10.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 107/69


DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA

Nru 303/13/COL

tat-10 ta' Lulju 2013

dwar Skema ta' Fond għal Titjiriet Charter għan-Norveġja ta' Fuq (In-Norveġja)

L-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA (L-“AWTORITÀ”),

WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim dwar iż-ŻEE”), u b'mod partikolari l-Artikolu 61 u l-Protokoll 26,

WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta' Awtorità ta' Sorveljanza u ta' Qorti tal-Ġustizzja (“il-Ftehim ta' Sorveljanza u tal-Qorti”), b'mod partikolari l-Artikolu 24,

WARA LI KKUNSIDRAT il-Protokoll 3 tal-Ftehim ta' Sorveljanza u Qorti (“il-Protokoll 3”), b'mod partikolari l-Artikolu 1(2) tal-Parti I u l-Artikoli 6, u 7(4) tal-Parti II,

Billi:

I.   IL-FATTI

1.   Il-proċedura

(1)

F'ittra datata t-2 ta' Mejju 2012, u wara diskussjonijiet ta' qabel in-notifika mal-Awtorità, l-awtoritajiet Norveġiżi nnotifikaw Skema ta' Fond għal Titjiriet Charter għan-Norveġja ta' Fuq, skont l-Artikolu 1(3) tal-Parti I tal-Protokoll 3 (1).

(2)

F'ittra datata s-27 ta' Ġunju 2012, (2) l-Awtorità informat lill-awtoritajiet Norveġiżi li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura ta' investigazzjoni formali stabbilita fl-Artikolu 1(2) tal-Parti I u l-Artikolu 6(1) tal-Parti II tal-Protokoll 3 fir-rigward tal-pjan li tingħata għajnuna skont l-Iskema tal-Fond għal Titjiriet Charter għan-Norveġja ta' Fuq.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Awtorità (Nru 246/12/COL) li jingħata bidu għall-proċedura ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment taż-ŻEE tiegħu (3).

(4)

L-awtoritajiet Norveġiżi ressqu l-kummenti tagħhom għad-Deċiżjoni Nru 246/12/COL f'ittra datata s-27 ta' Awwissu 2012 (4).

(5)

L-Awtorità rċeviet kummenti fuq id-Deċiżjoni Nru 246/12/COL minn tmien partijiet terzi interessati (5).

(6)

L-awtoritajiet Norveġiżi ressqu l-kummenti tagħhom dwar il-kummenti minn partijiet terzi f'ittri datati l-15 ta' Novembru 2012 (6) u t-23 ta' April 2013 (7).

2.   Deskrizzjoni tal-miżura proposta

2.1.   L-Iskema ta' Fond għal Titjiriet Charter

(7)

Il-miżura tikkonsisti f'li tiġi stabbilita Skema ta' Fond għal Titjiriet Charter (il-“Fond għal Titjiriet Charter” jew “l-Iskema”) li se jagħtu għajnuna lil operaturi turistiċi li jorganizzaw titjiriet charter (8) lejn tliet kontej fin-Norveġja ta' Fuq: Nordland, Troms u Finnmark (il-“Kontej”). Il-Fond għal Titjirier Charter se tkun impriża mingħajr skop ta' profitt li taġixxi bħala xprun għall-għoti ta' għajnuna. Il-kapitalizzazzjoni tal-Fond għat-titjiriet Charter se ssir b'fondi mit-tliet Kontej.

(8)

L-Iskema se tkopri titjiriet charter lejn l-ajruporti kollha fin-Norveġja ta' Fuq. L-awtoritajiet Norveġiżi indikaw li huma qed jistennew biss inġenji tal-ajru kbar (9)biex ikunu rilevanti minħabba li inġenji tal-ajru bħal dawn biss huma ġeneralment adattati għal titjiriet charter. (10) L-ajruporti kollha fin-Norveġja kollha għandhom kapaċità żejda.

(9)

L-għajnuna se tieħu l-forma ta' pagament sa massimu ta' 25 % tal-ispejjeż totali taċ-Charter imġarrba mill-operatur turistiku għal titjiriet eliġibbli u se tkun limitata biex tkopri biss dawn l-ispejjeż. (11)

(10)

L-awtoritajiet Norveġiżi jantiċipaw li l-Fond għal Titjiriet Charter se jwassal għal serje ta' 16-il titjira charter (12) b'seba' rotazzjonijiet ta' titjiriet għal kull serje ta' titjiriet charter, jiġifieri, total ta' 112 titjira b'rotazzjoni. Fattur tal-kabina ta' 60 % (13) huwa “l-agħar xenarju possibbli” li se jwassal għall-ogħla intensità tal-għajnuna. (14) Jekk wieħed jassumi medja fil-fattur tal-kabina ta' 60 %, l-ammont annwali totali ta' għajnuna mill-Fond għal Titjiriet Charter huwa stmat li jkun madwar NOK 8 400 000. (15)

(11)

L-Iskema hija parti minn strateġija ta' żvilupp reġjonali koerenti tal-awtoritajiet Norveġiżi. Wieħed mill-għanijiet ta' politika ewlenin tal-“Politika tan-Naħa ta' Fuq Estrema” huwa li “tissaħħaħ il-bażi għall-impjiegi, il-ħolqien tal-valur u l-benesseri madwar il-pajjiż permezz ta' sforz reġjonali u nazzjonali f'kooperazzjoni ma' msieħba minn pajjiżi oħrajn u gruppi indiġeni rilevanti”. (16) Il-politika għal Norveġja ta' Fuq tiffoka speċifikament fuq it-turiżmu, li għandha l-għan li tostakola d-depopolazzjoni billi jinħolqu l-impjiegi fl-industrija tat-turiżmu. L-istrateġija tat-turiżmu tal-Gvern Norveġiż tagħmel referenza wkoll għall-Fond għal Titjiriet Charter. (17) L-iffokar fuq it-turiżmu biex tiġi miġġielda d-depopolazzjoni hija politika importanti tal-awtoritajiet reġjonali fil-kontej ta' Nordland, Troms u Finnmark. (18)

(12)

Il-Fond għal Titjiriet Charter x'aktarx se jiġi organizzat bħala impriża fil-proprjetà tat-tliet Kontej. Il-Bord tad-Diretturi tal-Fond għal Titjiriet Charter se jaħtar grupp biex japprova applikazzjonijiet għall-għajnuna skont l-Iskema suġġetti għal ċerti kriterji li huma sodisfaċenti.

2.2.   L-għan u l-effett possibbli tal-miżura ta' għajnuna

(13)

L-għan tal-Fond għal Titjiriet Charter huwa li jiżdied l-użu tal-ajruporti fin-Norveġja ta' Fuq u b'hekk jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku fir-reġjun. Il-miżura ta' għajnuna hija maħsuba biex tnaqqas ir-riskju ekonomiku involut fl-operar ta' Titjiriet Charter (titjiriet mhux skedati) lejn in-Norveġja ta' Fuq.

(14)

Il-Kontej huma żoni b'densità baxxa ta' popolazzjoni b'densità ta' popolazzjoni medja ta' 4,2 abitanti għal kull kilometru kwadru u b'hekk jaqgħu taħt id-definizzjoni ta' “reġjuni l-inqas popolati” kif stabbilit fil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali tal-Awtorità. (19) Barra minn hekk, il-Kontej qed jiffaċċjaw tnaqqis fil-popolazzjoni.

(15)

Numru limitat ta' rotot b'titjiriet charter ġew imħaddma fil-passat lejn in-Norveġja ta' Fuq, madankollu, mingħajr suċċess. (20) Raġuni għal dan jista' jkun ir-regoli ta' kanċellazzjoni li japplikaw għat-titjiriet charter. Il-kanċellazzjoni fi stadju tard hija għalja ħafna. L-iskadenza biex tieħu deċiżjoni jekk tikkanċellax jew le titjira charter hija bosta xhur qabel l-operazzjoni tas-serje tat-titjiriet charter. Jekk il-bejgħ ta' biljetti f'dik id-data hija limitata, is-serje ta' titjiriet charter ta' spiss tkun ikkanċellata. L-operatur turistiku altrimenti jkun qed jieħu riskju li jkollu jħallas it-tariffa ta' kanċellazzjoni jew iġarrab it-telf korrispondenti għall-postijiet vojta. L-industrija tat-turiżmu temmen li jekk dak ir-riskju jitnaqqas, jseħħu bosta titjiriet. Titjiriet bħal dawn jistgħu saħansitra jagħmlu qligħ. Madankollu, l-operaturi turistiċi jidhru li jippreferu jikkanċellaw it-titjiriet minħabba r-riskju ta' postijiet vojta minflok ma jistennew u jittamaw li bejgħ tard irendi qligħ għat-titjira.

(16)

Fl-2010, l-istima tal-impatt ekonomiku fit-turiżmu fit-tliet Kontej kien ta' madwar NOK 14-il biljun. Dan jinkludi effetti kemm diretti kif ukoll indiretti tat-turiżmu. (21) It-tabella li ġejja tagħti xi eżempji tal-infiq turistiku maqsum bejn industriji differenti fit-tliet kontej. (22)

Kontea/industrija

Ikel/xorb

Passiġġieri trasport

Attivitajiet

Ikel/xorb

Ilbies u żraben

Souvenir, mapep eċċ.

Finnmark

311,7 miljun

470,8 miljun

51,1 miljun

192,9 miljun

45,8 miljun

23,2 miljun

Troms

453,9 miljun

1457,8 miljun

80,0 miljun

250,8 miljun

59,6 miljun

31,6 miljun

Nordland

664,0 miljun

2654,6 miljun

110,3 miljun

428,7 miljun

101,9 miljun

46,6 miljun

(17)

L-industrija tal-lukandi fin-Norveġja ta' Fuq tbati minn kapaċità żejda u marġni tal-operat baxx. Barra minn hekk, l-użu tal-kapaċità jvarja konsiderevolment matul is-sena. Waħda mill-isfidi għall-industrija tat-turiżmu hija il-ħafna xogħol tal-istaġun. L-awtoritajiet Norveġiżi jassumu li l-Iskema se twassal għal żieda fit-turiżmu fl-istaġjun baxx, b'effett partikolarment pożittiv fuq l-impjiegi fl-industrija tat-turiżmu. Fl-2012, ġie stmat li vjaġġaturi lejn in-Norveġja ta' Fuq jonfqu NOK 9000 (għal kull persuna) fir-reġjun. (23) L-awtoritajiet Norveġiżi jassumu li livell baxx ta' għajnuna mill-Fond għal Titjiriet Charter se jwassal għal ammont għoli ta' infiq mit-turisti fil-qasam fil-mira tal-Iskema. Dan jista' jiġi spjegat mit-tabella li ġejja. (24)

Il-fattur medju tal-kabina

Numru ta' turisti għall-ewwel sena

Għajnuna mill-Fond għal Titjiriet Charter

L-infiq turistiku

L-ispiża tal-Fond għal Titjiriet Charter/l-infiq turistiku

60 %

10 714

8 400 000

96 422 400

8,7 %

61 %

10 892

7 980 000

98 029 440

8,1 %

62 %

11 071

7 560 000

99 636 480

7,6 %

63 %

11 249

7 140 000

101 243 520

7,1 %

64 %

11 428

6 720 000

102 850 560

6,5 %

65 %

11 606

6 300 000

104 457 600

6,0 %

66 %

11 785

5 880 000

106 064 640

5,5 %

67 %

11 964

5 460 000

107 671 680

5,1 %

68 %

12 142

5 040 000

109 278 720

4,6 %

69 %

12 321

4 620 000

110 885 760

4,2 %

70 %

12 499

4 200 000

112 492 800

3,7 %

71 %

12 678

3 780 000

114 099 840

3,3 %

72 %

12 856

3 360 000

115 706 880

2,9 %

73 %

13 035

2 940 000

117 313 920

2,5 %

74 %

13 213

2 520 000

118 920 960

2,1 %

75 %

13 392

2 100 000

120 528 000

1,7 %

76 %

13 571

1 680 000

122 135 040

1,4 %

77 %

13 749

1 260 000

123 742 080

1,0 %

78 %

13 928

840 000

125 349 120

0,7 %

79 %

14 106

420 000

126 956 160

0,3 %

80 %

14 285

0

128 563 200

0,0 %

2.3.   Bażi legali nazzjonali għall-miżura tal-għajnuna

(18)

Injezzjonijiet ta' kapital mill-Kontej għall-Fond għal Titjiriet Charter se jsiru fuq il-baġits tiegħu. Il-bażi legali għall-għajnuna mogħtija se tkun deċiżjoni baġitarja meħuda mill-Kontej. (25)

(19)

Il-Fond għal Titjiriet Charter għandu jkun intitolat li jagħmel għotjiet ta' għajnuna bbażat fuq l-istatuti tiegħu (by-laws); se jiġu stipulati l-ftehimiet standard bejn il-Fond għal Titjiriet Charter u l-benefiċjarji tal-għajnuna.

