19.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 179/77


DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA

Nru 20/14/COL

tad-29 ta' Jannar 2014

li temenda, għat-tnejn u disgħin darba, ir-regoli proċedurali u sostantivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat

L-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA,

WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), b'mod partikolari l-Artikoli 61 u 63 u l-Protokoll 26 tiegħu,

WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta' Awtorità ta' Sorveljanza u ta' Qorti tal-Ġustizzja, (2) u b'mod partikolari l-Artikoli 5(2)(b) u 24 tiegħu,

Billi:

Il-Kapitolu fil-Linji Gwida għall-Għajnuna mill-Istat tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA għall-bini tal-vapuri (3) skada fil-31 ta' Diċembru 2013 (4),

Dak il-Kapitolu jikkorrispondi għall-Qafas Komunitarju dwar l-għajnuna mill-Istat għall-bini tal-vapuri (5) li skada wkoll fil-31 ta' Diċembru 2013 (6),

Fis-6 ta' Diċembru 2013, il-Kummissjoni Ewropea (il-Kummissjoni) ippubblikat Komunikazzjoni li tikkonċerna l-estensjoni għall-applikazzjoni tal-Qafas dwar l-għajnuna mill-Istat għall-bini tal-vapuri sat-30 ta' Ġunju 2014 (7).

Kif stabbilit fil-paragrafu 10 tal-Qafas Komunitarju, il-Kummissjoni tipprevedi l-inklużjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna għall-innovazzjoni għall-bini tal-vapuri fil-Qafas Komunitarju dwar l-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni u l-integrazzjoni tal-għajnuna reġjonali għall-bini tal-vapuri fil-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali.

Fid-19 ta' Ġunju 2013, il-Kummissjoni adottat il-Linji Gwida l-ġodda dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-perjodu 2014–2020. L-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA wkoll adottat Linji Gwida ġodda dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-perjodu 2014–2020. Madankollu, iż-żewġ Linji Gwida se jkunu applikabbli biss mill-1 ta' Lulju 2014.

Il-Kummissjoni bħalissa qed teżamina wkoll il-Qafas dwar l-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni. Id-data tal-adozzjoni tal-Qafas il-ġdid dwar l-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni għadha mhix magħrufa imma hija l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ttemm dak il-proċess sat-30 ta' Ġunju 2014.

Meta jitqies li l-Awtorità tipprevedi wkoll l-estensjoni ta' dispożizzjonijiet orizzontali ġenerali għas-settur tal-bini tal-vapuri, kif stabbilit fil-paragrafu 10 tal-Linji Gwida tagħha għall-bini tal-vapuri, u sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat maż-Żona Ekonomika Ewropea kollha, il-perjodu tal-Kapitolu attwali dal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-bini tal-vapuri għandu jiġġedded.

Il-Kummissjoni u l-Istati tal-EFTA ġew ikkonsultati.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-ewwel sentenza tal-paragrafu 35 tal-Kapitolu fil-Linji Gwida għall-Għajnuna mill-Istat tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA għall-bini tal-vapuri jaqra kif ġej:

“(35)

L-Awtorità se tapplika l-prinċipji stabbiliti f'dawn il-linji gwida sat-30 ta' Ġunju 2014.”

Artikolu 2

Il-verżjoni bl-Ingliż biss hi awtentika.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Jannar 2014.

Għall-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA

Oda Helen SLETNES

Il-President

Frank BÜCHEL

Membru tal-Kulleġġ


(1)  Il-“Ftehim taż-ŻEE”.

(2)  Il-“Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti”.

(3)  ĠU L 31, 31.1.2013, p. 77, Suppliment taż-ŻEE Nru 7, 31.1.2013, p. 1.

(4)  Ara l-paragrafu 35 tal-Linji Gwida għall-Għajnuna mill-Istat tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA għall-bini tal-vapuri.

(5)  ĠU C 364, 14.12.2011, p. 9.

(6)  Ara l-paragrafu 35 tal-Qafas Komunitarju dwar l-għajnuna mill-Istat għall-bini tal-vapuri.

(7)  ĠU C 357, 6.12.2013, p. 1.