18.10.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 287/21 |
DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA
Nru 189/12/COL
tat-22 ta’ Mejju 2012
li teżenta l-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fin-Norveġja mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali
L-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA
Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea,
Wara li kkunsidrat l-Att imsemmi fil-punt 4 tal-Anness XVI tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea li jistabbilixxi l-proċeduri għall-għotja ta’ kuntratti pubbliċi fis-settur tas-servizzi pubbliċi (Id-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (1)) (“Id-Direttiva 2004/17/KE”), u b'mod partikolari l-Artikolu 30 tagħha,
Wara li kkunsidrat il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar il-ħolqien ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u ta’ Qorti tal-Ġustizzja (“Il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti”), u partikolarment l-Artikoli 1 u 3 tal-Protokoll 1 tiegħu,
Wara li kkunsidrat it-talba mressqa quddiem l-Awtorità fl-24 ta’ Jannar 2012, minn Akershus Energi Vannkraft AS, E-CO Energi AS, EB Kraftproduksjon AS u Østfold Energi AS (“l-applikanti”),
Wara li kkunsidrat it-Deċiżjoni tal-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA (“l-Awtorità”) tad-19 ta’ April 2012 li tagħti s-setgħa lill-Membru li għandu responsabbiltà speċjali għall-akkwisti pubbliċi li jieħu ċerti deċiżjonijiet fil-qasam tal-akkwisti pubbliċi (id-Deċiżjoni Nru 138/12/COL),
Wara li kkonsultat mal-Kumitat dwar l-Akkwisti Pubbliċi tal-EFTA li jgħin lill-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA,
Billi:
I. Il-FATTI
(1) |
Fl-24 ta’ Jannar 2012, l-Awtorità rċeviet talba skont l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2004/17/KE mingħand Akershus Energi Vannkraft AS, E-CO Energi AS, EB Kraftproduksjon AS u Østfold Energi AS biex tapprova l-applikabbiltà tal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE għall-attivitajiet marbutin mal-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-enerġija idroelettrika fin-Norveġja. Permezz ta’ ittri mibgħuta fis-17 ta’ Frar 2012, l-Awtorità talbet tagħrif addizzjonali kemm mingħand in-Norveġja (l-avveniment Nru 624270) u mingħand l-applikant (l-avveniment Nru 624258). L-Awtorità rċeviet risposta għal din it-talba mingħand in-Norveġja b'ittra bid-data tal-20 ta’ Marzu 2012 u mingħand l-applikant b'ittra bid-data tat-22 ta’ Marzu 2012. |
(2) |
It-talba tal-applikanti, li għandha tkun meqjusa bħala ħidmiet pubbliċi fit-tifsira tad-Direttiva 2004/17/KE. tikkonċerna l-produzzjoni u l-forniment bl-ingrossa tal-enerġija idroelettrika, kif spjegat fit-talba. |
II. IL-QAFAS LEGALI
(3) |
L-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE jistipula li l-kuntratti li huma maħsuba biex jgħinu biex attività msemmija fl-Artikoli 3 sa 7 titwettaq ma għandhomx ikunu suġġetti għad-Direttiva 2004/17/KE jekk, fl-Istat membru tal-EFTA li fih titwettaq, l-attività tkun esposta direttament għall-kompetizzjoni fis-swieq li għalihom l-aċċess mhuwiex ristrett. |
(4) |
Skont l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2004/17/KE, talba għall-applikabbiltà tal-Artikolu 30(1) tista' titressaq mill-awtoritajiet kontraenti jekk il-leġiżlazzjoni tal-Istat membru taż-ŻEE kkonċernat jipprevediha. Mill-paragrafu 2 tat-Taqsima 15-1 tar-Regolament Nru 403 tas-7 ta’ April 2006 dwar l-akkwisti pubbliċi fis-settur tas-servizzi (Forskrift nr. 403 av 7. April 2006 om innkjøp i forsyningssektorene) isegwi li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jressqu talba għall-applikazzjoni tal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE quddiem l-Awtorità sakemm ikunu ħadu opinjoni mingħand l-Awtorità Norveġiża tal-Kompetizzjoni. |