2.4.   Benefiċjarji

(20)

L-applikanti għal għajnuna mill-Fond għal Titjiriet Charter se jkunu l-operaturi turistiċi, jiġifieri l-operatur charter. L-applikazzjonijiet kollha għall-Fond għal Titjiriet Charter għandhom ikunu appoġġjati minn tliet partijiet:

L-operatur turistiku, li hu s-sussidjarju dirett li jirċievi l-għajnuna;

Il-fornitur tad-destinazzjoni, li jista' tkun kumpanija ta' ġestjoni tad-destinazzjoni, lukanda, uffiċċju ta' informazzjoni għal turisti, jew kwalunkwe fornitur kummerċjali ieħor ta' servizzi turistiċi. Għajnuna mill-Fond għal Titjiriet Charter mhux se tingħata għal “pakketti ta' titjiriet biss”. Għandu jintwera li l-pakkett ta' tour ta' miżuri jinkludi “arranġament fuq l-art” fiż-żona li tkun fil-mira tal-Iskema, b'valur ta' mill-inqas NOK 800 għal kull turist;

Il-linja tal-ajru, għandha tistabbilixxi l-ispejjeż kollha, l-iskadenzi, il-penali, l-obbligi u r-responsabbiltajiet applikabbli għas-serje ta' titjiriet charter.

(21)

Il-grupp ta' approvazzjoni tal-Fond għal Titjiriet Charter jista' jirrifjuta applikazzjoni jekk:

Il-limitazzjonijiet tal-fond stabbiliti mill-Bord tad-Diretturi tal-Fond għal Titjiriet Charter għall-perijodu inkwistjoni ġew milħuqa;

Huwa maħsub li kwalunkwe wieħed mill-imsieħba ta' sostenn tal-benefiċjarju mhux se jkun jista' jħallas il-prestazzjoni kummerċjali mistennija deskritta fl-applikazzjoni;

L-applikazzjoni mhijiex kompluta jew ma tikkonformax mal-linji gwida tal-Fond għal Titjiriet Charter.

(22)

Il-Fond għal Titjiriet Charter se jagħti għajnuna lil operaturi turistiċi li joperaw titjiriet charter lejn in-Norveġja ta' Fuq. Dawn l-operaturi jistgħu jinsabu ġewwa jew barra n-Norveġja ta' Fuq jew ġewwa jew barra ż-ŻEE.

2.5.   L-intensità tal-għajnuna, l-ispejjeż eleġibbli, it-trikkib fuq skemi oħrajn

(23)

L-għajnuna se tieħu l-forma ta' pagament massimu sa 25 % tal-ispejjeż totali tat-titjiriet charter u se tkun limitata għal dawn l-ispejjeż biss (jiġifieri, l-obbligi finanzjarji skont il-kuntratt bejn operatur turistiku u l-linja tal-ajru). Spejjeż oħra mħallsa minn operaturi turistiċi mhumiex spejjeż eliġibbli skont l-Iskema.

(24)

L-għajnuna se tiġi kkalkulata b'referenza għall-“fattur tal-kabina” tal-medja ta' titjiriet operati taħt is-serje ta' titjiriet charter, esklużi vjaġġi vojta. (26) Il-fattur tal-kabina se jiġi ddeterminat skont l-għadd reali ta' passiġġieri li jkunu se jitilqu diviża bil-massimu ta' kapaċità ta' postijiet tal-inġenji tal-ajru. Id-dejta dwar il-passiġġieri se tkun ibbażata fuq in-numri uffiċjali li jiġu rreġistrati mill-awtoritajiet Norveġiżi tal-ajruporti. Vjaġġi vojta mhux se jitqiesu meta tiġi kkalkulata l-medja fil-fattur tal-kabina iżda se jiġu inklużi meta l-ispejjeż totali eliġibbli għas-serje ta' titjiriet charter jiġu kkalkulati.

(25)

L-operaturi turistiċi se jkunu meħtieġa jistabbilixxu punt ta' profitabbiltà ta' 80 % tal-fattur tal-kabina. (27) Jekk il-bejgħ jilħaq biss 60 % tal-fattur tal-kabina jew inqas, il-Fond għal Titjiriet Charter se jirrimborża l-operatur turistiku b'25 % tal-ispejjeż tat-titjiriet charter, li se tkun l-intensità massima tal-għajnuna. Għalhekk, is-sostenn massimu (25 %) se jingħata għal fatturi tal-kabina ta' 60 % jew inqas. L-għajnuna se tonqos għal żero meta l-fattur tal-kabina jilħaq 80 %. Dan jintwera fit-tabella li ġejja. (28)

Il-fattur tal-kabina

Id-dħul mill-bejgħ (NOK)

Għajnuna mill-Fond għal Titjiriet Charter (NOK)

50 %

187 500

75 000

55 %

206 250

75 000

60 %

225 000

75 000

65 %

243 750

56 250

70 %

262 500

37 500

75 %

281 250

18 750

80 %

300 000

0

(26)

Jekk l-inġenju tal-ajru mħaddem taħt serje ta' titjiriet charter jilħaq il-fattur tal-kabina bejn 60 % — 80 %, il-kontribuzzjoni mħallsa mill-Fond għal Titjiriet Charter se tkopri telf imġarrab mill-operatur turistiku f'konnessjoni mas-serje ta' titjiriet charter. Iċ-ċifra li ġejja turi kif se jaħdem il-Fond għal Titjiriet Charter. (29)

Image

(27)

Kif muri fiċ-ċifra ta' hawn fuq, jekk t-titjiriet jiġu operati b'fattur tal-kabina ta' inqas minn 60 %, l-operatur turistiku se jitlef il-flus, billi t-tqabbil ta' bejgħ mid-dħul u l-intensità ta' għajnuna ta' 25 % mhux se jkunu biżżejjed biex jintlaħaq il-punt ta' ekwilibriju. L-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Fond għal Titjiriet charter se tkopri biss it-telf tal-operatur turistiku meta l-fattur tal-kabina jkun bejn 60 % u 80 %.

(28)

L-għajnuna se titħallas lill-operaturi turistiċi mill-Fond għal Titjiriet Charter wara li jkun sar serje ta' titjiriet charter lejn in-Norveġja ta' Fuq u wara li l-grupp ta' approvazzjoni tal-Fond għal Titjiriet Charter ikun evalwa u kkonferma li huma ssodisfati l-kriterji kollha għall-għoti.

(29)

Għajnuna skont il-Fond għal Titjiriet Charter tista' tiġi kumulata ma' forom oħra ta' għajnuna. Il-finanzjament tal-istess spejjeż eliġibbli taħt skemi oħrajn se jiġi kkoordinat mill-Fond għal Titjiriet Charter u l-ammonti massimi ta' għajnuna fil-linji gwida applikabbli mhux se jinqabżu. L-għajnuna operatorja skont il-Fond għal Titjiriet Charter ma tistax tiġi kumulata b'appoġġ de minimis fir-rigward tal-istess spejjeż eliġibbli biex jiġu evitati l-intensitajiet massimi tal-għajnuna stipulati fil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali.

2.6.   Monitoraġġ u reklamar

(30)

Il-Fond għal Titjiriet Charter se jkun ippubblikat f'sottopaġna ġdida fis-sit (30) tal-Avinor AS' u fuq www.visitnorthnorway.com.

(31)

Il-Fond għal Titjiriet Charter se jiżgura li lista ta' operaturi turistiċi li jirċievu l-għajnuna tiġi ppubblikata kull sena, f'kull każ billi jiġi indikat is-sors tal-finanzjament pubbliku, il-kumpanija benefiċjarja, l-ammont tal-għajnuna mħallsa u l-għadd ta' passiġġieri kkonċernat.

(32)

Fil-każ li operatur turistiku jonqos milli jikkonforma mal-kriterji stabbiliti mill-Fond għal Titjiriet Charter meta tingħata l-għajnuna, mekkaniżmi għall-penali se japplikaw.

2.7.   Baġit u tul ta' żmien

(33)

Il-baġit tal-Fond għal Titjiriet Charter għall-ewwel tliet snin ta' ħidma se jammonta għal NOK 30 miljun. Minn hemm' il quddiem, aktar kapital se jiġi investit biss jekk meħtieġ. Il-bażi kapitali massima m'għandhiex tkun iktar minn NOK 30 miljun. L-għotja massima possibli ta' għajnuna mill-Fond għal Titjiriet Charter se tkun NOK 15-il miljun fis-sena (massimu ta' għajnuna assoluta). Madankollu, huwa stmat li l-ammont ta' għajnuna mogħtija mill-Fond għal Titjiriet Charter se jkun b'mod sinifikanti taħt NOK 10 miljuni fis-sena.

(34)

L-awtoritajiet Norveġiżi indikaw li l-Fond għal Titjiriet Charter ikun operattiv għal 10 snin.

2.8.   Raġunijiet li wasslu għall-ftuħ tal-proċedura ta' investigazzjoni formali

(35)

Abbażi tal-informazzjoni mressqa mill-awtoritajiet Norveġiżi, l-Awtorità tqis li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE huma sodisfatti u li l-Iskema notifikata tinvolvi għajnuna mill-Istat. Fid-Deċiżjoni tal-Awtorità (Nru 246/12/COL), l-Awtorità esprimiet dubji dwar jekk l-Iskema tikkonformax mal-Artikolu 61(3) tal-Ftehim taż-ŻEE, moqrija flimkien mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali tal-Awtorità. Id-dubji kienu b'mod partikolari relatati mal-fatt jekk l-għajnuna operatorja tistax tingħata biex tidderieġi riċevituri li jinsabu barra r-reġjun ta' Norveġja ta' Fuq.

