25.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 79/25


DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA

Nru 329/08/COL

tat-28 ta’ Mejju 2008

dwar l-għajnuna mogħtija lil Sementsverksmiðjan hf. (l-Islanda)

L-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA (1),

WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2), b’mod speċjali l-Artikoli 61 sa 63 u l-Protokoll numru 26 tiegħu,

WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim bejn l-istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u ta’ Qorti tal-Ġustizzja (3), b’mod partikolari l-Artikolu 24 tiegħu,

WARA LI KKUNSIDRAT l-Artikolu 1(2) tal-Ewwel Parti u l-Artikoli 4(4), 6, 7(5) u 14 tat-Tieni Parti tal-Protokoll numru 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti (4),

WARA LI KKUNSIDRAT il-Linji Gwida tal-Awtorità (5) dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-Artikoli 61 u 62 tal-Ftehim taż-ŻEE, b’mod partikolari il-Kapitolu tiegħu dwar l-Għajnuna li tingħata għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ kumpaniji li jinsabu f’diffikultà.

WARA LI KKUNSIDRAT id-Deċiżjoni tal-Awtorità tal-14 ta’ Lulju 2004 dwar id-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 27 tat-Tieni Parti tal-Protokoll numru 3 (6),

WARA LI TALBET lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont dawk id-dispożizzjonijiet (7) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

I.   IL-FATTI

1.   IL-PROĊEDURA

Skont l-Artikolu 1(3) tal-Ewwel Parti tal-Protokoll numru 3, l-awtoritajiet tal-Islanda nnotifikaw il-bejgħ tal-ishma li l-Istat kellu f’Sementsverksmiðjan hf. permezz ta’ ittra datata d-19 ta’ Awwissu 2003 mibgħuta mill-Missjoni tal-Islanda għall-Unjoni Ewropea, billi għaddew ittra mill-Ministeru tal-Finanzi datata d-19 ta’ Awwissu 2003 (Dok Nru 03-5685 A).

Fis-17 ta’ Diċembru 2003, Aalborg Portland Íslandi ehf. ippreżentat ilment lill-Awtorità dwar it-termini u l-kondizzjonijiet tal-bejgħ tal-ishma li l-Istat tal-Islanda kellu f’ Sementsverksmiðjan hf. L-Awtorità rċeviet u rreġistrat din l-ittra fit-23 ta’ Diċembru 2003 (Dok Nru 03-9059 A). L-ilmentatur talab li dan l-ilment jiġi pproċessat fl-istess ħin man-notifika tal-bejgħ tal-kumpanija mill-Gvern.

Wara diversi skambji ta’ korrispondenza miż-żewġ naħat (8), permezz ta’ ittra datata l-21 ta’ Diċembru 2004, l-Awtorità għarrfet lill-awtoritajiet tal-Islanda li hija ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura msemmija fl-Artikolu 1(2) tal-Ewwel Parti tal-Protokoll numru 3 fir-rigward tal-bejgħ mill-Istat tal-Islanda tal-ishma li hu kellu f’Sementsverksmiðjan hf. (Avveniment Nru 296878). L-Awtorità qajmet dubji dwar il-valur tas-suq ta’ Sementsverksmiðjan hf. fiż-żmien meta nbiegħu l-ishma tal-Istat, dwar il-valur tas-suq tal-assi li reġgħu nxtraw mill-Istat, dwar id-dritt ta’ Sementsverksmiðjan hf. li tuża, mingħajr ebda ħlas, xi wħud mill-assi li jinsabu f’Rejkjavik li nbiegħu lit-Teżor Nazzjonali, kif ukoll dwar id-dritt tal-Istat li jerġa’ jakkwista mill-ġdid ċerti proprjetajiet u ċerti drittijiet fuq artijiet li jinsabu f’Rejkjavik bi prezz iffissat minn qabel.

Id-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 421/04/COL biex jingħata bidu għall-proċedura ġiet ippubblikata f‘Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fuq is-Suppliment taż-ŻEE (9). L-Awtorità stiednet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar dan. L-awtoritajiet tal-Islanda ssottomettew il-kummenti tagħhom dwar din id-Deċiżjoni b’ittra datata l-24 ta’ Frar 2005 (Avveniment Nru 311243). Fl-20 ta’ Ġunju 2005, l-Awtorità rċeviet kummenti minn Íslenskt sement ehf., li hi l-kumpanija li xtrat lil Sementsverksmiðjan hf. (Avveniment Nru 323552). Fit-2 ta’ Settembru 2005, Aalborg Portland Íslandi ehf. issottomettiet aktar kummenti (Avveniment Nru 333018).

F’ittra datata s-17 ta’ Frar 2006 (Avveniment Nru 363608), l-awtoritajiet tal-Islanda għaddew lill-Awtorità kopja bl-Ingliż tal-Ftehim li sar bejn Sementsverksmiðjan hf. u l-Ministeru għall-Industrija għan-nom tal-Gvern tal-Islanda, li fuq il-bażi tiegħu ġie rtirat id-dritt tal-kumpanija li terġa’ tixtri lura xi assi f’Rejkjavik. Barra minn hekk, skont Artikolu 2 ta’ dan il-Ftehim, mill-1 ta’ Jannar 2004, il-kumpanija ngħatat b’titolu ta’ kera għal perjodu ta’ żmien indefinit l-assi li kienet qiegħda tuża, bi ħlas ta’ kera mensili stabbilita skont il-prezzijiet tas-suq.

Fid-dawl tal-kummenti magħmula mill-ilmentatur, u fid-dawl ta’ informazzjoni u kjarifiki ulterjuri li saru mill-awtoritajiet tal-Islanda matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-Awtorità kienet tal-fehma li kien meħtieġ li l-proċedura ta’ investigazzjoni formali tiġi estiża biex tkopri wkoll il-proċess li permezz tiegħu l-Istat tal-Islanda assuma d-djun ta’ Sementsverksmiðjan hf. relatati mal-pensjonijiet. Għalhekk, l-Awtorità adottat id-Deċiżjoni Nru 367/06/COL tad-29 ta’ Novembru 2006 dwar il-proċess li permezz tiegħu l-Istat tal-Islanda assuma d-djun ta’ Sementsverksmiðjan hf. relatati mal-pensjonijiet. Permezz ta’ ittra datata d-29 ta’ Novembru 2006 (Avveniment Nru 399095), l-Awtorità infurmat lill-awtoritajiet tal-Islanda bid-deċiżjoni tagħha li l-proċedura ta’ investigazzjoni formali tiġi estiża fir-rigward ta’ din il-miżura. L-awtoritajiet tal-Islanda ma’ ssottomettewx kummenti dwar id-deċiżjoni tal-Awtorità.

Fl-istess data, fid-29 ta’ Novembru 2006, l-Awtorità għalqet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar il-miżuri ta’ għajnuna li ngħataw lil Íslenskt Sement ehf., il-grupp ta’ investituri li akkwistaw l-ishma li l-Istat kellu f’Sementsverksmiðjan hf.. L-Awtorità kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda għajnuna involuta f’din it-tranżazzjoni.

Id-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 367/06/COL ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment taż-ŻEE (10). L-Awtorità talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar l-imsemmija Deċiżjoni. Fis-7 ta’ Mejju 2007 (Avveniment Nru 420691), l-Awtorità rċeviet kummenti minn Íslenskt sement ehf.. Permezz ta’ ittra datata l-14 ta’ Mejju 2007 (Avveniment Nru 421504), l-Awtorità għaddiet dawn il-kummenti lill-awtoritajiet tal-Islanda, u dawn ingħataw l-opportunità biex iwieġbu għall-kummenti li ġew sottomessi. L-awtoritajiet tal-Islanda wieġbu fit-18 ta’ April 2008 (Avveniment Nru 474416).

2.   L-ISFOND

2.1   IL-PROĊESS TAL-BEJGĦ TA’ SEMENTSVERKSMIÐJAN HF.

Sas-sena 2000, meta importatur tas-siment mid-Danimarka daħal fis-suq Iżlandiż, Sementsverksmiðjan hf. kienet tgawdi monopolju de facto fis-suq tas-siment. Minħabba s-sitwazzjoni l-ġdida ta’ kompetittività, Sementsverksmiðjan hf. għaddiet minn diffikulatjiet ekonomiċi u bdiet iġġarrab telf. Għalhekk, f’Marzu tal-2003, l-Istat iddeċieda li jbiegħ l-impriża u ħareġ sejħa għall-offerti biex jinxtraw 100 % tal-ishma tiegħu f’Sementsverksmiðjan hf. (11).

Il-proċedura tas-sejħa għall-offerti wasslet għall-għażla ta’ grupp ta’ investituri (12), li ħolqu l-kumpanija Íslenkst Sement ehf. bil-għan li jakkwistaw l-ishma tal-Istat. Il-Gvern beda n-negozjati ma’ dawn l-investituri biex jinbiegħu l-ishma li l-Istat kellu f’Sementsverksmiðjan hf.. Ir-riżultat tan-negozjati bejn il-Gvern u l-kumpanija Íslenkst Sement ehf. kienu li l-kumpanija nbiegħet prinċipalment skont il-ftehim deskritt hawn taħt.

Fit-2 ta’ Ottubru 2003, il-Ministeru għall-Industrija, għan-nom tal-Gvern tal-Islanda, iffirma Ftehim dwar ix-Xiri tal-Ishma mal-kumpanija Íslenskt Sement ehf.. Skont dan il-Ftehim, l-Istat, li kien is-sid ta’ 100 % tal-ishma ta’ Sementsverksmiðjan hf. bil-valur nominali ta’ ISK 450 miljun, biegħ l-ishma li Íslenskt Sement ehf. għall-prezz ta’ ISK 68 miljun.

Skont l-Artikolu 4 tal-Ftehim dwar ix-Xiri tal-Ishma, il-Gvern tal-Islanda assuma d-djun u l-obbligi ta’ Sementsverksmiðjan hf. relatati mal-pensjonijiet. Il-Gvern tal-Islanda assuma wkoll l-obbligi kollha eżisteni kif ukoll dawk futuri rigward il-ħlas ta’ kumpens annwali li jingħata lill-individwi li jħallsu fl-Iskema B tal-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati tal-Istat, u dan sakemm huma jkunu għadhom impjegati ta’ Sementsverksmiðjan hf..

Il-Ministeru tal-Finanzi, għan-nom tat-Teżor tal-Istat, ħa taħt idejh il-bqija tal-bonds li nħarġu biex jitħallsu l-obbligi akkumulati ta’ Sementsverksmiðjan hf., kif saldati fil-ftehim tal-1997, kif ukoll l-obbligi eżistenti u dawk futuri tal-impjegati preżenti tal-kumpanija li jaqgħu taħt l-Iskema B, permezz ta’ Ftehim iffirmat fit-23 ta’ Ottubru 2003 mal-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati tal-Istat. Għaldaqstant, il-Gvern issodisfa l-obbligu stipulat fl-Artikolu 4 tal-Ftehim dwar ix-Xiri tal-Ishma bejn il-Ministeru tal-Industrija u Íslenskt sement ehf.

Skont l-Artikolu 5 tal-Ftehim dwar ix-Xiri tal-Ishma, il-Gvern tal-Islanda kellu jixtri xi assi mingħand Sementsverksmiðjan hf. permezz ta’ ftehim separat. Kif huwa indikat fis-Sezzjoni 3 tal-Artikolu 5, il-prezz tax-xiri ta’ dawn l-assi kien ta’ ISK 450 miljun.

Fl-istess data, fit-2 ta’ Ottubru 2003, Sementsverksmiðjan hf. u t-Teżor Nazzjonali tal-Islanda ffirmaw Kuntratt ta’ Xiri li permezz tiegħu t-Teżor xtara għall-prezz ta’ ISK 450 miljun, il-proprjetajiet u l-assi tal-kumpanija f’Rejkjavík, il-bini tal-uffiċċju tal-kumpanija f’Akranes, minbarra sular u nofs minnu, u l-ishma u l-bonds kollha li Sementsverksmiðjan hf. kellha f’kumpaniji oħra. Kif stipulat fl-Artikolu 5 tal-Kuntratt tax-Xiri, Sementsverksmiðjan hf. kellha d-dritt li żżomm parti mill-proprjetajiet mibjugħa f’ Rejkjavik (13), u tużahom għall-ħidmiet industrijali tagħha waqt li troddhom lura lit-Teżor sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2011. Sementsverksmiðjan hf. Kellha tħallas għall-mantenutenzjoni u l-benefikati magħmula f’dawn il-proprjetajiet, iżda ma kellha tħallas ebda kumpens għad-dritt ta’ użu tal-proprjetà. Skont l-Artikolu 6 tal-Kuntratt tax-Xiri, Sementsverksmiðjan hf. Kellha d-dritt li tixtri lura l-proprjetajiet mibgjugħa f’Rejkjavik hawn fuq imsemmija sal-31 ta’ Diċembru 2009, għall-prezz totali ta’ ISK 95 miljun b’imgħax annwali fiss ta’ 7 % li jitħallas mill-1 ta’ Awwissu 2003.

Il-kuntratt tax-xiri ġie emendat fis-16 ta’ Frar 2006 permezz ta’ ftehim iffirmat bejn Sementsverksmiðjan hf., il-Ministeru tal-Industrija għan-nom tal-Gvern tal-Islanda u Íslenskt sement ehf.. Il-partijiet f’dan il-Ftehim qablu li jidderogaw mis-Sezzjoni 5.4 tal-Ftehim tax-Xiri tal-Ishma fir-rigward tal-fakultà li ċerti assi jinxtraw lura, kif ukoll mis-Sezzjoni 6 tal-Kuntratt tax-Xiri, u li dawn jiġu ssostitwiti b’dispożizzjoni dwar kiri ta’ ċerti assi (14). Il-kera mensili ġiet iffissata għal ISK […] b’aġġustament skont l-indiċi tal-ispejjeż tal-bini. Fir-rigward iż-żmien tal-kunsinna tal-assi mibjugħha lit-Teżor Nazzajonali, il-partijiet ftiehmu li jissostitwixxu d-data tal-31 ta’ Diċembru 2011 bid-data tal-1 ta’ Jannar 2004.

