27.1.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 23/31 |
DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TAS-SORVELJANZA TAL-EFTA
Nru 191/09/COL
tat-22 ta’ April 2009
li temenda, għas-sebgħin darba, ir-regoli proċedurali u sostantivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat billi tintroduċi kapitolu ġdid dwar it-trattament tal-assi indeboliti fis-settur bankarju taż-ŻEE
L-AWTORITÀ TAS-SORVELJANZA TAL-EFTA (1),
WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2), b’mod partikolari l-Artikoli 61 u 63 u l-Protokoll 26 tiegħu,
WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar il-Ħolqien ta’ Awtorità tas-Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzja (3), u partikolarment l-Artikolu 24 u l-Artikolu 5(2)(b) tiegħu,
BILLI taħt l-Artikolu 24 tal-Ftehim tas-Sorveljanza u l-Qorti, l-Awtorità għandha ddaħħal fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim taż-ŻEE dwar l-għajnuna mill-Istat,
BILLI taħt l-Artikolu 5(2)(b) tal-Ftehim tas-Sorveljanza u l-Qorti, l-Awtorità għandha toħroġ avviżi jew linji gwida dwar kwistjonijiet trattati fil-Ftehim taż-ŻEE, jekk dak il-Ftehim jew il-Ftehim tas-Sorveljanza u l-Qorti jipprovdi hekk espressament jew jekk l-Awtorità tqis li hu meħtieġ,
FILWAQT LI TFAKKAR ir-Regoli Proċedurali u Sostantivi fil-Qasam tal-Għajnuna mill-Istat adottati fid-19 ta’ Jannar 1994 mill-Awtorità (4),
BILLI, fil-25 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (minn hawn ‘il quddiem il-Kummissjoni tal-KE) adottat Komunikazzjoni dwar it-trattament tal-assi indeboliti fis-settur bankarju tal-Komunità (5),
BILLI din il-Komunikazzjoni hija wkoll rilevanti għaż-Żona Ekonomika Ewropea,
BILLI applikazzjoni uniformi tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat taż-ŻEE għandha tkun żgurata fiż-Żona Ekonomika Ewropea kollha,
BILLI, skont punt II taħt l-intestatura “ĠENERALI” fl-aħħar tal-Anness XV tal-Ftehim taż-ŻEE, l-Awtorità għandha tadotta, wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni, atti li jikkorrispondu ma’ dawk adottati mill-Kummisssjoni Ewropea,
WARA LI KKONSULTAT mal-Kummissjoni Ewropea,
FILWAQT LI TFAKKAR li l-Awtorità kkonsultat lill-Istati tal-EFTA dwar is-suġġett permezz ta’ ittra li ġġib id-data tad-9 ta’ April 2009,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Linji Gwida għall-Għajnuna mill-Istat għandhom jiġu emendati bl-introduzzjoni ta’ Kapitolu ġdid dwar it-trattament ta’ assi indeboliti fis-settur bankarju taż-ŻEE. Il-Kapitolu l-ġdid anness ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Iżlanda, lill-Prinċipat ta’ Liechtenstein u lir-Renju tan-Norveġja.
Artikolu 3
Il-verżjoni Ingliża biss hija awtentika.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ April 2009.
Għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA
Per SANDERUD
President
Kurt JÄGER
Membru tal-Kulleġġ
(1) Minn hawn ’il quddiem l-Awtorità.
(2) Minn hawn ’il quddiem il-Ftehim taż-ŻEE.
(3) Minn hawn ’il quddiem il-Ftehim tas-Sorveljanza u l-Qorti.
(4) Il-Linji Gwida għall-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-Artikoli 61 u 62 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE u l-Artikolu 1 tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, adottati u maħruġa mill-Awtorità fid-19 ta’ Jannar 1994, ippubblikati f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ĠU) L 231, 3.9.1994 p. 1 u s-Suppliment ŻEE Nru 32 tat-3.9.1994 p. 1. Il-Linji ta’ Gwida ġew emendati l-aħħar fit-22 ta’ April 2009. Minn hawn ’il quddiem imsejħa l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat. Il-verżjoni aġġornata tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat hija ppubblikata fis-sit elettroniku tal-Awtorità: http://www.eftasurv.int/state-aid/legal-framework/state-aid-guidelines/
(5) Ippubblikat fil-ĠU C 72, 26.3.2009, p. 1
ANNESS
IT-TRATTAMENT TAL-ASSI INDEBOLITI FIS-SETTUR BANKARJU TAŻ-ŻEE (1)
1. Introduzzjoni
(1) |
Sa minn nofs l-2007, il-funzjonament tas-swieq tal-kreditu bl-ingrossa sofra tfixkil serju. Ir-riżultat kien tnaqqis qawwi fil-likwidità fis-settur bankarju u nuqqas ta’ rieda min-naħa tal-banek sabiex isellfu lil xulxin u lill-ekonomija inġenerali. Minħabba li t-tfixkil tas-swieq tal-kreditu intensifika ruħu matul dawn l-aħħar tmintax-il xahar, il-kriżi finanzjarja intensifikat ruħha u l-ekonomija globali daħlet f’reċessjoni serja. |
(2) |
Huwa diffiċli li timmaġina riżoluzzjoni tal-kriżi finanzjarja u rkupru fl-ekonomija globali mingħajr stabbiltà assigurata fis-settur bankarju u fis-sistema finanzjarja inġenerali. Ikun biss meta jseħħ dan li terġa’ tiġi stabbilita l-kunfidenza tal-investituri u l-banek jerġgħu lura għall-imġiba normali tagħhom fir-rigward tas-self. Għaldaqstant, l-Istati taż-ŻEE poġġew fis-seħħ miżuri biex jappoġġjaw l-istabbiltà tas-setturi bankarji tagħhom u jappoġġjaw is-self, partikolarment l-injezzjoni ta’ kapital ġdid bl-użu ta’ fondi pubbliċi u l-għoti ta’ garanziji tal-gvern għal self bankarju. |
(3) |
Riċentement, bosta Stati taż-ŻEE ħabbru l-intenzjoni tagħhom li jikkomplementaw il-miżuri ta’ appoġġ eżistenti tagħhom billi jipprovdu xi forma ta’ salvataġġ tal-assi bankarji indeboliti. Dawn it-tħabbiriet, b’mod parallel ma’ inizjattiva simili fl-Istati Uniti, qanqlu dibattitu usa’ fi ħdan iż-ŻEE fuq il-merti tas-salvataġġ tal-assi bħala miżura ta’ sostenn governattiv għall-banek. Fil-kuntest ta’ dak id-dibattitu, il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea li tikkorrispondi ma’ dan il-Kapitolu tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat tal-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA tħejjiet mis-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea, f’konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), u tibni fuq ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa fil-5 ta’ Frar 2009 mill-Eurosystem (ara l-Anness 1). |
(4) |
Dan il-Kapitolu jiffoka fuq kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati mill-Istati tal-EFTA meta jkunu qed jikkunsidraw, ifasslu u jimplimentaw miżuri ta’ salvataġġ tal-assi. Fuq il-livell ġenerali, dawn il-kwistjonijiet jinkludu l-motivazzjoni għas-salvataġġ tal-assi bħala miżura għall-ħarsien tal-istabbiltà finanzjarja u li ssostni s-self tal-banek; il-kunsiderazzjonijiet aktar fit-tul tal-vijabbiltà tas-settur bankarju u s-sostenibbiltà baġitarja li għandhom jitqiesu meta jiġu kkunsidrati miżuri ta’ salvataġġ tal-assi; u l-ħtieġa għal approċċ komuni u kkoordinat għas-salvataġġ tal-assi fi ħdan iż-ŻEE, partikolarment sabiex jiġu assigurati kundizzjonijiet komuni għal kulħadd. Fil-kuntest ta’ dan l-approċċ taż-ŻEE, dan il-Kapitolu joffri wkoll gwida aktar speċifika dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ tal-assi, b’enfasi fuq kwistjonijiet bħal (i) l-obbligi tat-trasparenza u l-iżvelar; (ii) it-tqassim tal-piż bejn l-Istat, l-azzjonisti u l-kredituri; (iii) l-allinjament tal-inċentivi għall-benefiċjarji mal-objettivi tal-politika pubblika; (iv) il-prinċipji għat-tfassil ta’ miżuri ta’ salvataġġ tal-assi f’termini ta’ eliġibbiltà, valutazzjoni u ġestjoni tal-assi indeboliti; u (v) ir-relazzjoni bejn is-salvataġġ tal-assi, miżuri oħra ta’ appoġġ tal-gvern u r-ristrutturar tal-banek. |
2. Is-salvataġġ tal-assi bħala miżura għas-salvagwardja tal-istabbiltà u s-sostenn tas-self mill-banek
(5) |
L-għanijiet immedjati tal-pakketti tas-salvataġġ taż-ŻEE mħabbra f’Ottubru 2008 huma li jissalvagwardjaw l-istabbiltà finanzjarja u jsostnu l-provvista ta’ kreditu lill-ekonomija reali. Huwa kmieni wisq biex wieħed jiġbed konklużjonijiet definittivi dwar l-effikaċja tal-pakketti, iżda huwa ċar li dawn biegħdu r-riskju ta’ kollass finanzjarju u appoġġjaw il-funzjonament ta’ swieq interbankarji importanti. Min-naħa l-oħra, l-evoluzzjoni fis-self lill-ekonomija reali sa mit-tħabbir tal-pakketti ma kenitx favorevoli, b’xi statistika reċenti tissuġġerixxi tnaqqis qawwi fil-pass tat-tkabbir tal-kreditu (2). F’bosta Stati taż-ŻEE, issa huma komuni ħafna rapporti li qed jiġi miċħud l-aċċess għall-kreditu tal-banek lil xi impriżi u jidher li r-restrizzjoni tal-kreditu tmur lil hinn minn dak li huwa ġġustifikat minn kunsiderazzjonijiet ċikliċi. |
(6) |
Raġuni ewlenija identifikata għall-fluss mhux suffiċjenti tal-kreditu hija l-inċertezza dwar il-valur tal-assi indeboliti, u dwar fejn dawn fil-fatt jinsabu, li kienet sors ta’ problemi fis-settur bankarju sa mill-bidu tal-kriżi. Inċertezza dwar il-valutazzjonijiet tal-assi mhux biss kompliet iddgħajjef il-fiduċja fis-settur bankarju, iżda dgħajfet l-effett tal-miżuri ta’ appoġġ mill-gvern meħuda s’issa. Pereżempju, ir-rikapitalizzazzjoni tal-banek ipprovdiet protezzjoni kontra l-indeboliment tal-assi iżda ħafna mill-protezzjoni kapitali pprovduta ġiet assorbita mill-banek fi provvedimenti kontra indebolimenti futuri tal-assi. Il-banek diġà ħadu passi biex jindirizzaw il-problema tal-assi indeboliti. Huma rreġistraw tniżżil sostanzjali fil-valuri tal-assi (3), ħadu passi biex jillimitaw it-telf li fadal permezz tar-riklassifikazzjoni tal-assi fil-karti tal-bilanċ tagħhom u gradwalment warrbu kapital addizzjonali sabiex isaħħu l-pożizzjonijiet tas-solvenza tagħhom. Madankollu, il-problema ma ġietx solvuta sa grad suffiċjenti u l-gravità mhux mistennija tat-tnaqqis ekonomiku issa tissuġġerixxi deterjorament addizzjonali u aktar mifrux fil-kwalità tal-kreditu tal-assi tal-banek. |
(7) |
Is-salvataġġ tal-assi jindirizza direttament il-kwistjoni tal-inċertezza dwar il-kwalità tal-karti tal-bilanċ tal-banek u għalhekk jgħin biex terġa’ titqajjem il-kunfidenza fis-settur. Huwa jista’ jgħin ukoll biex jiġi evitat ir-riskju ta’ eżerċizzji ripetuti ta’ rikapitalizzazzjoni tal-banek hekk kif id-dimensjoni tal-indeboliment tal-assi tikber f’sitwazzjoni ta’ deterjorament fl-ekonomija reali. Fuq din il-bażi, bosta Stati taż-ŻEE qegħdin attivament jikkunsidraw is-salvataġġ għall-assi indeboliti tal-banek biex jikkumplimentaw miżuri oħra. |
3. Kunsiderazzjonijiet aktar fit-tul: Ritorn għall-vijabbiltà fis-settur bankarju u għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi
(8) |
Il-miżuri ta’ salvataġġ tal-assi għandhom ikunu mfassla u implimentati fil-manjiera li tikseb bl-aktar mod effettiv l-għanijiet immedjati li tiġi mħarsal-istabbiltà finanzjarja u jiġi sostnut is-self mill-banek. Kwistjoni importanti li għandha tiġi indirizzata f’dan il-kuntest hija li tiġi żgurata parteċipazzjoni xierqa fil-miżuri ta’ salvataġġ tal-assi permezz tal-iffissar ta’ prezzijiet u kundizzjonijiet xierqa u permezz tal-parteċipazzjoni obbligatorja jekk meqjusa bħala meħtieġa. Madankollu, l-enfasi fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ salvataġġ tal-assi m’għandhiex tkun limitata għal dawn l-għanijiet immedjati. Huwa essenzjali li jitqiesu wkoll kunsiderazzjonijiet aktar fit-tul. |
(9) |
Jekk miżuri ta’ salvataġġ tal-assi ma jitwettqux b’tali mod li jiġi delimitat il-periklu ta’ tfixkil serju tal-kompetizzjoni fost il-banek (kemm fl-Istati tal-EFTA u kif ukoll fuq bażi transkonfinali) f’konformità mal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat tal-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA, inkluż fejn meħtieġ ir-ristrutturar tal-benefiċjarji, l-eżitu jkun li s-settur bankarju taż-ŻEE jkun strutturalment aktar dgħajjef b’implikazzjonijiet negattivi għall-potenzjal tal-produzzjoni fl-ekonomija inġenerali. Barra minn hekk, dan jista’ jwassal għal ħtieġa rikorrenti għal interventi governattivi fis-settur, li jimplika piż progressivament itqal fuq il-finanzi pubbliċi. Dawn ir-riskji huma serji minħabba l-iskala probabbli tal-iskopertura tal-Istat. Sabiex jiġi limitat ir-riskju ta’ ħsara fit-tul bħal din, l-interventi governattivi fis-settur bankarju għandhom ikunu mmirati kif xieraq u akkumpanjati minn salvagwardji tal-imġiba li jallineaw l-inċentivi tal-banek ma’ dawk tal-politika pubblika. Dawn il-miżuri għandhom jiffurmaw parti minn sforz ġenerali biex is-settur bankarju jerġa’ jsir vijabbli, fuq il-bażi tar-ristrutturazzjoni meħtieġa. Il-ħtieġa għar-ristrutturazzjoni fis-settur bankarju bħala kontroparti tal-appoġġ tal-gvern hija diskussa f’aktar dettall fil-kuntest tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat aktar tard fit-Taqsimiet 5 u 6. |
