|
24.3.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 78/59 |
DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA
Nru 290/09/COL
tal-1 ta’ Lulju 2009
dwar l-għajnuna mogħtija lis-settur tal-edukazzjoni lill-bdoti tal-linji tal-ajru fil-Kontea ta’ Troms
(In-Norveġja)
L-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA (1),
WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea (2), partikolarment l-Artikoli 61 sa 63 u l-Protokoll 26 tiegħu,
WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar il-Ħolqien ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzja (3), partikolarment l-Artikolu 24 tiegħu,
WARA LI KKUNSIDRAT l-Artikolu 1(2) tal-Parti I u l-Artikoli 7(2), 7(5), 13 u 14 tal-Parti II tal-Protokoll 3 għall-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti,
WARA LI KKUNSIDRAT il-Linji Gwida tal-Awtorità dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-Artikoli 61 u 62 tal-Ftehim taż-ŻEE (4), partikolarment il-Kapitoli dwar il-kumpens għas-servizz pubbliku u dwar il-garanziji mill-Istat,
WARA LI KKUNSIDRAT id-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 195/04/COL tal-14 ta’ Lulju 2004 dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija taħt l-Artikolu 27 tal-Parti II tal-Protokoll 3 għall-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti (5),
WARA LI KKUNSIDRAT id-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 389/06/COL tat-13 ta’ Diċembru 2006 biex jingħata bidu għall-proċeduri li jipprovdi għalihom l-Artikolu 1(2) tal-Parti I tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti (6),
WARA LI STIEDNET lill-partijiet interessati jressqu l-kummenti tagħhom (7) u wara li kkunsidrat dawn il-kummenti,
Billi:
I. FATTI
1. Proċedura
B’ittra datata s-17 ta’ Marzu 2006, North European Aviation Resources AS (minn issa 'l quddiem “NEAR” jew “il-kwerelant”) ressaq ilment kontra l-għotja tal-għajnuna, permezz tal-Baġit Nazzjonali Rivedut, lill-Kulleġġ Norveġiż dwar l-Avjazzjoni (minn issa 'l quddiem “il-KNA”). L-ittra waslet u ġiet reġistrata mill-Awtorità fl-20 ta’ Marzu 2006 (Avveniment Nru 366921). B’ittra datata l-25 ta’ Awwissu 2006, li waslet u ġiet reġistrata mill-Awtorità fit-28 ta’ Awwissu (Avveniment Nru 385471), in-NEAR ressqu parti ulterjuri mal-ilment tagħhom rigward bosta flejjes mogħtija lill-KNA mill-Kontea ta’ Troms u mill-Muniċipalità ta’ Målselv.
B’ittri datati l-11 ta’ April 2006 (Avveniment Nru 369763) u s-7 ta’ Settembru 2006 (Avveniment Nru 385794), l-Awtorità infurmat lill-awtoritajiet Norveġiżi dwar l-ilment u l-parti ulterjuri tagħha u stednithom biex jikkumentaw dwar dawn.
Wara li eżaminat dawk il-kummenti, l-Awtorità infurmat lill-awtoritajiet Norveġiżi, b’ittra datata t-13 ta’ Diċembru 2006 (Avveniment Nru 401508), li ddeċidiet li tagħti bidu għall-proċedura stabbilità fl-Artikolu 1(2) tal-Parti 1 tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti rigward l-għajnuna mogħtija fis-settur tal-edukazzjoni lill-bdoti tal-linji tal-ajru fil-Kontea ta’ Troms (8). Il-Gvern tan-Norveġja ġie mistieden biex jikkummenta dwar id-deċiżjoni. B’ittra datata l-15 ta’ Frar 2007, li waslet u ġiet reġistrata mill-Awtorità fid-19 ta’ Frar 2007 (Avveniment Nru 410248), l-awtoritajiet Norveġiżi ressqu l-kummenti tagħhom.
Id-Deċiżjoni Nru 389/06/COL biex jingħata bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Supplement taż-ŻEE tiegħu. L-Awtorità stiednet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-kummenti tagħhom (9).
L-Awtorità rċeviet żewġ settijiet ta’ kummenti minn partijiet interessati. B’ittra datata l-10 ta’ Ottubru 2007 (Avveniment Nru 446322), l-Awtorità ressqet dawn lill-awtoritajiet Norveġiżi, u tathom l-opportunità biex iwieġbu. B’ittra datata t-13 ta’ Novembru 2007 (Avveniment Nru 451773), l-awtoritajiet Norveġiżi ressqu kummenti.
2. Deskrizzjoni tal-miżura proposta
2.1. Miżuri li qed jiġu eżaminati
(a)
Skont il-Gvern Norveġiż, il-Parlament introduċa għotja ta’ NOK 4,5 miljun għall-“edukazzjoni lill-bdoti tal-linji tal-ajru li jinsabu f’Tromsø/Bardufoss” f’Ġunju 2005. Il-Ministeru tal-Edukazzjoni u r-Riċerka alloka din l-għotja direttament lill-KNA fit-8 ta’ Lulju 2005.
NOK 4,5 miljun oħrajn inkitbu fil-Baġit tal-Istat tal-2006 u ġew proposti għal darb’oħra fl-abbozz tal-baġit għall-2007. Madankollu, skont il-Gvern Norveġiż, il-Parlament ġie notifikat dwar l-ilment u allokazzjonijiet ulterjuri lill-KNA ġew sospiżi sakemm tiġi riżolta l-kwistjoni.
(b)
Il-Kontea ta’ Troms ikkonfermat li, bid-deċiżjoni tas-6 ta’ Lulju 2006, hija tat finanzjamet għall-proġett ta’ NOK 1,9 miljun lill-Norsk Luftfartshøgskole (in-NLH), korp li l-awtoritajiet Norveġiżi jiddiskrivu bħala fondazzjoni mhux kummerċjali mwaqqfa biex tiffaċilita l-edukazzjoni lill-bdoti fit-Tramuntana tan-Norveġja.
(c)
Skont il-Kontea ta’ Troms County, hija tat self ta’ NOK 400 000 lill-KNA fil-1999 b’konformità mal-Iskema ta’ Self Reġjonali notifikata lill-Awtorità u awtorizzata minnha. Is-self oriġinali antiċipa ħlas lura f’rati ta’ mgħax prevalenti wara perjodu inizjali ta’ tliet snin. Wara l-estensjonijiet tal-perjodu għall-ħlas lura, il-Kontea ta’ Troms tat remissjoni tas-self bid-deċiżjoni tas-6 ta’ Lulju 2006 dwar il-kondizzjoni li l-kredituri kollha l-oħra jipparteċipaw fir-rimbors tad-djun tal-KNA.
(d)
Il-Kontea ta’ Troms ikkonfermat li ggarantiet NOK 500 000 tad-dejn tal-KNA għall-perjodu mill-1 ta’ Settembru 2002 sal-1 ta’ Settembru 2012 mingħajr ma talbet lill-KNA biex tħallas primjum ta’ garanzija.
(e)
Il-Muniċipalità ta’ Målselv iddikjarat li, bid-deċiżjoni tad-19 ta’ Lulju 2006, hija tat self subordinat ta’ NOK 1,3 miljun lill-KNA b’rata ta’ mgħax ta’ 8,5 % fis-sena, l-ammont totali flimkien mal-imgħax li jkun wasal biex jagħlaq mhux aktar tard minn tmiem l-2007. Bid-deċiżjoni tal-24 ta’ April 2008, il-Muniċipalità ta’ Målselv estendiet l-iskadenza għall-ħlas lura sal-31 ta’ Diċembru 2008. Minn dak in-nhar l-awtoritajiet Norveġiżi kkonfermaw li s-self kien għan-NLH u mħallas lilu.
2.2. L-għan tal-miżuri li qed jiġu eżaminati
(a)
Skont il-Gvern Norveġiż, kemm il-kapaċita tal-Forza tal-Ajru biex tħarreġ bdoti għal servizz mhux relatat ma’ dak tal-forzi armati, kif ukoll is-sostenn finanzjarju għall-edukazzjoni lill-bdoti tal-linji tal-ajru provduta mill-linja tal-ajru SAS f’dawn l-aħħar snin bdew jonqsu. Il-finanzjament ikkontestat wieħed jista’ jarah bħala konsegwenza ta’ dawn il-bidliet. L-għotja tista’ tintuża biss biex tiġi assigurata l-kontinwità tal-edukazzjoni lill-bdoti tal-linji tal-ajru attwali fil-KNA, bit-tħassib ikun dwar kif se tinżamm il-kapaċità attwali għall-edukazzjoni lill-bdoti tal-linji tal-ajru fin-Norveġja u biex tiġi evitata kriżi fir-reklutaġġ tal-bdoti.