2.2   ID-DEJN TA’ SEMENTSVERKSMIÐJAN HF. MAL-FOND TAL-PENSJONI TAL-ISTAT

2.2.1.    Kif jaħdem il-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati tal-Istat

Il-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati tal-Istat kien oriġinarjament irregolat mid-dispożizzjonijiet tal-Att Nru 29/1963. Fl-1990, il-primjums għall-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati tal-Istat kienu jidhru li mhumiex biżżejjed biex jagħmlu tajjeb għall-ħlas tal-pensjonijiet. Għal din ir-raġuni, l-Istat iddeċieda li jirriforma s-sistema u adotta l-Att Nru 1/1997 “L-Att dwar il-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati tal-Istat”. Il-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati tal-Istat kien maqsum f’żewġ Skemi: inħolqot Skema A ġdida, filwaqt li l-fond tal-pensjoni li kien jeżisti qabel inqeleb fl-Iskema B. L-impjegati l-ġodda kollha kellhom jagħżlu l-Iskema A, filwaqt li l-impjegati kollha li diġà kellha l-kumpanija kellhom għażla bejn li jidħlu membri fl-Iskema A jew li jibqgħu membri fl-Iskema B li kienet magħluqa għall-membri l-ġodda. Skont l-awtoritajiet tal-Islanda, bil-qsim tal-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati tal-Istat eżistenti fl-Iskemi A u B, il-fond sar kapaċi jmantni lilu nnifsu u ma kienx ser ikompli jakkumula bilanċ negattiv bejn il-primjums u l-impenji li fl-aħħar mill-aħħar kien ikollu jagħmel tajjeb għalih it-Teżor Nazzjonali (15).

Għall-kuntrarju ta’ dan, bħala riżulatat tad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-Iskema B, normalment ikun hemm defiċit li jrid jiġi kopert fuq bażi regolari. Id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-Iskema B jipprevedu l-ħlas tal-primjums fl-Iskema B tal-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati tal-Istat biss fuq il-bażi tal-paga bażika ta’ dawk l-impjegati li jaqgħu taħt din l-Iskema, u mhux fuq il-ħlas totali li huma jirċievu. L-impjegati li jagħmlu parti minn din l-Iskema jakkwistaw id-dritt li jirċievu ċertu perċentwal tal-paga bażika għall-kariga li minnha huma jirtiraw. Għalhekk, il-pensjoni hija marbuta mal-medja taż-żieda fil-paga tal-impjegati tal-Istat. Skont l-Artikolu 33 tal-Att Nru 1/1997, huwa min iħaddem lill-membri tal-Iskema B tal-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati tal-Istat li għandu jagħmel tajjeb għal din id-differenza. Madanakollu, f’każ li min iħaddem jonqos li jagħmel il-ħlas meħtieġ, bis-saħħa tal-Artikolu 32 tal-Att Nru 1/1997, it-Teżor jiggarantixxi lill-impjegat il-ħlas tal-pensjoni skont l-Att.

2.2.2.    It-trasferiment ta’ dejn minn Sementsverksmiðjan hf. għall-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati tal-Istat

Bir-riforma li saret fl-1996, iddaħħlet dispożizzjoni ġdida fil-liġi li tirregola l-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati tal-Istat, li teħtieġ li min iħaddem jirriforndi ż-żieda fil-ħlasijiet tal-pensjonijiet.

L-Artikolu 33 tal-Att Nru 1/1997 jgħid li “fil-każ fejn pensjoni li tkun diġà ġiet stabbilita […] tiżdied minħabba żieda ġenerali fil-pagi tal-impjegati tal-gvern, it-Teżor u persuni oħra li jħaddmu li jassiguraw lill-impjegati tagħhom fil-Fond għandhom jirrifondu  (16) iż-żieda li sseħħ fil-ħlasijiet tal-pensjonijiet. […]”.

Fit-8 ta’ Ottubru 1997, il-Ministeru tal-Finanzi iffirma Ftehim mal-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati taċ-Ċivil dwar il-ħlas tal-obbligi tat-Teżor Nazzjonali skont l-Artikolu 33 tal-Att Nru 1/1997 dwar il-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati taċ-Ċivil fir-rigward tal-impjegati ta’ Iceland State Cement Works, sat-tmiem tal-1996. Dawn l-obbligi kienu jikkorrespondu mal-obbligu tal-pensjoni miżjuda pagabbli lill-impjegati ta’ Sementsverksmiðjan hf. wara li jitnaqqas is-sehem tal-kumpanija mill-assi tal-Fond.

L-Artikolu 3 ta’ dan il-Ftehim jgħid dan li ġej: “B’rata ta’ imgħax imputata ta’ 3,5 %, il-valur preżenti tal-obbligi akkumulati tal-LSR (17) fir-rigward tal-impjegati ta’ Iceland State Cement Works fl-aħħar tal-1996 kien stmat għal ISK 494 816 380. L-assi tal-LSR għall-ħlas ta’ obbligi huma kkunsidrati li jammontaw għal 19 % tal-obbligi akkumulati li għadhom mhumiex imħallsa. Għaldaqstant, l-obbligi tal-Istat għan-nom ta’ Sementsverksmiðjan hf. Ltd. huma ta’ ISK 400 801 268.”

L-Artikolu 33 il-ġdid tal-Att Nru 1/1997 jipprevedi l-possibiltà li l-ħlas isir permezz ta’ bonds.

“Il-bord tal-Fond jista’ […] jaċċetta debenture bħala ħlas għall-obbligi akkumulati. […] L-obbligi mħallsa b’dan il-mod għandhom ikunu bbażati fuq stima attwarjali fid-data ta’ meta dawn jiġu mħallsa. Persuna li tħaddem li tkun issodisfat l-obbligu tagħha permezz tal-ħruġ ta’ debenture skont dan il-paragrafu ma jkollhiex aktar responsabbiltà għall-obbligi tal-Fond […] fir-rigward tal-perjodu u ta’ dawk l-impjegati li għalihom japplika dan il-ħlas ”.

Skont l-Artikolu 14 tal-istess ftehim “It-Teżor Nazzjonali għandu jagħmel ħlas lil-LSR għall-obbligu tiegħu skont l-Artikolu 2, billi jippreżenta lill-Fond b’bonds ta’ Iceland Cement Ltd. fl-ammont totali ta’ ISK 326 488 714 […]. Il-bonds huma indiċjati skont l-inflazzjoni mal-Indiċi tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (IPK) bl-indiċi bażi ta’ 178.6. L-imgħax annwali huwa ta’ 5,5 % (2,75 % għal nofs sena) u għandu jkun ikkalkulat mill-1 ta’ Jannar 1997. L-imgħax għall-perjodu li jkopri mill-1 ta’ Jannar 1997 sat-30 ta’ Awwissu 1997 għandu jitħallas separatament fl-1 ta’ Novembru 1997. Il-valur preżenti tal-bonds mill-1 ta’ Settembru 1997, b’imgħax imnaqqas ta’ 3,5 %, huwa ta’ ISK 400 801 268. It-Teżor Nazzjonali għandu jiggarantixxi lil-LSR il-ħlas tal-pagamenti u l-imgħax ta’ dawn il-bonds. B’dawn il-bonds, it-Teżor Nazzjonali ssodisfa totalment l-obbligi tiegħu favur l-LSR fir-rigward ta’ supplimenti ta’ pensjoni skont l-Artikolu 33 tal-Att Nru 1/1997 dwar il-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati taċ-Ċivil, li jirriżultaw mill-isħubija tal-impjegati ta’ Iceland State Cement Works fl-LSR sat-tmiem tal-1996”.

Għaldaqstant, wara l-applikazzjoni tal-aħħar paragrafu tal-Artikolu 33 tal-Att Nru 1/1997, ladarba Sementsverksmiðjan hf. tkun issodisfat l-obbligi tagħha bil-ħruġ ta’ bonds għall-ammont stabbilit fil-Ftehim tat-8 ta’ Ottubru 1997, il-kumpanija ma jkollha ebda responsabbiltà oħra għall-impenji tal-Fond li jitħallsu pensjonijiet lil dawk l-impjegati li qabel kienu jaħdmu mal-kumpanija rigward il-perjodu li jkopri sal-aħħar tal-1996 u li għalihom kien japplika l-ħlas. Dawn il-bonds huma għalhekk sempliċiment posponiment tal-ħlas tad-dejn.

Fit-30 ta’ Marzu 1999, Sementsverksmiðjan hf. u l-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati tal-Istat iffirmaw it-tieni ftehim skont l-Artikolu 33 tal-Att Nru 1/1997. Skont dan il-ftehim, il-Fond għandu jagħmel stima annwali tal-obbligu akkumulat tal-ħlas tal-pensjoni ta’ matul is-sena fir-rigward tal-impjegati tal-kumpanija li huma membri tal-Iskema B tal-Fond li jkunu għadhom jaħdmu mal-kumpanija. Il-kumpanija tissodisfa dawn l-obbligi wara li tnaqqas il-kontribuzzjonijiet kollha mħallsa mill-impjegati u mill-kumpanija fir-rigward tad-drittijiet akkwistati matul is-sena. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet tal-Islanda, fl-2003, ħames impjegati ta’ Sementsverksmiðjan hf. kienu għadhom membri tal-Iskema B tal-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati tal-Istat.

2.2.3.    Il-proċess li permezz tiegħu l-Istat assuma d-djun ta’ Sementsverksmiðjan hf. relatati mal-pensjonijiet

Permezz ta’ ftehim datat it-23 ta’ Ottubru 2003 bejn il-Ministeru tal-Finanzi u l-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati tal-Istat, għan-nom tat-Teżor tal-Istat, il-Ministeru tal-Finanzi ħa taħt idejh dak li kien fadal mill-bonds li nħarġu minn Sementsverksmiðjan hf. biex jitħallsu d-djun kollha tal-kumpanija, u dan skont l-arranġament li sar permezz tal-ftehim tal-1997. Il-Gvern assuma wkoll l-obbligi li Sementsverksmiðjan hf. kellha favur il-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati tal-Istat li darba fis-sena tħallas u tissalda l-ħlas ta’ kumpens lill-impjegati tal-kumpanija li huma membri tal-Iskema B tal-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati tal-Istat (kif miftiehem fil-Ftehim li sar bejn il-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati tal-Istat u Sementsverksmiðjan hf. datat it-30 ta’ Marzu 1999).

Permezz ta’ dan il-Ftehim, il-Ministeru tal-Finanzi ssodisfa l-obbligu assunt taħt l-Artikolu 4 tal-Ftehim ta’ Xiri tal-Ishma ffirmat fit-2 ta’ Ottubru 2003 mal-grupp ta’ investituri, Íslenskt sement ehf.. Skont dik id-dispożizzjoni, “il-Venditur għandu jassumi d-djun relatati mal-pensjonijiet u l-obbligi tal-Kumpanija li huma ggarantiti mill-Gvern, u li l-Gvern kien ħa taħt idejh mill-Kumpanija fl-1997 permezz ta’ ftehim speċjali. Il-Venditur għandu wkoll jassumi dawk l-obbligi kollha, kemm eżistenti kif ukoll futuri, rigward s-saldu annwali ta’ kumpens li japplika għal individwi li bħalissa qegħdin iħallsu fl-Iskema B tal-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati tal-Istat u dan sakemm huma jibqgħu impjegati tal-Kumpanija”.

Anke kieku l-Ministeru tal-Finanzi stess iddeċieda li jassumi d-djun u l-obbligi ta’ Sementsverksmiðjan hf. fil-Ftehim ta’ Xiri tal-Ishma mal-grupp ta’ investituri Íslenskt sement ehf., huwa fuq il-bażi ta’ att legali partikolari, jiġifieri l-ftehim bejn il-Ministeru tal-Finanzi u l-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati tal-Istat tat-23 ta’ Ottubru 2003, li Sementsverksmiðjan hf. ġiet meħlusa minn dawn l-obbligi.

Skont informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet tal-Islanda (18), l-obbligi relatati mal- pensjonijiet tal-impjegati li huma diġà rtirati kienu stmati għal ISK 412 miljun fl-2003. Rigward l-obbligi futuri lejn l-impjegati ta’ Sementsverksmiðjan hf. li għadhom membri tal-Iskema B tal-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati tal-Istat, dawn kienu stmati li jammontaw għal ISK 10-15 miljun, skont kemm l-impjegati jdumu jaħdmu mal-kumpanija.

3.   IL-MIŻURI LI QEGĦDIN JIĠU EVALWATI FID-DEĊIŻJONI PREŻENTI

Kif diġà ntqal, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali li nfetħet bid-Deċiżjoni Nru 421/04/COL ġiet estiża biex tkopri l-proċess li permezz tiegħu l-Istat assuma d-djun tal-kumpanija relatati mal-pensjonijiet permezz tad-Deċiżjoni Nru 367/06/COL.

Fl-istess data, fid-29 ta’ Novembru 2006, l-Awtorità adottat id-Deċiżjoni Nru 368/06/COL biex tingħalaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar il-bejgħ tal-ishma li l-Istat kellu f’Sementsverksmiðjan hf. lil Íslenskt sement ehf. fid-29 ta’ Novembru 2006 għall-prezz ta’ ISK 68 miljun u kkonkludiet li l-bejgħ ma kienx jinkorpora fih għajnuna mogħtija mill-istat.

Permezz ta’ din id-Deċiżjoni , l-Awtorità ser tevalwa jekk ingħatatx għajnuna mill-Istat lil Sementsverksmiðjan hf., u jekk tali għajnuna hijiex kumpatibbli, fir-rigward tal-miżuri segwenti fejn s’issa għadha ma ttieħdet ebda deċiżjoni mill-Awtorità:

(1)

Ix-xiri mill-Istat ta’ proprjetajiet, assi, ishma u bonds ta’ Sementsverksmiðjan hf.

Fid-Deċiżjoni Nru 421/04/COL, l-Awtorità qajmet il-kwistjoni li seta’ kien hemm għajnuna mill-Istat fl-akkwist mit-Teżor Nazzjonali tal-Islanda tal-assi li kienu ta’ Sementsverksmiðjan hf. (19) għall-prezz ta’ ISK 450 miljun, jekk dan il-prezz ma jikkorrispondix mal-valur tas-suq.

(2)

Id-dritt ta’ Sementsverksmiðjan hf. li żżomm parti mill-assi u li terġa’ tixtrihom lura bi prezz fiss.

