17.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 180/20


Emendi għar-regoli tal-proċedura tal-Qorti ta' l-EFTA adottati mill-Qorti fl-20 ta' Settembru 2007 u approvati mill-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-EFTA

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(2008/C 180/12)

Il-QORTI TA' L-EFTA,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim bejn l-Istati ta' l-EFTA dwar it-Twaqqif ta' Awtorità tas-Sorveljanza u l-Qorti tal-Ġustizzja, iffirmat f'Oporto fit-2 ta' Mejju 1992 u, b'mod partikolari, l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Protokoll 5 tal-Ftehim bejn l-Istati ta' l-EFTA dwar it-Twaqqif ta' Awtorità tas-Sorveljanza u l-Qorti tal-Ġustizzja, dwar l-Istatut tal-Qorti, u b'mod partikolari, l-Artikolu 43 tiegħu,

ADOTTAT ID-DEĊIŻJONI LI ĠEJJA LI TEMENDA R-REGOLI TAL-PROĊEDURA TAGĦHA:

Artikolu 1

1.   L-Artikolu 31(1) għandu jiġi emendat kif ġej:

“1.   Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tal-fehma li l-imġiba ta' konsulent jew avukat lejn il-Qorti, Imħallef jew ir-Reġistratur tmur kontra d-dinjità tal-Qorti jew kontra l-eżiġenzi ta' l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jew li dan il-konsulent jew avukat qed juża d-drittijiet tiegħu għal finijiet differenti minn dawk li għalihom ingħataw dawn id-drittijiet, hija għandha tinforma b'dan lill-parti interessata. Jekk il-Qorti tinforma lill-awtoritajiet kompetenti li għalihom hija suġġetta l-parti interessata, hija għandha tibgħat kopja ta' l-ittra indirizzata lil dawn l-awtoritajiet lill-parti interessata.

Il-Qorti tista', għall-istess raġunijiet, f'kull ħin u wara li tisma' lill-parti interessata, teskludi lill-parti interessata mill-proċedimenti permezz ta' digriet. Dan id-digriet għandu jkollu effett immedjat.”

2.   L-Artikolu 32(5) għandu jitħassar.

3.   L-Artikolu 32(6) għandu jsir l-Artikolu 32(5) u għandu wkoll jigi emendat kif gej:

“5.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi preċedenti ta' dan l-Artikolu, id-data li fiha kopja ta' l-oriġinal iffirmat ta' att tal-proċedura — inkluża n-nota li telenka l-atti prevista fil-paragrafu 3 — tasal fir-Reġistru permezz ta' faks jew permezz ta' kull mezz tekniku ieħor ta' komunikazzjoni użat mill-Qorti, għandha tiġi meqjusa bħala d-data tal-preżentata għall-finijiet ta' l-osservanza tat-termini tal-proċedimenti, sakemm l-oriġinal ta' l-att iffirmat, flimkien ma' l-annessi u l-kopji previsti fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, jiġi ddepożitat fir-Reġistru sa mhux aktar tard minn għaxart'ijiem wara.

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 u tal-paragrafi 2 sa 4, il-Qorti tista', permezz ta' deċiżjoni, tistabbilixxi l-kriterji li skondhom att ta' proċedura trażmess lir-Reġistru b'mezz elettroniku jitqies bħala l-oriġinal ta' dan il-att. Din id-deċiżjoni għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.”

4.   L-Artikolu 33(2) għandu jiġi emendat kif ġej:

“2.   Għall-finijiet tal-proċedura, ir-rikors għandu jinkludi indirizz għan-notifika fil-post fejn il-Qorti għandha s-sede tagħha u l-isem tal-persuna li ġiet awtorizzata u li aċċettat li tirċievi n-notifiki kollha.

Minbarra, jew minflok, l-indikazzjoni ta' l-indirizz għan-notifika prevista fl-ewwel subparagrafu, ir-rikors jista' jispeċifika li l-avukat jew l-aġent jaċċetta li n-notifiki jsirulu permezz ta' faks jew permezz ta' kull mezz tekniku ieħor ta' komunikazzjoni.

Jekk ir-rikors ma jkunx konformi mal-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi, in-notifiki kollha, għal finijiet tal-proċedura, għandhom isiru lill-parti kkonċernata permezz ta' ittra reġistrata indirizzata lill-aġent jew lill-avukat tal-parti sakemm dan in-nuqqas ma jkunx ġie rregolarizzat. B'deroga għall-Artikolu 79(1), in-notifika għandha tiġi meqjusa li saret debitament bid-depożitu ta' l-ittra reġistrata fl-uffiċċju postali tal-post fejn il-Qorti għandha s-sede tagħha.”

5.   L-Artikolu 35(1) għandu jiġi emendat kif ġej:

5.“1.   Fi żmien xahar min-notifika tar-rikors, il-konvenut għandu jippreżenta risposta tad-difiża li għandha tiddikjara:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-konvenut;

(b)

l-argumenti ta' fatt u ta' dritt mressqa;

(c)

it-talbiet tal-konvenut;

(d)

in-natura tal-provi li jkun ser iressaq.

