tinżamm mill-inqas għal 10 snin, u trid tkun disponibbli għall-pubbliku ġenerali mingħajr restrizzjonijiet (37). |
5. NOTIFIKA, RAPPURTAR U APPLIKAZZJONI
5.1. Obbligu ta’ notifika
50. |
Skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat, l-Istati Membri jridu jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-quddiem bi kwalunkwe pjan biex tingħata jew tinbidel l-għajnuna mill-Istat, inkluż l-għajnuna għall-IPCEIs. |
51. |
L-Istati Membri involuti fl-istess IPCEI huma mistiedna, kull meta jkun possibbli, jippreżentaw notifika komuni lill-Kummissjoni li tinkludi test konġunt li jiddeskrivi l-IPCEI u li juri l-eliġibbiltà tiegħu. |
5.2. Evalwazzjoni ex post u rappurtar
52. |
L-eżekuzzjoni tal-proġett trid tkun soġġetta għal rappurtar regolari. Meta xieraq, il-Kummissjoni tista’ titlob li ssir evalwazzjoni ex post. |
5.3. Applikazzjoni
53. |
Il-Kummissjoni se tapplika l-prinċipji stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni mill-1 ta’ Jannar 2022. |
54. |
Hija se tapplika dawk il-prinċipji għall-proġetti ta’ għajnuna notifikati kollha u li fir-rigward tagħhom hija msejħa tieħu deċiżjoni dakinhar tal-1 ta’ Jannar 2022 jew aktar tard, anki meta l-proġetti jkunu ġew notifikati qabel dik id-data. |
55. |
F’konformità mal-Avviż dwar id-determinazzjoni tar-regoli applikabbli għall-valutazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat illegali (38), fil-każ ta’ għajnuna mhux notifikata, il-Kummissjoni se tapplika l-prinċipji stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni jekk l-għajnuna tkun ingħatat dakinhar tal-1 ta’ Jannar 2022 jew aktar tard, u r-regoli fis-seħħ fiż-żmien li ngħatat l-għajnuna għall-każijiet l-oħra kollha. |
(1) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew”, COM(2019) 640 final, il-11 ta’ Diċembru 2019.
(2) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — “Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa”, COM(2020) 67 final, id-19 ta’ Frar 2020.
(3) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — “Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali”, COM(2021) 118 final, id-9 ta’ Marzu 2021.
(4) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — “Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa”, COM(2020) 102 final, l-10 ta’ Marzu 2020.
(5) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — “Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020: Nibnu Suq Uniku aktar b’saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa”, COM(2021) 350 final, il-5 ta’ Mejju 2021.
(6) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — “Strateġija Ewropea għad-data”, COM(2020) 66 final, id-19 ta’ Frar 2020.
(7) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — “Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss”, COM(2020) 456 final, is-27 ta’ Mejju 2020.
(8) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — “Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali”, COM(2020) 103 final, l-10 ta’ Marzu 2020.
(9) Il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (ĠU C 249, 31.7.2014, p. 1). Kif spjegat fil-paragrafu 23 ta’ dawk il-linji gwida, minħabba li l-eżistenza stess tagħha tinsab fil-periklu, intrapriża f’diffikultà ma tistax titqies bħala mezz xieraq għall-promozzjoni ta’ għanijiet oħrajn ta’ politika pubblika sakemm tkun garantita l-vijabbiltà tagħha.
(10) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19, ĠU C 91I, 20.3.2020, p. 1, u l-emendi tagħha.
(11) Ara pereżempju l-Kawża C-156/98 Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni [2000] ECLI:EU:C:2000:467, il-paragrafu 78 u l-Kawża C-333/07 Régie Networks vs Rhone Alpes Bourgogne [2008] ECLI:EU:C:2008:764, il-paragrafi 94 sa 116.
