11.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 233/4


Tħabbira min-Norveġja dwar id-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-ipprospettar, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi

Tħabbira ta’ stedina għall-applikazzjoni għal liċenzji tal-produzzjoni tal-petroleum fuq il-Blata Kontinentali Norveġiża — Aġġudikazzjonijiet f’Żoni Predefiniti 2019

(2019/C 233/04)

Il-Ministeru Norveġiż tal-Petroleum u l-Enerġija b’dan qiegħed iħabbar stedina għal applikazzjonijiet għal liċenzji tal-produzzjoni tal-petroleum b’konformità mad-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-ipprospettar, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi, Artikolu 3(2)(a).

Il-liċenzji għall-produzzjoni se jingħataw biss lil kumpaniji rreġistrati fin-Norveġja jew fi stat ieħor imsieħeb fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (il-Ftehim taż-ŻEE), jew lil persuni fiżiċi domiċiljati fi stat imsieħeb fil-Ftehim taż-ŻEE.

Kumpaniji li ma għandhomx liċenzja għall-Blata Kontinentali Norveġiża jistgħu jingħataw liċenzji għall-produzzjoni jekk ikunu prekwalifikati bħala detenturi ta’ liċenzja għal fuq il-Blata Kontinentali Norveġiża.

Il-Ministeru se jittratta lill-kumpaniji individwali u lill-kumpaniji li japplikaw bħala parti minn grupp bl-istess mod. L-applikanti li jressqu applikazzjoni individwali, jew l-applikanti li jkunu parti minn grupp li jressaq applikazzjoni konġunta se jitqiesu bħala applikant wieħed f’dak li għandu x’jaqsam mal-liċenzja għall-produzzjoni. Il-Ministeru jista’, fuq il-bażi ta’ applikazzjonijiet imressqa minn gruppi jew applikanti individwali, ilaqqa’ gruppi ta’ detenturi ta’ liċenzji biex jingħataw liċenzja tal-produzzjoni ġdida, inkluż it-tneħħija ta’ applikanti f’applikazzjoni ta’ grupp u ż-żieda ta’ applikanti individwali, u jaħtar l-operatur għal gruppi bħal dawn.

L-għoti ta’ parteċipazzjoni f’liċenzja għall-produzzjoni se jiddependi fuq il-fatt li d-detenturi tal-liċenzja jidħlu fi Ftehim dwar Attivitajiet marbutin mal-Petroleum mhux Raffinat, li jinkludi Ftehim Operattiv Konġunt u Ftehim ta’ Kontabbiltà. Jekk il-liċenzja għall-produzzjoni tinqasam b’mod stratigrafiku, id-detenturi taż-żewġ liċenzji maqsuma b’mod stratigrafiku ukoll jintalbu jidħlu fi Ftehim Operattiv Konġunt li jirregola r-relazzjoni ta’ bejniethom f’dan ir-rigward.

Malli jiġu ffirmati l-ftehimiet imsemmija, id-detenturi tal-liċenzji jingħaqdu f’impriża konġunta fejn id-daqs tal-parteċipazzjoni tagħhom dejjem se tibqa’ l-istess għall-parteċipanti tagħhom fil-liċenzja għall-produzzjoni.

Id-dokumenti tal-liċenzja ser ikunu bbażati prinċipalment fuq dokumenti rilevanti mill-Aġġudikazzjonijiet f’Żoni Predefiniti 2018. L-għan hu li l-elementi prinċipali ta’ kwalunkwe aġġustamenti fil-qafas isiru disponibbli għall-applikanti potenzjali qabel iż-żmien tal-applikazzjoni.

Il-kriterji għall-aġġudikazzjoni ta’ liċenzja għall-produzzjoni

Fl-interess ta’ ġestjoni tajba tar-riżorsi u biex l-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ petroleum mhux raffinat fuq il-Blata Kontinentali Norveġiża jsiru b’mod rapidu u effiċjenti, inkluż il-kompożizzjoni ta’ gruppi ta’ liċenzja sabiex jiżguraw dan, għandhom japplikaw il-kriterji li ġejjin għall-għoti tal-parteċipazzjonijiet fil-liċenzji għall-produzzjoni u għall-ħatra ta’ operatur:

(a)

L-għarfien ġeoloġiku tal-applikant dwar iż-żona ġeografika inkwistjoni, u kif il-liċenzjati jipproponu li jwettqu l-esplorazzjoni effiċjenti għall-petroleum.

(b)

Il-kompetenza teknika rilevanti tal-applikant, u kif din il-kompetenza tista’ tikkontribwixxi b’mod attiv għall-esplorazzjoni kosteffikaċi u, skont kif ikun xieraq, għall-produzzjoni tal-petroleum fiż-żona ġeografika inkwistjoni.

(c)

L-esperjenza tal-applikant fuq il-Blata Kontinentali Norveġiża jew esperjenza rilevanti ekwivalenti f’żoni oħra.

(d)

Li l-applikant ikollu kapaċità finanzjarja sodisfaċenti biex iwettaq l-esplorazzjoni għall-petroleum u, kif xieraq, il-produzzjoni tal-petroleum fiż-żona ġeografika inkwistjoni.