Id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 33(2)sa (6) huma applikabbloi għad-difiża.”

6.   Dan li ġej għandu jiżdied mar-Regoli bħala l-Kapitolu 3a:

“Kapitolu 3a

FUQ IL-PROĊEDURI MĦAFFA

Artikolu 59 a

1.   Fuq talba tar-rikorrent jew tal-konvenut, il-President jista', f'każijiet eċċezzjonali, fuq rakkomandazzjoni ta' l-Imħallef Relatur u wara li tinstema' l-kontroparti, jiddeċiedi li l-kawża tiġi deċiża permezz ta' proċedura mħaffa li tidderoga mid-dispożizzjonijiet ta' dawn ir-Regoli, u dan meta l-urġenza partikolari tal-kawża teżiġi li l-Qorti tiddeċiedi fl-inqas żmien possibbli.

Talba sabiex il-kawża tiġi deċiża permezz tal-proċedura mħaffa għandha tiġi ppreżentata b'att separat flimkien mal-preżentata tar-rikors promotur tal-kawża jew tar-risposta, skond il-każ.

2.   Fil-każ li tiġi applikata l-proċedura mħaffa, ir-rikors promotur u r-risposta ma jistgħux jiġu segwiti b'replika u b'kontroreplika ħlief jekk il-President jidhirlu li dan huwa neċessarju.

L-intervenjent jista' biss jippreżenta sottomissjonijiet ta' l-intervent ħlief jekk il-President jidhirlu li dan huwa neċessarju.

3.   Mal-preżentata tar-risposta tad-difiża jew, fil-każ li d-deċiżjoni li l-kawża għandha tiġi deċiża permezz tal-proċedura mħaffa tittieħed biss wara l-preżentata ta' din ir-risposta, mat-teħid ta' din id-deċiżjoni, il-President għandu jistabbilixxi d-data tas-seduta, li għandha tiġi avżata minnufih lill-partijiet. Il-President jista' jiddifferixxi d-data tas-seduta jekk dan huwa meħtieġ mill-organizzazzjoni tal-miżuri istruttorji jew ta' miżuri oħra preparatorji.

Bla ħsara għall-Artikolu 37, il-partijiet jistgħu jissupplementaw l-argumenti tagħhom u jippreżentaw provi ulterjuri matul il-proċedura orali. Huma għandhom jagħtu r-raġunijiet għaliex dawn il-provi ġew ippreżentati tard.

4.   L-Artikolu 20 ta' l-Istatut tal-Qorti ta' l-EFTA li jippermetti s-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet bil-miktub huwa applikabbli fil-każ tal-proċedura mħaffa.”

7.   L-Artikolu 71(3) għandu jiġi emendat kif ġej:

“3.   Meta l-ispejjeż li huma suġġetti għall-ħlas lura jkunu saru f'valuta li ma tkunx l-euro jew meta l-atti li wasslu għall-kumpens twettqu f'pajjiż fejn il-valuta ma tkunx l-euro, il-kambju tal-valuti għandu jsir skond ir-rati tal-kambju uffiċjali tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-jum tal-ħlas.”

8.   L-Artikolu 72(3) għandu jiġi emendat kif ġej:

“3.   Il-President għandu jaħtar Imħallef Relatur. Il-Qorti għandha, wara li tqis l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-kontroparti, tiddeċiedi dwar jekk għandux jingħata l-benefiċċju, sħiħ jew parzjali, ta' l-għajnuna legali bla ħlas. Hija għandha teżamina jekk l-azzjoni hijiex manifestament infondata.

Fil-każ ta' ċaħda totali jew parzjali tal-benefiċċju ta' l-għajnuna legali bla ħlas, id-digriet għandu jinkludi r-raġunijiet għal din iċ-ċaħda.”

9.   Dan li ġej għandu jkun miżjud ma' l-Artikolu 75 bħala l-paragrafu 4 l-ġdid:

“4.   Fil-każ li, skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 33(2), il-persuna li għandha tiġi nnotifikata tkun aċċettat li n-notifiki jsirulha permezz ta' faks jew permezz ta' kull mezz tekniku ieħor ta' komunikazzjoni, in-notifika ta' kull att tal-proċedura, minbarra sentenza jew digriet tal-Qorti, tista' ssir billi tintbagħat kopja tad-dokument b'dawn il-mezzi.

