6.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 209/17


DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA

Nru 271/14/COL

tad-9 ta' Lulju 2014

li temenda għas-sebgħa u disgħin darba r-regoli proċedurali u sostantivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat billi tadotta Linji Gwida ġodda għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni [2015/1359]

L-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA (“l-Awtorità”),

WARA Li KKUNSIDRAT il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim taż-ŻEE”), b'mod partikolari l-Artikoli minn 61 sa 63 u l-Protokoll 26 tiegħu,

WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-twaqqif ta' Awtorità ta' Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzja (“Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti”), u partikolarment l-Artikoli 5(2)(b) u 24 tiegħu u l-Artikolu 1 fil-Parti I tal-Protokoll 3 tiegħu,

Billi:

Skont l-Artikolu 24 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, l-Awtorità hija obbligata ddaħħal fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim taż-ZEE dwar l-għajnuna mill-Istat,

Skont l-Artikolu 5(2)(b) tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, l-Awtorità hija obbligata toħroġ avviżi jew linji gwida dwar kwistjonijiet trattati fil-Ftehim taż-ŻEE, jekk dan ikun previst espliċitament fil-Ftehim jew fil-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti jew jekk l-Awtorità tikkunsidra li hu meħtieġ,

Fil-21 ta' Mejju 2014, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Qafas għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni” (1). Il-Qafas jistabbilixxi l-kundizzjonijiet skont liema l-finanzjament pubbliku għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni jista' jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u, fejn jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, il-kundizzjonijiet tal-kompatibbiltà. Dawn japplikaw mill-1 ta' Lulju 2014.

Dan il-Qafas huwa ta' rilevanza għaż-Żona Ekonomika Ewropea,

Għandha tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tar-regoli taż-ŻEE dwar l-għajnuna mill-Istat madwar iż-Żona Ekonomika Ewropea kollha skont l-għan ta' omoġeneità stabbilit fl-Artikolu 1 tal-Ftehim taż-ŻEE,

Skont il-punt II fl-intestatura “ĠENERALI” tal-Anness XV tal-Ftehim taż-ŻEE, l-Awtorità għandha tadotta, wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, Linji Gwida ġodda li jikkorrispondu ma' dawk adottati mill-Kummissjoni Ewropea,

WARA li kkonsultat mal-Kummissjoni Ewropea,

WARA li kkonsultat mal-Istati tal-EFTA b'ittra bid-data tas-26 ta' Ġunju 2014 dwar is-suġġett,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-regoli sostantivi fil-qasam tal-Għajnuna mill-Istat jiġu emendati bl-introduzzjoni ta' Linji Gwida ġodda għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni. Il-Linji Gwida l-ġodda huma annessi ma' din id-Deċiżjoni u jifformaw parti integrali minnu.

Artikolu 2

Il-verżjoni bl-Ingliż biss hi awtentika.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Lulju 2014.

Għall-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA

Oda Helen SLETNES

Il-President

Helga JÓNSDÓTTIR

Membru tal-Kulleġġ


(1)  ĠU C 198, 27.6.2014, p. 1.


ANNESS

L-GĦAJNUNA MILL-ISTAT GĦAR-RIĊERKA, L-IŻVILUPP U L-INNOVAZZJONI  (1)

INTRODUZZJONI 20

1.

KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET 21

1.1.

Kamp ta' applikazzjoni 21

1.2.

Miżuri ta' għajnuna koperti minn dawn il-Linji Gwida 22

1.3.

Definizzjonijiet 23

2.

GĦAJNUNA MILL-ISTAT FIT-TIFSIRA TAL-ARTIKOLU 61(1) TAL-FTEHIM TAŻ-ZEE 26

2.1.

Organizzazzjonijiet ta' riċerka u tixrid tal-għarfien u infrastrutturi ta' riċerka bħala destinatarji tal-għajnuna mill-Istat 26

2.1.1.

Finanzjament pubbliku għal attivitajiet mhux ekonomiċi 26

2.1.2.

Finanzjament pubbliku ta' attivitajiet ekonomiċi 27

2.2.

Għajnuna mill-istat indiretta lil impriżi permezz ta' organizzazzjonijiet ta' riċerka u tixrid tal-għarfien u infrastrutturi ta' riċerka ffinanzjati b'fondi pubbliċi 28

2.2.1.

Riċerka f'isem impriżi (riċerka kuntrattwali jew servizzi ta' riċerka) 28

2.2.2.

Kollaborazzjoni ma' impriżi 29

2.3.

Akkwist pubbliku ta' servizzi ta' riċerka u żvilupp 30

3.

IL-PRINĊIPJI KOMUNI TAL-VALUTAZZJONI 31

4.

VALUTAZZJONI TAL-KOMPATIBBILTÀ TA' GĦAJNUNA GĦAR-R&Ż&I 31

4.1.

Il-kontribut lejn objettiv ta' interess komuni li huwa definit sew 32

4.1.1.

Il-kundizzjonijiet ġenerali 32

4.1.2.

Kundizzjonijiet addizzjonali għal għajnuna individwali 32

4.2.

Ħtieġa ta' intervent mill-istat 33

4.2.1.

Il-kundizzjonijiet ġenerali 33

4.2.2.

Kundizzjonijiet addizzjonali għal għajnuna individwali 34

4.3.

L-adegwatezza tal-miżura tal-għajnuna 34

4.3.1.

L-adegwatezza fost strumenti ta' politika alternattivi 34

4.3.2.

Adegwatezza fost strumenti differenti ta' għajnuna 35

4.4.

Effett ta' inċentiv 35

4.4.1.

Il-kundizzjonijiet ġenerali 35

4.4.2.

Kundizzjonijiet addizzjonali għal għajnuna individwali 36

4.5.

Proporzjonalità tal-għajnuna 37

4.5.1.

Il-kundizzjonijiet ġenerali 37

4.5.2.

Kundizzjonijiet addizzjonali għal għajnuna individwali 39

4.6.

L-evitar ta' effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ 40

4.6.1.

Kunsiderazzjonijiet ġenerali 40

4.6.2.

Skemi ta' għajnuna 42

4.6.3.

Kundizzjonijiet addizzjonali għal għajnuna individwali 42

4.7.

Transparenza 44

5.

EVALWAZZJONI 44

6.

RAPPURTAR U MONITORAĠĠ 45

7.

APPLIKABBILTÀ 45

8.

REVIŻJONI 45

Anness I —

Spejjeż eliġibbli 46

Anness II —

ntensitajiet massimi tal-għajnuna 47

INTRODUZZJONI

1.

Sabiex is-sussidji tal-Istat ma jitħallewx ifixklu l-kompetizzjoni fiż-Żona Ekonomika Ewropea (“ŻEE”) u jaffettwaw il-kummerċ bejn il-partijiet kontraenti għall-Ftehim taż-ŻEE (“il-Partijiet Kontraenti”) b'mod li jmur kontra l-interess komuni, l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE jistabbilixxi l-prinċipju li l-għajnuna mill-Istat hija projbita. F'ċerti każijiet, madankollu, din l-għajnuna tista' tkun kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE abbażi tal-Artikoli 61(2) u 61(3) tiegħu.

2.

Il-promozzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni (“R&Ż&I”) hija objettiv importanti taż-ŻEE stabbilit fl-Artikolu 1.2.(f) u 78 tal-Ftehim taż-ŻEE, li jsejjaħ għal kooperazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti f'dan il-qasam (2). L-objettivi ewlenin huma li tissaħħaħ il-bażi xjentifika u teknoloġika tal-industrija Ewropea u li tiġi inkoraġġita l-kompetittività internazzjonali tagħha.

3.

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) fl-istrateġija “Ewropa 2020” (3) tagħha tidentifika r-riċerka u l-iżvilupp (“R&Ż”) bħala mutur fundamentali biex jintlaħqu l-għanijiet ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni stabbilixxiet il-mira ewlenija li sal-2020 3 % tal-prodott domestiku gross (“PDG”) tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi investit fir-R&Ż. Sabiex jiġi inkoraġġit il-progress fil-qasam tar-R&Ż&I, l-istrateġija Ewropa 2020 b'mod partikolari tippreżenta l-inizjattiva ewlenija “Unjoni tal-Innovazzjoni” (4) li għandha l-mira li ttejjeb il-kundizzjonijiet ta' qafas u l-aċċess għall-finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni sabiex jiġi żgurat li l-ideat innovattivi jkunu jistgħu jissarrfu fi prodotti u servizzi li joħolqu t-tkabbir u l-impjiegi (5). Il-komunikazzjoni Ewropa 2020 tal-Kummissjoni nnutat li l-politika tal-għajnuna mill-Istat tista' “tikkontribwixxi b'mod attiv u pożittiv (…) billi tinċita u tappoġġja inizjattivi għal teknoloġiji innovattivi, effiċjenti u aktar ekoloġiċi, filwaqt li tiffaċilita l-aċċess għal appoġġ pubbliku għall-investiment, kapital tarriskju u ffinanzjar tar-riċerka u l-iżvilupp”.

4.

Għalkemm huwa ġeneralment aċċettat li swieq kompetittivi għandhom tendenza li jwasslu għal riżultati effiċjenti f'termini ta' prezzijiet, produzzjoni u użu tar-riżorsi, fil-preżenza ta' fallimenti tas-suq (6) intervent mill-Istat jista' jtejjeb il-funzjonament tas-swieq u, b'hekk, jikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Fil-kuntest tar-R&Ż&I, fallimenti tas-suq jistgħu jseħħu pereżempju għaliex l-atturi fis-suq normalment ma jqisux l-esternalitajiet (pożittivi) li jirriżultaw fuq atturi oħra fl-ekonomija, u għalhekk jinvolvu ruħhom f'livell ta' attivitajiet tar-R&Ż&I li huwa baxx wisq mill-perspettiva tas-soċjetà. Bl-istess mod, proġetti R&Ż&I jistgħu jbatu minn aċċess insuffiċjenti għall-finanzi (minħabba informazzjoni asimmetrika) jew minn problemi ta' koordinazzjoni bejn id-ditti. Għalhekk, l-għajnuna mill-Istat għar-R&Ż&I tista' tkun kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE fejn tista' tkun mistennija ttaffi falliment tas-suq fil-promozzjoni tal-eżekuzzjoni ta' proġett importanti ta' interess Ewropew komuni jew fil-faċilitazzjoni tal-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet ekonomiċi u meta d-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-kummerċ li tirriżulta ma tmurx kontra l-interess komuni.

5.

Għajnuna għar-R&Ż&I se tkun primarjament ġustifikata abbażi tal-Artikoli 61(3)(b) u 61(3)(c) tal-Ftehim taż-ŻEE, li skonthom l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA (l-Awtorità) tista' tqis kompatibbli mal-funzjonament tas-suq intern għajnuna mill-Istat maħsuba biex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta' proġett importanti ta' interess Ewropew komuni jew biex tiffaċilita l-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet ekonomiċi, fejn din l-għajnuna ma tkunx taffettwa b'mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jmur kontra l-interess komuni.

6.

Fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat (7), il-Kummissjoni ħabbret tliet għanijiet li għandhom jiġu segwiti permezz tal-modernizzazzjoni tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat:

(a)

it-trawwim ta' tkabbir sostenibbli, intelliġenti u inklużiv f'suq intern kompetittiv;

(b)

skrutinju ex ante ffukat fuq il-każijiet bl-akbar impatt fuq is-suq intern, filwaqt li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Istati Membri fl-infurzar tal-għajnuna mill-Istat;

(c)

ir-razzjonalizzazzjoni tar-regoli u provvedimenti biex id-deċiżjonijiet jittieħdu aktar malajr.

7.

B'mod partikolari, il-Kummissjoni sejħet għal approċċ komuni fir-reviżjoni tal-linji gwida u l-oqfsa differenti bbażat fuq it-tisħiħ tas-suq intern, il-promozzjoni ta' aktar effikaċja fl-infiq pubbliku permezz ta' kontribut aħjar mill-għajnuna mill-Istat għall-objettivi ta' interess komuni, u eżerċitar ta' iktar skrutinju fuq l-effett ta' inċentiv, fuq li l-għajnuna tkun limitata għall-inqas possibbli, u fuq l-effetti negattivi potenzjali tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ. L-Awtorità tappoġġa l-inizjattiva ta' modernizzazzjoni tal-Kummissjoni. B'konsegwenza ta' dan, il-kundizzjonijiet ta' kompatibbiltà stabbiliti f'dawn il-linji gwida huma bbażati fuq dak l-approċċ komuni.

1.   KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

1.1.   Kamp ta' applikazzjoni

8.

Il-prinċipji stipulati f'dawn il-linji gwida japplikaw għal għajnuna mill-Istat għar-R&Ż&I fis-setturi kollha rregolati mill-Ftehim taż-ŻEE. Għalhekk japplikaw għas-setturi mmexxija mir-regoli taż-ŻEE speċifiċi dwar l-għajnuna mill-Istat, sakemm ir-regoli msemmija ma jiddisponux mod ieħor.

9.

Il-finanzjament ġestit ċentralment mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, aġenziji, impriżi konġunti jew korpi oħra internazzjonali li mhuwiex direttament jew indirettament fil-kontroll tal-Istati tal-EFTA (8) ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. Meta dan il-finanzjament ikun ikkombinat ma' għajnuna mill-Istat, din tal-aħħar biss titqies għad-determinazzjoni ta' jekk il-livelli minimi ta' notifika u l-intensitajiet massimi ta' għajnuna humiex rispettati jew, fil-kuntest ta' dawn il-linji gwida, humiex suġġetti għal valutazzjoni tal-kompatibbiltà.

10.

Għajnuna għar-R&Ż&I għal ditti f'diffikultà, kif spjegat għall-għanijiet ta' dawn il-linji gwida mil-linji gwida tal-Awtorità dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' ditti f'diffikultà (9), kif emendati jew mibdula, hija eskluża mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dawn il-linji gwida.

11.

Meta tkun qed tivvalutata għajnuna għar-R&Ż&I favur benefiċjarju li huwa soġġett għal ordni ta' rkupru pendenti wara deċiżjoni preċedenti tal-Awtorità li tiddikjara li għajnuna hija illegali u inkompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE, l-Awtorità tqis l-ammont ta' għajnuna li tkun għadha trid tiġi rkuprata (10).

1.2.   Miżuri ta' għajnuna koperti minn dawn il-Linji Gwida

12.

L-Awtorità identifikat sensiela ta' miżuri tar-R&Ż&I li għalihom l-għajnuna mill-Istat tista', f'kundizzjonijiet speċifiċi, tkun kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE:

(a)

għajnuna għal proġetti tar-R&Ż fejn il-parti megħjuna tal-proġett ta' riċerka taqa' fil-kategoriji tar-riċerka fundamentali u r-riċerka applikata, li minnhom tal-aħħar tista' tinqasam f'riċerka industrijali u żvilupp esperimentali (11). Din l-għajnuna hija mmirata prinċipalment lejn il-falliment tas-suq b'rabta mal-esternalitajiet pożittivi (tixrid tal-għarfien), iżda tista' wkoll tindirizza falliment tas-suq ikkawżat minn informazzjoni imperfetta u asimmetrika jew (l-aktar fi proġetti ta' kollaborazzjoni) minn falliment fil-koordinazzjoni;

(b)

għajnuna għal studji ta' fattibbiltà relatata ma' proġetti ta' R&Ż, li jimmiraw li jegħlbu falliment ta' suq, prinċipalment b'rabta ma' informazzjoni imperfetta u asimmetrika;

(c)

għajnuna għall-bini u t-titjib tal-infrastrutturi tar-riċerka , li prinċipalment tindirizza l-falliment tas-suq li jirriżulta minn diffikultajiet fil-koordinazzjoni. Infrastrutturi tar-riċerka ta' kwalità għolja qegħdin isiru dejjem aktar meħtieġa għal riċerka rivoluzzjonarja minħabba li jattiraw talent globali u huma essenzjali, pereżempju għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u għat-teknoloġiji abilitanti ewlenin (12);

(d)

għajnuna għal attivitajiet tal-innovazzjoni , li hija prinċipalment immirata lejn il-fallimenti tas-suq relatati mal-esternalitajiet pożittivi (tixrid tal-għarfien), diffikultajiet fil-koordinazzjoni u, sa ċertu punt, l-informazzjoni asimmetrika. Fir-rigward ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (“SMEs”) din l-għajnuna għall-innovazzjoni tista' tingħata biex jinkisbu, jiġu vvalidati u difiżi privattivi u assi intanġibbli oħra, għall-issekondar ta' persunal bi kwalifiki għolja, u għall-akkwist ta' servizzi ta' konsulenza u appoġġ għall-innovazzjoni. Barra minn hekk, sabiex l-intrapriżi kbar jiġu inkoraġġiti jikkollaboraw ma' SMEs f'attivitajiet ta' innovazzjoni tal-proċessi u organizzattiva, tista' wkoll tingħata għajnuna għall-ispejjeż imġarrba għal dawn l-attivitajiet kemm mill-SMEs kif ukoll mill-intrapriżi kbar;

(e)

għajnuna għal raggruppamenti ta' innovazzjoni li timmira li tittratta l-fallimenti tas-suq marbuta ma' problemi ta' koordinazzjoni li jfixklu l-iżvilupp ta' raggruppamenti, jew li jillimitaw l-interazzjonijiet u l-flussi tal-għarfien fir-raggruppamenti u bejniethom. L-għajnuna mill-Istat tista' tikkontribwixxi biex tissolva din il-problema, l-ewwel billi tappoġġa l-investiment f'infrastrutturi miftuħa u kondiviżi għal raggruppamenti tal-innovazzjoni, u t-tieni billi tgħin, għal mhux aktar minn 10 snin, l-operazzjoni ta' raggruppamenti għat-titjib tal-kollaborazzjoni, in-networking u t-tagħlim.

13.

L-Istati tal-EFTA għandhom jinnotifikaw l-għajnuna tar-R&Ż&I skont l-Artikolu 1(3) tal-Parti I tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, bl-eċċezzjoni ta' miżuri li jwettqu l-kundizzjonijiet stabbiliti f'Regolament għall-eżenzjoni ġenerali inkorporat fil-Ftehim taż-ZEE.

14.

Dawn il-linji gwida jistipulaw il-kriterji tal-kompatibbiltà għall-iskemi ta' għajnuna għar-R&Ż&I u għajnuna individwali li huma soġġetti għar-rekwiżit tan-notifika u jridu jiġu vvalutati skont l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim taż-ZEE (13).

1.3.   Definizzjonijiet

15.