(10) |
Meta jkunu qed jikkunsidraw it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ salvataġġ tal-assi, huwa wkoll essenzjali li l-Istati tal-EFTA jqisu l-kuntest tal-baġit. Stimi tat-tniżżil totali mistenni tal-assi jissuġġerixxu li l-ispejjeż baġitarji - attwali, kontinġenti jew it-tnejn - tas-salvataġġ tal-assi jistgħu jkunu sostanzjali - kemm f’termini assoluti u kif ukoll b’mod relattiv mal-PGD fl-Istati tal-EFTA. L-appoġġ tal-gvern permezz ta’ salvataġġ tal-assi (u miżuri oħra) m’għandux ikun fuq skala tant kbira li joħloq tħassib dwar is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi bħal dak dwar dejn eċċessiv jew problemi ta’ finanzjament. Kunsiderazzjonijiet bħal dawn huma partikolarment importanti fil-kuntest attwali ta’ tkabbir fl-iżbilanċi baġitarji, livelli ta’ dejn pubbliku li qed jogħlew u l-isfidi li qed jiġu ffaċċjati fil-ħruġ ta’ bonds sovrani. |
(11) |
Aktar speċifikament, is-sitwazzjoni baġitarja tal-Istati tal-EFTA se tkun kunsiderazzjoni importanti fl-għażla tal-arranġament tal-ġestjoni għall-assi suġġetti għas-salvataġġ, jiġifieri xiri tal-assi, assigurazzjoni tal-assi, tibdil tal-assi jew taħlita ta’ dawn l-arranġamenti (4). Jista’ ma jkunx hemm differenzi sinifikanti fl-implikazzjonijiet għall-kredibbiltà baġitarja tal-approċċi differenti għas-salvataġġ tal-assi għaliex huwa probabbli li s-swieq finanzjarji jiskontaw it-telf potenzjali fuq bażi simili (5). Madankollu, approċċ li jirrikjedi x-xiri sħiħ ta’ assi indeboliti jkollu impatt aktar immedjat fuq il-proporzjonijiet baġitarji u l-finanzjament tal-gvern. Filwaqt li l-għażla ta’ arranġament ta’ ġestjoni tal-assi indeboliti hija r-responsabbiltà ta’ kull Stat tal-EFTA, jistgħu jitqiesu approċċi mħallta li permezz tagħhom assi ħżiena ikunu mifruda mill-karta tal-bilanċ tal-banek f’entità separata (jew ġewwa jew barra mill-banek) li tibbenefika b’xi mod minn garanzija tal-gvern. Dan l-approċċ huwa attraenti peress li jipprovdi ħafna mill-benefiċċji tal-approċċ tax-xiri tal-assi mill-perspettiva tal-għoti lura tal-kunfidenza fis-sistema bankarja, filwaqt li jillimita l-impatt baġitarju immedjat. |
(12) |
F’kuntest ta’ riżorsi baġitarji skarsi, jista’ jkun xieraq li l-miżuri ta’ salvataġġ tal-assi jiġu ffukati fuq numru limitat ta’ banek ta’ importanza sistemika. Għal xi Stati tal-EFTA, is-salvataġġ tal-assi għall-banek jista’ jiġi limitat ħafna, minħabba r-restrizzjonijiet baġitarji eżistenti tagħhom u/jew id-daqs tal-karti tal-bilanċ tal-banek tagħhom meta mqabbla mal-PGD. |
4. Ħtieġa għal approċċ komuni u kkoordinat fi ħdan iż-ŻEE
(13) |
Meta jkunu qed jitqiesu xi forom ta’ miżuri ta’ salvataġġ tal-assi, hemm bżonn li jiġu rrikonċiljati l-għanijiet immedjati ta’ stabbiltà finanzjarja u self bankarju mal-ħtieġa li jiġi evitat dannu fit-tul għas-settur bankarju fi ħdan iż-ŻEE, għas-suq taż-ŻEE u għall-ekonomija inġenerali. Dan jista’ jinkiseb bl-aktar mod effettiv permezz ta’ approċċ komuni u kkoordinat fi ħdan iż-ŻEE, bl-għanijiet ġenerali li ġejjin:
|
(14) |
Il-koordinazzjoni bejn l-Istati taż-ŻEE tkun meħtieġa biss fuq il-livell ġenerali u tista’ tintlaħaq filwaqt li tinżamm biżżejjed flessibiltà sabiex jitfasslu miżuri għas-sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ banek individwali. Fin-nuqqas ta’ koordinazzjoni ex ante suffiċjenti, ħafna minn dawn l-objettivi ser jiġu ssodisfati biss permezz ta’ obbligi ta’ kontrolli ex post addizzjonali għall-għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, linji gwida komuni dwar il-karatteristiċi bażiċi tal-miżuri ta’ salvataġġ jgħinu biex tiġi mminimizzata l-ħtieġa għal korrezzjonijiet u aġġustamenti b’riżultat ta’ evalwazzjoni skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat. Dawn il-linji gwida huma pprovvduti fit-taqsimiet li ġejjin. |
5. Linji gwida dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-miżuri dwar is-salvataġġ tal-assi
(15) |
Huwa d-dmir normali tal-banek li jivvalutaw ir-riskju tal-assi li jakkwistaw u li jassiguraw li jistgħu jkopru kull telf assoċjat (6). Madankollu jista’ jiġi kkunsidrat is-salvataġġ tal-assi sabiex tiġi appoġġjata l-istabbiltà finanzjarja. Il-miżuri pubbliċi ta’ salvataġġ tal-assi huma għajnuna mill-Istat peress li huma jeħilsu lill-bank benefiċjarju mill-bżonn li jirreġistra telf jew jagħmel riżerva għal telf possibbli fuq l-assi indeboliti tiegħu (jew jikkumpensawh għal dawn) u/jew jeħilsu l-kapital regolatorju għal użi oħra. Dan ikun partikolarment il-każ fejn assi indeboliti jinxtraw jew jiġu assigurati fuq valur ogħla mill-prezz tas-suq, jew jekk il-prezz tal-garanzija ma jikkumpensax lill-Istat għar-responsabbiltà massima possibbli tiegħu taħt il-garanzija (7). |
(16) |
Kwalunkwe għajnuna għall-miżuri ta’ salvataġġ tal-assi għandha, madankollu, tikkonforma mal-prinċipji ġenerali tan-neċessità, il-proporzjonalità u l-minimizzazzjoni tat-tfixkil tal-kompetizzjoni. Assistenza bħal din timplika tfixkil serju tal-kompetizzjoni bejn il-banek li huma benefiċjarji u dawk li mhumiex benefiċjarji u fost banek benefiċjarji bi gradi differenti ta’ bżonn. Banek li mhumiex benefiċjarji u li huma fundamentalment sodi jistgħu jħossuhom obbligati li jikkunsidraw li jitolbu l-intervent tal-gvern sabiex jippriżervaw il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom fis-suq. Tfixkil simili tal-kompetizzjoni jista’ jseħħ ukoll fost l-Istati taż-ŻEE, bir-riskju ta’ kompetizzjoni tas-sussidji bejn l-Istati taż-ŻEE (li jippruvaw isalvaw lill-banek tagħhom mingħajr ma jqisu l-effetti fuq il-banek fl-Istati l-oħra taż-ŻEE) u moviment lejn il-protezzjoniżmu finanzjarju u l-frammentazzjoni tas-suq intern. Il-parteċipazzjoni fl-iskema ta’ salvataġġ tal-assi għandha għalhekk tkun kondizzjonata fuq kriterji oġġettivi u definiti b’mod ċar, sabiex jiġi evitat li banek individwali jieħdu vantaġġ mhux ġustifikat. |
(17) |
L-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA (minn hawn ‘il quddiem “l-Awtorità”) stabbiliet il-prinċipji li jirregolaw l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u, b’mod partikolari, l-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim taż-ŻEE għal kwalunkwe miżura ta’ appoġġ għall-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja globali fil-Linji Gwida tagħha dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji (8). L-Awtorità sussegwentement ipprovdiet linji gwida dettaljati dwar l-implimentazzjoni prattika ta’ dawn il-prinċipji għar-rikapitalizzazzjoni f’Kapitolu ġdid tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat (9). Bl-istess mod, il-linji gwida li ġejjin, ibbażati fuq l-istess prinċipji, jidentifikaw il-karatteristiċi ewlenin tal-miżuri jew skemi ta’ salvataġġ tal-assi, li jiddeterminaw kemm l-effikaċja tagħhom u kif ukoll l-impatt tagħhom fuq il-kompetizzjoni. Dawn il-linji gwida japplikaw ugwalment għall-banek kollha li huma mogħtija salvataġġ tal-assi irrispettivament mis-sitwazzjoni individwali tagħhom iżda l-implikazzjonijiet prattiċi tal-applikazzjoni tagħhom jistgħu jvarjaw skont il-profil tar-riskju u l-vijabbiltà tal-benefiċjarju. Il-prinċipji ta’ dawn il-linji gwida japplikaw mutatis mutandis fejn żewġ Stati taż-ŻEE jew aktar jikkoordinaw miżuri sabiex jipprovdu salvataġġ tal-assi għal banek transkonfinali. |
(18) |
Il-linji gwida preżenti jimmiraw li jistabbilixxu prinċipji u kundizzjonijiet ikkoordinati sabiex, kemm jista’ jkun, tiġi żgurata l-effikaċja tal-miżuri ta’ salvataġġ tal-assi fis-suq taż-ŻEE, filwaqt li jittieħed kont tal-għan fuq tul ta’ żmien, li mmorru lura għal kundizzjonijiet normali tas-suq, filwaqt li jibqgħu flessibbli biżżejjed sabiex jaħsbu għall-karatteristiċi speċifiċi jew jipprovdu miżuri jew proċeduri addizzjonali fuq il-livell individwali jew nazzjonali għal raġunijiet ta’ stabbiltà finanzjarja. Miżuri effettivi ta’ salvataġġ tal-assi għandu jkollhom bħala konsegwenza t-tkomplija tas-self lill-ekonomija reali. |
5.1. Identifikazzjoni xierqa tal-problema u l-għażliet għal soluzzjoni: trasparenza ex-ante sħiħa u l-iżvelar tal-indebolimenti u valutazzjoni inizjali tal-banek eliġibbli
(19) |
Kwalunkwe miżura ta’ salvataġġ tal-assi trid tkun ibbażata fuq l-identifikazzjoni ċara tal-kobor tal-problemi li l-bank ikollu fir-rigward tal-assi, is-solvenza intrinsika tiegħu qabel l-appoġġ u l-prospetti li jkollu sabiex jerġa’ lura għall-vijabbiltà, filwaqt li jitqiesu b’mod xieraq l-alternattivi kollha possibbli, sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess ta’ ristrutturar meħtieġ, tiġi evitata distorsjoni tal-inċentivi tal-atturi kollha u tiġi evitata l-ħela ta’ riżorsi statali mingħajr ma jkun hemm kontribut sabiex jerġa’ jibda l-fluss normali ta’ kreditu għall-ekonomija reali. |
(20) |
Għalhekk, sabiex jiġi minimizzat ir-riskju ta’ ħtieġa rikorrenti għal interventi tal-Istat favur l-istess benefiċjarji, għandhom jiġu sodisfatti l-kriterji li ġejjin bħala prerekwiżit sabiex wieħed jibbenefika mis-salvataġġ tal-assi:
|
5.2. Tqassim tal-piż tal-ispejjeż relatati ma’ assi indeboliti bejn l-Istat, l-azzjonisti u l-kredituri
(21) |
Bħala prinċipju ġenerali, il-banek għandhom iġorru t-telf assoċjat ma’ assi indeboliti sal-massimu possibbli. Dan jirrikjedi, l-ewwel nett, trasparenza sħiħa u żvelar ex ante, segwiti mill-valutazzjoni korretta tal-assi qabel l-intervent tal-gvern u remunerazzjoni korretta tal-Istat għall-miżura tas-salvataġġ tal-assi, tkun xi tkun il-forma tagħha, sabiex tiġi żgurata responsabbiltà u rfigħ tal-piż ekwivalenti mill-azzjonisti irrispettivament mill-mudell preċiż li jintgħażel. Dawn l-elementi flimkien għandhom iwasslu għal koerenza ġenerali dwar il-qsim tal-piżijiet fuq firxa ta’ diversi forom ta’ sostenn mill-Istat, fid-dawl tal-karatteristiċi distintivi speċifiċi ta’ tipi differenti ta’ assistenza (12). |
(22) |
Ladarba l-assi jkunu ġew evalwati sew u t-telf ikun ġie korrettament identifikat (13), u jekk dan iwassal għal sitwazzjoni ta’ insolvenza teknika mingħajr intervent mill-Istat, il-bank għandu jew jitqiegħed fl-amministrazzjoni jew jiġi stralċjat, skont il-liġi taż-ŻEE u nazzjonali. F’din is-sitwazzjoni, bil-għan li jiġu mħarsal-istabbiltà u l-kunfidenza finanzjarji, jistgħu jkunu xierqa protezzjoni jew garanziji għad-detenturi tal-bonds (14). |
(23) |
Meta għal raġunijiet ta’ stabbiltà finanzjarja jidher mhux rakkomandabbli li bank jitqiegħed fl-amministrazzjoni jew jiġi stralċjat b’mod ordnat (15), għajnuna fil-forma ta’ garanzija jew xiri ta’ assi, limitata għall-minimu strett, tista’ tingħata lill-banek sabiex ikunu jistgħu jkomplu joperaw għall-perjodu meħtieġ biex jitfassal pjan jew għar-ristrutturar jew għall-istralċ b’mod ordnat. F’każijiet bħal dawn, l-azzjonisti għandhom ikunu wkoll mistennija li jġorru t-telf għall-inqas sakemm jintlaħqu l-limiti regolatorji ta’ adegwatezza ta’ kapital. L-alternattivi tan-nazzjonalizzazzjoni jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll. |
(24) |