3.   Kummenti mill-partijiet terzi

(36)

L-Awtorità rċeviet kummenti mingħand tmien partijiet terzi interessati, seba' favur il-Fond għal Titjiriet Charter: Innovative Experiences, (31) NHO Reiseliv, (32) Avinor, VinterTroms AS, (33) Northern Norway Tourist Board Ltd, Hotel chains Rica Hotels u Thon Hotels, u Voigt Travel b.v.; u wieħed kontra: NHO Luftfart. (34)

(37)

Il-partijiet terzi kollha favur il-Fond għal Titjiriet Charter jappoġġjaw bil-qawwa l-Fond għal Titjiriet Charter u jissottomettu li huwa ta' importanza kbira ħafna għall-iżvilupp reġjonali ta' Norveġja ta' Fuq u għal Norveġja ta' Fuq bħala destinazzjoni turistika. Xi wħud mill-kummenti sottomessi lill-Awtorità huma:

Sabiex tiġi żviluppata esperjenza profittabbli matul is-sena ta' turiżmu bbażat fuq l-esperjenza fin-Norveġja ta' Fuq, l-aċċess għal gruppi fil-mira internazzjonali importanti huwa vitali. Iż-żieda fil-passiġġieri li jaslu fix-xitwa hija importanti ħafna, u aktar titjiriet charter diretti se jappoġġaw dan l-iżvilupp. Għal waqfiet qosra jew żjarat barra l-istaġun tas-sewqan fis-sajf lejn in-Norveġja ta' Fuq, jew l-użu ta' xarabank jew ferroviji, mhijiex għażla għal gruppi fil-mira. In-Norveġja ta' Fuq teħtieġ aktar operazzjonijiet matul is-sena kollha sabiex jiġu żgurati persunal kompetenti għall-industrija tat-turiżmu, u sabiex jiġu sostnuti kundizzjonijiet vitali u attraenti għar-reġjun fis-snin li ġejjin. Hemm relazzjoni qawwija bejn ir-reġjun bħala reġjun popolat u attraenti biex tgħix fih, u n-Norveġja ta' Fuq bħala reġjun għat-turiżmu sostenibbli, awtentiku u matul is-sena kollha.

In-Norveġja ta' Fuq hi mhedda mid-depopolazzjoni. Bl-eċċezzjoni ta' Tromsø, l-ajruporti kollha fir-reġjun għandhom kapaċità terminali żejda suffiċjenti li tista' tiġi utilizzata għal titjiriet internazzjonali, għall-benefiċċju tar-reġjun. Il-miżura nnotifikata se tgħin biex l-ajruporti tal-Avinor fin-Norveġja ta' Fuq isiru gateway b'ċertu saħħa lokali għat-turiżmu. Dan se jikkontribwixxi għal iktar xogħol f'din iż-żona, u l-iżvilupp tat-turiżmu għalhekk se jkollu effetti pożittivi sinifikanti reġjonali.

Sfida partikolari fl-industrija tat-turiżmu fin-Norveġja ta' Fuq hija kif se joperaw matul is-sena kollha u jiżguraw li hemm bażi tal-klijenti suffiċjenti matul ix-xhur tax-xitwa biex tkun sostenibbli u profittabbli.

Għall-iżvilupp tat-turiżmu tax-xitwa lejn in-Norveġja ta' Fuq, titjiriet charter huma prijorità. Il-Fond għal Titjiriet Charter se jkun kruċjali għall-iżvilupp ta' traffiku tax-xitwa profittabbli u għall-impjiegi matul is-sena kollha fl-industrija tat-turiżmu fir-reġjun.

Hija l-intenzjoni ta' Northern Norway Tourist Board Ltd li żżid in-numru ta' viżitaturi għaż-żona bi kważi 100 %, minn 2,9 miljun sa 5 miljuni, sal-2018. Biex jintlaħaq dan l-għan, it-titjiriet charter huma estremament importanti u, skont l-operaturi turistiċi, l-unika triq biex id-destinazzjonijiet isiru aċċessibbli.

Għal operaturi turistiċi l-isfida hija r-riskju ta' falliment, billi n-Norveġja ta' Fuq hija destinazzjoni ġdida u ħafna minnhom diġà jbigħu prodotti simili fi swieq kompetittivi. Għalhekk, li jimtlew it-titjiriet charter u li l-operazzjoni ssir profittabbli bi prezz xieraq mhijiex ħaġa faċli.

Il-fatt li kien hemm tnaqqis sinifikanti f'charters ta' xarabanks mill-Ewropa lejn in-Norveġja ta' Fuq matul l-aħħar ftit snin ifisser li hemm ħtieġa biex jissostitwixxu dan it-traffiku ma' traffiku ġdid, bħal titjiriet charter.

Titjiriet charter joperaw minn ajruport konvenjenti għall-klijent min-naħa waħda, direttament lejn id-destinazzjoni magħżula, u b'hekk jiġu evitati l-ħela ta' ħin, id-dewmien, l-ispejjeż u l-enerġija ikkawżati mill-ivvjaġġar tranżit fuq diversi titjiriet skedati.

It-tħaddim ta' titjiriet charter huwa operazzjoni b'riskji għoljin, billi t-termini ta' kanċellazzjoni tal-linji tal-arju ma jikkoinċidux mal-imġiba ta' bbukkjar ta' klijenti. Inċentiv li se jnaqqas ir-riskji jista' jinkoraġġixxi t-traffiku ukoll għal destinazzjoni relattivament ġdida (fix-xitwa) (in-Norveġja ta' Fuq).

It-tħejjija u l-bejgħ ta' programmi turistiċi lin-Norveġja ta' Fuq bl-użu ta' rotot skedati tradizzjonali fin-Norveġja mhumiex ikkunsidrati bħala alternattiva. Pakketti li jinkludu t-trasport b'titjiriet skedati jkunu prodott totalment differenti u jinvolvu d-dħul f'qasamtas-suq li huwa differenti għal kollox.

(38)

Taqsira tal-kummenti ewlenin tal-parti terza li tesprimi żvantaġġ f'rabta mal-Fond għal titjiriet charter tinsab hawn taħt: (35)

Mhuwiex korrett li ftit rotot biss li ma jirnexxux ġew imħaddma matul l-aħħar snin. Pereżempju, SAS ħadmet rotot b'titjiriet charter minn Tromsø, Evenes u Bodø f'bosta destinazzjonijiet fl-Ewropa għal bosta snin, u b'żieda regolari annwali matul l-aħħar ftit snin. Huwa għalhekk possibbli li rotot bħal dawn jitħaddmu fuq bażi kummerċjali.

Huwa qarrieqi li ssostni li l-operaturi turistiċi jieħdu l-akbar riskji marbuta b'titjiriet charter. Pereżempju, SAS toffri kuntratt standard li jippermetti kanċellazzjoni mingħajr spiża żejda sa 60 jum qabel it-titjira. Kanċellazzjoni wara tkun suġġetta għall-pagament ta' miżata.

Is-sistema tar-rotta tal-ajru Norveġiża hija mibnija madwar il-prinċipju “b'ċentru stabbli b'ħafna konnessjonijiet differenti possibbli” (“hub and spokes” principle). Oslo Lufthavn Gardermoen jservi bħala punt naturali għat-traffiku kollu lejn in-Norveġja, li serva bħala bażi għall-iżvilupp ta' sistema tat-trasport bl-ajru domestika b'saħħitha. Għalhekk, hemm interrelazzjoni kompetittiva diretta bejn ir-rotot tal-ajru attwali lejn/min-Norveġja ta' Fuq u kwalunkwe rotot ġodda b'titjira charter li jkunu ssussidjati mill-Fond għal Titjiriet Charter. Hemm għadd sinifikanti ta' passiġġieri internazzjonali fuq ir-rotot tal-ajru ordinarji lejn in-Norveġja ta' Fuq.

L-Iskema se jkollha konsegwenzi ekonomiċi diretti għal kumpaniji li joperaw titjiriet skedati ordinarji.

L-Iskema se tiddiskrimina bejn tali titjiriet charter eliġibbli għall-għajnuna u possibbilment rotot tal-ajru ordinarji ġodda minn barra direttament lejn in-Norveġja ta' Fuq. Għajnuna mill-Istat għal titjiriet charter se timpedixxi l-bidu ta' rotot skedati ġodda u tkun qed tikser il-prinċipju fundamentali ta' kompetizzjoni ekwa.

Titjiriet interkontinentali normalment jeħtieġu fattur tal-kabina iktar minn 80 % biex jagħmlu qligħ. Sabiex ikun hemm offerta ta' trasport bl-ajru tajba 'l ġewwa lejn in-Norveġja minn destinazzjonijiet Ewropej, it-tqegħid ta' bażijiet tal-ajruport hu deċiżiv. Pereżempju, biex jattiraw turisti Brittaniċi direttament lejn destinazzjonijiet iżgħar fin-Norveġja ta' Fuq, bażi fir-Renju Unit jkun ta' vantaġġ kompetittiv sinifikanti. Għalhekk, fil-prattika, l-Iskema se tiffavorixxi trasportaturi bl-ajru barranin.

Huwa kompletament possibbli għall-awtoritajiet Norveġiżi li jixtru rotot ta' trasport bl-ajru skont ir-Regolament Nru 1008/2008. (36)

4.   Kummenti mill-Awtoritajiet Norveġiżi

(39)

L-awtoritajiet Norveġiżi taw il-kummenti tagħhom dwar id-Deċiżjoni Nru 246/12/COL f'ittra datata s-27 ta' Awwissu 2012 (37) u l-opinjonijiet tagħhom dwar il-kummenti minn partijiet terzi f'ittri ddatati l-15 ta' Novembru 2012 u t-23 ta' April 2013. (38)

(40)

Il-biċċa l-kbira taż-żoni tal-Artiku fin-Norveġja ta' Fuq, isofru minn problemi relatati ma' grad baxx ta' diversifikazzjoni industrija lokali, kif ukoll problemi li jirriżultaw mid-distanza, distanzi twal interni u esterni u kundizzjonijiet klimatiċi ħorox. Il-Fond għal Titjiriet Charter hu maħsub biex jikkontribwixxi għad-diversifikazzjoni tal-industrija fiż-żona, il-ħolqien tal-impjiegi fis-settur tat-turiżmu u s-setturi relatati miegħu. Il-Kontej jemmnu li l-Fond għal Titjiriet Charter se jkun għodda importanti li bih irażżnu d-depopolazzjoni taż-żona.

(41)

Huwa kompletament konformi mal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali li tingħata għajnuna lil xi impriża li tinsab barra ż-żona rilevanti sakemm l-effett maħsub tal-għajnuna jseħħ fir-reġjun eliġibbli għal għajnuna reġjonali. Il-Fond għal Titjiriet Charter hu maħsub li jkollu effett fit-tliet Kontej tan-Norveġja ta' Fuq.

(42)

Il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali u l-Linji Gwida dwar il-finanzjament tal-ajruporti u l-għajnuna tal-bidu lil-linji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjonali ma għandhomx xi limitazzjonijiet fuq l-għoti ta' għajnuna operatorja fuq il-bażi ta' fejn jinsab il-benefiċjarju, sakemm l-effett maħsub iseħħ fir-reġjun ikkonċernat. Barra minn hekk, il-prattika tal-Kummissjoni tal-UE u tal-Awtorità skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE u l-Artikolu 61(3)(c) taż-ŻEE rispettivament, kemm fir-rigward ta' għajnuna operatorja kif ukoll ta' għajnuna tal-bidu lil ajruporti reġjonali, ippermettiet għajnuna operatorja mingħajr kwalunkwe limitazzjonijiet fuq il-post tal-benefiċjarju.

(43)

Ir-rabta bejn l-għajnuna u ż-żona mmirata hija ċara. Iċ-ċifra li ġejja turi kif il-Fond għal Titjiriet Charter hu maħsub biex iġib effetti pożittivi lejn in-Norveġja ta' Fuq. (39)

Image

(44)

L-attività ekonomika maħluqa se jkollha bosta effetti. Il-linja tal-ajru se tirċievi introjtu mill-operatur tat-titjiriet charter għall-kiri tal-inġenju tal-ajru. L-operatur turistiku se jirċievi introjtu mit-titjiriet charter. L-impatt ewlieni huwa l-effett fuq l-ekonomija tan-Norveġja ta' Fuq, kif muri bil-vleġġeġ fil-kantuniera lejn in-naħa t'isfel tal-lemin fiċ-ċifra ta' hawn fuq. Il-Fond għal Titjiriet Charter ma fih l-ebda limitazzjonijiet fuq il-pożizzjoni tal-operatur turistiku li qed jikri l-inġenju tal-ajru, iżda l-operatur turistiku se jirċievi biss għajnuna jekk jopera serje ta' titjiriet charter lejn ajruport reġjonali fin-Norveġja ta' Fuq.