Għall-għanijiet ta' dawn il-Linji gwida, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“għajnuna ad hoc” tfisser għajnuna mhux mogħtija fuq il-bażi ta' skema ta' għajnuna;

(b)

“għajnuna” tfisser kwalunkwe miżura li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ZEE;

(c)

“intensità tal-għajnuna” tfisser l-ammont gross tal-għajnuna espress bħala perċentwali tal-ispejjeż eliġibbli, qabel kull tnaqqis ta' taxxa jew tnaqqis ieħor. Meta l-għajnuna tingħata f'forma oħra li mhijiex għotja, l-ammont tal-għajnuna jkun l-ekwivalenti tal-għotja tal-għajnuna. L-għajnuna pagabbli f'bosta pagamenti parzjali tiġi skontata għall-valur tagħha fid-data tal-għotja. Ir-rata tal-imgħax li għandha tintuża għal dan il-għan hija r-rata skontata (14) applikabbli fid-data tal-għotja. L-intensità tal-għajnuna hija kkalkulata għal kull benefiċjarju;

(d)

“skema ta' għajnuna” tfisser kull att li fuq il-bażi tiegħu, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri oħra ta' implimentazzjoni, għotjiet ta' għajnuna individwali jistgħu jingħataw lil impriżi definiti fl-att b'mod ġenerali u astratt u kull att li fuq il-bażi tiegħu tista' tingħata għajnuna li mhijiex marbuta ma' proġett speċifiku lil intrapriża waħda jew aktar;

(e)

“riċerka applikata” tfisser riċerka industrijali, żvilupp sperimentali, jew kull kombinazzjoni tagħhom;

(f)

“distakkament (arm's length)” tfisser li l-kundizzjonijiet tat-tranżazzjoni bejn il-partijiet kontraenti ma jvarjawx minn dawk li jsiru bejn intrapriżi indipendenti u ma fihom ebda element ta' kollużjoni. Kull tranżazzjoni li tirriżulta minn proċedura miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja titqies li tilħaq il-prinċipju tad-distakkament;

(g)

“data tal-għoti tal-għajnuna” tfisser id-data li fiha l-benefiċjarju jingħata d-dritt ġuridiku li jirċievi l-għajnuna skont is-sistema ġuridika nazzjonali applikabbli;

(h)

“kollaborazzjoni effettiva” tfisser kollaborazzjoni bejn mill-inqas żewġ partijiet indipendenti biex jiskambjaw għarfien jew teknoloġija, jew biex jilħqu għan komuni bbażata fuq id-diviżjoni tax-xogħol fejn il-partijiet b'mod konġunt jiddefinixxu l-ambitu tal-proġett kollaborattiv, jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tiegħu u jaqsmu r-riskji u r-riżultati tiegħu. Parti waħda jew aktar jistgħu jġorru l-ispejjeż kollha tal-proġett u b'hekk jeħilsu lill-partijiet l-oħra mir-riskji finanzjarji tiegħu. Ir-riċerka kuntrattwali u l-forniment ta' servizzi ta' riċerka mhumiex meqjusa forom ta' kollaborazzjoni.

(i)

“żvilupp esklużiv” tfisser l-akkwist pubbliku ta' servizzi ta' riċerka u żvilupp li minnhom il-benefiċċji kollha jmorru esklużivament għand l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti, u li din tista' tużahom fit-twettiq tal-operat tagħha bil-kundizzjoni li tirremunerahom b'mod sħiħ;

(j)

“żvilupp sperimentali” tfisser l-akkwist, il-kombinament, l-iffurmar u l-użu ta' għarfien u ħiliet xjentifiċi, teknoloġiċi, kummerċjali u oħrajn rilevanti eżistenti bil-għan li jiġu żviluppati prodotti, proċessi jew servizzi ġodda jew imtejbin. Dan jista' jinkludi wkoll, pereżempju, attivitajiet immirati lejn id-definizzjoni kunċettwali, l-ippjanar u d-dokumentazzjoni ta' prodotti, proċessi jew servizzi ġodda. L-iżvilupp sperimentali jista' jinkludi prototipi, dimostrazzjoni, pilotaġġ, ittestjar u validazzjoni ta' prodotti, proċessi jew servizzi ġodda jew imtejba f'ambjenti rappreżentattivi tal-kundizzjonijiet operatorji reali fejn l-għan ewlieni jkun li jsir aktar titjib tekniku fil-prodotti, il-proċessi jew s-servizzi li għadhom mhumiex sostanzjalment stabbiliti. Dan jista' jinkludi l-iżvilupp ta' prototip jew pilota li jkun kummerċjalment utilizzabbli u li huwa neċessarjament il-prodott kummerċjali finali u li huwa għali wisq biex jiġi prodott biex jintuża biss għal finijiet ta' dimostrazzjoni u validazzjoni. L-iżvilupp sperimentali ma jinkludix tibdiliet ta' rutina jew perjodiċi magħmula lil prodotti, linji ta' produzzjoni, proċessi ta' manifattura, servizzi u operazzjonijiet eżistenti oħra fis-seħħ, anki jekk dawn it-tibdiliet jistgħu jirrappreżentaw titjib;

(k)

“studju tal-fattibbiltà” tfisser l-evalwazzjoni u l-analiżi tal-potenzjal ta' proġett, li għandha l-għan tgħin il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet billi b'mod oġġettiv u razzjonali tikxef il-vantaġġi u l-iżvantaġġi, u l-opportunitajiet u r-riskji, tiegħu kif ukoll tidentifika r-riżorsi meħtieġa biex jitwettaq u fl-aħħar mill-aħħar il-prospetti tiegħu li jkun suċċess;

(l)

“allokazzjoni sħiħa” tfisser li l-organizzazzjoni tar-riċerka, l-infrastruttura tar-riċerka jew l-akkwirent pubbliku jgawdi l-benefiċċju ekonomiku sħiħ tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali billi jżomm id-dritt li jiddisponi minnhom bla restrizzjoni, partikolarment id-dritt ta' sjieda u d-dritt li jagħti liċenzja. Dan jista' wkoll ikun il-każ meta l-organizzazzjoni tar-riċerka jew l-infrastruttura tar-riċerka (rispettivament, l-akkwirent pubbliku) tiddeċiedi li tikkonkludi kuntratti oħra li jikkonċernaw dawk id-drittijiet, inkluż li tagħti liċenzja għalihom lil sieħeb f'kollaborazzjoni (rispettivament, impriżi);

(m)

“riċerka fundamentali” tfisser xogħol sperimentali jew teoretiku magħmul primarjament sabiex jinkiseb għarfien ġdid tal-fundamenti sottostanti ta' fenomeni u fatti osservabbli, mingħajr ma jkunu previsti xi applikazzjoni jew użu kummerċjali diretti;

(n)

“għotja grossa ekwivalenti” tfisser l-ammont tal-għajnuna, jekk tkun ingħatat fil-forma ta' għotja, qabel kull tnaqqis ta' taxxi jew imposti oħra;

(o)

“persunal bi kwalifiki għolja” tfisser persunal b'lawrija ta' edukazzjoni terzjarja u b'mill-anqas ħames snin esperjenza professjonali rilevanti li jistgħu jinkludu wkoll taħriġ fil-livell ta' dottorat;

(p)

“għajnuna individwali” tfisser għajnuna mogħtija lil intrapriża speċifika u tinkludi għajnuna ad hoc u għajnuna mogħtija abbażi ta' skema ta' għajnuna;

(q)

“riċerka industrijali” tfisser ir-riċerka ppjanata jew l-investigazzjoni kritika mmirata lejn il-kisba ta' għarfien u ħiliet ġodda għall-iżvilupp ta' prodotti, proċessi jew servizzi ġodda jew biex iseħħ titjib sinifikanti fi prodotti, proċessi jew servizzi eżistenti. Tinkludi l-ħolqien ta' partijiet ta' komponenti ta' sistemi kumplessi, u tista' tinkludi l-kostruzzjoni ta' prototipi f'ambjent ta' laboratorju jew f'ambjent b'interfaċċji simulati ma' sistemi eżistenti kif ukoll ta' linji pilota, meta jkun meħtieġ għar-riċerka industrijali u notevolment għall-validazzjoni ġenerika tat-teknoloġija;

(r)

“servizzi ta' konsulenza dwar l-innovazzjoni” tfisser konsulenza, assistenza u taħriġ fl-oqsma tat-trasferiment tal-għarfien, ix-xiri, il-protezzjoni u l-isfruttament tal-assi intanġibbli, l-użu ta' standards u r-regoli li jinkorporawhom;

(s)

“raggruppamenti tal-innovazzjoni” tfisser strutturi jew gruppi organizzati ta' partijiet indipendenti (bħal intrapriżi innovattivi li għadhom jibdew, dawk żgħar, medji u kbar, kif ukoll organizzazzjonijiet tar-riċerka u t-tixrid tal-għarfien, organizzazzjonijiet bla skop ta' profitt u atturi ekonomiċi oħra relatati) maħsuba biex jistimolaw l-attività innovattiva billi jippromwovu l-qsim tal-faċilitajiet u l-iskambju tal-għarfien u l-kompetenzi, u billi jikkontribwixxu b'mod effettiv għat-trasferiment tal-għarfien, in-networking, id-disseminazzjoni tal-informazzjoni u l-kollaborazzjoni bejn l-impriżi u organizzazzjonijiet oħra fir-raggruppament;

(t)

“servizzi ta' appoġġ għall-innovazzjoni” tfisser il-forniment ta' spazju għall-uffiċċji, banek tad-dejta, libreriji, ir-riċerka tas-suq, laboratorji, il-ħruġ ta' tikketta tal-kwalità, l-ittestjar u ċ-ċertifikazzjoni, bl-iskop li jiġu żviluppati prodotti, proċessi jew servizzi aktar effettivi;

(u)

“assi intanġibbli” tfisser assi li ma jkollhomx karattru fiżiku jew finanzjarju bħal privattivi, liċenzji, għarfien espert jew proprjetà intellettwali oħra;

(v)

“trasferiment tal-għarfien” tfisser kull proċess li għandu l-għan jakkwista, jiġbor u jikkondividi għarfien espliċitu u taċitu, inklużi ħiliet u kompetenza f'attivitajiet kemm ekonomiċi kif ukoll mhux ekonomiċi bħal kollaborazzjonijiet fir-riċerka, konsulenza, liċenzjar, ħolqien ta' effetti sekondarji, pubblikazzjoni u mobbiltà tar-riċerkaturi u l-persunal l-ieħor involut f'dawk l-attivitajiet. Minbarra l-għarfien xjentifiku u teknoloġiku, tinkludi tipi oħra ta' għarfien bħall-għarfien dwar l-użu tal-istandards u r-regolamenti li jinkorporawhom u dwar il-kundizzjonijiet tal-ambjenti operatorji fil-ħajja reali u metodi għall-innovazzjoni organizzattiva, kif ukoll l-immaniġġar tal-għarfien relatat mal-identifikazzjoni, l-akkwist, il-protezzjoni, id-difiża u l-isfruttament tal-assi intanġibbli;

(w)

“intrapriżi kbar” tfisser impriżi li ma jaqgħux fid-definizzjoni ta' intrapriżi żgħar u medji;

(x)

“spejjeż netti żejda” tfisser id-differenza bejn il-valuri preżenti netti mistennija tal-proġett jew l-attività megħjuna u investment vijabbli kontrofattwali li l-benefiċjarju kien iwettaq fl-assenza tal-għajnuna.

(y)

“innovazzjoni organizzattiva” tfisser l-implimentazzjoni ta' metodu organittiv ġdid fil-prassi tal-operat tal-intrapriża, l-organizzazzjoni fil-post tax-xogħol jew ir-relazzjonijiet esterni, minbarra bidliet li huma bbażati fuq metodi organizzattivi diġà użati fl-impriża, bidliet fl-istrateġija tal-maniġment, fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet, it-tmiem tal-użu ta' proċess, il-bdil jew l-estensjoni sempliċi tal-kapital, bidliet li jirriżultaw purament mill-bidliet fil-prezzijiet tal-fatturi, personalizzazzjoni, lokalizzazzjoni, bidliet regolari ċikliċi u staġonali oħrajn u l-kummerċ ta' prodotti ġodda jew imtejba b'mod sinifikanti;

(z)

“spejjeż tal-persunal” tfisser l-ispiża tar-riċerkaturi, it-tekniċi u l-persunal ta' appoġġ ieħor sal-punt li jkunu impjegati fuq il-proġett jew l-attività rilevanti;

(aa)

“akkwist prekummerċjali” tfisser l-akkwist pubbliku ta' servizzi ta' riċerka u żvilupp fejn l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti ma tirriżervax ir-riżultati u l-benefiċċji kollha tal-kuntratt għall-użu esklużiv tagħha fit-twettiq tal-operat tagħha, iżda tikkondividihom mal-fornituri skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Il-kuntratt, li l-għan tiegħu jaqa' f'xi kategorija waħda jew aktar tar-riċerka u l-iżvilupp definiti f'dawn il-linji gwida, irid ikun ta' żmien limitat u jista' jinkludi l-iżvilupp ta' prototipi jew volumi limitati tal-ewwel prodotti jew servizzi fil-forma ta' serje tal-ittestjar. Ix-xiri ta' volumi kummerċjali ta' prodotti jew servizzi ma jistax ikun għan tal-istess kuntratt;

(bb)

“innovazzjoni tal-proċess” tfisser l-implimentazzjoni ta' metodu ta' produzzjoni jew ta' twassil ġdid jew imtejjeb b'mod sinifikanti (inkluż tibdil sinifikanti fit-tekniki, it-tagħmir jew is-softwer), esklużi bidliet jew titjib minuri, żieda fil-kapaċitajiet ta' produzzjoni jew ta' servizz permezz taż-żieda fis-sistemi ta' manifattura jew loġistiċi li huma simili ħafna għal dawk li diġà qegħdin jintużaw, it-tmiem tal-użu ta' proċess, il-bdil jew l-estensjoni sempliċi tal-kapital, il-bidliet li jirriżultaw purament mill-bidliet fil-prezzijiet tal-fatturi, il-personalizzazzjoni, il-lokalizzazzjoni, bidliet staġjonali u ċikliċi oħra u kummerċ ta' prodotti ġodda jew imtejba b'mod sinifikanti;

(cc)

“Proġett ta' R&Ż” tfisser operazzjoni li tinkludi attivitajiet li jvarjaw minn kategorija waħda jew aktar ta' riċerka u żvilupp definiti f'dawn il-linji gwida, u li hija maħsuba biex twettaq ħidma indiviżibbli ta' natura ekonomika, xjentifika jew teknika preċiża, b'għanijiet definiti b'mod ċar minn qabel. Proġett ta' R&Ż jista' jikkonsisti f'diversi pakketti ta' ħidma, attivitajiet jew servizzi, u jinkludi miri ċari, attivitajiet li jridu jitwettqu biex jintlaħqu dawk il-miri (inklużi l-ispejjeż mistennija tagħhom), u riżultati konkreti biex jiġu identifikati r-riżultati ta' dawk l-attivitajiet u jitqabblu mal-miri rilevanti. Meta żewġ proġetti ta' R&Ż jew aktar ma jkunux separabbli minn xulxin b'mod ċar u b'mod partikolari meta ma jkollhomx probabbiltajiet indipendenti ta' suċċess teknoloġiku, jitqiesu bħala proġett wieħed;

(dd)

“self bil-quddiem li jitħallas lura” tfisser self għal proġett li jitħallas fi ħlas parzjali wieħed jew aktar u li l-kundizzjonijiet għar-rimborż tiegħu jiddependu fuq ir-riżultat tal-proġett;

(ee)

“organizzazzjoni ta' riċerka u tixrid tal-għarfien” jew “organizzazzjoni ta' riċerka” tfisser entità (bħal universitajiet jew istituti ta' riċerka, aġenziji tat-trasferiment tat-teknoloġija, intermedjarji tal-innovazzjoni, entitajiet kollaborattivi fiżiċi jew virtwali orjentati lejn ir-riċerka), irrispettivament mill-istatus legali tagħha (organizzata skont il-liġi pubblika jew privata) jew il-mod ta' finanzjament tagħha, li l-iskop ewlieni tagħha jkun li b'mod indipendenti twettaq riċerka fundamentali, riċerka industrijali jew żvilupp sperimentali jew li xxerred b'mod wiesa' r-riżultati ta' dawn l-attivitajiet permezz ta' tagħlim, pubblikazzjoni jew trasferiment tal-għarfien. Meta tali entità twettaq ukoll attivitajiet ekonomiċi, il-finanzjament, l-ispejjeż u d-dħul ta' dawk l-attivitajiet ekonomiċi għandhom ikunu kontabilizzati b'mod separat. Impriżi li jistgħu jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq entità bħal din, pereżempju fil-kapacità tagħhom bħala azzjonisti jew membri, ma jistgħux igawdu aċċess preferenzjali għar-riżultati ġenerati minnha;

(ff)

“infrastruttura tar-riċerka” tfisser faċilitajiet, riżorsi u servizzi relatati li jintużaw mill-komunità xjentifika sabiex issir riċerka fl-oqsma rispettivi tagħhom u tkopri tagħmir xjentifiku jew sett ta' strumenti, riżorsi bbażati fuq l-għarfien bħal ġabriet, arkivji jew informazzjoni xjentifika strutturata, infrastutturi ta' appoġġ ibbażati fuq it-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni bħall-grilja, l-informatika, is-softwer u l-komunikazzjoni, jew kull entità oħra ta' natura unika essenzjali għat-twettiq tar-riċerka. Tali infrastruttura tista' tkun “f'sit wieħed” jew “imqassma” (netwerk organizzat ta' riżorsi) (15);

(gg)

“sekondar” tfisser l-impjieg temporanju ta' persunal minn benefiċjarju bi dritt tal-persunal li jmur lura għand l-impjegatur ta' qabel;

(hh)

“intrapriżi żgħir u medji” jew “SMEs”, “intrapriżi żgħar” u “intrapriżi medji” tfisser impriżi li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fid-definizzjoni tal-Awtorità ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (16);

(ii)

“bidu tal-ħidma” jew “bidu tal-proġett” tfisser jew il-bidu tal-attivitajiet ta' R&Ż&I, jew l-ewwel ftehim bejn il-benefiċjarju u l-kuntratturi biex jitwettaq il-proġett, skont liema minnhom jiġi l-ewwel. Ħidma preparatorja, bħall-kisba ta' permessi u t-twettiq ta' studji ta' fattibbiltà ma jitqisux bħala l-bidu tal-ħidma;

(jj)

“assi tanġibbli” tfisser assi magħmula minn art, bini u impjanti, makkinarju u tagħmir.

2.   GĦAJNUNA MILL-ISTAT FIT-TIFSIRA TAL-ARTIKOLU 61(1) TAL-FTEHIM TAŻ-ZEE

16.

Ġeneralment kull miżura li tilħaq il-kriterji tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ZEE tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. L-Awtorità tiċċara f'din it-Taqsima kif tifhem il-kunċett tal-għajnuna f'sitwazzjonijiet li tipikament iseħħu fil-qasam tal-attivitajiet tar-R&Ż&I, mingħajr preġudizzju għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Qorti tal-EFTA.

2.1.   Organizzazzjonijiet ta' riċerka u tixrid tal-għarfien u infrastrutturi ta' riċerka bħala destinatarji tal-għajnuna mill-Istat

17.

L-organizzazzjonijiet tar-riċerka u t-tixrid tal-għarfien (“organizzazzjonijiet tar-riċerka”) u l-infrastrutturi tar-riċerka jkunu destinatarji ta' għajnuna mill-Istat jekk il-finanzjament pubbliku tagħhom jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ZEE. Skont il-każistika tal-Qorti tal-EFTA u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-benefiċjarju jrid jikkwalifika bħala impriża, iżda dik il-kwalifika ma tiddependix fuq l-istatus legali tiegħu, jiġifieri jekk huwiex organizzat skont il-liġi pubblika jew privata, jew fuq in-natura ekonomika tiegħu, jiġifieri jekk huwiex bi skop ta' profitt jew le. Minflok, il-fattur deċiżiv għal dik il-kwalifika bħala impriża huwa jekk iwettaqx attività ekonomika li tikkonsisti f'li joffri podotti jew servizzi f'suq partikolari (17).