Meta ma jkunx possibbli li jintlaħaq qsim sħiħ tal-piżijiet ex ante, il-bank għandu jintalab sabiex jikkontribwixxi għall-kopertura tat-telf jew tar-riskju fi stadju aktar tard, pereżempju fil-forma ta’ klawsoli ta’ restituzzjoni jew, fil-każ ta’ skema ta’ assigurazzjoni, minn klawsola ta’ “l-ewwel telf”, li għandu jitħallas mill-bank (tipikament b’minimu ta’ 10 %) u klawsola ta’ “qsim tat-telf residwu”, li permezz tagħha l-bank jipparteċipa f’perċentwal (tipikament minimu ta’ 10 %) ta’ kwalunkwe telf addizzjonali (16). |
(25) |
Bħala regola ġenerali, anqas ma tkun il-kontribuzzjoni inizjali, aktar tkun għolja l-ħtieġa għal kontribuzzjoni tal-azzjonisti fi stadju aktar tard, jew fil-forma ta’ konverżjoni tat-telf tal-Istat f’ishma tal-bank u/jew fil-forma ta’ aktar miżuri ta’ kumpens sabiex jiġi limitat it-tfixkil tal-kompetizzjoni meta tiġi vvalutata r-ristrutturazzjoni meħtieġa. |
5.3. L-allinjament tal-inċentivi għall-banek sabiex jipparteċipaw fis-salvataġġ tal-assi b’għanijiet ta’ politika pubblika
(26) |
Bħala karatteristika ġenerali, programmi ta’ salvataġġ tal-assi indeboliti għandu jkollhom perjodu limitat għar-reġistrazzjoni ta’ sitt xhur mit-tnedija tal-iskema mill-gvern. Dan jillimita l-inċentivi għall-banek sabiex idewmu l-iżvelar meħtieġ bit-tama ta’ livelli ogħla ta’ għajnuna f’data aktar tard, u jiffaċilita riżoluzzjoni rapida tal-problemi bankarji qabel it-tnaqqis ekonomiku jkompli jaggrava s-sitwazzjoni. Matul il-perjodu ta’ sitt xhur, il-banek ikunu jistgħu jippreżentaw gruppi ta’ assi eliġibbli li għandhom jiġu koperti mill-miżuri ta’ salvataġġ tal-assi, bil-possibbiltà ta’ rollover (17). |
(27) |
Jista’ jkun meħtieġ li jitfasslu mekkaniżmi xierqa sabiex jiġi żgurat li l-banek li jkunu l-aktar fil-bżonn ta’ salvataġġ tal-assi jipparteċipaw fil-miżura tal-gvern. Dawn il-mekkaniżmi jistgħu jinkludu l-parteċipazzjoni obbligatorja fil-programm, u għandhom jinkludu mill-inqas żvelar obbligatorju lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza. L-obbligu għall-banek kollha sabiex jiżvelaw id-daqs tal-problemi tagħhom relatati mal-assi se jikkontribwixxi għall-identifikazzjoni ċara tal-ħtieġa u l-ambitu neċessarju ta’ skema ta’ salvataġġ tal-assi fuq il-livell tal-Istati tal-EFTA. |
(28) |
Meta l-parteċipazzjoni mhijiex obbligatorja, l-iskema tista’ tinkludi inċentivi xierqa (bħall-għoti ta’ warrants jew drittijiet lill-azzjonisti eżistenti sabiex dawn ikunu jistgħu jipparteċipaw f’attivitajiet futuri ta’ ġbir ta’ kapital privat b’termini preferenzjali) biex tiġi ffaċilitata l-aċċettazzjoni mill-banek mingħajr ma jitnaqqas xejn mill-prinċipji tat-trasparenza u l-iżvelar, il-valutazzjoni ġusta u l-qsim tal-piżijiet. |
(29) |
Il-parteċipazzjoni wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ sitt xhur għar-reġistrazzjoni tkun possibbli biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali u imprevedibbli li għalihom il-bank ma jkunx responsabbli (18), u soġġett għal kundizzjonijiet aktar stretti, bħal remunerazzjoni ogħla lill-Istat u/jew miżuri kompensatorji ogħla. |
(30) |
L-aċċess għas-salvataġġ tal-assi għandu dejjem ikun kondizzjonali fuq numru xieraq ta’ restrizzjonijiet fuq l-imġiba. B’mod partikolari, banek benefiċjarji għandhom ikunu suġġetti għal salvagwardji li jiżguraw li l-effetti kapitali tas-salvataġġ jintużaw sabiex jiġi pprovdut il-kreditu sabiex tiġi ssodisfata d-domanda b’mod xieraq skont kriterji kummerċjali u mingħajr diskriminazzjoni u mhux għall-iffinanzjar ta’ strateġija ta’ tkabbir (b’mod partikolari l-akkwist ta’ banek tajbin) għad-detriment tal-kompetituri. |
(31) |
Għandhom jiġu kkunsidrati wkoll restrizzjonijiet fuq il-politika tad-dividendi u limiti fuq ir-remunerazzjonijiet eżekuttivi. Il-forma speċifika tar-restrizzjonijiet fuq l-imġiba għandha tkun iddeterminata fuq il-bażi ta’ valutazzjoni tal-proporzjonalità li tqis id-diversi fatturi li jistgħu jimplikaw il-ħtieġa ta’ ristrutturar (ara t-taqsima 6). |
5.4. Eliġibbiltà tal-assi
(32) |
Meta tkun qed tiġi ddeterminata l-firxa ta’ assi eliġibbli għas-salvataġġ, jinħtieġ li jinstab bilanċ bejn li jintlaħaq l-għan immedjat tal-istabbiltà finanzjarja u l-ħtieġa li jiġi żgurat ir-ritorn għall-funzjonament normali tas-suq fuq perjodu ta’ tul medju. Assi komunement imsejħa ‘assi tossiċi’ (eż. titoli Amerikani msejsa fuq ipoteki u koperturi u derivattivi assoċjati), li kienu l-bidu tal-kriżi finanzjarja u li fil-parti l-kbira m’għadhomx likwidi jew huma suġġetti għal tnaqqis qawwi tal-valur tagħhom, jidhru li jirrappreżentaw il-parti l-kbira tal-inċertezza u x-xettiċiżmu dwar il-vijabbiltà tal-banek. Li tiġi ristretta l-firxa tal-assi eliġibbli għal dawn l-assi jkun jillimita l-iskopertura tal-Istat għal telf possibbli u jikkontribwixxi għall-prevenzjoni tat-tfixkil tal-kompetizzjoni (19). Madankollu, b’miżura ta’ salvataġġ dejqa żżejjed, ikun hemm ir-riskju li ma jintlaħaqx għal kollox l-għan li terġa’ tissawwar il-kunfidenza fis-settur finanzjarju, fid-dawl tad-differenzi bejn il-problemi speċifiċi li jeżistu fi Stati u banek differenti taż-ŻEE u fid-dawl ta’ kemm il-problema tal-indeboliment issa xterdet għal assi oħra. Dan huwa argument favur approċċ pragmatiku li jinkludi elementi ta’ flessibbiltà, u li jiżgura li assi oħra jibbenefikaw ukoll mill-miżuri ta’ salvataġġ sa kemm hu xieraq u fejn hu debitament ġustifikat. |
(33) |
Approċċ komuni u kkoordinat fi ħdan iż-ŻEE għall-identifikazzjoni tal-assi eliġibbli għall-miżuri ta’ salvataġġ huwa meħtieġ sew sabiex jiġi evitat it-tfixkil tal-kompetizzjoni fost l-Istati taż-ŻEE u fi ħdan is-settur bankarju taż-ŻEE, u kif ukoll sabiex jiġu limitati l-inċentivi sabiex banek transkonfinali jwettqu arbitrage fost miżuri ta’ salvataġġ nazzjonali differenti. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fl-identifikazzjoni ta’ assi eliġibbli fl-Istati taż-ŻEE, għandhom jiġu żviluppati kategoriji (‘gruppi’) ta’ assi li jirriflettu l-grad ta’ indeboliment eżistenti. Linji gwida aktar dettaljati dwar id-definizzjoni ta’ dawn il-kategoriji huma pprovduti fl-Anness 3. L-użu ta’ dawn il-kategoriji ta’ assi jista’ jiffaċilita l-paragun bejn il-banek u l-profili tar-riskju tagħhom madwar iż-ŻEE. L-Istati tal-EFTA mbagħad ikunu jeħtieġu li jiddeċiedu liema kategoriji ta’ assi jistgħu jkunu koperti u sa liema punt, bla ħsara għall-analiżi tal-Awtorità tal-grad ta’ indeboliment tal-assi magħżula. |
(34) |
Ikun meħtieġ li jiġi żviluppat approċċ proporzjonat sabiex jippermetti lil Stat tal-EFTA li s-settur bankarju tiegħu huwa addizzjonalment affettwat minn fatturi oħra ta’ tali kobor li jipperikolaw l-istabbiltà finanzjarja (bħall-fqigħ tal-‘bżiezaq’ fis-swieq tal-propjetà immobbli tiegħu stess) sabiex jestendi l-eliġibbiltà għal kategoriji ta’ assi definiti sew li jikkorrispondu għal din it-theddida sistemika b’ġustifikazzjoni xierqa u mingħajr restrizzjonijiet kwantitattivi. |
(35) |
Tista’ wkoll tkun ikkunsidrata flessibbiltà ulterjuri billi tiġi prevista l-possibbiltà li l-banek jiġu meħlusa minn assi indeboliti barra mill-ambitu tal-eliġibbiltà stipulat hawn fuq u mingħajr il-ħtieġa ta’ ġustifikazzjoni speċifika għal massimu ta’ 10-20 % tal-assi totali ta’ bank partikolari koperti minn mekkaniżmu ta’ salvataġġ fid-dawl tad-diversità ta’ ċirkostanzi tal-Istati tal-EFTA u l-banek differenti. Madankollu, assi li bħalissa ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala indeboliti m’għandhomx ikunu koperti minn programmi ta’ salvataġġ. Is-salvataġġ tal-assi m’għandux jipprovdi assigurazzjoni bla limiti kontra l-konsegwenzi futuri ta’ reċessjoni. |
(36) |
Bħala prinċipju ġenerali, aktar ma jkunu wiesgħa l-kriterji tal-eliġibbiltà, u aktar ma jkun kbir il-proporzjon li l-assi kkonċernati jirrappreżentaw fil-portafoll tal-bank, aktar għandhom isiru bir-reqqa r-ristrutturar u r-rimedji sabiex jiġi evitat tfixkil bla bżonn tal-kompetizzjoni. Fi kwalunkwe każ, l-Awtorità ma tikkunsidrax assi bħala eliġibbli għall-miżuri ta’ salvataġġ fejn dawn ikunu daħlu fil-karta tal-bilanċ ta’ bank benefiċjarju wara data speċifika qabel it-tħabbir tal-programm ta’ salvataġġ (20). Li jsir mod ieħor jista’ jirriżulta f’arbitrage tal-assi u jwassal għal riskju morali inaċċettabbli billi jipprovdi inċentivi għall-banek sabiex jastjenu milli jivvalutaw kif xieraq ir-riskji fis-self futur u investimenti futuri oħra u b’hekk jirrepetu l-istess żbalji li wasslu għall-kriżi preżenti (21). |
5.5. Valutazzjoni ta’ assi eliġibbli għas-salvataġġ, u pprezzar
(37) |
Approċċ korrett u konsistenti għall-valutazzjoni tal-assi, inklużi assi li huma aktar kumplessi u inqas likwidi, hija ta’ importanza kbira biex jiġi evitat tfixkil bla bżonn tal-kompetizzjoni u biex jiġu evitati kompetizzjonijiet tas-sussidji bejn l-Istati taż-ŻEE. Il-valutazzjoni għandha ssegwi metodoloġija ġenerali stabbilita fil-livell taż-ŻEE u għandha tiġi kkoordinata mill-qrib ex ante mill-Awtorità fl-Istati tal-EFTA sabiex tiġi assigurata l-effikaċja massima tal-miżura ta’ salvataġġ tal-assi u jitnaqqas ir-riskju ta’ distorsjonijiet u arbitrage ta’ ħsara, partikolarment għal banek transkonfinali. Jistgħu jkunu meħtieġa metodoloġiji alternattivi sabiex jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċifiċi li jirrigwardaw, pereżempju, d-disponibbiltà fil-ħin tad-dejta relevanti, sakemm dawn jilħqu livelli ekwivalenti ta’ trasparenza. Fi kwalunkwe każ, banek eliġibbli għandhom jivvalutaw il-portafolli tagħhom kuljum u jwettqu żvelar regolari u frekwenti lill-awtoritajiet nazzjonali u lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza tagħhom. |
(38) |
Fejn il-valutazzjoni tal-assi tidher partikolarment kumplessa, jistgħu jiġu kkunsidrati approċċi alternattivi bħall-ħolqien ta’ “bank tajjeb” fejn l-Istat jixtri l-assi t-tajbin minflok dawk indeboliti. Sjieda pubblika ta’ bank (inkluża n-nazzjonalizzazzjoni) tista’ tkun għażla alternattiva, bil-ħsieb li titwettaq il-valutazzjoni maż-żmien f’kuntest ta’ ristrutturar jew ta’ stralċ b’mod ordnat, u b’hekk tiġi eliminata kwalunkwe inċertezza dwar il-valur reali tal-assi kkonċernati (22). |
(39) |
Bħala l-ewwel stadju, l-assi għandhom jiġu vvalutati fuq il-bażi tal-valur kurrenti tagħhom fis-suq, kull meta dan ikun possibbli. B’mod ġenerali, kwalunkwe trasferiment ta’ assi koperti minn skema b’valutazzjoni akbar mill-prezz tas-suq ikun jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Il-valur tas-suq attwali jista’, madankollu, ikun pjuttost ‘il bogħod mill-valur kontabbli ta’ dawk l-assi fiċ-ċirkostanzi kurrenti, jew ineżistenti fin-nuqqas ta’ suq (għal xi assi l-valur jista’ effettivament ikun żero). |
(40) |
Bħala t-tieni stadju, il-valur attribwit lil assi indeboliti fil-kuntest ta’ programm ta’ salvataġġ tal-assi (il-“valur tat-trasferiment”) inevitabbilment ikun ogħla mill-prezzijiet kurrenti tas-suq sabiex jinkiseb l-effett ta’ salvataġġ. Sabiex tiġi żgurata konsistenza fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna, l-Awtorità tikkunsidra valur tat-trasferiment li jirrifletti l-valur ekonomiku sottostanti fit-tul (il-“valur ekonomiku reali”) tal-assi, fuq il-bażi tal-flussi tal-flus sottostanti u orizzonti ta’ żmien aktar wiesgħa, standard aċċettabbli li jindika l-kompatibbiltà tal-ammont ta’ għajnuna bħala l-minimu meħtieġ. Se jkollu jiġi kkunsidrat tnaqqis uniformi applikabbli għal ċerti kategoriji ta’ assi biex jiġi approssimat il-valur ekonomiku reali ta’ assi li huma tant kumplessi li jidher imprattikabbli tbassir affidabbli tal-iżviluppi fil-futur prevedibbli. |
(41) |