(b)
Skont il-Kontea ta’ Troms, il-finanzjament tal-proġett jimmira biex jassigura li l-kompetenza tal-avjazzjoni attwali fil-Kontea tiġi żviluppata u mtejba.
(c)
Skont il-Kontea ta’ Troms, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-KNA wasslet għall-ħtieġa li jingħataw estensjonijiet għall-iskadenza għal ħlas lura tas-self u eventwalment biex jitħassar kollu kemm hu.
(d)
Is-sidien tal-KNA ġew mitluba jagħtu garanzija fi proporzjon mas-sehem tat-titolu tagħhom u rigward self biex jiġi finanzjat simulatur tat-titjira.
(e)
L-ebda għan ma’ ġie speċifikat
2.3. Bażi legali nazzjonali għall-miżura tal-għajnuna
L-għotja diretta, li tammonta għal NOK 4,5 miljun, hija provduta fil-kuntest tal-Baġit Nazzjonali Rivedut għall-2005 (Kap. 281, post 1). Din il-lijna baġitarja tinkludi wkoll NOK 574 000 għal għanijiet oħrajn li mhux relatati mal-miżuri li qed jiġu eżaminati.
Il-miżuri l-oħrajn huma riżultat ta’ deċiżjonijiet jew tal-Kunsill tal-Kontea ta’ Troms jew tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Muniċipalità ta’ Målselv.
2.4. Riċevituri
Il-KNA hi kumpanija b’responabbiltà limitata reġistrata fin-Noverġja sa mill-1993. Hija kienet proprjetà tal-SAS (60 %), Norsk Luftfartshøgskole (29 %) u azzjonisti oħrajn iżgħar. F’Novembru 2006, in-NLH żiedet il-parteċipazzjoni tagħha fil-KNA għal 95,65 %. L-4,35 % tal-ishma li jifdal huma miżmuma mill-Hurtigruten AS.
Il-KNA, li tmexxi l-unika edukazzjoni lill-bdoti tal-linji tal-ajru fir-reġjun ta’ Tromsø/Bardufoss, instabet li hija l-unika benefiċjarja possibbli għall-għotja parlamentari.
Il-KNA hija wkoll il-benefiċjarja speċifika tas-self (sussegwentament maħfur) u garanzija tas-self mill-Kontea ta’ Troms. Il-finanzjament tal-proġett ingħata mill-Kontea ta’ Troms lill-Norsk Luftfartshøgskole, kif wkoll is-self mill-Muniċipalità ta’ Målselv.
Norsk Luftfartshøgskole hi fondazzjoni reġistrata fin-Noverġja sa mill-1997. Il-membri li waqqfuha huma Troms fylkeskommune, SAS Flight Academy u l-Muniċipalitajiet ta’ Bardu u Målselv. L-għan ta’ din il-fondazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ hu reġistrat bħala l-kiri ta’ proprjetà u l-objettiv huwa dikjarat bħala l-iffaċilitar tal-operat għall-edukazzjoni lill-bdoti tal-linji tal-ajru fit-Tramuntana tan-Norveġja billi tiżviluppa, tagħti bidu għal, u tikkoordina offerti dwar l-edukazzjoni u l-ksib tal-l-bini meħtieġ.
3. Id-deċiżjoni biex jingħata bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali
Fid-deċiżjoni biex jingħata bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-Awtorità waslet għall-konklużjoni preliminari li l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat ma tistax tiġi eskluża u li, abbażi l-informazzjoni disponibbli, dublji li jeżistu dwar il-kompatibbiltà ta’ dik l-għajnuna mat-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE.
4. Kummenti mill-awtoritajiet Norveġiżi dwar dik id-deċiżjoni
L-awtoritajiet Norveġiżi ddikjaraw li l-finanzjament ikkontestat ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat għax l-edukazzjoni offruta mill-KNA mhix attività ekonomika u għalhekk ma taqax biex tiġi valutata taħt l-Artikolu 61 taż-ŻEE. L-awtoritajiet Norveġiżi argumentaw ukoll li, anka jekk l-attività taqa’ fl-ambitu ta’ dik id-dispożizzjoni, il-finanzjament ikkontestat jkun kumpens għall-provvista ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali fit-tifsira tal-Artikolu 59(2) taż-ŻEE.
L-awtoritajiet Norveġiżi ddikjaraw li l-edukazzjoni, anke jekk taqa’ barra l-ambitu tas-sistema nazzjonali tal-edukazzjoni, tista’ tħares lejha bħala attività mhux ekonomika. Il-kontenut u l-istandard tal-kors offrut mill-KNA hu stabbilit f’att pubbliku, l-Att Norveġiż dwar l-Avjazzjoni. Barra minn hekk, attwalment qed tiġi esplorata l-possibbiltà li l-edukazzjoni lill-bdoti tiġi integrata fis-sistema nazzjonali tal-edukazzjoni. L-awtoritajiet Norveġiżi jidentifikaw problema potenzjali dwar ir-reklutaġġ fix-xejra attwali biex il-piż tal-ispejjeż tal-edukazzjoni jintefa’ fuq l-istudenti (tradizzjonalment l-ispejjeż kienu kondiviżi bejn il-kumpaniji tal-avjazzjoni u l-istudenti). L-ispiża li tiġi offruta edukazzjoni bħal din hija kbira u, għalkemm l-edukazzjoni hija provduta minn operatturi privati, ma jidhirx li tinvolvi attività ekonomika ta’ gwadann (10). Għalhekk, l-awtoritajiet Norveġiżi jiddikjaraw li, b’konformità mal-każistika tal-QEĠ, il-finanzjament ikkontestat sempliċement irrappreżenta l-Istat li qed jissodisfa l-obbligu tiegħu lejn il-popolazzjoni tiegħu fil-qasam tal-edukazzjoni.
Fl-alternattiva, l-awtoritajiet Norveġiżi huma tal-fehma li l-finanzjament ikkontestat, meta eżaminat fid-dawl tal-Artikolu 59(2) taż-ŻEE, huwa legali. Huma jenfasizzaw id-diskrezzjoni li tħalliet f’idejn l-Istat meta kellu jiġi definit x’jikkostitwixxi “servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali” (SIEĠ) u ddikjaraw li dan il-kunċett japplika għall-edukazzjoni lill-bdoti provduta mill-KNA. Rigward dan, huma enfasizzaw li l-edukazzjoni speċifika offruta mill-KNA, peress li hi l-unika Programm għall-Bdoti tat-Traffiku tal-Linji tal-Ajru li għalihom it-taħriġ iseħħ fin-Noverġja, kellha rwol importanti ħafna fir-reklutaġġ ta’ bdoti biex iservu s-suq Norveġiż. B’hekk is-sostenn tat-taħriġ lill-bdoti fil-KNA hu kwistjoni ta’ politika nazzjonali ta’ edukazzjoni marbuta direttament mal-benefiċċju għal perjodu twil lill-pubbliku u ma jiddiskriminax, peress li ma hemmx aktar fornituri ta’ edukazzjoni integrata fin-Noverġja.
L-awtoritajiet Norveġiżi ddikjaraw li l-ewwel kondizzjoni fl-Artikolu 59(2) taż-ŻEE, dik ta’ għotja, inkisbet permezz ta’ allokazzjoni ta’ baġit speċifika “għall-edukazzjoni lill-bdoti għat-trasport bil-linji tal-ajru fil-Kontea ta’ Troms/Bardufoss” flimkien mal-Att Norveġiż dwar l-Avjazzjoni. L-awtoritajiet Norveġiżi ddikkjaraw li t-tieni kondizzjoni tinvolvi kontroll għal “żball evidenti” kontra “relazzjoni raġonevoli bejn l-għan u l-metodi użati”. Huma ddikjaraw li d-deroga tapplika jekk hi meħtieġa biex tippermetti t-twettiq tax-xogħlijiet tagħha fuq termini finanzjarji aċċettabbli (11). L-awtoritajiet Norveġiżi jeskludu l-possibbiltà li jagħtu kumpens żejjed, u jinnotaw li l-allokazzjoni ta’ NOK 4,5 miljun tkopri biss 20 % tal-ispejjeż tal-programm tal-bdoti tal-linji tal-ajru.