2.1.1.   Finanzjament pubbliku għal attivitajiet mhux ekonomiċi

18.

Meta l-istess entità twettaq attivitajiet ta' natura kemm ekonomika kif ukoll mhux ekonomika, il-finanzjament pubbliku tal-attivitajiet mhux ekonomiċi mhux se jaqa' taħt l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ZEE, jekk iż-żewġ tipi ta' attivitajiet u l-ispejjeż, il-finanzjament u d-dħul tagħhom jista' jiġi sseparat b'mod li jiġi evitat b'mod effettiv it-transsussidjar tal-attività ekonomika. Evidenza tal-allokazzjoni dovuta tal-ispejjeż, il-finanzjament u d-dħul tista' tikkonsisti f'rapporti finanzjarji annwali tal-entità rilevanti.

19.

L-Awtorità tqis li l-attivitajiet li ġejjin huma ġeneralment ta' natura mhux ekonomika:

(a)

l-attivitajiet primarji tal-organizzazzjonijiet ta' riċerka u tal-infrastrutturi ta' riċerka, b'mod partikolari:

edukazzjoni għal riżorsi umani b'ħiliet aħjar u aktar kwalifikati. F'konformità mal-ġurisprudenza (18) u l-prassi deċiżjonali tal-Awtorità u l-Kummissjoni (19), u kif spjegat mill-Awtorità fil-komunikazzjonijiet tagħha dwar l-għajnuna mill-Istat (20), l-edukazzjoni pubblika organizzata fis-sistema edukattiva nazzjonali, iffinanzjata totalment jew fil-biċċa l-kbira tagħha mill-Istat u taħt is-superviżjoni tal-Istat titqies bħala attività mhux ekonomika (21);

R&Ż indipendenti għal aktar għarfien u fehim aħjar, fosthom R&Ż kollaborattivi fejn organizzazzjoni ta' riċerka jew infrastruttura ta' riċerka tinvolvi ruħha f'kollaborazzjoni effettiva (22);

tixrid wiesa' tar-riżultati tar-riċerka fuq bażi mhux esklużiva u mhux diskriminatorja, pereżempju tagħlim, bażijiet tad-dejta b'aċċess miftuħ, pubblikazzjonijiet miftuħa jew softwer miftuħ.

(b)

attivitajiet ta' trasferiment tal-għarfien, fejn isiru jew minn organizzazzjoni ta' riċerka jew infrastruttura ta' riċerka (inklużi d-dipartimenti jew is-sussidjarji tagħhom) jew flimkien ma', jew f'isem entitajiet oħra bħal dawn, u fejn il-profitt kollu minn dawk l-attivitajiet jiġi riinvestit fl-attivitajiet primarji tal-organizzazzjoni ta' riċerka jew tal-infrastruttura ta' riċerka. In-natura mhux ekonomika ta' dawk l-attivitajiet ma tiġix preġudikata billi l-forniment ta' servizzi korrispondenti jiġi kkuntrattat lil partijiet terzi permezz ta' sejħiet miftuħa għall-offerti.

20.

Meta organizzazzjoni ta' riċerka jew infrastruttura ta' riċerka tkun użata kemm għal attivitajiet ekonomiċi kif ukoll mhux ekonomiċi, il-finanzjament pubbliku jaqa' taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat biss sal-punt li dan ikopri spejjeż marbuta mal-attivitajiet ekonomiċi (23). Meta l-organizzazzjoni ta' riċerka jew l-infrastruttura ta' riċerka tkun użata kważi esklużivament għal attività mhux ekonomika, il-finanzjament kollu tagħha jista' ma jaqax taħt ir-regoli tal-għajnuna tal-istat, sakemm l-użu ekonomiku jibqa' purament anċillari, jiġifieri jikkorrispondi għal attività li hija direttament relatata ma' u neċessarja għall-operat tal-organizzazzjoni ta' riċerka jew l-infrastruttura ta' riċerka, jew ikun intrinsikament marbut mal-użu mhux ekonomiku ewlieni tagħha, u jkollu ambitu limitat. Għall-finijiet ta' dawn il-linji gwida, l-Awtorità se tikkunsidra li dan ikun il-każ meta l-attivitajiet ekonomiċi jikkunsmaw eżattament l-istess inputs (bħal materjal, tagħmir, xogħol u kapital fiss) bħall-attivitajiet mhux ekonomiċi u l-kapaċità allokata kull sena għal tali attivitajiet ekonomiċi ma taqbiżx l-20 % tal-kapaċità kumplessiva annwali tal-entità rilevanti.

2.1.2.   Finanzjament pubbliku ta' attivitajiet ekonomiċi

21.

Mingħajr preġudizzju għall-punt 20, meta organizzazzjonijiet ta' riċerka jew infrastrutturi ta' riċerka jintużaw biex jitwettqu attivitajiet ekonomiċi, bħall-kiri ta' tagħmir jew laboratorji lil impriżi, jipprovdu servizzi lil impriżi jew iwettqu riċerka b'kuntratt, il-finanzjament pubbliku ta' dawk l-attivitajiet ekonomiċi ġeneralment jitqies bħala għajnuna mill-Istat.

22.

Madankollu, l-Awtorità ma tqisx l-organizzazzjoni ta' riċerka jew l-infrastruttura ta' riċerka bħala benefiċjarja ta' għajnuna mill-Istat jekk taġixxi biss bħala sempliċi intermedjarju li jgħaddi t-totalità tal-finanzjament pubbliku u kull vantaġġ miksub permezz ta' dak il-finanzjament lid-destinatarji finali. Dan huwa ġeneralment il-każ meta:

(a)

kemm il-finanzjament pubbliku kif ukoll kull vantaġġ miksub permezz ta' tali finanzjament ikunu kwantifikabbli u dimostrabbli, u jkun hemm mekkaniżmu xieraq li jiżgura li dawn jiġu mgħoddija kollha lid-destinatarji finali, pereżempju permezz ta' tnaqqis fil-prezzijiet, u

(b)

ma jingħata l-ebda vantaġġ ieħor lill-intermedjarju minħabba li jintgħażel permezz ta' proċedura miftuħa ta' sejħa għall-offerti jew billi l-finanzjament pubbliku jkun disponibbli għall-entitajiet kollha li jissodisfaw l-kundizzjonijiet oġġettivi meħtieġa, sabiex il-konsumaturi, bħala d-destinatarji aħħarija jkunu intitolati jakkwistaw servizzi ekwivalenti mingħand kull intermedjarju rilevanti.

23.

Meta l-kundizzjonijiet fil-punt 22 jiġu ssodisfati, japplikaw ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-livell tal-benefiċjajri aħħarija.

2.2.   Għajnuna mill-istat indiretta lil impriżi permezz ta' organizzazzjonijiet ta' riċerka u tixrid tal-għarfien u infrastrutturi ta' riċerka ffinanzjati b'fondi pubbliċi

24.

Il-mistoqsija ta' jekk u f'liema kundizzjonijiet l-impriżi jiksbu vantaġġ skont it-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ZEE f'każijiet ta' riċerka kuntrattwali jew servizzi ta' riċerka provduti minn organizzazzjoni ta' riċerka jew minn infrastruttura ta' riċerka, kif ukoll f'każijiet ta' kollaborazzjoni ma' organizzazzjoni ta' riċerka jew infrastrutturi ta' riċerka trid titwieġeb skont il-prinċipji ġenerali tal-għajnuna mill-Istat. Għal dan l-għan, jista' b'mod partikolari jkun meħtieġ li jiġi vvalutat jekk l-imġiba tal-organizzazzjoni ta' riċerka jew tal-infrastrutturi ta' riċerka tistax tiġi attribwita lill-Istat (24).

2.2.1.   Riċerka f'isem impriżi (riċerka kuntrattwali jew servizzi ta' riċerka)

25.

Meta organizzazzjoni ta' riċerka jew infrastruttura ta' riċerka tintuża biex titwettaq riċerka kuntrattwali jew biex tipprovdi servizzi ta' riċerka lil xi impriża, li tipikament tispeċifika t-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt, tippossjedi r-riżultati tal-attivitajiet ta' riċerka, u ġġorr ir-riskju ta' falliment, normalment l-ebda għajnuna mill-Istat ma tiġi ttrasferita lill-impriża jekk l-organizzazzjoni ta' riċerka jew l-infrastruttura tar-riċerka tirċievi ħlas ta' rimunerazzjoni adegwata għas-servizzi tagħha, partikolarment meta tkun issodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-organizzazzjoni ta' riċerka jew l-infrastruttura ta' riċerka tipprovdi s-servizz ta' riċerka jew riċerka kuntrattwali tagħha bil-prezz tas-suq (25), jew

(b)

meta ma jkunx hemm prezz tas-suq, l-organizzazzjoni ta' riċerka jew l-infrastruttura ta' riċerka tipprovdi s-servizz ta' riċerka jew riċerka b'kuntratt tagħha bi prezz li:

jirrifletti l-ispejjeż kollha tas-servizz u ġeneralment jinkludi marġini stabbilit permezz ta' referenza għal marġini komunament applikati minn impriżi attivi fis-settur tas-servizz konċernat, jew

ikun ir-riżultat ta' negozjati distakkati fejn l-organizzazzjoni ta' riċerka jew l-infrastruttura ta' riċerka, fil-kapaċità tagħha ta' fornitur ta' servizz, tinnegozja sabiex tikseb il-benefiċċju ekonomiku massimu fiż-żmien meta jiġi konkluż il-kuntratt u jkopri mill-inqas l-ispejjeż marġinali tagħha.

26.

Meta s-sjieda tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (“DPI”) jew id-drittijiet ta' aċċess għalihom jibqgħu għand l-organizzazzjoni ta' riċerka jew l-infrastruttura ta' riċerka, il-valur tas-suq tagħhom jista' jitnaqqas mill-prezz pagabbli għas-servizzi kkonċernati.

2.2.2.   Kollaborazzjoni ma' impriżi

27.

Proġett jitqies li twettaq permezz ta' kollaborazzjoni effettiva meta mill-inqas żewġ partijiet indipendenti jaħdmu għall-istess għan komuni billi jaqsmu x-xogħol u flimkien jiddefinixxu l-ambitu tiegħu, jipparteċipaw fid-disinn tiegħu, jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tiegħu u jaqsmu r-riskji finanzjarji, teknoloġiċi, xjentifiċi u oħra tiegħu, kif ukoll ir-riżultati tiegħu. Parti waħda jew aktar jistgħu jġorru l-ispejjeż kollha tal-proġett u b'hekk jeħilsu lill-partijiet l-oħra mir-riskji finanzjarji tiegħu. It-termini u l-kundizzjonijiet ta' proġett ta' kollaborazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet għall-ispejjeż tiegħu, il-kondiviżjoni tar-riskji u tar-riżultati, it-tixrid tar-riżultati, l-aċċess għad-DPI u r-regoli tal-allokazzjoni tagħhom, iridu jiġu konklużi qabel jibda l-proġett (26). Riċerka kuntrattwali u l-forniment ta' servizzi ta' riċerka mhumiex meqjusa li huma forom ta' kollaborazzjoni.

28.

Meta proġetti ta' kollaborazzjoni jitwettqu konġuntament minn impriżi u organizzazzjonijiet ta' riċerka jew infrastrutturi ta' riċerka, l-Awtorità tqis li ma ngħatatx għajnuna indiretta mill-Istat lill-impriżi parteċipanti permezz ta' dawn l-entitajiet minħabba kundizzjonijiet favorevoli tal-kollaborazzjoni jekk tintlaħaq waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-impriża parteċipanti terfa' l-ispiża sħiħa tal-proġett, jew

(b)

ir-riżultati tal-kollaborazzjoni li ma jwasslux għal DPI ikunu jistgħu jiġu mxerrda ma' kulħadd u kull DPI li jirriżultaw mill-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet ta' riċerka jew ta' infrastrutturi ta' riċerka jiġu allokati kollha lil dawk l-entitajiet, jew

(c)

kull DPI li jirriżultaw mill-proġett, kif ukoll drittijiet ta' aċċess relatati jiġu allokati lil sħab differenti fil-kollaborazzjoni b'mod li jirrifletti adegwament il-pakketti ta' ħidma, il-kontribuzzjonijiet u l-interessi rispettivi tagħhom, jew

(d)

l-organizzazzjonijiet ta' riċerka jew l-infrastrutturi ta' riċerka jirċievu kumpens ekwivalenti għall-prezz tas-suq għad-DPI li jirriżultaw mill-attivitajiet tagħhom u li jiġu assenjati lill-impriżi parteċipanti, jew li l-impriżi parteċipanti jiġu allokati drittijiet ta' aċċess għalihom. L-ammont assolut tal-valur ta' kull kontribuzzjoni, kemm finanzjarja kif ukoll mhux finanzjarja, tal-impriżi parteċipanti fl-ispejjeż tal-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet ta' riċerka jew tal-infrastrutturi ta' riċerka li rriżultaw fid-DPI konċernati, jista' jitnaqqas minn dak il-kumpens.

29.

Għall-fini tal-punt 28(d), l-Awtorità tqis li l-kumpens irċevut huwa ekwivalenti għall-prezz tas-suq jekk jippermetti lill-organizzazzjonijiet ta' riċerka jew l-infrastrutturi ta' riċerka konċernati jgawdu l-benefiċċju ekonomiku sħiħ ta' dawk id-drittijiet, meta tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-ammont tal-kumpens ikun ġie stabbilit permezz ta' proċedura ta' bejgħ miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja u kompetittiva, jew

(b)

valwazzjoni indipendenti minn espert tikkonferma li l-ammont tal-kumpens huwa mill-inqas ekwivalenti għall-prezz tas-suq, jew

(c)

l-organizzazzjoni ta' riċerka jew l-infrastruttura ta' riċerka, bħala bejjiegħ, tista' turi li tkun effettivament innegozjat il-kumpens, b'kundizzjonijiet ta' distakk, sabiex tikseb il-benefiċċju ekonomiku massimu fil-mument meta jkun konkluż il-kuntratt, filwaqt li jitqiesu l-objettivi statutorji tagħha, jew

(d)

f'każijiet fejn il-ftehim ta' kollaborazzjoni jipprovdi lill-impriża li tkun qed tikkollabora bid-dritt tal-ewwel rifjut fir-rigward tad-DPI ġġenerati mill-organizzazzjonijiet ta' riċerka jew mill-infrastrutturi ta' riċerka li jkunu qed jikkollaboraw, meta dawk l-entitajiet jeżerċitaw dritt reċiproku li jissolliċitaw offerti ekonomikament aktar vantaġġużi minn partijiet terzi biex l-impriża li tkun qed tikkollabora jkollha żżid l-offerta tagħha skont dan.

30.

Jekk l-ebda kundizzjoni fil-punt 28 ma tkun issodisfata, il-valur sħiħ tal-kontribuzzjoni tal-organizzazzjonijiet ta' riċerka jew tal-infrastrutturi ta' riċerka lill-proġett jitqiesu bħala vantaġġ għall-impriżi li jkunu qed jikkollaboraw, li għalih japplikaw ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat.

2.3.   Akkwist pubbliku ta' servizzi ta' riċerka u żvilupp

31.

L-akkwirenti pubbliċi jistgħu jakkwistaw servizzi ta' riċerka u żvilupp mingħand impriżi kemm permezz ta' żvilupp esklużiv kif ukoll permezz ta' proċeduri ta' akkwist prekummerċjali (27).

32.

Sakemm titwettaq proċedura miftuħa ta' sejħa għall-offerti għall-akkwist pubbliku skont id-direttivi applikabbli (28), l-Awtorità ġeneralment tqis li ma ngħatatx għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ZEE lill-impriżi li jfornu s-servizzi rilevanti (29).

33.

Fil-każijiet l-oħra kollha, inkluż l-akkwist pubbliku prekummerċjali, l-Awtorità tqis li ma ngħatatx għajnuna mill-Istat lill-impriżi meta l-prezz imħallas għas-servizzi rilevanti jirrifletti bis-sħiħ il-valur tas-suq tal-benefiċċji li jirċievi l-akkwirent pubbliku u tar-riskji meħuda mill-fornituri parteċipanti, b'mod partikolari meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-proċedura tal-għażla tkun miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja, u tkun ibbażata fuq għażla oġġettiva u kriterji tal-għoti speċifikati qabel il-proċedura tal-offerti,

(b)

l-arranġamenti kuntrattwali previsti li jiddeskrivu d-drittijiet u l-obbligi kollha tal-partijiet, inkluż fir-rigward tad-DPI, ikunu disponibbli għall-offerenti interessati kollha qabel il-proċedura tal-offerti,

(c)

l-akkwist pubbliku ma jagħti l-ebda trattament preferenzjali lil ebda fornitur parteċipant fil-provvista ta' volumi kummerċjali tal-prodotti jew is-servizzi finali lill-akkwirent pubbliku fl-Istat tal-EFTA kkonċernat (30), u

(d)

tkun issodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

ir-riżultati kollha li ma joħolqux DPI jkunu jistgħu jiġu mxerrda ma' kulħadd, pereżempju permezz ta' pubblikazzjoni, tagħlim jew kontribuzzjoni lill-korpi ta' standardizzazzjoni b'mod li jippermetti lil impriżi oħra jirripproduċuhom, u kwalunkwe DPI jiġi allokat bis-sħiħ lill-akkwirent pubbliku, jew

kull fornitur tas-servizzi li jingħatawlu riżultati li joħolqu DPI jkun meħtieġ jagħti lill-akkwirent pubbliku aċċess bla limitu għal dawn ir-riżultati mingħajr ħlas, u li jagħti aċċess lil partijiet terzi, pereżempju permezz ta' liċenzji mhux esklużivi, skont il-kundizzjonijiet tas-suq.

34.

Meta l-kundizzjonijiet fil-punt 33 ma jkunux issodisfati, l-Istati tal-EFTA jistgħu jużaw valutazzjoni individwali tat-termini tal-kuntratt bejn l-akkwirent pubbliku u l-impriża, mingħajr preġudizzju għall-obbligu ġenerali li tiġi nnotifikata għajnuna R&Ż&I skont l-Artikolu 1(3) tal-Parti I tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti.

3.   IL-PRINĊIPJI KOMUNI TAL-VALUTAZZJONI

35.

Fil-valutazzjoni tagħha jekk miżura ta' għajnuna nnotifikata tistax titqies kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ZEE, l-Awtorità ġeneralment tanalizza jekk it-tfassil tal-miżura ta' għajnuna jiżgurax li l-impatt pożittiv tal-għajnuna għall-kisba ta' objettiv ta' interess komuni jkunx jeċċedi l-effetti negattivi potenzjali tagħha fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni.

36.

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Mejju 2012 dwar l-immodernizzar tal-għajnuna mill-Istat talbet għall-identifikazzjoni u d-definizzjoni tal-prinċipji komuni applikabbli għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri kollha ta' għajnuna. L-Awtorità tirrikonoxxi dawn il-prinċipji komuni u se tikkunsidra li miżura ta' għajnuna tkun kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ZEE biss jekk tissodisfa l-kriterji kollha li ġejjin:

(a)    kontribuzzjoni għall-objettiv ta' interess komuni definit sew : miżura ta' għajnuna mill-Istat għandha timmira għal objettiv ta' interess komuni skont l-Artikolu 61(3) tal-Ftehim taż-ZEE (it-Taqsima 4.1).

