16.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 184/18


DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA

Nru 313/06/COL

tal-25 ta’ Ottubru 2006

li temenda, għad-disgħa u ħamsin darba, ir-regoli proċedurali u sostantivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat billi ddaħħal kapitolu ġdid 10.B: Għajnuna mill-Istat għall-promozzjoni tal-investiment ta’ kapitali ta’ riskju fl-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju

L-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA (1),

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2), partikolarment l-Artikoli 61 sa 63 u l-Protokoll 26 tiegħu;

Wara li kkunsidrat il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-twaqqif ta’ Awtorità tas-Sorveljanza u ta’ Qorti tal-Ġustizzja (3), partikolarment l-Artikolu 24 u l-Artikolu 5(2)(b) tiegħu;

Wara li kkunsidrat l-Artikolu 1 tal-Parti I tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti;

Billi skont l-Artikolu 24 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, l-Awtorità għandha ddaħħal fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar iż-ŻEE dwar l-għajnuna mill-Istat;

Billi skont l-Artikolu 5(2)(b) tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, l-Awtorità għandha toħroġ avviżi jew linji gwida dwar kwistjonijiet trattati fil-Ftehim dwar iż-ŻEE, jekk dak il-Ftehim jew il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti jipprovdu hekk espressament jew jekk l-Awtorità tqis li dan huwa meħtieġ;

Filwaqt li tfakkar ir-regoli Proċedurali u Sostantivi fil-Qasam tal-Għajnuna mill-Istat (4) addottati fid-19 ta’ Jannar 1994 mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA (5);

Billi, fid-19 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (aktar ‘il quddiem imsejħa l-Kummissjoni) addottat linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-promozzjoni tal-investimenti ta’ kapitali ta’ riskju fl-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (6);

Billi din il-Komunikazzjoni hija wkoll ta’ rilevanza għaż-Żona Ekonomika Ewropea;

Billi trid tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tar-regoli taż-ŻEE dwar l-għajnuna mill-Istat madwar iż-Żona Ekonomika Ewropea,

Billi, skont it-termini tal-punt II taħt l-intestatura “ĠENERALI” fi tmiem l-Anness XV tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, l-Awtorità, wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni, għandha taddotta atti li jikkorrispondu ma’ dawk addottati mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkonsultat l-Kummissjoni Ewropea,

Filwaqt li tfakkar li l-Awtorità kkonsultat l-Istati tal-EFTA b’ittri lill-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja dwar dan is-suġett, bid-data tal-10 ta’ Ottubru 2006,

ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għandhom jiġu emendati bl-introduzzjoni ta’ kapitolu ġdid 10.B dwar l-għajnuna mill-Istat għall-promozzjoni tal-investimenti ta’ kapitali ta’ riskju fl-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju. Dan il-kapitolu l-ġdid jinsab fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

L-Istati tal-EFTA għandhom jiġu mgħarrfa b’din id-Deċiżjoni permezz ta’ ittra, flimkien ma’ kopja ta’ din id-Deċiżjoni li għandha tinkludi l-Anness I. L-Istati tal-EFTA għandhom jintalbu juru l-qbil tagħhom, fi żmien xahrejn, għall-miżuri addattati proposti kif stipulati fl-ittra (ara l-punti 83 sa 85 tal-Linji Gwida).

Artikolu 3

Il-Kummissjoni għandha tiġi mgħarrfa, skont it-termini tal-punt (d) tal-Protokoll 27 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, permezz ta’ kopja ta’ din id-Deċiżjoni li għandha tinkludi l-Anness.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni, inkluż l-Anness, għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE u fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Il-verżjoni Ingliża biss hija awtentika.

Magħmula fi Brussell, il-25 ta’ Ottubru 2006

Għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA,

Bjørn T. GRYDELAND

President

Kristján A. STEFÁNSSON

Membru tal-Kulleġġ


(1)  Aktar ‘il quddiem imsejħa l-Awtorità.

(2)  Aktar ‘il quddiem imsejjaħ il-Ftehim dwar iż-ŻEE.

(3)  Aktar ‘il quddiem imsejjaħ il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti.

(4)  Aktar ‘il quddiem imsejħa l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat.

(5)  Il-Linji ta’ gwida dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-Artikoli 61 u 62 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE u l-Artikolu 1 tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, addottati u maħruġa mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA fid-19 ta’ Jannar 1994, ippubblikati fil-ĠU L 231 tat-3.9.94, Is-Suppliment taż-ŻEE Nru 32. Il-Linji Gwida ġew emendati l-aħħar fid-19 ta’ April 2006. Aktar ‘il quddiem imsejħa l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat.

(6)  ĠU C 194, 18.8.2006, p. 2.


ANNESS

“10B.   GĦAJNUNA MILL-ISTAT GĦALL-PROMOZZJONI TAL-INVESTIMENTI TA’ KAPITALI TA’ RISKJU FL-INTRAPRIŻI Ż-ŻGĦAR U TA’ DAQS MEDJU

10B.1   INTRODUZZJONI

10B.1.1   IL-KAPITAL TA’ RISKJU BĦALA GĦAN TAŻ-ŻEE

(1)

Il-kapital ta’ riskju jirrigwarda l-finanzjament permezz ta’ ishma mogħti lil kumpaniji li jidher li jkollhom potenzjal ta’ żvilupp qawwi fil-fażijiet bikrin tagħhom ta’ żvilupp. It-talba għal kapital ta’ riskju tipikament minn kumpaniji b’potenzjal ta’ żvilupp li ma jkollhomx aċċess suffiċjenti għas-swieq tal-kapital, filwaqt li l-offerta ta’ kapital ta’ riskju tiġi minn investituri li lesti jieħdu riskji kbar għal dħul potenzjalment ‘il fuq mill-medja mill-parteċipazzjoni fil-kapital.

(2)

Fid-19 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (aktar ‘il quddiem imsejħa l-‘Kummissjoni’) ħarġet linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-promozzjoni tal-investimenti ta’ kapitali ta’ riskju fil-kumpaniji ż-żgħar u ta’ daqs medju (1).

(3)

Il-bażi għal-Linji Gwida l-ġodda dwar il-kapital ta’ riskju tal-Kummissjoni, u l-isfond tagħhom, huma l-għarfien tal-livell insuffiċjenti ta’ kapital ta’ riskju disponibbli għal negozji ġodda innovattivi fil-fażijiet tal-bidu. Il-‘Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Għajnuna mill-Istat - Anqas għajnuna mill-Istat imma mmirata aħjar: Pjan ta’ direzzjoni għar-riforma tal-għajnuna mill-Istat 2005-2009 (‘il-Pjan ta’ Azzjoni għar-riforma tal-għajnuna mill-Istat’) (2) ġie ppubblikat mill-Kummissjoni f’Ġunju 2005. Il-Pjan ta’ Azzjoni fil-Qasam tal-Għajnuna mill-Istat enfasizza l-importanza li tittejjeb il-klima tan-negozju u jiġi ffaċilitat bidu rapidu għall-intrapriżi ġodda. F’dal-kuntest, il-Pjan ta’ Azzjoni fil-Qasam tal-Għajnuna mill-Istat ħabbar ir-rikonsiderazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat u l-kapital ta’ riskju (3) biex jinsab tarf id-disfunzjonamenti tas-suq li jaffettwaw il-provvediment ta’ kapital ta’ riskju lil kumpaniji fil-bidu u li m’ilhomx, intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju innovattivi (‘SMEs’), partikolarment biż-żieda tal-flessibbiltà tar-regoli li jinsabu fil-Komunikazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat u l-kapital ta’ riskju.

