8.5.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 113/18


Azzjoni meħuda fil-21 ta' Frar 2008 mill-Awtorità ta' Sorveljanza ta' l-EFTA kontra r-Repubblika ta' l-Iżlanda

(Kawża E-2/08)

(2008/C 113/15)

Fil-21 ta' Frar 2008 fil-Qorti ta' l-EFTA ttieħdet azzjoni kontra r-Repubblika ta' l-Iżlanda mill-Awtorità ta' Sorveljanza ta' l-EFTA, irrappreżentata minn Niels Fenger u Florence Simonetti, li aġixxew bħala aġenti.

L-Awtorità ta' Sorveljanza ta' l-EFTA titlob lill-Qorti ta' l-EFTA li:

(1)

Tiddikjara li minħabba li naqset li tadotta jew li tinnotifika lill-Awtorità bil-miżuri neċessarji biex jiġi implimentat l-Att imsemmi fit-tieni inċiż tal-punt 1a tal-Kapitolu XXIV ta' l-Anness II tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (id-Direttiva 2004/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 li temenda d-Direttiva 97/68/KE dwar l-approssimazzjoni tal-ligijiet ta' l-Istati Membri fir-rigward tal-miżuri kontra l-emissjoni ta' inkwinanti ta' gass u partikolati minn magni tal-kombustjoni interna li għandhom jigu installati f'makkinarju mobbli mhux tat-triq), kif adattata mill-Ftehim taż-ŻEE permezz tal-Protokoll 1, fiż-żmien stipulat, ir-Repubblika ta' l-Iżlanda naqset li twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 3 ta' dak l-Att u l-Artikolu 7 ŻEE, u

(2)

Tordna lir-Repubblika ta' l-Iżlanda biex tħallas l-ispejjeż tal-proċedimenti.

Sfond legali u fattwali u eċċezzjonijiet miġjuba bħala prova:

Il-każ preżenti jikkonċerna n-nuqqas ta' implimentazzjoni ta' direttiva dwar il-ħarsien ta' l-ambjent.

L-Awtorità ta' Sorveljanza ta' l-EFTA ssostni li l-Gvern ta' l-Iżlanda ma pprovda l-ebda indikazzjoni li d-direttiva ġiet implimentata fil-liġi Iżlandiża.

L-Awtorità ta' Sorveljanza ta' l-EFTA ssostni li l-Gvern ta' l-Iżlanda ma kkontestax il-fatt li ma implimentax id-direttiva.