(b)    ħtieġa għal intervent mill-istat : miżura ta' għajnuna mill-Istat trid tkun immirata lejn sitwazzjoni fejn l-għajnuna tista' ġġib titjib materjali li s-suq innifsu ma jkunx jista' jikseb, pereżempju billi jiġi rrimedjat falliment tas-suq jew jiġi indirizzat tħassib dwar l-ekwità jew il-koeżjoni (it-Taqsima 4.2).

(c)    adegwatezza tal-miżura ta' għajnuna : il-miżura ta' għajnuna proposta trid tkun strument politiku xieraq biex jindirizza l-objettiv ta' interess komuni (it-Taqsima 4.3).

(d)    effett ta' inċentiv : l-għajnuna trid tbiddel l-imġiba tal-impriża/i konċernata/i b'tali mod li din/dawn tinvolvi/jinvolvu ruħha/ruħhom f'attività addizzjonali li li kieku ma tkunx/jkunu tista'/jistgħu tagħmel/jagħmlu mingħajr l-għajnuna jew li tkun/jkunu tista'/jistgħu tagħmilha/jagħmluha biss b'mod ristrett jew differenti jew f'post ieħor (it-Taqsima 4.4).

(e)    proporzjonalità tal-għajnuna (minimu ta' għajnuna) : l-ammont u l-intensità tal-għajnuna jridu jkunu limitati għall-minimu meħtieġ biex jistimula investiment jew attività addizzjonali mill-impriża/i konċernata/i (it-Taqsima 4.5).

(f)    l-evitar ta' effetti negattivi mhux dovuti fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti : l-effetti negattivi tal-għajnuna għandhom ikunu limitati suffiċjentement, sabiex il-bilanċ globali tal-miżura jkun pożittiv (it-Taqsima 4.6).

(g)    it-trasparenza tal-għajnuna : l-Istati tal-EFTA, l-Awtorità, l-operaturi ekonomiċi u l-pubbliku għandu jkollhom aċċess faċli għall-atti rilevanti kollha u għall-informazzjoni pertinenti dwar l-għajnuna mogħtija skont dawn (it-Taqsima 4.7).

37.

Il-bilanċ kumplessiv ta' ċerti kategoriji ta' skemi ta' għajnuna jista' jiġi soġġett ukoll għal rekwiżit ta' evalwazzjoni ex post kif deskritt fit-Taqsima 5. F'każijiet bħal dawn, l-Awtorità tista' tillimita t-tul ta' żmien ta' dawn l-iskemi (normalment għal erba' snin jew inqas) bil-possibbiltà li tinnotifika mill-ġdid l-estensjoni ulterjuri tagħhom.

38.

Jekk miżura ta' għajnuna mill-Istat jew il-kundizzjonijiet marbutin magħha (inkluż il-metodu ta' ffinanzjar meta jkun jifforma parti integrali mill-miżura) jkunu jinvolvu ksur mhux separabbli tal-Ftehim taż-ZEE, l-għajnuna ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ZEE (31).

39.

Hi u tivvaluta l-kompatibbiltà ta' kull għajnuna individwali mal-Ftehim taż-ZEE, l-Awtorità se tieħu inkunsiderazzjoni l-proċedimenti kollha li jikkonċernaw ksur tal-Artikolu 53 jew 54 tal-Ftehim taż-ZEE li jista' jirrigwarda lill-benefiċjarju tal-għajnuna u li jista' jkun rilevanti għall-valutazzjoni tal-għajnuna skont l-Artikolu 61(3) tal-Ftehim taż-ZEE (32).

4.   VALUTAZZJONI TAL-KOMPATIBBILTÀ TA' GĦAJNUNA GĦAR-R&Ż&I

40.

L-għajnuna mill-Istat għar-R&Ż&I tista' tiġi ddikjarata kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ZEE skont it-tifsira tal-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim taż-ZEE meta, fuq il-bażi tal-prinċipji komuni ta' valutazzjoni stabbiliti fit-Taqsima 3, twassal għal żieda fl-attivitajiet ta' R&Ż&I mingħajr ma taffettwa ħażin il-kundizzjonijiet tal-kummerċ b'mod li jmur kontra l-interess komuni.

41.

F'din it-taqsima, l-Awtorità tiċċara kif se tapplika dawk il-prinċipji komuni ta' valutazzjoni u, fejn applikabbli, tistabbilixxi kundizzjonijiet speċifiċi għall-iskemi ta' għajnuna u oħrajn addizzjonali għall-għajnuna individwali li huma soġġetti għall-obbligu ta' notifika (33).

4.1.   Il-kontribut lejn objettiv ta' interess komuni li huwa definit sew

4.1.1.   Il-kundizzjonijiet ġenerali

42.

L-objettiv ġenerali tal-għajnuna tar-R&Ż&I huwa l-promozzjoni tar-R&Ż&I fiż-ŻEE. B'hekk, l-għajnuna tar-R&Ż&I għandha tikkontribwixxi biex jinkisbu l-objettivi msemmija mill-Kummissjoni fl-istrateġija tagħha Ewropa 2020 ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

43.

L-Istati tal-EFTA li qed jikkunsidraw li jagħtu għajnuna mill-Istat għar-R&Ż&I jridu jiddefinixxu preċiżament l-objettiv li qed jimmiraw għalih, u b'mod partikolari jispjegaw kif il-miżura biħsiebha tippromwovi r-R&Ż&I.

44.

Fir-rigward tal-iskemi ta' għajnuna soġġetti għall-obbligu ta' notifka (“skemi ta' għajnuna notifikabbli”), l-Awtorità tifforma opinjoni favorevoli ta' miżuri tal-għajnuna li jkunu parti integrali minn programm jew pjan ta' azzjoni komprensiv biex jiġu stimulati l-attivitajiet ta' R&Ż&I jew strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti, u jkunu sostnuti b'evalwazzjonijiet rigorużi ta' miżuri ta' għajnuna simili fl-imgħoddi li juru l-effettività tagħhom.

45.

Fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat mogħtija għal proġetti jew attivitajiet li huma wkoll iffinanzjati minn wieħed mill-programmi tal-Unjoni inkorporati fil-Ftehim taż-ZEE (34), l-Awtorità tqis li l-kontribuzzjoni għal objettiv definit tajjeb ta' interess komuni tkun ġiet stabbilita.

4.1.2.   Kundizzjonijiet addizzjonali għal għajnuna individwali

46.

Biex juru li l-għajnuna individwali soġġetta għall-obbligu ta' notifika (“għajnuna individwali notifikabbli”) tikkontribwixxi biex jiżdied il-livell tal-attivitajiet ta' R&Ż&I, l-Istati tal-EFTA jistgħu jużaw l-indikaturi li ġejjin, flimkien ma' elementi kwantitattivi jew kwalitattivi oħra rilevanti:

(a)    żieda fid-daqs tal-proġett : żieda fl-ispejjeż totali tal-proġett (mingħajr tnaqqis fl-infiq mill-benefiċjarju tal-għajnuna meta mqabbel mas-sitwazzjoni mingħajr għajnuna); żieda fl-għadd ta' nies assenjati għal attivitajiet ta' R&Ż&I;

(b)    żieda fl-ambitu : żieda fl-għadd ta' riżultati konkreti mistennija mill-proġett; żieda fil-livell ta' ambizzjoni tal-proġett evidenzjata minn għadd akbar ta' sħab involuti, probabbiltà ogħla ta' avvanzi deċiżivi xjentifiċi jew teknoloġiċi jew riskju ogħla ta' falliment (notevolment b'rabta man-natura fit-tul tal-proġett u l-inċertezza dwar ir-riżultati tiegħu);

(c)    tnaqqis taż-żmien meħtieġ : ikun meħtieġ inqas żmien biex jitlesta l-proġett meta mqabbel maż-żmien meħtieġ biex jitlesta l-istess proġett mingħajr għajnuna;

(d)    żieda fl-ammont totali minfuq : żieda fl-infiq totali għar-R&Ż&I mill-benefiċjarju tal-għajnuna, f'termini assoluti jew bħala proporzjon tal-fatturat; bidliet fil-baġit impenjat għall-proġett (mingħajr tnaqqis korrispondenti fil-baġit allokat għal proġetti oħra).

47.

Sabiex jiġi konkluż li l-għajnuna tikkontribwixxi għaż-żieda fil-livell tar-R&Ż&I fiż-ŻEE, l-Awtorità mhux se tqis biss iż-żieda netta fir-R&Ż&I mwettqa mill-impriża, iżda wkoll il-kontribuzzjoni tal-għajnuna għaż-żieda kumplessiva fl-infiq għar-R&Ż&I fis-settur ikkonċernat, kif ukoll għat-titjib tas-sitwazzjoni taż-ŻEE fir-rigward tar-R&Ż&I fil-kuntest internazzjonali. Tiġi ffurmata opinjoni favorevoli fir-rigward ta' miżuri ta' għajnuna, li għalihom tkun maħsuba evalwazzjoni ex post tal-kontribut tagħhom għall-interess komuni u li tkun disponibbli pubblikament.

4.2.   Ħtieġa ta' intervent mill-istat

4.2.1.   Il-kundizzjonijiet ġenerali

48.

Kif spjegat fit-Taqsima 3, l-għajnuna mill-Istat tista' tkun neċessarja biex tiżdied ir-R&Ż&I fiż-ŻEE f'sitwazzjoni fejn is-suq waħdu, jonqos milli jagħti riżultati effiċjenti. Sabiex jiġi vvalutat jekk l-għajnuna mill-Istat hijiex effettiva biex jintlaħaq l-objettiv ta' interess komuni, l-ewwel huwa meħtieġ li tiġi identifikata l-problema li hemm bżonn tiġi indirizzata. L-għajnuna mill-Istat għandha tkun immirata lejn sitwazzjonijiet fejn tista' ġġib titjib materjali li s-suq waħdu ma jistax iġib. L-Istati tal-EFTA għandhom jispjegaw kif il-miżura ta' għajnuna tista' timmitiga b'mod effikaċi l-fallimenti tas-suq assoċjati mal-ilħiq tal-objettiv ta' interess komuni mingħajr dik l-għajnuna.

49.

Ir-R&Ż&I jitwettqu permezz ta' serje ta' attivitajiet, li normalment ikollhom pożizzjoni upstream għal għadd ta' swieq ta' prodotti, u li jisfruttaw il-kapaċitajiet disponibbli biex jiġu żviluppati prodotti, servizzi u proċessi ġodda jew aħjar f'dawn is-swieq ta' prodotti jew fi swieq kompletament ġodda, u b'hekk irawmu t-tkabbir ekonomiku u jikkontribwixxu għall-koeżjoni territorjali u soċjali jew jippromwovu l-interessi ġenerali tal-konsumaturi. Madankollu, fid-dawl tal-kapaċitajiet disponibbli ta' R&Ż&I, il-fallimenti tas-suq jistgħu jkunu ta' ostaklu biex jintlaħqu riżultati ottimali u jistgħu jwasslu għal riżultati ineffiċjenti minħabba r-raġunijiet li ġejjin:

—    fatturi esterni pożittivi/tixrid ta' għarfien : Ir-R&Ż&I ta' spiss jiġġeneraw benefiċċji għas-soċjetà fil-forma ta' effetti konsegwenzjali pożittivi, pereżempju effetti konsegwenzjali fuq l-għarfien jew opportunitajiet aħjar biex atturi ekonomiċi oħra jiżviluppaw prodotti u servizzi komplementari. Madankollu, meta jitħallew f'idejn is-suq, għadd ta' proġetti jista' jkollhom rata ta' qligħ mhux attraenti mill-perspettiva privata, anki jekk il-proġetti jkunu ta' benefiċċju għas-soċjetà, minħabba li impriżi li jfittxu l-profitt ma jistgħux japproprjaw biżżejjed il-benefiċċju tal-azzjonijiet tagħhom meta jiddeċiedu dwar l-ammont ta' R&Ż&I li għandhom iwettqu. Għajnuna mill-istat tista' għalhekk tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta' proġetti li jwasslu għal benefiċċju soċjetali jew ekonomiku kumplessiv u li kieku ma jitwettqux.

Madankollu, il-benefiċċji tar-R&Ż&I la huma kollha esternalitajiet ta' attivitajiet u lanqas il-preżenza weħidha ta' esternalitajiet ma tfisser awtomatikament li l-għajnuna mill-Istat hija kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ZEE. B'mod ġenerali, il-konsumaturi jkunu lesti jħallsu għall-benefiċċju dirett ta' prodotti u servizzi ġodda filwaqt li l-kumpaniji jistgħu japproprjaw il-benefiċċji mill-investiment tagħhom permezz ta' strumenti eżistenti oħra, bħad-DPI. F'xi każijiet, madankollu, dawk il-mezzi mhumiex perfetti u jħallu falliment tas-suq residwu li jista' jiġi kkoreġut bl-għajnuna mill-Istat. Pereżempju, kif inhuwa argumentat ta' spiss għar-riċerka fundamentali, jista' jkun diffiċli li terzi jiġu esklużi milli jiksbu aċċess għar-riżultati ta' xi attivitajiet, li għalhekk jistgħu jkollhom karatteristiċi ta' ġid pubbliku. Min-naħa l-oħra, għarfien aktar speċifiku marbut mal-produzzjoni jista' ta' spiss ikun protett sew, pereżempju permezz ta' privattivi, u dan jippermetti lill-inventur jikseb qligħ ogħla fuq l-invenzjoni;

—    informazzjoni imperfetta u asimetrika : L-attivitajiet ta' R&Ż&I huma kkaratterizzati minn livell għoli ta' inċertezza. F'ċerti ċirkostanzi, minħabba informazzjoni imperfetta u asimmetrika, l-investituri privati jistgħu ma jkunux daqshekk ħerqana jiffinanzjaw proġetti ta' siwi u ħaddiema bi kwalifiki għoljin jistgħu ma jkunux konxji mill-possibbiltajiet ta' reklutaġġ f'impriżi innovattivi. B'riżultat, l-allokazzjoni ta' riżorsi umani u finanzjarji tista' ma tkunx adegwata u proġetti li jistgħu jkunu ta' siwi għas-soċjetà jew l-ekonomija jistgħu ma jitwettqux.

F'ċerti każijiet, informazzjoni imperfetta u asimmetrika tista' wkoll tfixkel l-aċċess għall-finanzi. Madankollu, informazzjoni imperfetta u l-preżenza ta' riskju ma jiġġustifikawx awtomatikament il-ħtieġa għal għajnuna mill-Istat. Proġetti b'redditu fuq l-investiment privat anqas li mhux qed jiġu ffinanzjati jistgħu jkunu sinjal ta' effiċjenza tas-suq. Barra minn hekk, ir-riskju huwa parti minn kull attività kummerċjali u mhuwiex falliment tas-suq fih innifsu. Madankollu, f'kuntest ta' informazzjoni asimmetrika, ir-riskju jista' jaggrava l-problemi ta' finanzjament;

—    koordinazzjoni u fallimenti tan-netwerk : il-ħila tal-impriżi li jikkoordinaw ma' xulxin jew li jinteraġixxu flimkien biex iwettqu R&Ż&I tista' tiġi mfixkla minħabba diversi raġunijiet, inklużi diffikultajiet fil-koordinazzjoni bejn għadd kbir ta' sħab fil-kollaborazzjoni meta xi wħud minnhom ikollhom interessi diverġenti, problemi fit-tfassil ta' kuntratti, u diffikultajiet fil-koordinazzjoni tal-kollaborazzjoni minħabba li pereżempju tiġi kondiviża informazzjoni sensittiva.

4.2.2.   Kundizzjonijiet addizzjonali għal għajnuna individwali

50.

Filwaqt li ċerti fallimenti tas-suq jistgħu jtellfu l-livell kumplessiv tar-R&Ż&I fiż-ŻEE, mhux l-impriżi u s-setturi kollha tal-ekonomija jiġu affettwati minnhom bl-istess grad. Konsegwentement, għal għajnuna individwali notifikabbli, l-Istati tal-EFTA għandhom jipprovdu informazzjoni xierqa dwar jekk l-għajnuna tindirizzax falliment tas-suq ġenerali fir-rigward tar-R&Ż&I fiż-ŻEE, jew falliment ta' suq speċifiku fir-rigward ta' pereżempju settur jew linja kummerċjali partikolari.

51.

Skont il-falliment tas-suq speċifiku li jkun se jiġi indirizzat, l-Awtorità tqis l-elementi li ġejjin:

—    effetti konsegwenzjali tal-għarfien : il-livell previst ta' tixrid ta' għarfien; l-ispeċifiċità tal-għarfien iġġenerat; id-disponibilità tal-protezzjoni tad-DPI; il-grad ta' kumplimentarjetà ma' prodotti u servizzi oħra;

—    informazzjoni imperfetta u asimmetrika : il-livell ta' riskju u l-kumplessità tal-attivitajiet ta' R&Ż&I; il-ħtieġa ta' finanzi esterni; il-karatteristiċi tal-benefiċjarju tal-għajnuna fir-rigward tal-aċċess għal finanzi esterni;

—    nuqqasijiet fil-koordinazzjoni : l-għadd ta' impriżi li qed jikkollaboraw; l-intensità tal-kollaborazzjoni; interessi diverġenti bejn is-sħab fil-kollaborazzjoni; problemi fit-tfassil tal-kuntratti; problemi fil-koordinazzjoni tal-kollaborazzjoni.

52.

Fl-analiżi tagħha ta' allegat falliment tas-suq l-Awtorità tqis, b'mod partikolari kull paragun settorjali disponibbli u studji oħra, li għandhom jiġu pprovduti mill-Istat tal-EFTA kkonċernat.

53.

Meta jinnotifikaw investiment jew għajnuna operazzjonali għal raggruppamenti, l-Istati tal-EFTA jridu jipprovdu informazzjoni dwar l-ispeċjalizzazzjoni ppjanata jew mistennija tar-raggruppament tal-innovazzjoni, il-potenzjal reġjonali eżistenti u l-preżenza ta' raggruppamenti b'għanijiet simili fiż-ŻEE.

54.

Fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat mogħtija għal proġetti jew attivitajiet li huma wkoll iffinanzjati minn wieħed mill-programmi tal-Unjoni inkorporati fil-Ftehim taż-ZEE (35), l-Awtorità tqis li li l-ħtieġa għal intervent tal-istat tkun ġiet stabbilita.

55.

Min-naħa l-oħra, meta l-għajnuna mill-Istat tingħata għal proġetti jew attivitajiet li, fir-rigward tal-kontenut teknoloġiku, il-livell ta' riskju u d-daqs, huma simili għal dawk li diġà qed jitwettqu bil-kundizzjonijiet tas-suq fiż-ŻEE, fil-prinċipju l-Awtorità tassumi li ma jeżistix falliment tas-suq u titlob aktar evidenza u ġustifikazzjoni għall-ħtieġa ta' intervent mill-istat.

4.3.   L-adegwatezza tal-miżura tal-għajnuna

4.3.1.   L-adegwatezza fost strumenti ta' politika alternattivi

56.