(45)

L-Iskema hija kemm neċessarja kif ukoll xierqa. (40)

(46)

Il-Kontej jemmnu li l-Fond għal Titjiriet Charter hu kompatibbli mal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali. Jekk l-Awtorità ma taqbilx, il-Kontej jissottomettu li l-Iskema madankollu hija kompatibbli mal-Ftehim taż-ŻEE, jew fuq il-bażi tal-Linji Gwida dwar il-finanzjament tal-ajruporti u l-għajnuna tal-bidu lil-linji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjonali, jew fuq il-bażi tal-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim ŻEE direttament.

(47)

Rigward il-kummenti minn partijiet terzi, l-awtoritajiet Norveġiżi kkumenatw b'mod partikolari dwar l-osservazzjonijiet magħmula minn NHO Luftfart. (41) L-awtoritajiet Norveġiżi jikkunsidraw li xi wħud minn dawn l-osservazzjonijiet jidhru li jiddependu fuq xi opinjonijiet diverġenti tal-fatti.

Il-Kontej qatt ma kkontestaw l-eżistenza ta' titjiriet charter min-Norveġja ta' Fuq għal destinazzjonijiet ta' vakanza fin-Nofsinhar tal-Ewropa. Madankollu, dan huwa suq differenti minn dak inkwistjoni. Is-suq rilevanti fil-każ preżenti attwali hu l-provvista u d-domanda għal titjiriet charter lejn in-Norveġja ta' Fuq.

Il-Kontej mhumiex konxji ta' kuntratti li joffru termini favorevoli ta' kanċellazzjoni kif imsemmi minn NHO Luftfart. Operaturi u aġenti oħra fl-industrija ddikjaraw li t-terminu standard f'kuntratti ta' titjira charter huwa depożitu ta' 5-10 % bil-quddiem li mhux rifondibbli, jew miżata ta' kanċellazzjoni ta' 5-10 %. F'kull eventwalità, skadenza ta' 60 jum għal kanċellazzjoni mingħajr ħlas xorta waħda tesponi l-operaturi turistiċi għal riskju konsiderevoli, minħabba li hemm tendenza universali lejn prenotazzjonijiet aktar tard.

Il-Kontej huma inċerti f'dak li għandu x'jaqsam mar-rilevanza tal-argument ta' NHO Luftfart li s-sistema ta' rotot tal-ajru fin-Norveġja hija bbażata fuq sistema ta' “b'ċentru stabbli b'ħafna konnessjonijiet differenti possibbli” (“hub and spokes” principle). L-intenzjoni tal-Fond għal Titjiriet Charter hija li tistimula traffiku ġdid, u li ma tillimitax it-traffiku diġà eżistenti. Traffiku internazzjonali ġdid se jappoġġja l-iżvilupp il-ġdid tat-turiżmu, infrastruttura ġdida, u industrija tat-turiżmu sostenibbli u impjiegi. Il-Kontej jemmnu li dan se jsostni aktar id-domanda fuq servizzi skedati minn Oslo lejn in-Norveġja ta' Fuq. Titjiriet charter internazzjonali u domestiċi minn Oslo huma servizzi komplementari. Żieda f'titjiriet charter minn barra l-pajjiż ma tfixkilx it-tfassil tat-titjiriet tal-ajru Norveġiżi. Barra minn hekk, parti sinifikanti ta' vjaġġar lejn in-Norveġja ta' Fuq huwa l-ivvjaġġar għal negozju, qasam li fi kwalunkwe każ ma jiġix affettwat mill-Iskema.

L-effetti fuq il-kompetizzjoni għal titjiriet skedati jidhru esaġerati għal NHO Luftfart. Rotot differenti jikkostitwixxu swieq differenti. Barra minn hekk, titjiriet mhux skedati u titjiriet skedati huma wkoll swieq differenti.

Huwa diffiċli li wieħed jara kif il-miżura nnotifikata tista' tkun diskriminatorja. Rotot skedati ġodda ripetutament rċevew appoġġ, u l-kobor ta' appoġġ bħal dan huwa ħafna ogħla minn dak li se jitqassam permezz tal-Fond għal Titjiriet Charter.

Ma jeżisti l-ebda mekkaniżmu fil-Fond għal Titjiriet Charter li jiddiskrimina kontra trasportaturi Norveġiżi. Operaturi tat-trasport tal-ajru skedati Norveġiżi m'għandhomx biss bażijiet fin-Norveġja kif sostniet NHO Luftfart.

Fir-rigward tal-possibbiltà tal-akkwist ta' servizzi tat-trasport bl-ajru fuq rotot li ma jrendux skont ir-Regolament Nru 1008/2008, il-Kontej ma jarawx ir-rilevanza tal-kumment.

II.   VALUTAZZJONI

1.   Il-preżenza ta' għajnuna mill-Istat

1.1.   L-għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE

(48)

L-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE jispeċifika kif ġej:

“Bla ħsara għal dispożizzjonijiet kuntrarji f'dan il-Ftehim, kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija mill-Istati Membri tal-KE, lill-Istati tal-EFTA jew permezz ta' riżorsi tal-Istat li twassal biex ixxekkel jew thedded li xxekkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti, safejn tolqot il-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti, tkun inkompatibbli mal-funzjonament ta' dan il-Ftehim.”

1.2.   Preżenza tar-riżorsi tal-istat

(49)

Il-miżura tal-għajnuna għandha tingħata mill-Istat jew permezz ta' riżorsi tal-Istat.

(50)

L-awtoritajiet Norveġiżi infurmaw li l-Fond għal Titjiriet Charter x'aktarx se jkun iffinanzjat direttament mill-baġits tat-tliet Kontej (ma jistax jiġi eskluż li jista' wkoll jirċievi finanzjament direttament mingħand l-Istat Norveġiż).

(51)

Fid-dawl ta' dan, l-Awtorità tikkunsidra li din il-kondizzjoni hija ssodisfata hekk kif l-Iskema se tkun iffinanzjata jew mill-baġits tal-Kontej jew tal-Istat. (42)

1.3.   Preferenza mogħtija lil ċerti impriżi jew lill-produzzjoni ta' ċerti prodotti

(52)

L-ewwel nett, il-miżura tal-għajnuna għandha tagħti lill-benefiċjarji vantaġġ ta' eżenzjoni mit-tariffi li normalment jitħallsu mill-baġits tagħhom.

(53)

L-operaturi turistiċi li jibbenefikaw mill-Iskema se jirċievu għotja diretta li se tnaqqas l-ispejjeż tat-titjiriet charter fuq ċertu serje ta' titjiriet charter. Il-fornituri tas-servizzi li jinsabu fit-tliet Kontej jiksbu vantaġġ minn żieda f'turisti lejn ir-reġjun li indirettament se jibbenefikaw mill-Iskema.

(54)

It-tieni nett, il-miżura ta' għajnuna għandha tkun selettiva billi tiffavorixxi “ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti oġġetti”.

(55)

L-operaturi turistiċi biss li joperaw titjiriet charter lejn in-Norveġja ta' Fuq se jibbenefikaw direttament mill-Iskema. Bl-istess mod, l-operaturi biss (fornituri tas-servizzi) li jinsabu fit-tliet Kontej indirettament se jibbenefikaw mill-Iskema.

(56)

Għaldaqastant l-Awtorità tikkonkludi li l-miżura hija selettiva.

1.4.   Tagħwiġ tal-kompetizzjoni

(57)

L-għajnuna mill-Istat hija koperta mill-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE jekk dan ifixkel jew jhedded li jfixkel il-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim taż-ŻEE. Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE, huwa biżżejjed li l-għajnuna thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tagħti vantaġġ selettiv. L-għajnuna hija meqjusa bħala tfixkil tal-kompetizzjoni jekk tingħata lil impriża li twettaq attivitajiet f'kompetizzjoni ma' oħrajn.

(58)

Il-benefiċjarji tal-għajnuna diretta tal-Iskema huma l-operaturi turistiċi li jikru inġenji tal-ajru għan-Norveġja ta' Fuq (titjiriet mhux skedati). L-operaturi turistiċi huma attivi f'bosta pajjiżi u f'settur karatterizzat minn kompetizzjoni qawwija. Il-benefiċjarji indiretti tal-Iskema huma fornituri tas-servizzi fl-industrija tat-turiżmu fin-Norveġja ta' Fuq, li se jibbenefikaw mill-għajnuna fil-forma ta' żieda fid-domanda minn turisti barranin. L-għajnuna tista' tinkoraġġixxi lit-turisti li jagħżlu biex jivvjaġġaw lejn in-Norveġja ta' Fuq minflok jivvjaġġaw lejn destinazzjonijiet tal-vaganzi f'pajjiżi oħrajn. Id-distorsjoni tal-kompetizzjoni ma sseħħx biss fil-livell ta' operaturi turistiċi imma possibilment ukoll fil-livell ta' fornituri ta' servizzi turistiċi. Barra minn hekk, l-ajruporti jikkompetu fil-livell internazzjonali sabiex jattiraw titjiriet u rotot ġodda. Għalhekk, l-għajnuna tista' wkoll possibbilment twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-ajruporti.

(59)

L-Awtorità hija tal-fehma li l-Iskema għandha mnejn issaħħaħ il-pożizzjoni tal-operaturi li jibbenefikaw mill-Iskema direttament jew indirettament meta mqabbla ma' kompetituri li ma jirċevux xi benefiċċju simili. Għalhekk, kwalunkwe għajnuna mogħtija skont l-Iskema tista' tiġi meqjusa bħala li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni.

1.5.   Effett fuq il-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti

(60)

L-għajnuna mill-Istat lill-impriżi speċifiċi hi meqjusa li taffettwa l-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE jekk il-benefiċjarju jwettaq attività ekonomika li tinvolvi kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti. L-għajnuna se tingħata lill-operaturi turistiċi li joffru pakketti ta' vaganzi li jġibu turisti minn barra lejn in-Norveġja. Dan huwa, b'definizzjoni, attività transfruntiera. Barra minn hekk, l-industrija tat-turiżmu fin-Norveġja ta' Fuq, li indirettament se tibbenefika mill-Iskema, tikkompeti mal-industriji tat-turisti f'pajjiżi oħra taż-ŻEE.

(61)

Għalhekk, il-finanzjament mill-Istat skont il-miżura nnotifikata se jaffettwa l-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim taż-ŻEE.

1.6.   Konklużjoni

(62)

L-Awtorità tqis li l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE huma sodisfatti u li għalhekk, l-Iskema notifikata tinvolvi għajnuna mill-Istat. L-għajnuna mill-Istat hija kompatibbli biss mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE jekk tikkwalifika għal waħda mid-derogi fl-Artikolu 61(3) tal-Ftehim taż-ŻEE.

2.   Rekwiżiti tal-proċedura

(63)

Il-miżura ta' għajnuna prevista mill-Iskema titqies bħala għajnuna operatorja. Il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali jikkunsidraw li, “skemi tal-għajnuna operatorja mhumiex koperti mill-pjanijiet ta' għajnuna reġjonali, u għandhom jiġu ivvalutati fuq bażi ta' każ b'każ fuq il-bażi ta' notifika mill-Istat tal-EFTA kkonċernat skont l-Artikolu 1(3) fil-Parti I tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti”. (43)

(64)

Skont l-Artikolu 1(3) tal-Parti I tal-Protokoll 3 “l-Awtorità ta' Sorveljanza EFTA se tiġi infurmata, fi żmien suffiċjenti biex tkun tista' tissottometti l-kummenti tagħha, ta' kwalunkwe pjanijiet ta' għotja jew bidla bl-għajnuna. …. L-Istat ikkonċernat mhux se jdaħħal fis-seħħ il-miżuri proposti tiegħu sakemm il-proċedura ma tkunx irriżultat f'deċiżjoni finali.”