(5) |
L-applikanti ħadu l-opinjoni mingħand l-Awtorità Norveġiża tal-Kompetizzjoni fis-16 ta’ Marzu 2011, li fiha l-Awtorità Norveġiża tal-Kompetizzjoni kkonkludiet li l-attivitajiet rilevanti huma direttament esposti għall-kompetizzjoni f'suq fejn ma hemmx aċċess ristrett. |
(6) |
L-aċċess għas-suq ma jitqiesx li hu ristrett jekk l-Istat ikun implimenta u applika l-leġiżlazzjoni rilevanti taż-ŻEE li tiftaħ settur partikolari jew parti minnu. Din il-leġiżlazzjoni hija elenkata fl-Anness XI tad-Direttiva 2004/17/KE, li, għas-settur tal-elettriku, tirreferi għad-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku (2). Id-Direttiva 96/92/KE ġiet sostitwita bid-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (3) (“id-Direttiva 2003/54/KE”), li qiegħda mdaħħla fil-punt 22 tal-Anness IV tal-Ftehim taż-ŻEE. Għaldaqstant, l-aċċess għas-suq se jitqies li mhuwiex ristrett jekk l-Istat Norveġiż implimenta u applika b'mod xieraq id-Direttiva 2003/54/KE. |
(7) |
L-esponiment dirett għall-kompetizzjoni għandu jiġi evalwat fuq il-bażi ta’ indikaturi varji, li l-ebda wieħed minnhom ma hu deċiżiv fih innifsu. Fir-rigward tas-swieq ikkonċernati minn din id-deċiżjoni s-sehem tas-suq tal-protagonisti f'xi suq partikolari jikkostitwixxi kriterju wieħed li għandu jitqies. Kriterju ieħor huwa l-livell ta’ konċentrazzjoni f'dawk is-swieq. Meta wieħed iqis il-karatteristiċi tas-swieq ikkonċernati, għandhom jiġu kkunsidrati kriterji oħrajn bħall-funzjonament tas-suq ta’ bbilanċjar, il-kompetizzjoni tal-prezzijiet u l-livell tal-bdil tal-fornituri mill-klijenti. |
III. VALUTAZZJONI
Definizzjoni tas-suq
Suq tal-prodotti
(8) |
Is-suq rilevanti tal-prodotti huwa l-produzzjoni u l-forniment bl-ingrossa tal-elettriku (4). Għalhekk is-suq ikopri l-produzzjoni tal-elettriku fl-impjanti tal-enerġija (power stations) u l-importazzjoni tal-elettriku permezz ta’ interkonnetturi bil-ħsieb li dan jerġa' jinbiegħ direttament lill-klijenti kbar industrijali jew lin-negozjanti li jbigħu bl-imnut. |
Is-suq ġeografiku
(9) |
Is-suq bl-ingrossa tal-enerġija Norveġiż huwa integrat sew fis-suq Nordiku (id-Danimarka, in-Norveġja, l-Isvezja u l-Finlandja). Parti kbira mill-produzzjoni tal-enerġija elettrika fir-reġjun Nordiku huwa mibjugħ permezz tal-iskambju komuni Nordiku tal-kuntratti għat-twassil b'mod fiżiku tal-enerġija elettrika, operat minn Nord Pool Spot AS (Nord Pool). L-iskambju tal-elettriku Nordiku tan-Nord Pool fil-preżent ikopri s-swieq bl-ingrossa tal-enerġija fin-Norveġja, fl-Isvezja, fid-Danimarka, fil-Finlandja u fl-Estonja. |
(10) |
In-Nord Pool jopera żewġt iswieq għan-negozju bl-ingrossa tal-enerġija elettrika: is-suq Elspot ta’ jum bil-quddiem, fejn kuljum jiġu negozjati kuntratti bis-siegħa ta’ enerġija li tkun trid titwassal b'mod fiżiku fl-24 siegħa tal-għada u Elbas li huwa suq kontinwu transkonfinali tal-istess jum fejn l-aġġustamenti għan-negozjati li jkunu saru fis-suq ta’ jum bil-quddiem jibqgħu jsiru sa siegħa qabel il-konsenja. Flimkien dawn is-swieq koprew 74 % tal-konsum Nordiku tal-elettriku fl-2010, b'volum ta’ 307 TWh. Il-volum negozjat li jifdal jiġi nnegozjat b'mod bilaterali bejn il-fornitur u l-klijent. |
(11) |
Is-suq Nordiku huwa maqsum f'għadd ta’ oqsma ta’ offerti li huma pariġġati minn interkonnetturi. Il-prezz tan-negozju fl-Elspot huwa bbażat fuq l-offerti mingħand il-parteċipanti kollha tas-suq u jiġi ffissat biex jibbilanċja l-forniment u d-domanda fis-suq għal kull siegħa mill-24 ta’ kull jum. Il-mekkaniżmu tal-ipprezzar fl-Elspot jaġġusta l-fluss tal-enerġija permezz tal-interkonnetturi fis-suq għall-kapaċità disponibbli tan-negozjar mogħti mill-operaturi tas-sistema tat-trasmissjoni Nordika. |
(12) |
