28.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 292/27


Azzjoni mressqa fl-10 ta' Awwissu 2010 mill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA kontra l-Liechtenstein

(Każ E-11/10)

2010/C 292/09

Fl-10 ta' Awwissu 2010 l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA, irrappreżentata minn Xavier Lewis u Markus Schneider, li qegħdin jaġixxu ta' Aġenti tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA, rue Belliard/Belliardstraat 35, 1040 Bruxelles/Brussel, BELGIQUE/BELGIË, ħadet azzjoni kontra l-Liechtenstein fil-Qorti tal-EFTA.

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA talbet lill-Qorti tal-EFTA tiddikjara li:

(1)

Billi naqas li jadotta l-miżuri neċessarji biex jiġi implimentat bis-sħiħ l-Att imsemmi fil-punt 21b tal-Anness XVIII tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid)), kif adattat għall-Ftehim taż-ŻEE minn Protokoll 1 tiegħu, jew javża lill-Awtorità b'dan, fiż-żmien preskritt, il-Prinċipat tal-Liechtenstein naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 33 tad-Direttiva u skont l-Artikolu 7 taż-ŻEE.

(2)

Tordna lill-Prinċipat tal-Liechtenstein iħallas l-ispejjeż ta’ dawn il-proċedimenti.

Sfond legali u fattwali u eċċezzjonijiet legali miġjuba bħala sostenn:

L-applikazzjoni tindirizza n-nuqqas mil-Liechtenstein li jikkonforma bis-sħiħ mad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid).

Huwa stipulat fl-Applikazzjoni li skont l-Artikolu 33 tad-Direttiva, li jinqara flimkien mad-Deċiżjoni Nru 33/2008 tal-Kumitat Konġunt ZEE, li l-Liechtenstein kien obbligat li jieħu l-miżuri neċessarji biex jiżgura konformità sħiħa mad-Direttiva mhux iktar tard mil-1 ta' Frar 2009 u jikkomunika mal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA it-test ta' dawn il-miżuri.

L-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA ssostni li ma rċevietx informazzjoni mill-gvern tal-Liechtenstein li jindika li l-Att ġie implimentat bi sħiħ fil-liġi nazzjonali, u lanqas m'hi fil-pussess ta' kwalunkwe informazzjoni oħra li permezz tagħha tista' tikkonkludi dan.

Il-gvern tal-Liechtenstein ma kkontestax id-dewmien fl-implimentazzjoni tal-Att.