L-għajnuna mill-Istat mhijiex l-uniku strument politiku disponibbli għall-Istati tal-EFTA biex jippromwovu l-attivitajiet ta' R&Ż&I. Huwa importanti li wieħed iżomm f'moħħu li jista' jkun hemm strumenti oħrajn u aħjar bħal miżuri fuq in-naħa tad-domanda li jinvolvu regolamentazzjoni, akkwist pubbliku jew standardizzazzjoni, kif ukoll żieda fil-finanzjament tar-riċerka pubblika u l-edukazzjoni u miżuri fiskali ġenerali. L-adegwatezza ta' strument politiku f'sitwazzjoni partikolari normalment tkun relatata mat-tip ta' problema li tkun qed tiġi indirizzata. Pereżempju, it-tnaqqis tal-ostakli tas-suq jista' jkun aktar adegwat mill-għajnuna mill-Istat biex tiġi indirizzata d-diffikultà ta' parteċipanti ġodda sabiex jipproduċu riżultati xierqa ta' R&Ż&I. Iż-żieda fl-investiment fl-edukazzjoni tista' tkun aktar xierqa biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' persunal kwalifikat milli l-għoti ta' għajnuna mill-Istat.

57.

Għajnuna għar-R&Ż&I tista' tiġi awtorizzata bħala eċċezzjoni għall-projbizzjoni ġenerali tal-għajnuna mill-Istat, meta jkun meħtieġ li jintlaħaq għan ta' interess komuni. Element importanti f'dan ir-rigward għalhekk huwa jekk u sa liema punt l-għajnuna mill-Istat għar-R&Ż&I tista' titqies strument xieraq sabiex jiżdiedu l-attivitajiet ta' R&Ż&I, peress li strumenti oħra li jikkawżaw inqas distorsjoni jistgħu jiksbu l-istess riżultati.

58.

Fl-analiżi tal-kompatibbiltà, l-Awtorità tikkunsidra b'mod partikolari kull valutazzjoni tal-impatt tal-miżura proposta li jwettaq l-Istat tal-EFTA kkonċernat. Miżuri, li għalihom l-Istat tal-EFTA jkun qies alternattivi ta' politika oħra u li għalihom il-vantaġġi li jintuża strument selettiv bħal għajnuna mill-Istat huma stabbiliti u sottomessi lill-Awtorità, jitqiesu li jikkostitwixxu strument xieraq.

59.

Fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat mogħtija għal proġetti jew attivitajiet li huma wkoll iffinanzjati minn wieħed mill-programmi tal-Unjoni inkorporati fil-Ftehim taż-ZEE (36), l-Awtorità tqis li l-korrettezza tal-miżura ta' għajnuna ġiet stabbilita.

4.3.2.   Adegwatezza fost strumenti differenti ta' għajnuna

60.

L-għajnuna mill-Istat għar-R&Ż&I tista' tingħata f'diversi forom. Għalhekk l-Istati tal-EFTA għandhom jiżguraw li l-għajnuna tingħata f'forma li aktarx tiġġenera l-inqas distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-kummerċ. F'dan ir-rigward, meta l-għajnuna tingħata f'forom li jipprovdu vantaġġ pekunarju dirett (pereż. għotjiet diretti, eżenzjonijiet jew tnaqqis fit-taxxi jew fl-imposti obbligatorji oħrajn, jew l-għoti ta' art, prodotti jew servizzi bi prezzijiet favorevoli), l-Istat tal-EFTA kkonċernat irid jinkludi analiżi tal-alternattivi l-oħra u jispjega għaliex jew kif forom oħra ta' għajnuna li huma potenzjalment inqas distortivi, bħal avvanzi ripagabbli jew forom ta' għajnuna li huma bbażati fuq strumenti ta' dejn jew ta' ekwità (bħall-garanziji tal-istat, l-akkwist ta' ishma jew forniment alternattiv ta' dejn jew kapital b'termini favorevoli) huma anqas xierqa.

61.

L-għażla tal-istrument ta' għajnuna għandha ssir fid-dawl tal-falliment tas-suq li għand l-għan tindirizza. Pereżempju, meta l-falliment tas-suq sottostanti jkun problema ta' aċċess għal finanzjament estern tad-dejn minħabba informazzjoni asimmetrika, l-Istati tal-EFTA għandhom normalment jirrikorru għal għajnuna fil-forma ta' sostenn tal-likwidità, bħal self jew garanzija, aktar milli għotja. Meta jkun meħtieġ li ditta tingħata wkoll ċertu grad ta' kondiviżjoni tar-riskju, l-istrument ta' għajnuna magħżul normalment għandu ikun avvanz ripagabbli. B'mod partikolari, meta l-għajnuna tingħata f'forma li mhijiex sostenn tal-likwidità jew avvanz ripagabbli għall-attivitajiet li huma qrib is-suq, l-Istati tal-EFTA jridu jiġġustifikaw kemm l-istrument magħżul huwa xieraq biex jindirizza l-falliment tas-suq speċifiku inkwistjoni.

4.4.   Effett ta' inċentiv

4.4.1.   Il-kundizzjonijiet ġenerali

62.

L-għajnuna għar-R&Ż&I tista' tinstab kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ZEE biss jekk ikollha effett ta' inċentiv. Effett ta' inċentiv jokkorri meta l-għajnuna tbiddel l-imġiba ta' impriża b'tali mod li din tinvolvi ruħha f'attivitajiet addizzjonali li mingħajr l-għajnuna kieku ma kenitx twettaqhom jew li kieku kienet twettaqhom b'mod ristrett jew differenti. L-għajnuna madankollu ma għandhiex tissussidja l-ispejjeż ta' attività li impriża xorta waħda kienet iġġarrab u ma għandhiex tikkumpensa r-riskju kummerċjali normali ta' attività ekonomika (37).

63.

L-Awtorità tqis li l-għajnuna ma tippreżentax inċentiv għall-benefiċjarju kull meta l-ħidma fuq l-attività ta' R&Ż&I (38) rilevanti tkun diġà bdiet qabel ma l-benefiċjarju jkun applika għall-għajnuna mingħand l-awtoritajiet nazzjonali (39). Meta l-ħidma tibda qabel ma l-applikazzjoni għall-għajnuna tiġi sottomessa mill-benefiċjarju għand l-awtoritajiet nazzjonali, il-proġett ma jkunux eliġibbli għall-għajnuna.

64.

L-applikazzjoni għall-għajnuna trid tinkludi tal-anqas l-isem u d-daqs tal-applikant, deskrizzjoni tal-proġett, inkluż fejn jinsab u d-dati tal-bidu u tat-tmiem, l-ammont ta' għajnuna pubblika meħtieġa biex jitwettaq, u lista ta' spejjeż eliġibbli.

65.

Sal-punt li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, l-Awtorità tista' tqis li miżuri fiskali jkollhom effett ta' inċentiv, billi jistimulaw aktar infiq fir-R&Ż&I mill-impriżi, abbażi ta' studji ta' evalwazzjoni (40) provduti mill-Istati tal-EFTA.

4.4.2.   Kundizzjonijiet addizzjonali għal għajnuna individwali

66.

Għal għajnuna individwali notifikabbli, l-Istati tal-EFTA jridu juru lill-Awtorità li l-għajnuna għandha effett ta' inċentiv u għalhekk jeħtieġ jipprovdu evidenza ċara li l-għajnuna għandha impatt pożittiv fuq id-deċiżjoni tal-impriża li twettaq attivitajiet ta' R&Ż&I li kieku ma kinux isiru. Sabiex l-Awtorità tkun tista' twettaq valutazzjoni komprensiva tal-miżura ta' għajnuna inkwistjoni, l-Istat tal-EFTA kkonċernat irid jipprovdi mhux biss informazzjoni dwar il-proġett megħjun iżda wkoll, sa fejn ikun possibbli, deskrizzjoni komprensiva ta' x'kien jiġri jew ta' x'wieħed seta' raġonevolment jistenna li jiġri mingħajr l-għajnuna, jiġifieri x-xenarju kontrofattwali. Ix-xenarju kontrofattwali jista' jikkonsisti fin-nuqqas ta' proġett alternattiv jew ta' proġett alternattiv definit b'mod ċar u prevedibbli biżżejjed ikkunsidrat mill-benefiċjarju fit-teħid ta' deċiżjonijiet interni tiegħu, u jista' jkun marbut ma' proġett alternattiv li huwa kompletament jew parzjalment imwettaq barra ż-ŻEE.

67.

Fl-analiżi tagħha, l-Awtorità tqis l-elementi li ġejjin:

—    speċifikazzjoni tal-bidla intenzjonata : trid tiġi speċifikata sew il-bidla fl-imġiba li hija mistennija tirriżulta mill-għajnuna mill-Istat, jiġifieri jekk hijiex se tiskatta proġett ġdid, jew jekk hijiex se ttejjeb id-daqs, l-ambitu jew ir-rata tat-twettiq tal-proġett;

—    analiżi kontrofattwali : il-bidla fl-imġiba trid tiġi identifikata billi jitqabbel xi jkun ir-riżultat mistenni u l-livell ta' attività maħsub bl-għajnuna u mingħajr l-għajnuna. Id-differenza bejn iż-żewġ xenarji turi l-impatt tal-miżura tal-għajnuna u l-effett ta' inċentiv tagħha;

—    livell ta' profittabbiltà : meta proġett, fih innifsu, ma jkunx ta' profitt għal impriża biex twettqu, iżda jkun jiġġenera benefiċċji importanti għas-soċjetà, ikun hemm iktar probabbiltà li l-għajnuna jkollha effett ta' inċentiv;

—    ammont ta' investiment u qafas ta' żmien tal-flussi tal-flus : investiment tal-bidu għoli, livell baxx ta' flussi ta' flus approprjabbli u frazzjoni sinifikanti ta' flussi ta' flus fil-futur imbiegħed ħafna jew b'mod inċert ħafna, jitqiesu elementi pożittivi fil-valutazzjoni tal-effett ta' inċentiv;

—    livell ta' riskju involut : il-valutazzjonijiet tar-riskju tikkunsidra b'mod partikolari l-irriversibilità tal-investiment, il-probabilità ta' falliment kummerċali, ir-riskju li l-proġett ikun inqas produttiv milli mistenni, ir-riskju li l-proġett jhedded attivitajiet oħra tal-benefiċjarju tal-għajnuna u r-riskju li l-ispejjeż tal-proġett jheddu l-vijabbiltà finanzjarja tiegħu.

68.

L-Istati tal-EFTA huma b'mod partikolari mistiedna jużaw dokumenti tal-bord, valutazzjonijiet tar-riskji, rapporti finanzjarji, pjanijiet ta' negozju interni, opinjonijiet tal-esperti u studji oħra marbuta mal-proġett li qed jiġi vvalutat. Dokumenti li jkun fihom informazzjoni dwar previżjonijiet tal-ispejjeż, previżjonijiet finanzjarji, dokumenti li jiġu ppreżentati lil kumitat għall-investiment u li jiddeskrivu fid-dettall diversi xenarji ta' investiment, jew dokumenti pprovduti lil istituzzjonijiet finanzjarji jistgħu jgħinu lill-Istati tal-EFTA juru l-effett ta' inċentiv.

69.

Sabiex jiġi żgurat li l-effett ta' inċentiv jiġi stabbilit fuq bażi oġġettiva, l-Awtorità tista' fil-valutazzjoni tagħha tqabbel dejta speċifika tal-kumpanija ma' dejta dwar l-industrija li fiha jkun attiv il-benefiċjarju tal-għajnuna. B'mod partikolari, l-Istati tal-EFTA għandhom, fejn possibbli, jipprovdu dejta speċifika għall-industrija li turi li x-xenarju kontrofattwali tal-benefiċjarju, il-livell ta' profitabbiltà meħtieġ tiegħu u l-flussi ta' flus mistennija tiegħu huma raġonevoli.

70.

F'dak il-kuntest, il-livell ta' profittabbiltà jista' jiġi evalwat b'referenza għal metodoloġiji li jista' jintwera li tuża l-impriża benefiċjarja jew li huma prassi standard fl-industrija partikolari konċernata, u li jistgħu jinkludu metodi għall-evalwazzjoni tal-valur preżenti nett tal-proġett (net present value, NPV) (41), ir-rata ta' redditu interna (internal rate of return, IRR) (42) jew ir-redditu medju fuq il-kapital użat (return on capital employed, ROCE).

71.

Jekk l-għajnuna ma tibdilx l-imġiba tal-benefiċjarju billi tistimula attivitajiet addizzjonali ta' R&Ż&I, ma jkollha l-ebda effett pożittiv f'termini ta' promozzjoni tar-R&Ż&I fiż-ŻEE. Għalhekk, l-għajnuna ma titqisx kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ZEE f'każijiet fejn ikun jidher li l-istess attivitajiet jistgħu jitwettqu u se jitwettqu anki mingħajr għajnuna.

4.5.   Proporzjonalità tal-għajnuna

4.5.1.   Il-kundizzjonijiet ġenerali

72.

Biex għajnuna għar-R&Ż&I titqies proporzjonata, l-ammont tagħha jrid ikun limitat għall-minimu meħtieġ biex titwettaq l-attività megħjuna.

4.5.1.1   L-intensitajiet massimi tal-għajnuna

73.

Sabiex jiġi żgurat li l-livell ta' għajnuna jkun proporzjonat mal-fallimenti tas-suq li tkun maħsuba biex tindirizza, l-għajnuna trid tkun stabbilita b'relazzjoni ma' sett predefinit ta' spejjeż eliġibbli u tkun limitata għal ċertu proporzjon ta' dawk l-ispejjeż eliġibbli (“intensità tal-għajnuna”). L-intensità tal-għajnuna għandha tkun stabbilita għal kull benefiċjarju ta' għajnuna, inkluż f'każ ta' proġett ta' kollaborazzjoni.

74.

Biex tiġi żgurata l-prevedibbiltà u kundizzjonijiet ugwali għal kulħadd, l-Awtorità tapplika l-intensitajiet massimi ta' għajnuna għall-għajnuna għar-R&Ż&I, li huma stabbiliti fuq il-bażi ta' tliet kriterji: (i) kemm l-għajnuna tkun qrib is-suq, bħala indikatur tal-effetti negattivi mistennija tagħha u l-ħtieġa tagħha, billi jitqies id-dħul potenzjalment ogħla li jista' jkun mistenni mill-attivitajiet megħjuna; (ii) id-daqs tal-benefiċjarju bħala indikatur tad-diffikultajiet aktar akuti ġeneralment affrontati minn kumpaniji iżgħar biex jiffinanzjaw proġetti riskjużi; u (iii) l-intensità tal-falliment tas-suq, bħall-esternalitajiet mistennija f'termini ta' tixrid tal-għarfien. Għaldaqstant, l-intensitajiet tal-għajnuna għandhom ġeneralment ikunu inqas għall-attivitajiet relatati mal-iżvilupp u l-innovazzjoni milli għall-attivitajiet relatati mar-riċerka.

75.

L-ispejjeż eliġibbli għal kull miżura ta' għajnuna koperta minn dawn il-linji gwida huma stipulati fl-Anness I. Meta proġett ta' R&Ż jiġbor fih kompiti differenti, kull kompitu eliġibbli jrid jaqa' fil-kategoriji ta' riċerka fundamentali, riċerka industrijali jew żvilupp sperimentali (43). Meta tikklassifika attivitajiet differenti skont il-kategorija rilevanti, l-Awtorità tirreferi għall-prassi proprja tagħha kif ukoll għal eżempji u spjegazzjonijiet speċifiċi previsti fil-Manwal Frascati tal-OECD (44).

76.

L-intensitajiet massimi ta' għajnuna applikabbli b'mod ġenerali għall-miżuri eliġibbli kollha ta' R&Ż&I huma stipulati fl-Anness II (45).

77.

Fil-każ ta' għajnuna mill-Istat għal proġett li jkun qed jitwettaq f'kollaborazzjoni bejn organizzazzjonijiet ta' riċerka u impriżi, l-għajnuna pubblika diretta kombinata u, meta jikkostitwixxu għajnuna, il-kontribuzzjonijiet minn organizzazzjonijiet ta' riċerka għall-istess proġett, ma għandhomx jaqbżu l-intensitajiet applikabbli ta' għajnuna għal kull impriża benefiċjarja.

4.5.1.2   Avvanzi ripagabbli

78.

Jekk Stat tal-EFTA jagħti avvanz ripagabbli li jikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ZEE, għandhom japplikaw ir-regoli stipulati f'din it-taqsima.

79.

Meta Stat tal-EFTA jista' juri, fuq il-bażi ta' metodoloġija valida bbażata fuq dejta verifikabbli, li huwa possibbli li jiġi kkalkulat l-ekwivalenti tal-gross tal-għotja ta' avvanz ripagabbli, huwa jista' jinnotifika skema ta' għajnuna u l-metodoloġija assoċjata lill-Awtorità. Jekk l-Awtorità taċċetta l-metodoloġija u tqis l-iskema kompatibbli, l-għajnuna tista' tingħata abbażi tal-ekwivalenti tal-gross tal-għotja tal-avvanz ripagabbli, sal-intensitajiet tal-għajnuna stipulati fl-Anness II.

80.

Fil-każijiet l-oħra kollha, l-avvanz ripagabbli jiġi espress bħala perċentwali tal-ispejjeż eliġibbli u ma jistax jaqbeż l-intensitajiet massimi tal-għajnuna applikabbli b'aktar minn 10 punti perċentwali, bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

fil-każ ta' eżitu b'suċċess, il-miżura trid tipprevedi li l-avvanz irid jitħallas lura b'rata tal-imgħax li ma tkunx inqas mir-rata ta' skont li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-metodu tal-Awtorità dwar ir-reviżjoni għall-istabbiliment tar-rati ta' referenza u ta' skont (46);

(b)

fil-każ ta' suċċess li jaqbeż l-eżitu definit bħala suċċess, l-Istat tal-EFTA konċernat għandu jitlob pagamenti lil hinn mir-ripagament tal-ammont tal-avvanz inklużi l-interessi skont ir-rata ta' skont applikabbli;

(c)

f'każ li l-proġett ifalli, l-avvanz ma għandux għalfejn jitħallas lura kollu. F'każ ta' suċċess parzjali, ir-ripagament għandu jkun proporzjonali mal-grad ta' suċċess miksub.

81.

Sabiex l-Awtorità tivvaluta l-miżura, hija trid tinkludi dispożizzjonijiet dettaljati dwar ir-ripagament f'każ ta' suċċess, li jiddefinixxu b'mod ċar dak li jitqies bħala eżitu ta' suċċess, abbażi ta' ipoteżi raġonevoli u prudenti.

4.5.1.3   Miżuri fiskali

82.

Sal-punt li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, l-intensità tal-għajnuna ta' miżura fiskali tista' tiġi kkalkolata jew fuq il-bażi ta' proġetti individwali jew, fuq livell ta' impriża, bħala l-proporzjon bejn l-eżenzjoni kumplessiva mit-taxxa u s-somma tal-ispejjeż eliġibbli kollha tar-R&Ż&I mġarrba f'perjodu li ma jaqbiżx tliet snin fiskali konsekuttivi. Fil-każ tal-aħħar, il-miżura fiskali tista' tapplika mingħajr distinzjoni għall-attivitajiet eliġibbli kollha, iżda ma għandhiex taqbeż l-intensità tal-għajnuna applikabbli għal żvilupp sperimentali (47).

4.5.1.4   Akkumulazzjoni ta' għajnuna

83.

