7.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 150/4


Notifika skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2005/15/KE (1)

Talba għall-applikabbiltà tal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE

Servizzi loġistiċi fis-settur postali (In-Norveġja)

(2015/C 150/04)

Fit-23 ta’ Marzu 2015, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA rċeviet talba skont l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (2). L-ewwel jum tax-xogħol wara l-wasla tat-talba kien l-24 ta’ Marzu 2015.

Din it-talba, li ġiet ippreżentata minn Posten Norge AS, tikkonċerna l-forniment ta’ servizzi loġistiċi differenti fis-settur postali. L-Artikolu 30 imsemmi aktar 'il fuq jipprevedi li d-Direttiva 2004/17/KE mhijiex applikabbli jekk l-attività kkonċernata hija esposta direttament għal kompetizzjoni fuq swieq mingħajr aċċess limitat. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet issir biss għall-iskopijiet tad-Direttiva 2004/17/KE u hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni.

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tingħata perjodu ta’ tliet xhur sabiex tieħu deċiżjoni dwar din it-talba, li jibda jiddekorri mill-24 ta’ Marzu. Il-perjodu għalhekk jiskadi fl-24 ta’ Ġunju 2015.

Il-perjodu msemmi hawn fuq jista’, madankollu, jiġi estiż b’massimu ta’ tliet xhur f’każijiet debitament iġġustifikati, b’mod partikolari jekk it-tagħrif ipprovdut fit-talba jew fid-dokumenti annessi magħha ma jkunx komplut jew ma jkunx preċiż, jew jekk il-fatti hekk kif rapportati jsirilhom tibdil fis-sustanza. Kull estensjoni bħal din tiġi ppubblikata. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 30(6), talbiet ulterjuri rigward il-forniment ta’ servizzi loġistiċi fis-settur postali li jitressqu qabel l-iskadenza tal-perjodu previst għat-talba preżenti, ma jitqisux bħala proċedimenti ġodda iżda jeħtieġ li jkunu trattati fil-kuntest ta’ din it-talba.


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/15/KE tas-7 ta’ Jannar 2005 dwar ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti pubbliċi ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u tal-posta (ĠU L 7, 11.1.2005, p. 7).

(2)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1.