(12) Fil-każ ta’ riċerka u żvilupp, meta żewġ proġetti jew aktar ma jkunux separabbli minn xulxin b’mod ċar, u b’mod partikolari meta ma jkollhomx probabbiltajiet indipendenti ta’ suċċess teknoloġiku, dawn iridu jitqiesu bħala proġett uniku.
(13) Minn hawn ’il quddiem, proġett uniku u proġett integrat se jissejħu “proġett”.
(14) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — “Il-bini ta’ Unjoni Ewropea tas-Saħħa: Rinforzar tar-reżiljenza tal-UE għat-theddid transkonfinali għas-saħħa”, COM(2020) 724 final, il-11 ta’ Novembru 2020.
(15) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — “ŻER ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni”, COM(2020) 628 final, it-30 ta’ Settembru 2020.
(16) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — “Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari Għal Ewropea aktar nadifa u kompetittiva”, COM(2020) 98 final, il-11 ta’ Marzu 2020.
(17) Jista’ jiġi ġustifikat għadd iżgħar ta’ Stati Membri, iżda mhux inqas minn tnejn, f’ċirkostanzi speċifiċi u debitament motivati, pereżempju, jekk il-proġett ikun jikkonċerna infrastrutturi tar-riċerka interkonnessi, proġetti TEN-E u TEN-T li huma ta’ importanza fundamentalment transnazzjonali minħabba li huma parti minn netwerk transfruntier konness fiżikament, jew huma essenzjali għat-titjib tal-ġestjoni tat-traffiku transfruntier jew tal-interoperabilità; jew il-proġett ikun iffinanzjat mill-fondi tal-UE, li fir-rigward tagħhom id-dispożizzjonijiet legali dwar il-kollaborazzjoni tal-Istati Membri jirrikjedu numru iżgħar ta’ Stati Membri parteċipanti. Fil-każijiet kollha, il-proġetti jridu jitfasslu b’mod trasparenti f’konformità mal-punt 17.
(18) Is-sempliċi fatt li l-proġett jitwettaq minn impriżi f’pajjiżi differenti, jew li infrastruttura tar-riċerka sussegwentement tintuża minn impriżi stabbiliti fi Stati Membri differenti, mhuwiex suffiċjenti biex proġett jikkwalifika bħala IPCEI. Il-Qorti approvat il-politika tal-Kummissjoni li tqis li proġett jista’ jkun deskritt bħala wieħed ta’ interess Ewropew komuni għall-finijiet tal-Artikolu 107(3)(b) meta jifforma parti minn programm Ewropew transnazzjonali appoġġat b’mod konġunt minn għadd ta’ gvernijiet tal-Istati Membri, jew meta jkun ġej minn azzjoni kkonċertata minn għadd ta’ Stati Membri biex jegħlbu theddida komuni. Il-Kawżi Magħquda C-62/87 u 72/87 Exécutif régional wallon u SA Glaverbel vs Il-Kummissjoni [1988] ECLI:EU:C:1988:132, il-paragrafu 22.
(19) Meta jiġi vvalutat sa liema punt sar kofinanzjament, il-Kummissjoni se tqis l-ispeċifiċitajiet ta’ċerti setturi u tal-SMEs. F’ċirkostanzi eċċezzjonali u debitament motivati, il-Kummissjoni tista’ tqis li l-għajnuna tkun iġġustifikata anke fin-nuqqas ta’ kofinanzjament importanti mill-benefiċjarju.
(20) Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13). Għal miżuri li huma identiċi għal miżuri fi ħdan il-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza kif approvati mill-Kunsill, il-konformità tagħhom mal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” titqies sodisfatta peress li din diġà ġiet ivverifikata.
(21) Finanzjament tal-Unjoni ġestit ċentralment mill-istituzzjonijiet, l-aġenziji, l-impriżi konġunti jew korpi oħra tal-UE, li l-Istat Membru ma jikkontrollax direttament jew indirettament, ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. L-għajnuna mill-Istat tista’ tiġi akkumulata ma’ finanzjament minn fond tal-Unjoni dment li jkun hemm konformità mal-kundizzjoni fil-punt 35
(22) Kontribuzzjoni ta’ assi tanġibbli u intanġibbli, kif ukoll l-art, iridu jkunu vvalutati bil-prezz tas-suq.