(4)

Filwaqt li huwa r-rwol ewlieni tas-suq li jiġi pprovdut kapital ta’ riskju suffiċjenti, fiż-ŻEE, hemm nuqqas ta’ kapital propju fis-suq tal-kapital ta’ riskju, imperfezzjoni persistenti fis-suq tal-kapital li twaqqaf l-offerta milli tissodisfa t-talba bi prezz aċċettabli għaż-żewġ naħat, u dan jaffetwa ħażin lill-SMEs Ewropej. In-nuqqas jikkonċerna primarjament impriżi innovattivi ta’ teknoloġija avvanzata speċjalment impriżi b’potenzjal ta’ żvilupp qawwi. Madanakollu, firxa usa’ ta’ impriżi ta’ etajiet differenti u f’setturi differenti b’potenzjal ta’ żvilupp iżgħar li ma jistgħux isibu finanzjament għall-proġetti tagħhom ta’ tkabbir bla kapital ta’ riskju estern jistgħu jiġu affettwati wkoll.

(5)

L-eżistenza ta’ nuqqas ta’ kapital propju jista’ jiġġustifika l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat f’ċerti każijiet limitati. Jekk tiġi mmirata sew, l-għajnuna mill-Istat għall-promozzjoni tal-għoti ta’ kapital ta’ riskju tista’ tkun mezz effettiv biex jittaffew id-disfunzjonamenti tas-suq f’dal-qasam u jiġi mmobilizzat kapital privat.

(6)

Dawn il-linji gwida jieħdu post il-Kapitolu 10A (4), L-Għajnuna mill-Istat u l-Kapital ta’ Riskju, tal-Linji Gwida tal-Awtorità dwar l-Għajnuna mill-Istat billi jistipulaw il-kundizzjonijiet li taħthom l-għajnuna mill-Istat għall-promozzjoni tal-investimenti ta’ kapital ta’ riskju tista’ titqies kompatibbli mal-Ftehim dwar iż-ŻEE. Il-linji gwida jispjegaw il-kundizzjonijiet li taħthom hemm għajnuna mill-Istat skont it-termini tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE kif ukoll il-kriterji li tapplika l-Awtorità fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri għall-promozzjoni tal-kapital ta’ riskju skont it-termini tal-Artikolu 61(3) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.

10B.1.2   L-ESPERJENZA FIL-QASAM TAL-GĦAJNUNA MILL-ISTAT GĦALL-PROMOZZJONI TAL-KAPITAL TA’ RISKJU

(7)

Dawn il-linji gwida huma msejsa fuq il-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-promozzjoni tal-investimenti ta’ kapital ta’ riskju f’intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, li tħejjew fid-dawl tal-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat u l-kapital ta’ riskju, li tikkorrispondi mal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat u l-kapital ta’ riskju (5). Il-kummenti li rċeviet il-Kummissjoni, mill-konsultazzjoniet pubbliċi taż-ŻEE u l-partijiet interessati dwar ir-reviżjoni tal-Komunikazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat u l-kapital ta’ riskju, dwar il-Pjan ta’ Azzjoni fil-Qasam tal-Għajnuna mill-Istat u dwar il-Komunikazzjoni fuq l-għajnuna mill-Istat għall-innovazzjoni (6) tqiesu wkoll. L-esperjenza tal-Kummissjoni u l-kummenti li rċeviet fil-konsultazzjonijiet urew li l-Komunikazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat u l-kapital ta’ riskju ġeneralment ħadmet sew fil-parattika, imma wriet ukoll il-ħtieġa li tiżdied il-flessibbiltà fl-applikazzjoni tar-regoli u li r-regoli jiġu aġġustati b’mod li jirriflettu t-tibdil fis-sitwazzjoni tas-suq tal-kapital ta’ riskju. Barra minn hekk, l-esperjenza wriet li, għal xi tipi ta’ investimenti ta’ kapital ta’ riskju, f’xi oqsma ma kienx dejjem possibbli li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stipulati fil-Komunikazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat u l-kapital ta’ riskju, u għalekk, il-kapital ta’ riskju ma setax jirċievi sostenn adegwat bl-għajnuna mill-Istat f’dawn il-każijiet. Barra minn hekk, l-esperjenza wriet ukoll profitabbiltà kumplessiva baxxa tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju li rċevew l-għajnuna. L-Awtorità taqbel mal-veduti msemmija hawn fuq.

(8)

Biex jissolvew dawn il-problemi, dawn il-linji gwida jaddottaw strateġija aktar flessibbli f’ċerti ċirkustanzi sabiex l-Istati tal-EFTA jkunu jistgħu jimmiraw aħjar il-miżuri tagħhom favur il-kapital ta’ riskju għad-disfunzjonamenti rilevanti tas-suq. Dawn il-linji gwida jistipulaw ukoll strateġija ekonomija rfinuta għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri favur il-kapital ta’ riskju fir-rigward tal-Ftehim dwar iż-ŻEE. Fil-linji gwida tal-Awtorità dwar l-għajnuna mill-Istat u l-kapital ta’ riskju, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-iskemi diġà kienet imsejsa fuq analiżi ekonomika relattivament sofistikata li tikkonċentra fuq id-daqs tad-disfunzjonament u fuq id-destinazzjoni tal-miżura. Għaldaqstant, il-linji gwida tal-Awtorità dwar l-għajnuna mill-Istat u l-kapital ta’ riskju diġà kien fihom is-sisien ewlenin ta’ strateġija ekonomika rfinuta. Madanakollu, ċerti kriterji xorta riedu jiġu rfinati biex jiġi żgurat li l-miżuri ta’ għajnuna jaffrontaw aħjar id-disfunzjonamenti rilevanti tas-suq. Partikolarment, il-linji gwida l-ġodda fihom li jagħtu prijorità akbar lid-deċiżjonijiet ta’ investiment professjonali u mmotivati minn aspirazzjoni ta’ qligħ sabiex l-investituri privati jissuktaw jiġu inkoraġġiti jikkoinvestu ma’ l-Istat. Fl-aħħarnett, sar sforz biex it-test jiġi ċċarat aktar fejn l-esperjenza miksuba bil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat u l-kapital ta’ riskju u l-linji gwida tal-Awtorità dwar l-għajnuna mill-Istat u l-kapital ta’ riskju wriet li kien meħtieġ.