Għajnuna tista' tingħata fl-istess ħin skont diversi skemi ta' għajnuna jew tkun kumulata ma' għajnuna ad hoc, sakemm l-ammont totali ta' għajnuna mill-Istat għall-attività jew il-proġett ma jaqbiżx il-limiti massimi stabbiliti f'dawn il-linji gwida. Kif imfakkar fil-punt 9 il-finanzjament immaniġġat ċentralment minn istituzzjonijiet, aġenziji, impriżi konġunti jew korpi oħra tal-Unjoni Ewropea li mhuwiex direttament jew indirettament taħt il-kontroll tal-Istati tal-EFTA, ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat u ma għandux jitqies. Meta dan il-finanzjament ikun kombinat ma' għajnuna mill-Istat, l-ammont totali tal-finanzjament pubbliku mogħti f'relazzjoni mal-istess spejjeż eliġibbli, madankollu ma jridx jaqbeż l-aktar rata ta' finanzjament favorevoli stipulata fir-regoli applikabbli tal-Ftehim taż-ZEE.

84.

Meta n-nefqa eliġibbli għall-għajnuna għar-R&Ż&I tkun potenzjalment eliġibbli wkoll b'mod sħiħ jew parzjali, għal għajnuna għal skopijiet oħra, il-parti komuni tkun soġġetta għal-limitu massimu l-aktar favorevoli skont kwalunkwe regoli rilevanti.

85.

L-għajnuna għar-R&Ż&I ma tistax tiġi kumulata ma' għajnuna de minimis marbuta mal-istess spejjeż eliġibbli jekk dak iwassal għal intensità tal-għajnuna li taqbeż dawk stabbiliti f'dawn il-linji gwida.

4.5.2.   Kundizzjonijiet addizzjonali għal għajnuna individwali

86.

Għal għajnuna individwali notifikabbli, sempliċi konformità ma' sett ta' intensitajiet massimi tal-għajnuna predefiniti mhijiex biżżejjed biex tiġi żgurata l-proporzjonalità.

87.

Bħala regola ġenerali, u sabiex jiġi stabbilit jekk l-għajnuna hijiex proporzjonata, l-Awtorità se tivverifika li l-ammont tagħha ma jaqbiżx il-minimu meħtieġ għall-proġett megħjun biex ikun profitabbli biżżejjed, pereżempju billi tagħmel possibbli li tintlaħaq IRR li tikkorrispondi għall-parametru referenzjarju jew ir-rata minima ta' redditu għas-settur jew id-ditta speċifika. Jistgħu jintużaw ukoll għal dan l-għan ir-rati normali ta' redditu meħtieġa mill-benefiċjarju fi proġetti oħra ta' R&Ż&I, l-ispiża tal-kapital tiegħu fis-sħuħija tiegħu jew ir-redditu li jiġi osservat normalment fl-industrija konċernata. L-ispejjeż u l-benefiċċji rilevanti kollha mistennija jridu jitqiesu matul il-ħajja tal-proġett, inklużi l-ispejjeż u d-dħul li jirriżultaw mill-attivitajiet ta' R&Ż&I.

88.

Meta jintwera, pereżempju permezz ta' dokumenti interni tal-kumpanija, li l-benefiċjarju tal-għajnuna jkollu għażla ċara bejn li jwettaq il-proġett megħjun jew wieħed alternattiv mingħajr għajnuna, l-għajnuna titqies li tkun limitata għall-minimu biss jekk l-ammont tagħha ma jaqbiżx l-ispejjeż netti addizzjonali tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet konċernati, meta mqabbel mal-proġett kontrofattwali li kieku kien jitwettaq mingħajr għajnuna. Sabiex jiġu stabbiliti l-ispejjeż netti żejda, l-Awtorità tipparaguna l-valuri preżenti netti mistennija tal-investiment fil-proġett megħjun u fil-proġett kontrofattwali, filwaqt li tqis il-probabbiltajiet tax-xenarji kummerċjali differenti li jseħħu (48).

89.

Meta tingħata għajnuna għal proġetti ta' R&Ż jew għall-kostruzzjoni jew it-titjib ta' infrastrutturi tar-riċerka u meta l-Awtorità tkun tista' tistabbilixxi, abbażi tal-metodoloġija stipulata fil-punti 87 jew 88, li l-għajnuna hija limitata strettament għall-minimu neċessarju, jistgħu jiġu permessi intensitajiet ta' għajnuna massimi ogħla minn dawk stabbiliti fl-Anness II, sal-livelli stabbiliti fit-tabella li ġejja.

(%)

 

Intrapriża żgħira

Intrapriża ta' daqs medju

Intrapriża kbira

Għajnuna għal proġetti ta' R&Ż

Riċerka fundamentali

100

100

100

Riċerka applikata

80

70

60

soġġetti għall-kollaborazzjoni effikaċi bejn l-impriżi (għall-intrapriżi kbar transfruntieri jew li jinvolvu tal-inqas SME waħda) jew bejn impriża u organizzazzjoni ta' riċerka; jew

soġġetti għal tixrid wiesgħa tar-riżultati

90

80

70

Għajnuna għall-kostruzzjoni u t-titjib ta' infrastrutturi ta' riċerka

60

60

60

90.

Sabiex juru li l-għajnuna hija limitata għall-minimu meħtieġ, l-Istati tal-EFTA jridu jispjegaw kif ġie stabbilit l-ammont ta' għajnuna. Id-dokumentazzjoni u l-kalkoli użati għall-analiżi tal-effett ta' inċentiv, jistgħu jintużaw ukoll biex jiġi vvalutat jekk l-għajnuna hijiex proporzjonali. Sakemm il-bżonn identifikat għall-għajnuna jkun jirrelata primarjament ma' diffikultajiet biex jinstab finanzjament ta' dejn mis-suq, pjuttost milli nuqqas ta' profitabbiltà, mod partikolarment adattat biex jiġi żgurat li l-għajnuna tinżamm għall-minimu jista' jkun li din tingħata f'forma ta' self, garanzija jew avvanz ripagabbli minflok f'forma mhux ripagabbli, bħal għotja.

91.

Meta jkun hemm iktar minn kandidat potenzjali wieħed għat-twettiq tal-attività megħjuna, il-proporzjonalità meħtieġa x'aktarx tintlaħaq jekk l-għajnuna tingħata fuq il-bażi ta' kriterji trasparenti, oġġettivi u mhux diskriminatorji.

92.

Sabiex jiġu indirizzati distorsjonijiet diretti jew indiretti, reali jew potenzjali, tal-kummerċ internazzjonali, jistgħu jiġu awtorizzati intensitajiet ogħla minn dawk ġeneralment permissibbli skont dawn il-linji gwida, jekk kompetituri li jinsabu barra ż-ŻEE, direttament jew indirettament, fl-aħħar tliet snin ikunu rċevew jew ikunu se jirċievu għajnuna ta' intensità ekwivalenti għal proġetti simili. Madankollu, meta minħabba n-natura partikolari tas-settur inkwistjoni d-distorsjonijiet tal-kummerċ internazzjonali x'aktarx li jseħħu wara aktar minn tliet snin, il-perjodu ta' referenza jista' jiġi estiż b'mod korrispondenti. Meta possibbli, l-Istat tal-EFTA konċernat jipprovdi lill-Awtorità b'biżżejjed informazzjoni biex jippermettilha tivvaluta s-sitwazzjoni, b'mod partikolari l-ħtieġa li jitqies il-vantaġġ kompetittiv li għandu kompetitur minn pajjiż terz. Meta l-Awtorità ma jkollhiex evidenza li tikkonċerna l-għajnuna mogħtija jew proposta, tista' wkoll tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq evidenza ċirkostanzjali.

93.

Meta tiġbor evidenza, l-Awtorità tista' tuża l-poteri investigattivi tagħha (49).

4.6.   L-evitar ta' effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ

4.6.1.   Kunsiderazzjonijiet ġenerali

94.

Biex għajnuna għar-R&Ż&I tkun kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ZEE, l-effetti negattivi tal-miżura ta' għajnuna f'termini ta' distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati tal-EFTA jridu jkunu limitati u ssuperati mill-effetti pożittivi f'termini ta' kontribut lejn l-għan ta' interess komuni.

95.

L-Awtorità tidentifika żewġ distorsjonijiet ewlenin potenzjali għall-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati tal-EFTA kkawżati minn għajnuna għar-R&Ż&I, jiġifieri distorsjonijiet fis-suq tal-prodott u effetti tal-lokalizzazzjoni. It-tnejn li huma jwasslu għal ineffiċjenzi allokattivi, li jheddu l-prestazzjoni ekonomika taż-ŻEE, u għal tħassib dwar id-distribuzzjoni, peress li l-għajnuna taffettwa id-distribuzzjoni tal-attività ekonomika madwar ir-reġjuni.

96.

Fir-rigward tad-distorsjonijiet fis-swieq tal-prodotti, l-għajnuna mill-Istat għar-R&Ż&I jista' jkollha impatt fuq il-kompetizzjoni fil-proċessi tal-innovazzjoni u fis-swieq tal-prodotti fejn jiġu sfruttati r-riżultati tal-attivitajiet tar-R&Ż&I.

4.6.1.1   Effetti fuq is-swieq tal-prodotti

97.

L-għajnuna mill-Istat għar-R&Ż&I tista' xxekkel il-kompetizzjoni fil-proċessi innovattivi u fis-swieq tal-prodotti bi tliet modi, jiġifieri billi toħloq distorsjoni fil-proċess tad-dħul u tal-ħruġ kompetittiv, billi toħloq distorsjoni fl-inċentivi għall-investiment dinamiku u billi toħloq jew issostni saħħa fis-suq.

(i)   Distorsjoni tal-proċessi tad-dħul u l-ħruġ kompetittiv

98.

L-għajnuna għar-R&Ż&I tista' timpedixxi lill-mekkaniżmu tas-suq milli jippremja lill-produtturi l-iktar effiċjenti u milli joħloq pressjoni fuq dawk l-inqas effiċjenti biex jitjiebu, jirristrutturaw jew joħorġu mis-suq. Dan jista' jwassal għal sitwazzjoni fejn, minħabba l-għajnuna mogħtija, kompetituri li altrimenti setgħu jkomplu joperaw jiġu sfurzati joħorġu mis-suq, jew li lanqas biss jidħlu fih. Bl-istess mod, l-għajnuna mill-Istat tista' timpedixxi li ditti ineffiċjenti joħorġu mis-suq jew saħansitra tħajjarhom jidħlu fih u jiksbu sehem mis-suq ta' kompetituri aktar effiċjenti. Jekk l-għajnuna għar-R&Ż&I ma tkunx immirata tajjeb, hija tista' ssostni impriżi ineffiċjenti u twassal għal strutturi tas-suq fejn ħafna atturi tas-suq joperaw b'mod ineffiċjenti sinifikanti. Fuq medda twila ta' żmien, l-interferenza fil-proċessi tad-dħul u tal-ħruġ kompetittiv tista' toħnoq l-innovazzjoni u tirrallenta t-titjib fil-produttività fl-industrija kollha.

(ii)   Distorsjoni tal-inċentivi dinamiċi

99.

Għajnuna għar-R&Ż&I tista' toħloq distorsjoni tal-inċentivi dinamiċi biex il-kompetituri tal-benefiċjarju tal-għajnuna jinvestu. Meta impriża tirċievi għajnuna, il-probabilità ta' attivitajiet b'suċċess ta' R&Ż&I min-naħa tagħha ġeneralment tiżdied u dan iwassal għal preżenza akbar fis-suq/swieq tal-prodott rilevanti fil-futur. Din iż-żieda fil-preżenza tista' twassal lill-kompetituri jnaqqsu l-ambitu tal-pjanijiet oriġinali tal-investiment tagħhom (l-effett crowding out).

100.

Barra minn hekk, il-preżenza tal-għajnuna tista' tagħmel lill-benefiċjarji potenzjali kompjaċenti jew ifittxu riskji ikbar. L-effett fit-tul fuq il-prestazzjoni kumplessiva tas-settur f'dan il-każ x'aktarx ikun negattiv. L-għajnuna għar-R&Ż&I tista' għalhekk, jekk ma tkunx immirata sew, issostni impriżi ineffiċjenti u twassal għal strutturi tas-suq fejn ħafna atturi tas-suq joperaw fuq skala sostanzjalment iżgħar minn dik effiċjenti.

(iii)   Ħolqien jew żamma ta' saħħa fis-suq

101.

L-għajnuna għar-R&Ż&I jista' jkollha wkoll effetti ta' distorsjoni f'termini ta' żieda jew żamma tal-livell ta' saħħa fis-suq fis-swieq tal-prodotti. Saħħa fis-suq hija s-saħħa li wieħed jinfluwenza l-prezzijiet tas-suq, il-livell ta' produzzjoni, il-varjetà jew il-kwalità tal-prodotti u s-servizzi, jew parametri oħra tal-kompetizzjoni, għal perjodu sinifikanti ta' żmien, għad-detriment tal-konsumaturi. Anki meta l-għajnuna ma ssaħħaħx is-saħħa fis-suq direttament, tista' tagħmel dan indirettament, billi tiskoraġġixxi l-espansjoni ta' kompetituri eżistenti jew twassalhom biex joħorġu mis-suq jew tiskoraġġixxi d-dħul ta' kompetituri ġodda.

4.6.1.2   Effetti fuq il-kummerċ u l-għażla tal-lokalizzazzjoni

102.

L-għajnuna mill-Istat għar-R&Ż&I tista' wkoll tagħti lok għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni meta tinfluwenza l-għażla ta' lokalizzazzjoni. Dawk id-distorsjonijiet jistgħu jinħolqu fl-Istati tal-EFTA kollha, jew meta d-ditti jikkompetu fuq livell transfruntier jew meta jikkunsidraw lokalizzazzjonijiet differenti. Għajnuna mmirata lejn ir-rilokalizzazzjoni ta' attività lejn reġjun ieħor fiż-ŻEE tista' ma twassalx direttament għal distorsjoni tas-suq tal-prodotti, iżda tispostja attivitajiet jew investimenti minn reġjun għall-ieħor.

4.6.1.3   Effetti negattivi evidenti

103.

Fil-prinċipju, miżura ta' għajnuna u l-kuntest li fih tiġi applikata jeħtieġ li jiġu analizzati biex jiġi identifikat sa fejn tista' tikkawża distorsjoni. Madankollu, jistgħu jiġu identifikati ċerti sitwazzjonijiet fejn l-effetti negattivi jegħlbu sew l-effetti pożittivi, li jfisser li l-għajnuna ma tistax tinsab kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ZEE.

104.

Partikolarment, skont il-prinċipji ġenerali tal-Ftehim taż-ZEE, l-għajnuna mill-Istat ma tistax titqies kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ZEE jekk il-miżura ta' għajnuna tkun diskriminatorja b'mod mhux ġustifikat min-natura tagħha ta' għajnuna mill-Istat. Kif spjegat fit-Taqsima 3, l-Awtorità għalhekk mhu se tippermetti l-ebda miżura fejn din il-miżura jew il-kundizzjonijiet marbuta magħha jinvolvu ksur inseparabbli tal-Ftehim taż-ZEE. Dan huwa partikolarment il-każ għal miżuri ta' għajnuna meta l-għotja ta' għajnuna tkun soġġetta għall-obbligu li l-benefiċjarju jkollu l-uffiċċju prinċipali tiegħu fl-Istat tal-EFTA rilevanti (jew li jkun predominantament stabbilit f'dak l-Istat tal-EFTA) jew li juża oġġetti prodotti jew servizzi nazzjonali, kif ukoll għal miżuri ta' għajnuna li jirrestrinġu l-possibbiltà li l-benefiċjarju jisfrutta r-riżultati tar-R&Ż&I fi Stati tal-EFTA oħra.

105.

Bl-istess mod, għajnuna li sempliċiment twassal biex tinbidel il-lokalizzazzjoni tal-attivitajiet tar-R&Ż&I fiż-ŻEE mingħajr ma tibdel in-natura, id-daqs jew l-għan tal-proġett mhijiex se titqies kompatibbli.

4.6.2.   Skemi ta' għajnuna

106.

Sabiex ikunu kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ZEE, l-iskemi ta' għajnuna notifikabbli ma jridux iwasslu għal distorsjonijiet sinifikanti fil-kompetizzjoni u l-kummerċ. B'mod partikolari, anki meta d-distorsjonijiet jistgħu jitqiesu bħala limitati fuq livell individwali (sakemm l-għajnuna tkun meħtieġa u proporzjonata biex jintlaħaq l-objettiv komuni), fuq bażi kumulattiva skemi ta' għajnuna xorta jistgħu jwasslu għal livelli għolja ta' distorsjonijiet. Dawn id-distorsjonijiet jistgħu, pereżempju, jirriżultaw minn għajnuna li taffettwa b'mod negattiv l-inċentivi dinamiċi għall-innovazzjoni min-naħa tal-kompetituri. F'każ ta' skema li tiffoka fuq ċerti setturi, ir-riskju ta' dak it-tip ta' distorsjoni jinħass iktar.

107.

Mingħajr ħsara għall-punt 122, l-Istati tal-EFTA jridu għalhekk juru li kull effett negattiv se jkun limitat għall-minimu filwaqt li jitqiesu, pereżempju, id-daqs tal-proġetti kkonċernati, l-ammonti tal-għajnuna individwali u kumulattiva, l-għadd ta' benefiċjarji mistennija, kif ukoll il-karatteristiċi tas-setturi fil-mira. Sabiex l-Awtorità tkun tista' tivvaluta l-effetti negattivi notifikabbli probabbli, l-Istat tal-EFTA jista' jissottometti kull valutazzjoni tal-impatt, kif ukoll evalwazzjonijiet ex post li saru għal skemi simili ta' qabel.

4.6.3.   Kundizzjonijiet addizzjonali għal għajnuna individwali

4.6.3.1   Distorsjonijiet fis-swieq tal-prodotti

108.

Għal għajnuna individwali notifikabbli, biex l-Awtorità tkun tista' tidentifika u tivvaluta d-distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni u l-kummerċ, l-Istati tal-EFTA għandhom jipprovdu informazzjoni dwar (i) is-swieq tal-prodotti kkonċernati, jiġifieri s-swieq affettwati mill-bidla fl-imġiba tal-benefiċjarju tal-għajnuna, u (ii) il-kompetituri u l-konsumaturi jew il-konsumaturi affettwati.

109.

Meta tivvaluta l-effetti negattivi tal-miżura tal-għajnuna, l-Awtorità tiffoka l-analiżi tagħha tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni fuq l-impatt prevedibbli tal-għajnuna għar-R&Ż&I fuq il-kompetizzjoni bejn impriżi fis-swieq tal-prodott konċernat. L-Awtorità se tagħti aktar piż lir-riskji għall-kompetizzjoni u l-kummerċ li jirriżultaw fil-futur qrib u bi probabbiltà partikolari.

110.

Sal-punt li attività innovattiva speċifika tkun assoċjata ma' swieq multipli ta' prodotti futuri, l-impatt tal-għajnuna mill-Istat jitqies fuq is-sett ta' swieq konċernat. F'ċerti każijiet ir-riżultati tal-attivitajiet għar-R&Ż&I, pereżempju fil-forma ta' DPI, ikunu huma stess innegozjati fis-swieq teknoloġiċi, pereżempju permezz ta' liċenzjar jew negozjar ta' privattivi. F'dawn il-każijiet, l-Awtorità tista' tqis ukoll l-effett tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni fis-swieq tat-teknoloġija.

111.