Fid-Deċiżjoni Nru 421/04/COL, l-Awtorità fetħet ukoll il-proċedura ta’ investigazzjoni formali rigward il-possibiltà ta’ Sementsverksmiðjan hf. li żżomm parti mill-proprjetajiet f’Rejkjavik (20) li kienu mibjugħa, li tużahom għall- operazzjonijiet industrijali tagħha u li troddhom lura lit-Teżor Nazzjonali mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2011. Sementsverksmiðjan hf. kellha tħallas għall-manutenzjoni kollha u għall-benefikati li jsiru f’dawn il-proprjetajiet, iżda ma kellhiex tħallas kumpens għal dan id-dritt ta’ użu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 6 tal-Kuntratt tax-Xiri, sal-31 ta’ Diċembru 2009, Sementsverksmiðjan hf. kellha d-dritt li terġa’ tixtri il-proprjetajiet f’Rejkjavik hawn fuq imsemmija li kienu diġà ġew mibjugħa għall-prezz totali ta’ ISK 95 miljun b’imgħax annwali fiss ta’ 7 % li jiddekorri mill-1 ta’ Awwissu 2003.

Fid-Deċiżjoni Nru 421/04/COL, l-Awtorità fuq bażi preliminari ikkunsidrat li n-nuqqas ta’ renumerazzjoni għall-użu tal-assi li jinsabu f’Rejkjavik li nbiegħu lit-Teżor bħala jammonta għal għajnuna mill-Istat. L-Awtorità kienet tal-fehma li jekk Sementsverksmiðjan hf. terġa’ tixtri mill-ġdid bil-prezz hawn fuq imsemmi, l-Istat jista’ jitlef dħul jekk ibiegħ l-assi bi prezz taħt il-valur tas-suq.

(3)

Il-proċess li permezz tiegħu l-Istat assuma d-djun ta’ Sementsverksmiðjan hf. relatati mal-pensjonijiet.

Fid-Deċiżjoni 367/06/COL, l-Awtorità kkonkludiet fuq bażi preliminari li l-fatt li l-Istat assuma d-djun ta’ Sementsverksmiðjan hf. relatati mal-pensjonijiet jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fl-ambitu tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE. L-Awtorità kellha esprimiet dubji dwar jekk kinitx tapplika xi waħda mill-eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali li tipprojbixxi għajnuna mill-Istat li jinsabu fl-Artikolu 61(2) jew (3) tal-Ftehim taż-ŻEE. F’każ illi hemm għajnuna mill-Istat, l-Awtorità esprimiet id-dubji tagħha dwar jekk l-għajnuna mogħtija tistax tiġi dikjarata bħala kumpatibbli mal-Ftehim taż-ŻEE. B’mod aktar speċifiku, l-Awtorità esprimiet tħassib dwar jekk l-għajnuna tistax titqies li hija kumpatibbli fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat bħala Għajnuna għas-Salvataġġ jew ir-Ristrutturar ta’ Kumpanija.

4.   IL-KUMMENTI TAL-AWTORITAJIET TAL-ISLANDA

F’ittra datata it-23 ta’ Frar 2005, l-awtoritajiet tal-Islanda kkummentaw fuq id-dubji li esprimiet l-Awtorità fid-Deċiżjoni Nru 421/04/COL. L-awtoritajiet tal-Islanda spjegaw li x-xiri mill-ġdid tal-assi mingħand Sementsverksmiðjan hf. kien parti minn proċedura ta’ ristrutturar: “L-Istat xtara mingħand il-Kumpanija l-assi kollha li ma kinux elementari għall-produzzjoni u l-operat, biex inaqqas in-nefqa relatata mal-operat tal-kumpanija u biex l-operat tal-Kumpanija jsir vijabbli.”

Rigward il-valur korrett tal-assi li reġgħu nxtraw lura, l-awtoritajiet tal-Islanda sostnew li l-aktar stima realistika kienet dik li saret mill-esperti ta’ AV u VSO Ráðgjöf f’Settembru tal-2003. Dawn l-esperti stmaw il-proprjetà f’Rejkjavík bħala li tiswa ISK 276 miljun u l-bini tal-uffiċċju f’Akranes bħala li jiswa ISK 74.4 miljun. L-awtoritajiet tal-Islanda kienu tal-fehma li l-istima tal-assi f’Rejkjavik kienet favorevoli ħafna għall-Istat minħabba li kellhom valur strateġiku, li kien ibbażat fuq il-valur proġettat fil-futur, “peress li fiż-żmien tal-bejgħ kienu qegħdin isiru pjanijiet biex isir proġett kbir li jinvolvi l-bini ta’ pont, u kellu jingħalaq il-port tal-Kumpanija f’Saeverhöfdi, Rejkjavik b’hekk illi l-faċilitajiet kienu jsiru mingħajr ebda użu għall-operat tal-Kumpanija. Madanakollu, dan il-pont se jwassal għal tibdil fl-ippjanar tal-belt f’dik iż-żona u huwa mistenni li l-art tkun riżervata għal żona residenzjali, u b’hekk il-valur tal-art jogħla ħafna.”

Fir-rigward tad-dritt ta’ xiri mill-ġdid ta’ ċerti assi stipulat fl-Artikolu 6 tal-Ftehim tax-Xiri tat-2 ta’ Ottubru 2003, fl-ittra msemmija, l-awtoritajiet tal-Islanda indikaw il-fatt li huma lesti li jemendaw il-ftehim u jissostitwixxu dan id-dritt bid-dritt li l-Kumpanija tingħata l-ewwel preferenza biex terġa’ tixtri l-assi tagħha, u dan bil-valur tas-suq.

Fl-aħħarnett, l-awtoritajiet tal-Islanda qajmu argumenti biex jiġġustifikaw il-fatt li f’każ li kien hemm għajnuna mill-Istat fil-proċess tal-bejgħ ta’ Sementsverksmiðjan hf., din l-għajnuna tista’ tiġi kkunsidrata bħala kumpatibbli skont il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat bħala Għajnuna għas-Salvataġġ jew ir-Ristrutturar ta’ Kumpanija. Għal dan il-għan l-awtoritajiet tal-Islanda ppreżentaw mal-ittra, il-pjan ta’ ristrutturar ta’ Sementsverksmiðjan hf.

L-awtoritajiet tal-Islanda ma kkumentawx dwar id-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 367/06/COL dwar il-fatt li l-Istat tal-Islanda assuma id-djun ta’ Sementsverksmiðjan hf. relatati mal-pensjonijiet.

5.   IL-KUMMENTI TAL-KUMPANIJA ÍSLENSKT SEMENT EHF.

Íslenskt sement ehf. issottomettiet il-kummenti tagħha dwar id-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 421/04/COL fl-20 ta’ Ġunju 2005 (Avveniment Nru 323552). F’din l-ittra, il-kumpanija saħqet li l-assi ta’ Sementsverksmiðjan hf. li reġgħu nxtraw mill-Istat ma nbiegħux individwalment imma b’konnessjoni mal-bejgħ tal-ishma. Għaldaqstant, dak il-bejgħ kien jifforma parti integrali mill-ftehim tax-xiri in ġenerali dwar il-bejgħ tal-ishma ta’ Sementsverksmiðjan hf. b’mod ġenerali. Barra minn hekk, Íslenskt sement ehf. ikkunsidrat id-drittijiet ta’ Sementsverksmiðjan hf. li tuża xi wħud mill-assi li reġgħu nxtraw mill-ġdid, bħala parti integrali mill-proċess tal-privatizzazzjoni tal-kumpanija, u dan ġie kkunsidrat meta saru n-negozjati fuq il-prezz globali. Barra minn hekk, fl-opinjoni ta’ Íslenskt sement ehf. il-valur tas-suq oġġettiv tad-dritt ta’ użu ta’ dawn l-assi huwa wisq żgħir “u jista’ jiġi kkunsidrat bħala li ma jiswa xejn” peress li l-assi setgħu jintużaw biss minn Sementsverksmiðjan hf. bħala l-unika kumpanija li tipproduċi s-siment fl-Islanda. Fl-aħħar nett, Íslenskt sement ehf. kkuntestat l-argument li d-dritt tal-kumpanija li takkwista mill-ġdid dawk l-assi li hi għandha d-dritt tuża għall-prezz totali ta’ ISK 95 miljun jinvolvi l-għajnuna mill-Istat, u dan għar-raġuni li dawn il-faċilitajiet speċjalizzati li jintużaw għall-produzzjoni tas-siment għandhom valur baxx fis-suq.

F’ittra datata fis-7 ta’ Mejju 2007 (Avveniment Nru 421504), Íslenskt sement ehf. l-ewwel esprimiet l-opinjoni tagħha fuq l-approċċ li ħadet l-Awtorità li taqsam il-każ f’żewġ partijiet, jiħifieri l-bejgħ tal-ishma u l-miżuri l-oħra. Fl-opinjoni tal-kumpanija, it-tranżazzjonijiet differenti għandhom jiġu meqjusa bħala ħaġa waħda. “Kienet prekondizzjoni, kemm min-naħa tal-venditur (il-Gvern tal-Islanda,) kif ukoll min-naħa tal-kompratur (Íslenskt sement ehf.), li d-diversi ftehim li saru fl-istess ġurnata jikkostitwixxu tranżazzjoni waħda li ma tistax tinqasam. L-ebda ftehim ma seta’ jiġi konkluż mingħajr l-konklużjoni tal-ftehim l-oħrajn fl-istess ħin u b’relazzjoni ma’ xulxin.”

It-tieni nett, Íslenskt sement ehf. ressqet argumenti biex turi li ma ngħatat l-ebda għajnuna mill-Istat fil-proċess li permezz tiegħu l-Istat tal-Islanda assuma d-djun ta’ Sementsverksmiðjan hf. relatati mal-pensjonijiet. Íslenskt sement ehf. spjegat li d-djun relatati mal-pensjonijiet ma kinux inklużi fil-karta tal-bilanċ tal-kontijiet annwali tas-sena 1996, iżda kienu mniżżla biss bħala obbligi kontinġenti li ma jidħlux fil-karta tal-bilanċ. Fl-1997, l-obbligi tal-kumpanija relatati mal-pensjonijiet ġew rilaxxati kontra l-ħruġ ta’ bonds tal-kumpanija fis-suq. Dan ifisser li d-djun ġew iffinanzjati permezz ta’ dejn (bonds) mal-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati tal-Istat, u mbagħad dawn id-djun tniżżlu fil-karta tal-bilanċ tal-kontijiet annwali tal-1997 u s-snin ta’ wara bħala obbligazzjoni fit-tul. Íslenskt sement ehf. kompliet tispjega kif b’konnessjoni mal-bejgħ tal-ishma ta’ Sementsverksmiðjan hf., l-Istat assuma d-dejn li l-kumpanija kellha mal-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati tal-Istat fl-2003. Għalhekk, fil-kontijiet annwali għall-2003, ġie mnaqqas mill-obbligazjzonijiet fil-karta tal-bilanċ l-ammont ta’ ISK 388 028 317 fl-istess waqt li l-qliegħ miżmum tal-kumpanija żdied bl-istess ammont.

It-tielet nett, Íslenskt sement ehf. għamlet referenza għall-bejgħ tal-assi minn Sementsverksmiðjan hf. favur l-Istat għas-somma ta’ ISK 450 miljun, liema punt ġie indirizzat fid-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 421/04/COL. L-ishma u l-bonds kollha nbiegħu lill-Istat bil-valur tas-suq (21). Il-proprjetà Saevarhófdi f’Rejkjavík u l-parti tal-bini tal-uffiċċju f’Akranes ġew stmati bħala li jiswew ISK 276 miljun u ISK 74,4 miljun rispettivament u nbiegħu lill-Istat għal ISK 280 miljun u ISK 72,5 miljun.

Íslenskt sement ehf. għamlet refenza wkoll għall-ispejjeż tal-likwidazzjoni ta’ Sementsverksmiðjan hf. kif stabbiliti mill-MP Investment Bank Ltd. fl-2003 u ssostni li l-ispiża tal-likwidazzjoni kienet ikkalkulata bħala li se tkun ta’ ISK 506 498 730, inkluż it-tindif tas-sit f’Akranes.

Íslenskt sement ehf. ikkonkludiet li “jekk wieħed japplika l-metodu stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, ’per eżempju fil-każ Gröditzer Stahlwerke GmbH, il-kwistjoni ta’ dan il-każ hi jekk l-ispejjeż totali għal-likwidazzjoni tal-Kumpanija maħruġa mill-Istat jaqbżux l-ispejjeż tal-Istat jekk jassumi d-djun u jbiegħ l-ishma tal-Kumpanija. Jekk it-tweġiba għal din il-mistoqsija hija fl-affirmattiv, għandu jitqies li l-Istat mexa skont il-prinċipju ta’ investitur fl-ekonomija tas-suq, peress li, fuq il-bażi ta’ raġunament ekonomiku sod, investitur privat kien jassumi d-dejn u jbiegħ l-ishma tal-Kumpanija.” Għalhekk, Íslenskt sement ehf. kienet tal-opinjoni li “l-ispiża totali tal-likwidazzjoni qabżet l-ispiża totali għall-bejgħ tal-Kumpanija għal 70 376 683 ISK (22) u għalhekk l-Istat aġixxa skont il-prinċipju tal-investitur fl-ekonomija tas-suq. Għaldaqstant, ma seta’ kien hemm involuta ebda għajnuna mill-Istat fil-proċess li permezz tiegħu l-Istat assuma d-djun li l-Kumpanija kellha mal-Fond tal-Pensjoni b’konnessjoni mal-bejgħ tal-ishma tal-Kumpanija mill-Istat.”

6.   IL-KUMMENTI MINN AALBORG PORTLAND ÍSLANDI EHF.

Permezz ta’ ittra datata t-2 ta’ Settembru 2005, il-kumpanija Aalborg Portland Íslandi ehf. issottomettiet l-osservazzjonijiet tagħha fuq id-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 421/04/COL. Il-kumpanija qablet mal-Awtorità iżda ppuntat lejn il-fatt li d-deċiżjoni tal-bidu ma ndirizzatx il-proċess li bih l-Istat assuma d-djun ta’ Sementsverksmiðjan hf. relatati mal-pensjoni. Barra minn dan, il-kumpanija Aalborg Portland Íslandi ehf. ma għamlet l-ebda kummenti fuq id-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 367/06/COL biex testendi d-deċiżjoni u tkopri wkoll il-proċess li bih l-Istat tal-Islanda assuma d-djun ta’ Sementsverksmiðjan hf. relatati mal-pensjoni.

7.   AKTAR KUMMENTI MILL-ISLANDA

F’ittra datata t-8 ta’ April 2008, l-awtoritajiet tal-Islanda ppreżentaw aktar informazzjoni dwar pjan ta’ ristrutturar li kien diġà ġie ppreżentat qabel u kien hemm inkluż ukoll stħarriġ tas-suq li kien għadu qatt ma ġie ppreżentat lill-Awtorità.