Konsegwentement, il-valur tat-trasferiment għal miżuri tax-xiri tal-assi jew tal-assigurazzjoni tal-assi (23) għandu jkun ibbażat fuq il-valur ekonomiku reali tagħhom. Barra minn hekk, għandha tiġi żgurata remunerazzjoni adegwata għall-Istat. Fejn l-Istati tal-EFTA jidhrilhom li hu meħtieġ - partikolarment sabiex tiġi evitata insolvenza teknika - li jintuża valur tat-trasferiment tal-assi li jeċċedi l-valur ekonomiku reali, l-element ta’ għajnuna fil-miżura huwa proporzjonalment akbar. Dan jista’ jiġi aċċettat biss jekk ikun akkumpanjat minn ristrutturar wiesa’ u l-introduzzjoni ta’ kundizzjonijiet li jippermettu l-irkupru ta’ din l-għajnuna addizzjonali fi stadju iktar tard, pereżempju permezz ta’ mekkaniżmi ta’ claw-back. |
(42) |
Il-proċess ta’ valutazzjoni kemm fir-rigward tal-valur tas-suq, u l-valur ekonomiku reali, u kif ukoll ir-remunerazzjoni tal-Istat, għandu jsegwi l-istess proċessi u prinċipji ta’ gwida elenkati fl-Anness 4. |
(43) |
Meta tkun qed tivvaluta l-metodi ta’ valutazzjoni mressqa mill-Istati tal-EFTA għall-miżuri tas-salvataġġ tal-assi, u l-implimentazzjoni tagħhom f’każijiet individwali, l-Awtorità tista’ tikkkonsulta esperti tal-valutazzjoni (24). L-Awtorità se tibni wkoll fuq il-ħiliet professjonali esperti tal-korpi eżistenti organizzati fuq il-livell tal-UE sabiex tiġi assigurata l-konsistenza tal-metodoloġija tal-valutazzjoni. |
5.6. Amministrazzjoni tal-assi soġġetti għal miżuri ta’ salvataġġ
(44) |
Huwa għall-Istati tal-EFTA sabiex jagħżlu l-aħjar mudell sabiex jeħilsu lill-banek mill-assi, mill-firxa ta’ għażliet stabbiliti fit-taqsima 4, fid-dawl tad-daqs tal-problema tal-assi indeboliti, tas-sitwazzjoni individwali tal-banek ikkonċernati u kunsiderazzjonijiet baġitarji. L-għan tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat huwa li jiġi żgurat li l-karatteristiċi tal-mudell magħżul huma mfassla sabiex jiżguraw trattament ugwali u jevitaw tfixkil bla bżonn tal-kompetizzjoni. |
(45) |
Filwaqt li l-arranġamenti speċifiċi tal-ipprezzar għal miżura ta’ għajnuna jistgħu jvarjaw, il-karatteristiċi distintivi tagħhom m’għandhomx ikollhom impatt apprezzabbli fuq it-tqassim adegwat tal-piż bejn l-Istat u l-banek benefiċjarji. Fuq il-bażi ta’ valutazzjoni korretta, il-mekkaniżmu ta’ finanzjament ġenerali ta’ kumpanija tal-ġestjoni tal-assi, assigurazzjoni jew soluzzjoni ibrida għandu jiżgura li l-bank ikollu jassumi l-istess proporzjon ta’ telf. Klawsoli ‘claw-back’ jistgħu jiġu kkunsidrati f’dan il-kuntest. B’mod ġenerali, l-iskemi kollha għandhom jiżguraw li l-banek benefiċjarji jġorru t-telf imġarrab fit-trasferiment ta’ assi (ara aktar fil-para. 50 u n-nota 11 ta’ qiegħ il-paġna). |
(46) |
Ikun xi jkun il-mudell, sabiex ikun eħfef għall-bank biex jiffoka fuq ir-restawr tal-vijabbiltà u biex ikunu evitati kunflitti ta’ interess possibbli, huwa meħtieġ li tiġi żgurata separazzjoni funzjonali u organizzattiva ċara bejn il-bank benefiċjarju u l-assi indeboliti tiegħu, partikolarment f’dak li jirrigwarda l-amministrazzjoni, il-persunal u l-klijentela tagħhom. |
5.7. Aspetti proċedurali
(47) |
Gwida dettaljata dwar l-implikazzjonijiet ta’ dawn il-linji gwida dwar il-proċedura tal-għajnuna mill-Istat fir-rigward ta’ kemm in-notifika inizjali tal-għajnuna u kif ukoll il-valutazzjoni tal-pjanijiet ta’ ristrutturar, fejn neċessarju, hi pprovduta fl-Anness 5. |
6. Miżuri ta’ segwitu - ristrutturar u ritorn għall-vijabbiltà
(48) |
Il-prinċipji u l-kundizzjonijiet imsemmija aktar ‘il fuq jistabbilixxu l-qafas għat-tfassil ta’ miżuri ta’ salvataġġ tal-assi f’konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għandhom il-mira, fil-kuntest preżenti, li jassiguraw l-appoġġ massimu li jinvolvi l-anqas distorsjoni għat-tneħħija ta’ riskji relatati ma’ kategorija separata tal-assi mill-banek benefiċjarji sabiex titħejja art solida għar-ritorn għall-vijabbiltà fit-tul mingħajr appoġġ mill-Istat. Filwaqt li t-trattament ta’ assi indeboliti skont il-prinċipji ta’ hawn fuq huwa pass neċessarju għal ritorn lejn il-vijabbiltà għall-banek, fih innifsu dan mhux biżżejjed biex jintlaħaq dak l-għan. Skont is-sitwazzjoni u l-karatteristiċi partikolari tagħhom, il-banek se jkollhom jieħdu miżuri xierqa fl-interess tagħhom stess sabiex jiġi evitat li jerġgħu jseħħu problemi simili u tiġi żgurata profitabbiltà sostenibbli. |
(49) |
Taħt ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u partikolarment dawk dwar l-għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturar, dan is-salvataġġ tal-assi jammonta għal operazzjoni strutturali u jeħtieġ evalwazzjoni bir-reqqa ta’ tliet kundizzjonijiet: i) kontribuzzjoni adegwata tal-benefiċjarju għall-ispejjeż tal-programm tal-assi indeboliti; ii) azzjoni xierqa biex ikun garantit ir-ritorn għall-vijabbiltà; u iii) miżuri neċessarji sabiex jiġi rrimedjat it-tfixkil għall-kompetizzjoni. |
(50) |
L-ewwel kundizzjoni għandha normalment tinkiseb billi jitwettqu r-rekwiżiti stabbiliti fil-kapitoli preċedenti, partikolarment l-iżvelar, il-valutazzjoni, l-ipprezzar u l-qsim tal-piżijiet. Dan għandu jiżgura kontribuzzjoni mill-benefiċjarju ta’ mill-inqas it-telf kollu mġarrab fit-trasferiment ta’ assi lill-Istat. Fejn dan mhux materjalment possibbli, l-għajnuna tista’ xorta waħda tiġi awtorizzata, bħala eċċezzjoni, suġġetta għal rekwiżiti aktar stretti rigward iż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra. |
(51) |
L-obbligi tar-ritorn għall-vijabbiltà u l-ħtieġa għal rimedji għat-tfixkil tal-kompetizzjoni għandhom jiġu determinati fuq bażi ta’ każ b’każ. Rigward it-tieni kundizzjoni, il-ħtieġa għar-ritorn għall-vijabbiltà fit-tul, għandu jiġi nnotat li s-salvataġġ tal-assi jista’ jikkontribwixxi għal dan il-għan. Ir-reviżjoni tal-vijabbiltà għandha tiċċertifika l-adegwatezza attwali u prospettiva tal-kapital tal-bank wara evalwazzjoni sħiħa u kunsiderazzjoni tal-fatturi possibbli tar-riskju (25). |
(52) |
L-evalwazzjoni tal-Awtorità tar-ristrutturar meħtieġ, wara l-awtorizzazzjoni inizjali tal-miżuri ta’ salvataġġ tal-assi, għandha tkun determinata fuq il-bażi tal-kriterji li ġejjin: il-kriterji mfissra fil-komunikazzjoni mill-Awtorità dwar ir-rikapitalizzazzjoni tal-banek, il-proporzjon tal-assi tal-bank suġġetti għal salvataġġ; il-prezz tat-trasferiment ta’ dawn l-assi meta mqabbel mal-prezz tas-suq; il-karatteristiċi speċifiċi tas-salvataġġ tal-assi indeboliti mogħti; id-daqs totali tal-iskopertura tal-istat imqabbla mal-assi ta’ bank bil-piż differenzjat skont ir-riskju; in-natura u l-oriġini tal-problemi tal-bank benefiċjarju; u s-saħħa tal-mudell tan-negozju u l-istrateġija tal-investiment tal-bank. Hija tqis ukoll kwalunkwe għoti addizzjonali ta’ garanzija mill-Istat jew rikapitalizzazzjoni mill-Istat, sabiex tibni l-istampa sħiħa tas-sitwazzjoni tal-bank benefiċjarju (26). |
(53) |
Il-vijabbiltà fit-tul titlob li l-bank ikun kapaċi jopera mingħajr ebda appoġġ mill-Istat, u dan jimplika pjanijiet ċari sabiex jitħallas lura kwalunkwe kapital riċevut mill-Istat u jiġu rrinunzjati l-garanziji mill-Istat. Skont ir-riżultat ta’ din l-evalwazzjoni, ir-ristrutturar ikollu jinkludi analiżi fil-fond tal-istrateġija u l-attività tal-bank, inkluż, pereżempju, enfasi fuq in-negozju ċentrali, riorjentament tal-mudelli tan-negozju, l-għeluq jew ċessjoni ta’ diviżjonijiet/sussidjarji, bidliet fil-ġestjoni tal-assi-obbligazzjonijiet u bidliet oħra. |
(54) |
Il-ħtieġa għal ristrutturar fil-fond tkun preżunta meta valutazzjoni xierqa tal-assi indeboliti skont il-prinċipji stipulati fit-taqsima 5.5 u l-Anness 4 tkun se twassal għal ekwità negattiva/insolvenza teknika mingħajr intervent mill-Istat. Talbiet ripetuti għall-għajnuna u t-tbegħid mill-prinċipji ġenerali stabbiliti normalment juru l-ħtieġa għal ristrutturar fil-fond bħal dan. |
(55) |
Ristrutturar fil-fond ikun meħtieġ ukoll meta l-bank ikun diġà rċieva għajnuna mill-Istat fi kwalunkwe forma li tikkontribwixxi jew għall-kopertura jew għall-evitar ta’ telf, jew b’kollox taqbeż 2 % tat-total tal-assi tal-bank bil-piż differenzjat skont ir-riskju, filwaqt li jitqiesu b’mod dovut il-karatteristiċi speċifiċi tas-sitwazzjoni ta’ kull benefiċjarju (27). |
(56) |
Iż-żmien li fih jittieħdu kwalunkwe miżuri meħtieġa sabiex tingħata lura l-vijabbiltà għandhom jieħdu kont tas-sitwazzjoni speċifika tal-bank ikkonċernat, kif ukoll tas-sitwazzjoni ġenerali fis-settur bankarju, mingħajr ma jiddewmu aktar milli huwa neċessarju l-aġġustamenti meħtieġa. |
(57) |
It-tielet, id-dimensjoni tal-miżuri kompensatorji neċessarji għandha tiġi eżaminata, fuq il-bażi tat-tfixkil tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-għajnuna. Dan jista’ jinvolvi tnaqqis jew bejgħ ta’ unitajiet ta’ negozju jew sussidjarji li huma profitabbli, jew impenji ta’ imġiba sabiex tiġi limitata l-espansjoni kummerċjali. |
(58) |
Il-ħtieġa għal miżuri ta’ kumpens tkun preżunta jekk il-bank benefiċjarju ma jwettaqx il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi preċedenti u partikolarment dawk tal-iżvelar, il-valutazzjoni, l-ipprezzar u l-qsim tal-piżijiet. |
(59) |
L-Awtorità tivvaluta l-ambitu tal-miżuri kompensatorji meħtieġa, skont l-evalwazzjoni tagħha tat-tfixkil tal-kompetizzjoni li jirriżulta mill-għajnuna, u speċjalment fuq il-bażi tal-fatturi li ġejjin: l-ammont totali tal-għajnuna, inkluż minn miżuri ta’ garanzija u rikapitalizzazzjoni; il-volum tal-assi indeboliti li jibbenefikaw mill-miżura; il-proporzjon ta’ telf li jirriżulta mill-assi; is-solidità ġenerali tal-bank; il-profil tar-riskju tal-assi soġġetti għal salvataġġ; il-kwalità tal-ġestjoni tar-riskju tal-bank; il-proporzjonijiet tal-livell tas-solvenza fl-assenza tal-għajnuna; il-pożizzjoni tas-suq tal-bank benefiċjarju u t-tfixkil tal-kompetizzjoni mill-attivitajiet tas-suq li jkomplu għaddejjin tal-bank; u l-impatt tal-għajnuna fuq l-istruttura tas-settur bankarju. |
7. Dispożizzjoni Finali
(60) |
Dan il-Kapitolu tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat japplika mid-data tal-adozzjoni tiegħu, wara li ġie kkunsidrat il-kuntest ekonomiku finanzjarju u ekonomiku li jitlob azzjoni immedjata. |
(1) Dan il-Kapitlu jikkorrispondi mal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea bl-isem Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-trattament ta’ assi indeboliti fis-settur bankarju tal-Komunità.
(2) Filwaqt li d-dejta uffiċjali għaż-żona tal-euro tissuġġerixxi li s-self tal-banek lill-impriżi għadu b’saħħtu, ix-xejra sottostanti qed tiddgħajjef, bi tnaqqis sostanzjali fir-rati tat-tkabbir tas-self xahar fuq xahar lejn tmiem l-2008. F’Diċembru 2008, is-self tal-benek lill-ekonomija privata (self mhux lil MFI, esklużi l gvernijiet) naqas b’0,4 % meta mqabbel ma’ Novembru.
(3) Min-nofs l-2007 sal-ewwel trimestru tal-2009, kien hemm total ta’ USD 1 063 biljun fi tniżżil fil-valur tal-assi, li minnhom USD 737,6 biljun ġew irrappurtati minn banek ibbażati fl-Istati Uniti u USD 293,7 biljun ġew irrappurtati minn banek ibbażati fl-Ewropa. Minn dawn tal-aħħar, USD 68 biljun ġew irrappurtati fl-Isvizzera. Minkejja l-iskala tat-tniżżil fil-valuri kontabbli rrappurtati, l-IMF fil-preżent jikkalkula li t-total tat-telf tal-banek relatat mat-tniżżil fil-valur kontabbli tal-assi probabbli li jilħaq l-USD 2 200 biljun. Din l-istima hija bbażata fuq il-holdings globali ta’ dejn ta’ ipoteki, tal-konsumaturi u l-kumpaniji, li oriġina u ġie titolizzat fl-Istati Uniti u żdied kontinwament sa mill-bidu tal-kriżi. Xi kummentaturi tas-suq huma tal-fehma li t-telf totali jista’ jkun sostanzjalment ogħla. Pereżempju, Nouriel Roubini, li konsistentement saħaq li l-istimi uffiċjali huma baxxi wisq, issa qed jgħid li t-telf totali jista’ jkun ta’ USD 3 600 biljun għall-Istati Uniti biss.