L-Awtorità tuża diversi kriterji biex tevalwa d-distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni, jiġifieri distorsjoni tal-inċentivi dinamiċi, ħolqien jew żamma ta' saħħa tas-suq, u żamma ta' strutturi tas-suq ineffiċjenti.

(i)   Distorsjoni tal-inċentivi dinamiċi

112.

Fl-analiżi tagħha tad-distorsjoni potenzjali tal-inċentivi dinamiċi, l-Awtorità se tqis l-elementi li ġejjin:

—    Tkabbir tas-suq : aktar ma s-suq ikun mistenni jikber fil-ġejjieni, anqas huwa probabbli li l-inċentivi tal-kompetituri jiġu affettwati ħażin mill-għajnuna, billi jibqa' bosta opportunitajiet għall-iżvilupp ta' negozju li jrendi profitt;

—    Ammont tal-għajnuna : miżuri ta' għajnuna li jinvolvu ammonti sinifikanti ta' għajnuna għandhom iktar ċans li jwasslu għal effetti sinifikanti ta' crowding out. Kemm l-ammont tal-għajnuna huwa sinifikanti jitkejjel prinċipalment b'referenza għall-ammont minfuq mill-operaturi ewlenin tas-suq fuq proġetti ta' tip simili;

—    Kemm l-għajnuna tkun qrib is-suq/kategorija tal-għajnuna : iktar ma l-miżura tal-għajnuna tkun immirata lejn attivitajiet qrib is-suq, iktar hemm ċans li jiżviluppaw effetti sinifikanti ta' crowding out;

—    Proċeess tal-għażla miftuħ : Meta l-għotja tingħata abbażi ta' kriterji trasparenti, oġġettivi u mhux diskriminatorji, l-Awtorità tieħu pożizzjoni aktar pożittiva;

—    Ostakli għall-ħruġ : huwa aktar probabbli li l-kompetituri jżommu jew saħansitra jżidu l-pjanijiet ta' investiment tagħhom meta l-ostakli għall-ħruġ fil-proċess ta' innovazzjoni jkunu kbar. Dan jista' jkun il-każ meta bosta mill-investimenti tal-passat tal-kompetituri jkunu maqbuda fi trajettorja partikolari ta' R&Ż&I;

—    Inċentivi biex ikun hemm kompetizzjoni f'suq futur : L-għajnuna għar-R&Ż&I tista' twassal għal sitwazzjoni fejn il-kompetituri ta' benefiċjarju tal-għajnuna jirrinunzjaw li jikkompetu għal suq ġejjieni tat-tip “min jirbaħ jieħu kollox”, peress li l-vantaġġ provdut mill-għajnuna f'termini tal-grad ta' avvanz teknoloġiku, ekonomiji ta' skala, effetti ta' netwerk jew l-għażla taż-żmien inaqqas il-possibilità tagħhom li potenzjalment jidħlu b'suċċess f'dak is-suq ġejjieni;

—    Differenzjazzjoni tal-prodott u intensità tal-kompetizzjoni : meta l-innovazzjoni tal-prodott tkun iktar marbuta mal-iżvilupp ta' prodotti differenzjati, relatati, pereżempju, ma' ditti, standards, teknoloġiji jew gruppi ta' konsumaturi distinti hemm inqas ċans li l-kompetituri jkunu affettwati. L-istess sitwazzjoni tinħoloq meta jkun hemm ħafna kompetituri effettivi fis-suq.

(ii)   Ħolqien jew żamma ta' saħħa fis-suq

113.

L-Awtorità hija mħassba l-aktar dwar dawk il-miżuri ta' R&Ż&I li jippermettu lill-benefiċjarju tal-għajnuna jsaħħaħ is-saħħa fis-suq li jkollu fi swieq eżistenti ta' prodotti jew li jittrasferiha fi swieq futuri ta' prodotti. L-Awtorità għalhekk x'aktarx li mhux se ssib problemi ta' kompetizzjoni relatati mas-saħħa fis-suq f'każijiet fejn is-sehem mis-suq tal-benefiċjarju tal-għajnuna jkun ta' inqas minn 25 % u fi swieq b'konċentrazzjoni tas-suq taħt l-2 000 bl-Indiċi Herfindahl-Hirschmann (HHI).

114.

Fl-analiżi tagħha tas-saħħa tas-suq, l-Awtorità tikkunsidra l-elementi li ġejjin:

—    Saħħa tas-suq tal-benefiċjarju tal-għajnuna u l-istruttura tas-suq : meta l-benefiċjarju tal-għajnuna jkun diġà dominanti fis-suq tal-prodott, il-miżura tal-għajnuna tista' tkompli ssaħħaħ dik id-dominanza billi ddgħajjef iktar l-pressjoni kompetittiva li l-kompetituri jistgħu jeżerċitaw fuq l-impriża benefiċjarja. Bl-istess mod, il-miżuri ta' għajnuna mill-Istat jista' jkollhom impatt sinifikanti fi swieq oligopolistiċi fejn ikunu attivi biss ftit operaturi;

—    Livell tal-ostakli għad-dħul : fil-qasam tar-R&Ż&I, jista' jkun hemm ostakli sinifikanti għad-dħul ta' operaturi ġodda. Dawn l-ostakli jinkludu ostakli ġuridiċi għad-dħul (b'mod partikolari għad-DPI), ekonomiji ta' skala u ambitu, ostakli għall-aċċess għal netwerks u infrastruttura, u ostakli strateġiċi oħra għad-dħul jew l-espansjoni;

—    Saħħa tax-xerrej : is-saħħa fis-suq ta' impriża tista' wkoll tkun limitata mill-pożizzjoni fis-suq tax-xerrejja. Il-preżenza ta' xerrejja b'saħħithom tista' sservi biex tpatti għal sejba ta' pożizzjoni fis-suq b'saħħitha jekk ikun probabbli li x-xerrejja jfittxu li jippreservaw biżżejjed kompetizzjoni fis-suq;

—    Proċess tal-għażla : miżuri ta' għajnuna li jippermettu lill-impriżi b'pożizzjoni fis-suq b'saħħitha sabiex jinfluwenzaw il-proċess tal-għażla, pereżempju, billi jkollhom id-dritt jirrakkomandaw impriżi fil-proċess tal-għażla jew jinfluwenzaw il-perkors tar-riċerka b'mod li jisfavorixxi perkorsi oħra mingħajr raġunijiet ġustifikati, jistgħu jwasslu għal tħassib mill-Awtorità.

(iii)   Żamma ta' strutturi tas-suq ineffiċjenti

115.

Fl-analiżi tagħha tal-istrutturi tas-suq, l-Awtorità tikkunsdira jekk l-għajnuna tingħatax fi swieq li jkollhom soprakapaċità jew f'industriji li sejrin lura. Sitwazzjonijiet fejn is-suq ikun qed jikber jew fejn l-għajnuna mill-Istat għar-R&Ż&I x'aktax li tibdel id-dinamiċi tat-tkabbir kumplessiv tas-settur, notevolment bl-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda, huma inqas probabbli li jwasslu għal tħassib.

4.6.3.2   Effetti fuq il-lokalizzazzjoni

116.

B'mod partikolari meta l-għajnuna għar-R&Ż&I tkun qrib is-suq, tista' twassal biex xi territorji jibbenefikaw minn kundizzjonijiet aktar favorevoli fir-rigward tal-produzzjoni sussegwenti, partikolarment minħabba spejjeż ta' produzzjoni komparattivament aktar baxxi b'riżultat tal-għajnuna, jew minħabba livelli ogħla ta' attivitajiet ta' R&Ż&I mwettqa permezz tal-għajnuna. Dan jista' jwassal lill-impriżi biex jirrilokaw lejn dawk it-territorji.

117.

Effetti ta' lokalizzazzjoni jistgħu wkoll ikunu rilevanti għall-infrastrutturi ta' riċerka. Jekk l-għajnuna tintuża primarjament biex tiġi attirata l-infrastruttura lejn reġjun partikolari bi ħsara għal ħaddieħor, hija ma tkunx qed tikkontribwixxi għall-promozzjoni ta' aktar attivitajiet ta' R&Ż&I fiż-ŻEE.

118.

Fl-analiżi tagħha ta' għajnuna individwali notifikabbli, l-Awtorità għalhekk tikkunsidra kull evidenza li l-benefiċjarju tal-għajnuna qies lokalizzazzjonijiet alternattivi.

4.7.   Transparenza

119.

Mill-1 ta' Lulju 2016, u bl-eċċezzjoni ta' għajnuna individwali taħt EUR 500 000, l-Istati tal-EFTA jridu jippubblikaw f'sit web komprensiv dwar l-għajnuna mill-Istat, fil-livell nazzjonali jew reġjonali, mill-inqas l-informazzjoni li ġejja dwar il-miżuri ta' għajnuna mill-Istat notifikati: it-test sħiħ tal-iskema ta' għajnuna u d-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni tagħha, jew il-bażi ġuridika għall-għajnuna individwali, jew link għaliha; l-identità tal-awtorità li qed tagħti l-għajnuna; l-identità tal-benefiċjarji individwali; l-għamla u l-ammont tal-għajnuna mogħtija lil kull benefiċjarju; id-data tal-għotja; it-tip ta' benefiċjarju (SME jew intrapriża kbira); ir-reġjun fejn jinsab il-benefiċjarju (fir-reġjun statistiku tal-livell 2 (50)); u s-setturi ekonomiċi prinċipali li fihom għandu l-attivitajiet tiegħu l-benefiċjarju (fil-livell tal-grupp NACE) (51). Din l-informazzjoni trid tkun ippublikata fi żmien sitt xhur mid-deċiżjoni tal-għotja jew, għal miżuri fiskali, fi żmien sena mid-data tad-dikjarazzjoni tat-taxxa, trid tinżamm għal mill-inqas 10 snin u trid tkun disponibbli għall-pubbliku ġenerali mingħajr restrizzjonijiet (52).

5.   EVALWAZZJONI

120.

Biex ikun żgurat aktar li d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-kummerċ ikunu limitati, l-Awtorità tista' titlob li skemi ta' għajnuna notifikabbli jkunu soġġetti għal limitu ta' żmien u għall-evalwazzjoni msemmija fil-punt 37. L-evalwazzjonijiet għandhom b'mod partikolari jitwettqu għal skemi fejn id-distorsjonijiet potenzjali jkunu partikolarment għoljin, jiġifieri skemi fejn ikun hemm riskju ta' restrizzjonijiet sinifikanti fil-kompetizzjoni jekk l-implimentazzjoni tagħhom ma tiġix analizzata f'waqtha.

121.

Minħabba l-objettivi tiegħu u sabiex ma jpoġġix piż sproporzjonat fuq l-Istati tal-EFTA u fuq miżuri ta' għajnuna iżgħar, ir-rekwiżit imsemmi fil-punt 120 se japplika biss għal skemi ta' għajnuna b'baġits kbar, li jkollhom karatteristiċi ġodda jew meta jkunu previsti bidliet sinifikanti fis-suq, fit-teknoloġija jew fir-regoli. L-evalwazzjoni trid titwettaq minn espert li jkun indipendenti mill-awtorità aġġudikanti tal-għajnuna fuq il-bażi ta' metodoloġija komuni (53) u trid issir pubblika. L-Istati tal-EFTA jridu jinnotifikaw, flimkien mal-iskema ta' għajnuna rilevanti, abbozz ta' pjan ta' evalwazzjoni, li se jkun parti integrali mill-valutazzjoni tal-Awtorità tal-iskema.

122.

Fil-każ ta' skemi ta' għajnuna esklużi mill-ambitu tar-Regolament tal-eżenzjoni ta' kategorija minħabba li jkollhom baġit kbir, l-Awtorità se tivvaluta l-kompatibbiltà tagħhom unikament abbażi tal-pjan ta' evalwazzjoni.

123.

L-evalwazzjoni trid tiġi ppreżentata lill-Awtorità fil-ħin biex tkun tista' ssir il-valutazzjoni tal-estensjoni possibbli tal-iskema tal-għajnuna u f'kull każ sa meta tispiċċa. L-ambitu u l-modalitajiet preċiżi ta' kull evalwazzjoni jkunu definiti fid-deċiżjoni ta' approvazzjoni tal-iskema tal-għajnuna. Kull miżura ta' għajnuna sussegwenti b'għan simili, inkluża kull alterazzjoni fl-iskemi tal-għajnuna msemmija fil-punt 122, trid tqis ir-riżultati tal-evalwazzjoni.

6.   RAPPURTAR U MONITORAĠĠ

124.

F'konformità mal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti u l-verżjoni kkonsolidata tad-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 195/04/COL (54), l-Istati tal-EFTA għandhom jippreżentaw rapporti annwali lill-Awtorità.

125.

L-Istati tal-EFTA għandhom iżommu reġistri ddettaljati rigward il-miżuri kollha ta' għajnuna. Dawn ir-reġistri jridu jinkludu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet li jirrigwardaw l-ispejjeż eliġibbli u l-intensitajiet massimi tal-għajnuna ġew issodisfati. Dawn ir-reġistri jridu jinżammu għal 10 snin mid-data tal-għoti tal-għajnuna u meta jintalbu jridu jiġu pprovduti lill-Awtorità.

7.   APPLIKABBILTÀ

126.

L-Awtorità se tapplika l-prinċipji stipulati f'dawn il-linji gwida għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna għar-R&Ż&I kollha notifikata li fir-rigward tagħha hija obbligata tieħu deċiżjoni wara d-data tal-adozzjoni ta' dawn il-linji gwida. Għajnuna illegali għar-R&Ż&I se tiġi vvalutata skont ir-regoli applikabbli fid-data li fiha ngħatat l-għajnuna.

127.

Skont l-Artikolu 1(1) tal-Parti I tal-Protokoll 3 tal-Ftehim taż-ZEE, l-Awtorità tipproponi li l-Istati tal-EFTA jemendaw, fejn meħtieġ, l-iskemi tal-għajnuna eżistenti tagħhom għar-R&Ż&I biex iġibuhom konformi ma' dawn il-linji gwida sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2015.

128.

L-Istati tal-EFTA huma mistiedna jagħtu l-approvazzjoni espliċita u bla kundizzjoni tagħhom għall-miżuri xierqa proposti fil-punt 127 fi żmien xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dawn il-linji gwida fis-sit web tal-Awtorità (55). Fin-nuqqas ta' risposta minn kwalunkwe Stat tal-EFTA, l-Awtorità tassumi li l-Istat tal-EFTA inkwistjoni ma jaqbilx mal-miżuri proposti.

8.   REVIŻJONI

129.

L-Awtorità tista' tiddeċiedi li tirrieżamina jew temenda dawn il-linji gwida f'kull ħin jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet marbuta mal-politika tal-kompetizzjoni jew biex tqis regoli taż-ŻEE u impenji internazzjonali oħra jew għal kull raġuni ġustifikata oħra.


(1)  Dawn il-Linji Gwida jikkorrispondu mal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Il-Qafas għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni, (ĠU C 198, 27.6.2014, p. 1)

(2)  Ir-riċerka u l-iżvilupp huma wkoll koperti mill-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE. Aktar informazzjoni tinsab fuq: http://www.efta.int/eea/policy-areas/flanking-horizontal-policies/research-innovation

(3)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Ewropa 2020 — Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv”, COM(2010) 2020 final, 3.3.2010.

(4)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Inizjattiva Ewlenija Ewropea 2020 — Unjoni tal-Innovazzjoni”, COM(2010) 546 final, 6.10.2010.

(5)  In-nefqa kumplessiva fir-R&Ż fl-Unjoni Ewropea (li minnha bejn wieħed u ieħor 1/3 hija pubblika u 2/3 privata) kienet ta' 2,06 % tal-PDG fl-2012, u żdiedet b'0,24 punti perċentwali mill-2005 (l-istatistika tal-EUROSTAT dwar l-indikaturi ewlenin: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/europe_2020_indicators/headline_indicators). Anki jekk in-nefqa privata fir-R&Ż bħala sehem tal-PDG żdiedet bi ftit mill-2008, madankollu, hemm differenzi kbar bejn l-Istati Membri tal-UE, setturi industrijali u atturi individwali (il-Kummissjoni Ewropea, “Research and Innovation performance in EU Member States and Associated Countries 2013”).

(6)  It-terminu “falliment tas-suq” jirreferi għal sitwazzjonijiet fejn is-swieq, meta jitħallew għar-rashom, x'aktarx ma jipproduċux riżultati effiċjenti.

(7)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat tal-UE (SAM)”, COM(2012) 209 final, 8.5.2012.

(8)  Bħall-finanzjament provdut taħt Orizzont 2020 jew il-programm tal-UE għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u tal-Intrapriżi Żgħar u Medji (COSME). Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104), ġie inkorporat bħala l-punt 1 fil-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE bid-Deċiżjoni Nru 109/2014 tas-16.5.2014 (għadha mhix ippubblikata). COSME huwa wieħed mill-programmi tal-UE li qed jiġu kkunsidrati jew li huma previsti li jiġu inkorporati fil-Ftehim taż-ŻEE. Il-lista sħiħa tal-programmi b'interess potenzjali għall-Ftehim taż-ŻEE tinsab hawn: http://www.efta.int/eea/eu-programmes

(9)  Għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' ditti f'diffikultà (ĠU L 97, 15.4.2005, p. 41 u s-Suppliment tal-Ftehim taż-ŻEE Nru 18, 14.4.2005, p. 1), kif imtawla mid-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 438/12/COL (ĠU L 190, 11.7.2013, p. 91 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 40, 11.7.2013, p. 15).

(10)  Ara l-Kawżi Magħquda T-244/93 u T-486/93, TWD Textilwerke Deggendorf GmbH v il-Kummissjoni [1995] Ġabra II-02265.

(11)  L-Awtorità tqis li huwa utli li jinżammu kategoriji differenti ta' attivitajiet ta' R&Ż irrispettivament mill-fatt li dawn l-attivitajiet jistgħu jsegwu mudell interattiv pjuttost milli mudell lineari.

(12)  Teknoloġiji abilitanti ewlenin huma definiti u identifikati fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Strateġija Ewropea għat-Teknoloġiji Ewlenin ta' Appoġġ — Pont għat-tkabbir u l-impjiegi”, COM(2012) 341 final, 26.6.2012.

(13)  Il-kriterji għall-analiżi tal-kompatibilità mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ZEE ta' għajnuna mill-Istat biex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta' proġetti importanti ta' interess komuni Ewropew, fosthom l-għajnuna għar-R&Ż&I, trid tiġi vvalutata skont l-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim taż-ZEE. L-Awtorità tista' tipprovdi linji gwida għall-valutazzjoni tal-miżuri tal-għajnuna mill-Istat favur proġetti importanti ta' interess komuni Ewropew li jikkorrispondu mal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Kriterji għall-analiżi tal-kompatibilità mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta' proġetti importanti ta' interess Ewropew komuni” (ĠU C 188, 20.6.2014, p. 4).

(14)  Ara l-linji gwida tal-Awtorità dwar ir-rati ta' referenza u skont (ĠU L 105, 21.4.2011, p. 32 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 23, 21.4.2011, p. 1).

(15)  Ara l-Artikolu 2(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta' Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (ERIC) (ĠU L 206, 8.8.2009, p. 1).

(16)  Definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (SMEs) (ĠU L 36, 5.2.2009, p. 62 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 6, 5.2.2009, p. 1).