10B.1.3   L-EVALWAZZJONI MQABBLA TAL-EFFETTI POŻITTIVI U NEGATTIVI TAL-GĦAJNUNA MILL-ISTAT GĦALL-PROMOZZJONI TAL-INVESTIMENTI TA’ KAPITAL TA’ RISKJU

10B.1.3.1    Il-Pjan ta’ Azzjoni fil-Qasam tal-Għajnuna mill-Istat u l-evalwazzjoni mqabbla

(9)

Fil-Pjan ta’ Azzjoni fil-Qasam tal-Għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni enfasizzat l-importanza tat-tisħiħ tal-istrateġija ekonomika għall-analiżi tal-għajnuna mill-Istat. Din tissarraf f’evalwazzjoni mqabbla tal-effetti pożittivi li jista’ jkollha l-miżura fuq l-ilħuq ta’ oġġettiv ta’ interess komuni, kontra l-effetti negattivi li jista’ jkun hemm f’termini ta’ tfixkil tal-kompetizzjoni u l-kummerċ. L-evalwazzjoni mqabbla, kif deskritta fil-Pjan ta’ Azzjoni fil-Qasam tal-Għajnuna mill-Istat, hija magħmula minn tliet fażijiet. L-ewwel tnejn jikkonċernaw l-effetti pożittivi u l-aħħar waħda tikkonċerna l-effetti negattivi u l-bilanċ globali:

(1)

Il-miżura ta’ għajnuna hija mmirata lejn għan definit sew ta’ interess komuni, bħalma huma l-iżvilupp, l-impjiegi, il-koeżjoni u l-ambjent?

(2)

L-għajnuna hija mfassla b’mod li tilħaq l-għan ta’ interess komuni, jiġifieri, l-għajnuna proposta tindirizza d-disfunzjonament tas-suq jew għan ieħor?

(i)

L-għajnuna mill-Istat hija strument xieraq?

(ii)

Hemm effett ta’ inċentivazzjoni, jiġifieri l-għajnuna tibdel l-imġiba tad-impriżi u/jew l-investituri?

(iii)

Il-miżura ta’ għajnuna hija proporzjonata, jew tista’ tinkiseb l-istess bidla fl-imġiba b’anqas għajnuna?

(3)

It-tfixkil fil-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ huma limitati, sabiex il-bilanċ globali jkun pożittiv?

L-evalwazzjoni mqabbla hija rilevanti għat-tifsil tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat daqskemm għall-evalwazzjoni tal-każijiet li jidħlu fl-ambitu tagħhom.

10B.1.3.2    Disfunzjonamenti tas-suq

(10)

Fuq il-bażi tal-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat u l-kapital ta’ riskju, l-Awtorità tqis li m’hemm l-ebda disfunzjonament ġenerali tas-suq fejn jirrigwarda l-kapital ta’ riskju fiż-ŻEE. L-Awtorità, madanakollu, tammetti li hemm nuqqasijiet fis-suq fir-rigward ta’ ċerti tipi ta’ investimenti f’ċerti fażijiet tal-iżvilupp tal-intrapriżi. Dawn in-nuqqasijiet jirriżultaw minn korrispondenza imperfetta bejn l-offerta u t-talba fir-rigward tal-kapital ta’ riskju u jistgħu ġeneralment jiġu deskritti bħala nuqqas ta’ kapital propju.

(11)

Il-provvediment ta’ finanzjament permezz ta’ kapital propju, partikolarment għal negozji żgħar, jippreżenta għadd ta’ sfidi kemm għall-investitur u kemm għall-intrapriża li jsir l-investiment fiha. Fuq in-naħa tal-offerta, l-investitur irid jagħmel analiżi bir-reqqa mhux biss fir-rigward tal-garanzija offruti (bħal fil-każ ta’ sellief) imma tal-istrateġija kollha tan-negozju, sabiex jevalwa l-possibilitajiet li jagħmel qligħ fuq l-investiment, u r-riskji assoċjati miegħu. L-investitur irid ikun kapaċi wkoll jissorvelja li l-istrateġija tan-negozju tiġi implementata sew mill-maniġers tal-intrapriża. Fl-aħħarnett, l-investitur irid jippjana u jwettaq strateġija ta’ ħruġ, sabiex jiġġenera dħul adegwat fuq l-investment, meta mqabbel mar-riskju, mill-bejgħ tas-sehem tiegħu mill kapital fil-kumpanija fejn jagħmel l-investiment.

(12)

Fuq in-naħa tat-talba, l-intrapriża trid tifhem il-vantaġġi u r-riskji marbuta ma’ l-investiment estern f’kapital propju sabiex jitwettaq il-pjan u jitħejjew pjanijiet tan-negozju solidi ħalli jiġu applikati r-riżorsi u l-assistenza neċessarji. Minħabba nuqqas ta’ kapital intern jew nuqqas ta’ garanziji meħtieġa biex jinkiseb finanzjament permezz ta’ self u/jew passat ta’ sod fir-rigward ta’ kreditu, l-intrapriża taf tħabbat wiċċha ma’ limitazzjonijiet iebsa ħafna fejn jidħol finanzjament. Barra minn hekk, l-intrapriża trid taqsam il-kontroll ma investitur barrani, li normalment ikollu influwenza fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpanija b’żieda mal-parteċipazzjoni tiegħu fil-kapital.

(13)

Għaldaqstant, it-tqabbil tat-talba ma’ l-offerta ta’ kapital ta’ riskju jista’ ma jaħdimx sew u, hekk, il-livell tal-kapital ta’ riskju provdut fis-suq huwa limitat wisq, u dan jista’ jwaqqaf lill-intrapriżi milli jsibu l-finanzjamenti li jkunu qed ifittxu anki jekk ikollhom mudell tan-negozju solidu u prospetti tajbin li jikbru. L-Awtorità tqis li l-fattur ewlieni ta’ disfunzjonament tas-suq fil-qasam tas-swieq tal-kapital ta’ riskju, li jaffettwa partikolarment l-aċċess għall-kapital tal-SMEs u l-kumpaniji fil-fażijiet bikrin tal-iżvilupp tagħhom u li allura jiġġustifika intervent pubbliku, jiddependi minn tagħrif imperfett jew asimetriku.

Tagħrif imperfett jew asimetriku jista’ jirriżulta partikolarment fi:

(a)

Spejjeż tat-tranżazzjoni u spejjeż tal-aġenzija: hija aktar iebsa għall-investituri potenzjali biex jiġbru tagħrif li jistgħu joqogħdu fuqu dwar il-prospetti tan-negozju ta’ SMEs jew ta’ kumpanija ġdida u mbagħad biex jimmonitorjaw u jsostnu l-iżviupp tal-intrapriża. Dan jiġri partikolarment fil-każ ta’ proġetti innovattivi ħafna jew partikolarment riskjużi. Barra minn hekk, l-operazzjonijiet żgħar huma anqas attraenti għall-fondi ta’ investment minħabba l-livell relattivament għoli tal-ispejjeż tal-evalwazzjoni tal-investiment u spejjeż oħra tat-tranżazzjoni.