(4) Dawn l-arranġamenti huma diskussi f’aktar dettall fl-Anness 2.
(5) Ix-xiri ta’ assi mill-gvern m’għandux għalfejn jimplika spejjeż baġitarji kbar fit-tul jekk parti sostanzjali mill-assi akkwistati jistgħu sussegwentement jinbiegħu bi profitt (ara l-eżempji tal-Istati Uniti u l-Isvezja fl-Anness II). Madankollu, huwa jimplika ħruġ immedjat mill-baġit li jista’ jżid id-dejn pubbliku gross u l-ħtiġijiet grossi ta’ finanzjament tal-gvern. Approċċ ibbażat fuq l-iskambju ta’ dejn tal-gvern ma’ assi indeboliti jista’ jintuża sabiex titħaffef il-problema operattiva fir-rigward tal-ħruġ, iżda ma jevitax l-impatt fuq iċ-ċifri baġitarji jew żieda fil-provvista ta’ dejn tal-gvern fuq is-suq.
(6) Il-banek tipikament iżommu varjetà ta’ assi, inklużi: flus, assi finanzjarji (treasury bills, titoli ta’ dejn, titoli ta’ ekwità, self innegozjat, u prodotti bażiċi), derivattivi (swaps u opzjonijiet), self, investimenti finanzjarji, assi intanġibbli, propjetà, impjanti u tagħmir. Jista’ jiġi mġarrab telf meta l-assi jinbiegħu b’anqas mill-valur kontabbli tagħhom, meta l-valur tagħhom jonqos u jinħolqu riżervi għal telf possibbli jew ex-post meta l-flussi tad-dħul fil-maturità huma anqas mill-valur kontabbli.
(7) Garanzija hija preżunta li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat meta l-bank benefiċjarju ma jistax isib operatur privat indipendenti fis-suq li hu lest jipprovdi garanzija simili. L-ammont tal-għajnuna mill-Istat huwa l-obbligazzjoni massima netta għall-Istat.
(8) Parti VIII tal-Linji Gwida tal-Awtorità dwar l-Għajnuna mill-Istat: “L-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat għal miżuri meħuda fir-rigward tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja globali attwali, il għadha ma”, ġietx ippubblikata f'ĠU L 17, 20.1.2011 p. 1 u s-Suppliment ŻEE Nru 3 tal-20.1.2011 p. 1. Il-verżjoni aġġornata tal-Linji Gwida tal-Awtorità dwar l-Għajnuna mill-Istat hija ppubblikata fis-sit elettroniku tal-Awtorità:
http://www.eftasurv.int/state-aid/legal-framework/state-aid-guidelines/
(9) Parti VIII tal-Linji Gwida tal-Awtorità dwar l-Għajnuna mill-Istat: “Ir-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kriżi finanzjarja preżenti: limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu meħtieġ u protezzjoni kontra tfixkil tal-kompetizzjoni bla bżonn”, il għadha ma ġietx ippubblikata f'ĠU L 17, 20.1.2011 p. 1 u s-Suppliment ŻEE Nru 3 tal-20.1.2011 p. 1. Il-verżjoni aġġornata tal-Linji Gwida tal-Awtorità dwar l-Għajnuna mill-Istat hija ppubblikata fis-sit elettroniku tal-Awtorità:
http://www.eftasurv.int/state-aid/legal-framework/state-aid-guidelines/
(10) Bla ħsara għall-ħtieġa li l-impatt fuq il-karta tal-bilanċ ta’ miżura ta’ salvataġġ tal-assi jkun mgħarraf lill-pubbliku, li jimplika qsim debitu tal-piżijiet, it-termini “trasparenza” u “żvelar sħiħ” għandhom jinftiehmu li jfissru trasparenza fir-rigward tal-awtoritajiet nazzjonali, l-esperti indipendenti involuti u l-Awtorità.
(11) L-ammont tal-għajnuna jikkorrispondi mad-differenza bejn il-valur tat-trasferiment tal-assi (normalment ibbażat fuq il-valur ekonomiku reali tagħhom) u l-prezz tas-suq. F’dan il-Kapitolu, it-telf li jiġġarrab jikkorrispondi mad-differenza bejn il-valur tat-trasferiment u l-valur kontabbli tal-assi. It-telf reali normalment ikun magħruf biss ex post.
(12) Miżuri ta’ salvataġġ tal-assi huma b’xi modi kumparabbli ma’ injezzjonijiet ta’ kapital għaliex jipprovdu mekkaniżmu tal-assorbiment tat-telf u għandhom effett ta’ kapital regolatorju. Madankollu, b’tal-ewwel, l-istat ġeneralment jesponi ruħu għal riskju akbar, relatat ma’ portafoll speċifiku ta’ assi indeboliti, mingħajr kontribuzzjoni diretta ta’ attivitajiet oħra bankarji li jiġġeneraw id-dħul u tal-fondi tal-bank, u lil hinn mis-sehem possibbli tiegħu fil-bank. Fid-dawl tal-aspetti negattivi akbar, u l-aspetti pożittivi aktar limitati, ir-remunerazzjoni għas-salvataġġ tal-assi normalment għandha tkun ogħla milli għall-injezzjonijiet tal-kapital.
(13) Meta jitqabbel il-valur kontabbli tal-assi mal-valur tat-trasferiment tagħhom (jiġifieri l-valur ekonomiku reali tagħhom)
(14) Il-protezzjoni tal-azzjonisti għandha, madankollu, normalment tiġi eskluża. Ara d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni NN 39/2008 (id-Danimarka, Għajnuna għal-likwidazzjoni ta’ Roskilde Bank) u NN 41/2008 (ir-Renju Unit, għajnuna ta’ salvataġġ għal Bradford & Bingley).
(15) Dan jista’ jkun il-każ fejn id-daqs tal-bank jew it-tip ta’ attività ma jkunux jistgħu jiġu ġestiti fi proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja jew permezz ta’ stralċ ordnat mingħajr ma jkun hemm implikazzjonijiet sistemiċi perikolużi fuq istituzzjonijiet finanzjarji oħra jew fuq is-self lill-ekonomija reali. Ġustifikazzjoni mill-awtorità monetarja u/jew ta’ superviżjoni tkun neċessarja f’dan ir-rigward.
(16) Fatturi oħra, pereżempju remunerazzjoni ogħla, jistgħu jinfluwenzaw il-livell xieraq. Minbarra dan, għandu jiġi nnutat li l-kumpensi ex post jistgħu jsiru biss bosta snin wara li l-miżura tkun ġiet introdotta u jistgħu għalhekk itawlu b’mod mhux sodisfaċenti l-inċertezza marbuta mal-valutazzjoni tal-assi indeboliti. Klawżoli ta’ claw-back ibbażati fuq valutazzjoni ex ante ma jkollhomx din il-problema.
(17) Każ ta’ enrolled assets li jistgħu jimmaturaw wara.
(18) “Ċirkustanza mhux prevedibbli” hija ċirkustanza li ma tista’ bl-ebda mod tiġi antiċipati mill-maniġment tal-kumpanija meta jieħu d-deċiżjoni tiegħu li ma jidħolx fi programm tas-salvataġġ tal-assi matul il-perjodu ta’ reġistrazzjoni u li ma tkunx ir-riżultat ta’ negliġenza jew żball min-naħa tal-maniġment tal-kumpanija jew deċiżjonijiet tal-grupp li għalih tappartjeni. “Ċirkustanza eċċezzjonali” għandha tinftiehem bħala eċċezzjonali indipendentement mill-kriżi kurrenti. Stati tal-EFTA li jixtiequ jinvokaw ċirkostanzi bħal dawn għandhom jinnotifikaw l-informazzjoni neċessarja kollha lill-Awtorità.
(19) Dan jidher li hu l-approċċ li ntgħażel għal Citigroup u Bank of America.
(20) Ġeneralment, l-Awtorità tqis li data tat-tmiem uniformi u oġġettiva, bħal tmiem l-2008, tassigura kundizzjonijiet ekwi bejn il-banek u l-Istati taż-ŻEE.
(21) Fejn neċessarju, l-appoġġ mill-istat fir-rigward tar-riskji għall-assi futuri jista’ jiġi ġestit fuq il-bażi tal-Linji Gwida tal-Awtorità dwar l-Għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari l-Kapitolu dwar il-Garanziji mill-Istat u l-Kapitolu dwar il-Qafas Temporanju għall-miżuri tal-għajnuna mill-Istat f’appoġġ għall-qasam finanzjarju fil-kriżi finanzjarja u ekonomika kurrenti.
(22) Dan ikun il-każ, pereżempju, jekk l-Istat jiskambja l-assi ma’ bonds tal-gvern skont l-ammont tal-valur nominali tagħhom iżda jirċievi warrants kontinġenti fuq il-kapital bankarju, li l-valur tagħhom jiddependi fuq il-prezz tal-bejgħ eventwali tal-assi indeboliti.
(23) Fil-każ ta’ miżura tal-assigurazzjoni, il-valur tat-trasferiment huwa mifhum bħala l-ammont assigurat.
(24) L-Awtorità se tuża l-opinjoni ta’ dawn l-esperti tal-valutazzjoni b’mod simili għal proċedimenti oħra tal-għajnuna mill-Istat, fejn tista’ tirrikorri għal esperti esterni.
(25) Tkun trid tiġi assigurata wkoll il-konformità mal-kriterji tal-paragrafu 40 tal-Linji Gwida tal-Awtorità dwar l-Għajnuna mill-Istat dwar Ir-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kriżi finanzjarja kurrenti sa fejn huma applikabbli.
(26) Għal dawk il-banek diġà suġġetti għall-obbligu ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni, wara l-għoti ta’ għajnuna preċedenti mill-Istat, dan il-pjan ikollu debitament iqis l-għajnuna l-ġdida u jikkunsidra l-għażliet kollha mir-ristrutturazzjoni sal-istralċ b’mod ordnat.
(27) Il-parteċipazzjoni fi skema awtorizzata ta’ garanzija tal-kreditu, mingħajr mal-garanzija jkollha tiġi invokata sabiex tkopri t-telf, m’għandhiex titqies għall-finijiet tal-paragrafu preżenti.
ANNESS 1
LINJI GWIDA TAL-EUROSYSTEM DWAR MIŻURI TA’ APPOĠĠ GĦALL-ASSI GĦALL-BANEK
Il-Eurosystem identifikat seba’ prinċipji ta’ gwida għall-miżuri ta’ appoġġ għall-assi bankarji:
— |
l-eliġibbiltà tal-istituzzjonijiet, li għandha tkun volontarja, bil-possibbiltà ta’ prijorità għall-istituzzjonijiet b’konċentrazzjonijiet kbar ta’ assi indeboliti fil-każ ta’ restrizzjonijiet; |
— |
definizzjoni tal-assi eliġibbli għall-appoġġ li tkun relattivament wiesgħa; |
— |
valutazzjoni tal-assi eliġibbli li tkun trasparenti, preferibbilment ibbażata fuq firxa ta’ metodi u kriterji komuni li jiġu adottati madwar l-Istati taż-ŻEE, ibbażata fuq opinjonijiet esperti indipendenti minn partijiet terzi, l-użu ta’ mudelli li jużaw inputs tal-livell mikro biex jistmaw il-valur ekonomiku tat-telf mistenni u l-probabbiltajiet relatati miegħu, u ta’ tnaqqis speċifiku għal assi individwali fuq il-valuri kontabbli tal-assi meta l-evalwazzjoni tal-valur tas-suq hija partikolarment diffiċli, jew meta s-sitwazzjoni teħtieġ azzjoni rapida; |
— |
grad adegwat ta’ qsim tar-riskju bħala element neċessarju ta’ kull skema sabiex tiġi limitata l-ispiża għall-gvern, jiġu pprovduti l-inċentivi xierqa lill-istituzzjonijiet parteċipanti u jinżamm ambjent ekwu għan-negozju bejn dawn l-istituzzjonijiet; |
— |
tul suffiċjenti tal-iskemi ta’ appoġġ għall-assi, li possibbilment jaqbel mal-istruttura tal-maturità tal-assi eliġibbli; |
— |
governanza tal-istituzzjonijiet li għandhom ikomplu jitmexxew skont prinċipji kummerċjali, u jagħtu preferenza lil skemi li jipprevedu strateġiji ta’ ħruġ definiti tajjeb; u |
— |
kondizzjonalità tal-iskemi ta’ appoġġ pubbliku fuq xi kriterji li jistgħu jitkejlu, bħal impenji li jkompli jiġi pprovdut kreditu sabiex tiġi ssodisfata d-domanda b’mod xieraq skont kriterji kummerċjali. |
ANNESS 2
Id-diversi approċċi konċepibbli għas-salvataġġ tal-assi u l-esperjenza bl-użu ta’ soluzzjonijiet ta’ bank ħażin fl-Istati Uniti, l-Isvezja, Franza, l-Italja, il-Ġermanja u l-Isvizzera
I. APPROĊĊI POSSIBBLI
Fil-prinċipju, jistgħu jiġu kkunsidrati żewġ approċċi wiesgħa għall-ġestjoni ta’ assi soġġetti għal miżuri ta’ salvataġġ:
— |
Is-segregazzjoni tal-assi indeboliti mill-assi tajba f’bank jew fis-settur bankarju kollu kemm hu. Jistgħu jiġu kkunsidrati diversi varjanti ta’ dan l-approċċ. Kumpanija tal-ġestjoni tal-assi (bank ħażin jew ‘tarka tar-riskju’) jistgħu jiġu maħluqa għal kull bank, u bihom l-assi indeboliti jkunu trasferiti lil entità ġuridika separata, filwaqt li l-assi jkomplu jkunu ġestiti mill-bank f’diffikultà jew minn entità separata u t-telf possibbli jinqasam bejn il-bank tajjeb u l-Istat. Alternattivament, l-Istat jista’ jistabbilixxi istituzzjoni awtonoma (li spiss tissejjaħ ‘aggregator bank’) biex tixtri l-assi indeboliti ta’ banek individwali jew tas-settur bankarju kollu kemm hu, u b’hekk tippermetti lill-banek sabiex jerġgħu lura għall-imġiba normali tas-self li ma tkunx imfixkla mir-riskju tat-tniżżil fil-valur kontabbli tal-assi. Dan l-approċċ jista’ jinvolvi wkoll nazzjonalizzazzjoni minn qabel, li biha l-Istat jieħu kontroll ta’ xi wħud mill-banek fis-settur jew minnhom kollha qabel ma jwettaq is-segregazzjoni tal-assi tajba u ħżiena tagħhom. |
— |
Skema tal-assigurazzjoni tal-assi fejn banek iżommu l-assi indeboliti fuq il-karti tal-bilanċ tagħhom iżda jiġu indennizzati mill-Istat kontra t-telf. Fil-każ ta’ assigurazzjoni tal-assi, l-assi indeboliti jibqgħu fuq il-karta tal-bilanċ tal-banek, li jiġu indennizzati mill-Istat kontra xi telf jew kontra t-telf kollu. Kwistjoni speċifika dwar l-assigurazzjoni tal-assi hija l-iffissar tal-primjum xieraq għal assi eteroġeni u kumplessi, li fil-prinċipju għandhom jirriflettu taħlita ta’ karatteristiċi ta’ valutazzjoni u ta’ riskju tal-assi assigurati. Kwistjoni oħra hija li huwa teknikament diffiċli li skemi ta’ assigurazzjoni jitħaddmu f’sitwazzjoni meta l-assi assigurati huma mifruxa fuq numru kbir ta’ banek minflok ikkonċentrati fi ftit banek akbar. Fl-aħħar nett, il-fatt li l-assi assigurati jibqgħu fuq il-karta tal-bilanċ tal-banek jippermetti l-possibbiltà ta’ kunflitti ta’ interessi u jneħħi l-effett psikoloġiku importanti li jiġi sseparat b’mod ċar il-bank tajjeb mill-assi l-ħżiena. |
II. L-ESPERJENZA B’BANEK ĦŻIENA
Fl-Istati Uniti, ir-Resolution Trust Corporation (RTC) inħolqot fl-1989 bħala kumpanija tal-gvern tal-ġestjoni tal-assi. L-RTC kienet inkarigata bil-likwidazzjoni tal-assi (l-aktar assi relati mal-propjetà immobbli, inkluż self ipotekarju) li kienu assi ta’ assoċjazzjonijiet tat-tfaddil u s-self (“S&LVL”) iddikjarati falluti mill-Office of Thrift Supervision, bħala konsegwenza tal-kriżi tal-istituzzjonjiet tat-tfaddil u s-self (1989-1992). L-RTC ħadet f’idejha wkoll il-funzjonijiet tal-assigurazzjoni ta’ dak li kien il-Federal Home Loan Bank Board. Bejn l-1989 u nofs l-1995, ir-Resolution Trust Corporation għalqet jew solviet b’mod ieħor 747 “thrifts” b’assi totali ta’ USD 394 biljun. Fl-1995, id-dmirijiet tagħha kienu ġew trasferiti lis-Savings Association Insurance Fund tal-Federal Deposit Insurance Corporation. B’kollox, l-ispiża għall-kontribwenti tat-taxxa ġiet stmata għal USD 124 biljun f’dollari tal-1995.
