24.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 132/38


DEĊIŻJONI TA’ L-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TA’ L-EFTA

Nru 28/07/COL

tad-19 ta’ Frar 2007

li tikkonċerna li n-Norveġja hi uffiċjalment ħielsa mit-tuberkulożi bruċellożi u lewkożi bovina enżootika fir-rigward tal-merħliet bovini

L-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TA’ L-EFTA,

WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (minn issa 'l quddiem il-Ftehim taż-ŻEE), b'mod partikolari l-Artikolu 109 u l-Protokoll 1 tiegħu,

WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim bejn l-Istati ta’ l-EFTA dwar it-twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u ta’ Qorti tal-Ġustizzja, b'mod partikolari l-Artikolu 5(2)(d) u l-Protokoll 1 tiegħu,

WARA LI KKUNSIDRAT l-Att imsemmi fil-Punt 4.1.1 tal-Kapitolu I ta’ l-Anness I tal-Ftehim taż-ŻEE, id-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1964 dwar problemi tas-saħħa li jaffetwaw il-kummerċ intra Komunitarju ta’ annimali bovini u majjali (1) kif emendata u adottata fil-Ftehim taż-ŻEE mill-Protokoll 1 tiegħu, u b'mod partikolari l-Anness A(I)(4), Anness A(II)(7) u Anness D(I)(E) ta’ dak l-Att,

WARA LI KKUNSIDRAT id-Deċiżjoni ta’ l-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA Nru 24/07/COL ta’ l-14 ta’ Frar 2007, fejn il-Membru tal-Kulleġġ kompetenti hu mitlub li jadotta d-Deċiżjoni li tikkonċerna li n-Norveġja hi uffiċjalment ħielsa mit-tuberkulożi, bruċellożi u lewkożi bovina enżootika fir-rigward ta’ merħliet bovini jekk l-abbozz tad-deċiżjoni hu skond l-opinjoni tal-Kumitat Veterinarju ta’ l-EFTA (EVC),

BILLI d-Direttiva 64/432/KEE tipprovdi li l-Istati taż-ŻEE EFTA jew partijiet jew reġjuni tagħhom jistgħu ikunu ddikjarati uffiċjalment ħielsa mit-tuberkulożi, bruċellożi u lewkożi bovina enżootika fir-rigward ta’ merħliet bovini soġġetti għall-aderenza ma’ ċerti kundizzjonijiet stipulati f' dak l-Att.

BILLI permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Ġunju 2004, in-Norveġja bagħtet lill-Awtorità d-dokumenti rilevanti relatati mal-lewkożi bovina enżootika skond l-Anness D(I)(E) u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 64/432/KEE.

BILLI permezz ta’ ittri ta’ l-14 ta’ Frar 2005, tat-13 ta’ Diċembru 2005 u tas-26 ta’ Ottubru 2006, in-Norveġja bagħtet lill-Awtorità informazzjoni aġġornata relatata mal-lewkożi bovina enżootika kif talbet l-Awtorità wara diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea.

BILLI l-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea, eżaminat id-dokumenti kollha mibgħuta min-Norveġja u dan l-eżami juri li l-iskema relatata mal-lewkożi bovina enżootika mibgħuta min-Norveġja hi konformi mal-kondizzjonijiet kollha rilevanti li jinsabu fid-Direttiva 64/432/KEE.

BILLI għalhekk huwa xieraq li n-Norveġja tista' tiġi dikjarata uffiċjalment ħielsa mil-lewkożi bovinża enżootika.

BILLI peremezz ta’ Deċiżjoni ta’ l-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA Nru 66/94/COL u Nru 67/94/COL tas-27 ta’ Ġunju 1994, in-Norveġja ngħatat l-istatus ta’ ħelsien mit-tuberkulożi u l-bruċellożi fil-merħliet bovini, sakemm jintlaqgħu ċerti kondizzjonijiet.

BILLI d-Deċiżjonijiet Nru 66/94/COL u Nru 67/94/COL kienu rispettivament mibdula mid-Deċiżjonijiet ta’ l-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA Nru 227/96/COL u Nru 225/96/COL ta’ l-4 ta’ Diċembru 1996.

BILLI, biex l-affarijiet ikunu ċari, l-istatus fir-rigward tal-mard tat-tuberkulożi, il-bruċellożi u l-lewkożi bovina enżootika, fir-rigward tal-merħliet fin-Norveġja, għandhom jiġu stipulati fl-istess Deċiżjoni.

BILLI, għalhekk, id-Deċiżjonijiet ta’ l-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA Nru 225/96/COL u Nru 227/96/COL għandhom jiġu mibdula ma’ din id-Deċiżjoni.

BILLI l-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Veterinarju ta’ l-EFTA li jassisti l-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

(1)

Skond id-Direttiva 64/432/KEE, in-Norveġja hi dikjarata uffiċjalment ħielsa mit-tuberkulożi, bruċellożi u lewkożi bovina enżootika fir-rigward tal-merħliet bovini.

(2)

Din id-Deċiżjoni hija ndirizzata lin-Norveġja.

(3)

Skond l-Artikolu 109(2) tal-Ftehim taż-ŻEE, l-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA għandha tgħaddi din id-Deċiżjoni u kull emenda tagħha lill-Kummissjoni Ewropea.

(4)

Id-Deċiżjonijiet ta’ l-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA, Nru 227/96/COL u Nru 225/96/COL ta’ l-4 ta’ Diċembru 1996 huma mibdula.

(5)

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2007.

(6)

Din id-Deċiżjoni se tkun awtentika fid-lingwa Ingliża.

Magħmula fi Brussell, 19 ta’ Frar 2007.

Għall-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA

Bjørn T. GRYDELAND

President

Niels FENGER

Direttur


(1)  ĠU L 121, 29.7.1964, p. 1977/64.