L-awtoritajiet Norveġiżi jenfasizzaw li r-rekwiżit fl-Artikolu 59(2) taż-ŻEE li l-kummerċ ma ntlaqatx “b’tali mod li jkun kontra l-interessi tal-Partijiet Kontraenti” hu inqas strett minn dak il-kriterju ta’ effett fuq il-kummerċ għall-iskopijiet li tiġi stabbilità l-preżenza ta’ għajnuna taħt l-Artikolu 61(1) taż-ŻEE. Huma kkwotaw l-eżerċizzju ta’ bilanċ imsemmi mill-Qorti tal-Ġustizja fil-każistika tagħha (12), u kkunsidraw li l-piż tal-prova f’din il-kwistjoni jaqa’ fuq l-Awtorità (13).
Il-Kontea ta’ Troms hi tal-opinjoni li l-iżgurar ta’ edukazzjoni xierqa lill-bdoti tal-linji tal-ajru hi biċċa xogħol vitali ta’ importanza nazzjonali. Hi tal-fehma li l-parteċipazzjoni tagħha, kemm diretta (garanzija tas-self u r-remissjoni tas-self) kif ukoll indiretta (bħala sid tan-NLH), fir-ristrutturar finanzjarju tal-KNA bħala prattika normali tas-suq u tenfasizza li l-kontribuzzjoni tagħha ġiet ibbażata fuq il-kondizzjoni li kredituri oħrajn jipparteċipaw fl-irristrutturar tad-dejn (14).
Il-Kontea ta’ Troms spjegat li l-garanzija tassigura self biex jiġi finanzjat simulatur tat-titjira. Is-sidien aħħarija tal-KNA ġew mitluba jiggarantixxu is-self, biex jevitaw ħlas bil-quddiem. Il-garanzija mill-Kontea ta’ Troms tirrappreżenta 12,27 % tal-ammont tas-self. Il-Kontea ta’ Troms tenfasizza n-natura ta’ sussidjarja ewlenija tar-relazzjoni bejn il-KNA u l-Kontea. Tiddikjara wkoll li kull primjum, fil-każ li ġie mitlub, mhux ser ikun aktar mil-limitu de minimis għall-għajnuna.
Il-Muniċipalità ta’ Målselv tenfasizza li d-diffikultajiet finanzjarji esperjenzati mill-KNA fil-perjodu tas-self ġew perċepiti li huma temporanji u, bħala parti interessata, il-Muniċipalità pparteċipat fil-proċess ta’ finanzjament mill-ġdid attwali. Il-Muniċipalità tiddikjara li, sakemm ir-riskji huma valutati kif inhu xieraq u b’mod oġġettiv fil-perjodu ta’ meta ttieħdet id-deċiżjoni biex jingħata self, l-Awtorità għandha tibqa’ lura milli teżamina l-livell ta’ mgħax stabbilit sakemm ma jidhirx li ma kienx hemm raġunijiet oġġettivi bona fide biex jiġi kkunsidrat li investitur privat kellu jsellef xi flus fiċ-ċirkustanzi tal-każ.
5. Kummenti mressqa minn partijiet terzi interessati
B’ittra datata t-3 ta’ Mejju 2007, li waslet u ġiet reġistrata mill-Awtorità fl-istess ġurnata (Avveniment Nru 420011), Rørosfly AS ressqet kummenti dwar id-deċiżjoni biex jingħata bidu għall-investigazzjoni formali. Huma jappoġġaw lill-kwerelant u jenfasizzaw il-vantaġġ kompetittiv li jinvolvi sostenn pubbliku ta’ skola tat-titjir waħda biss.
B’ittra datata l-4 ta’ Mejju 2007, li waslet u ġiet reġistrata mill-Awtorità fl-istess ġurnata (Avveniment Nru 420422), il-kwerelant ressaq kummenti dwar id-deċiżjoni biex jingħata bidu għall-investigazzjoni formali. Bħala rimarka preliminari, il-kwerelant jikkonfuta d-deskrizzjoni tas-sistema għall-edukazzjoni lill-bdoti mogħtija mill-awtoritajiet Norveġiżi u jsostni li hu, kif ukoll il-KNA, għandhom l-istess liċenzja (mogħtija mill-Awtorità Norveġiża dwar l-Avjazzjoni Ċivili) u t-tnejn li huma joffru edukazzjoni integrata fin-Noverġja biex issir Bdot għat-Trasport bil-Linji tal-Ajru (15).
B’referenza għall-argument li l-KNA ma jistax iwettaq attività ekonomika, il-kwerelant ifakkar it-tifsira tat-terminu “impriża”, u jissuġġerixxi li t-test hu dwar jekk l-entità hix involuta jew le f’attività li hi waħda ekonomika, li tinvolvi l-offerta ta’ oġġetti jew servizzi fis-suq li jistgħu, għalinqas fi prinċipju, jitwettqu minn impriża privata biex tagħmel xi profitti (16). Fil-fehma tal-kwerelant, il-KNA qed twettaq negozju kummerċjali tipiku bi skop ekonomiku evidenti. B’appoġġ għal din il-pożizzjoni, il-kwerelant jirreferi għar-reklamar estensiv tal-KNA bħala karatteristika tal-parteċipanti fis-suq. In-NEAR tirreferi wkoll għaż-żieda tad-dħul prorju tagħha ta’ studenti sa mill-istarċ tal-KNA bħala spjegazzjoni tar-relazzjoni kompetittiva bejn il-bosta skejjel tat-titjir.
Rigward l-applikazzjoni tal-Artikolu 59(2) taż-ŻEE, il-kwerelant jistaqsi dwar il-kontenut eżatt tal-SIEĠ kwotat mill-awtoritajiet Norveġiżi. L-iskejjel kollha tat-titjir fin-Noverġja għandhom ikunu konformi mal-istess regoli nazzjonali u internazzjonali. Konsegwentament, l-attivitajiet kollha tal-KNA ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala SIEĠ; Il-KNA għandu jipprovdi xi ħaġa “addizzjonali” meta mqabbla ma’ skejjel oħrajn. Il-kwerelant jidentifika l-provvistà tat-taħriġ kollu fin-Noverġja bħala l-unika element “addizzjonali” offrut mill-KNA. Minkejja kollox, filwaqt li l-karatteristika ta’ SIEĠ hi dik li ma jiġix provdut mingħajr intervent pubbliku, in-NEAR toffri edukazzjoni integrata lill-bdoti b’taħriġ esklużiv fin-Noverġja (bi prezz inqas minn dak offrut mill-KNA). Għalhekk il-kwerelant jikkonkludi li l-klassifikazzjoni tas-servizzi inkwistjoni bħala SIEĠ tammonta għal żball evidenti. F’kull ċirkustanza, il-kwerelant jargumenta li l-kondizzjonijiet provduti għalihom fl-Artikolu 59(2) taż-ŻEE ma ġewx sodisfatti. Il-kwerelant jikkontesta d-dikjarazzjoni mill-awtoritajiet Norveġiżi li l-għotja f’att uffiċjali twettqet permezz tal-Att Norveġiż dwar l-Avjazzjoni u bl-allokazzjoni tal-baġit. Barra minn hekk, b’referenza għal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat fuq kumpens għal servizz pubbliku, ma ġew speċifikati fl-ebda att uffiċjali la n-natura preċiża tas-SIEĠ u lanqas il-parametri għall-kalkolu, il-kontroll u r-reviżjoni tal-kumpens. Rigward dan, il-kwerelant jinnota li l-awtoritajiet Norveġiżi ma ddokumentawx l-ispejjeż relatati ma’ kwalunkwe SIEĠ (jiġifieri l-ispejjeż relatati ma “obbligu” potenzjali biex il-lezzjonijiet kollha tat-titjir jitwettqu fin-Noverġja). Fil-fatt, il-kwerelant jiddikjara li l-istess edukazzjoni tista’ tiġi offruta min-NEAR għal prezz orħos (17).
