19.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 372/17


SENTENZA TAL-QORTI

tal-11 ta' Settembru 2013

fil-Kawża E-6/12

L-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA kontra r-Renju tan-Norveġja

(Nuqqas minn Stat taż-ŻEE/EFTA li jissodisfa l-obbligi tiegħu – ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 – ir-Regolament (KEE) Nru 574/72 – Sigurtà soċjali għal ħaddiema migranti)

(2013/C 372/06)

Fil-kawża E-6/12, l-Awtorità ta' Sorveljanza kontra r-Renju tan-Norveġja – APPLIKAZZJONI għal dikjarazzjoni li, billi nżammet fis-seħħ il-prattika amministrattiva li ma jiġix ivvalutat jekk tfal, li jgħixu flimkien ma' ġenitur ieħor barra min-Norveġja, humiex dipendenti prinċipalment fuq il-ġenitur li jgħix fin-Norveġja u separat mill-ġenitur l-ieħor, ir-Renju tan-Norveġja qed jikser l-Artikolu 1(f)(i), it-tieni sentenza, flimkien mal-Artikolu 76 tal-Att imsemmi fil-punt 1 tal-Anness VI għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu ġewwa l-Komunità, kif emendat), kif adattat għall-Ftehim ŻEE mill-Protokoll 1 għal dan l-għan, il-Qorti, komposta minn Carl Baudenbacher, President, Per Christiansen u Páll Hreinsson (Imħallef Relatur), Imħallfin, tat is-sentenza fil-11 ta' Settembru 2013, li l-parti operattiva tagħha hi kif ġej:

Il-Qorti b’dan:

(1)

Tiddikkjara li, billi nżammet fis-seħħ il-prattika amministrattiva taħt l-Att tal-Benefiċċji tat-Tfal li ma jiġix ivvalutat jekk tfal, li jgħixu flimkien ma' ġenitur ieħor barra n-Norveġja, humiex prinċipalment dipendenti fuq il-ġenitur li qed jgħix fin-Norveġja u separat mill-ġenitur l-ieħor, ir-Renju tan-Norveġja qed jikser l-Artikolu 1(f)(i), it-tieni sentenza, tal-Att imsemmi fil-punt 1 tal-Anness VI għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta' skemi tas-sigurtà soċjali għal persuni impjegati, persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu ġewwa l-Komunità, kif emendat), kif adattat għall-Ftehim taż-ŻEE mill-Protokoll 1 tiegħu;

(2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud; u,

(3)

Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.