16.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 332/45


DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA

Nru 160/10/COL

tal-21 ta' April 2010

li tikkonċerna garanziji addizzjonali għan-Norveġja relatati mal-marda ta' Aujeszky

L-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 17 u l-Protokoll 1 tal-Ftehim, b’mod partikolari l-Artikolu (4)(d) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta' Awtorità ta' Sorveljanza u ta' Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari l-Artikolu 5(2)(d) u l-Protokoll 1 tal-Ftehim, b’mod partikolari l-Artikolu 1(c) tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-Att imsemmi fil-punt 4.1.1 tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea li jikkonċerna l-problemi tas-saħħa tal-annimali li jaffettwaw il-kummerċ intra-Komunitarju tal-annimali bovini u l-ħnieżer, id-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE tas-26 ta' Ġunju 1964 dwar il-problemi tas-saħħa tal-annimali li jaffettwaw il-kummerċ intra-Komunitarju tal-annimali bovini u l-ħnieżer (1), kif emendata, u adottata għall-Ftehim taż-ŻEE permezz tal-Protokoll 1 tiegħu, b’mod partikolari l-Artikoli 8 u 10(1) tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-Att imsemmi fil-punt 4.2.84 tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim taż-ŻEE, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/185/KE tal-21 ta' Frar 2008 dwar il-kummerċ intra-Komunitarju tal-ħnieżer relatata mal-marda ta' Aujeszky u l-kriterji biex tkun provduta informazzjoni dwar din il-marda (2), kif emendat,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA Nru 226/96/COL tal-4 ta' Diċembru 1996 li tieħu post id-Deċiżjoni Nru 31/94/COL li tikkonċerna garanziji addizzjonali relatati mal-marda ta' Aujeszky għall-ħnieżer destinati għal Stati tal-EFTA jew reġjuni ħielsa mill-marda kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 75/94/COL (3),

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni Nru 226/96/COL in-Norveġja kienet ġiet mogħtija garanziji addizzjonali relatati mal-marda ta' Aujeszky.

(2)

Minn meta ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 226/96/COL, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar garanziji addizzjonali għal-marda ta' Aujeszky ġiet emendata biex tassigura l-konsistenza mar-regoli internazzjonali dwar din il-marda u jkun hemm kontroll aħjar fl-Unjoni.

(3)

Permezz ta' Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 55/2009 (4), id-Deċiżjoni 2008/185/KE, kif emendata, ġiet inkorporata fil-Ftehim taż-ŻEE bħala punt 4.2.84 tal-Kapitolu I tal-Anness I għal dak il-Ftehim.

(4)

Il-Gvern tan-Norveġja jikkunsidra li t-territorju tiegħu hu ħieles mill-marda ta' Aujeszky skont l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 64/432/KEE. In-Norveġja ressqet dokumentazzjoni ta' sostenn lill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA, b’mod partikolari, li jissostanzjaw il-fatt li l-monitoraġġ tas-sitwazzjoni għadu għaddej, u li għalhekk tinsab fis-seħħ sorveljanza xierqa biex tassigura li t-territorju tan-Norveġja hu ħieles mil-marda ta' Aujeszky.

(5)

In-Norveġja talbet lill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA biex taġġorna d-Deċiżjoni Nru 226/96/COL sabiex jittieħdu inkonsiderazzjoni t-tibdiliet leġiżlattivi ġodda fil-qasam ta' garanziji addizzjonali għall-kummerċ tal-ħnieżer fi ħdan l-Unjoni relatati mal-marda ta' Aujeszky.

(6)

Għalhekk hu xieraq li tkun irrevokata d-Deċiżjoni Nru 226/96/COL tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA skont l-aħħar tibdiliet leġiżlattivi fil-qasam ta' garanziji addizzjonali għall-kummerċ tal-ħnieżer fi ħdan l-Unjoni relatati mal-marda ta' Aujeszky.

(7)

Id-Deċiżjoni l-ġdida ser iżżomm l-istess garanziji li kienu ġew mogħtija lin-Norveġja u kif ukoll se tagħmilhom konformi mal-kriterji l-ġodda mfassla fil-leġiżlazzjoni rilevanti taż-ŻEE, b’mod partikolari d-Deċiżjoni 2008/185/KE, kif emendata.

(8)

Il-miżuri stipulati għalihom f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Veterinarju tal-EFTA li jassisti lill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-reġjuni kollha tan-Norveġja huma ħielsa mill-marda ta' Aujeszky u t-tilqim hu projbit.

Artikolu 2

In-Norveġja ġiet mogħtija garanziji addizzjonali relatati mal-marda ta' Aujeszky stipulati fid-Deċiżjoni 2008/185/KE, kif emendata, waqt il-kummerċ tal-ħnieżer fiż-Żona Ekonomika Ewropea (minn issa ‘l quddiem imsejħa “ŻEE”).

Artikolu 3

In-Norveġja għandha l-istess stejtus bħal dawk l-Istati Membri tal-UE mniżżla fl-Anness I għad-Deċiżjoni 2008/185/KE.

Artikolu 4

L-istituzzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tal-Anness III tad-Deċiżjoni 2008/185/KE hi l-Veterinærinstituttet, Oslo, in-Norveġja.

Artikolu 5

Id-Deċiżjoni Nru 226/96/COL qed tiġi rrevokata.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-21 ta' April 2010.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lin-Norveġja.

Artikolu 8

Il-verżjoni bl-Ingliż biss hi awtentika.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ April 2010.

Għall-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA

Per SANDERUD

President

Sverrir Haukur GUNNLAUGSSON

Membru tal-Kulleġġ


(1)  ĠU 121, 29.7.1964, p. 1977/64.

(2)  ĠU L 59, 4.3.2008, p. 19.

(3)  ĠU L 78, 20.3.1997, p. 46.

(4)  ĠU L 232, 3.9.2009, p. 1.