Fl-aħħar, il-kwerelant jikkumenta dwar il-“prinċipju ta’ investitur tas-suq”. Hu ddikjarat li l-KNA kienet f’diffikultà finanzjarja għall-inqas minn meta s-SAS iddeċidiet li tirtira s-sostenn tagħha fl-2005 u li, f’dak il-perjodu tal-“investimenti”, l-awtoritajiet Norveġiżi ma kellhomx bażi biex jistennew dħul raġonevoli tal-kapital investit. Rigward il-fatt li l-awtoritajiet kellhom sehem titolitarju fil-KNA, il-kwerelant jirreferi għal każistika tal-QEĠ u jiddikjara li, kontra dik il-każistika, l-“investimenti” ma kinux saru fl-astratt iżda fid-dawl ta’ konsiderazzjonijiet soċjali, reġjonali u settorjali. B’mod aktar speċifiku, il-kwerelant jiddikjara li Norsk Luftfartshøgskole għandha tiġi kkunsidrata bħala impriza fit-tifsira tal-Artikolu 61(1) taż-ŻEE u li l-għotja ta’ NOK 1,9 miljun lil dik l-entità tikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku li jhedded li jfixkel il-kompetizzjoni. Barra minn hekk, il-fatt li l-fondazzjoni hi mingħajr skop ta’ qligħ, hu diffiċli li jiġi spjegat li l-investimenti huma konformi mal-prinċipju tal-investitur tas-suq. Il-kwerelant itenni l-punti li saru hawn fuq u jikkonkludi li Norsk Luftfartshøgskole ma ġietx inkarigata b’obbligu ta’ servizz pubbliku taħt l-Artikolu 59(2) taż-ŻEE, u li l-ammont mogħti ma jġorr l-ebda relazzjoni mal-ispiża ta’ kwalunkwe SIEĠ allegat.
Il-kwerelant jidentifika wkoll, mill-kummenti tal-awtoritajiet Norveġiżi dwar id-deċiżjoni biex jingħata bidu għall-investigazzjoni formali, żewġ elementi potenzjali ulterjuri ta’ għajnuna: In-NLH ħelset lill-KNA mill-obbligi tiegħu tas-self b’relazzjoni mad-dormitorju għall-istudenti għal perjodu ta’ żmien u naqqset il-livell ta’ ħlasijiet pendenti għall-kera tal-ħangar u tal-faċilitajiet ta’ amministrazzjoni. Il-kwerelant jikkunsidra li dawn l-azzjonijiet ma setgħux jitwettqu b’konformità mal-prinċipju tal-investitur tas-suq u li għalhekk huma jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat min-NLH lill-KNA.
Rigward ir-remissjoni tas-self (18), il-kwerelant jiddikjara li mhux biżżejjed li jintwera li investituri privati taw ukoll remissjoni u jsostni l-ilmenti tiegħu li r-remissjoni tas-self tammonta għal għajnuna mill-Istat li mhix b’konformità mal-prinċipju tal-investitur tas-suq. Partikolarment, il-kwerelant jinnota li l-Kontea ma ressqet l-ebda provi li jiddokumentaw pjan ta’ ristrutturar li għandu jwassal għal dħul xieraq fuq l-investiment.
Rigward il-garanzija tas-self, il-kwerelant jikkontesta d-dikjarazzjoni mill-awtoritajiet Norveġiżi li kumpaniji ewlenin ma għandhomx tendenza li jitlobu l-ħlas għal primjum ta’ garanzija fuq self lil sussidjarji u jirreferi għat-taqsimiet 3-8 u 3-9 tal-Att Norveġiż rigward kumpaniji b’responsabbiltà limitata biex isostni l-ilment tiegħu li l-oppost hu l-verità.
Fl-aħħar, rigward ir-rata ta’ mgħax ta’ 8,5 % mitluba li titħallas fuq is-self mill-Muniċipalità ta’ Målselv, il-kwerelant itenni l-konsiderazzjonijiet li jenfasizzaw il-prinċipju ta’ investitur tas-suq u jikkonkludi li, minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja tal-KNA, ir-rata ta’ mgħax ma tirreflettix ir-riskju marbut mas-self u għandu jiġi klassifikat bħala għotja/sussidju li investitur privat ma kienx jagħmel.
6. Kummenti mill-awtoritajiet Norveġiżi dwar dawk is-sottomissjonijiet
L-awtoritajiet Norveġiżi wieġbu għall-kummenti mressqa minn Rørosfly u mill-kwerelant billi enfasizzaw, l-ewwel, li KNA ma għadhiex teżisti bħala entità legali u, it-tieni, li peress li n-NEAR ma tinkuraġġixxix b’mod attiv lill-istudenti biex jagħmlu t-taħriġ intier tagħhom fin-Noverġja, is-sostenn lill-KNA ġie kkunsidrat li hu l-aħjar mezz biex jikkontribwixxi għall-ambjent tat-tagħlim tal-avjazzjoni fin-Noverġja.
II. VALUTAZZJONI
1. L-ambitu tad-deċiżjoni attwali
Fil-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni biex jingħata bidu għall-investigazzjoni formali, l-awtoritajiet Norveġiżi jiddeskrivu r-relazzjoni bejn in-NLH u l-KNA u jsemmu li, fid-dawl tad-diffikultajiet finanzjarji li din tal-aħħar qed taffaċċja, in-NLH issospendiet tempornajament l-obbligi tal-kera b’relazzjoni mad-dormitorju li hi tat bħala kera lill-KNA u naqqset il-ħlasijiet dovuti bħala riżultat tal-kera ta’ ħangar u faċilitajiet amministrattivi.
Il-kwerelant jenfasizza din l-azzjoni bħala żewġ każi ulterjuri ta’ għajnuna lill-KNA filwaqt li l-awtoritajiet isostnu li azzjoni bħal din kienet normali fiċ-ċirkustanzi. Il-miżuri ma kinux parti mid-deċiżjoni biex jingħata bidu għall-investigazzjoni formali.
Barra minn hekk, fid-dawl tal-informazzjoni provduta mill-awtoritajiet Norveġiżi rigward ir-riċevitur tas-self mill-Muniċipalità ta’ Målselv, dik il-miżura ma għadhiex tikkorrispondi mad-deskrizzjoni fid-deċiżjoni biex jingħata bidu għall-investigazzjoni formali. L-awtoritajiet Norveġiżi kkonfermaw ukoll li s-self, kif ukoll il-finanzjament tal-proġett allokat lin-NLH mill-Kontea ta’ Troms ġew trasferiti lill-KNA “għal servizzi meħtieġa biex jitwettaq proġett ta’ żvilupp” . Għal darb’ oħra, dan it-trasferiment ta’ fondi ma kienx imsemmi fid-deċiżjoni biex jingħata bidu għall-investigazzjoni formali.
Rigward il-bidla fir-riċevitur tas-self mill-Muniċipalità ta’ Målselv, l-Awtorità tikkunsidra li l-miżura kkuntestata, il-fondi mill-Muniċipalità b’rata preferenzjali, tibqa’ identifikabbli ma’ dik deskritta fid-deċiżjoni biex jingħata bidu għall-investigazzjoni formali u li għalhekk se tivvaluta li l-miżura b’relazzjoni mal-benefiċjarju l-ġdid minflok il-KNA. Madankollu, rigward il-punti l-oħrajn li tqajmu, l-Awtorità ma teskludix li jistgħu jitqajmu dubji rigward il-konformità ta’ dawn il-miżuri varji mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. B’riżultat ta’ dan, ma setgħatx issir konklużjoni dwar dawn il-miżuri u mhux se jiġu kkunsidrati ulterjorment fid-deċiżjoni attwali. Għalhekk l-ambitu ta’ din id-deċiżjoni jestendi biss għall-miżuri deskritti fil-I-2.1(a) sa (e) ta’ hawn fuq.
2. Il-preżenza tal-għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 61(1) taż-ŻEE
L-Artikolu 61(1) taż-ŻEE jinqara kif ġej:
“Mingħajr ħsara għal dispożizzjonijiet kuntrarji f’dan il-Ftehim, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija mill-Istati Membri tal-KE, l-Istati tal-EFTA jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi, safejn tolqot il-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti, tkun inkompatibbli ma’ dan il-Ftehim.”
Qabel ma tingħata ħarsa lejn dawn il-kriterji wieħed wara l-ieħor, għandu jsir punt peliminari rigward in-natura tal-attività li twettqet mill-KNA, jiġifieri l-provvista ta’ edukazzjoni lill-bdoti tal-linji tal-ajru.