II.   VALUTAZZJONI

1.   L-GĦOTI TA’ GĦAJNUNA MILL-ISTAT

L-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE jgħid hekk:

“Sakemm mhux indikat mod ieħor f’dan il-Ftehim, kwalunkwe għajnuna mill-Istati Membru tal-KE, l-Istati tal-EFTA jew għajnuna mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-istati taħt kwalunkwe forma li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tagħti preferenza lil ċerti negozji jew lill-produzzjoni ta’ ċerti prodotti, jekk din taffetwa l-kummerċ bejn il-Partitjiet Kontrattwali, hija inkompatibbli mal-funzjonar ta’ dan il-Ftehim”

1.1   IX-XIRI TA’ PROPRJETAJIET, ASSI, ISHMA U BONDS

Fuq il-bażi tal-Kuntratt tax-Xiri, it-teżor Nazzjonali tal-Islanda xtara il-proprjetajiet u l-assi tal-kumpanija f’Rejkjavík, il-bini tal-uffiċċju tal-kumpanija f’Akranes minbarra sular u nofs minnu, u l-ishma u l-bonds li Sementsverksmiðjan hf. kellha f’kumpanija oħra, u dan għall-prezz ta’ ISK 450 miljun.

It-tabella li ġejja tqabbel il-valur tas-suq tal-proprjetajiet mal-assi ta’ Sementsverksmiðjan hf. f’Rejkjavik u f’Akranes, kif ukoll il-valur tal-ishma u l-bonds skont kif stabbilit minn esperti indipendenti (23), mal-prezz li t-Teżor Nazzjonali ħallas għalihom:

(ISK miljuni)

 

Stima li saret minn esperti indipendenti

Il-prezz imħallas mit-Teżor Nazzjonali tal-Islanda

Art, proprjetà u tagħmir f’Saeverhöfdi 31, f’Rejkjavik

276

280

Il-bini tal-uffiċċju f’Akranes (esklużi sular u nofs minnu)

74,4

72,5

Ishma fil-kumpanija Geca

46,5

46,5

Ishma fil-kumpanija Spölur

40

40

Bonds fil-kumpanija Spölur

11

11

Total

447,9

450

Għaldaqstant, hemm diskrepanza ta’ 2,1 MISK (ekwivalenti għal 21 214 euro) li t-Teżor Nazzjonali ħallas aktar mill-valur tas-suq tal-assi li nxtraw kif stmati minn esperti indipendenti. Id-diskrepanza tinsab fil-bejgħ tal-proprjetajiet f’Rejkjavik li nbiegħu għal ISK 4 miljun aktar mill-istima li ngħatat, u fil-bini tal-uffiċċju f’Akranes li nbiegħ għal ISK 1,9 miljun inqas mill-istima.

Skont il-każistika, l-Awtorità ma tistax tiffissa b’mod arbitrarju l-prezz tas-suq f’din id-deċiżjoni biss fuq il-bażi ta’ stima minn esperti (24). Anzi, meta l-Awtorità tiffissa l-prezz tas-suq ta’ art u bini, hija “għandha tikkunsidra l-inċertezza involuta fl-iffissar ta’ prezzijiet tas-suq bħal dawn, li min-natura tiegħu huwa retrospettiv.”  (25) Spiss jiġri li wieħed ma jkunx jista’ jikkonkludi li stima waħda tirrappreżenta l-valur tas-suq li xerrej ikun lest li jaċċetta. Għall-kuntrarju, il-valur tas-suq aċċettabbli normalment ikun jista’ jiġi stabbilit fi ħdan marġni raġonevoli, wara li jkun ġie eżaminat is-suq. Fl-opinjoni tal-Awtorità, m’hemm l-ebda tweġiba ovvja għall-mistoqsija dwar kemm irid ikun wiesa’ dan il-marġni. Dan jista’ jvarja minn każ għal każ.

Fl-opinjoni tal-Awtorità, id-differenza ta’ ISK 2.1 miljun fil-prezz nett bejn l-istima mogħtija mill-espert indipendenti u l-prezz li finalment tħallas mit-Teżor tal-Istat tant hija żgħira li ma tipprovdi l-ebda evidenza li l-prezz tax-xiri ma kienx jirrifletti l-kondizzjonijiet tas-suq. Il-prezz stabbilit mill-espert indipendenti jista’ jitqies bħala indikazzjoni. Differenzi fl-ammonti li huma ħafna ikbar mill-ammont tal-istima jistgħu jkunu indikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat. Madanakollu, fl-opinjoni tal-Awtorità (26), differenza hekk żgħira bħal ma hi d-differenza f’dan il-każ, mhijiex biżżejjed biex tipprova li kien hemm għajnuna mill-Istat lil Sementsverksmiðjan hf.. Anzi, din tindika li l-ħlas kien jikkostitwixxi prezz tas-suq ġust. Għaldaqstant, l-Awtorità hi tal-fehma li Sementsverksmiðjan hf. ma rċevitx għajnuna mill-Istat fl-ambitu tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE fil-każ tal-bejgħ tal-proprjetajiet, assi, ishma u bonds favur it-Teżor Nazzjonali tal-Islanda.

1.2   ID-DRITT TAL-KUMPANIJA LI ŻŻOMM PARTI MILL-ASSI U LI TERĠA’ TIXTRIHOM LURA BI PREZZ FISS

L-Artikolu 5 tal-Kuntratt tax-Xiri ta lil Sementsverksmiðjan hf. il-possibiltà li żżomm parti mill-proprjetajiet f’Rejkjavik (27) li hi kienet biegħet, biex tużahom għall-operazzjonijiet industrijali tagħha, u biex tagħti dawn il-proprjetajiet lura lit-Teżor Nazzjonali mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2011. Sementsverksmiðjan hf. kellha tħallas għall-manutenzjoni u l-benefikati kollha, iżda ma ħallsitx kumpens għal dan id-dritt ta’ użu. Barra minn hekk, skont Artikolu 6 tal-Kuntratt tax-Xiri, sal-31 ta’ Diċembru tal-2009, Sementsverksmiðjan hf. kellha d-dritt li tixtri lura l-proprjetajiet f’Rejkjavik fuq imsemmija għall-prezz totali ta’ ISK 95 miljun, bl-interessi li jakkumulaw ikkalkulati fuq imgħax fiss annwali ta’ 7 % li jibda jiddekorri mill-1 ta’ Awwissu 2003.

F’ittra datata s-17 ta’ Frar 2006 (Avveniment Nru 363608), l-awtoritajiet tal-Islanda għaddew lill-Awtorità kopja bl-Ingliż ta’ Ftehim li sar bejn Sementsverksmiðjan hf. u l-Ministeru tal-Industrija għan-nom tal-Gvern tal-Islanda. Skont dan il-Ftehim, id-dritt li l-Kumpanija kellha, li jekk trid hi terġa tixtri lura xi wħud mill-assi li kellha f’Rejkjavik, ġie rtirat. L-assi li nbiegħu lit-Teżor għaddew għand it-Teżor b’effett mill-1 ta’ Jannar 2004. Minn din id-data ’il quddiem, skont Artikolu 2 ta’ dan il-Ftehim, il-Kumpanija kriet l-assi li kienet qiegħda tuża għal perjodu ta’ żmien indefinit. Il-kera ta’ kull xahar għal dawn l-assi (28) hija ta’ ISK […]. Il-kera tiġi aġġustata darba fis-sena skont l-indiċi tal-prezz tal-kostruzzjoni. L-awtoritajiet tal-Islanda spjegaw il-fatt li l-ammont tal-kera ġie kkalkulat skont il-proporzjon normali tas-suq tal-proprjetà fl-Islanda.

L-Awtorità m’għandhiex għalfejn tiddubita l-veraċità u l-eżattezza tal-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet tal-Islanda, li skont din l-informazzjoni, Sementsverksmiðjan hf. tħallas il-prezz tas-suq bħala kera għal dawn l-assi (29). Għaldaqstant, wara li fil-ftehim saru l-emendi fuq imsemmija, l-Awtorità hija tal-fehma li ma ngħatat l-ebda għajnuna mill-Istat li taqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE.

1.3   IL-PROĊESS LI PERMEZZ TIEGĦU L-ISTAT ASSUMA L-OBBLIGI RELATATI MAL-ĦLAS TAL-PENSJONIJIET

Permezz ta’ ftehim iffirmat bejn il-Ministeru tal-Finanzi u l-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati tal-Istat fit-23 ta’ Ottubru 2003, il-Ministeru tal-Finanzi, għan-nom tat-Teżor Nazzjonali, ħa l-bonds li kien baqa’ li nħarġu biex jitħallsu d-djun ta’ Sementsverksmiðjan hf. li kienu akkumulaw, u dan kif kien mifthiem fil-Ftehim tal-1997. Barra minn hekk, in forza tal-istess ftehim, it-Teżor Nazzjonali assuma l-obbligi li kellha ta’ Sementsverksmiðjan hf. lejn l-impjegati li għadhom jaħdmu mal-kumpanija. Dawn l-obbligi kellhom jitħallsu u jiġu magħluqa kull sena.

1.3.1.    L-għoti tal-għajnuna permezz ta’ riżorsi tal-Istat

Biex tikkonsisti f’għajnuna mill-Istat, l-għajnuna trid tkun l-ewwel nett ingħatat mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. Skont il-Ftehim bejn il-Ministeru tal-Finanzi u l-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati tal-Istat iffirmat f’Ottubru tal-2003, it-Teżor irid iħallas lill-Fond tal-Pensjoni, għan-nom ta’ Sementsverksmiðjan hf., l-ammonti li huma dovuti mill-kumpanija. Fiż-żmien meta kien iffirmat il-ftehim, id-djun li Sementsverksmiðjan hf. kellha mal-Fond tal-Pensjoni fir-rigward tal-ħlas tal-pensjonijiet lill-impjegati li kienu diġà irtirati kien stimat bħala li hu ta’ ISK 412 miljun. Barra minn hekk, l-obbligi futuri fir-rigward tal-impjegati tal-kumpanija li baqa’ u li huma membri tal-Iskema B tal-Fond tal-Pensjoni u li għadhom jaħdmu mal-kumpanija, kienu kkalkulati bħala li jammontaw bejn ISK 10 u 15-il miljun. Li l-Istat jassumi d-djun tal-kumpanija relatati mal-pensjonijiet u li jħallas dawn id-djun mit-Teżor jinvolvi l-użu ta’ riżorsi tal-Istat.

1.3.2.    Preferenza mogħtija lil ċerti negozji jew lill-produzzjoni ta’ ċerti prodotti

It-tieni nett, l-għajnuna mill-Istat trid tagħti vantaġġi lil min ikun qiegħed jirċeviha fis-sens li teħilsu minn obbligi li s-soltu jkollhu jwettaq mill-baġit tiegħu.

L-Istat assuma d-dejn li Sementsverksmiðjan hf. kellha mal-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati tal-Istat fuq il-ħlas tal-pensjonijiet tal-impjegati tagħha stess. Sementsverksmiðjan hf. ġiet imwaqqfa fl-1955 bħala parti mill-amministrazzjoni tal-Istat. L-impjegati tal-produttur tas-siment, li dak iż-żmien kien imsejjaħ Iceland State Cement Works, kienu membri tal-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati tal-Istat bħal kwalunkwe impjegat ieħor mal-amministrazzjoni tal-Istat.

Fl-1997, l-Istat għamel riforma tal-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati tal-Istat. Il-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati tal-Istat għamel stima attwarjali tal-obbligi li kellu favur il-membri tiegħu fil-forma ta’ ħlas ta’ pensjoni fil-futur. Ir-riżultat ta’ din l-istima ġie mbagħad imqabbel mal-assi tal-Fond u s-sehem fl-obbligi li min jimpjega għandu lejn l-impjegati. Fl-aħħar tal-1996, id-djun tal-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati tal-Istat fir-rigward ta’ impjegati ta’ Sementsverksmiðjan hf. li kienu digà rtiraw, kien iħabbatha ma’ ISK 400 miljun (30).

It-Teżor ħallas dan id-dejn lill-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati tal-Istat permezz ta’ bonds tal-kumpanija. Dan id-dejn baqa’ fil-kontijiet ta’ Sementsverksmiðjan hf sat-23 ta’ Ottubru tal-2003, meta l-Istat assuma d-dejn li Sementsverksmiðjan hf kellha mal-Fond tal-Pensjoni. Dan id-dejn kien jikkonċerna, fuq naħa waħda, il-ħlas ta’ pensjonijiet lill-impjegati ta’ Sementsverksmiðjan hf li kienu diġà rtiraw fiż-żmien meta ġie stabbilit id-dejn fl-1997. Min-naħa l-oħra, id-dejn kien jikkonċerna wkoll il-ħlas tal-pensjonijiet li ġie kkalkulat, ta’ 5 impjegati li dak iż-żmien kienu għadhom jaħdmu fSementsverksmiðjan hf, u li kienu għadhom membri fi Skema B tal-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati tal-Istat (31).

La darba il-ħlas tal-pensjonijiet jifforma parti mill-ispejjeż normali li negozju jkollu joħroġ fl-eżekuzzjoni tan-negozju tiegħu, il-fatt li l-Istat ħa taħt idejh dawn il-ħlasijiet ħeles lilSementsverksmiðjan hf minn spiża. B’dan l-għaġir, l-Istat ta lil din il-kumpanija vantaġġ fuq l-oħrajn peress li negozji oħra jkollhom iħabbtu wiċċhom ma spejjeż relatati mal-pensjonijiet għall-impjegati tagħhom.

1.3.3.    Tfixkil tal-kompetizzjoni u kif jiġi affetwat il-kummerċ bejn il-Partijiet Kontrattwali

It-tielet, l-għajnuna mill-Istat trid tfixkel il-kompetizzjoni u taffetwa l-kummerċ bejn il-Partijiet Kontrattwali.