(65)

Bit-tressiq tan-notifika b'rabta mal-Fond għal Titjiriet Charter fit-2 ta' Mejju 2012, (44) l-awtoritajiet Norveġiżi ssodisfaw ir-rekwiżit tan-notifika fl-Artikolu 1(3) ta' Parti I tal-Protokoll 3.

(66)

Billi ma jimplimentawx l-Iskema notifikata, l-awtoritajiet Norveġiżi ssodisfaw l-obbligu ta' waqfien totali stipulat fl-Artikolu 3 tal-Parti II tal-Protokoll 3.

(67)

Kif meħtieġ skont il-proċedura formali, l-Awtorità eżaminat il-kummenti magħmula mill-awtoritajiet Norveġiżi kif ukoll il-kummenti li saru minn partijiet terzi.

3.   Kompatibbiltà tal-għajnuna

3.1.   Valutazzjoni tal-miżura ta' għajnuna skont l-Artikolu 61(3) tal-Ftehim taż-ŻEE flimkien mal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali

(68)

Fuq il-bażi tad-deroga fl-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim taż-ŻEE, dan li ġej jista' jiġi kkunsidrat li hu kompatibbli mat-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE:

“għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet jew ta' ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni.”

(69)

Bil-ħsieb li tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna, kif diġà ġie nnotat, din tikkostitwixxi għajnuna operatorja. Għajnuna operatorja tneħħi r-responsabbiltà ta' impriża minn spejjeż li normalment ikollha tħallas fil-ġestjoni tagħha ta' kuljum jew fl-attivitajiet normali. (45) Għajnuna operatorja mhiex permessa.

(70)

Il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali jipprovdu li:

“fuq il-bażi tal-Artikolu 61(3)(a) u l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim ŻEE, l-għajnuna mill-Istat mogħtija biex tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku ta' ċerti żoni żvantaġġjati fi ħdan iż-ŻEE tista' tiġi kkunsidrata kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE. Dan it-tip ta' għajnuna mill-Istat hi magħrufa bħala għajnuna reġjonali. Għajnuna reġjonali nazzjonali tikkonsisti minn għajnuna għal investiment mogħtija lil kumpaniji kbar, jew f'ċerti ċirkostanzi limitati, għajnuna operatorja, li fiż-żewġ każijiet huma mmirati lejn reġjuni speċifiċi sabiex jiġu indirizzati differenzi reġjonali” (enfasi miżjuda). (46)

(71)

Il-Linji Gwida jipprovdu wkoll li:

“B'deroga mill-paragrafu ta' qabel, l-għajnuna operatorja li mhijiex imnaqqsa u limitata b'mod progressiv maż-żmien tista' tiġi awtorizzata biss fir-reġjuni l-anqas popolati, sakemm tkun intenzjonata li tipprevjeni jew tnaqqas id-depopolazzjoni kontinwa ta' dawn ir-reġjuni. (47) Ir-reġjuni l-anqas popolati jirrappreżentaw jew huma parti mir-reġjuni fuq livell NUTS-II għan-Norveġja u livell NUTS IV għall-Islanda b'densità ta' popolazzjoni ta' tmien abitanti għal kull km2 jew inqas u jestendu għal żoni iżgħar kontigwi li jissodisfaw l-istess kriterju ta' densità ta' popolazzjoni” (enfasi miżjuda). (48)

3.2.   L-għajnuna tista' biss tkun awtorizzata fir-reġjuni l-inqas popolati

3.2.1.   It-tliet Kontej jappartjenu lil reġjuni l-inqas popolati

(72)

Kif previst mil-Linji Gwida tal-Għajnuna Reġjonali, l-għajnuna operatorja li ma tkunx la mnaqqsa progressivament u lanqas limitata fiż-żmien tista' biss tkun awtorizzata fir-reġjuni l-inqas popolati, sakemm hija maħsuba biex tipprevjeni jew tnaqqas id-depopolazzjoni kontinwa ta' dawk ir-reġjuni. Ir-reġjuni l-anqas popolati huma reġjuni b'densità ta' popolazzjoni massima ta' 8 abitanti jew inqas għal kull kilometru kwadru. (49)

(73)

It-tliet Kontej għandhom densità tal-popolazzjoni ta' 4,2 abitant għal kull kilometru kwadru. Għalhekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-linji gwida għall-għajnuna reġjonali li jibbenefikaw minn aktar valutazzjoni flessibbli tal-kompatibilità ta' miżura ta' għajnuna operatorja.

3.2.2.   Il-benefiċjarji diretti tal-Iskema mhux bilfors jinsabu fir-reġjuni l-inqas popolati — ir-rabta bejn il-miżura ta' għajnuna u l-iżvilupp reġjonali tan-Norveġja ta' Fuq

(74)

L-għajnuna bħala tali se titħallas lill-operaturi turistiċi li jistgħu jinstabu 'l barra min-Norveġja/iż-ŻEE. Il-benefiċjarju dirett tal-għajnuna għalhekk mhux neċessarjament se jinsab fir-reġjuni l-inqas popolati.

(75)

Fid-Deċiżjoni tagħha ta' ftuħ, l-Awtorità tiddubita jekk skema li tipprovdi għall-għoti ta' għajnuna operatorja lil benefiċjarji li jistgħu jinstabu 'l barra mir-reġjuni l-anqas popolati tistax tiġi kkunsidrata kompatibbli mal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali. L-Awtorità qajmet mistoqsijiet dwar jekk il-fatt li l-impriżi fir-reġjun ikkonċernat huma indirettament fil-mira tal-Iskema tikkostitwixxix rabta qawwija biżżejjed għall-iżvilupp reġjonali taż-żona.

(76)

L-awtoritajiet Norveġiżi argumentaw dwar jekk ir-rabta bejn l-għajnuna lil operatur turistiku u l-iżvilupp reġjonali ta' Norveġja ta' Fuq hijiex biżżejjed għar-raġunijiet li ġejjin:

L-Iskema se tapplika esklussivament għal titjiriet charter lejn in-Norveġja ta' Fuq;

Pakketti biss li jinkludu “arranġament tal-art” se jkunu eliġibbli għal għajnuna skont l-Iskema; u

L-għajnuna se titħallas mill-Fond għal Titjiriet Charter lil operaturi turistiċi wara li jkunu saru t-titjiriet lejn iż-żona fil-mira.

(77)

L-Awtorità tinnota li operatur turistiku se jirċievi għajnuna biss jekk jopera serje ta' titjiriet charter ma ajruport reġjonali fin-Norveġja ta' Fuq. L-għajnuna ma tingħatax għat-trasport ta' turisti fuq titjiriet charter 'il barra minn dan ir-reġjun. Huwa ċar li ż-żona fil-mira tal-Iskema hija n-Norveġja ta' Fuq, fost iż-żoni l-anqas popolati tan-Norveġja. L-Awtorità tinnota wkoll il-ħtieġa li l-Iskema tapplika biss għal pakketti li jinkludu “arranġament tal-art” f'dan ir-reġjun. Dan ifisser li l-Iskema jista' jkollha effett dirett fir-reġjun billi jiddaħħlu turisti li kieku ma jiġux fir-reġjun. L-“arranġament tal-art” għandu jiżgura li t-turisti jibqgħu fir-reġjun matul il-vaganza tagħhom fin-Norveġja ta' Fuq. L-“arranġament tal-art” hu meħtieġ mill-Iskema li jkollu valur ta' mill-inqas NOK 800 għal kull turist. Għajnuna mill-Fond għal Titjiriet Charter se tingħata ladarba s-serje ta' titjiriet charter ikun tlesta u wara li jkun ġie dokumentat li l-kriterji ta' għoti ġew sodisfati. Wieħed mill-kriterji ta' għoti hu l-applikazzjoni appoġġjata minn fornitur tad-destinazzjoni ta' servizzi turistiċi. L-għajnuna mhix se tingħata lil “pakketti li jinkludu titjiriet biss”. Il-fornituri tas-servizzi li jinsabu fit-tliet Kontej se jiggwadanjaw minn żieda f'turisti u ż-żieda konsegwenti fid-domanda għas-servizzi tagħhom u, bħala tali, se jibbenefikaw indirettament mill-Iskema. It-tabelli fit-Taqsima 2.2 fil-Parti I hawn fuq dwar l-infiq ta' turisti fir-reġjun, juru li żieda fin-numru ta' turisti se jkollha impatt ekonomiku dirett fuq is-settur tat-turiżmu fir-reġjun. L-Awtorità tqis li l-effetti ekonomiċi ewlenin tal-Iskema se jkunu ikkanalizzati għaż-żona fil-mira tal-Iskema.

(78)

L-Awtorità tinnota wkoll li l-Kummissjoni tal-UE aċċettat għall-għoti ta' għajnuna reġjonali lill-benefiċjarji li jkunu jinstabu 'l barra mir-reġjuni eliġibbli għall-għajnuna reġjonali. Pereżempju, f'deċiżjoni li tikkonċerna l-Italja (Sqallija), il-Kummissjoni sabet li l-għotjiet li jkopru l-ispejjeż immirati sabiex jippromwovu trasport ta' turisti b'titjiriet charter kienu kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(a) tat-TFUE. L-għotjiet kienu disponibbli lill-operaturi tal-ġiti li krew l-inġenji tal-ajru għall-ġarr ta' turisti lejn Sqallija. Għotjiet li jkopru l-ispejjeż tat-trasport lejn Sqallija mogħtija lil aġenziji tal-ivvjaġġar Taljani u barranin biex jipprovdu vvjaġġar tat-turiżmu bħala parti ta' tours kollox inkluż u biex iġġorru turisti bil-ferrovija jew bil-baħar nstabu wkoll li huma kompatibbli. (50)

(79)

Fuq din il-bażi, l-Awtorità tasal għall-konklużjoni li anke jekk benefiċjarju dirett tal-għajnuna jista' jinstab 'il barra min-Norveġja ta' Fuq, l-Iskema jkollha rabta suffiċjenti mar-reġjun fejn l-effetti mixtieqa huma maħsuba biex jiġu prodotti.

3.3.   L-għajnuna għandha tkun meħtieġa u xierqa sabiex tipprevjeni jew tnaqqas id-depopolazzjoni kontinwa

(80)

Huwa d-dmir tal-Istat tal-EFTA kkonċernat li juri li l-għajnuna hija neċessarja u xierqa sabiex timpedixxi jew tnaqqas id-depopolazzjoni kontinwa. (51)

(81)

Sabiex il-miżura nnotifikata titqies bħala meħtieġa, l-awtoritajiet Norveġiżi jridu juru li hemm ħtieġa għal intervent mill-Istat sabiex jintlaħaq l-għan li jipprevjeni jew inaqqas id-depopolazzjoni kontinwa.

(82)

L-awtoritajiet Norveġiżi infurmaw lill-Awtorità li n-Norveġja ta' Fuq, waħda miż-żoni fl-Ewropa l-anqas popolati, dejjem kellha densità tal-popolazzjoni baxxa ħafna u sofriet minn depopolazzjoni għal għexieren ta' snin. Għalhekk, l-awtoritajiet Norveġiżi jqisu li huwa meħtieġ li jittieħdu aktar miżuri biex jistabbilizzaw l-issettiljar fir-reġjun u sabiex tiġi evitata aktar depopolazzjoni. L-Iskema hija waħda mill-għodod meħtieġa sabiex jintlaħaq dak l-għan. L-awtoritajiet Norveġiżi jirrikonoxxu li l-istabbiliment tal-Fond għal Titjiriet Charter, waħdu, mhux se jsolvi l-problema ta' depopolazzjoni, iżda jikkunsidraw li, bħala parti minn politika ġenerali, se jżid l-attività ekonomika fir-reġjun u jżomm u joħloq impjiegi ġodda. L-opportunitajiet ta' impjieg u d-dħul mistenni huma l-aktar fatturi deċiżivi li jinfluwenzaw l-għażla ta' residenza għal individwu.