(b)

L-averżjoni għar-riskju: l-investituri jistgħu jkunu anqas lesti jipprovdu kapital ta’ riskju lill-SMEs, aktar ma l-provvediment tal-kapital ta’ riskju jkun suġġett għal tagħrif imperfett u asimetriku. Fi kliem ieħor, it-tagħrif imperfett jew asimetriku għandu t-tendenza li jżid l-averżjoni għar-riskju.

10B.1.3.3    L-adegwatezza tal-istrument

(14)

L-Awtorità tqis li l-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat favur il-kapital ta’ riskju jistgħu jikkostitwixxu strument xieraq fil-limiti u l-kundizzjonijiet stipulati f’dawn il-linji gwida. Madanakollu, wieħed ma jridx jinsa li l-għoti tal-kapital ta’ riskju huwa essenzjalment attività kummerċjali li tinvolvi deċiżjonijiet kummerċjali. F’dan il-kuntest, anki miżuri strutturali aktar ġenerali li ma jikkostitwux għajnuna mill-Istat jistgħu jikkontribwixxu għal żieda fil-provvediment tal-kapital ta’ riskju; bħalma huma dawk maħsuba biex jippromwovu kultura intraprenditorjali, biex idaħħlu tassazzjoni aktar newtrali fuq il-forom differenti ta’ finanzjament għall-SMEs (ngħidu aħna żieda ta’ kapital, qligħ mhux imqassam u strumenti ta’ debitu), li jippromwovu l-integrazzjoni tas-suq u jnaqqsu l-piżijiet regolatorji, inkużi l-limitazzjonijiet – fejn jidħlu l-investimenti – imposti fuq ċerti tipi ta’ istituzzjonijiet finanzjarji (pereżempju, il-fondi tal-pensjonijiet) u l-formalitajiet amministrattivi għat-twaqqif tal-kumpaniji.

10B.1.3.4    Effett ta’ inċentivazzjoni u ħtieġa

(15)

L-għajnuniet mill-Istat fir-rigward tal-kapital ta’ riskju jridu jwasslu għal żieda netta fid-disponibbiltà tal-kapital ta’ riskju lill-SMEs, partikolarment billi jinkoraġġixxi l-investimenti mill-investituri privati. Hemm riskju ta’ dak li jissejjaħ ‘piż mejjet’, jew nuqqas ta’ effett ta’ inċentivazzjoni, billi xi intrapriżi li jibbenefikaw minn miżuri ffinanzjati minn fondi pubbliċi kienu xorta waħda jistgħu jiksbu finanzjamenti bl-istess kundizzjonijiet, anki fin-nuqqas ta’ għajnuna mill-Istat (esklużjoni). Dawn il-każijiet ġraw, għalkemm rarament. Il-fondi pubbliċi allura jkunu qed jintużaw għalxejn.

(16)

L-Awtorità tqis li l-għajnuniet taħt forma ta’ kapital ta’ riskju li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn il-linji gwida jiżguraw il-preżenza ta’ effett ta’ inċentivazzjoni. Il-ħtieġa li jiġu pprovduti l-inċentivi tiddependi mid-daqs tad-disfunzjonament tas-suq, li huwa marbut mat-tipi differenti ta’ miżuri u ta’ benefiċjarji. Din hi r-raġuni li ġew espressi kriterji differenti f’termini tad-daqs tal-lottijiet ta’ investment kull intrapriża destinatarja, il-grad ta’ involvement ta’ investituri privati u, partikolarment, id-daqs tal-kumpanija u l-fażi tal-iżvilupp iffinanzjata.

10B.1.3.5    Il-proporzjonalità tal-għajnuna

(17)

Il-ħtieġa li jiġu pprovduti l-inċentivi tiddependi mid-daqs tad-disfunzjonament tas-suq, b’rabta mat-tipi differenti ta’ miżuri u ta’ benefiċjarji, kif ukoll mal-fażi ta’ żvilupp tal-SMEs. Miżura favur il-kapital ta’ riskju tkun imfassla sew jekk l-għajnuna tinħtieġ fl-elementi kollha tagħha għall-ħolqien ta’ inċentivi għall-provvediment ta’ kapital propju għall-SMEs fil-fażijiet imsemmija: tat-tnissil, tal-bidu u bikrin. L-għajnuniet mill-Istat ikunu ineffikaċi jekk jaqbżu dak li hu meħtieġ biex tiżdied l-offerta tal-kapital ta’ riskju. Partikolarment, biex jiġi żgurat li l-għajnuna tiġi limitata għall-minimu indispensabbli, huwa kruċjali li jkun hemm parteċipazzjoni sinifikanti u li l-investmenti jkunu mmotivati mill-qligħ u ġestiti fuq bażi kummerċjali.

10B.1.3.6    Effetti negattivi u bilanċ globali

(18)

Il-Ftehim dwar iż-ŻEE jitlob lill-Awtorità tikkontrolla l-għajnuniet mill-Istat mogħtija fl-Istati tal-EFTA. Huwa għalhekk li l-Awtorità trid tkun viġilanti biex tiżgura li l-miżuri ta’ għajnuna jkunu mmirati sew ħalli jevitaw tgħawwiġ kbir tal-kompetizzjoni. Meta tiġi biex tiddeċiedi jekk l-għotja ta’ fondi pubbliċi għal miżuri maħsuba biex jippromwovu l-kapital ta’ riskju tkunx kompatibbli mal-Ftehim dwar iż-ŻEE, l-Awtorità tfittex li tillimita kemm jista’ jkun il-kategoriji ta’ riskju li ġejjin:

(a)

ir-riskji ta’ ‘esklużjoni’. Il-preżenza ta’ miżuri ffinanzjati minn fondi pubbliċi tista’ tiskoraġġixxi investituri potenzjali oħra milli jipprovdu kapitali propji. Fuq medda itwal ta’ żmien, dan jista’ jissokta jiskoraġixxi l-investiment privat f’SMEs ġodda u għalhekk jispiċċaw jaggravaw in-nuqqas ta’ kapital propju, filwaqt li joħolqu l-ħtieġa akbar ta’ finanzjament pubbliku;

(b)

ir-riskju li l-vantaġġi offruti lill-investituri u/jew lill-fondi ta’ investiment joħolqu tagħwiġ indebitu tal-kompetizzjoni fis-suq tal-kapital ta’ sogru li jippenalizza lill-kompetituri li ma jirċevux l-istess vantaġġi;

(c)

ir-riskju li offerta pubblika eċċessiva għall-intrapriżi destinatarji tal-kapital ta’ riskju, mhux investit skont loġika kummerċjali, jista’ jgħin lil impriżi ineffiċjenti jibqgħu għaddejjin u joħloq sopravalutazzjoni artifiċjali, li jissokta jagħmilha anqas interessanti għall-investituri privati biex jipprovdu kapital ta’ riskju lil dawn id-impriżi.