Il-limiti tal-kapaċità tat-trasmissjoni fir-reġjun Nordiku jistgħu jwasslu għal konġestjoni temporanja li taqsam iż-żona Nordika b'mod ġeografiku fi swieq iżgħar. Fl-interkonnetturi bejn il-pajjiżi Nordiċi u fin-Norveġja stess, jintużaw il-mekkaniżmi tal-ipprezzar biex itaffu l-konġestjoni fix-xibka tal-enerġija bl-introduzzjoni ta’ prezzijiet differenti tal-Elspot skont iż-żona. Għaldaqstant jista' jkun hemm prezzijiet differenti fiż-żoni tal-prezz li jibbilanċjaw il-forniment u d-domanda fiż-żona. |
(13) |
U b'konsegwenza ta’ dan, is-suq ġeografiku rilevanti jista' jvarja minn siegħa għall-oħra. Meta jkun hemm konġestjoni, is-suq ġeografiku rilevanti jkun aktar limitat miż-żona Nordika u jista' jikkoinċidi ma’ żoni domestiċi tal-offerti. |
(14) |
Fil-preżent hemm ħames żoni tal-offerta fin-Norveġja (5). |
(15) |
Iżda l-perċentwal tas-siegħat fejn ikun hemm differenzi fil-prezzijiet fost iż-żoni fir-reġjun Nordiku huwa limitat:
Ħafna miż-żmien, iż-żoni tal-prezzijiet ikunu konnessi:
Iż-żoni tal-prezz Norveġiżi ġeneralment ikunu integrati mal-Isvezja. |
(16) |
Il-possibbiltà li jkun hemm il-konġestjonijiet tista' tqajjem tħassib dwar l-utilizzazzjoni ta’ imblukkar temporanju li jista' jżid is-saħħa tas-suq lokali. Abbażi ta’ dan, l-awtoritajiet Norveġiżi tal-kompetizzjoni ddefinixxew is-suq ġeografiku rilevanti bħala wieħed Nordiku fis-siegħat meta ma jkunx hemm konġestjoni u wieħed iżgħar waqt is-siegħat ta’ konġestjoni (6). |
(17) |
Il-kwistjoni dwar jekk is-suq jiġi definit bħala wieħed li jkopri r-reġjun Nordiku jew jekk huwiex wieħed iżgħar se titħalla miftuħa billi r-riżultat tal-analiżi jibqa' l-istess sew jekk huwa bbażat fuq definizzjoni dejqa kif ukoll fuq waħda usa'. |
L-aċċess għas-suq
(18) |
Fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, u għall-għanijiet attwali, jidher li n-Norveġja implimentat u applikat b'mod sħiħ id-Direttiva 2003/54/KE. Konsegwentement, u skont l-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 30(3), l-aċċess għas-suq għandu jitqies li mhuwiex ristrett fit-territorju tan-Norveġja. |
Esponiment għall-kompetizzjoni
(19) |
Bi qbil mal-Kummissjoni Ewropea (7), l-Awtorità se tanalizza s-sehem fis-suq tat-tliet produtturi ewlenin, il-grad ta’ konċentrazzjoni fis-suq u l-grad ta’ likwidità tas-suq. |
(20) |
Il-Kummissjoni Ewropea hija tal-opinjoni li, fir-rigward tal-produzzjoni tal-elettriku, “indikatur wieħed għall-grad ta’ kompetizzjoni fis-swieq nazzjonali huwa s-sehem totali tas-suq tal-ikbar tliet produtturi” (8). |
(21) |
Is-sehem fis-suq aggregat f'terminu tal-kapaċità ta’ produzzjoni tal-ikbar tliet produtturi fir-reġjun Nordiku fl-2010 kien ta’ 45,1 % (Vattenfall: 18,8 %, Statkraft: 13,3 % u Fortum: 13 %) li huwa livell aċċettabbli. |
(22) |
Il-grad tal-konċentrament fin-Norveġja meqjus mill-Indiċi Hirschman-Herfindahl (HHI) skont il-kapaċità kien 1 826 fl-2008 (9). |
(23) |
Is-suq bl-ingrossa tal-enerġija elettrika Nordiku għandu jitqies bħala wieħed kompetittiv. It-transizzjoni għal suq miftuħ fir-reġjun Nordiku kienet suċċess kbir. Wara l-ftuħ ta’ suq konġunt Norveġiż-Svediż fl-1996, il-pajjiżi Nordiċi l-oħra ddaħħlu fis-suq; il-Finlandja fl-1998, id-Danimarka fl-1999/2000 u l-Estonja fl-2010. Madwar 74 % tal-konsum tal-enerġija elettrika fir-reġjun Nordiku fl-2010 ġie nnegozjat fil-borża. Hemm iżjed minn 300 kummerċjant irreġistrati mal-borża. |
(24) |
Kif inhu deskritt hawn fuq, l-imblukkar minħabba l-konġestjoni huwa rari u ta’ natura temporanja. Għalhekk teżisti pressjoni kompetittiva kostanti minħabba l-potenzjal li wieħed jakkwista l-elettriku minn barra t-territorju Norveġiż. Bejn il-pajjiżi Nordiċi ma jintalabx ħlas għat-trasmissjoni. Il-kollegamenti bejn in-Norveġja u żoni tariffarji oħra li sikwit ma jkunux konġestjonati jiggarantixxu li l-investiment fis-settur tal-elettriku fit-territorju Norveġiż ma jistax isir mingħajr ma jitqiesu produtturi oħra fis-suq Nordiku. Barra minn hekk, il-prezzijiet tal-elettriku bl-ingrossa jiġu ffissati minn Nord Pool, li topera pjattaforma tan-negozju fluwida ħafna. |