(83)

Sabiex l-Iskema tiġi meqjusa xierqa, l-awtoritajiet Norveġiżi għandhom juru li mhuwiex ovvju li miżuri oħrajn jkunu aktar adatti sabiex jintlaħaq l-għan li jipprevjeni jew inaqqas id-depopolazzjoni fiż-żoni l-anqas popolati. (52)

(84)

L-awtoritajiet Norveġiżi jargumentaw li l-Iskema hija xierqa għax hija l-aħjar miżura disponibbli biex jiżdied it-turiżmu, jinħolqu l-impjiegi fl-industrija tat-turiżmu u b'hekk tikkontribwixxi għal tnaqqis f'depopolazzjoni fir-reġjun. Fil-fehma tal-awtoritajiet, għajnuna għall-investiment tradizzjonali waħedha mhix dejjem l-aktar strument adegwat biex jiġu indirizzati problemi speċifiċi fir-reġjun. L-impjiegi huma kruċjali biex jiġu sostnuti l-livelli tal-popolazzjoni. It-turiżmu huwa settur li qed jikber, u jirrikjedi ħafna ħaddiema kif ukoll hu dipendenti fuq forza tax-xogħol lokali. Waħda mill-isfidi fl-iżvilupp ta' industrija tat-turiżmu fin-Norveġja ta' Fuq hija profittabbiltà u n-natura staġjonali tas-settur tat-turiżmu. Il-Fond għal Titjiriet Charter hu maħsub biex iżid it-turiżmu fl-istaġjun baxx, u b'hekk jikkontribwixxi għal impjiegi matul is-sena kollha. L-awtoritajiet Norveġiżi jargumentaw li strument ta' għajnuna, li jkollu biss ftit għajnuna limitata lil kumpaniji lokali fir-reġjun, ma jirriżultax f'żieda fl-għadd ta' titjiriet lejn ajruport rilevanti (u b'hekk fit-turiżmu fiż-żona) jew f'li tiġi miġġielda d-depopolazzjoni. Fil-fehma tagħhom, il-Fond għal Titjiriet Charter hu l-istrument bl-ogħla ċans ta' suċċess u bl-anqas effetti ta' distorsjoni. Fid-dawl ta' dan, huma jqisu li l-Iskema hija xierqa.

(85)

Fid-deċiżjoni tagħha tal-ftuħ, l-Awtorità esprimiet dubji rigward il-miżura nnotifikata u b'mod partikolari kellha dubji dwar jekk l-għanijiet iddikjarati tal-Iskema setgħux jintlaħqu b'mezzi oħra barra milli bl-għajnuna operatorja biex l-operaturi turistiċi jorganizzaw pakketti ta' vaganzi bl-użu ta' titjiriet charter (mhux skedati) (pereżempju, permezz ta' pakketti li jagħmlu użu minn titjiriet skedati).

(86)

L-Awtorità tqis li l-awtoritajiet Norveġiżi ssodisfaw xi wħud mid-dubji tal-awtorità f'dak ir-rigward u b'hekk urew li hemm ħtieġa għal intervent mill-Istat u li l-Iskema hija meħtieġa bħala għodda biex tiġi miġġielda d-depopolazzjoni fir-reġjun tan-Norveġja ta' Fuq. L-Awtorità tikkunsidra wkoll li l-Fond għal Titjiriet Charter jista' jitqies bħala għodda biex jiżdied it-turiżmu fir-reġjun u b'hekk jiżdiedu l-impjiegi f'wieħed fir-reġjuni l-inqas popolati tan-Norveġja. Din is-sejba hija appoġġata minn partijiet terzi minn negozji varji fis-settur tat-turiżmu fir-reġjun, li esprimew ruħhom favur l-Iskema. Madankollu, l-Awtorità ġiet f'dubju dwar l-adegwatezza u l-effetti tal-Iskema għall-iżvilupp u l-prevenzjoni tad-depopolazzjoni tar-reġjun. Mhuwiex ovvju li l-għanijiet ma setgħux jintlaħqu permezz ta' mezzi oħra, bħal arranġamenti għal pakketti bl-użu ta' titjiriet skedati.

(87)

Fl-evalwazzjoni tagħha l-Awtorità qieset il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali, li jistipulaw li:

“fejn, eċċezzjonalment, tkun maħsuba biex tagħti għajnuna ad hoc individwali lil ditta waħda, jew għajnuna limitata għal qasam wieħed ta' attività, hija r-responsabbiltà tal-Istat Membru li juri li l-proġett jikkontribwixxi għal strateġija ta' żvilupp reġjonali koerenti” (enfasi miżjuda). (53)

(88)

In-Norveġja ta' Fuq hija kkunsidrata bħala prijorità f'termini ta' żvilupp reġjonali u l-għan tal-Gvern Norveġiż huwa li tiġi miġġielda d-depopolazzjoni u li jinkoraġġixxi sistemazzjoni f'dan ir-reġjun. Appoġġ għall-industrija tat-turiżmu hu meqjus bħala fattur ewlieni għall-iżvilupp tar-reġjun u l-awtoritajiet Norveġiżi jargumentaw li l-ħolqien ta' possibiltajiet ta' impjiegi hu ta' importanza partikolari sabiex jintlaħaq l-għan li jipprevjeni jew inaqqas id-depopolazzjoni fir-reġjun.

(89)

L-Istitut tal-Ekonomija tat-trasport stima li fl-2007 turisti barranin li ġew bl-ajru nefqu NOK 7480 f'xiri mħallas minn qabel u NOK 6730 fuq xiri lokali. Huwa stmat li fl-2012 il-vjaġġaturi lejn in-Norveġja ta' Fuq nefqu NOK 9000 għal kull persuna. (54)

(90)

Fid-dawl ta' dan, l-Awtorità ssib li l-industrija tat-turiżmu jista' jkollha rwol importanti fl-iżvilupp tar-reġjun. L-impatt ekonomiku li l-Iskema jista' jkollha fuq in-Norveġja ta' Fuq, permezz ta' żieda fit-turiżmu għaż-żona u li din issir magħrufa aħjar bħala destinazzjoni turistika internazzjonali, jista' jikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni, u possibbilment jirriżulta f'żieda, tal-popolazzjoni fir-reġjun.

(91)

Minkejja dan, filwaqt li titjiriet skedati u titjiriet mhux skedati jistgħu jiffurmaw żewġt iswieq separati, (55) u biex jiżdied it-turiżmu fir-reġjun, titjiriet diretti skedati lejn in-Norveġja jistgħu jkunu alternattiva inqas vijabbli (b'mod partikolari matul l-istaġun baxx), l-Awtorità tibqa' tal-fehma li mhuwiex kompletament ovvju għalfejn titjiriet domestiċi skedati ma jistgħux jintużaw bħala parti minn pakkett ta' vaganza, pereżempju meta l-operaturi turistiċi jirranġaw għal “pakkett bil-vjaġġ ta' ritorn”. L-Awtorità tinnota li n-Norveġja għandha sistema deċentralizzata ta' ajruport żviluppata b'mod tajjeb minħabba l-irwol importanti li għandu l-ivvjaġġar bl-ajru bħala mezz ta' trasport, b'mod partikolari f'reġjuni fil-periferija taż-ŻEE bħan-Norveġja ta' Fuq. Fil-fatt, l-awtoritajiet Norveġiżi identifikaw numru ta' rotot domestiċi ta' trasport bl-ajru bħala eliġibbli għall-kumpens għas-servizz pubbliku u li fir-rigward tagħhom l-Istat jikkumpensa kumpanija tal-ajru magħżula li topera rotot li, kieku, ma kinux ikunu kummerċjalment vijabbli. Fil-fehma tal-Awtorità, mhuwiex kompletament ċar għalfejn l-għan iddikjarat tal-Iskema — biex jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' wieħed mir-reġjuni l-anqas popolati fin-Norveġja permezz ta' għajnuna għal titjiriet charter minn barra lejn in-Norveġja bil-ħsieb li jiżdied in-numru ta' turisti matul l-istaġun baxx u b'hekk jikkontribwixxi għall-impjiegi matul is-sena kollha — ma setax jinkiseb ukoll, mill-anqas sa ċertu punt, permezz tal-użu ta' titjiriet skedati.

(92)

Fid-dawl ta' dan, l-Awtorità tqis li jibqgħu ċerti dubji dwar jekk l-Iskema hijiex l-aħjar strument li permezz tiegħu jinkisbu l-għanijiet iddikjarati bl-inqas effetti ta' distorsjoni. B'mod partikolari, l-Awtorità tqis li l-Iskema jista' jkollha effetti potenzjali ta' tagħwiġ fis-suq għall-forniment ta' titjiriet skedati.

(93)

Għal dik ir-raġuni, l-Awtorità ssib li l-istabbiliment tal-Iskema huwa xieraq biss għal perjodu limitat ta' żmien sabiex tgħin fit-twaqqif ta' industrija turistika vijabbli fl-inqas żona popolata tan-Norveġja. It-tul ta' żmien ta' 10 snin għall-Iskema, mitlub mill-awtoritajiet Norveġiżi, jidher li hu eċċessiv sabiex jintlaħaq dan l-għan. L-Awtorità tqis li l-Iskema għandha tkun limitata għal perjodu “start-up” ta' tliet snin, li se jippermetti l-evalwazzjoni dwar kemm hi xierqa l-Iskema. Għalhekk, l-awtoritajiet Norveġiżi għandhom jevalwaw l-effetti tal-Iskema mal-iskadenza ta' dan il-perjodu, filwaqt li jitqiesu kemm l-effetti pożittivi tal-Iskema kif ukoll kwalunkwe effett negattiv fuq il-kompetizzjoni.

3.4.   L-għajnuna trid tkun proporzjonali għall-għan tal-Iskema

(94)

L-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE jipprovdi li l-għajnuniet biex jiġi aġevolat l-iżvilupp ta' ċerti oqsma ekonomiċi jitqiesu kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-ŻEE “fejn għajnuniet bħal dawn ma jaffettwawx ħażin il-kundizzjonijiet tan-negozju sal-punt li jmorru kontra l-interess komuni”. Sabiex tkun kompatibbli mas-suq komuni, l-iskema trid tkun proporzjonata mal-għan tal-iskema.

(95)

L-awtoritajiet Norveġiżi huma tal-fehma li l-Iskema tfasslet sabiex jingħata biss il-livell meħtieġ ta' għajnuna. L-appoġġ massimu (25 %) mill-Fond għal Titjiriet Charter se jingħata għal fatturi tal-kabina ta' 60 % jew inqas. L-intensità tal-għajnuna se tonqos gradwalment għal żero meta l-fatturi tal-kabina jilħqu medja ta' 80 %. (56)

(96)

L-awtoritajiet Norveġiżi jissottomettu li l-Iskema, li tnaqqas ir-riskju għal operaturi turistiċi, aktarx li twassal għal fattur tal-kabina ta' aktar minn 60 %, u għalhekk, huwa probabbli li l-intensità tal-għajnuna ma tikkorrispondix għal 25 % tal-ispejjeż tat-titjiriet charter.

(97)

L-Awtorità tagħraf li l-karatteristika ewlenija tal-Iskema hija li tkun stabbilita garanzija għal operaturi turistiċi sabiex dawn ma jerġgħux jikkanċellaw it-titjiriet b'fattur tal-kabina baxx. L-appoġġ massimu huwa ta' 25 % tal-ispejjeż tat-titjiriet charter. Spejjeż addizzjonali li jintefqu fuq titjiriet charter b'fattur tal-kabina taħt is-60 % mhux se jiġu mħallsa lura. L-ammont annwali totali ta' għajnuna mogħtija mill-Fond għal Titjiriet Charter huwa stmat li jkun inqas minn NOK 10 miljuni fis-sena. L-Awtorità ssib li dan l-ammont relattivament żgħir tal-għajnuna huwa proporzjonat. Tali ammont żgħir huwa improbabbli li jkun jista' jaffettwa l-kummerċ b'mod avvers bla bżonn.