10B.1.4   STRATEĠIJA FIS-SUĠĠETT TAL-KONTROLL TAL-GĦAJNUNIET MILL-ISTAT FIL-QASAM TAL-KAPITAL TA’ RISKJU

(19)

Il-provvediment ta’ investimenti ta’ kapital ta’ riskju lill-intrapriżi ma jistax jintrabat mal-kunċett tradizzjonali ta’ ‘spejjeż eliġibbli’ użat fil-qasam tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, li jistrieħ fuq ċerti spejjeż speċifikati li għalihom hija awtorizzata l-għajnuna u l-iffissar tal-intensitajiet massimi tal-għajnuna. Fid-dawl tad-diversità tal-mudelli li l-Istati tal-EFTA jistgħu jfasslu fir-rigward tal-miżuri favur il-kapital ta’ riskju, l-Awtorità mhijiex f’qagħda li tiddefinixxi kriterji riġidi li jiddeterminaw jekk dawn il-miżuri jkunux kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-ŻEE. Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-miżuri favur il-kapital ta’ riskju timplika tluq mill-mod tradizzjonali li bih isir il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat.

(20)

Madanakollu, billi l-linji gwida tal-Awtorità dwar l-għajnuna mill-Istat u kapital ta’ riskju fil-parattika ħallew riżultati tajbin fil-qasam tal-kapital ta’ riskju, l-Awtorità ddeċidiet tissokta u hekk tiżgura l-kontinwità bl-istrateġija tal- Komunikazzjoni u l-linji gwida.

10B.2   L-AMBITU U T-TIFSIRIET

10B.2.1   L-AMBITU

(21)

Dawn il-linji gwida japplikaw biss għall-iskemi tal-kapital ta’ riskju maħsub għall-SMEs. Dawn mhumiex maħsuba biex jikkostitwixxu l-bażi ġuridika biex tiġi ddikjarata kompatibbli mal-funzjonament taż-ŻEE miżura ad hoc biex jingħata kapital lil intrapriża individwali.

(22)

Dawn il-linji gwida m’għandhom bl-ebda mod jiġu interpretati li jippreġudikaw il-kompatibbiltà ta’ għajnuniet mill-Istat li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti f’xi linji gwida, oqfsa jew regolamenti oħra addottati mill-Awtorità.

(23)

L-Awtorità se tagħti attenzjoni partikolari lill-ħtieġa li ma tħallix dawn il-linji gwida jintużaw biex isir tbegħid mill-prinċipji stabbiliti fil-qofsa, il-linji gwida u r-Regolamenti.

(24)

Il-miżuri favur il-kapital ta’ riskju jridu jeskludu speċifikament l-għoti ta’ għajnuna lil intrapriżi:

(a)

f’diffikultà, fis-sens tal-linji gwida tal-Awtorità dwar l-għajnuniet għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà (7);

(b)

fis-settur tal-bini tal-vapuri (8), tal-faħam (9) u tal-azzar (10).

(25)

Dawn il-Linji Gwida ma japplikawx għall-għajnuna għal attivitajiet marbuta ma’ l-esportazzjoni, partikolarment għajnuna marbuta direttament mal-kwantitajiet esportati, għall-ħolqien u t-tħaddim ta’ netwerk ta’ tqassim jew għal infiq ieħor kurrenti marbut ma’ l-attività tal-esportazzjoni, kif ukoll għajnuna kontinġenti fuq l-użu ta’ oġġetti domestiċi bi preferenza fuq dawk impurtati.

10B.2.2   TIFSIRIET

(26)

Għall-finijiet ta’ dawn il-lini gwida, għandhom japplikaw it-tifsiriet li ġejjin:

(a)

‘kapital propju’ tfisser interess ta’ sieda f’kumpanija, rappreżentat mill-ishma maħruġa lill-investituri;

(b)

‘private equity’ (kuntrarju għal public equity) tfisser investiment, minn investituri privati, fil-kapitali propji ta’ kumpaniji mhux ikkwotati fil-borża, inkluż kapital ta’ sogru, kapital ta’ sostituzzjoni u rilevamenti;

(c)

‘strumenti finanzjarji ta’ kważi-fondi propji’ tfisser strumenti li d-dħul minnhom għall-azzjonista (investitur/sellief) huwa msejjes primarjament fuq il-qligħ jew it-telf tal-kumpanija sottostanti maħsuba, li mhumiex garantiti f’każ ta’ inadempjenza. Din it-tifsira hija msejsa fuq orjentazzjoni lejn is-sustanza aktar milli lejn il-forma;

(d)

‘strumenti ta’ debitu’ tfisser self u strumenti oħra ta’ finanzjament li jipprovdu lis-sellief/investitur komponent predominanti ta’ remunerazzjoni minima fissa u li huma garantiti għall-anqas parzjalment. Din it-tifsira hija msejsa fuq orjentazzjoni ffukata fuq is-sustanza aktar milli fuq il-forma;

(e)

‘kapital għat-tnissil’ tfisser finanzjament mogħti għal studju, evalwazzjoni u żvilupp ta’ kunċett inizjali, qabel il-fażi tal-bidu;

(f)

‘kapital tal-bidu’ tfisser finanzjament mogħti lil kumpaniji, li ma biegħux il-prodott jew servizz tagħhom kummerċjalment u li għad mhumiex qed jiġġeneraw qligħ, għall-iżvilupp tal-prodott u l-kummerċjalizzazzjoni inizjali;

(g)

‘kapital f’fażi bikrija’ tfisser kapital għat-tnissil u tal-bidu;

(h)

‘kapital għat-tkabbir’ tfisser finanzjament mogħti għall-iżvilupp u t-tkabbir ta’ kumpanija, li jaf jirnexxila jew ma jirnexxiliex tifdi jew tinnegozja bi qligħ, bil-għan li żżid il-kapaċità produttiva, tiżviluppa suq jew ta’ prodott jew issaħħaħ il-kapital li jkollha f’idejha;

(i)

‘kapital ta’ sogru’ tfisser investiment f’kumpaniji mhux ikkwotati, permezz ta’ fondi ta’ investiment (fondi kapitali ta’ sogru) li, f’isimhom stess, jimmaniġġaw flus ta’ individwi, ta’ istituzzjonijiet jew interni u dan jinkludi finanzjament f’fażi bikrija u għat-tkabbir, imma mhux finanzi ta’ sostituzzjoni u akkwiżizzjonijet;

(j)

‘kapital ta’ sostituzzjoni’ tfisser ix-xiri ta’ ishma eżistenti f’kumpanija mingħand organizzazzjoni oħra ta’ investiment fi private equity jew mingħand azzjonist jew azzjonisti oħra. Il-kapital ta’ sostituzzjoni jissejjaħ ukoll xiri sekondarju;

(k)

‘kapital ta’ riskju’ tfisser finanzjament b’fondi propji jew kważi-fondi propji, ta’ kumpaniji fil-fażijiet bikrin tagħhom ta’ żvilupp (il-fażijiet seminali, tal-bidu u tat-tkabbir), inkluż investiment informali minn investituri providenzjali (li jissejħu ‘business angels’), kapital ta’ sogru u l-boroż alternattivi speċjalizzati fl-SMEs inklużi kumpaniji li għandhom potenzjal ta’ żvilupp qawwi (aktar ‘il quddiem imsejħa mezzi ta’ investiment);

