28.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 163/9


Azzjoni mressqa fit-13 ta’ Jannar 2014 mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA kontra l-Islanda

(Kawża E-4/14)

(2014/C 163/08)

Fit-13 ta’ Jannar 2014 l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, irrappreżentata minn Gjermund Mathisen u Auður Ýr Steinarsdóttir, li qegħdin jaġixxu ta’ Aġenti tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, li tinsab f’Rue Belliard 35, 1040 Brussell, il-Belġju, ħadet azzjoni kontra l-Islanda fil-Qorti tal-EFTA.

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA titlob lill-Qorti tal-EFTA biex:

1.

Tiddikjara li billi l-Islanda naqset li tadotta, jew tinnotifika lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA minnufih bil-miżuri meħtieġa sabiex jiġi implimentat l-Att imsemmi fil-punt 4 tal-Kapitolu XXIX tal-Anness II tal-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea (id-Direttiva 2007/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Mejju 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti pirotekniċi), kif adattat għall-Ftehim permezz tal-Protokoll 1 tiegħu, l-Islanda ma ssodisfatx l-obbligi tagħha skont l-Att u skont l-Artikolu 7 tal-Ftehim taż-ŻEE.

2.

Tordna lill-Islanda tħallas l-ispejjeż tal-proċedimenti.

L-isfond legali u fattwali u l-eċċezzjonijiet miġjuba bħala sostenn:

Din l-applikazzjoni mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tindirizza n-nuqqas tal-Islanda li tikkonforma, sa mhux aktar tard mis-26 ta’ Awwissu 2013, ma’ opinjoni motivata mogħtija mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA fis-26 ta Ġunju 2013 dwar in-nuqqas ta’ dan l-Istat li jimplimenta fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tiegħu, id-Direttiva 2007/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Mejju 2007 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti pirotekniċi (l-Att), kif imsemmi fil-punt 4 tal-Kapitolu XXIX tal-Anness II għall-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea, u kif adattat għal dan il-Ftehim permezz tal-Protokoll 1 tiegħu,

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA taqbel li l-Islanda ma ssodisfatx l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 21 tal-Att u skont l-Artikolu 7 tal-Ftehim taż-ŻEE billi ma adottatx, jew ma nnotifikatx lill-Awtorità bil-miżuri meħtieġa sabiex jiġi implimentat l-Att fiż-żmien preskritt.