(25) |
Barra minn dan, il-funzjonament tas-swieq ta’ bilanċ għandu wkoll jitqies bħala indikatur, mhux biss fir-rigward tal-produzzjoni iżda wkoll għas-suq bl-ingrossa. Fil-fatt, kull parteċipant tas-suq li ma jsibhiex faċli li jqabbel il-portafoll tal-produzzjoni tiegħu mal-karatteristiċi tal-klijenti tiegħu jista' jsib ruħu espost għad-differenza bejn il-prezz li bih l-operatur tas-sistemi ta’ trasmissjoni [TSO - transmission system operator] ibigħ l-enerġija minħabba żbilanċ, u l-prezz li bih jixtri lura l-produzzjoni żejda. Dawn il-prezzijiet jistgħu jkunu imposti direttament mir-regolatur tat-TSO; jew inkella jintuża mekkaniżmu abbażi tas-suq, li fih il-prezz jiġi ddeterminat minn offerti li jkunu għamlu produtturi oħra biex jirregolaw il-produzzjoni tagħhom 'il fuq jew 'l isfel. Jeżisti suq ta’ bilanċ kważi kompletament integrat fir-reġjun Nordiku għall-forniment ta’ enerġija li tibbilanċja u l-karatteristiċi ewlenin tiegħu – l-ipprezzar ibbażat fuq is-suq u distakk żgħir bejn il-prezz tax-xiri mingħand it-TSO u l-prezz tal-bejgħ – huma tali li għandu jitqies bħala indikatur tal-esponiment dirett għall-kompetizzjoni. |
(26) |
Għalhekk dawn il-fatturi għandhom jitqiesu bħala indikazzjoni ta’ esponiment dirett għall-kompetizzjoni għas-suq rilevanti li qed jiġi rivedut mingħajr ma jitqies jekk l-ambitu ġeografiku tas-suq iwassalx sar-reġjun Nordiku ġenerali jew għandux ambitu idjeq. |
IV. IL-KONKLUŻJONI
(27) |
Fid-dawl tal-indikaturi fin-Norveġja msemmijin hawn fuq, il-kundizzjoni ta’ esponiment dirett għall-kompetizzjoni stabbilita fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE għandha titqies li ntlaħqet fir-rigward tal-produzzjoni u tal-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fin-Norveġja. Barra minn hekk, kif inhu osservat fil-premessa 18, il-kundizzjoni għall-aċċess ħieles għall-attività jrid jitqies li hu milħuq. B'riżultat ta’ dan, id-Direttiva 2004/17/KE ma għandhiex tapplika meta l-entitajiet kuntrattwali joffru kuntratti bl-għan li jippermettu l-ġenerazzjoni tal-elettriku jew il-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku f'dawn iż-żoni ġeografiċi u lanqas meta huma jorganizzaw fil-post kompetizzjonijiet ta’ disinn bl-iskop li hemm titkompla attività ta’ din ix-xorta. |
(28) |
Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq is-sitwazzjoni ġuridika u fattwali mill-24 ta’ Jannar 2012 kif jidher mill-informazzjoni mressqa mill-applikant. Tista' tiġi riveduta, jekk tibdiliet sinifikanti fis-sitwazzjoni legali u fattwali jfissru li l-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà tal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE ma għadhomx sodisfatti. |
(29) |
Din id-Deċiżjoni ttieħdet biss bil-għan li tingħata eżenzjoni skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17/KE u hija mingħajr ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni. |
(30) |
Din id-Deċiżjoni tapplika għall-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fin-Norveġja u ma tikkonċernax l-attivitajiet tat-trasmissjoni, tad-distribuzzjoni u tal-forniment bl-imnut tal-elettriku fin-Norveġja. |
(31) |
Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Akkwisti Pubbliċi tal-EFTA li jassisti lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Att imsemmi fil-punt 4 tal-Anness XVI tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea li jistabbilixxi l-proċeduri għall-għotja ta’ kuntratti pubbliċi fis-settur tas-servizzi pubbliċi (Id-Direttiva 2004/17/KE) ma għandux japplika għall-kuntratti mogħtija minn entitajiet kontraenti li jkollhom l-għan li jippermettu l-attivitajiet ta’ produzzjoni u bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fin-Norveġja.