(l)

‘miżuri favur il-kapital ta’ riskju’ tfisser skemi għall-għoti jew il-promozzjoni ta’ għajnuna forma ta’ kapital ta’ riskju;

(m)

‘Offerta Pubblika Inizjali’ (‘OPI’) tfisser il-proċess tat-tnedija tal-bejgħ jew it-tqassim tal-ishma tal-kumpanija lill-pubbliku għall-ewwel darba;

(n)

‘investiment ta’ segwitu’ tfisser investiment addizzjonali f’kumpanija wara investiment inizjali;

(o)

‘rilevazzjoni’ tfisser ix-xiri, b’negozjar jew offerta pubblika ta’ xiri, ta’ mill-anqas perċentwal ta’ kontroll tal-kapital propju ta’ kumpanija mill-azzjonisti eżistenti sabiex jiġu rrilevati l-beni u l-attivitajiet tagħha;

(p)

‘strateġija ta’ ħruġ’ tfisser strateġija għal-likwidazzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ fondi ta’ kapital ta’ sogru jew ta’ private equity skont pjan maħsub biex jinkiseb id-dħul massimu, inklużi l-bejgħ kummerċjali, il-likwidazzjonijiet, ir-rimborż ta’ ishma privileġġati/self, il-bejgħ lil investitur ieħor f’kapital ta’ sogru, il-bejgħ lil istituzzjoni finanzjarja u l-bejgħ b’offerta pubblika (inklużli Offerti Pubbliċi Inizjali);

(q)

‘intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju’ (‘SME’) tfisser intrapriżi żgħar u intrapriżi ta’ daqs medju’ fis-sens tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 70/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna mill-Istat lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (11) jew kwalunkwa Regolament li jieħu post dan ir-Regolament;

(r)

‘intrapriża jew kumpanija destinatarja’ tfisser intrapriża jew kumpanija li investitur jew fond ta’ investiment ikun qed iqis jiinvestix fihom;

(s)

‘investituri providenzjali (li jissejħu “business angels”)’ tfisser individwi tat-tajjeb li jinvestu direttament f’negozji m’ilhomx u li qed jiżviluppaw li ma’ jkunux ikkwotati fil-borża (finanzi għat-tnissil) u jagħtuhom l-assistenza tagħhom, normalment għal sehem ta’ parteċipazzjoni fil-kapital; tan-negozju, imma jistgħu wkoll jipprovdu finanzjamenti oħra fuq medda twila ta’ żmien;

(t)

‘żoni assistiti’ tfisser reġjuni li jidħlu fl-ambitu tad-derogi msemmija fl-Artikolu 61(3)(a) jew (c) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE;

10B.3   L-APPLIKABILTÀ TAL-ARTIKOLU 61(1) FIL-QASAM TAL-KAPITAL TA’ RISKJU

10B.3.1   TESTI ĠENERALI APPLIKABBLI

(27)

Hemm diġà għadd ta’ testi ppubblikati mill-Awtorità li jipprovdu l-interpretazzjoni dwar jekk miżuri individwali jaqgħux taħt id-definizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat u li jistgħu jkunu rilevanti għall-miżuri favur il-kapital ta’ riskju. Dawn jinkludu l-linji gwida tal-Awtorità dwar l-investimenti tal-awtoritajiet pubbliċi (12), il-linji gwida tal-Awtorità dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-applikazzjoni ta’ miżuri fir-rigward ta’ tassazzjoni fuq negozju dirett (13) u l-linji gwida tal-Awtorità fuq garanziji mill-istat (14). L-Awtorità se tkompli tapplika dawn it-testi, meta tevalwa jekk miżuri favur il-kapital ta’ riskju jikkostitwux għajnuna mill-Istat.

10B.3.2   IL-PREŻENŻA TA’ GĦAJNUNA FI TLIET LIVELLI

(28)

Miżuri favur il-kapital ta’ riskju ta’ sikwit jinvolvu kostruzzjonijiet komplessi maħsuba biex jippromwovu l-kapital ta’ riskju għaliex l-awtoritajiet pubbliċi joħolqu inċentivi għal grupp ta’ operaturi ekonomiċi (investituri) bil-għan li jipprovdu finanzi lil grupp ieħor (SME destinatarji). Skont l-istruttura tal-miżuri, u kif ukoll jekk l-intenzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi fir-realtà tkun biss li joffru aġevolazzjoni naħsuba biss għat-tieni grupp, il-benefiċjarji effettivi tal-għajnuniet mill-Istat jistgħu jkunu intrapriżi li jinsabu f’xi wieħed miż-żewġ livelli jew fit-tnejn li huma. Barra minn hekk, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-miżura taħseb għall-ħolqien ta’ fond jew strument ta’ investiment ieħor li jkollu eżistenza separata minn dik tal-investituri u l-intrapriżi li fihom isir l-investment. F’każijiet bħal dawn, irid ukoll jiġu kkunsidrat jekk il-fond jew l-istrument jistax jitqies li huwa intrapriża li qed tibbenefika mill-għajuna mill-Istat.

(29)

F’dan il-kuntest, l-iffinanzjar b’riżorsi, li ma humiex riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, jitqies li hu provdut minn investituri privati. Dan jiġri, partikolarment, fejn il finanzjament mill-Bank Ewropew għall-Investiment Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Investiment.

(30)

L-Awtorità se tikkunsidra l-fatturi speċifiċi li ġejjin biex tiddetermina jekk hemmx għajnuna mill-Istat preżenti f’xi wieħed mil-livelli differenti (15).

(31)

Għajnuna lill-investituri. Fejn miżura tippermetti lill-investituri privati li jagħmlu investiment f’kapital propju jew fi kważi-kapital propju f’kumpanija jew grupp ta’ kumpaniji b’termini aktar favorevoli minn investituri pubbliċi, jew jekk ikunu għamlu investimenti bħal dawn fin-nuqqas tal-miżura, allura dawk l-investituri privati jitqiesu li rċevew vantaġġ. Vantaġġ bħal dan jista’ jieħu forom differenti, kif jissemma fit-taqsima 10B.4.2 ta’ dawn il-linji gwida. Dan jgħodd anki jekk il-miżura twassal lill-investitur privat biex jaġevola lill-kumpanija jew kumpaniji konċernati. Bil-kuntrarju, l-Awtorità tqis li l-investiment ikun sar pari passu bejn l-investituri pubbliċi u privati, u b’hekk ma jkunx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fejn it-termini tiegħu jkunu aċċettabbli għal investitur privat li jkun jopera fil-kundizzjonijiet normali ta’ ekonomija tas-suq fin-nuqqas ta’ kwalunkwe intervent mill-Istat. Dan jitqies biss li huwa l-każ jekk l-investituri pubbliċi u privati jaqsmu b’mod eżatt l-istess riskji ta’ qligħ u ta’ telf u l-istess possibbiltajiet ta’ remunerazzjoni u jekk joqogħdu għall-istess livell ta’ subordinazzjoni, u normalment fejn tal-anqas 50 fil-mija tal-finanzjament tal-miżura huwa provdut minn investituri privati, li huma indipendenti mill-kumpaniji li fihom huma jinvestu.