Jidher li jeżisti suq kompetittiv għall-provvista ta’ servizzi bħal dawn, fejn l-ispiża ta’ dawn mhix żgħira. Il-fatt li s-servizz jippreżenta aspett edukattiv ma jbiddilx, fih innifsu, in-natura ekonomika tal-attività. Bil-kontra, il-każistika kwotata mill-Gvern Norveġiż tidher li qed issostni l-fehma li filwaqt li korsijiet provduti taħt is-sistema nazzjonali tal-edukazzjoni ma jikkostitwixxux servizzi fit-tifsira tal-Artikolu 50 KE (19), korsijiet li huma finanzjati essenzjalment minn fondi privati, partikolarment mill-istudenti jew mill-ġenituri tagħhom, jaqgħu fl-ambitu ta’ dak l-Artikolu (20). Barra minn hekk, dan ir-raġunament, li jirrigwarda l-kunċett ta’ “servizz” fit-tifsira tal-Artikoli 49 KE u 36 taż-ŻEE, jista’ jiddaħħal fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u l-mistoqsija dwar jekk attività hix ekonomika jew le u b’hekk imwettqa minn impriża fit-tifsira tal-Artikolu 61(1) taż-ŻEE (21). Għadu ma ġiex argumentat, u lanqas l-informazzjoni fil-fajl ma ssostni konklużjoni li l-kors tal-KNA mhux iffinanzjat essenzjalment minn fondi privati. Għalhekk l-Awtorità tikkonkludi li l-edukazzjoni lill-bdoti tal-linji tal-ajru provduta mill-KNA qabel ma falliet kienet attività ekonomika u li l-KNA hi impriża għall-iskopijiet tal-Artikolu 61 taż-ŻEE.
2.1. Preżenza ta’ riżorsi mill-Istat
Il-miżura tal-għajnuna trid tingħata mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi mill-Istat.
Il-finanzjament ikkontestat jikkonsisti minn għotja diretta allokata fil-kuntest tal-Baġit Nazzjonali Rivedut, jew ta’ flus żbursati jew vantaġġi mogħtija mill-awtoritajiet lokali. Għalhekk hu ċar li l-finanzjament ikkontestat kollu ngħata mill-Istat jew permezz riżorsi mill-Istat.
2.2. L-għoti ta’ vantaġġi lil ċerti impriżi jew lill-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti
L-ewwel, il-miżura tal-għajnuna għandha tagħti vantaġġi lir-riċevituri fis-sens li teħilshom minn obbligi li s-soltu jkollhom iwettqu mill-baġit tagħhom. Madankollu, trasferimenti ta’ riżorsi biss li jiffavorixxu impriżi jikklassifikaw biex jiġu valutati taħt l-Artikolu 61(1) taż-ŻEE. Għalhekk, qabel ma jiġu trattati l-miżuri speċifiċi li qed jiġu eżaminati, l-ewwel għandu jiġi kkunsidrat jekk ir-riċevituri tal-finanzjament humiex impriżi jew le fit-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni.
Kif ġie innotat hawn fuq, il-KNA hi b’mod ċar impriża u l-fatt li twettaq funzjoni edukattiva ma jbiddilx, fil-każ attwali, dik il-konklużjoni.
Madankollu, jidher li n-NLH ma twettaq l-ebda forma ta’ attività ekonomika li fir-rigward tagħha tirċievi finanzjament. Skont każistika stabbilita, hi l-attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ oġġetti u servizzi f’suq speċifiku li tikkaratterizza kunċett ta’ attività ekonomika (22). L-Awtorità għadha ma ġiet ippreżentata bl-ebda informazzjoni li tindika li l-iffaċilitar tal-operat tal-edukazzjoni lill-bdoti tal-linji tal-ajru fit-Tramuntana tan-Norveġja tista tiġi definita f’dawk it-termini. Infatti, għal darb’ oħra b’konformità mal-każistika stabbilita, is-servizzi biss li normalment jipprovdu għal rimunerazzjoni huma kkunsidrati bħala servizzi fit-tifsira tal-Ftehim taż-ŻEE (23). Mhux biss in-NLH mhix imħallsa għal dak li tagħmel, iżda l-finanzjament li tiżborsa b’konformità mal-għan tagħha biex tiffaċilita l-operat tal-edukazzjoni lill-bdoti tal-linji tal-ajru fit-Tramuntana tan-Norveġja hu aktar viċin l-għanijiet soċjali identifikati mill-Qorti tal-EFTA fil-kawża Private Barnehagers, meta stqarret li l-Istat Norveġiż ma kienx qed ifittex biex jinvolvi ruħu f’attività bi qligħ iżda kien deq jissodisfa dmirijitu lejn il-popolazzjoni tiegħu fl-oqsma soċjali, kulturali u edukattivi (24). Fil-fatt, il-finanzjament mogħti lin-NLH mill-Kontea ta’ Troms jixbaħ aktar lil trasferiment intern ta’ riżorsi, u b’hekk jimmarka l-finanzjament għall-użu fil-promozzjoni tal-edukazzjoni lill-bdoti tal-linji tal-ajru fiż-żona ġeografika li l-Kontea hi responsabbli minnha, milli ħlas għas-servizzi li tat. Żborsar ulterjuri ta’ dawn il-fondi lil impriżi bħall-KNA, involuti f’attività ekonomika li tipprovdi edukazzjoni lill-bdoti tal-linji tal-ajru, tista’ fil-fatt tammonta għall-għajnuna mill-Istat iżda, kif innotat hawn fuq fil-II-1, jaqa’ barra l-ambitu ta’ din id-deċiżjoni. Rigward l-iżborsar inizjali lin-NLH, l-Awtorità tikkonkludi li, mill-inqas fil-perjodu ta’ meta sar l-iżborsar, in-NLH innifisha ma tistax tiġi kkunsidrata li tkun riċevitriċi tal-għajnuna u ż-żewġ miżuri b’relazzjoni ma dawk li n-NLH kienet il-benefiċjarja ma kellhiex bżonn li tiġi valutata aktar. B’hekk l-Awtorità se tikkunsidra biss l-eżistenza ta’ vantaġġ b’relazzjoni mal-miżuri li għalihom il-KNA kienet il-benefiċjarja, jiġifieri:
|
— |
għotja diretta ta’ NOK 4,5 miljun mill-baġit tal-Istat; |
|
— |
self mill-Kontea ta’ Troms u r-remissjoni sussegwenti tagħha; |
|
— |
garanzija tas-self mogħtija mill-Kontea ta’ Troms mingħajr il-ħlas ta’ primjum. |
Għotja diretta mmirata biex ittaffi l-ispejjeż tal-operat tissodisfa b’mod ċar din il-kondizzjoni.
Skont l-awtoritajiet Norveġiżi, is-self mill-Kontea ta’ Troms ingħata taħt l-Iskema Reġjonali ta’ Self notifikata lil u awtorizzata mill-Awtorità fl-1999. Remissjoni ta’ self tnaqqas ukoll il-piż finanzjarju li kieku kellu jinġarr mir-riċevitur. Madankollu, l-ebda vantaġġ, fit-tifsira tal-Artikolu 61(1) taż-ŻEE, jista’ jintqal li qed jingħata lill-benefiċjarju jekk prinċipji tas-suq normali jikkontrollaw dik l-azzjoni. Skont l-informazzjoni provduta mill-awtoritajiet Norveġiżi, lejn it-tmiem tal-2005, l-entitajiet segwenti kienu kredituri mhux garantiti għal perjodu twil tal-KNA: Sparebanken Finans Nord-Norge AS (NOK 2 877 000), Il-Kontea ta’ Troms (NOK 400 000), Indre Troms Samvirkelag BA (NOK 200 000) u Eriksen Eiendom (NOK 200 000). L-awtoritajiet Norveġiżi kkonfermaw li l-aħħar tnejn, li t-tnejn li huma għandhom jiġu kkunsidrati, bħala investituri privati, awtorizzaw remissjoni tas-self li huma taw lill-KNA, filwaqt li Sparebanken Finans Nord-Norge tat postponiment tal-ħlsijiet għat-tieni nofs tal-2006, iżda mhux l-eżenzjoni mill-ħlasijiet tal-imgħax. B’hekk, filwaqt li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom ifittxu lid-debituri tagħhom bl-istess ħeġġa bħalma jagħmel kreditur privat, l-Awtorità tikkunsidra li peress li l-parteċipanti tas-suq privat taw ukoll remissjoni għas-self pendenti lill-KNA, l-istess azzjoni mill-Kontea ta’ Troms ma tammontax għal għajnuna mill-Istat.
