22.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 374/16


Azzjoni mressqa fid-19 ta’ Ottubru 2011 minn DB Schenker kontra l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA

(Każ E-14/11)

2011/C 374/11

Azzjoni kontra l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA tressqet quddiem il-Qorti tal-EFTA fid-19 ta’ Ottubru 2011 minn Schenker North AB, Schenker Privpak AB u Schenker Privpak AS (kollettivament “DB Schenker”), irrappreżentata minn Jon Midthjell, advokat, Advokatfirmaet Midthjell AS, Grev Wedels plass 5, 0151 Oslo, in-Norveġja.

Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-EFTA sabiex:

(1)

Tannulla d-deċiżjoni kkontestata sakemm tiċħad l-aċċess għad-dokumenti ta' spezzjoni f'Każ Nru 34250 (Norway Post/Privpak);

(2)

Tordna lill-konvenut u lil xi intervenjenti jħallsu l-ispejjeż.

Sfond legali u fattwali u eċċezzjonijiet legali miġjuba bħala sostenn:

Ir-rikorrenti Schenker North AB, Schenker Privpak AB u Schenker Privpak AS huma parti minn DB Schenker, grupp internazzjonali tat-trasport u l-loġistika tal-merkanzija, proprjetà tad-Deutsche Bahn AG. Schenker North AB tmexxi l-operazzjonijiet ta’ negozju tal-grupp fuq l-art, bil-baħar u bil-ferrovija fin-Norveġja, l-Isvezja u d-Danimarka, inklużi s-sussidjarji Schenker Privpak AS u Schenker Privpak AB (kollettivament irreferuti bħala “DB Schenker”).

Fl-14 ta’ Lulju 2010, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA adottat deċiżjoni fil-Każ Nru 34250 (Norway Post/Privpak), fejn sabet li Norway Post kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq Norveġiż tal-kunsinja tal-pakketti bejn in-negozji u l-konsumaturi fl-2000-2006. Ir-rikorrenti qed isegwu talba għad-danni kontra Norway Post għat-telf ikkawżat mill-ksur. Fit-3 ta’ Awwissu 2010, ir-rikorrenti ssottomettew talba għall-aċċess tad-dokumenti skont ir-Regoli dwar l-Aċċess għad-Dokumenti (RAD) stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tas-27 ta’ Ġunju 2008.

B’ittra tas-16 ta’ Awwissu 2011, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA rrifjutat it-talba tar-rikorrenti għall-aċċess tad-dokumenti miġbura waqt spezzjoni ġewwa l-bini ta’ Norway Post bejn il-21 u l-24 ta’ Ġunju 2004. Ir-rikorrenti qed jikkontestaw dan ir-rifjut skont l-Artikolu 36 SCA.

Ir-rikorrenti jsostnu li, fil-konfront ta’ DB Schenker, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA kisret id-dritt tal-aċċess għad-dokumenti skont l-Artikolu 2(1) RAD,

bl-applikazzjoni ħażina tal-eċċezzjoni fl-Artikolu 4(1)(b) RAD li għandha x’taqsam mal-privatezza u l-integrità personali;

bl-applikazzjoni ħażina tal-eċċezzjonijiet fl-Artikolu 4(2) RAD li għandhom x’jaqsmu mal-interessi kummerċjali, l-ispezzjonijiet u l-investigazzjonijiet u l-interess pubbliku akbar mill-iżvelar tiegħu; u

bil-ksur tad-dritt għall-aċċess parzjali tad-dokumenti fl-Artikolu 4(6) RAD.