(32)

Għajnuna lill-fond ta’ investiment, strument ta’ investiment u/jew il-maniġer tiegħu. B’mod ġenerali, l-Awtorità tqis li fond ta’ investiment jew strument ta’ investiment huma strument intermedjarju għat-trasferiment ta’ għajnuna lill-investituri u/jew intrapriżi li fihom isir l-investiment, aktar milli jkunu huma stess il-benefiċjarji tal-għajnuna. Madanakollu, miżuri bħalma huma miżuri fiskali jew miżuri oħra li jinvolvu trasferimenti diretti favur strument ta’ investiment jew fond eżistenti b’investituri numerużi ta’ natura ta’ intrapriża indipendenti jistgħu jikkostitwixxu għajnuna kemm-il darba l-investiment ma jsirx fuq termini li jkunu aċċettabbli għall-investitur privat li jkun jopera fil-kundizzjonijiet normali ta’ ekonomija tas-suq u għalhekk ma jipprovdu ebda vantaġġ lill-benefiċjarju. L-istess, għajnuna lill-maniġers tal-fond jew il-kumpanija li tiġġestixxi titqies preżenti jekk ir-remunerazzjoni tagħhom ma tirriflettix eżattament ir-remunerazzjoni preżenti tas-suq f’sitwazzjoni komparabbli. Min-naħa l-oħra, jkun hemm preżunzjoni li m’hemmx għajnuna jekk il-maniġers jew il-kumpanija li tiġġestixxi jintgħażlu permezz ta’ proċedura ta’ offerta miftuħa u trasparenti jew jekk huma ma jirċivux xi vantaġġ oħra mill-Istat.

(33)

Għajnuna lill-intrapriżi li fihom isir l-investiment B’mod partikolari, fejn tkun preżenti għajnuna fil-livell tal-investituri, l-istrument ta’ investiment jew il-fond ta’ investiment, l-Awtorità normalment tqis li dawn jiġu għall-anqas parzjalment mgħoddija fl-intrapriżi destinatarji u għalhekk ikunu wkoll preżenti fil-livell ta’ dawn tal-aħħar. Dan jiġri anki fejn id-deċiżjonijiet dwar l-investiment ikunu qed jittieħdu mill-maniġers tal-fond b’loġika purament kummerċjali.

(34)

Fil-każi fejn l-investiment isir b’termini li jkunu aċċettabbli għal investitur privat f’ekonomija tas-suq fin-nuqqas ta’ kwalunkwe intervent tal-Istat l-intrapriżi li fihom isir l-investiment ma jitqisux bħala rċevituri. Għal dan il-għan, l-Awtorità tqis jekk deċiżjonijiet dwar investimenti bħal dawn isirux għall-qligħ u jkunux marbuta ma’ pjan ta’ negozju u tbassir raġjonevoli, kif ukoll ma’ strateġija ta’ ħruġ ċara u realistika. Tingħata importanza wkoll lil fatturi bħalma huma l-għażla u l-mandat ta’ investiment tal-maniġers tal-fond jew tal-kumpanija ta’ ġestjoni kif ukoll lill-perċentwali u l-grad ta’ parteċipazzjoni ta’ investituri privati.

10B.3.3   AMMONTI DE MINIMIS

(35)

Fejn il-finanzjament kollu taħt forma ta’ kapital ta’ riskju provdut lill-benefiċjarji jkun de minimis fis-sens tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE dwar għajnuna de minimis  (16), jitqies li ma jaqax taħt l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE. Fil-każ ta’ miżuri favur il-kapital ta’ riskju, l-applikazzjoni tar-regola de minimis issir aktar ikkumplikata bid-diffikultajiet fil-kalkulazzjoni tal-għajnuna kif ukoll bil-fatt li l-miżuri jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mhux biss għall-intrapriżi destinatarji, iżda wkoll għal-investituri oħra. Fejn dawn id-diffikultajiet jistgħu jingħelbu, madanakollu, ir-regola de minimis tibqa’ applikabbli. Għalhekk, jekk skema tipprovdi kapital pubbliku biss sal-limiti de minimis rilevanti lil kull intrapriża fuq perjodu ta’ tliet snin, m’hemmx dubju li kwalunkwa għajnuna lil dawn l-intrapriżi u/jew investituri tidħol fil-limiti stabbiliti.

10B.4   EVALWAZZJONI TAL-KOMPATIBBILTÀ TA’ GĦAJNUNA TA’ GĦAJNUNA FAVUR IL-KAPITAL TA’ RISKJU SKONT L-ARTIKOLU 61(3) (C) TAL-FTEHIM DWAR IŻ-ŻEE

10B.4.1   PRINĊIPJI ĠENERALI

(36)

L-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE jipprovdi li l-għajnuniet biex jiġi aġevolat l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi jitqiesu kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-ŻEE fejn għajnuniet bħal dawn ma jaffettwawx ħażin il-kundizzjonijiet tan-negozju sal-punt li jmorru kontra l-interess komuni. Fuq il-bażi tal-evalwazzjoni mqabbla stabbilita fit-taqsima 10B.1.3, l-Awtorità tiddikjara biss bħala kompatibbli miżura favur il-kapital ta’ riskju fejn tikkonkludi li l-miżura ta’ għajnuna twassal għal offerta akbar ta’ kapital ta’ riskju bla ma tolqot ħażin il-kundizzjonijiet tan-negozju sal-punt li tmur kontra l-interess komuni. Din it-taqsima tistabbilixxi sett ta’ kundizzjonijiet li taħthom l-Awtorità tikkunsidra li għajnuna taħt forma ta’ kapital ta’ riskju tkun kompatibbli ma’ l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.

(37)

Fejn l-Awtorità jkollha f’idejha notifika sħiħa li turi li l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f’din it-taqsima ntlaqgħu, hija tagħmel l-almu tagħha biex tlesti evalwazzjoni rapida tal-għajnuna fil-limiti ta’ żmien imniżżel fil-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti dwar il-funzjonijiet u l-poteri tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Għal ċerti tipi ta’ miżuri li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din it-taqsima, l-Awtorità tagħmel evalwazzjoni aktar dettaljata tal-miżura favur il-kapital ta’ riskju kif stabbilit fid-dettal fit-taqsima 10B.5.

(38)

Fejn ikun hemm ukoll għajnuna fil-livell tal-intrapriżi destinatarji u l-offerta tal-kapital ta’ riskju tkun marbuta ma’ l-ispejjeż li jkunu eliġibbli għal għajnuna taħt regolament jew qafas ieħor jew linji gwida oħra, dak it-test jista’ jiġi applikat biex jitqies jekk l-għajnuna tkunx kompatibbli mat-tħaddim tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.