(23) Dan jista’ jinkludi, meta rilevanti, progress gradwali lejn l-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku, sa fejn l-għan tal-proġett parteċipanti jkun li, b’mod ċar u kredibbli, jiddeskrivi kif se jmur lil hinn minn dan il-livell.
(24) Bejgħ limitat, meta meħtieġ fis-settur speċifiku, relatat mal-fażi tal-ittestjar, inkluż il-bejgħ ta’ kampjuni, ta’ feedback jew ta’ ċertifikazzjoni, huwa eskluż mill-kunċett ta’ “attivitajiet kummerċjali”.
(25) Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni tgawdi minn diskrezzjoni fir-rigward tal-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-IPCEIs. Il-Kawżi Magħquda C-62/87 u 72/87 Exécutif régional wallon u SA Glaverbel vs Il-Kummissjoni [1988] ECLI:EU:C:1988:132, il-paragrafu 21.
(26) L-applikazzjoni għall-għajnuna trid tippreċedi l-bidu tax-xogħlijiet, li jkun jew il-bidu ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fuq l-investiment, jew l-ewwel impenn sod biex jiġi ordnat tagħmir jew impenn ieħor li jagħmel l-investiment irriversibbli, skont liema jsir l-ewwel f’termini ta’ żmien. Ix-xiri ta’ art u xogħlijiet preparatorji, bħall-kisba ta’ permessi u t-twettiq ta’ studji preliminari dwar il-fattibbiltà, mhumiex meqjusa bħala l-bidu tax-xogħlijiet.
(27) Għal proġetti mill-SMEs, ix-xenarju kontrofattwali jista’ jikkonsisti fin-nuqqas ta’ proġett alternattiv kif imsemmi fil-punt 32.
(28) Meta l-informazzjoni pprovduta tkun koperta mill-obbligu tas-segretezza professjonali, din għandha tiġi ttrattata f’konformità mal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9).
(29) Fil-każ ta’ proġett integrat, il-kostijiet eliġibbli jridu jkunu dettaljati fil-livell ta’ kull proġett individwali.
(30) Għal proġetti mill-SMEs, l-ebda mekkaniżmu ta’ rkupru ma jrid jiġi implimentat ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali, b’mod partikolari fid-dawl tal-ammonti ta’ għajnuna nnotifikati għal proġetti bħal dawn.
(31) Ara l-Artikolu 25 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9).
(32) L-għajnuna fil-forma ta’ garanziji trid tkun limitata fiż-żmien, u l-għajnuna fil-forma ta’ self trid tkun soġġetta għal perjodi ta’ ħlas lura.
(33) Biex jiġu evitati d-dubji, linji pilota ma jitqisux bħala infrastrutturi.
(34) Jekk il-proġett jinvolvi infrastruttura tal-enerġija, dan għandu jkun soġġett għar-regolamentazzjoni dwar it-tariffi u l-aċċess u għar-rekwiżiti ta’ separazzjoni meta meħtieġa skont il-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern.
(35) C(2003) 4582 (ĠU C 297, 9.12.2003, p. 6).
(36) Għotja/Sussidju tar-rata tal-imgħax; Self/Avvanzi ripagabbli/Għotja rimborsabbli; Garanzija; Benefiċċju fuq it-taxxa jew eżenzjoni mit-taxxa; Finanzjament ta’ riskju; Oħrajn. Jekk l-għajnuna tingħata permezz ta’ diversi strumenti ta’ għajnuna, l-ammont ta’ għajnuna jrid jiġi pprovdut skont l-istrument.