L-RTC ħadmet permezz ta’ hekk imsejħa ‘programmi ta’ sħubija fl-ekwità’. Is-sħubijiet kollha fl-ekwità kienu jinvolvu msieħeb mis-settur privat li jakkwista interess parzjali f’ġabra ta’ assi. Billi żammet interess fil-portafolli tal-assi, l-RTC setgħet tieħu sehem fir-rendita qawwija ħafna li gawdew l-investituri fil-portafolli. Minbarra dan, is-sħubijiet tal-ekwità ppermettiew lill-RTC tibbenefika mill-isforzi ta’ ġestjoni u likwidazzjoni tal-imsieħba tas-settur privat tagħhom, u l-istruttura għenet biex jiġi assigurat allinjament tal-inċentivi superjuri għal dak li tipikament jeżisti f’relazzjoni bejn prinċipal u kuntrattur. Il-forom varji ta’ sħubijiet fl-ekwità huma dawn li ġejjin: Multiple Investment Fund (sħubija limitata u magħżula, portafoll ta’ assi mhux identifikat), Mortgage Trusts serje N u serje S (offerta kompetittiva għal portafoll identifikat ta’ assi), Fond tal-Art (sabiex jittieħdu profitti aktar fit-tul mill-irkupru u l-iżvilupp tal-art), u Sħubija JDC (għażla ta’ soċju ġenerali fuq il-bażi ta’ “beauty contest” għal pretensjonijiet mhux garantiti jew ta’ valur dubjuż).
Fl-Isvezja, żewġ korporazzjonijiet tal-ġestjoni tal-assi tal-banek (AMCs) Securum u Retriva, twaqqfu biex jamministraw is-self inadempjenti tal-istituzzjonijiet finanzjarji bħala parti mill-politika tar-riżoluzzjoni tal-kriżi finanzjarja fl-1992/1993. L-assi ta’ bank f’diffikult nqasmu f’assi “tajbin” u “ħżiena”, bl-assi ħżiena mbagħad jiġu trasferiti lejn waħda mill-korporazzjonijiet tal-ġestjoni tal-assi, l-aktar lil Securum (1). Karatteristika importanti tal-programm Svediż kienet li l-banek jiġu sfurzati jiżvelaw it-telf mistenni fuq is-self u jattribwixxu valuri realistiċi għall-assi ta’ propjetà immobbli u oħrajn. Għal dan, l-Awtorità tas-Sorveljanza Finanzjarja għamlet ir-regoli tagħha dwar id-definizzjoni ta’ telf probabbli mis-self kif ukoll dwar il-valutazzjoni ta’ propjetà immobbli aktar stretti. Sabiex tikseb valutazzjoni uniformi tal-holdings ta’ propjetà immobbli tal-banek li japplikaw għall-appoġġ, l-Awtorità tas-Sorveljanza Finanzjarja waqqfet Bord tal-Valutazzjoni ma’ esperti tal-propjetà immobbli. Il-valuri baxxi tas-suq assenjati lill-assi fil-proċess ta’ diliġenza debita, b’mod effettiv għenu biex jistabbilixxu limitu minimu għall-valuri tal-assi. Minħabba li l-parteċipanti fis-suq ma stennewx li l-prezzijiet kienu se jaqgħu taħt dan il-livell, seta’ jitkompla n-negozju (2). Aktar fit-tul, iż-żewġ korporazzjonijiet tal-ġestjoni tal-assi tal-banek irriżultaw bħala suċċess fis-sens li l-ispiża baġitarja tal-appoġġ għas-sistema finanzjarja kienet tista’ tgħid ibbilanċjata mid-dħul riċevut mill-korporazzjonijiet tal-ġestjoni tal-assi tal-banek, mil-likwidazzjoni tal-assi li kellhom f’idejhom.
Fi Franza, fis-snin disgħin inħoloq korp pubbliku li jgawdi minn garanzija Statali istituzzjonali mingħajr limitu sabiex jieħu f’idejh u jillikwida matul iż-żmien l-assi ħżiena tal-Credit Lyonnais. Il-bank ħażin iffinanzja l-akkwist tal-assi permezz ta’ self mill-Credit Lyonnais. Dan tal-aħħar, għalhekk, seta’ jevita l-irreġistrar tat-telf fuq l-assi u jillibera l-kapital għal ammont ekwivalenti ta’ assi bil-piż differenzjat skont ir-riskju, ladarba s-self lill-bank ħażin seta’ jgawdi minn piż tar-riskju ta’ 0 % fid-dawl tal-garanzija mill-Istat. Il-Kummissjoni Ewropea approvat il-bank ħażin bħala għajnuna għar-ristrutturar. Karatteristika tal-mudell kienet is-separazzjoni ċara bejn il-bank tajjeb u dak ħażin sabiex ikunu evitati l-kunflitti ta’ interess u l-klawsola ‘de retour à meilleure fortune’ dwar il-qligħ tal-bank tajjeb għall-benefiċċju tal-Istat. Wara ftit snin, il-bank kien privatizzat b’suċċess. Madankollu, it-trasferiment tal-assi lill-bank ħażin skont il-valur kontabbli ħares lill-azzjonisti mir-responsabbiltà għat-telf u implika spiża għolja għall-Istat matul iż-żmien.
Madwar sentejn wara, fl-Italja, il-Banco di Napoli kien maqsum f’bank ħażin u bank tajjeb wara l-assorbiment tat-telf mill-azzjonisti eżistenti u rikapitalizzazzjoni mit-Teżor sal-limitu meħtieġ biex il-bank jibqa’ jopera. Banco di Napoli ffinanzja l-akkwist mill-bank ħażin tal-assi skontati iżda xorta waħda indeboliti permezz ta’ self issussidjat tal-Bank Ċentrali kontro-garantit mit-Teżor. Il-bank imnaddaf ġie pprivatizzat sena wara. La fil-każ tal-Credit Lyonnais u lanqas f’dak ta’ Banco di Napoli ma kien hemm nefqa baġitarja immedjata għat-Teżor għall-akkwist tal-assi ħżiena, minbarra l-forniment ta’ kapital għall-banek.
Forma limitata ta’ bank ħażin intużat reċentament mill-Ġermanja sabiex tittratta l-assi ħżiena tal-Landesbanken tagħha. Fil-każ SachsenLB, il-benefiċjarju kien mibjugħ bħala negozju avvjat wara li l-assi ħżiena ta’ madwar EUR 17,5 biljun ġew imqiegħda fi strument apposta (SPV) maħsub sabiex iżomm l-assi sal-maturità. L-ex sidien, il-Land tas-Sassonja, taw garanzija għat-telf għal madwar 17 % tal-valur nominali, li kien meqjus bħala l-massimu assolut ta’ telf possibbli fi stress test (fil-każ bażi kien stmat li t-telf kellu jkun biss ta’ 2 %). Il-proprjetarju l-ġdid ħa f’idejh il-biċċa l-kbira tal-finanzjament mill-ġdid u kopra l-bqija tar-riskju. L-ammont ta’ għajnuna kien mill-inqas jitqies li jasal sal-agħar stima ta’ madwar 4 %. Fil-każ WestLB, portafoll ta’ assi ta’ EUR 23 biljun ġie mgħoddi f’SPV u mgħammar b’garanzija tal-gvern ta’ EUR 5 biljun sabiex jiġi kopert it-telf eventwali u tiġi mħarsal-karta tal-bilanċ mill-aġġustament tal-valur tal-assi skont l-IFRS. Dan ippermetta lil WestLB biex ineħħi l-volatilità tal-assi mill-karta tal-bilanċ tiegħu. Ħlas ta’ garanzija ta’ 0,5 % ngħata lill-Istat. It-tarka tar-riskju għadha qiegħda titħaddem u hija meqjusa bħala għajnuna mill-Istat.
Fl-Isvizzera, il-gvern ħoloq fond ġdid li lilu l-UBS ittrasferixxa portafoll ta’ assi tossiċi li kienu vvalutati minn parti terza qabel it-trasferiment. Biex ikun żgurat il-finanzjament ta’ dan il-fond, l-Isvizzera l-ewwel injettat kapital fil-UBS (fil-forma ta’ noti konvertibbli f’ishma tal-UBS), li l-UBS immedjatament ħassarhom mill-karta tal-bilanċ u ttrasferihom lill-Fond. Il-bqija tal-finanzjament tal-Fond kien assigurat permezz ta’ self mill-Bank Nazzjonali Svizzeru.
Fl-aħħar tas-snin 1990, il-kundizzjonijiet tas-self tal-banek Ċeki lill-korporazzjonijiet kienu laxki ħafna. Il-banek Ċeki sofrew ħsara kbira minħabba dan u fl-aħħar tas-snin 1990 kellhom jiġu salvati mill-gvern. Proċessi kbar ta’ tindif tal-karti tal-bilanċ tal-banek kienu mwettqa sabiex tiġi stabbilita industrija bankarja b’saħħitha.
Fi Frar 1991, il-gvern Ċek ħoloq bank ta’ konsolidazzjoni (Konsolidační banka, KOB), stabbilit sabiex jieħu fuqu self ħażin mis-settur bankarju akkumulat qabel l-1991 - bħal djun li wirtu mill-ekonomija ppjanata ċentralment, speċjalment dawk relatati mal-kummerċ fi ħdan il-blokk Sovjetiku. F’Settembru 2001, il-bank speċjali nbidel f’aġenzija li kellha wkoll tassorbi self ħażin konness ma self “ġdid innovattiv” (speċjalment l-hekk imsejjaħ self tal-privatizzazzjoni, self inadempjenti u self frawdolenti).
Sa mill-1991, il-banek il-kbar kienu meħlusa mis-self ħażin u sa mill-1994 l-enfasi nbidel għal fuq banek iżgħar. B’mod partikolari, il-falliment ta’ Kreditní banka f’Awwissu 1996, u l-paniku bankarju parzjali dwar Agrobanka, ikkawża xi stress lis-sistema bankarja Ċeka. Il-programmi kkonċernati wasslu biss għal żieda temporanja fis-sjieda tal-Istat fil-banek fl-1995, u għal darba oħra fl-1998, minħabba r-revoka tal-liċenzja ta’ Agrobanka. Globalment, is-sehem tal-gvern fl-operazzjonijiet bankarji żdied għal 32 % fi tmiem l-1995 minn 29 % fl-1994.
Barra minn hekk, biex jiġu appoġġjati l-banek iż-żgħar, programm ieħor - il-Programm ta’ Stabbilizzazzjoni - kien approvat fl-1997. Dan essenzjalment kien jikkonsisti f’sostituzzjoni ta’ assi ta’ kwalità baxxa b’likwidità sa massimu ta’ 110 % tal-kapital ta’ kull bank li pparteċipa, permezz tal-akkwist ta’ assi ta’ kwalità baxxa mill-bank minn kumpanija speċjali msejħa Česká finanční, flimkien max-xiri lura sussegwenti tal-ammont residwu ta’ dawn l-assi f’medda ta’ żmien minn 5 sa 7 snin. Sitt banek issieħbu fil-programm, imma ħamsa minn dawn kienu esklużi wara li naqsu milli jikkonformaw mal-kriterji tiegħu u sussegwentement fallew. Għalhekk, il-Programm ta’ Stabbilizzazzjoni ma rnexxiex u twaqqaf.
Sa tmiem l-1998, kienu ngħataw 63 liċenzja bankarja (60 minn dawn qabel tmiem l-1994). Fit-tmiem ta’ Settembru 2000, 41 bank u fergħa ta’ banek barranin komplew joperaw, 16 kienu taħt reġimi straordinarji (8 f’likwidazzjoni, 8 involuti fi proċeduri ta’ falliment), 4 kienu ngħaqdu ma’ banek oħra, u l-liċenzja ta’ bank barrani wieħed kienet ġiet revokata minħabba li dan kien naqas milli jibda l-operazzjonijiet tiegħu. Mit-42 istituzzjoni li kien fadal (inkluża CKA) 15 kienu kkontrollati domestikament u 27 kienu kkontrollati minn barranin, inklużi sussidjarji u fergħat barranin.