Artikolu 2
Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Norveġja.
Magħmula fi Brussell, it-22 ta’ Mejju 2012.
Għall-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA
Sverrir Haukur GUNNLAUGSSON
Membru tal-Kulleġġ
Xavier LEWIS
Direttur
(1) ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1.
(2) ĠU L 27, 30.1.1997, p. 20.
(3) ĠU L 176, 15.7.2003, p. 37. Id-Direttiva 2003/54/KE ddaħħlet fil-Ftehim dwar iż-ŻEE bid-Deċiżjoni Nru 146/2005 tat-2 ta’ Diċembru 2005 (ĠU L 53, 23.2.2006, p. 43), tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, u daħlet fis-seħħ għall-Istati tal-EFTA fl-1 ta’ Ġunj 2007.
(4) Ara d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea tas-26 ta’ Jannar 2011 fil-Każ COMP/M.5978 - GDF Suez/International Power, tat-22 ta’ Diċembru 2008 fil-każ COMP/M.5224 –EDF/British Energy, tal-14 ta’ Novembru 2006 l-Każ COMP/M.4180, – Gaz de France/Suez, tad-9 ta’ Diċembru 2004 il-Każ M.3440 – EDP/ENI/GDP. Ara wkoll id-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni li jeżentaw il-produzzjoni u l-bejgħ tal-elettriku fl-Isvezja u fil-Finlandja mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE; Id-Deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2006 li tistabbilixxi li l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE japplika għall-produzzjoni u l-bejgħ tal-elettriku fil-Finlandja minbarra fil-Gżejjer Åland u d-Deċiżjoni tad-29 ta’ Ottubru 2007 li teżenta l-produzzjoni u l-bejgħ tal-elettriku fl-Isvezja mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE.
(5) Oslo - NO 1, Kristiansand - NO 2, Trondheim – NO 3, Tromsø - NO 4 u Bergen – NO 5. Fil-5 ta’ Settembru 2011, il-konfini bejn iż-żoni tal-offerti Nru 2 u Nru 5 tressaq 'il fuq minħabba li kienet bdiet titħaddem konnessjoni ġdida. Id-dejta mogħtija fl-applikazzjoni ma tqisx din il-bidla.
(6) Ara d-deċiżjonijiet tal-Ministeru tal-Amministrazzjoni Governamentali tal-14 ta’ Ottubru 2002Statkraft – Agder Energi u tas-7 ta’ Frar 2003Statkraft – Trondheim Energiverk.
(7) Id-Deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2006 li tistabbilixxi li l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE japplika għall-produzzjoni u l-bejgħ tal-elettriku fil-Finlandja minbarra fil-Gżejjer Åland u d-Deċiżjoni tad-29 ta’ Ottubru 2007 li teżenta l-produzzjoni u l-bejgħ tal-elettriku fl-Isvezja mill-applikazzjoni tal-paragrafi 7 - 13 tad-Direttiva 2004/17/KE.
(8) Ara r-Rapport dwar il-progress fil-ħolqien tas-suq intern tal-gass u tal-elettriku, COM (2005) 568 finali tal-15.11.2005, id-Deċiżjoni tad-29 ta’ Ottubru 2007 li teżenta l-produzzjoni u l-bejgħ tal-elettriku fl-Isvezja mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE.
(9) Ara d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni, l-Anness Tekniku mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u r-rapport tal-Parlament Ewropew dwar il-progress fil-ħolqien tas-suq intern tal-gass u tal-elettriku, COM (2010) 84 finali, paġna 12.