27.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 133/3


Talba għal Opinjoni Konsultattiva tal-Qorti tal-EFTA minn Norges Høyesterett ddatata l-14 ta’ Diċembru 2016 fil-Kawża ta’ Torbjørn Selstad Thue u l-Federazzjoni Norveġiża tal-Pulizija (Politiets Fellesforbund) vs il-Gvern Norveġiż, irrappreżentat mill-Ministeru tal-Ġustizzja u s-Sigurtà Pubblika

(il-Kawża E-19/16)

(2017/C 133/03)

Saret talba lill-Qorti tal-EFTA ddatata l-14 ta’ Diċembru 2016 minn Norges Høyesterett (il-Qorti Suprema tan-Norveġja), li waslet fir-Reġistru tal-Qorti fl-14 ta’ Diċembru 2016, għal Opinjoni Konsultattiva fil-kawża ta’ Torbjørn Selstad Thue u l-Federazzjoni Norveġiża tal-Pulizija (Politiets Fellesforbund) vs il-Gvern Norveġiż, irrappreżentat mill-Ministeru tal-Ġustizzja u s-Sigurtà Pubblika dwar il-mistoqsijiet li ġejjin:

1.

Iż-żmien li wieħed jagħmel fuq vjaġġ ordnat mill-impjegatur, lejn u/jew minn post tal-attendenza li ma jkunx il-post li l-impjegat jattendi b’mod fiss jew abitwali, meta dan il-vjaġġ iseħħ barra mis-sigħat normali tax-xogħol, għandu jitqies bħala ħin tax-xogħol skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88/KE?

2.

Jekk l-ivvjaġġar kif deskritt fil-Mistoqsija I waħdu ma jkunx biżżejjed biex jiġi kklassifikat bħala ħin tax-xogħol, x’inhuma t-test legali u l-elementi rilevanti li għandhom jiġu kkunsidrati biex jiġi vvalutat jekk iż-żmien li wieħed qatta’ jivvjaġġa għandux minkejja kollox jitqies li jikkostitwixxi ħin tax-xogħol? Bħala parti minn din il-mistoqsija, qed tintalab opinjoni dwar jekk għandhiex issir valutazzjoni tal-intensità għall-ammont ta’ xogħol imwettaq waqt l-ivvjaġġar.

3.

L-ammont ta’ drabi li l-impjegatur jispeċifika post ta’ attendenza li mhuwiex dak fiss jew abitwali, għandu rilevanza għall-valutazzjonijiet ta’ Mistoqsijiet I u II?