(e)

Jekk l-applikant huwa, jew kien, detentur ta’ liċenzja tal-produzzjoni l-Ministeru jista’ jqis kwalunkwe forma ta’ ineffiċjenza jew nuqqas ta’ responsabilità murija mill-applikant bħala detentur ta’ liċenzja. Il-kunsiderazzjonijiet dwar is-sigurtà nazzjonali jistgħu jitqiesu wkoll jekk il-Ministeru jsib li tali kunsiderazzjonijiet jkunu rilevanti.

(f)

Bħala regola, il-liċenzji għall-produzzjoni se jingħataw lil impriża konġunta li fiha minn tal-inqas waħda minn fost dawk li ngħataw liċenzja tkun ħaffret minn tal-inqas bir wieħed fuq il-Blata Kontinentali Norveġiża bħala operatur, jew ikollha esperjenza operazzjonali rilevanti ekwivalenti barra mill-NCS (il-Blata Kontinentali Norveġiża).

(g)

Bħala regola ġenerali, ser jinħarġu liċenzji għall-produzzjoni lil żewġ detenturi jew aktar, fejn minn tal-inqas wieħed mill-parteċipanti li jingħataw liċenzja jkollu esperjenza kif imsemmi f’f).

(h)

L-operatur maħtur għal-liċenzji għall-produzzjoni fil-Baħar Barents irid ikun ħaffer minn tal-inqas bir wieħed fuq il-Blata Kontinentali Norveġiża bħala operatur, jew ikollu esperjenza operazzjonali rilevanti ekwivalenti barra l-Blata Kontinentali Norveġiża.

(i)

Għal-liċenzji ta’ produzzjoni f’baħar fond, kemm l-operatur li jinħatar kif ukoll minn tal-anqas detentur tal-liċenzja ieħor iridu jkunu ħaffru minn tal-anqas bir wieħed fuq il-Blata Kontinentali Norveġiża bħala operatur, jew ikollhom esperjenza operazzjonali rilevanti ekwivalenti mhux fuq il-Blata Kontinentali Norveġiża. Fil-liċenzja għall-produzzjoni, entità waħda li tingħata liċenzja trid tkun ħaffret f’ibħra fondi bħala operatur.

(j)

Għal-liċenzji ta’ produzzjoni fejn ikun mistenni li jsir tħaffir ta’ bjar fi pressa għolja u/jew temperaturi għoljin (HTHP), kemm l-operatur li jinħatar kif ukoll minn tal-anqas detentur ieħor iridu jkunu ħaffru minn tal-anqas bir wieħed fuq il-Blata Kontinentali Norveġiża bħala operatur, jew ikollhom esperjenza operazzjonali rilevanti ekwivalenti barra mill-Blata Kontinentali Norveġiża. Fil-liċenzja għall-produzzjoni, entità waħda minn fost dawk li jingħataw liċenzja trid tkun ħaffret bir HTHP bħala operatur.

Blokok li għalihom tista’ ssir applikazzjoni

L-applikazzjonijiet għal interessi ta’ parteċipazzjoni f’liċenzji tal-produzzjoni jistgħu jiġu sottomessi għall-blokok li mhumiex liċenzjati fiż-żona ddefinita minn qabel, kif muri fuq il-mapep ippubblikati mill-NPD. Huwa wkoll possibbli li ssir applikazzjoni għal żoni li ġew ċeduti fiż-żona definita minn qabel, wara t-tħabbira skont mapep aġġornati dwar il-Factmaps interattivi tad-Direttorat tal-Petroleum Norveġiż li jinsabu fil-paġna web tal-NPD).

Kull liċenzja għall-produzzjoni tista’ tikkonsisti fi blokka jew aktar jew parti minn blokka/blokok. L-applikanti huma mitluba jillimitaw id-deskrizzjoni fl-applikazzjoni għal żoni fejn huma jkunu mmappjaw prospettivament.

It-test sħiħ tat-tħabbira, li jinkludi mapep iddettaljati taż-żoni disponibbli jinsab fuq il-paġna web tad-Direttorat tal-Petroleum Norveġiż www.npd.no/apa2019.

L-applikazzjonijiet għal liċenzji għall-produzzjoni tal-petroleum għandhom jiġu ppreżentati elettronikament, pereżempju permezz ta’ L2S (Licence2Share), lil

Il-Ministeru tal-Petroleum u l-Enerġija

P.O. Box 8148 Dep.

N-0033 OSLO

IN-NORVEĠJA

Għandha tintbagħat kopja b’mezz elettroniku, pereżempju permezz ta’ L2S, lil

The Norwegian Petroleum Directorate

P.O. Box 600

N-4003 STAVANGER

IN-NORVEĠJA

Skadenza: 12.00 nofsinhar fis-27 ta’ Awwissu 2019.

L-għoti ta’ liċenzji għall-produzzjoni taż-żejt mhux maħdum fl-Aġġudikazzjonijiet f’Żoni Predefiniti għall-2019 fuq il-Blata Kontinentali Norveġiża huwa ppjanat li jseħħ fl-ewwel tliet xhur tal-2020.