It-Taqsima 2.1 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat dwar garanziji mill-Istat tistipula li garanziji mill-Istat jikkostitwixxu benefiċċju lill-entità li ssellfet u tnaqqis mir-riżorsi mill-Istat meta ma jitħallas l-ebda primjum bi tpattija għall-garanzija. Għalhekk jidher li l-garanzija mogħtija lill-KNA mill-Kontea ta’ Troms tat vantaġġ lill-KNA, u b’hekk iffavorixxiet li dik l-impriża fit-tifsira tal-Artikolu 61(1) taż-ŻEE.
It-tieni, il-miżura tal-għajnuna trid tkun selettiva peress li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti”. Il-miżuri li qed jiġu eżaminati ġew diretti speċifikament lill-KNA u għalhekk huma b’mod ċar selettivi.
2.3. Distorsjoni tal-kompetizzjoni u effett fuq il-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti
Biex il-miżuri jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, dawn għandhom ifixklu l-kompetizzjoni u jaffettwaw il-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti. Abbażi tal-fatt li l-KNA hi f’kompetizzjoni diretta ma’ istituzzjonijiet oħrajn fin-Noverġja u madwar l-Ewropa li joffru edukazzjoni lill-bdoti tal-linji tal-ajru skont ir-regoli komuni Ewropej (Liċenzja tal-Ekwipaġġ tal-Ajru tal-Awtoritajiet Konġunti tal-Avjazzjoni, jew JAA-FCL), jidher li l-finanzjament isaħħaħ il-pożizzjoni tar-riċevitur u b’hekk għandu l-potenzjal li jfixkel il-kompetizzjoni bejn dawn l-iskejjel varji u taffetwa l-kummerċ bejn l-Istati fejn ġew imwaqqfa.
2.4. Konklużjoni
Abbażi tal-konsiderazzjonijiet li ġejjin, l-Awtorità tikkonkludi li l-miżuri li ġejjin ma jammontawx għal għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 61(1) taż-ŻEE:
|
— |
finanzjament tal-proġett lin-NLH mill-Kontea ta’ Troms (I-2.1(b) hawn fuq); |
|
— |
l-għotja ta’ remissjoni ta’ self mill-Kontea ta’ Troms favur il-KNA (I-2.1(c) hawn fuq); kif ukoll |
|
— |
self lin-NLH mill-Muniċipalità ta’ Målselv (I-2.1(e) hawn fuq), |
u li l-miżuri li ġejjin, mogħtija favur il-KNA, jammontaw għal għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 61(1) taż-ŻEE:
|
— |
għotja diretta ta’ NOK 4,5 miljun mill-baġit tal-Istat (I-2.1(a) hawn fuq); kif ukoll |
|
— |
garanzija tas-self mogħtija mill-Kontea ta’ Troms mingħajr il-ħlas ta’ primjum (I-2.1(d) hawn fuq) |
3. Rekwiżiti proċedurali
Skont l-Artikolu 1(3) tal-Parti I tal-Protokoll 3 għall-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, “l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għandha tiġi infurmata, fi żmien suffiċjenti sabiex tkun tista’ tissottometti l-kummenti tagħha, dwar kwalunkwe pjan ta’ għoti jew ta’ tibdil fl-għajnuna (…). L-Istat ikkonċernat ma jistax idaħħal fis-seħħ il-miżuri proposti minnu qabel ma dik il-proċedura tkun waslet għal deċiżjoni finali”.
L-awtoritajiet Norveġiżi ma nnotifikawx il-miżuri tal-għajnuna deskritta hawn fuq lill-Awtorità. Għalhekk l-Awtorità tikkonkludi li, rigward il-miżuri identifikati bħala għajnuna (jiġifieri l-għotja diretta u l-garanzija tas-self deskritta, rispettivament, fil-I-2.1(a) u (d) hawn fuq), l-awtoritajiet Norveġiżi ma rrispettawx l-obblgi tagħhom skont l-Artikolu 1(3) tal-Parti 1 tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti. Għalhekk, is-sostenn mogħti jammonta għal “għajnuna illegali” fit-tifsira tal-Artikolu 1(f) tal-Parti II tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti.
4. Il-kompatibbiltà tal-għajnuna
4.1. Valutazzjoni taħt l-Artikolu 61 taż-ŻEE
L-ebda waħda mis-sitwazzjonijiet deskritti fl-Artikolu 61(2) taż-ŻEE ma jistgħu jiġu applikati fil-każ attwali.
Ir-reġjun inkwistjoni ma jaqax fl-ambitu tal-Artikolu 61(3)(a) taż-ŻEE u l-paragrafu (b) tal-Artikolu 61(3) taż-ŻEE ma japplikax fil-każ attwali.
Il-finanzjament ikkontestat ma jidhirx li qed jippromwovi għanijiet Komuntarji orizzontali fit-tifsira tal-Artikolu 61(3)(c) taż-ŻEE direttament, bħal riċerka u żvilupp, impjieg, l-ambjent eċċ. Fil-fatt, l-awtoritajiet Norveġiżi ma kwotawx din id-deroga. Għalhekk l-Awtorità tikkunsidra li l-finanzjament ikkontestat ma jistax jiġi kkunsidrat li hu kompatibbli mat-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE fit-tifsira ta’ dak il-paragrafu.
4.2. Valutazzjoni taħt l-Artikolu 59(2) taż-ŻEE
Skont l-Artikolu 59(2) taż-ŻEE, “impriżi inkarigati biex joperaw servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali … għandhom ikunu suġġetti għar-regoli li jinsabu f’dan il-Ftehim, b’mod partikolari għar-regoli dwar il-kompetizzjoni, sakemm l-applikazzjoni ta’ tali regoli ma tkunx ta’ xkiel għall-prestazzjoni, fi dritt jew fil-fatt, tal-kompiti partikolari mogħtija lilhom, L-iżvilupp tal-kummerċ m’għandux ikun affettwat sa tali punt li jkun kuntrarju għall-interess tal-Partijiet Kontraenti”.
L-applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni ġiet żviluppata fil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat dwar il-kumpens għal servizz pubbliku, li l-paragrafu 25 tagħhom jistipula li l-Linji Gwida se jiġu applikati għall-valutazzjoni ta’ għajnuna mhux notifikata li nghatat wara l-adozzjoni ta’ dawk il-Linji Gwida. Fil-każi kollha l-oħrajn, se jiġu applikati d-dispożizzjonijiet fis-seħħ f’dak il-perjodu li ngħatat l-għajnuna. Iż-żewġ miżuri li qed jiġu eżaminati ġew qabel l-adozzjoni tal-Linji Gwida (l-20 ta’ Diċembru 2005).
Ma kienu jeżistu l-ebda regoli dwar il-kumpens għal servizz pubbliku qabel l-introduzzjoni ta’ dak li kien, matul dak il-perjodu, il-Kapitolu 18C tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat (illum hu sempliċement msemmi l-Kapitolu dwar il-kumpens għas-servizz pubbliku). Madankollu, l-Awtorità xorta ssib li hu xieraq li tibbaża l-valutazzjoni ta’ miżuri preċedenti fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali fl-Ewropa (25) moqrija flimkien mal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija qabel l-għotja tal-għajnuna.
Madankollu, l-Awtorità ssib li l-kontenut tal-Kapitolu 18C tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat ma bidlux fondamentalment il-bażi għall-valutazzjoni, iżda kjarifikaw sempliċement dak li hu meħtieġ biex jiġu sodisfatti l-kriterji varji li hemm fl-Artikolu 59(2) taż-ŻEE.