(37) Din l-informazzjoni trid tiġi ppubblikata fi żmien 6 xhur mid-data tal-għotja. F’każ ta’ għajnuna illegali, l-Istati Membri se jkunu meħtieġa li jiżguraw il-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni ex post fi żmien 6 xhur mid-data tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. L-informazzjoni trid tkun disponibbli f’format li jippermetti li d-data tkun tista’ titfittex, tiġi estratta u faċilment ippubblikata fuq l-Internet, pereżempju f’format CSV jew XML.
(38) Commission notice on the determination of the applicable rules for the assessment of unlawful State aid (In-Notifika tal-Kummissjoni dwar id-determinazzjoni tar-regoli applikabbli għall-valutazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat illegali) (ĠU C 119, 22.5.2002, p. 22).
ANNESS
SPEJJEŻ ELIĠIBBLI
(a) |
Studji tal-fattibilità, inklużi studji tekniċi preparatorji, u l-ispejjeż biex jinkisbu l-permessi meħtieġa għat-twettiq tal-proġett. |
(b) |
L-ispejjeż tal-istrumenti u t-tagħmir, (inklużi installazzjonijiet u vetturi tat-trasport) sal-punt u għat-tul taż-żmien użati mill-proġett. Meta ħajjet dawn l-istrumenti u t-tagħmir ma tintużax kollha fil-proġett, jitqiesu eliġibbli biss l-ispejjeż ta’ deprezzament li jikkorrispondu għall-ħajja tal-proġett, kif kalkolati fuq il-bażi ta’ prassi tajba tal-kontabilità. |
(c) |
L-ispejjeż tal-akkwiżizzjoni (jew tal-kostruzzjoni) tal-binjiet, tal-infrastruttura u l-artijiet, sal-punt u għat-tul taż-żmien użati mill-proġett. Meta dawn l-ispejjeż jiġu determinati fir-rigward tal-valur ta’ trasferiment kummerċjali jew tal-ispejjeż tal-kapital realment imġarrba, f’paragun mal-ispejjeż ta’ deprezzament, il-valur residwu tal-artijiet, tal-binjiet jew tal-infrastruttura jenħtieġ li jitnaqqas mid-diskrepanza tal-finanzjament, jew ex ante jew inkella ex post. |
(d) |
L-ispejjeż ta’ materjali oħra, provvisti u prodotti simili meħtieġa għall-proġett. |
(e) |
L-ispejjeż għall-kisba, il-validazzjoni u d-difiża tal-privattivi u assi intanġibbli oħrajn. L-ispejjeż tar-riċerka kuntrattwali, għarfien u privattivi mixtrija jew liċenzjati minn sorsi barranin b’kundizzjonijiet normali tas-suq, kif ukoll l-ispejjeż tal-konsulenzi u s-servizzi ekwivalenti użati esklużivament għall-proġett. |
(f) |
L-ispejjeż amministrattivi u tal-persunal (inklużi l-ispejjeż ġenerali) direttament imġarrba għal attivitajiet ta’ RŻI, inklużi dawk l-attivitajiet ta’ RŻI marbuta mal-ewwel użu industrijali, jew fil-każ ta’ proġett ta’ infrastruttura, imġarrba matul il-kostruzzjoni tal-infrastruttura. |
(g) |
F’każ ta’ għajnuna fi proġett tal-ewwel użu industrijali, in-nefqa kapitali u dik operattiva sal-firxa u għall-perjodu użat għall-proġett, sakemm l-użu industrijali jirriżulta minn attività RŻI, u fih innifsu jinkorpora komponent importanti ta’ RŻI li jikkostitwixxi f’element integrali u neċessarju għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-proġett. In-nefqiet operattivi jridu jkunu relatati ma’ tali komponent tal-proġett. |
(h) |
Jistgħu jiġu aċċettati spejjeż oħrajn, jekk ikunu ġġustifikati, u meta dawn ikunu marbuta bis-sħiħ mat-twettiq tal-proġett, minbarra l-ispejjeż operattivi li ma jkunux koperti mill-punt (g). |