F’Mejju 2000 l-Att emendat dwar il-Falliment u l-Likwidazzjoni u l-Att dwar l-Irkanti Pubbliċi saru effettivi, u kellhom l-għan li jaċċelleraw il-proċeduri tal-falliment u jibbilanċjaw id-drittijiet tal-kredituri u d-debituri billi jippermettu lil ditti jew persuni legali speċjalizzati sabiex jaġixxu bħala fiduċjarji fi proċeduri ta’ falliment u billi joffru l-possibbiltà ta’ negozjar ‘il barra mill-qorti.
(1) Ara Bergström, Englund and Thorell (2002) u Heikensten (1998a u b).
(2) Dan b’kuntrast qawwi mal-politika Ġappuniża li tpoġġi valuri għolja wisq fuq l-assi “ħżiena”, li b’hekk iffriżat is-suq tal-propjetà immobbli għal madwar għaxar snin.
ANNESS 3
Id-definizzjoni tal-kategoriji (“gruppi”) ta’ assi eliġibbli u l-iżvelar sħiħ dwar l-assi indeboliti kif ukoll l-attivitajiet kollha tan-negozju ta’ bank
I. ID-DEFINIZZJONI TAL-KATEGORIJI (“GRUPPI”) TA’ ASSI ELIĠIBBLI
Id-definizzjoni tal-gruppi tal-assi finanzjarji indeboliti tal-banek għandhom ikunu d-denominatur komuni bbażat fuq il-kategoriji diġà użati għal:
1. |
rappurtar u valutazzjoni prudenzjali (pilastru 3 ta’ Basel = CRD Anness XII; FINREP u COREP); |
2. |
Rappurtar u valutazzjoni finanzjarji (IAS 39 u IFRS 7 in partikolari); |
3. |
Rappurtar speċjalizzat ad hoc dwar il-kriżi tal-kreditu: ix-xogħol tal-IMF, l-FSF, Roubini u CEBS dwar it-trasparenza. |
L-użu ta’ denominatur komuni ta’ kategoriji eżistenti ta’ rappurtar u valutazzjoni għad-definizzjoni ta’ gruppi ta’ assi ser iwassal sabiex:
— |
jiġi evitat kull piż addizzjonali ta’ rappurtar għall-banek; |
— |
ikun possibbli li jiġi evalwat il-grupp ta’ assi indeboliti ta’ banek individwali skont estimi taż-ŻEE u globali (li jistgħu jkunu rilevanti għad-determinazzjoni tal-“valur ekonomiku” f’punt fiż-żmien); u |
— |
jingħataw punti ta’ tluq oġġettivi (ċċertifikati) għall-valutazzjoni ta’ assi indeboliti. |
Filwaqt li jittieħed kont ta’ dan, l-Awtorità tissuġġerixxi l-gruppi li ġejjin ta’ assi finanzjarji bħala punt ta’ bidu għad-determinazzjoni tal-“valur ekonomiku” u s-salvataġġ tal-assi indeboliti:
Tabella 1
I. Prodotti finanzjarji strutturati/titolizzati |
||||||
|
It-tip ta’ prodott |
Kategorija kontabbli |
Bażi ta’ valutazzjoni għall-iskema |
Kummenti |
||
|
|
|
Valur tas-suq |
Valur Ekonomiku |
Valur tat-Trasferiment |
|
1 |
RMBS |
FVPL/AFS (*) |
|
|
|
Analizzat aktar fid-dettall skont dawn li ġejjin: Żona ġeografika, prijorità tat-tranches, klassifikazzjonijiet, relatati ma’ sub-prime jew Alt-A, jew assi sottostanti oħra, maturità/età, allowances u tħassir mill-kontijiet. |
2 |
CMBS |
FVPL/AFS |
|
|
|
|
3 |
CDO |
FVPL/AFS |
|
|
|
|
4 |
ABS |
FVPL/AFS |
|
|
|
|
5 |
Dejn ta’ kumpaniji |
FVPL/AFS |
|
|
|
|
6 |
Self ieħor |
FVPL/AFS |
|
|
|
|
|
|
|
Total |
|
|
|
II. Self mhux titolizzat |
||||||
|
It-tip ta’ prodott |
Kategorija kontabbli |
Bażi ta’ valutazzjoni għall-iskema |
Kummenti |
||
|
|
|
Cost (**) |
Valur ekonomiku |
Valur tat-trasferiment |
|
7 |
Ta’ kumpaniji |
HTM/L&R (*) |
Cost (**) |
|
|
Analiżi aktar fid-dettall dwar: żona ġeografika, riskju tal-kontroparti (PD), mitigazzjoni tar-riskju tal-kreditu (kollateral) u strutturi tal-maturità; allowances u tħassir. |
8 |
Djar |
HTM/L&R |
Cost |
|
|
|
9 |
Oħrajn personali |
HTM/L&R |
Cost |
|
|
|
|
|
|
Total |
|
|
|
II. ŻVELAR SĦIĦ DWAR ASSI INDEBOLITI U L-ATTIVITAJIET TAN-NEGOZJU RELATATI
Fuq il-bażi ta’ dawn il-gruppi ta’ assi, l-informazzjoni pprovduta dwar l-assi indeboliti ta’ bank li għandhom jiġu koperti minn miżura ta’ salvataġġ tal-assi għandha tiġi ppreżentata bi grad ogħla ta’ granularità kif issuġġerit fil-kolonna tal-kummenti tat-Tabella 1.
Fuq il-bażi ta’ prassi tajba osservata mill-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej (1) (CEBS) għal żvelar fuq attivitajiet affettwati mit-taqlib fis-swieq, l-informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-bank relatati mal-assi indeboliti li tipprovdi inputs għall-analiżi tal-vijabbiltà msemmija fit-taqsima 5.1 tista’ tkun strutturata kif ġej:
Tabella 2
Prattiċi tajba osservati CEBS |
Senior Supervisors Group (SSG): Komunikazzjoni ta’ Informazzjoni dwar l-Aħjar Prattiċi |
||||||||||||||||||||
Mudell tan-negozju Deskrizzjoni tal-mudell tan-negozju (jiġifieri tar-raġunijiet li għalihom isiru l-attivitajiet u tal-kontribuzzjoni għall-proċess tal-ħolqien tal-valur) u, jekk applikabbli, tal-bidliet li jsiru (pereżempju b’riżultat tal-kriżi). Deskrizzjoni tal-istrateġiji u l-objettivi. Deskrizzjoni tal-importanza tal-attivitajiet u l-kontribuzzjoni għan-negozju (inkluża diskussjoni f’termini kwantitattivi). Deskrizzjoni tat-tip ta’ attivitajiet inkluża deskrizzjoni tal-istrumenti flimkien mal-funzjonament tagħhom u l-kriterji tal-kwalifika li l-prodotti/investimenti jridu jissodisfaw. Deskrizzjoni tar-rwol u d-dimensjoni tal-involviment tal-istituzzjoni, jiġifieri l-impenji u l-obbligazzjonijiet. |
Attivitajiet (SPE). (***) In-natura tal-iskopertura (promotur, likwidità u/jew fornitur tat-tisħiħ tal-kreditu) (SPE). Diskussjoni kwalitattiva tal-politika (LF). |
||||||||||||||||||||
Riskji u ġestjoni tar-riskju Deskrizzjoni tan-natura u d-dimensjoni tar-riskji fir-rigward tal-attivitajiet u l-istrumenti. Deskrizzjoni tal-prattiċi tal-ġestjoni tar-riskju ta’ relevanza għall-attivitajiet, u d-dgħufijiet identifikati u kull miżura korrettiva li tittieħed sabiex tindirizzahom. Fil-kriżi kurrenti, għandha tingħata attenzjoni partikolari għar-riskju tal-likwidità. |
|
||||||||||||||||||||
Impatt tal-kriżi fuq ir-riżultati Deskrizzjonijiet kwalitattivi u kwantitattivi tar-riżultati, b’enfasi fuq it-telf (fejn applikabbli) u t-tniżżil li jkollu impatt fuq ir-riżultati. Analiżi tat-tniżżil/telf skont it-tipi ta’ prodotti u strumenti affettwati mill-kriżi (CMBS, RMBS, CDO, ABS u LBO, imqassma wkoll skont il-kriterji differenti). Deskrizzjoni tar-raġunijiet u l-fatturi responsabbli għall-impatt. Tqabbbil ta’ i) l-impatti bejn il-perjodi (relevanti) u ta’ ii) bilanċi tad-dikjarazzjoni tad-dħul qabel u wara l-impatt tal-kriżi. Tqassim tat-tniżżil bejn ammonti realizzati u ammonti mhux realizzati. Deskrizzjoni tal-influwenza li l-kriżi kellha fuq il-prezz tal-ishma tad-ditta. Żvelar tar-riskju massimu tat-telf u deskrizzjoni ta’ kif is-sitwazzjoni tal-istituzzjoni tista’ tiġi affettwata minn tnaqqis ekonomiku ulterjuri jew minn irkupru tas-suq. Żvelar tal-impatt tal-movimenti tal-firxa tal-kreditu għall-obbligazzjonijiet fuq ir-riżultati u fuq il-metodi użati sabiex jiġi ddeterminat dan l-impatt. |
Bidla fl-iskopertura mill-perjodu ta’ qabel, inkluż bejgħ u tniżżil (CMB/LF) |
||||||||||||||||||||
Livelli u tipi ta’ skopertura Ammont nominali (jew spiża amortizzata) u valuri ġusti tal-iskoperturi pendenti. Informazzjoni dwar il-protezzjoni tal-kreditu (pereżempju permezz ta’ credit default swaps) u l-effett tagħha fuq l-iskoperturi. Informazzjoni dwar in-numru ta’ prodotti Żvelar granulari ta’ skoperturi b’analiżijiet ipprovduti skont:
Skedi ta’ moviment tal-iskoperturi bejn perjodi relevanti ta’ rappurtar u r-raġunijiet sottostanti (bejgħ, disponimenti, xiri eċċ). Diskussjoni dwar l-iskoperturi li ma ġewx ikkonsolidati (jew li ġew rikonoxxuti matul il-kriżi) u r-raġunijiet relatati. Skopertura għal assiguraturi monoline u l-kwalità tal-assi assigurati:
|
Daqs tal-istrument imqabbel mal-iskopertura totali tal-impriża (SPE/CDO). Kollateral: tip, tranches, klassifikazzjoni tal-kreditu, distribuzzjoni ġeografika, maturità medja, data tal-ħruġ (SPE/CDO/CMB/LF). Koperturi, inklużi skoperturi għal monolines, kontropartijiet oħra (CDO). Affidabbiltà tal-kreditu tal-kontropartijiet tal-kopertura (CDO). Self sħiħ, RMBS, derivattivi, oħrajn (O). Dettalji dwar il-kwalità tal-kreditu (bħall-klassifikazzjoni tal-kreditu, il-proporzjonijiet tas-self mal-valur, kejl tal-prestazzjoni) (O). Bidla fl-iskopertura mill-perjodu ta’ qabel, inkluż bejgħ u tniżżil (CMB/LF) Distinzjoni bejn l-istrumenti konsolidati u dawk mhux konsolidati. Raġuni għall-konsolidazzjoni (jekk applikabbli) (SPE). Skopertura finanzjata u impenji mhux finanzjati (LF). |
||||||||||||||||||||
Politiki kontabbli u kwistjonijiet tal-valutazzjoni Klassifikazzjoni tat-tranżazzjonijiet u l-prodotti strutturati għall-finijiet tal-kontabbiltà u t-trattament kontabbli relatat. Konsolidament tal-SPE u mezzi oħra (bħall-VIE) u rikonċiljazzjoni ta’ dawn mal-prodotti strutturati affettwati mill-kriżi tas-self ta’ kwalità baxxa. Komunikazzjoni dettaljata tal-valuri ġusti tal-istrumenti finanzjarji:
Komunikazzjoni ta’ tekniki tal-immudellar użati għall-valutazzjoni tal-istrumenti finanzjarji, inklużi diskussjonijiet dwar dan li ġej:
|
Metodoloġiji tal-valutazzjoni u elementi determinanti prinċipali (CDO). Aġġustamenti tal-valutazzjoni tal-kreditu għal kontropartijiet speċifiċi (CDO). Sensittività tal-valutazzjoni għal tibdiliet fil-preżunzjonijiet u l-inputs ewlenin (CDO). |
||||||||||||||||||||
Aspetti oħra tal-iżvelar Deskrizzjoni tal-politika dwar l-iżvelar u l-prinċipji li huma użati għall-iżvelar u għar-rappurtar finanzarju. |
|
||||||||||||||||||||
Kwistjonijiet ta’ preżentazzjoni Żvelar relevanti sabiex jiġi mifhum l-involviment ta’ istituzzjoni f’ċerta attività għandu kemm jista’ jkun jingħata f’post wieħed. Fejn l-informazzjoni hija maqsuma bejn partijiet jew sorsi differenti, għandhom jiġu pprovduti r-referenzi sabiex il-qarrej interessat ikun jista’ jsib trieqtu bejn il-partijiet differenti. L-iżvelar f’forma ta’ kliem għandu jkun kemm jista’ jkun issupplimentat b’tabelli u taqsiriet illustrattivi sabiex tiżdied iċ-ċarezza. L-Istituzzjonijiet għandhom jassiguraw li t-terminoloġija użata sabiex jiġu deskritti strumenti finanzjarji u tranżazzjonijiet kumplessi tkun akkumpanjata minn spjegazzjonijiet ċari u adegwati. |
|
(*) FVPL = Valur ġust permezz ta’ qligħ u telf = portafoll tan-negozju + għażla tal-valur ġust); AFS = disponibbli għall-bejgħ, HTM = Miżmum sal-maturità, L&R = self u riċevibbli.
(**) Valur oriġinali jfisser l-ammont kontabbli tas-self bl-indeboliment imnaqqas minnu.
(1) Sors: Ir-rapport tas-CEBS (Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej) dwar it-trasparenza tal-banek dwar l-attivitajiet u l-prodotti affettwati mit-taqlib riċenti fis-suq, 18 ta’ Ġunju 2008.
(***) Fir-Rapport SSG, kull karatteristika tirreferi għal tip speċifiku ta’ SPE, jew għalihom kollha bħala ħaġa waħda, li huma dawn li ġejjin: SPE (Entitajiet bi Skop Speċifiku b’mod ġenerali), LF (Finanzjament b’Self), CMB (Titoli Kummerċjali Appoġġjati minn Ipoteki), O (Skoperturi oħra sub-prime u Alt-A), CDO (Obbligi ta’ Dejn Kollateralizzat).
ANNESS 4
PRINĊIPJI U PROĊESSI TA’ VALUTAZZJONI U PPREZZAR
I. Metodoloġija u proċedura tal-valutazzjoni
Għall-iskopijiet tal-miżuri, l-assi għandhom jiġu kklassifikati skont it-tabelli illustrattivi 1 u 2 fl-Anness 3.