(17)  Il-Kawża C-118/85, Il-Kummissjoni vs l-Italja [1987] Ġabra 2599, paragrafu 7; Il-Kawża C-35/96, Il-Kummissjoni vs l-Italja [1998] Ġabra I 3851, paragrafu 36; Il-Kawża C-309/99, Wouters [2002] Ġabra I-1577, paragrafu 46.

(18)  Il-Kawża C-263/86 Humble u Edel [1988] Ġabra I-5365, paragrafi 9-10, 15-18; Il-Kawża C-109/92 Wirth [1993] Ġabra I-06447, paragrafu 15; u s-sentenza tal-Qorti tal-EFTA tal-21 ta' Frar 2008 fil-Kawża E-5/07, Private Barnehagers Landsforbund, Qorti tal-EFTA Rep [2008] p. 62.

(19)  Ara pereżempju l-Kawżi NN54/2006, Přerov logistics College, u Nru 343/2008, Għajnuna individwali lill-Kulleġġ ta' Nyíregyháza għall-iżvilupp tal-Partium Knowledge Centre.

(20)  Ara l-punti 26-29 tal-linji gwida dwar l-applikazzjoni tar-regoli ta' għajnuna mill-Istat għall-kumpens mogħti għall-provvista tas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 161, 13.6.2013, p. 12 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 34, 13.6.2013, p. 1).

(21)  Taħriġ tal-ħaddiema, fis-sens tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-għajnuna għat-taħriġ, ma jikkwalifikax bħala attività primarja mhux ekonomika tal-organizzazzjonijiet ta' riċerka.

(22)  Forniment ta' servizzi ta' R&Ż u R&Ż imwettqa f'isem impriżi mhumiex meqjusa bħala R&Ż indipendenti.

(23)  Meta organizzazzjoni ta' riċerka jew infrastruttura ta' riċerka tkun iffinanzjata kemm pubblikament kif ukoll privatament, l-Awtorità se tqis li dan huwa każ fejn il-fondi pubbliċi allokati lill-entità rilevanti għal perjodu ta' kontabbiltà speċifiku jaqbżu l-ispejjeż tal-attivitajiet mhux ekonomiċi mġarrba f'dak il-perjodu.

(24)  Ara l-Kawża C-482/99 Franza v. il-Kummissjoni [2002] Ġabra I-4397, paragrafu 24.

(25)  Meta l-organizzazzjoni ta' riċerka jew l-infrastruttura ta' riċerka tipprovdi servizz ta' riċerka jew twettaq riċerka kuntrattwali speċifika għall-ewwel darba f'isem impriża partikolari, fuq bażi ta' prova u matul perjodu ta' żmien limitat b'mod ċar, l-Awtorità normalment tqis il-prezz mitlub bħala prezz tas-suq meta dak is-servizz ta' riċerka jew riċerka b'kuntratt ikunu uniċi u jista' jintwera li ma hemmx suq għalihom.

(26)  Dan ma jinkludix ftehimiet definiti dwar il-valur tas-suq tad-DPI li jirriżultaw u l-valur tal-kontribuzzjonijiet għall-proġett.

(27)  Ara l-Komunikazzjoni u d-dokument ta' ħidma tal-persunal assoċjat — komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjun, “L-akkwist pubbliku pre-kummerċjali: inrawmu l-innovazzjoni biex niżguraw servizzi pubbliċi sostenibbli u ta' kwalità għolja fl-Ewropa”, COM(2007) 799 final, 14.12.2007.

(28)  Ara l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku, li għadha mhix inkorporata fil-Ftehim taż-ZEE, u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65), inkorporat bħala l-punt 2 fl-Anness XVI (Akkwisti) tal-Ftehim taż-ZEE bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 68/2006 tat-2.6.2006 (ĠU L 245, 7.9.2006, p. 22 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 44, 7.9.2006, p. 18) u l-Artikolu 45 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwisti minn entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u s-servizzi postali, li għadha mhix inkorporata fil-Ftehim taż-ZEE) u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243), inkorporat bħala l-punt 4 fl-Anness XVI (Akkwisti) tal-Ftehim taż-ZEE bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 68/2006 tat-2.6.2006 (ĠU L 245, 7.9.2006, p. 22 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 44, 7.9.2006, p. 18). Bl-istess mod, fil-każ ta' proċedura ristretta skont it-tifsira rispettiva tal-Artikoli 28 tad-Direttiva 2014/24/UE u 46 tad-Direttiva 2014/25/UE, il-Kummissjoni wkoll tqis li l-impriżi ma jingħatawx għajnuna mill-Istat, sakemm il-fornituri interessati ma jinżammux milli jippreżentaw offerti mingħajr raġunijiet validi.

(29)  Dan ikun ukoll il-każ meta akkwirenti pubbliċi jakkwistaw soluzzjonijiet innovattivi li jirriżultaw minn akkwist pubbliku preċedenti ta' R&Ż, jew minn prodotti u servizzi mhux ta' R&Ż li jridu jkunu ta' livell ta' prestazzjoni li jkun jeħtieġ innovazzjoni ta' prodott, ta' proċess jew organizzazzjonali.

(30)  Mingħajr preġudizzju għall-proċeduri li jkopru kemm l-iżvilupp kif ukoll l-akkwist sussegwenti ta' prodotti jew servizzi uniċi jew speċjalizzati.

(31)  Ara pereżempju l-Kawża C-156/98 Il-Ġermanja v il-Kummissjoni [2000] Ġabra I-6857, paragrafu 78 u l-Kawża C-333/07 Régie Networks v Rhone Alpes Bourgogne [2008] Ġabra I-10807, paragrafi 94-116.

(32)  Ara l-Kawża C-225/91 Matra vs il-Kummissjoni [1993] Ġabra I-3203, paragrafu 42.

(33)  Il-kundizzjonijiet tal-kompatibbiltà stipulati f'Regolament ta' eżenzjoni ta' kategorija jibqgħu applikabbli b'mod sħiħ għal-każijiet l-oħrajn kollha ta' għajnuna individwali, fosthom meta din l-għajnuna tingħata abbażi ta' skema ta' għajnuna li hija soġġetta għall-obbligu ta' notifika.

(34)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 7.

(35)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 7.

(36)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 7.

(37)  Il-Kawżi Magħquda minn C-630/11 P sa C-633/11 P HGA u oħrajn v. il-Kummissjoni.UE:C:2013:387.

(38)  Jekk l-applikazzjoni għall-għajnuna tkun għal proġett ta' R&Ż&I, dan ma jeskludix li l-benefiċjarju potenzjali jkun diġà wettaq studji ta' fattibilità li ma humiex koperti mit-talba għall-għajnuna.

(39)  Fil-każ ta' għajnuna għal proġetti jew attivitajiet li jitwettqu f'fażijiet suċċessivi li jistgħu jkunu soġġetti għal proċeduri tal-għoti ta' għajnuna separati, ifisser li l-ħidma ma tistax tibda qabel l-ewwel applikazzjoni għal għanjuna. Fil-każ ta' għajnuna mogħtija skont skema ta' għajnuna fiskali awtomatika, din l-iskema trid tkun ġiet adottata u daħlet fis-seħħ qabel jibda kull xogħol fuq il-proġett jew attività megħjuna.

(40)  Anki jekk dan jista' ma jkunx possibbli ex ante għal miżuri ta' għajnuna li jkun kif għadhom ġew introdotti, l-Istati tal-EFTA jkunu mistennija jipprovdu studji ta' evalwazzjoni dwar l-effett ta' inċentiv tal-iskemi ta' għajnuna fiskali tagħhom (b'hekk metodoloġiji ppjanati jew maħsuba għall-evalwazzjonijiet ex post għandhom normalment ikunu parti mit-tfassil ta' tali miżuri). Fin-nuqqas ta' kwalunkwe studju ta' evalwazzjoni, l-effett ta' inċentiv tal-iskemi ta' għajnuna fiskali jista' jiġi preżunt biss għal miżuri inkrementali.

(41)  Il-valur preżenti nett ta' proġett huwa d-differenza bejn flussi ta' flus pożittivi u negattivi matul il-ħajja tal-investiment, skontat għall-valur attwali tagħhom (bl-użu tal-kost tal-kapital).

(42)  Ir-RRI mhijiex ibbażata fuq qligħ kontabbilizzat f'sena partikolari, iżda tqis il-fluss tal-flussi ta' flus futuri li l-investitur jistenna li jirċievi matul il-ħajja kollha tal-investiment. Hija definita bħala r-rata ta' skont li għaliha l-NPV tal-fluss ta' flussi ta' flus ikun żero.

(43)  Din il-kwalifika mhux bilfors trid issegwi approċċ kronoloġiku, li jimxi b'sekwenza maż-żmien, mir-riċerka fundamentali għall-attivitajiet li huma eqreb għas-suq. Għaldaqstant, xejn ma jżomm lill-Awtorità milli tikklassifika kompitu li jitwettaq fi stadju aktar tard ta' proġett bħala riċerka industrijali, waqt li ssib li attività mwettqa fi stadju aktar bikri tikkostitwixxi żvilupp sperimentali jew li ma għandha x'taqsam xejn mar-riċerka.

(44)  “The Measurement of Scientific and Technological Activities, Proposed Standard Practice for Surveys on Research and Experimental Development”, Manwal Frascati, OECD, 2002, kif emendat jew sostitwit. Għal skopijiet prattiċi, u sakemm ma jintweriex li għandha tintuża skala differenti f'każijiet individwali, il-kategoriji differenti ta' R&Ż jistgħu wkoll jitqiesu li jikkorrispondu għal-Livelli nru 1 ta' Preparazzjoni tat-Teknoloġija (riċerka fundamentali), 2-4 (riċerka industrijali) u 5-8 (żvilupp sperimentali) — ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Strateġija Ewropea għat-Teknoloġiji Ewlenin ta' Appoġġ — Pont għat-tkabbir u l-impjiegi”, COM(2012) 341 final, 26.6.2012.

(45)  Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet speċifiċi li japplikaw għal għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp fis-settur agrikolu u tas-sajd, kif stipulat f'Regolament ta' eżenzjoni ta' kategorija.

(46)  Ara l-linji gwida tal-Awtorità dwar ir-rati ta' referenza u skont (ĠU L 105, 21.4.2011, p. 32 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 23, 21.4.2011, p. 1).

(47)  Għall-kuntrarju, meta miżura ta' għajnuna fiskali tiddistingwi bejn kategoriji differenti ta' R&Ż, l-intensitajiet ta' għajnuna rilevanti ma għandhomx jinqabżu.

(48)  Fil-każ partikolari meta l-għajnuna sempliċement tippermetti li l-proġett jitlesta qabel, il-paragun għandu jirrifletti l-aktar il-kronoloġiji differenti f'termini ta' flussi ta' flus u dħul fis-suq tard.

(49)  Ara r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 734/2013 tat-22 ta' Lulju 2013 (ĠU L 204, 31.7.2013, p. 15), li għadu ma ġiex inkorporat fil-Ftehim taż-ZEE u l-Artikolu 6 tal-Parti II tal-Ftehim dwar l-istabbiliment ta' Awtorità ta' Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzja.

(50)  It-terminu “reġjun statistiku” qed jintuża minflok l-akronimu “NUTS” fil-Linji Gwida tal-Kummissjoni li jikkorrispondu ma' dan. NUTS huwa derivat mit-titolu “Nomenklatura tal-Unitajiet Territorjali għall-Istatistika” skont ir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26.5.2003 dwar l-istabbiliment ta' klassifikazzjoni komuni ta' unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) (ĠU L 154, 21.6.2003, p. 1). Dan ir-Regolament ma ġiex inkorporat fil-Ftehim taż-ZEE. Madankollu, sabiex jintlaħqu d-definizzjonijiet komuni f'talbiet dejjem jiżdiedu għal informazzjoni statistika fuq livell reġjonali, l-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat, u l-Istituti Nazzjonali tal-pajjiżi kandidati u tal-EFTA qablu li jiġu stabbiliti reġjuni ta' statistika simili għall-klassifikazzjoni NUTS.

(51)  Bl-eċċezzjoni tas-sigrieti kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra f'każijiet ġustifikati kif dovut u soġġett għall-qbil tal-Awtorità (Ara l-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar is-sigriet professjonali fid-deċiżjonijiet tal-għajnuna mill-Istat (ĠU L 154, 8.6.2006, p. 27 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 29, 8.6.2006, p.1) ). Għall-miżuri fiskali, l-informazzjoni dwar l-ammonti ta' għajnuna individwali tista' tingħata fil-firxiet li ġejjin (f'EUR miljuni): [0,5-1]; [1-2]; [2-5]; [5-10]; [10-30]; [30 u aktar].

(52)  Fil-każ ta' għajnuna mhux legali, l-Istati tal-EFTA se jkunu meħtieġa jiżguraw pubblikazzjoni ex post tal-istess informazzjoni, tal-anqas sitt xhur wara d-data tad-deċiżjoni tal-Awtorità. Din l-informazzjoni tkun disponnibbli f'format li jippermetti li d-dejta titfittex, tiġi estratta u faċilment ippubblikata fuq l-Internet, pereżempju f'format CSV jew XML.

(53)  Metodoloġija komuni bħal din tista' tiġi pprovduta mill-Awtorità.

(54)  Jinsab fuq: http://www.eftasurv.int/media/decisions/195-04-COL.pdf

(55)  Ara http://www.eftasurv.int/state-aid/legal-framework/state-aid-guidelines/

ANNESS I

SPEJJEŻ ELIĠIBBLI

Għajnuna għal proġetti ta' R&Ż

(a)

L-ispejjeż għall-persunal: riċerkaturi, tekniċi u persunal ieħor ta' sostenn sal-punt li jkunu impjegati għall-proġett.

(b)

Spejjeż tal-istrumenti u t-tagħmir sal-punt u għall-perjodu użati għall-proġett. Jekk dawn l-istrumenti u t-tagħmir ma jintużawx tul ħajjithom kollha fil-proġett, jitqiesu eliġibbli biss l-ispejjeż ta' deprezzament li jikkorrispondu mal-ħajja tal-proġett, kif ikkalkulati abbażi ta' prassi tajba tal-kontabbiltà.

(c)

Spejjeż tal-bini u l-art, sal-punt u għall-perjodu użati għall-proġett. Fir-rigward tal-bini, jitqiesu eliġibbli biss l-ispejjeż ta' deprezzament li jikkorrispondu mal-ħajja tal-proġett, kif ikkalkulati abbażi ta' prassi tajba tal-kontabbiltà. Għall-artijiet, huma eliġibbli l-ispejjeż tat-trasferiment kummerċjali jew l-ispejjeż tal-kapital realment imġarrba.

(d)

L-ispejjeż tar-riċerka kuntrattwali, l-għarfien u l-privattivi mixtrija jew liċenzjati minn sorsi barranin b'kundizzjonijiet ta' distakkament, kif ukoll l-ispejjeż tal-konsulenzi u s-servizzi ekwivalenti użati esklużivament għall-proġett.

(e)

Spejjeż ġenerali addizzjonali mġarrba direttament bħala riżultat tal-proġett.

(f)

Spejjeż operatorji oħra, li jinkludu spejjeż ta' materjali, provvisti u prodotti simili mġarrba direttament bħala riżultat tal-proġett.

Għajnuna għal studji ta' fattibbiltà

Spejjeż tal-istudju.

Għajnuna għall-kostruzzjoni u t-titjib ta' infrastrutturi ta' riċerka

Spejjeż tal-investiment f'assi tanġibbli u intanġibbli.

Għajnuna għall-innovazzjoni għall-SMEs

(a)

L-ispejjeż għall-kisba, il-validazzjoni u d-difiża ta' privattivi u assi intanġibbli oħrajn.

(b)

Spejjeż għall-issekondar ta' persunal bi kwalifiki għolja minn organizzazzjoni ta' riċerka u ta' tixrid tal-għarfien jew intrapriża kbira, li jaħdmu fuq attivitajiet tar-R&Ż&I f'funzjoni maħluqa ġdida fi ħdan il-benefiċjarju u li ma jiħdux post persunal ieħor.

(c)

Spejjeż għal servizzi ta' konsulenza u sostenn tal-innovazzjoni.

Għajnuna għall-innovazzjoni organizzazzjonali u tal-proċess

Spejjeż tal-persunal; spejjeż tal-istrumenti, it-tagħmir, il-bini u l-art sal-punt u għall-perjodu fejn ikunu użati għall-proġett; spejjeż tar-riċerka kuntrattwali, għarfien u privattivi mixtrija jew liċenzjati minn sorsi barranin b'kundizjonijiet ta' distakkament; l-ispejjeż ġenerali addizzjonali u operatorji oħrajn, li jinkludu l-ispejjeż ta' materjali, provvisti u prodotti simili, imġarrba direttament bħala riżultat tal-proġett.

Għajnuna għar-ragruppamenti ta' innovazzjoni

Għajnuna għall-investiment

Spejjeż ta' investiment f'assi tanġibbli u intanġibbli.

Għajnuna operatorja

Spejjeż tal-persunal u amministrattivi (inklużi spejjeż ġenerali) marbuta ma':

(a)

l-animazzjoni tar-ragruppament biex ikunu ffaċilitati l-kollaborazzjoni, il-qsim tal-informazzjoni u l-forniment jew l-għoti ta' direzzjoni lis-servizzi ta' sostenn kummerċjali speċjalizzati u personalizzati;

(b)

kummerċjalizzazzjoni tar-ragruppament biex tiżdied il-parteċipazzjoni ta' intrapriżi jew organizzazzjonijiet ġodda u biex tiżdied il-viżibilità;

(c)

il-ġestjoni tal-faċilitajiet tar-ragruppament; kif ukoll

(d)

l-organizzazzjoni ta' programmi ta' taħriġ, workshops u konferenzi b'sostenn għall-kondiviżjoni tal-għarfien u n-netwerking u l-kooperazzjoni tranżnazzjonali.

ANNESS II

INTENSITAJIET MASSIMI TAL-GĦAJNUNA

(%)

 

Intrapriża żgħira

Intrapriża ta' daqs medju

Intrapriża kbira

Għajnuna għal proġetti ta' R&Ż

Riċerka fundamentali

100

100

100

Riċerka industrijali

70

60

50

soġġetti għall-kollaborazzjoni effikaċi bejn l-impriżi (għall-intrapriżi kbar transfruntieri jew li jinvolvu tal-inqas SME waħda) jew bejn intrapriża u organizzazzjoni ta' riċerka; jew

soġġetti għal tixrid wiesgħa tar-riżultati

80

75

65

Żvilupp sperimentali

45

35

25

soġġetti għall-kollaborazzjoni effikaċi bejn l-impriżi (għall-intrapriżi kbar transfruntieri jew li jinvolvu tal-inqas SME waħda) jew bejn intrapriża u organizzazzjoni ta' riċerka; jew

soġġetti għal tixrid wiesgħa tar-riżultati

60

50

40

Għajnuna għal studji ta' fattibbiltà

70

60

50

Għajnuna għall-kostruzzjoni u t-titjib ta' infrastrutturi ta' riċerka

50

50

50

Għajnuna għall-innovazzjoni għall-SMEs

50

50

Għajnuna għall-innovazzjoni tal-proċess u organizzazzjonali

50

50

15

Għajnuna għar-ragruppamenti ta' innovazzjoni

Għajnuna għall-investiment

50

50

50

f'reġjuni megħjuna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim taż-ZEE

55

55

55

Għajnuna operatorja

50

50

50