In-negozji li jibbenefikaw minn vantaġġ ekonomiku mogħti mill-Istat li jnaqqsilhom l-ammont normali tal-ispejjeż tagħhom, jispiċċaw f’pożizzjoni kompettittiva li hi aħjar minn dawk li ma jibbenefikawx minn dan il-vantaġġ. Fiż-ZEE, teżisti kompetizzjoni għas-siment fis-suq. Bħalissa, hemm żewġ kumpaniji li huma attivi fis-suq tas-siment tal-Islanda: Sementsverksmiðjan hf. u Aalborg Portland Íslandi ehf. Kwalunkwe vantaġġ mogħti lilSementsverksmiðjan hf. li jnaqqsilha l-ispejjeż li normalment ikollha toħroġ, ipoġġi lill-kumpanija f’pożizzjoni kompetittiva aħjar fir-rigward ta’ negozji oħra li diġà qegħdin joperaw jew negozji ġodda li jistgħu jidħlu fis-suq tas-siment fl-Islanda u li ma jibbenefikawx minn dan il-vantaġġ. Għalhekk, l-appoġġ mogħti mill-Istat lilSementsverksmiðjan hf. ifixkel il-kompetizzjoni.

Ir-raba’, biex Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE japplika, il-miżura għandha taffetwa l-kummerċ bejn il-Partijiet Kontrattwali tal-Ftehim taż-ŻEE.

Fis-suq tal-Islanda, il-kompetitur dirett ta’ Sementsverksmiðjan hf. hi kumpanija sussidjarja ta’ kumpanija sitwata fi Stat ieħor li jifforma parti mill-Ftehim taż-ŻEE, liema kumpanija ma tipproduċix siment fl-Islanda, iżda timpurtah fl-Islanda minn pajjiżi oħra li huma pajjiżi fiż-ŻEE. Għal din ir-raġuni, jingħad li l-miżura taffetwa l-kummerċ bejn il-Partijiet Kontrattwali tal-Ftehim taż-ŻEE fl-ambitu tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE.

1.3.4.    Konklużjoni

Għar-raġunijiet hawn fuq indikati, l-Awtorità hija tal-fehma li meta l-Istat assuma l-obbligi relatati mal-pensjonijiet permezz tal-Ftehim iffirmat bejn il-Ministeru tal-Finanzi u l-Fond tal-Pensjoni tal-Istat f’Ottubru tal-2003, l-Istat ta għajnuna lil Sementsverksmiðjan hf..

2.   REKWIŻITI PREĊEDURALI

Skont l-Artikolu 1(3) tal-Ewwel Parti tal-Protokoll numru 3 għall-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, “l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għandha tkun infurmata, fi żmien raġonevoli biex tkun tista’ tissottometti l-kummenti tagħha, dwar kwalunkwe pjan dwar l-għoti jew it-tibdil tal-għajnuna (…). L-Istat ikkonċernat m’għandux jeżegwixxi l-miżuri li hu jipproponi qabel ma l-proċedura tkun waslet għal deċiżjoni finali.”

Għalkemm l-awtoritajiet tal-Islanda ssottomettew notifika, permezz ta’ ittra datata d-29 ta’ Awwissu 2003 dwar il-bejgħ ippjanat ta’ ishma li l-Istat kellu f’Sementsverksmiðjan hf., l-iffirmar tal-ftehimiet hawn fuq imsemmija mill-awtoritajiet tal-Islanda daħħal fis-seħħ kull miżura possibbli ta’ għajnuna mill-Istat li ngħatat fuq il-bażi ta’ dawn il-ftehimiet, qabel ma l-Awtorità kienet ħadet deċiżjoni finali fuq in-notifika. Għal din ir-raġuni, l-għajnuna mill-Istat mogħtija fil-qafas ta’ din it-tranżazzjoni tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali fl-ambitu tal-Artikolu 1(f) tat-Tieni Parti tal-Protokoll numru 3, jiġifieri, għajnuna ġdida li ddaħħlet fis-seħħ bi ksur tal-Artikolu 1(3) tal-Ewwel Parti tal-istess Protokoll.

3.   IL-KUMPATIBBILTÀ TAL-GĦAJNUNA

Taħt l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim taż-ŻEE, għajnuna mogħtija biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċerti żoni ekonomiċi, tista’ titqies bħala kumpatibbli mal-iffunzjonar tal-Ftehim taż-ŻEE, f’każijiet fejn għajnuna bħal din ma taffetwax b’mod negattiv il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jmur kontra l-interess komuni. Għajnuna mogħtija għar-ristrutturar għandha tiġi evalwata taħt il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għas-Salvataġġ jew ir-Ristrutturar ta’ Kumpanija (minn issa ’il quddiem imsejha l-“Linji Gwida S & R”).

Fid-Deċiżjoni Nru 421/04/COL, l-Awtorità enfasizzat il-fatt li l-awtoritajiet tal-Islanda ma ressqux argumenti jew evidenza dokumentata rispettiva għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kumpatibbiltà tal-għajnuna mal-Linji Gwida S & R. L-awtoritajiet tal-Islanda għaddew il-pjan ta’ ristrutturar ta’ Sementsverksmiðjan hf. b’ittra datata Frar 2005. Barra minn hekk, fi Frar tal-2008, l-awtoritajiet tal-Islanda ssotomettew informazzjoni ulterjuri dwar il-pjan ta’ ristrutturar. Hawn taħt, l-Awtorità ser tevalwa jekk din l-informazzjoni l-ġdida tippermettix li wieħed jikkonkludi li l-għajnuna mill-Istat tissodisfa r-rekwiżiti tal-Linji Gwida S & R (32).

3.1   IL-LINJI GWIDA APPLIKABBLI

L-għajnuna ngħatat f’Ottubru 2003 meta l-Istat ħeles lil Sementsverksmiðjan hf. mill-obbligi tagħha relatati mal-pensjonijiet. L-evalwazzjoni tal-kumpatibbiltà ta’ din l-għajnuna ser tkun ibbażata fuq il-Linji Gwida S & R mill-1999 (33), li kienu applikabbli fiż-żmien meta ngħatat l-għajnuna.

3.2   KUMPANIJA F’DIFFIKULTÀ

Skont is-Sezzjoni 16.2.1 tal-Linji Gwida S & R, kumpanija b’responsabbiltà limitata titqies bħala kumpanija f’diffikultà għall-finijiet tal-linji gwida, fi kwalunkwe każ u irrispettivament mid-daqs tagħha, meta aktar min-nofs tal-kapital irreġistrat tagħha jkun sparixxa, u aktar minn kwart ta’ dak il-kapital ikun intilef fl-aħħar 12-il xahar. Irrispettivament mit-tip ta’ kumpanija kkonċernata, il-linji Gwida S & R iqisu li kumpanija tinsab f’diffikultà għall-finijiet tal-Linji Gwida, meta din tissodisfa l-kriterji tal-liġi nazzjonali tagħha biex issir soġġetta għall-proċedimenti kollettivi ta’ insolvenza. Normalment is-sintomi ta’ kumpanija li tinsab f’diffikultà huma telf dejjem akbar, fatturat dejjem jonqos, inventarji dejjem akbar, kapaċità eċċessiva, nuqqas ta’ likwidità, akkumulazzjoni ta’ dejn, żieda fl-ispejjeż tal-imgħax u valur nett tal-assi li jonqos jew jispiċċa fix-xejn..

Il-kapital irreġistrat tal-kumpanija naqas minn ISK 1 096 miljun fl-2000 għal ISK 458 miljun fl-2003. Id-dħul tal-kumpanija naqas minn ISK 1.06 biljun fl-2000 għal ISK 863 miljun fl-2001 u ISK 598 miljun fl-2002. Il-bejgħ tal-kumpanija naqas minn […] fl-2000 għal […] fl-2001 u […] fl-2002. Konsegwentement, il-produzzjoni niżlet b’aktar minn […] %. Ir-riżultati operattivi bdew imorru għall-agħar b’ritmu mgħaġġel f’dan l-istess perjodu. Sementsverksmiðjan hf. kellha profitt ta’ ISK 70 miljun fl-2000 iżda għamlet telf ta’ ISK 230 miljun fl-2001. It-telf li ġarrbet il-kumpanija fl-2002 kien ta’ ISK 220 miljun. Bejn is-sena 2000 u s-sena 2002, id-dejn totali ta’ Sementsverksmiðjan hf. żdied minn ISK 733 miljun għal ISK 1 157 miljun. L-assi kurrenti naqsu minn ISK 750 miljun għal ISK 640 miljun.

Fil-kontijiet annwali ta’ Sementsverksmiðjan hf. għall-2002, l-akkawntants esprimew tħassib serju dwar l-istat finanzjarju tal-kumpanija. It-telf akkumulat u l-probabilità kbira li l-kumpanija se tibqa’ tagħmel telf fis-sena 2003, wassal għall-konklużjoni li kien dubjuż jekk il-kumpanija kinitx kapaċi tkompli topera.

Skont l-ispjegazzjonijiet u l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet tal-Islanda, Sementsverksmiðjan hf. kienet fuq waslet fiex tfalli u ma setgħetx tirkupra bir-riżorsi tagħha stess.

Għalhekk, l-Awtorità hi tal-fehma li, fil-mument meta ngħatat l-għajnuna mill-Istat, Sementsverksmiðjan hf. kienet kumpanija f’diffikultà fl-ambitu tal-Linji Gwida S & R.

3.3   DEFINIZZJONI TA’ GĦAJNUNA GĦAR-RISTRUTTURAR

L-għajnuna għar-ristruttrar trid tkun ibbażata fuq pjan fattibbli, koerenti u estiż sabiex tiġi rrestawrata l-vijabbiltà tal-kumpanija fuq medda ta’ żmien twil. Skont is-Sezzjoni 16.2.2 tal-Linji Gwida S & R, l-għajnuna għar-ristrutturar normalment tinvolvi wieħed jew aktar minn dawn l-elementi li ġejjin: l-organizzazzjoni mill-ġdid u r-razzjonalizzazzjoni tal-attivitajiet tal-kumpanija għal bażi aktar effiċjenti, li tipikament jinvolvi t-twaqqif ta’ attivitajiet li jwasslu għal telf, ir-ristrutturar tal-attivitajiet eżistenti li jistgħu jerġgħu jsiru kompetittivi u, possibilment li l-kumpanija tiddiversifika fid-direzzjoni ta’ attivitajiet ġodda u vijabbli. Ġeneralment, ir-ristrutturar finanzjarju (injezzjoni ta’ kapital, tnaqqis tad-dejn) irid jimxi id f’id mar-ristrutturar fiżiku. Madanakollu, id-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida S & R jenfasizzaw il-fatt li l-operazzjonijiet ta’ ristrutturar ma jistgħux ikunu limitati għal għajnuna finanzjarja biex din tagħmel tajjeb għal telf li l-kumpanija tkun ġarrbet fil-passat mingħajr ma jiġu indirizzati r-raġunijiet ta’ dak it-telf.

Il-pjan ta’ ristrutturar ta’ Sementsverksmiðjan hf. kien jikkonsisti f’firxa wiesgħa ta’ miżuri. Dan kopra r-ristrutturar finanzjarju tal-kumpanija, ir-ristrutturar tal-forxa tax-xogħol u tal-ispejjeż tal-produzzjoni, u l-inkorporazzjoni ta’ sorsi ta’ dħul alternattivi. Għalhekk, fid-dawl tal-Linji Gwida S & R, dan il-pjan ta’ ristrutturar ma kienx limitat għar-ristrutturar finanzjarju iżda indirizza aspetti oħra tar-ristrutturar ta’ Sementsverksmiðjan hf.. Fil-bidu, l-għajnuna kienet tat-tip li għandu jiġi evalwat taħt il-Linji Gwida S & R.

3.4   IL-KUNDIZZJONIJIET GĦALL-AWTORIZAZZJONI TAL-GĦAJNUNA GĦAR-RISTRUTTURAR

L-għajnuna mill-Istat għar-ristrutturar ta’ kumpaniji f’diffikultà tista’ titqies bħala leġittima taħt ċerti kondizzjonijiet biss. Din tista’ tiġi ġġustifikata, per eżempju, fuq il-bażi ta’ konsiderazzjonijiet soċjali jew reġjonali, tal-ħtieġa li jiġi kkunsidrat l-irwol benefiċjali ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) fl-ekonomija, u tal-objettiv li tinżamm struttura kompetittiva fis-suq meta l-għejbien ta’ kumpaniji jista’ jwassal għal monopolju jew sitwazzjoni stretta ta’ oligopolija.

3.4.1.    Ir-restawr tal-vijabbiltà

Skont is-Sezzjoni 16.3.2.2(b) tal-Linji Gwida S & R, l-għoti ta’ għajnuna għandu jkun marbut mal-kondizzjoni li jiġi implimentat il-pjan ta’ ristrutturar li jrid ikun approvat mill-Awtorità. Il-pjan ta’ ristrutturar, li għandu jkun għal żmien kemm jista’ jkun qasir, irid jirrestawra l-vijabbiltà fit-tul tal-kumpanija, u dan fi żmien raġonevoli u fuq il-bażi ta’ suppożizzjonijiet realistiċi rigward il-kondizzjonijiet tal-operat futuri. L-għajnuna għar-ristrutturar għandha tkun marbuta ma’ pjan ta’ ristrutturar vijabbli b’impenn mill-Istat tal-EFTA kkonċernat. Il-pjan irid jiġi sottomess bid-dettalji relevanti kollha lill-Awtorità u jrid jinkludi , b’mod partikolari, stħarriġ tas-suq.

It-titjib fil-vijabbiltà jrid jinkiseb primarjament minn miżuri interni li jkunu jinsabu fil-pjan ta’ ristrutturar u jista’ jkun ibbażat fuq fatturi esterni, bħal varjazzjonijiet fil-prezzijiet u fid-domanda li fuqhom il-kumpanija m’għandhiex influwenza kbira, biss jekk is-suppożizzjonijiet tas-suq li jkunu saru jkunu ġeneralment aċċettati. Ir-ristrutturar irid jinvolvi l-abbandun ta’ dawk l-attivitajiet li jkomplu jwasslu għal telf strutturali anke wara li jsir ir-ristrutturar.

Id-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni 16.3.2.2(b) tal-Linji Gwida S & R jesiġu li l-pjan ta’ ristrutturar jkun fih deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi li wasslu lill-kumpanija għad-diffikultajiet li tkun tinsab fihom, u b’hekk jipprovdi bażi għall-evalwazzjoni dwar jekk il-miżuri proposti humiex il-miżuri x-xierqa. Għandu jikkunsidra, fost l-oħrajn, l-istat preżenti u l-prospetti futuri għall-provvista u d-domanda fis-suq tal-prodotti relevanti, u għandu jinkludi eżempji li jirriflettu l-aħjar każ li jista’ jseħħ, l-agħar każ li jista’ jseħħ u suppożizzjonijiet intermedjarji, kif ukoll l-aspetti li fihom il-kumpanija hija l-aktar b’saħħitha u l-aktar dgħajfa. Dan għandu jgħin lill-kumpanija biex timxi ’il quddiem lejn struttura ġdida li tagħtiha prospetti ta’ vijabbiltà fit-tul u li jgħinuha tieqaf fuq saqajha.