(98)

L-Iskema għalhekk tista' tiġi distinta mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-UE f'rabta ma' skema ta' primjum għal operaturi turistiċi fil-Greċja. (57) Dik l-iskema stipulat li l-operaturi turistiċi għandhom jirċievu EUR 40 għal kull turist. Kif tifhem l-Awtorità, dik l-iskema ma kinetx limitata għal kumpens għal spejjeż żejda ta' trasport mġarrba biex jinġiebu t-turisti lejn il-Greċja. (58)Dan huwa f'kuntrast mal-Fond għal Titjiriet Charter, li għandu l-għan li jħeġġeġ l-operaturi turistiċi li jidħlu f'obbligi kuntrattwali qabel ma jirċievu l-prenotazzjonijiet mit-turisti billi jikkumpensahom f'każ li dawn ma jkunux qed jiġu rimborżati għall-ispejjeż tat-trasport biex iġibu turisti lejn in-Norveġja ta' Fuq.

(99)

L-Awtorità tinnota wkoll, kif diġà deskritt, li l-benefiċjarji tal-Iskema jistgħu jkunu jew fin-Norveġja jew barra mill-pajjiż u li jkunu jistgħu jidħlu fi ftehimiet għal titjira charter ma' trasportaturi tal-ajru Norveġiżi jew mhux Norveġiżi. Sitwazzjonijiet ekwi huma ttrattati b'mod ugwali skont l-Iskema. Għalhekk, l-Awtorità ma tikkunsidrax l-Iskema diskriminatorja.

(100)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, l-Awtorità ssib li l-għajnuna hija proporzjonata għas-suġġett tal-Iskema.

4.   Perjodu ta' awtorizzazzjoni

(101)

L-Awtorità fid-Deċiżjoni tagħha Nru 246/12/COL tas-27 ta' Ġunju 2012 qajmet dubji dwar jekk l-Iskema tistax tiġi approvata għal perjodu li jestendi lil hinn mill-31 ta' Diċembru 2013. Fid-dawl tal-kummenti li waslu, perjodu itwal huwa meħtieġ biex jinkiseb impatt miżurabbli fuq l-iżvilupp tar-reġjun. Minħabba d-dubji msemmijin mill-Awtorità fid-Deċiżjoni tagħha Nru 246/12/COL fir-rigward tal-effett tal-Iskema fuq l-iżvilupp u l-prevenzjoni ta' depopolazzjoni f'dak ir-reġjun, perjodu ta' tliet (3) snin ikun aktar xieraq. Fil-każijiet kollha, il-ħtieġa u l-livell ta' għajnuna operatorja għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid b'mod regolari sabiex tiġi żgurata r-rilevanza tagħha fit-tul għar-reġjun ikkonċernat. (59) Tali perjodu itwal se jiffaċilita l-evalwazzjoni tal-effetti dejjiema tal-Iskema.

(102)

Għalhekk, wara perjodu ta' tliet (3) snin in-Norveġja għandha tissottometti rapport li jevalwa l-effetti tal-Iskema fuq l-iżvilupp tat-turiżmu u l-prevenzjoni ta' depopolazzjoni fir-reġjun u l-effetti tiegħu fuq il-kompetizzjoni sabiex l-awtorità tkun tista' tevalwa n-neċessità u l-adegwatezza tal-Iskema.

5.   Konklużjoni

(103)

L-Awtorità tqis li l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE huma sodisfatti u li b'hekk, l-Iskema għal Titjiriet Charter tinvolvi għajnuna mill-Istat.

(104)

Fuq il-bażi tal-valutazzjoni ta' hawn fuq, l-Awtorità tqis li l-Iskema tal-Fond għal Titjiriet Charter hija kompatibbli mal-Ftehim taż-ŻEE skont id-deroga fl-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim taż-ŻEE.

(105)

Madankollu, l-Awtorità ġiet f'dubju dwar l-adegwatezza u l-effetti tal-Iskema għall-iżvilupp u l-prevenzjoni tad-depopolazzjoni tar-reġjun. B'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam ma' jekk l-għanijiet jistgħux jintlaħqu permezz ta' mezzi oħrajn. Għalhekk, l-Awtorità kkonkludiet li l-Iskema tista' tiġi approvata għal perjodu ta' tliet snin mid-data ta' din id-Deċiżjoni. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Norveġiżi għandhom jimpenjaw ruħhom sabiex iħejju u jipproduċu evalwazzjoni tal-Iskema, li tiddokumenta l-effetti tagħha fuq l-iżvilupp tat-turiżmu u l-prevenzjoni ta' depopolazzjoni fir-reġjun u l-effetti tagħha fuq il-kompetizzjoni. L-evalwazzjoni għandha ssir minn espert indipendenti u għandha tintbagħat lill-Awtorità.

(106)

L-awtoritajiet Norveġiżi huma mfakkra dwar l-obbligu skont l-Artikolu 21 tal-Parti II tal-Protokoll 3 flimkien mal-Artikoli 5 u 6 tad-Deċiżjoni Nru 195/04/COL tad-Deċiżjoni dwar id-Dispożizzjonijiet tal-Implimentazzjoni (60) biex tipprovdi rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Iskema.

(107)

L-awtoritajiet Norveġiżi huma mfakkra wkoll li kwalunkwe pjan għal tibdil f'din l-Iskema jrid jiġi nnotifikat lill-Awtorità.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Iskema tal-Fond għal Titjiriet Charter għan-Norveġja ta' fuq kif innotifikata mill-awtoritajiet Norveġiżi tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE.

Artikolu 2

L-iskema ta' għajnuna hija kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE skont l-Artikolu 61(3)(c), soġġetta għall-kundizzjoni li hija implimentata għal perjodu ta' tliet (3) snin mid-data ta' din id-Deċiżjoni. Mat-tmiem ta' dan il-perjodu ta' tliet (3) snin, in-Norveġja għandha tissottometti rapport lill-Awtorità b'evalwazzjoni tal-effetti tal-Iskema fuq l-iżvilupp tat-turiżmu u l-prevenzjoni ta' depopolazzjoni fir-reġjun u l-effetti tagħha fuq il-kompetizzjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lir-Renju tan-Norveġja.

Artikolu 4

Il-verżjoni Ingliża biss ta' din id-deċiżjoni hija meqjusa li hi awtentika.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Lulju 2013.

Għall-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA

Oda Helen SLETNES

Il-President

Sverrir Haukur GUNNLAUGSSON

Membru tal-Kulleġġ


(1)  Avvenimenti Nru 632837 u 322824.

(2)  Avveniment Nru 638133.

(3)  ĠU C 291, 27.9.2012, p. 2 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 53, 27.9.2012, p. 36.

(4)  Avveniment Nru 644991.

(5)  Innovative Experiences (Avveniment Nru 650797), NHO Reiseliv (Avveniment Nru 650549), NHO Luftfart (Avveniment Nru 650733), Avinor (Avveniment Nru 650806), VinterTroms AS (Avveniment Nru 650827), Northern Norway Tourist Board Ltd (Avveniment Nru 650958), Hotel chains Rica Hotels and Thon Hotels (Avveniment Nru 650880) u Voigt Travel b.v. (Avveniment Nru 668161).

(6)  Avvenimenti Nru 653590 u 653595.

(7)  Avveniment Nru 669821.

(8)  Titjira charter tkun definita bħala titjira mhux skedata.

(9)  Inġenji tal-Ajru tal-kategorija Boeing 737 u iktar.

(10)  L-ajruporti li ġejjin fin-Norveġja ta' Fuq jistgħu attwalment jimmaniġġaw inġenji tal-ajru kbar: Tromsø, Bodø, Harstad Narvik/Evenes, Alta, Kirkenes (Høybuktmoen), Bardufoss, Svalbard, Lakselv (Banak), Andøya (imsejħa wkoll “the Northern lights airports”). Għal Svalbard, ara l-Protokoll 40 tal-Ftehim taż-ŻEE.

(11)  Ara t-Taqsima 2.5 hawn taħt għal deskrizzjoni iktar dettaljata tal-Iskema.

(12)  It-terminu “serje ta' titjiriet charter” ifisser titjiriet charter bejn iż-żewġ destinazzjonijiet ripetuti tul perjodu limitat ta' żmien (eż. titjiriet ta' kull ġimgħa bejn Bodø u Londra minn Frar sa April).

(13)  Il-fattur tal-kabina huwa l-perċentwali ta' postijiet mibjugħa f'titjira. Il-fattur tal-kabina jiġi ddeterminat skont l-għadd attwali ta' passiġġieri li jkunu se jitilqu fuq titjira, diviż bl-akbar kapaċità massima tas-siġġijiet tal-ajruplan.

(14)  Is-serje ta' titjiriet charter b'medja fil-fattur tal-kabina ta' inqas minn 60 % huwa eliġibbli għall-għajnuna; Madankollu, l-għajnuna massima li tista' tiġi mogħtija għadha 25 % tal-ispejjeż tat-titjiriet charter imġarrba b'fattur tal-kabina ta' 60 %. B'fattur tal-kabina ta' inqas minn 60 %, l-għajnuna ma tkoprix it-telf kollu tal-operatur tat-titjiriet charter. Dan huwa muri fil-figura fil-paragrafu 26 hawn taħt.

(15)  Dan jikkorrispondi għal 25 % tal-intensità tal-għajnuna tal-ispejjeż totali tat-titjiriet charter. L-ispejjeż totali tat-tijiriet charter huwa stmat għal NOK 33 600 000 (NOK 300 000 fl-ispejjeż għal kull titjira b'rotazzjoni, immultiplikati b'112).

(16)  Ara l-white paper tal-Gvern Norveġiż “The High North. Vision and Policy Instruments”, (Meld. St. 7 (2011 — 2012), the short version, p. 25). Prijorità waħda hi li “jinżamm fowkus fuq l-industrija tal-ivvjaġġar u tat-turiżmu fin-Norveġja ta' Fuq u fi Svalbard u l-promozzjoni ta' aktar kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn l-atturi fl-industrija tal-ivvjaġġar u tat-turiżmu” (p. 37) (http://www.regjeringen.no/upload/UD/Vedlegg/Nordområdene/UD_nordomrodene_EN_web.pdf). Il-formola tal-pjattaforma politika tal-Gvern Norveġiż 2009 — 2013 tirreferi għall-importanza tat-turiżmu u b'mod partikolari għan-Norveġja ta' Fuq: “In-Norveġja ta' Fuq hi destinazzjoni tal-ivvjaġġar unika u trid tingħata l-opportunità li tirrealizza u toħroġ il-potenzjal tagħha” (p. 22) (http://arbeiderpartiet.no/file/download/4861/58544/file/soriamoria2_english.pdf).

(17)  Ara l-istrateġija tat-turiżmu tal-Gvern Norveġiż: “Avinor qed tistabbilixxi ‘Northern Light Airports’ bħala marka kummerċjali għall-akbar ajruporti fin-Norveġja ta' Fuq […] Avinor tappoġġja l-Fond għal Titjiriet Charter għan-Norveġja ta' Fuq […] Dan it-tip ta' fond għal titjiriet charter hu intenzjonat li jippromwovi tours b'titjiriet charter lejn ir-reġjun. Kummenti mill-industrija jindikaw li din se tkun inizjattiva importanti għat-tħeġġiġ ta' traffiku ġdid” (“Destinazzjoni NorveġjaStrateġija nazzjonali għall-industrija tat-turiżmu”, p. 76). (http://www.regjeringen.no/pages/37646196/Lenke_til_strategien-engelsk.pdf).

