27.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 88/13


SENTENZA TAL-QORTI

tas-27 ta’ Novembru 2013

fil-Kawża E-6/13

Metacom AG v Rechtsanwälte Zipper & Collegen

(Libertà tal-avukati biex jipprovdu servizzi transfruntiera – Direttiva 77/249/KEE – Awtorappreżentanza – Ħtieġa ta' Notifika fil-liġi nazzjonali – Konsegwenzi ta' nuqqas ta' notifika)

2014/C 88/10

Fil-Kawża E-6/13, Metacom AG v Rechtsanwälte Zipper & Collegen – TALBA lill-Qorti skont l-Artikolu 34 tal-Ftehim bejn l-Istati EFTA dwar l-Istabbiliment ta' Awtorità ta' Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzja minn Fürstliche Landgericht des Fürstentums Liechtenstein (Il-Qorti Prinċipeska tal-Prinċipalità tal-Liechtenstein), dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 77/249/KEE tat-22 ta' Marzu 1977 biex tiffaċilita l-eżerċizzju minn avukati tal-libertà li jipprovdu servizzi, il-Qorti, magħmula minn Carl Baudenbacher, President, Per Christiansen (Imħallef-Rapporteur) u Páll Hreinsson, Imħallfin, taw is-sentenza taħghom fis-27 ta' Novembru 2013, li l-parti operativa tagħha hi kif ġej:

(1)

Avukat li jressaq proċedimenti fl-isem tiegħu stess fi Stat ŻEE ieħor minbarra dak li huwa stabbilit fih jista' jserraħ fuq il-libertà li jipprovdi servizzi u d-Direttva 77/249/KEE jekk ikun qed jaġixxi fi kapaċità professjonali, u jekk l-ordni legali nazzjonali tal-Istat ospitanti jipprevedi li avukat jista' jaġixxi f'ismu stess fil-kapaċità ta' avukat fi proċedimenti legali.

(2)

Regola nazzjonali bħall-Artikolu 59 tal-Att dwar l-Avukati ta' Liechtenstein, li jistipula li avukat stabbilit fi Stat ŻEE ieħor huwa meħtieġ, fiċ-ċirkostanzi kollha u fuq inizjattiva proprja, mhux biss jipprovdi dokumentazzjoni biex jistabilixxi l-kwalifiki tiegħu, iżda wkoll li jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ospitanti qabel ma jipprovdi servizzi f'dak l-Istat, u biex iġedded in-notifika annwalment, hija kuntrarju għall-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 77/249/KEE u l-Artikolu 36 ŻEE.

(3)

Nuqqas ta' konformità ma' regola nazzjonali bħall-Artikolu 59 tal-Att dwar l-Avukati ta' Liechtenstein ma tistax tkun kunsiderazzjoni rilevanti fir-rigward tal-possibbiltà ta' ħlas għal spejjeż legali relatati mal-forniment transfruntier ta' servizzi minn avukat.