Il-pjan għandu jaħseb għal bidla li tgħin lill-kumpanija, wara li jitlesta l-proċess ta’ ristrutturar, biex tkopri l-ispejjeż kollha, inklużi d-deprezzament u l-ispejjeż finanzjarji. Skont il-Linji Gwida S & R, id-dħul mistenni fuq il-kapital għandu jkun biżżejjed biex jippermetti lill-kumpanija ristrutturata biex tikkompeti fis-suq mingħajr bżonn ta’ għajnuna barranija.

Il-pjan ta’ ristrutturar ta’ Sementsverksmiðjan hf. kien jikkonsisti f’erba’ miżuri differenti:

Ristrutturar finanzjarju;

Ristrutturar tal-forza tax-xogħol;

Ristrutturar tal-ispejjeż tal-produzzjoni;

Sorsi ta’ dħul alternattivi.

Ristrutturar finanzjarju

L-awtoritajiet tal-Islanda spjegaw li waħda mill-miżuri prinċipali tal-proċess ta’ ristrutturar kienet li jiġu mnaqqsa d-djun permezz tal-bejgħ tal-assi tal-kumpanija. Matul il-ħarifa tal-2003, Sementsverksmiðjan hf. illikwidat l-assi kollha tagħha li ma kellhomx x’jaqsmu direttament mal-produzzjoni u mat-trasport tas-siment fis-suq tal-Islanda. Bil-flus li daħħlet minn dan il-bejgħ, il-kumpanija rnexxielha tnaqqas d-djun li kellha u rnexxielha għall-inqas tnaqqas it-telf li kien qiegħed isir mill-operat tagħha. Ir-rikavat totali mill-bejgħ tal-assi kien ta’ ISK 580 miljun u ntuża biex jitnaqqas dejn fuq medda ta’ żmien twil u fuq medda ta’ żmien qasir. L-għan ewlieni tal-kumpanija kien li matul il-perjodu ta’ ristrutturar hi tnaqqas l-ispiża kapitali. Il-kumplament tad-djun fuq medda ta’ żmien twil imbagħad ġew innegozjati mill-ġdid biex b’hekk il-kumpanija ma tnaqqasx l- ammont prinċipali tas-self għal dawk is-sentejn ta’ wara l-bejgħ.

Skont l-informazzjoni li ngħatat, l-aktar parti diffiċli tal-pjan ta’ ristrutturar għall-kumpanija kien in-negozjar mill-ġdid tad-dejn mal-kredituri. Jidher li fl-aħħar tliet snin ta’ qabel il-bejgħ, minħabba t-telf li ġarrbet, il-kumpanija kienet żiedet is-self kemm li jitħallas lura fuq medda ta’ żmien qasir, kif ukoll dak li jitħallas lura fuq medda ta’ żmien twil. Il-kumpanija kienet iffirmat kuntratti ta’ self ma’ diversi istituzzjonijiet. Dawn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu qiesu dan is-self mogħti lil Sementsverksmiðjan hf. bħala self akkwistat mill-Istat, u ma kinux lesti li jagħtu aktar kreditu lill-kumpanija meta din ġiet privatizzata qabel ma jitħallsu lura l-ammonti mislufa li kienu għadhom pendenti. Għaldaqstant, il-livelli tad-dejn kellhom jitnaqqsu b’mod sinifikanti u dan seħħ permezz tal-bejgħ tal-assi li ma kinux bżonnjużi għall-produzzjoni tas-siment u/jew għad-ditribuzzjoni.

L-awtoritajiet tal-Islanda indikaw li “fattur kritiku fin-negozjati [finanzjarji] kien li d-dejn relatat mal-pensjonijiet jitneħħa mill-karta tal-bilanċ tal-kumpanija, biex b’hekk il-kumpanija tkun tista’ tipprovdi skeda tal-ħlas lura tad-dejn li tkun vijabbli u kredibbli. Jidher ċar, u dwar dan jaqblu kemm ix-xerrejja kif ukoll il-kredituri, li l-kumpanija ma kinitx tiflaħ tħallas kemm id-dejn relatat mal-pensjonijiet, kif ukoll self ieħor fuq medda ta' żmien twil u qasir, waqt li fl-istess ħin iżżomm il-livell ta’ investimenti f’assi fissi li hu neċessarju biex il-kumpanija tkompli topera.”

It-tneħħija tad-dejn relatat mal-pensjonijiet flimkien ma’ ħlas lura parzjali ta’ djun oħra kienet parti essenzjali biex tingħata l-approvazzjoni għar-ristrutturar finanzjarju.

Ristrutturar tal-forza tax-xogħol

Fiż-żmien meta sar il-bejgħ, kien hemm 63 ħaddiem jaħdmu ma’ Sementsverksmiðjan hf.. Analiżi li saret dwar il-karatteristiċi ekonomiċi tal-impriża u tas-suq li fih kienet attiva wriet li l-forza tax-xogħol kellha titnaqqas b’mill-inqas 20 impjegat. Ta’ mill-inqas 41 impjegat kienet meħtieġa biex titħaddem il-fabbrika. Il-kuntratti mal-ħaddiema żejda ġew itterminati, u minħabba li xi wħud mill-ħaddiema kienu ilhom jaħdmu mal-kumpanija għal żmien twil, l-ispejjeż tal-kumpens li kellu jingħata għat-temm tal-kuntratti kienu għoljin.

It-tieni nett, il-kumpanija kellha skema ta’ bonus relatata mal-produzzjoni għall-maġġoranza tal-impjegati tagħha. L-ammont li kellu jitqassam bejn l-impjegati kien iffissat b’tali mod li l-ispejjeż tal-bonus tal-produzzjoni jibqgħu l-istess irrispettivament min-numru ta’ impjegati. Bdew negozjati mat-trejdjunjin biex dan il-bonus tal-produzzjoni jibda japplika għal kull impjegat biex b’hekk it-tnaqqis fin-numru totali tal-ħaddiema jkun jikkorrispondi mat-tnaqqis fl-ammont globali tal-bonus tal-produzzjoni mħallas.

Ristrutturar tal-ispejjeż tal-produzzjoni u sorsi ta’ dħul alternattivi

Skont l-awtoritajiet tal-Islanda, l-aktar miżura importanti kienet li jiġu nnegozjati mill-ġdid il-prezzijiet tal-materja prima. Barra minn hekk, sar tibdil fil-kompożizzjoni tas-siment biex jitnaqqsu l-ispejjeż relatati mal-enerġija fil-produzzjoni.

Rigward in-negozjar mill-ġdid tal-prezzijiet tal-materja prima, parti kbira mill-ispejjeż varjabbli tal-operat ta’ Sementsverksmiðjan hf. kienu relatati mal-prezzijiet tas-suq internazzjonali/nazzjonali u ma setgħux jinbiddlu. Dan ġara fil-każ tal-faħam, l-elettriku, it-trab tas-silika u materji primi oħra. Madanakollu, il-prezz għall-provvista tar-ramel tal-qxur, li hu l-aktar materja prima domestika sinifikanti, seta’ jitnaqqas b’[…] %. Il-prezz ta’ materji primi domestiċi oħra wkoll seta’ jiġi nnegozjat.

Barra minn hekk, Sementsverksmiðjan hf. kienet bdiet taħraq skart likwidu bħala sors ta’ dħul alternattiv u biex tnaqqas l-ispejjeż globali tal-fjuwil.

Konformità mar-rekwiżiti tar-ristrutturar

Fuq il-bażi tal-miżuri deskritti hawn fuq, l-Awtorità hija tal-fehma li l-pjan ta’ ristrutturar għal Sementsverksmiðjan hf. Jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Linji Gwida S & R. Il-pjan ta’ ristrutturar ddeskriva ċ-ċirkostanzi li wasslu lil Sementsverksmiðjan hf. għad-diffikultajiet finanzjarji tagħha. Sementsverksmiðjan hf. ma kinetx f’pożizzjoni li tiffaċċja l-kompetizzjoni u diffikultajiet ekonomiċi li għadda minnhom is-settur tal-kostruzzjoni fil-bidu tas-snin 2000. Il-pjan kien jikkonsisti f’ristrutturar finanzjarju rigoruż li jkopri l-innegozjar mill-ġdid tad-dejn mal-kredituri u l-assunzjoni mill-awtoritajiet tal-Islanda tal-obbligi relatati mal-pensjonijiet fil-konfront tal-Fond tal-Pensjoni tal-Istat. Ir-ristrutturar finanzjarju kien akkumpanjat minn miżuri ta’ ristrutturar fiżiku, li jinkludi r-ristrutturar tal-forza tax-xogħol (it-terminazzjoni ta’ kuntratti mal-ħaddiema, l-innegozjar mill-ġdid tal-vantaġġi għall-ħaddiema) u b’mod partikolari, ir-ristrutturar tal-ispejjeż tal-produzzjoni, li kien l-aktar parti tal-pjan li swiet għali. Ġew imnaqqsa l-ispejjeż tal-produzzjoni, ġiet mibdula l-kompożizzjoni tas-siment, ġew innegozjati mill-ġdid il-kuntratti mal-fornituri tal-materjal, u ingħata bidu għal inizjattivi tas-suq ġodda biex jizdied id-dħul. Il-pjan ta’ ristrutturar ta’ Sementsverksmiðjan hf. Ippreveda li l-kumpanija terġa’ ssir vijabbli fi żmien qasir ta’ sentejn, li jidher li huwa żmien raġonevoli. Il-pjan issa ġie implimentat b’mod sħiħ u għen lill-kumpanija biex tikkompeti fis-suq bil-ħila tagħħa stess. Għal dawn ir-raġunijiet, skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet tal-Islanda, l-Awtorità tikkunsidra l-pjan ta’ ristrutturar favur Sementsverksmiðjan hf. jikkonforma mar-rekwiżiti tas-Sezzjoni 16.3.2.2(b) tal-Linji Gwida S & R.

3.4.2.    Evitar ta’ distorsjoni bla bżonn tal-kompetizzjoni

Is-Sezzjoni 16.3.2.2(c) tal-Linji Gwida S & R teħtieġ li jittieħdu miżuri li kemm jista’ jkun itaffu l-effetti negattivi tal-għajnuna fuq il-kompetituri. Jekk dan ma jseħħx, l-għajnuna titqies li tmur kontra l-interess komuni u li b’hekk mhijiex kumpatibbli mal-iffunzjonar tal-Ftehim taż-ŻEE. Normalment, din il-kondizzjoni ssir f’forma ta’ limitazzjoni fuq il-preżenza li l-kumpanija jista’ jkollha fis-suq wara li jispiċċa l-perjodu tar-ristrutturar. Meta d-daqs tas-suq relevanti jkun negliġibbli fuq livell taż-ŻEE, jew jekk is-sehem tal-kumpanija fis-suq relevanti jkun negliġibbli, għandu jitqies li m’hemmx distorsjoni bla bżonn tal-kompetizzjoni.

Skont id-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni 16.3.2.2(c) tal-Linji Gwida S & R, l-Awtorità għandha tiddetermina l-grad tal-limitazzjoni jew tat-tnaqqis meħtieġa biex jiġi assigurat li m’hemmx distorsjoni bla bżonn tal-kompetizzjoni skont l-istħarriġ tas-suq li jkun anness mal-pjan ta’ ritsrutturar, u meta tkun diġà inbdiet il-proċedura, fuq il-bażi tal-informazzjoni li tkun ingħatat mill-partijiet interessati.

Fil-każ preżenti, l-Awtorità fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali f’Diċembru tal-2004 u ġiet estiża sa Novembru 2006. Madanakollu, ma kienx hemm kummenti mill-partijiet interessati li setgħu jipprovdu informazzjoni dwar il-ħtieġa li jiġu imposti miżuri ta’ kumpens u dwar l-ammont tagħhom.

Il-Linji Gwida S & R jikkunsidraw b’mod aktar favorevoli dawk l-impriżi li t-tkomplija tal-operat tagħhom aktarx li mhux ser ikollha effetti sinifikanti fuq is-sitwazzjoni kompetittiva fiż-ŻEE. L-awtoritajiet tal-Islanda pprovdew stħarriġ tas-suq dwar Sementsverksmiðjan hf. u s-suq tas-siment fl-Islanda, li huwa l-uniku suq li fih topera l-kumpanija. Skont dan l-istħarriġ, is-suq globali tas-siment fl-Islanda huwa limitat minħabba li hemm popolazzjoni żgħira fil-pajjiż. Hemm żewġ kumpaniji li joperaw fis-suq tas-siment tal-Islanda: Sementsverksmiðjan hf. u Aalborg Portland Ísland hf. Filwaqt li tal-ewwel tipproduċi u tbiegħ siment normali u s-siment bil-fdalijiet tal-metall imdewweb, dik tal-aħħar timporta s-siment mid-Danimarka u tbiegħu fl-Islanda. Fis-sena 2002, il-konsum tas-siment fl-Islanda kien jammonta għal 122 899 tunnellata (34). Fis-sena 2002, il-konsum tas-siment fl-UE kien jammonta għal 217,6 miljun. Għaldaqstant, jista’ jingħad li s-sehem tas-suq tal-Islanda fiż-ŻEE huwa negliġibbli.

Barra minn hekk, skont id-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni 16.1.(3) tal-Linji Gwida S & R, l-għajnuna mogħtija għar-ristrutturar tista’ titqies bħala ġustifikata mhux biss fuq il-bażi ta’ konsiderazzjonijiet tal-politika soċjali u reġjonali iżda wkoll fuq il-bażi tal-objettiv li tinżamm struttura tas-suq kompetittiva meta l-għibien ta’ kumpaniji jista’ jwassal għal monopolju jew sitwazzjoni stretta ta’ oligopolija. Dan hu dak li jiġri fl-Islanda kieku Sementsverksmiðjan hf. kellha tisparixxi mis-suq, u x’aktarx is-suq jispiċċa wieħed b’monopolju fuq is-siment li jiddependi mill-importazzjonijiet magħmula mill-uniku kompetitur fis-suq tas-siment fl-Islanda. Il-fatt li s-suq tas-siment fl-Islanda ġie kkaratterizzat minn monopolju jew oligopolija stretta ta’ żewġ operaturi, juri li l-possibiltà u l-attrazzjoni ta’ dan is-suq għal operaturi oħra huma limitati ħafna minħabba l-iskop limitat tas-suq u l-possibilitajiet għall-iżvilupp (qiegħda ssir referenza għar-riżultati tal-istħarriġ tas-suq imsemmi hawn fuq).

