24.6.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 157/16 |
DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TAS-SORVELJANZA TAL-EFTA
Nru 02/10/COL
tal-5 ta’ Jannar 2010
dwar l-istatus tan-Norveġja fir-rigward tan-nekrosi ematopoietika infettiva u s-settiċemija emorraġika virali u r-revoka tad-Deċiżjoni tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA Nru 302/08/COL tal-21 ta’ Mejju 2008
L-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA,
WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, partikolarment l-Artikolu 109 u l-Protokoll 1 tiegħu,
WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u ta’ Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari l-Artikolu 5(2)(d) u l-Protokoll 1 tiegħu,
WARA LI KKUNSIDRAT l-Att imsemmi fil-punt 4.1.5a tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim taż-ŻEE,
Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE tal-24 ta’ Ottubru 2006 dwar il-ħtiġiet tas-saħħa tal-annimali għall-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard f’annimali akkwatiċi (1),
hekk kif adottat permezz tal-Protokoll 1 tal-Ftehim taż-ŻEE, b’mod partikolari l-Artikolu 50 ta’ dak l-Att,
Billi:
In-Norveġja, permezz ta’ ittra ddatata 3 ta’ Mejju 1994, issottomettiet il-ġustifikazzjonijiet meħtieġa biex jingħata, safejn għandhom x’jaqsmu in-nekrożi ematopoietika infettiva (IHN) u s-settiċemija emorragika virali (VHS), l-istatus ta’ żona approvata lit-territorju tagħha, kif ukoll ir-regoli li jassiguraw l-osservanza tal-kundizzjonijiet li jridu jiġu rispettati biex jinżamm l-istatus approvat.
In-Norveġja, permezz tad-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 71/94/COL, ġiet rikonoxxuta bħala żona kontinentali u kostali għall-ħut rigward l-IHN u l-VHS. Wara notifika ta’ tfaqqigħ ta’ VHS f’Møre og Romsdal County fin-Norveġja, fis-26 ta’ Novembru 2007, id-Deċiżjoni Nru 71/94/COL, kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni tal-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA Nru 244/02/COL, ġiet revokata bid-Deċiżjoni Nru 302/08/COL, li stabbiliet li l-partijiet tan-Norveġja li hemm referenza għalihom fl-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni kienu rikonoxxuti bħala żona kontinentali approvata u żona kostali approvata għall-ħut fir-rigward tal-IHN u l-VHS.
Fil-11 ta’ Lulju 2008, tfaqqigħ ta’ VHS ġie kkonfermat fiż-żoni kostali ta’ Storfjorden fin-Norveġja. L-awtorità kompetenti fin-Norveġja infurmat lill-Awtorità dwar il-miżuri li ttieħdu biex tiġi eliminata l-marda u trażżan il-firxa tagħha.
L-Awtorità evalwat l-informazzjoni li ġiet ippreżentata lilha mill-Awtorità kompetenti fin-Norveġja u jidher, f’dan l-istadju, li l-miżuri li ttieħdu huma xierqa. B’żieda ma’ dan, l-Awtorità ddiskutiet il-kwistjoni mal-Kummissjoni Ewropea u ma kien hemm l-ebda tibdil fin-Norveġja fir-rigward tal-IHN.
Fl-opinjoni tal-Awtorità n-Norveġja, minbarra ż-żoni li hemm referenza għalihom fl-Anness, għandha tibqa’ kkunsidrata bħala żona kontinentali approvata u żona kostali approvata għall-ħut rigward l-IHN u l-VHS.
Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Veterinarju tal-EFTA li jassisti l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
In-Norveġja, bl-eżenzjoni tal-oqsma msemmija fl-Anness, hija rikonoxxuta bħala żona kontinentali approvata u bħala żona kostali approvata għall-ħut fir-rigward tal-IHN u l-VHS.
Artikolu 2
Id-Deċiżjoni tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA Nru 302/08/COL tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar l-istatut tan-Norveġja fir-rigward tan-nekrosi ematopoietika infettiva u s-settiċemija emorraġika virali hija b’dan revokata.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-5 ta’ Jannar 2010.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lir-Renju tan-Norveġja.
Artikolu 5
Il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika.
Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Jannar 2010.
Għall-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA
Kurt JÄGER
Membru tal-Kulleġġ
Xavier LEWIS
Direttur
(1) ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14.
ANNESS
IHN
In-Norveġja, minbarra dik il-parti tan-Norveġja li tinkorpora l-inħawi ta’ Grense Jacobselv u x-xmara Pasvik u x-xmajjar ta’ bejniethom u r-reġjun kostali ta’ magħhom.
VHS
In-Norveġja, minbarra:
1) |
Dik il-parti tan-Norveġja li tinkorpora l-inħawi ta’ Grense Jacobselv u x-xmara Pasvik u x-xmajjar ta’ bejniethom u r-reġjun kostali ta’ magħhom. |
2) |
In-Norveġja, minbarra ż-żoni kostali ta’ Storfjorden (fil-muniċipalitajiet ta’ Ørskog, Sykkylven, Stordal, Stranda u Norddal) delimitata fil-Punent minn linja bejn Røneset fil-muniċipalità Sykkylven u Giljeneset fil-muniċipalità Ørskog. Il-Lvant tal-fjord kollu kemm hu huwa eżentat inkluż il-linja tal-marea, irziezet tal-akwakultura bbażata fuq l-art li jużaw l-ilma baħar fil-produzzjoni u l-bażijiet fuq l-art u l-mollijiet tal-irziezet tal-akwakultura fil-fjord. Il-partijiet ta’ żoni fejn jinġabar l-ilma li għandhom l-estwarju fiż-żona ta’ trażżin u li għandhom migrazzjoni ’l fuq ta’ ħut migratorju, u kwalunkwe istallazzjoni fil-parti migratorja tal-post fejn jinġabar l-ilma huma wkoll eżentati minn rikonoxximent bħala żona approvata. |