Għalhekk il-kompatibbiltà taż-żewġ miżuri li qed jiġu eżaminati se jiġu valutati abbażi tal-prinċipji (kumulattivi) li ġejjin, waqt li jiġi kkunsidrat meta ġew adottati il-miżuri u b’kunsiderazzjoni xierqa tal-fatt li l-Artikolu 59(2) taż-ŻEE jikkostitwixxi deroga u għalhekk għandu jiġi interpretat ristrettivament:
|
— |
is-servizz inkwistjoni jrid ikun “servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali” u jrid jiġi definit hekk; |
|
— |
l-impriża inkwistjoni trid tiġi inkarigata uffiċjalment bil-provvista ta’ dak is-servizz; |
|
— |
l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni se jostakolaw ir-rendiment tax-xogħlijiet partikolari mogħtija lill-impriża inkwistjoni; kif ukoll |
|
— |
l-iżvilupp tal-kummerċ ma għandux jiġi affetwat sakemm huma kontra l-interessi tal-Partijiet Kontraenti. |
L-Istati tal-EFTA għandhom diskrezzjoni vasta biex jiddeterminaw il-livell ta’ servizzi fl-interess ekonomiku ġenerali u jistgħu, fejn hu meħtieġ, jimponu obbligi tas-servizz pubbliku biex jassiguraw dak il-livell. Id-definizzjoni minn Stat ta’ dak li hu kkunsidrat bħala servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali hu soġġett biss għal żball evidenti. Madankollu, fil-każi kollha, biex id-deroga tal-Artikolu 59(2) taż-ŻEE tkun tapplika, il-missjoni ta’ servizz pubbliku għandha tkun definita b’mod ċar.
Rigward dan, mill-każistika jirriżulta li l-kunċett ta’ “servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali” jkopri servizzi li juru karatteristiki speċjali meta mqabbel mal-interess ekonomiku tal-attività ekonomika inġenerali (26). Karatteristika speċjali bħal din tista’ tkun il-fatt li l-awtoritajiet pubbliċi jikkunsidraw li s-servizz jeħtieġ li jiġi provdut anke fejn is-suq ma jkollux biżżejjed inċentiv biex jagħmel dan (27). B’hekk, fejn ċerti servizzi huma kkunsidrati li huma fl-interess ġenerali u l-forzi tas-suq ma jirriżultawx fi provvista sodisfaċenti ta’ servizzi bħal dawn, l-Istat kkonċernat jista’ jistipula l-obbligi ta’ servizz pubbliku speċifiku biex jiġi assigurat il-livell tas-servizz provdut.
Rigward l-għotja diretta ta’ NOK 4,5 miljun, l-Awtorità tinnota li l-entra relevanti fil-baġit tal-Istat għall-2005 jalloka finanzjament għal “edukazzjoni lill-bdoti tal-linji tal-ajru li jinsabu fi Tromsø/Bardufoss”. L-Awtorità hi tal-fehma li dan ma jistax jammonta għal definizzjoni ċara ta’ missjoni ta’ servizz pubbliku. Barra minn hekk, anke jekk, jekk jiġi argumentat li l-karatteristika speċjali hi l-fatt li l-kors kollu jsir fin-Noverġja u li dan hu l-element ta’ “interess ġenerali” tas-servizz, l-Awtorità tinnota li xejn fil-baġit jew f’dokumenti oħrajn sottomessi lill-Awtorità ma jagħmel l-għotja suġġetta għal karatteristika bħal din.
Għalhekk, l-Awtorità hi tal-opinjoni li fil-każ attwali d-definizzjoni ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali jammonta għal żball evidenti. B’hekk il-kondizzjoni biex japplika l-Artikolu 59(2) taż-ŻEE (jiġifieri li impriża twettaq servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali) mhux sodisfatt fil-każ inkwistjoni.
Fl-aħħar, rigward il-miżura identifikata fil-I-2.1(d) hawn fuq, l-Awtorità hi tal-fehma li garanzija għal ċertu ammont ta’ dejn, definit b’mod ġenerali, ma tistax tammonta għal assigurazzjoni tat-twettiq ta’ xogħol partikolari ta’ interess ekonomiku ġenerali u li għalhekk din il-miżura ma taqax biex tiġi valutata taħt l-Artikolu 59(2) taż-ŻEE.
Anke jekk wieħed jassumi li s-servizz inkwistjoni ġie definit kif inhu xieraq, biex l-eċċezzjoni fl-Artikolu 59(2) taż-ŻEE tapplika, għandha tiġi inkarigata missjoni ta’ servizz pubbliku permezz ta’ att ta’ awtorità pubblika. L-Awtorità tinnota li ż-żewġ miżuri li qed jiġu eżaminati se jidhru li se jagħtu vantaġġ finanzjarju lill-KNA mingħajr ma jinkarigawhom b’xi missjoni ta’ servizz pubbliku bi tpattija għall-finanzjament. B’referenza għall-argument tal-awtoritajiet Norveġiżi abbażi tal-prattika tal-Kummissjoni, l-Awtorità hi tal-opinjoni li ma jistax jirriżulta mid-deċiżjonijiet ta’ dak il-korp li sempliċement il-fatt li wieħed jirċievi finanzjament mill-Istat jammonta għal inkarigu, meta l-ebda deskrizzjoni tal-missjoni ta’ servizz pubbliku jew tal-kondizzjonijiet li taħthom għandu jiġi assigurat m’hu mogħti (28). Rigward dan, l-Awtorità tirreferi għal darb’ oħra għall-fatt li, jekk l-karatteristiki speċjali tat-taħriġ provdut lill-KNA hu l-fatt li l-kors kollu jsir fin-Noverġja u li dan hu element ta’ “interess ġenerali” tas-servizz, xejn fil-baġit jew f’dokument oħrajn imressqa lill-Awtorità ma jagħmlu l-għotja suġġetta għal karatteristika bħal din.
B’hekk, anke kieku kien ċar li l-awtoritajiet Norveġiżi kellhom missjoni ta’ servizz pubbliku speċifika f’moħħhom meta ddeċidew li jagħtu finanzjament lis-settur għall-edukazzjoni lill-bdoti tal-linji tal-ajru, l-Awtorità ma tista’ tara l-ebda prova ta’ dik il-missjoni li ġiet speċifikament inkarigata biha l-KNA. Bħala riżultat, l-Artikolu 59(2) taż-ŻEE ma jistax jiġi applikat għas-sitwazzjoni inkwistjoni.
L-aħħar żewġ elementi tal-Artikolu 59(2) taż-ŻEE jammontaw, flimkien, għal valutazzjoni ta’ proporzjonalità. Meta jiġi kkunsidrat jekk il-miżuri adottati ma jeċċedux jew le dak li hu meħtieġ biex jiġi assigurat twettiq effettiv tal-missjoni ta’ servizz pubbliku, l-Awtorità tinnota li, l-ewwel, li l-ħtieġa tal-finanzjament hi dubjuża fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kondizzjoni marbuta miegħu, u, it-tieni, jidher li ma ttieħdet l-ebda evalwazzjoni oġġettiva dwar l-ammont meħtieġ bħala finanzjament. Għalhekk l-Awtorità tikkonkludi li, anke jekk kriterji oħrajn kienu ġew sodisfatti, dan l-element tal-Artikolu 59(2) taż-ŻEE ma giex sodisfatt fil-każ attwali.
4.3. Konklużjoni
L-Awtorità tikkonkludi li la l-għotja diretta (I-2.1(a) hawn fuq) u lanqas il-garanzija tas-self (I-2.1(d) hawn fuq) ma jissodisfaw il-kondizzjonijiet biex jiġi applikat l-Artikolu 59(2) taż-ŻEE u għalhekk iż-żewġ miżuri huma inkompatibbli mat-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE.
5. Konklużjoni
L-Awtorità ssib li l-miżuri li ġejjin ma jammontawx għal għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 61(1) taż-ŻEE:
|
— |
finanzjament tal-proġett mill-Kontea ta’ Troms (I-2.1(b) hawn fuq); |
|
— |
remissjoni ta’ self mill-Kontea ta’ Troms (I-2.1(c) hawn fuq); kif ukoll |
|
— |
self mill-Muniċipalità ta’ Målselv (I-2.1(e) hawn fuq), |
Madankollu, l-Awtorità tikkonkludi li l-awtoritajiet Norveġiżi implimentaw illegalment il-miżuri ta’ għajnuna li ġejjin:
|
— |
għotja diretta ta’ NOK 4,5 miljun mill-baġit tal-Istat (I-2.1(a) hawn fuq); kif ukoll |
|
— |
garanzija tas-self mogħtija mill-Kontea ta’ Troms mingħajr il-ħlas ta’ primjum (I-2.1(d) hawn fuq) |
fil-ksur tal-Artikolu 1(3) tal-Parti 1 tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti.