Għalhekk, l-Awtorità hi tal-fehma li m’hemmx il-ħtieġa li jiġu applikati aktar miżuri biex jillimitaw il-preżenza tal-kumpanija fis-suq.

3.4.3.    Għajnuna limitata għall-minimu

Skont id-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni 16.3.2.2(d) tal-Linji Gwida S & R, l-ammont u l-intensità tal-għajnuna għandha tiġi limitata għall-minimu meħtieġ biex jiġi assigurat li r-ristrutturar tal-kumpanija jsir fid-dawl tar-riżorsi finanzjarji eżistenti tal-kumpanija, tal-azzjonisti jew tal-grupp tan-negozju li minnu l-kumpanija tifforma parti. Il-benefiċjarji tal-għajnuna huma mistennija jikkontribwixxu għall-pjan ta’ ristrutturar b’mod sinifikanti mir-riżorsi tagħhom stess, inkluż mill-bejgħ tal-assi li mhumiex essenzjali għas-sopravivenza tal-kumpanija, jew inkella minn finanzjar estern bil-kundizzjonijiet tas-suq. Biex jiġi limitat l-effett ta’ distorsjoni, id-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni 16.3.2.2(d) tal-Linji Gwida S & R jeħtieġu li l-ammont tal-għajnuna jew il-forma li fiha tingħata l-għajnuna jkun tali li ma jipprovdix lill-kumpanija bi flus żejda li jistgħu jintużaw għal attivitajiet aggressivi li jfixklu s-suq u li mhumiex konnessi mal-proċess ta’ ristrutturar.

Skont il-Linji Gwida S & R, wara r-ristrutturar, l-Awtorità għandha teżamina l-livell tal-obbligi tal-kumpanija, inkluż wara kwalunkwe posponiment jew tnaqqis tad-djun tagħha. L-Awtorità għandha teżamina wkoll jekk xi parti mill-għajnuna mogħtija tintużax biex jiġi ffinanzjat xi investiment ġdid li mhuwiex essenzjali biex l-kumpanija terġa’ ssir vijabbli. Fi kwalunkwe każ, irid jiġi ppruvat li l-għajnuna se tintuża biss biex il-kumpanija terġa’ ssir vijabbli u li matul il-perjodu tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar, l-għajnuna mogħtija ma tgħinx lill-kumpanija benefiċjarja biex tespandi l-kapaċità tal-produzzjoni, ħlief sa fejn dan ikun essenzjali biex il-kumpanija terġa’ ssir vijabbli u mingħajr ma jkun hemm distorsjoni bla bżonn tal-kompetizzjoni.

Parti fundamentali tar-ristrutturar ta’ Sementsverksmiðjan hf. kienet tikkonsisti fil-bejgħ ta’ assi li ma kinux essenzjali għas-sopravivenza tal-kumpanija, bħall-art u l-bini kif ukoll l-ishma u l-bonds f’impriżi oħra li l-kumpanija setgħet tbiegħ biex iġġib il-flus biex tħallas id-djun tagħha. Barra minn hekk, id-djun tal-kumpanija tħallsu lura sa fejn kien possibbli ġew innegozjati mill-ġdid biex jiġi ffaċilitat ir-rimbors tagħhom sabiex il-kumpanija tkun tista’ tkompli topera. L-ispejjeż u l-istrutturi tal-forza tax-xogħol u tal-produzzjoni ġew strutturati mill-ġdid u ffinanzjati bil-mezzi tal-kumpanija stess. L-uniku intervent li sar mill-Istat kien meta l-Istat assuma d-djun ta’ Sementsverksmiðjan hf. relatati mal-pensjonijiet li kienu jammontaw għal bejn wieħed u ieħor ISK 425 million. Dan ġie kkunsidrat bħala conditio sine qua non għall-kredituri tal-kumpanija biex ir-ristrutturar tal-kumpanija jkun fattibbli. Għaldaqstant, l-Awtorità tikkonkludi li l-għajnuna mogħtija mit-Teżor kienet ristretta għall-minimu possibbli peress li t-Teżor kellu x’jaqsam biss mal-proċess li permezz tiegħu l-Istat tal-Islanda assuma d-dejn li Sementsverksmiðjan hf. kellha mal-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati tal-Istat.

L-ispejjeż tar-ristrutturar jistgħu jinġabru fil-qosor skont kif ġej:

(a)

negozjati mill-ġdid mal-kredituri

ISK 10 811 853

ISK 2 648 904 (ħlas biex isir ir-ristrutturar finanzjarju)

(b)

ristrutturar tal-forza tax-xogħol

ISK 19 098 479

ISK 2 702 963 (ħlas biex isir ir-ristrutturar tal-forza tax-xogħol)

(c)

ristrutturar fl-ispejjeż tal-produzzjoni u fis-sorsi ta’ dħul alternattivi

ISK 1 018 200 000

(d)

stima mill-ġdid tal-assi

ISK 511 856 488

L-Awtorità hi tal-fehma li l-parteċipazzjoni tal-Istat tal-Islanda fir-ristrutturar ta’ Sementsverksmiðjan hf. billi assuma d-djun li l-kumpanija kellha mal-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati tal-Istat tikkostitwixxi element fundamentali għat-twettiq tar-ristrutturar ta’ Sementsverksmiðjan hf.. Il-fatt li l-Istat assuma d-djun relatati mal-pensjonijiet, kien ikkunsidrat mill-kredituri tal-kumpanija bħala kondizzjoni preliminari biex jiġu nnegozjati mill-ġdid id-djun u obbligi oħra. Din l-għajnuna mill-Istat ippermettiet li Sementsverksmiðjan hf. tikseb ir-riżorsi meħtieġa biex tiffinanzja l-miżuri purament ta’ ristrutturar.

Għalkemm l-assunzjoni tal-obbligi relatati mal-pensjonijiet ma kinitx spiża għal Sementsverksmiðjan iżda għall-Istat, dan għandu jiġi nkluż fl-evalwazzjoni globali tar-ristrutturar ta’ Sementsverksmiðjan hf. L-għajnuna kienet meħtieġa biex jitwettqu d-diversi miżuri ta’ ristrutturar. Filwaqt li tikkunsidra dan u fid-dawl tan-nefqa meħtieġa biex Sementsverksmiðjan hf. terġa’ ssir vijabbli, l-Awtorità hi tal-fehma li l-ammont ta’ għajnuna mogħtija fil-proċess ta’ ristrutturar kien limitat għall-minimu rikjest.

3.4.4.    Għajnuna għar-ristrutturar ta’ żoni megħjuna

Skont is-Sezzjoni 16.3.2.5 tal-Linji Gwida S & R, l-Awtorità għandha tikkunsidra l-ħtiġijiet ta’ żvilupp reġjonali meta tevalwa l-għajnuna ta’ ristrutturar f’żoni megħjuna. Fiż-żoni megħjuna, il-kondizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-għajnuna jistgħu jkunu inqas stretti fir-rigward, b’mod speċjali, tal-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ kumpens. Madanakollu, dan ma jfissirx li l-Awtorità tadotta kriterju laxk fir-rigward ta’ għajnuna għar-ristrutturar ta’ kumpaniji fi stat finanzjarju ħażin li jinsabu f’żoni megħjuna sabiex tgħin lir-reġjun jappoġġa lill-kumpaniji b’mod artifiċjali. Għall-kuntlarju, huwa fl-interess tar-reġjun stess li, kemm jista’ jkun malajr, jiżviluppa attivitajiet alternattivi li huma vijabbli u sostenibbli.

Il-fabbrika ta’ Sementsverksmiðjan hf. tinsab f’Akranes, fir-reġjun tal-Punent nofsani tal-Islanda. Din iż-żona tinsab fil-Mappa tal-Għajnuna Reġjonali tal-Islanda, kif approvata mill-Awtorità b’Deċiżjoni Nru 253/01/COL tat-8 ta’ Awwissu 2001. Iż-żona hija kkaratterizzata minn rata ta’ qgħad li hi ogħla mill-medja nazzjonali, u min-nuqqas ta’ popolazzjoni fiż-żona. Il-fabbrika tas-siment ilha f’Akranes mill-1958 u kellha rwol importanti fl-ekonomija ta’ dik iż-żona. F’belt fejn il-popolazzjoni hi ta’ bejn wieħed u ieħor ta’ 5 500 resident, jekk tagħlaq il-fabbrika, tħalli effett negattiv ħafna li jkompli jżid mal-fatt li l-poplazzjoni taż-żona qiegħda dejjem tonqos u li f’din iż-żona l-aspett soċjali u ekonomiku qegħdin dejjem imorru lura.

3.4.5.    Implimentazzjoni sħiħa tal-pjan ta’ ristrutturar

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida S & R, il-kumpanija trid timplimenta b’mod sħiħ l-pjan ta’ ristrutturar li ġie approvat mill-Awtorità, u għandha tonora kull obbligu ieħor stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Awtorità (35). L-Awtorità tqis kwalunkwe nuqqas fl-implimentazzjoni tal-pjan jew fit-twettiq tal-obbligi l-oħra bħala użu ħażin tal-għajnuna.

Din hija l-iskeda prevista għall-pjan ta’ ristrutturar:

Miżura

Il-bidu tar-ristrutturar

It-tlestija tar-ristrutturar

Miżuri ta’ ristrutturar finanzjarju (in-negozjar u l-ħlas lura tad-djun mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-proċess li permezz tiegħu l-Istat assuma l-obbligi relatati mal-pensjonijiet)

Settembru 2003

Ottubru 2003

Ristrutturar tal-forza tax-xogħol (tkeċċija ta’ ħaddiema, innegozjar mill-ġdid mat-trejdjunjins)

Ottubru 2003

April 2004

Ristrutturar tal-ispejjeż tal-produzzjoni (innegozjar mill-ġdid tal-prezzijiet mal-fornituri, dħul alternattiv u tnaqqis tal-ispejjeż)

Ottubru 2003

Diċembru 2004

Il-pjan ta’ ristrutturar ppreveda li l-kumpanija tagħmel profitt wara li jitlesta l-proċess ta’ ristrutturar f’Lulju tal-2005. L-awtoritajiet tal-Islanda infurmaw lill-Awtorità li Sementsverksmiðjan hf. kienet wettqet il-pjan ta’ ritrutturar u li kienet kapaċi tilħaq punt fejn ma tagħmilx telf anke fl-2005. Minn Ġunju 2003 sa Mejju 2004, Sementsverksmiðjan hf. ġarrbet telf ta’ ISK 83 miljun, meta mqabbel mat-telf ta’ ISK 250 miljun li ġarrbet fl-2002. Minn Ġunju tal-2004 sa Mejju tal-2005, il-kumpanija għamlet profitt ta’ ISK 22 miljun.

Skont din l-informazzjoni, jidher li l-pjan ta’ ristrutturar ta’ Sementsverksmiðjan hf. kien mill-iqsar possibbli, u rnexxielu jerġa’ jġib lill-kumpanija vijabbli f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, u għaldaqstant kien ibbażat fuq suppożizzjonijiet realistiċi dwar il-kondizzjonijiet tal-operat fil-futur.

3.4.6.    Monitoraġġ u r-rapport annwali

L-Awtorità trid tkun f’pożizzjoni li tassigura li l-pjan ta’ ristrutturar ikun ġie implimentat kif suppost. Normalment dan isir permezz ta’ rapporti regolari ddettaljati mibgħuta mill-Istat tal-EFTA lill-Awtorità.tlesta malli ġie stabbilit li l-kumpanija saret vijabbli. M’hemm l-ebda miżura ta’ ristrutturar pendenti għaliex kollha ġew konklużi b’suċċess. Għaldaqstant, f’dan il-każ, m’hemmx għalfejn isiru rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar.

3.5   IL-KONDIZZJONI TA’ “PROĊESS TA’ DARBA, GĦALL-AĦĦAR DARBA”

Biex jiġi evitat li xi kumpaniji jingħataw l-għajnuna b’mod mhux ġust, l-għajnuna għar-ristrutturar għandha tingħata darba biss. Meta jkun innotifikat lill-Awtorità l-fatt li ġie ppjanat li tingħata għajnuna għar-ristrutturar, is-Sezzjoni 16.3.2.3. tal-Linji Gwida S & R teħtieġ li l-Istat tal-EFTA jispeċifika jekk il-kumpanija kkonċernata qattx irċeviet għajnuna għar-ristrutturar fil-passat, inkluża għajnuna mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ tal-Linji Gwida S & R u għajnuna mhux innotifikata.

L-awtoritajiet tal-Islanda ddikjaraw li l-kondizzjoni ta “proċess ta’ darba, għall-aħħar darba” ġiet issodisfata. Stqarru wkoll li l-kumpanija ma rċeviet ebda għajnuna qabel u li m’hemmx pjanijiet biex il-kumpanija tingħata iżjed għajnuna fil-futur.

4.   KONKLUŻJONI

Għar-raġunijiet hawn fuq imsemmija, l-Awtorità hija tal-fehma li l-għajnuna li ngħatat lil Sementsverksmiðjan hf. b’konnessjoni mal-assunzjoni mill-Istat tal-Islanda tad-djun tal-kumpanija relatati mal-pensjonijiet tikkostitwixxi għajnuna ta’ ristrutturar li hija kumpatibbli mal-iffunzjonar tal-Ftehim taż-ŻEE fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna għas-Salvataġġ jew ir-Ristrutturar ta’ Kumpanija, li kienu applikabbli fiż-żmien meta ngħatat l-għajnuna.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-assunzjoni mill-Istat tal-obbligi tal-pensjonijiet li Sementsverksmiðjan hf. kellha lejn il-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati tal-Istat tikkonsisti f’għajnuna mill-Istat fl-ambitu tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE.

Artikolu 2

L-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 hija kumpatibbli mal-iffunzjonar tal-Ftehim taż-ŻEE, u dan skont l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim taż-ŻEE flimkien mal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna għas-Salvataġġ jew ir-Ristrutturar ta’ Kumpanija li ġew adottati mill-Awtorità fl-1999.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Islanda.

Artikolu 4

Il-verżjoni Ingliża biss hija awtentika.

