6.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 294/8


Azzjoni mressqa fil-21 ta' Lulju 2011 mill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA kontra n-Norveġja

(Każ E-9/11)

2011/C 294/08

Fil-21 ta' Lulju 2011 l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA, irrappreżentata minn Xavier Lewis u Florence Simonetti Gjermund Mathisen, li qegħdin jaġixxu ta' Aġenti tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA, 35, Rue Belliard, 1040 Brussell, Belgium ħadet azzjoni kontra n-Norveġja fil-Qorti tal-EFTA.

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA titlob lill-Qorti tal-EFTA tiddikjara li:

(1)

Billi jinżammu fis-seħħ ir-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tal-individwi u tal-impriżi li ġew stabbiliti fl-Istati taż-ŻEE fir-rigward tal-pussess ta' ishma u tal-eżerċizzju tad-dritt tal-votazzjoni fi swieq irregolamentati fin-Norveġja, skont kif stipulat fis-Sezzjoni 35(1), (2) u (3) u fis-Sezzjoni 36 tal-Att Nru 74 tad-29 ta' Ġunju 2007 dwar is-Swieq Irregolati (l-Att dwar il-Borża) u fis-Sezzjoni 5-3(1), (2) u (3) u s-Sezzjoni 5-4 tal-Att tal-5 ta' Lulju 2002 dwar ir-Reġistrazzjoni ta' Strumenti Finanzjarji (l-Att dwar id-Depożitarji tat-Titoli), ir-Renju tan-Norveġja naqas milli jissodisfa l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-Artikoli 31 u 40 taż-ŻEE.

(2)

Ir-Renju tan-Norveġja għandu jbati l-ispejjeż tal-proċedimenti.

Sfond legali u fattwali u eċċezzjonijiet legali miġjuba bħala sostenn:

Il-leġiżlazzjoni Norveġiża tillimita s-sjieda ta' istituzzjonijiet tal-infrastruttura tas-servizzi finanzjarji u d-drittijiet tal-vot fihom. Bħala regola ewlenija l-Att dwar il-Borża jipprojbixxi l-pussess ta' aktar minn 20 % tal-ishma fil-boroż, kif ukoll il-votazzjoni għal aktar minn 20 % tal-kapital totali tal-voti jew 30 % tal-voti rrappreżentati fil-laqgħa ġenerali. Ir-regoli korrispondenti relatati mad-depożitarji tat-titoli huma stabbiliti fl-Att dwar id-Depożitarji tat-Titoli.

L-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA tiddikjara li l-leġiżlazzjoni kkontestata la hija kompatibbli mal-libertà tal-istabbiliment skont l-Artikolu 31 taż-ŻEE u lanqas mal-libertà tal-moviment tal-kapital skont l-Artikolu 40 taż-ŻEE.

L-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA targumenta b'mod partikolari li l-leġiżlazzjoni kkontestata mhijiex neċessarja biex jiġu promossi l-funzjonament tajjeb u l-effiċjenza tas-swieq finanzjarji u biex titnissel fiduċja fost l-operaturi tas-suq fl-indipendenza u l-imparzjalità tal-istituzzjonijiet. Hija targumenta li jeżistu miżuri alternattivi inqas restrittivi li jkunu effettivi biżżejjed.