L-miżuri ta’ għajnuna deskritti ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet biex jiġi applikat l-Artikolu 59(2) taż-ŻEE u għalhekk m’humiex kompatibbli mat-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE.
Skont l-Artikolu 14, tal-Parti II tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, l-Awtorità għandha tiddeċiedi li għajnuna illegali li mhix kompatibbli mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat taħt il-Ftehim taż-ŻEE għandha tinġabar lura mill-benefiċjarji.
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-finanzjament tal-proġett mogħti lin-NLH mill-Kontea ta’ Troms u is-self lil dik l-entità mill-Muniċipalità ta’ Målselv, flimkien mar-remissjoni mill-Kontea ta’ Troms ta’ self mogħti minnha lill-KNA ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 61(1) taż-ŻEE.
Artikolu 2
L-għotja diretta ta’ NOK 4,5 miljun mill-baġit tal-Istat u l-garanzija tas-self mogħtija mill-Kontea ta’ Troms jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat favur il-KNA li mhix kompatibbli mat-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE fit-tifsira tal-Artikolu 61(1) taż-ŻEE.
Artikolu 3
L-awtoritajiet Norveġiżi għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jirkupraw l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2 u li ngħatat illegalment lill-KNA.
Artikolu 4
L-irkupru għandu jseħħ mingħajr dewmien u skont il-proċeduri tal-liġi nazzjonali, safejn jippermettu l-eżekuzzjoni minnufih u effettiva tad-deċiżjoni. L-għajnuna li għandha tiġi rkuprata għandha tinkludi l-imgħax u l-imgħax kompost mid-data li fiha ingħatat lill-KNA, sad-data tal-irkupru effettiv tagħha. L-imgħax għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-Artikolu 9 fid-deċiżjoni Nru 195/04/COL.
Artikolu 5
L-awtoritajiet Norveġiżi għandhom jinfurmaw lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, dwar il-miżuri li jittieħdu biex ikunu konfomi magħha.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Norveġja.
Artikolu 7
Il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika.
Magħmula fi Brussell, l-1 ta’ Lulju 2009.
Għall-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA
Per SANDERUD
President
Kristján A. STEFÁNSSON
Membru tal-Kulleġġ
(1) Minn issa ’l quddiem l-Awtorità.
(2) Minn issa ’l quddiem il-Ftehim taż-ŻEE.
(3) Minn issa ’l quddiem il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti.
(4) Il-Linji Gwida dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-Artikoli 61 u 62 tal-Ftehim taż-ŻEE u l-Artikolu 1 tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, adottati u maħruġa mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA fid-19 ta’ Jannar 1994, ippubblikati f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (minn issa ’l quddiem ĠU) L 231, 3.9.1994 p. 1 u s-Supplimenti taż-ŻEE Nru 32, 3.9.1994. Il-Linji Gwida ġew emendati l-aħħar fil-25 ta’ April 2007. Minn issa ’l quddiem il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat.
(5) ĠU L 139, 25.5.2006, p. 37 u s-Suppliment taż-EE 26, 25.5.2006, p. 1.
(6) Minn issa ‘l quddiem id-Deċiżjoni biex jingħata bidu għall-investigazzjoni formali.
(7) ĠU C 77, 5.4.2007, p. 35 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 17, 5.4.2007, p. 16.
(8) Għal aktar informazzjoni dettaljata dwar il-korrispondenza bejn l-awtoritajiet Norveġiżi u l-Awtorità, issir referenza għad-Deċiżjoni biex jingħata bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali.
(9) Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 7.
(10) L-awtoritajiet Norveġiżi jidhru li qed jirreferu għall-proċedimenti ta’ stralċ li ngħataw bidu mill-bord tal-KNA bħala sostenn ta’din il-proposta.
(11) Il-fatt li l-KNA attwalment hi soġġetta għal proċedimenti ta’ falliment qed jintuża għas-sostenn ta’ din id-dikjarazzjoni.
(12) Il-Kawża 202/88 il-Kummissjoni v Franza (Tagħmir tat-Telekomunikazzjonijiet tat-Terminals) [1991] Ġabra I-1223, paragrafu 12.
(13) L-awtoritajiet Norveġiżi jikkwotaw il-Kawża C-159/94 il-Kummissjoni v Franza [1997] Ġabra I-5815, paragrafi 112 u 113, b’sostenn għal din id-dikjarazzjoni.
(14) Il-Kontea ta’ Troms ressqet provi li żewġ kumpaniji oħrajn, li huma proprjetà privata b’self pendenti ta’ NOK 200 000, it-tnejn li huma taw remissjoni tad-dejn lill-KNA bħala parti minn eċerċizzju ta’ ristrutturar.
(15) Il-kwerelant jinnota li studenti fin-NEAR jiġu offruti l-possibbiltà li jwettqu t-taħriġ kollu tagħhom fin-Norveġja iżda ħafna jagħżlu li jieħdu l-opportunitajiet offruti minn barra l-pajjiż. Id-differenza hi li l-KNA ma toffrix dawn l-apprentistati barra l-pajjiż u l-istudenti kollha jwettqu t-taħriġ fin-Norveġja biss.
(16) Il-kwerelant jirreferi, rigward dan, għall-Kawżi C-41/90 Höfner [1991] Ġabra I-1979 u C-244/94 Fédération Française des Sociétés d’Assurance [1995] Ġabra I-4013. Min-naħa l-oħra, il-funzjoni purament soċjali tal-entità fil-Kawża C-159/91 Poucet et Pistre [1993] Ġabra I-637 tintuża bħala eżempju ta’ klassifikazzjoni bħala xi ħaġa oħra barra impriża.
(17) Abbażi ta’ spiża stmata ta’ NOK 937 500 għall-edukazzjoni ta’ kull student fil-KNA, il-kwerelant jiddikjara li l-KNA qed tingħata kumpens żejjed, peress li l-ispiża tal-edukazzjoni fin-NEAR u esklussivament fin-Norveġja hi ta’ NOK 512 000.
(18) Il-kwerelant jinnota li l-Kontea ma kkummentatx dwar l-għotja inizjali tas-self, u lanqas fuq il-posponiment tal-ħlas lura fl-2003. Hu jsostni l-ilment tiegħu li dawn l-elementi jammontaw ukoll għal għajnuna mill-Istat.
(19) L-Artikolu 37 taż-ŻEE hu mfassal f’termini identiċi.
(20) Ara l-Kawża C-109/92 Wirth [1993] Ġabra I-6447, paragrafi 14-17. Il-Qorti tal-EFTA dan l-aħħar ikkonfermat din il-fehma fil-Kawża E-5/07 Private Barnehagers Landsforbund, sentenza tal-21 ta’ Frar 2008 li għadha mhix irrapportata, fil-paragrafi 80 et seq.
(21) Il-Kawża E-5/07 Private Barnehagers Landsforbund, kwotata hawn fuq, fil-paragrafu 80.
(22) Il-Kawża C-205/03 P FENIN [2006] Ġabra I-6295, paragrafu 25.
(23) Il-Kawża E-5/07 Private Barnehagers Landsforbund, kwotata hawn fuq, fil-paragrafu 81.
(24) Il-Kawża E-5/07 Private Barnehagers Landsforbund, kwotata hawn fuq, fil-paragrafu 83.
(25) ĠU C 17, 19.1.2001, p. 4.
(26) Ara, pereżempju, il-Kawża C-179/90 Merci convenzionali porto di Genova [1991] Ġabra I-5889, paragrafu 28.
(27) Ara, pereżempju, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali fl-Ewropa, kif kwotat hawn fuq fin-nota 25 ta’ qiegħ il-paġna, paragrafu 14.
(28) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/225/KE tat-2 ta’ Marzu 2005 dwar l-iskema ta’ għajnuna implimentata mill-Italja mir-riforma tal-istituzzjonijiet tat-taħriġ (ĠU L 81, 18.3.2006, p. 25) tagħraf b’mod esspressiv li l-istituzzjonijiet inkwistjoni “assiguraw taħriġ istituzzjonali u taħriġ soċjali mmirat għall-vokazzjoni … imwassal fil-qafas tas-sistema pubblika ta’ edukazzjoni” (paragrafu 48) u li għalhekk huma kienu “inkarigati b’missjoni ta’ servizz publiku, fi ħdan il-qafas tar-regoli nazzjonali u reġjonali relevanti, permezz ta’ atti vinkolanti” (paragrafu 57).