Magħmula fi Brussell, it-28 ta’ Mejju 2008.

Għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA,

Per SANDERUD

President

Kristján Andri STEFÁNSSON

Membru tal-Kulleġġ


(1)  Minn issa ’il quddiem imsejħa “l-Awtorità”.

(2)  Minn issa ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim taż-ŻEE”.

(3)  Minn issa ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti”.

(4)  Minn issa ’il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll numru 3”.

(5)  Linji Gwida dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-Artikoli 61 u 62 tal-Ftehim taż-ŻEE u tal-Artikolu 1 tal-Protokoll numru 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, li ġew adottati u maħruġa mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA fid-19 ta’ Jannar 1994, ippubblikati fil-ĠU L 231, 3.9.1994 u fis-Suppliment taż-ŻEE Nru 32 tat-3.9.1994. Il-Linji Gwida ġew emendati l-aħħar fid-19 ta’ Diċembru 2007. Minn issa ’il quddiem imsejħa l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat. Verżjoni aġġornata tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat tinsab fis-sit elettroniku tal-Awtorità: http://www.eftasurv.int/fieldsofwork/fieldstateaid/guidelines/

(6)  Ippubblikata fil-ĠU L 139, 25.5.2005, p. 37.

(7)  Id-deċiżjoni tal-Awtorità Nru 421/04/COL ġiet ippubblikata fil-ĠU C 117, 19.5.2005, p. 17 u fis- Suppliment taż-ŻEE Nru 24, 19.5.2005. Id-deċiżjoni tal-Awtorità Nru 368/06/COL ġiet ippubblikata fil-ĠU C 77, 5.4.2007, p. 21 u fis-Suppliment taż-ŻEE Nru 17, 5.4.2007, p. 1.

(8)  Għal aktar informazzjoni dettaljata dwar il-korrispondenza li għaddiet bejn l-Awtorità u l-awtoritajiet tal-Islanda, qiegħda ssir referenza għad-Deċiżjoni tal-Awtorità biex tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, Deċiżjoni Nru 421/04/COL.

(9)  Ara n-nota 7 ta’ qiegħ il-paġna.

(10)  Ara n-nota 7 ta’ qiegħ il-paġna.

(11)  Għal informazzjoni aktar iddettaljata dwar il-proċess tal-bejgħ, qiegħda ssir referenza għad-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 421/04/COL.

(12)  Il-grupp ta’ investiment kien ikkostitwit minn Framtak fjárfestingarbanki hf, Björgun ehf., BM Vallá ehf. u oriġinarjament minn Steypustöðin, li aktar tard ġiet issostitwita mill-kumpanija Norveġiża Norcem AS.

(13)  2 tankijiet fejn jinħażen is-siment, il-bini tal-kunsinna/ippakkjar tas-siment, it-turġien u l-entrata, il-kejsing tal-pajpijiet tas-siment, l-istekkat u l-grada, sajlo tal-azzar u t-tagħmir ta’ miegħu, kumpressuri tal-arja, magna li tnixxef u tagħmir li jaħdem bl-elettriku li jinsab f’maħżen ħdejn il-baċir, il-krejn ta’ ħdejn il-moll, is-sistema ta’ pajpijiet f’kejsing tal-pajpijiet tas-siment, miżien tal-vetturi u t-tagħmir kompjuterizzat ta’ miegħu.

(14)  Kamra tal-pressa, 2 sajlos, kunsinna tas-siment, kamra tal-pompa, tagħmir biex jiżen il-karozzi u t-tagħmir kompjuterizzat ta’ miegħu fil-kamra tal-kunsinna, krejn, pajpijiet u sajlo tal-azzar bit-tagħmir imqabbad miegħu, makkinarju u tojlits, stazzjon tat-trasformazzjoni, taraġ u entrata.

(15)  Il-primjums għall-Iskema A tal-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati tal-Istat huma mħallsa fuq il-bażi tad-dħul totali tal-impjegati li huma membri tal-Iskema li jakkwistaw id-drittijiet tal-irtirar fuq il-bażi tat-total tal-primjums imħallsa. Bħal ma jiġri fil-maġġoranza tal-fondi tal-pensjoni tax-xogħol li huma obbligatorji, id-drittijiet għall-pensjoni tal-Iskema A huma konnessi mal-indiċi tal-prezzijiet għall-konsumatur. Id-drittijiet tal-impjegati li huma membri tal-Iskema huma marbuta bil-liġi u dawk li jħaddmu huma obbligati li jaġġustaw il-primjums tagħhom perjodikament biex jassiguraw li d-dħul tal-Fond mill-primjums ikun jaqbel mal-ħruġ tal-Fond.

(16)  L-enfasi hija miżjuda mill-Awtorità.

(17)  Akronomu bl-Iżlandiż għall-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati tal-Istat.

(18)  L-awtoritajiet tal-Islanda pprovdew informazzjoni dwar l-affiljazzjoni tal-impjegati tal-kumpanija Sementsverksmiðjan hf. f’diversi skambji ta’ korrispondenza. Huma pprovdew dawn l-evalwazzjonijiet tal-figuri f’ittra datata 12 ta’ Novembru 2003. F’ittra datata 18 ta’ April 2006, l-awtoritajiet tal-Islanda komplew jispjegaw li meta ġiet inkorporata l-kumpanija fl-1993, kien hemm 6 impjegati li kienu membri tal-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati tal-Istat u 93 impjegat li kienu membri ta’ fondi tal-pensjoni privati. Kif spjegaw l-awtoritajiet tal-Islanda, l-impjegati tal-kumpanija Sementsverksmiðjan hf. li ma jagħmlux xogħol manwali kellhom aċċess għall-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati tal-Istat, filwaqt li l-impjegati li jagħmlu xogħol manwali kienu membri tas-sistema tal-pensjoni privata, jiġifieri il-fond tal-pensjoni tat-trejdjunjin tagħhom. Wara l-inkorporazzjoni tal-kumpanija fl-1993, l-impjegati ġodda li ma jagħmlux xogħol manwali setgħu xorta jkunu membri tal-Fond tal-Pensjoni tal-Istat. Wara l-bejgħ tal-ishma li l-Istat kellu f’Sementsverksmiðjan hf. li sar fl-2003, l-impjegati l-ġodda kollha kellhom jidħlu membri f’fond tal-pensjoni privat.

(19)  L-assi kkonċernati huma l-proprjetajiet u l-assi tal-kumpanija f’Reykjavík, il-bini tal-uffiċċju tal-kumpanija f’Akranes minbarra sular u nofs minnu, u l-ishma u l-bonds li l-kumpanija Sementsverksmiðjan hf. għandha f’kumpaniji oħra.

(20)  2 tankijiet fejn jinħażen is-siment, il-bini tal-kunsinna u l-ippakkjar tas-siment, it-taraġ u l-entrata, il-kejsing tal-pajpijiet tas-siment, l-istekkat u l-grada, sajlo tal-azzar u t-tagħmir ta’ miegħu, kumpressuri tal-arja, magna li tnixxef u tagħmir li jaħdem bl-elettriku li jinsab f’maħżen ħdejn il-baċir, il-krejn ta’ ħdejn il-moll, is-sistema ta’ pajpijiet tal-kejsing tal-pajpijiet tas-siment, miżien tal-vetturi u t-tagħmir kompjuterizzat ta’ miegħu.

(21)  L-ishma fil-kumpanija Geca ġew stmati li kellhom valur ta’ ISK 46,5 miljun, l-ishma tal-kumpanija Spölur ġew stmati li kellhom valur ta’ ISK 40 miljun u l-bonds maħruġa mill-kumpanija Spölur ġew stmati li kellhom valur ta’ ISK 11 miljun.

(22)  Islenskt Sement tispjega li l-ispiża totali għal-likwidazzjoni tal-Kumpanija laħqet is-somma ta’ ISK 390,4 miljun, li fiha tinkludi s-somma li l-Istat ħallas biex jixtri l-art f’Rejkjavik u f’Akranes. Kieku l-Istat iddeċieda li jxolji l-kumpanija, l-ispiża tal-likwidazzjoni kienet tammonta għall-valur tal-likwidazzjoni għall-assi fissi, jiġifieri ISK 69,9 miljun li minnhom jitnaqqas l-obbligu kuntrattwali biex jitnaddaf is-sit fejn hemm l-impjant, bi spiża totali tal-likwidazzjoni li tammonta għal ISK 390,4 miljun. Id-deċiżjoni tal-Istat li jassumi d-dejn li l-Kumpanija kellha mal-Fond tal-Pensjoni tal-Impjegati tal-Istat li jammonta għal ISK 388 028 317 u li jbiegħ l-ishma tal-Kumpanija lil Islenskt Sement għal ISK 68 miljun, wasslet għal spiża netta li tammonta għal ISK 320 028 317. Għalhekk, l-ispejjeż għal-likwidazzjoni għall-Kumpanija kienu akbar mill-ispiża totali totali għal ISK 70 376 683.

(23)  Fi Frar tal-2003, il-kumpanija Almenna Verkfræðistofan (AV) għamlet stima parzjali tal-proprjetajiet tal-kumpanija Sementsverksmiðjan hf. li jinsabu f’Rejkjavik, kif ukoll stima sħiħa f’Novembru 2003. Il-valur tal-bonds u l-ishma ġie stabbilit minn MP Verðbref meta stabbilixxew il-valur tal-kumpanija llikwidata qabel ma nbiegħu l-ishma tal-Istat. Is-Sur Daníel Rúnar Elíasson, sensar awtorizzat tal-proprjetà immobbli mill-aġenzija tal-proprjetà immobbli Hákot ivvaluta l-bini f’Akranes f’Awwissu 2003.

(24)  Każijiet Konġunti T-127/99, T-129/99 & T-148/99 Diputación Foral de Alava u oħrajn v Il-Kummissjoni [2002] ECR II-1275, paragrafu 71.

(25)  Każ T-366/00, Scott SA v Il-Kummissjoni [2007] ECR II-797, paragrafu 93.

(26)  Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti, l-Awtorità “m’għandhiex tieħu l-ħtija minħabba li l-istima li għamlet kienet approssimattiva” peress li stimi bħal dawn huma min-natura tagħha approssimattivi, cf Każ T-366/00, Scott SA v Il-Kummissjoni, kwotat hawn fuq, paragrafu 96.

(27)  2 tankijiet fejn jiġi maħżun is-siment, il-bini fejn jitwassal is-siment/jiġi ppakkjat, it-taraġ u l-entrata, il-kejsing tas-siment tal-pajpijiet, l-istekkat u l-grada, sajlo tal-azzar u t-tagħmir ta’ miegħu, kumpressuri tal-arja, magna li tnixxef u tagħmir li jaħdem bl-eletrriku li jinsab f’maħżen ħdejn il-baċir, il-krejn ta’ ħdejn il-moll, il-pajpijiet li għaddejin minn ġo kejsing apposta tas-siment, miżien tal-vetturi u t-tagħmir kompjuterizzat ta’ miegħu.

(28)  L-assi mikrija huma kamra tal-pressa, żewġ sajlos, it-trasport tas-siment għal fuq il-post u kamra tal-pompa, li jikkonsistu f’erja ta’ 290 m.k. Barra minn hekk, it-tagħmir użat biex jiżen il-karozzi, il-lottijiet tax-xogħol, il-krejn, il-pajpijiet u s-sajlo tal-azzar, il-makkinarju u t-tojlits, stazzjon tat-transformer, it-taraġ u l-entrata huma wkoll mikrija.

(29)  L-awtoritajiet tal-Islanda infurmaw lill-Awtorità li l-użu ta’ ħafna mill-art f’Sævarhöfði, f’Reykjavik li qabel kienet tal-kumpanija Sementsverksmiðjan hf. inkriet lill-kumpanija Jarðboranir hf. għall-prezz ta’ […] ISK kull metru kwadru. Il-prezz tal-kiri mitlub lill-kumpanija Sementsverksmiðjan hf. kien ta’ […] ISK. L-Awtoritajiet tal-Islanda spjegaw ukoll li l-fatt li kienet se tinkera l-art f’Sævarhöfði ġie reklamant fil-gazzetta Morgunblaðið fl-aħħar tal-2003 u li l-aktar offerta vantaġġuża kienet magħmula mill-kumpanija Jarðboranir hf. għall-prezz hawn imsemmi. Għal dawn ir-raġunijiet, l-awtoritajiet tal-Islanda argumentaw li l-ammont tal-kera jikkorrispondi mal-prezzijiet tas-suq tal-Islanda.

(30)  Skont Artikolu 3 tal-Ftehim bejn il-Fond tal-Pensjoni tal-Ħaddiema taċ-Ċivil u l-Ministeru tal-Finanzi fuq il-ħlas tal-obbligi tat-Teżor Nazzjonali skont Artikolu 33 ta’ Att Nru. 1/1997, fir-rigward ta’ impjegati tal-kumpanija Iceland State Cement Works sa l-aħħar tal-1996, id-djun tal-Fond tal-Pensjoni tal-Ħaddiema taċ-Ċivil, għan-nom tal-kumpanija Iceland Cement Ltd. kienu ta’ ISK 400 801 268.

(31)  Sa Ottubru tal-2003, id-djun relatati mal-ħlas tal-pensjonijiet ta’ impjegati li kienu diġà rtiraw ammontaw għal ISK 412 miljun. Fl-istess data, id-dejn li jikkorrispondi ma’ twettiq ta’ obbligi fil-futur fil-każ tal-impjegati preżenti ġie stmat bħala li jammonta għal bejn wieħed u ieħor ISK 10-15-il miljun.

(32)  Kawża T-157/01 Danske Busvognmænd v Il-Kummissjoni, [2004] Ġabra II-917, punt 116.

(33)  Ippubblikat fil-ĠU L 274, 26.10.2000, p. 1 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 48, 26.10.2000.

(34)  38,215 tunnellata siment kienu importati lejn l-Islanda u 84,684 tunnellata ġew immanifatturati fil-pajjiż.

(35)  Fil-prinċipju, il-pjan ta’ ristrutturar kellu jiġi sottomess sħiħ flimkien man-notifika qabel ma ngħatat l-għajnuna. Fil-każ preżenti, il-pjan ma kienx sottomess minn abel, iżda l-elementi prinċipali tal-pjan ta’ ristrutturar ġew ippreżentati qabel ma sar ir-ristrutturar. Għaldaqstant, l-Awtorità hi tal-fehma li l-pjan jista’ jiġi approvat taħt il-Linji Gwida S&R.