Id-determinazzjoni tal-valur ekonomiku reali fis-sens ta’ dan il-Kapitolu tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat tal-Awtorità (ara taqsima 5.5) għandha tkun ibbażata fuq inputs osservabbli tas-suq u ipoteżijiet prudenti u realistiċi dwar il-flussi futuri tal-flus.
Il-metodu ta’ valutazzjoni li għandu jiġi applikat għal assi eliġibbli għandu jiġi miftiehem fil-livell taż-ŻEE u jista’ jvarja skont l-assi individwali jew gruppi ta’ assi kkonċernati. Kull meta jkun possibbli, din il-valutazzjoni għandha terġa’ tiġi evalwata b’referenza għas-suq f’intervalli regolari matul il-ħajja tal-assi.
Fil-passat, diversi għażliet ta’ valutazzjoni ġew applikati tista’ tgħid b’suċċess. Proċeduri sempliċi ta’ reverse auction kienu utli fil-każ ta’ kategoriji ta’ assi fejn hemm ċertezza raġonevoli dwar il-valuri tas-suq. Madankollu, dan l-approċċ falla fil-valutazzjoni ta’ assi aktar kumplessi fl-Istati Uniti. Proċeduri ta’ irkant aktar sofistikati huma iktar adattati fejn hemm inqas ċertezza dwar il-valuri tas-suq u jkun meħtieġ metodu aktar eżatt ta’ skoperta tal-prezzijiet ta’ kull assi. Sfortunatament, l-istruttura tagħhom mhix ċara. L-alternattiva ta’ kalkoli bbażati fuq il-mudelli għall assi kumplessi tippreżenta l-inkonvenjent li hija sensittiva għall-ipoteżijiet sottostanti (1).
L-għażla tal-applikazzjoni ta’ tnaqqis uniformi fil-valutazzjoni għall-assi kumplessi kollha tissimplifika l-proċess ta’ valutazzjoni ġenerali, għalkemm tirriżulta f’ipprezzar anqas preċiż tal-assi individwali. Il-banek ċentrali għandhom esperjenza sostanzjali dwar kriterji u parametri possibbli għal kollateral mirhun għal finanzjament mill-ġdid, li tista’ sservi ta’ referenza utli.
Hu x’inhu l-mudell magħżul, il-proċess ta’ valutazzjoni u partikolarment il-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ telf fil-futur għandu jkun ibbażat fuq stress-testing rigoruż fuq il-bażi ta’ riċessjoni globali fit-tul.
Il-valutazzjoni għandha tkun ibbażata fuq standards u kejl rikonoxxuti internazzjonalment. Metodoloġija komuni ta’ valutazzjoni miftehma fil-livell taż-ŻEE u implimentata b’mod konsistenti mill-Istati taż-ŻEE tista’ tikkontribwixxi ħafna biex jitnaqqas it-tħassib dwar it-theddid għal ambjent ekwu għan-negozju li jirriżulta mill implikazzjonijiet potenzjalment sinifikanti ta’ sistemi ta’ valutazzjoni diskrepanti. Meta tevalwa l-metodi ta’ valutazzjoni mressqa mill-Istati tal-EFTA għall-miżuri ta’ salvataġġ tal-assi, l-Awtorità, fil-prinċipju, tista’ tikkonsulta esperti tal-valutazzjoni (2).
II. L-ipprezzar tas-sostenn mill-Istat fuq il-bażi tal-valutazzjoni
Il-valutazzjoni tal-assi għandha tkun distinta mill-ipprezzar ta’ miżura ta’ sostenn. Xiri jew assigurazzjoni fuq il-bażi tal-valur stabbilit tas-suq jew il-‘valur ekonomiku reali’, li jqisu l-projezzjonijiet tal-flussi futuri tal-flus fuq bażi ta’ żamma sal-maturità, fil-prattika ta’ sikwit jeċċedi l-kapaċitajiet preżenti tal-banek benefiċjarji għall-qsim tal-piżijiet (3). L-objettiv tal-ipprezzar għandu jkun ibbażat fuq valur tat-trasferiment li jkun qrib kemm jista’ jkun għall-valur ekonomiku reali identifikat. Filwaqt li jimplika vantaġġ meta mqabbel mal-valur tas-suq preżenti u għaldaqstant għajnuna mill-Istat, l-ipprezzar fuq il-bażi tal-“valur ekonomiku reali” jista’ jiġi perċepit bħala kontrobilanċ għall-esaġerazzjonijiet tas-suq alimentati mill-kundizzjonijiet attwali ta’ kriżi li wasslu għad-deterjorament jew saħansitra għall-kollass ta’ ċerti swieq. Akbar ma tkun kbira kwalunkwe devjazzjoni tal-valur tat-trasferiment mill-“valur ekonomiku reali”, u għalhekk l-ammont ta’ għajnuna, iktar ikun hemm il-ħtieġa għal miżuri ta’ rimedju biex jiżguraw prezzar preċiż matul iż-żmien (pereżempju, permezz ta’ klawsoli “better fortune”) u għal ristrutturar aktar fil-fond. Id-devjazzjoni ammissibbli mir-riżultat tal-valutazzjoni għandha tkun aktar ristretta għall-assi li l-valur tagħhom jista’ jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ input affidabbli tas-suq milli għal dawk li għalihom is-swieq mhumiex likwidi. In-nuqqas ta’ konformità ma’ dawn il-prinċipji jirrappreżenta indikatur qawwi għall-ħtieġa ta’ ristrutturar u ta’ miżuri ta’ kumpens wiesa’ jew saħansitra stralċ b’mod ordnat.
Fi kwalunkwe każ, l-ipprezzar ta’ kull salvataġġ tal-assi għandu jinkludi remunerazzjoni għall-Istat li tqis b’mod adegwat ir-riskji ta’ telf futur li jeċċedi dak li huwa pproġettat fid-determinazzjoni tal-“valur ekonomiku reali” u kull riskju addizzjonali li jirriżulta minn valur tat-trasferiment ogħla mill-valur ekonomiku reali.
Dan il-ħlas jista’ jiġu pprovdut permezz tal-iffissar tal-prezz ta’ trasferiment tal-assi taħt il-“valur ekonomiku reali” sa livell suffiċjenti sabiex jipprovdi għal kumpens xieraq għar-riskju fil-forma ta’ potenzjal ta’ qligħ proporzjonat, jew billi tiġi adattata l-miżata tal-garanzija b’mod xieraq.
L-identifikazzjoni tal-mira għar-rendita meħtieġa tista’ tkun ‘ispirata’ mir-remunerazzjoni li kieku kienet tkun meħtieġa għal miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni sal-limitu tal-effett tal-kapital tas-salvataġġ tal-assi propost. Dan għandu jkun konformi mal-Kapitolu tal-Linji Gwida tal-Awtorità dwar l-Għajnuna mill-Istat dwar ir-rikapitalizzazzjoni tal-banek, filwaqt li jqis il-karatteristiċi speċifiċi tal-miżuri tas-salvataġġ tal-assi u partikolarment il-fatt li dawn jistgħu jinvolvu skopertura ogħla mill-injezzjonijiet tal-kapital (4).
Is-sistema ta’ pprezzar tista’ wkoll tinkludi warrants għall-ishma fil-banek ugwali għall-valur għall-assi (li jimplika li prezz ogħla mħallas jirriżulta f’sehem ta’ ekwità potenzjali ogħla). Mudell wieħed għal sistema ta’ pprezzar bħal din jista’ jkun xenarju ta’ xiri ta’ assi, fejn dawn il-warrants jingħataw lura lill-bank ladarba l-assi jinbiegħu mill-bank ħażin u jekk huma jkunu ġabu r-rendita neċessarja maħsuba. Jekk l-assi ma jġibux din ir-rendita, il-bank għandu jħallas id-differenza fi flus biex tintlaħaq ir-rendita maħsuba. Jekk il-bank ma jħallasx dawn il-flus, l-Istat ibigħ il-warrants sabiex tintlaħaq ir-rendita maħsuba.
F’xenarju ta’ garanzija tal-assi, il-miżata għall-garanzija tista’ titħallas fil-forma ta’ ishma, b’imgħax kumulattiv fiss li jirrappreżenta r-rendita maħsuba. Fejn ikun meħtieġ li tittieħed il-garanzija, l-Istat tal-EFTA jista’ juża l-warrants sabiex jakkwista ishma li jikkorrispondu għall-ammonti li kellhom jiġu koperti mill-garanzija.
Kwalunkwe sistema ta’ pprezzar ikollha tiżgura li l-kontribut kumplessiv tal-banek benefiċjarji jnaqqas l-intervent nett mill-Istat għall-minimu neċessarju.
(1) Fi kwalunkwe każ, irkant ikun possibbli biss għal klassijiet omoġeni ta’ assi u fejn ikun jeżisti numru kbir biżżejjed ta’ bejjiegħa potenzjali. Minbarra dan, ikun jinħtieġ li jiġi introdott prezz ta’ riżerva sabiex tiġi assigurata l-protezzjoni tal-interessi tal-Istat u mekkaniżmu ta’ claw back għal li jista’ jkun it-telf finali jeċċedi l-prezz ta’ riżerva, sabiex tiġi assigurata kontribuzzjoni suffiċjenti mill-bank benefiċjarju. Sabiex jiġu evalwati dawn il-mekkaniżmi, għandhom jitressqu xenarji komparattivi b’alternattivi u skemi ta’ garanzija/xiri, inklużi stress tests, sabiex tiġi garantita l-ekwivalenza finanzjarja globali tagħhom.
(2) L-Awtorità se tuża l-opinjoni ta’ dawn l-esperti tal-valutazzjoni b’mod simili għal proċedimenti oħra tal-għajnuna mill-Istat, fejn tista’ tirrikorri għal kompetenzi esperti esterni.
(3) Ara t-taqsima 5.2 ta’ dawn il-linji gwida.
(4) F’xenarju ta’ garanzija ta’ assi, ikollu jitqies ukoll li f’kuntrast mal-miżuri tar-rikapitalizzazzjoni, ma tiġi pprovduta l-ebda likwidità.
ANNESS 5
PROĊEDURA TAL-GĦAJNUNA MILL-ISTAT
Stati tal-EFTA li jinnotifikaw miżuri ta’ salvataġġ tal-assi għandhom jipprovdu lill-Awtorità b’tagħrif sħiħ u ddettaljat dwar l-elementi kollha relevanti għall-valutazzjoni tal-miżuri ta’ appoġġ pubbliku taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat kif stabbiliti f’dan il-Kapitolu tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat (1). Dan jinkludi b’mod partikolari deskrizzjoni dettaljata tal-metodoloġija tal-valutazzjoni u l-implimentazzjoni ppjanata tagħha bl-involviment ta’ esperti terzi indipendenti (2). L-approvazzjoni tal-Awtorità tingħata għal perjodu ta’ 6 xhur, u kundizzjonalment fuq l-impenn li jiġi ppreżentat jew pjan ta’ ristrutturar jew analiżi tal-vijabbiltà għal kull istituzzjoni benefiċjarja fi żmien 3 xhur mill-adeżjoni tagħha mal-programm tas-salvataġġ tal-assi.
Fejn bank jingħata għajnuna kemm bħala miżura individwali jew taħt skema approvata ta’ salvataġġ tal-assi, l-Istat tal-EFTA għandu jipprovdi lill-Awtorità, l-aktar tard fin-notifika individwali dwar il-pjan ta’ ristrutturar jew l-analiżi tal-vijabbiltà, b’informazzjoni dettaljata dwar l-assi koperti u l-valutazzjoni fil-waqt li tali għajnuna individwali hija mogħtija, kif ukoll ir-riżultati ċertifikati u validati tal-iżvelar ta’ indebolimenti li jikkonċernaw l-assi koperti mill-miżura ta’ salvataġġ (3). L-analiżi sħiħa tal-attivitajiet u tal-karta tal-bilanċ tal-bank għandha tiġi pprovduta kemm jista’ jkun malajr biex jinbdew diskussjonijiet dwar il-karattru xieraq u l-firxa tar-ristrutturar kmieni biżżejjed qabel il-preżentazzjoni formali ta’ pjan ta’ ristrutturar bil-għan li jiġi aċċellerat il-proċess u li tiġi pprovduta ċarezza u ċertezza legali kemm jista’ jkun malajr.
Għall-banek li diġà bbenefikaw minn forom oħra ta’ għajnuna mill-Istat, kemm jekk tkun taħt skemi ta’ garanzija approvata, skambji ta’ assi jew ta’ rikapitalizzazzjoni jew miżuri individwali, kwalunkwe għajnuna mogħtija taħt l-skema ta’ salvataġġ tal-assi għandha tiġi rrappurtata l-ewwel taħt l-obbligi eżistenti ta’ rappurtar sabiex l-Awtorità jkollha stampa sħiħa ta’ miżuri ta’ salvataġġ mill-Istat multipli li jibbenefika minnhom destinatarju tal-għajnuna u tkun tista’ tapprezza aħjar l-effikaċja tal-miżuri ta’ qabel u l-kontribuzzjoni li l-Istat tal-EFTA jipproponi li jintroduċi fl-evalwazzjoni globali.
l-Awtorità għandha terġa’ tevalwa l-għajnuna mogħtija taħt approvazzjoni temporanja fid-dawl tal-adegwatezza tar-ristrutturar propost u l-miżuri ta’ rimedju (4), u għandha tieħu pożizzjoni dwar il-kompatibbiltà tagħha għal żmien itwal minn 6 xhur permezz ta’ deċiżjoni ġdida.
L-Istati tal-EFTA għandhom jipprovdu wkoll rapport lill-Awtorità kull sitt xhur dwar il-funzjonament tal-programm ta’ salvataġġ tal-assi u dwar l-iżvilupp tal-pjanijiet ta’ ristrutturar tal-banek. Fejn l-Istat tal-EFTA diġà huwa soġġett għal obbligu ta’ rrapurtar għal forom oħra ta’ għajnuna lill-banek tiegħu, rapport bħal dan għandu jiġi kkumplimentat bl-informazzjoni meħtieġa dwar il-miżuri ta’ salvataġġ tal-assi u l-pjanijiet ta’ ristrutturar tal-banek.
(1) Huwa inkoraġġit li jsir kuntatt qabel in-notifika.
(2) Ara t-taqsima 5.5 aktar ’il fuq u l-Anness 4.
(3) Ittra mill-kap tal-awtorità tas-superviżjoni li tiċċertifika r-riżultati dettaljati għandha tiġi pprovduta.
(4) Sabiex jiġi ffaċilitat ix-xogħol tal-Istati tal-EFTA u l-Awtorità, l-Awtorità se tkun ippreparata li teżamina notifiki miġbura flimkien ta’ każijiet simili ta’ ristrutturar/stralċ. L-Awtorità tista’ tikkunsidra li m’hem l-ebda ħtieġa li jitressaq pjan għall-istralċ pur ta’ istituzzjoni, jew fejn id-daqs tal-istituzzjoni huwa negliġibbli.