25.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 230/58


DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA

Nru 293/15/COL

tal-14 ta' Lulju 2015

li tapprova l-programm nazzjonali stabbilit mill-Iżlanda għall-kontroll tas-salmonella fit-tjur u fil-prodotti tat-tjur [2016/1421]

L-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA,

Wara li kkunsidrat l-Att imsemmi fil-punt 8b tal-Parti 7.1 tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim taż-ŻEE (Ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 fuq il-kontroll tas-salmonella u aġenti Zoonotiċi oħra speċifiċi li jkun hemm ġewwa l-ikel (1)),

Wara li kkunsidrat l-Att imsemmi fil-punt 17 tal-Parti 6.1 tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim taż-ŻEE (Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (2)),

Wara li kkunsidrat l-Att imsemmi fil-punt 53 tal-Parti 7.2 tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim taż-ŻEE (Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 200/2010 tal-10 ta' Marzu 2010 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar mira tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-prevalenza tas-serotipi ta' Salmonella f'qatgħat ta' adulti għat-tgħammir ta' Gallus gallus (3)),

Wara li kkunsidrat l-Att imsemmi fil-punt 55 tal-Parti 7.2 tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim taż-ŻEE (Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 517/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament u tal-Kunsill dwar mira tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-prevalenza ta' ċerti serotipi tas-Salmonella fit-tiġieġ għall-bajd tat-tip Gallus gallus u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2160/2003 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 200/2010 (4)),

Wara li kkunsidrat l-Att imsemmi fil-punt 57 tal-Parti 7.2 tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim taż-ŻEE (Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 200/2012 tat-8 ta' Marzu 2012 li jikkonċerna mira tal-Unjoni għat-tnaqqis tas-Salmonella enteritidis u s-Salmonella typhimurium f'qatgħat tal-brojlers, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5)),

Wara li kkunsidrat l-Att imsemmi fil-punt 51 tal-Parti 7.2 tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim taż-ŻEE (Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1190/2012 tat-12 ta' Diċembru 2012 li jikkonċerna mira tal-Unjoni għat-tnaqqis tas-Salmonella enteritidis u s-Salmonella typhimurium f'qatgħat tad-dundjani, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6)), kif adattat għall-Ftehim taż-ŻEE minn punt 4(d) tal-Protokoll 1 tal-Ftehim taż-ŻEE u l-Artikoli 1(2) u 3 tal-Protokoll 1 għall-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 494/13/COL tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA (“l-Awtorità”) tal-11 ta' Diċembru 2013 li tagħti s-setgħa lill-Membru tal-Kulleġġ b'responsabbiltà speċjali għal kwistjonijiet veterinarji u fitosanitarji sabiex jieħu ċerti deċiżjonijiet u miżuri (id-Dokument Nru 683826), b'mod partikolari l-punt 1 tiegħu,

Billi:

L-għan tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003 huwa li jiżgura li jittieħdu miżuri xierqa u effettivi għall-individwazzjoni u l-kontroll tas-Salmonella u aġenti żoonotiċi oħra fl-istadji rilevanti kollha tal-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni, partikolarment fil-livell ta' produzzjoni primarja, biex titnaqqas il-prevalenza tagħhom u r-riskju tagħhom għas-saħħa pubblika.

Ġiet stabbilita mira taż-ŻEE għat-tnaqqis tal-prevalenza tas-serotipi tas-salmonella kollha b'sinifikat għas-saħħa pubblika f'qatgħat għat-tgħammir ta' Gallus gallus fil-livell ta' produzzjoni primarja bir-Regolament (UE) Nru 200/2010.

Ġiet stabbilita mira taż-ŻEE għat-tnaqqis tal-prevalenza ta' ċerti serotipi tas-Salmonella f'tiġieġ li jbidu ta' Gallus gallus bir-Regolament (UE) Nru 517/2011.

Ġiet stabbilita mira taż-ŻEE għat-tnaqqis tal-prevalenza ta' Salmonella Enteritidis u Salomonella Typhimurioum f'qatgħat ta' brojlers bir-Regolament (UE) Nru 200/2012.

Ġiet stabbilita mira taż-ŻEE għat-tnaqqis ta' Salmonella Enteritidis u Salomonella Typhimurioum f'qatgħat ta' dundjani bir-Regolament (UE) Nru 1190/2012.

Biex l-Istati Membri jiksbu l-miri taż-ŻEE huma għandhom jistabbilixxu programmi nazzjonali għall-kontroll tas-salmonella fil-popolazzjonijiet relevanti u jippreżentawhom lill-Awtorità skont ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003.

L-Iżlanda ppreżentat il-programm nazzjonali għall-kontroll tas-salmonella fit-tjur u fil-prodotti tat-tjur Il-programm ta' kontroll għandu l-għan li jnaqqas il-prevalenza tas-serovars kollha tas-Salmonella għal anqas minn 1 % għal kull qatgħa ta' tjur, jiġifieri f'qatgħat għat-tgħammir ta' Gallus gallus; tiġieġ li jbidu ta' Gallus gallus; qatgħat ta' brojlers; u qatgħat ta' dundjani.

L-Awtorità qieset li l-programm ippreżentat mill-Iżlanda għandu jiġi approvat peress li huwa konformi mal-leġiżlazzjoni veterinarja taż-ŻEE rilevanti u b'mod partikolari mar-Regolament (KE) Nru 2160/2003. Għall-preċiżjoni, l-Awtorità tinnota li l-Iżlanda ma pprovdietx l-informazzjoni meħtieġa biex tivvaluta jekk il-programm ta' kontroll huwiex ekwivalenti għal dak approvat għall-Finlandja u l-Iżvezja kif previst fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 853/2004.

L-Awtorità, għaldaqstant, bid-Deċiżjoni tagħha Nru 209/15/COL irreferiet il-kwistjoni lill-Kumitat Veterinarju u Fitosanitarju tal-EFTA. Il-Kumitat approva b'mod unanimu d-Deċiżjoni proposta biex jiġi approvat il-programm nazzjonali ta' kontroll stabbilit mill-Iżlanda għall-kontroll tas-salmonella fit-tjur u fil-prodotti tat-tjur Għaldaqstant, l-abbozz tal-miżuri huma skont l-opinjoni tal-Kumitat.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

1.

Il-programm nazzjonali stabbilit mill-Iżlanda għall-kontroll tas-salmonella f'qatgħat għat-tgħammir ta' Gallus gallus; tiġieġ li jbidu ta' Gallus gallus; qatgħat ta' brojlers; u qatgħat ta' dundjani huwa approvat.

2.

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Iżlanda.

3.

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ b'mod immedjat.

4.

Din id-Deċiżjoni hija awtentika bl-Ingliż.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Lulju 2015.

Għall-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA

Helga JÓNSDÓTTIR

Membru tal-Kulleġġ

Markus SCHNEIDER

Aġent Direttur


(1)  ĠU L 325, 12.12.2003, p. 1.

(2)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.

(3)  ĠU L 61, 11.3.2010, p. 1.

(4)  ĠU L 138, 26.5.2011, p. 45.

(5)  ĠU L 71, 9.3.2012, p. 31.

(6)  ĠU L 340, 13.12.2012, p. 29.