(18)  Pereżempju, il-Kontea ta' Nordland ħejjiet “Strateġija għat-Turiżmu f'Nordland għall-perjodu mill-2011 sal-2015” (http://www.nfk.no/filnedlasting.aspx?mid1=1266&filid=11230).

(19)  Il-Linji Gwida tal-Awtorità dwar l-Għajnuna Reġjonali Nazzjonali għall-2007 — 2013, ĠU L 231, 3.9.1994, p. 1, u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 32, 3.9.1994, p. 42, huma disponibbli wkoll fis-sit: http://www.eftasurv.int/state-aid/legal-framework/state-aid-guidelines/ Il-Linji Gwida kienu l-aħħar emendati fis-6.4.2006, ippubblikati fil-ĠU L 54, 28.2.2008, p. 1 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 11, 28.2.2008, p. 1. Il-Linji Gwida jikkorrispondu għal “Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali Nazzjonali għall-2007-2013” adottati mill-Kummissjoni Ewropea, ippubblikati fil-ĠU C 54, 4.3.2006, p. 13 (il-“Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali”). It-tliet Kontej huma reġjuni NUTS II. Finnmark għandha d-densità tal-popolazzjoni l-aktar baxxa b'1,6 abitant għal kull kilometru kwadru.

(20)  Fl-2009, l-Awtorità approvat skema ta' għajnuna għall-iżvilupp ta' rotta mit-tieni l-akbar belt fin-Norveġja ta' Fuq, Bodø, ara d-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 179/09/COL (“il-Fond għall-Iżvilupp ta' Rotta ta' Bodø”). Il-Fond għall-Iżvilupp tar-Rotot għadu ma pprovda l-ebdagħajnuna taħt l-iskema. Għal tliet snin, il-linja tal-ajru “Norwegian” ħadmet rotta bejn Tromsø u waħda mill-ikbar bliet fl-Ewropa. Minkejja li rċeviet appoġġ minn Avinor, din ir-rotta ma kinetx profittabbli. Ir-rotta ngħalqet f'Marzu 2011. Air Baltic ħadmet rotta staġjonali bejn Tromsø u Riga darbtejn fil-ġimgħa mill-1 ta' April sat-30 ta' Settembru. Din ir-rotta ngħalqet f'Marzu 2011. SAS topera rotta bejn Tromsø u Stokkolma darbtejn fil-ġimgħa mill-1 ta' Lulju sal-15 ta' Awwissu. Barra minn hekk, linja tal-ajru Russa ttir tliet darbiet fil-ġimgħa minn Tromsø lejn Murmansk, ir-Russja. Minħabba n-numru limitat ta' rotot internazzjonali, hemm preżunzjoni li rotot bejn ajruporti Norveġiżi tat-Tramuntana u bliet Ewropej huma ta' ftit interess kummerċjali għat-trasportaturi bl-ajru (Avveniment Nru 632837).

(21)  Effetti diretti jirreferu għall-konsum mħallas mill-flus stess tat-turisti. L-effetti indiretti jirreferu għall-valur ta' nfiq ta' turisti f'perspettiva usa', eż. talba għal merkanzija u servizzi fil-forma ta' sottokuntratti.

(22)  In-numri kollha huma f'NOK. Iċ-ċifri huma bbażati fuq numri mir-rapport “L-impatt ekonomiku ta' Travel Life f'Trøndelag u n-Norveġja ta' Fuq 2010” imħejji mill-Kumitat Eżekuttiv għan-Norveġja ta' Fuq (Landsdelsutvalget) u l-Assoċjazzjoni Norveġiża tal-Ospitalità (NHO Reiseliv Nord-Norge).

(23)  In-notifika, p. 11 (Avveniment Nru 632837), li tirreferi għal rapport mill-Istitut tal-Ekonomija tat-Trasport (Transportøkonomisk Institutt, tøi) tal-2007 Nru 941/2008 (https://www.toi.no/getfile.php/publikasjoner/t%c3%98%20rapporter/2008/941-2008/941-hele%20%20rapporten%20elektronisk-ny.pdf).

(24)  L-Awtoritajiet Norveġiżi ssottomettew li ċ-ċifri huma biss estimi magħmula għall-iskopijiet tat-tħejjija ta' baġit għall-Fond għal Titjiriet Charter. Minħabba t-tqarrib ta' numri, iċ-ċifri fit-tabella mhumiex preċiżi.

(25)  Huwa possibbli li l-Istat Norveġiż jista' jipprovdi xi finanzjament fuq il-baġit tal-istat.

(26)  “Vjaġġi vojta” huma titjiriet operati sabiex inġenju tal-ajru jitqiegħed fil-bidu u fit-tmiem ta' serje ta' titjiriet charter. It-titjira tar-ritorn fuq l-ewwel tluq tkun vojta u t-titjira li ttella' l-aħħar passiġġieri se tkun vojta. Vjaġġi vojta jirrappreżentaw spiża konsiderevoli għal serje ta' titjiriet charter.

(27)  Fattur tal-kabina ta' 80 % huwa meqjus li huwa l-aktar ta' profitt fl-industija.

(28)  It-tabella hija ppreparata mill-Fond għal Titjiriet Charter u tagħti eżempju ta' kif l-Iskema se taħdem ma' titjiriet minn Londra lejn in-Norveġja ta' Fuq b'Boeing 737-800. Huwa stmat li l-ispiża netta kkwotata mil-linja tal-ajru lill-operatur turistiku se tkun NOK 300 000 għal kull titjira b'rotazzjoni. 149 persuna jridu jixtru biljetti biex jintlaħaq il-punt ta' ekwilibriju (80 % ta' inġenju tal-ajru b'kapaċità ta' 186 persuna).

(29)  Iċ-ċifra hija ppreparata mill-Fond għal Titjiriet Charter għal għanijiet illustrattivi (Avveniment Nru 632837).

(30)  Avinor AS hija kumpanija proprjetà tal-istat li topera l-biċċa l-kbira tal-ajruporti ċivili fin-Norveġja.

(31)  Innovative Experiences tirrappreżenta 33 kumpanija bbażati fuq esperjenza turistika fin-Norveġja ta' Fuq.

(32)  NHO Reiseliv (the Norwegian Hospitality Association) tirrappreżenta aktar minn 2500 kumpanija li jimpjegaw forza tax-xogħol ta' madwar 55 000. Il-fergħa tan-Norveġja ta' Fuq ta' NHO Reiseliv għandha 400 membru.

(33)  VinterTroms AS hija l-proprjetà ta' sitt kumpaniji tal-ivvjaġġar fin-Norveġja ta' Fuq.

(34)  NHO Luftfart tirrappreżenta kumpaniji fis-settur tal-linji tal-ajru fin-Norveġja u kumpaniji oħrajn interessati.

(35)  NHO Luftfart (Avveniment Nru 650733) (traduzzjoni mhux uffiċjali mill-Norveġiż għall-Ingliż).

(36)  Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-24.9.2008 dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi tal-ajru fil-Komunità (ĠU L 293 tal-31.10.2008, p. 3). Inkorporat fil-Ftehim taż-ŻEE permezz tal-Anness XIII il-punt 64a.

(37)  Avveniment Nru 644991.

(38)  Avvenimenti Nri 653590/653595 u Avveniment Nru 669821.

(39)  Iċ-ċifra hija ppreparata mill-Fond għal Titjiriet Charter għal għanijiet illustrattivi (Avveniment Nru 644991).

(40)  Ara t-Taqsima 3.3, fil-Parti II hawn taħt.

(41)  Ittra mill-awtoritajiet Norveġiżi ddatata l-15.11.2012 (Avvenimenti Nru 653590/653595).

(42)  L-awtoritajiet Norveġiżi semmew ukoll il-fatt li l-Fond għal Titjiriet Charter jista', f'xi mument fil-futur, ikun kofinanzjat minn impriżi privati. Il-valutazzjoni mwettqa mill-Awtorità ma eżaminatx din il-possibilità għax din l-għażla tidher li hija relattivament inċerta.

(43)  Il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali fil-paragrafu 81.

(44)  Avvenimenti Nru 632837 u 322824.

(45)  Ara l-Każ T-348/04, SIDE v Commission, [2008] ECR II-625, paragrafu 99, u l-Każ T-162/06, Kronoply GmbH v Commission, [2009] ECR II-1, paragrafu 75.

(46)  Il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali fil-paragrafu 1.

(47)  Huwa d-dmir tal-Istat tal-EFTA li juri li l-għajnuna proposta hija meħtieġa u xierqa sabiex tipprevjeni jew tnaqqas id-depopolazzjoni kontinwa (ara l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali fin-nota f'qiegħ il-paġna 65).

(48)  Il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali fil-paragrafu 69.

(49)  Il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali fil-paragrafu 22(a).

(50)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/99/KE tat-3.6.1998 dwar il-Liġi Reġjonali ta' Sqallija Nru 25/93 dwar miżuri għall-promozzjoni tal-impjiegi (ĠU L 32, 5.2.1999, p. 18).

(51)  Ara l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali fin-nota ta' qiegħ il-paġna 65.

(52)  Ara eż. id-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 228/06/COL tad-19.7.2006 dwar l-iskema notifikata li tikkonċerna l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali reġjonalment differenzjati: “Fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Norveġiżi, l-Awtorità ssib li mhuwiex ovvju li miżuri għajr għajnuna operatorja jkunu aktar adatti sabiex jintlaħaq l-għan li jipprevjeni jew inaqqas id-depopolazzjoni fiż-żoni l-anqas popolati” (p. 23).

(53)  Il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali fil-paragrafu 10.

(54)  Ara r-referenza għar-Rapport TØI Nru 941/2008 fin-nota ta' qiegħ il-paġna 23 hawn fuq u n-notifika p. 11 (Avveniment Nru 632837).

(55)  Il-Kummissjoni tal-UE fid-deċiżjonijiet tagħha dwar l-amalgamazzjonijiet sostniet li titjiriet skedati u mhux skedati mhumiex fl-istess suq. Ara pereżempju l-Każ Nru COMP/M.5141 — KLM/Martinair, fejn l-Kummissjoni qieset l-provvista ta' postijiet fuq l-ajruplan lill-operaturi turistiċi (jiġifieri s-“suq bl-ingrossa”) bħala suq distint mis-suq tal-fornitura ta' servizzi ta' titjiriet skedati lill-utenti finali. Il-Kummissjoni nnotat li s-“suq għall-bejgħ ta' postijiet lil operaturi turistiċi huwa suq upstream għas-suq għal bejgħ ta' postijiet lil individwi. Kif xieraq, il-kondizzjonijiet kompetittivi f'dan is-suq huma manifestament differenti minħabba li operaturi turistiċi għandhom rekwiżiti differenti minn klijenti individwali (pereżempju, ix-xiri ta' pakketti kbar ta' postijiet, in-negozjar ta' roħs, billi jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet ta' klijenti f'termini ta' ħinijiet ta' titjiriet eċċ)” (ĠU C 51, 4.3.2009, p. 4)

(56)  Ara d-deskrizzjoni tal-Iskema fit-Taqsima 2.5 fil-Parti I hawn fuq.

(57)  Id-Deċiżjoni 2003/262/KE tas-27.11.2002 fuq skema primjum għal operaturi turistiċi fil-Greċja (ĠU L 103, 24.4.2003, p. 63).

(58)  F'dak il-każ, il-Kummissjoni tal-UE sostniet ukoll li l-awtoritajiet Griegi ma kinux infurmaw lill-Kummissjoni b'informazzjoni rilevanti għal evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-għajnuna f'termini tal-kontribuzzjoni tagħha għall-iżvilupp reġjonali (ara l-paragrafu 22 tad-deċiżjoni).

(59)  Il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali fil-paragrafu 71.

(60)  Disponibbli fuq: http://www.eftasurv.int/media/decisions/195-04-COL.pdf