28.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 166/28


DEĊIŻJONI TA' L-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TA' L-EFTA

Nru 365/06/COL

tad-29 ta’ Novembru 2006

li temenda, għas-sittin darba, ir-regoli proċedurali u sostantivi fil-qasam ta’ l-għajnuna mill-Istat

L-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TA' L-EFTA,

WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), partikolarment l-Artikoli 61 u 63 u l-Protokoll 26 tiegħu,

WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim bejn l-Istati ta’ l-EFTA dwar it-twaqqif ta’ l-Awtorità ta' Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzja (2), partikolarment l-Artikolu 24 u l-Artikolu 5(2)(b) tiegħu u l-Artikolu 1 fil-Parti 1 tal-Protokoll 3 tiegħu,

BILLI skond l-Artikolu 24 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, l-Awtorità ta' Sorveljanza ta' l-EFTA għandha ġġib fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim taż-ŻEE li jirrigwarda l-għajnuna mill-Istat,

BILLI skond l-Artikolu 5 (2) (b) tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, l-Awtorità ta' Sorveljanza ta' l-EFTA għandha toħroġ avviżi jew linji gwida dwar il-kwistjonijiet li kienu ttrattati fil-Ftehim taż-ŻEE, jekk dak il-Ftehim jew il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti hekk jistipola espressament jew jekk l-Awtorità ta' Sorveljanza ta' l-EFTA tqis illi hu neċessarju,

FILWAQT LI TFAKKAR ir-Regoli Proċedurali u Sostantivi fil-Qasam ta’ l-Għajnuna mill-Istat (3) adottati fid-19 ta’ Jannar 1994 mill-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA (4),

BILLI, fl-24 ta' Ottubru 2006, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej iddeċidiet li testendi l-Qafas dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-bini tal-vapuri sal-31 ta' Diċembru 2008 (5),

BILLI din il-Komunikazzjoni hija wkoll rilevanti għaż-Żona Ekonomika Ewropea,

BILLI applikazzjoni uniformi tar-regoli għall-Għajnuna mill-Istat taż-ŻEE għandha tkun żgurata fiż-Żona Ekonomika Ewropea kollha,

BILLI, skond il-punt II taħt l-intestatura “ĠENERALI” fi tmiem l-Anness XV għall-Ftehim taż-ŻEE, l-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA għandha tadotta, wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni, atti li jikkorrispondu għal dawk adottati mill-Kummissjoni Ewropea,

WARA li kkonsultat mal-Kummissjoni Ewropea,

FILWAQT LI TFAKKAR li l-Awtorità ta’ Sorveljanza ta' l-EFTA kkonsultat lill-Istati ta' l-EFTA permezz ta' ittra datata s-27 ta’ Ottubru 2006 dwar is-suġġett,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

(1)

Il-validità ta' Kapitolu 24B tal-Linji gwida għall-Għajnuna mill-Istat għall-bini tal-vapuri ġiet estiża sal-31 ta' Diċembru 2008. Il-Paragrafu 31 li kien hemm qabel f' sezzjoni 24B.7 ta' Kapitolu 24B għal-Linji gwida għall-Għajnuna mill-Istat ġie sostitwit b'paragrafu ġdid 31 li għandu jaqra kif ġej:

“Dan il-Qafas għandu jkun applikabbli mill-1 ta' Jannar 2004 sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2008. Matul dan il-perjodu jista' jiġi rivedut mill-Awtorità.”

(2)

In-nota tal-qiegħ għall-Kapitolu 24B tal-Linji gwida għall-Għajnuna mill-Istat għandha tinqara kif ġej:

“Dan il-Kapitolu jikkorrispondi għall-Qafas tal-Komunità dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-bini tal-vapuri (ĠU C 317, 30.12.2003, p. 11), kif emendat mill-Kummissjoni fl-24 ta' Ottubru 2006 (ĠU C 260, 28.10.2006, p. 7).”

(3)

Minħabba ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1177/2002 tas-27 ta' Ġunju 2002 li jikkonċerna mekkaniżmi temporanji ta' difiża għall-bini tal-vapuri (6) skadiet fil-31 ta' Marzu 2005, ir-riferenzi f'Kapitolu 24B tal-Linji gwida għall-Għajnuna mill-Istat għal dak ir-Regolament mhumiex aktar rilevanti. Għalhekk, punt 9 u punt 12(e) ta' Kapitolu 24B mhux ser ikunu iżjed applikati mill-Awtorità b'effett mill-1 ta' Jannar 2007.

(4)

L-Istati ta’ l-EFTA għandhom ikunu mgħarrfa permezz ta’ ittra, li tinkludi kopja ta’ din id-Deċiżjoni.

(5)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tkun mgħarrfa, skond punt (d) ta' Protokoll 27 tal-Ftehim taż-ŻEE, permezz ta’ kopja ta’ din id-Deċiżjoni.

(6)

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fis-sezzjoni taż-ŻEE u fis-Suppliment taż-ŻEE tal-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Novembru 2006.

Għall-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA

Bjørn T. GRYDELAND

President

Kristján A. STEFÁNSSON

Membru tal-Kulleġġ


(1)  Minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim taż-ŻEE”.

(2)  Minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “Il-Ftehim tas-Sorveljanza u l-Qorti”.

(3)  Minn hawn ‘il quddiem msejjaħ “Il-Linji gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat”.

(4)  Inizjalment ippubblikat fil-ĠU Nru L 231, 3.9.1994, fis-Suppliment taż-ŻEE tiegħu Nru 32 fl-istess data, emendat l-aħħar b'Deċiżjoni tal-5 ta' Ottubru 2006.

(5)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni li tikkonċerna l-estensjoni tal-Qafas għall-għajnuna mill-Istat għall-bini tal-vapuri (ĠU C 260, 28.10.2006, p. 7).

(6)  ĠU L 172, 2.7.2002, p.1. Regolament kif emendat minn Regolament (KE) Nru 502/2004 (ĠU L 81, 19.3.2004, p. 6), inkorporat fil-Ftehim taż-ZEE mid-Deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt Nru. 170/2002 u Nru. 80/2004.