Jekk, għal raġunijiet tekniċi jew minħabba n-natura jew il-volum ta' l-att, din it-trażmissjoni ma tistax isseħħ, fejn il-persuna li għandha tiġi nnotifikata ma tkunx indikat indirizz għan-notifika, l-att għandu jiġi nnotifikat fl-indirizz ta' l-istess persuna skond il-proċedura prevista fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. Il-persuna li għandha tiġi nnotifikata għandha tiġi avżata b'dan permezz ta' faks jew permezz ta' xi mezz tekniku ieħor ta' komunikazzjoni. F'dan il-każ, in-notifika ta' din il-persuna għandha titqies li saret bil-posta reġistrata, fl-għaxar jum wara li l-att ikun ġie ddepożitat fl-uffiċċju postali fejn il-Qorti għandha s-sede tagħha, sakemm l-irċevuta ma tindikax li l-istess persuna rċevietha f'data oħra jew sakemm l-istess persuna ma tinfurmax lir-Reġistratur, fi żmien tliet ġimgħat mill-avviż li jkun sarilha permezz ta' faks jew permezz ta' kull mezz tekniku ieħor ta' komunikazzjoni, li n-notifika ma waslitilhiex.”

10.   L-Artikolu 88(2) għandu jiġi emendat kif ġej:

“2.   Il-Qorti tista', f'kull waqt u ex officio, wara li tisma' l-partijiet, tiddeċiedi dwar l-inammissibbiltà assoluta tar-rikors jew tiddikjara li r-rikors m'għadx għandu skop u li m'għadx hemm lok għal deċiżjoni; id-deċiżjoni għandha tittieħed skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 87(3) u (4) ta' dawn ir-Regoli.”

11.   L-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 89(1) għandu jiġi emendat kif ġej:

“1.   It-talba għal intervent għandha tiġi ppreżentata mhux aktar tard minn sitt ġimgħat mill-pubblikazzjoni ta' l-avviż imsemmi fl-Artikolu 14(6) ta' dawn ir-Regoli. Talba għal intervent li tiġi ppreżentata wara l-iskadenza ta' dan it-terminu iżda qabel id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura orali tista' tiġi kkunsidrata. F'dan il-każ, jekk il-President jilqa' t-talba għal intervent, l-intervenjent jista', fuq il-bażi tar-Rapport għas-Seduta li jintbagħtlu, jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, waqt il-proċedura orali, jekk din tinżamm.”

12.   L-Artikolu 90(1) għandu jiġi emendat kif ġej:

“1.   Jekk konvenut, li kien debitament innotifikat b'rikors, jonqos li jwieġeb għalih fil-forma u fit-termini preskritti, ir-rikorrent jista' jitlob lill-Qorti tagħti sentenza f'kontumaċja.

Din it-talba għandha tiġi nnotifikata lill-konvenut. Il-Qorti tista' tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura orali fuq din it-talba.”

13.   Dan li ġej għandu jkun miżjud bħala l-Artikolu 97a l-ġdid:

“Artikolu 97 a

1.   Fuq talba tal-qorti nazzjonali, il-President jista', f'każijiet eċċezzjonali u fuq proposta ta' l-Imħallef Relatur, jiddeċiedi li japplika proċedura mħaffa li tkun tidderoga mid-dispożizzjonijiet ta' dawn ir-Regoli, fil-każ ta' rinviju għal opinjoni konsultattiva, meta ċ-ċirkustanzi invokati jixhdu l-urġenza straordinarja biex il-Qorti tideċiedi dwar il-kwistjoni. F'dan il-każ, il-President għandu jistabbilixxi minnufih id-data tas-seduta, li għandha tiġi nnotifikata, flimkien man-notifika tad-deċiżjoni tar-rinviju, lill-partijiet fil-kawża prinċipali u lill-persuni l-oħra interessati msemmija fl-Artikolu 20 ta' l-Istatut.”

2.   Il-partijiet u l-persuni l-oħra interessati msemmija fil-paragrafu preċedenti jistgħu, f'terminu stabbilit mill-President, li ma jistax ikun ta' inqas minn 15-il jum, jippreżentaw sottomissjonijiet jew osservazzjonijiet bil-miktub. Il-President jista' jitlob lill-partijiet u lill-persuni interessati kkonċernati l-oħra sabiex jillimitaw is-sottomissjonijiet jew l-osservazzjonijiet tagħhom għall-punti essenzjali ta' liġi mqajma fid-domanda rrinvijata.

3.   Fil-każ li jkun hemm sottomissjonijiet jew osservazzjonijiet bil-miktub, dawn għandhom jiġu nnotifikati qabel is-seduta lill-partijiet u lill-persuni interessati l-oħra imsemmija hawn fuq.

Artikolu 2

1.   Dawn l-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2008.

2.   L-Artikolu 35(1), kif emendat, għandu japplika fil-każijiet fejn il-perjodu mogħti lill-konvenut biex jippreżenta r-risposta ikun beda iżda jkun għadu ma skadiex.

3.   Din id-Deċiżjoni, li hija awtentika fl-Ingliż, għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE u fis-Suppliment taż-ŻEE tal-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

4.   Il-Qorti se tittraduċi uffiċjalment din id-Deċiżjoni fil-Ġermaniż, l-Iżlandiku u n-Norveġiż.

Il-Lussemburgu, 20 ta' Settembru 2007.

Carl BAUDENBACHER

President

Henrik BULL

Imħallef

Thorgeir ÖRLYGSSON

Imħallef