10B.4.2   FORMA TA’ GĦAJNUNA

(39)

L-għażla tal-forma ta’ miżura ta’ għajnuna hija f’idejn b’mod ġenerali f’idejn l-Istat taż-ŻEE u dan japplika bl-istess mod għal miżuri favur il-kapital ta’ riskju. Madanakollu, l-evalwazzjoni tal-Awtorità fir-rigward ta’ miżuri bħal dawn tkun tinkludi jekk il-miżuri jinkoraġġux investituri tas-suq biex jipprovdu kapital ta’ riskju lill-intrapriżi destinatarji u li mistennija li aktarx li jirriżultaw f’deċiżjonijiet ta’ investiment li jittieħdu fuq bażi kummerċjali (jiġifieri, fuq bażi ta’ qligħ), kif spjegat aħjar fit-taqsima 10B.4.3.

(40)

L-Awtorità temmen li t-tipi ta’ miżuri kapaċi li jipproduċu dan ir-riżultat jinkludu dawn li ġejjin:

(a)

il-kostituzzjoni ta’ fondi ta’ investiment (‘fondi ta’ kapital ta’ sogru’) li fihom l-Istat huwa sieħeb, investitur jew parteċipant, anke jekk fuq termini anqas vantaġġjużi minn investituri oħra;

(b)

garanziji lill-investituri ta’ kapital ta’ riskju jew lill-fondi ta’ kapital ta’ sogru kontra proporzjon ta’ telf minn investment, jew garanziji mogħtija fir-rigward ta’ self lill-investituri/fondi għal investiment f’kapital ta’ riskju, bil-kundizzjoni li l-kopertura pubblika għat-telf sottostanti potenzjali ma teċċedix 50 % tal-ammont nominali tal-investiment garantit;

(c)

istituzzjoni finanzjarji oħra favur investituri f’kapital ta’ riskju jew fondi ta’ kapital ta’ sogru biex jipprovdu kapital żejjed għall-investiment;

(d)

Inċentivi fiskali għal fondi ta’ investiment u/jew il-maniġers tagħhom, jew għall-investituri biex jagħmlu investiment f’kapital ta’ riskju u/jew il-maniġers tagħhom, jew għall-investituri biex jagħmlu investiment f’kapital ta’ riskju.

10B.4.3   KUNDIZZJONIJIET GĦALL-KOMPATIBBILTÀ

(41)

Biex ikun żgurat li l-effett ta’ inċentivazzjoni u n-neċessità ta’ għajnuna kif stabbiliti fit-taqsima 10B.1.3.4 huma preżenti fil-miżura dwar il-kapital ta’ riskju numru ta’ indikaturi huma rilevanti. Ir-raġunament huwa li l-għajnuna mill-Istat trid timmira disfunzjonament f’suq speċifiku li dwar l-eżistenza tiegħu hemm xhieda suffiċjenti. Għal dan il-għan, dawn il-linji gwida jistabbilixxu limiti ta’ sigurtà speċifiċi fir-rigward ta’ ammonti ta’ investimenti f’SME destinatarji fil-fażijiet bikrin tal-attività kummerċjali tagħhom. Barra minn hekk, sabiex l-għajnuna tkun limitata għall-minimu meħtieġ, huwa kruċjali li investimenti mgħejjuna f’SME destinatarji jsir bi skop ta’ qligħ u huma ġestiti fuq bażi kummerċjali. L-Awtorità tikkunsidra li l-effett ta’ inċentivazzjoni, in-neċessità u l-proporzjonalità tal-għajnuna huma preżenti f’miżura favur il-kapital ta’ riskju u li l-bilanċ kollox ma’ kollox huwa pożittiv fejn il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin jintlaqgħu.

Il-miżuri li jinvolvu speċifikament strumenti ta’ investiment ikunu evalwati skont it-taqsima 10B.5 ta’ dawn il-linji gwida u mhux taħt il-kundizzjonijiet ta’ din it-taqsima.

10B.4.3.1    Livell massimu ta’ ammonti ta’ investiment

(42)

Il-miżura favur il-kapital ta’ riskju trid tipprovdi għal ammonti ta’ finanzjament, kemm finanzjati totalment jew parzjalment b’għajnuna mill-Istat, li ma jaqbiżx il- EUR 1,5 miljun kull SME destinatarja fuq kull perjodu ta’ tnax-il xahar.

10B.4.3.2    Restrizzjoni tal-finanzi tal-fażijiet tat-tnissil, tal-bidu u tat-tkabbir

(43)

Il-miżura favur il-kapital ta’ riskju trid tkun ristretta li tipprovdi finanzjament sal-fażi tat-tkabbir għal intrapriżi żgħar, jew għal intrapriżi ta’ daqs medju li jinsabu f’żoni assistiti. Hija trid tkun ristretta li tipprovdi finanzjament sal-fażi tal-bidu għal intrapriżi ta’ daqs medju li jinsabu f’żoni assistiti.

10B.4.3.3    Prevalenza ta’ strumenti finanzjarji ta’ fondi propji u ta’ kważi-fondi propji

(44)

Il-miżura favur il-kapital ta’ riskju trid tipprovdi tal-anqas 70 % tal-baġit totali tagħha fil-forma ta’ strumenti finanzjarji ta’ fondi propji u ta’ kważi-fondi propji fl-SMEs destinatarji. Fl-evalwazzjoni tan-natura ta’ strumenti finanzjarji bħal dawn, l-Awtorità tqis is-sustanza ekonomika tal-istrument aktar milli l-isem tiegħu u l-kwalifika attribwita lilu mill-investituri. B’mod partikolari, l-Awtorità tqis il-grad tar-riskju fil-kumpanija destinatarja maħruġ mill-investitur, it-telf potenzjali li jista’ jġorr l-investitur, il-predominanza ta’ remunerazzjoni dipendenti fuq il-qligħ kontra remunerazzjoni fissa, u l-livell tas-subordinazzjoni tal-investitur fl-eventwalità ta’ falliment tal-kumpanija. L-Awtorità tista’ tqis ukoll it-trattament applikabbli għall-istrument ta’ investiment skont ir-regoli legali, regolatorji, finanzjarji u ta’ kontabbiltà domestiċi rilevanti, jekk dawn huma konsistenti u rilevanti għall-kwalifikazzjoni.

10B.4.3.4    Parteċipazzjoni minn investituri privati

(45)

Tal-anqas 50 % tal-finanzjament tal-investimenti magħmula skont miżura favur il-kapital ta’ riskju jridu jkunu provduti minn investituri privati, jew tal-anqas 30 % fil-każ ta’ miżuri destinati għal SME f’żoni assistiti.

10B.4.3.5    Il-karattru ta’ deċiżjonijiet dwar investimenti mibnija fuq il-kisba ta’ qligħ

(46)

Il-miżura favur il-kapitali ta’ riskju trid tiżgura li deċiżjonijiet biex isir investiment f’kumpaniji destinatarji huma mibnija fuq il-kisba ta’ qligħ. Dan huwa l-każ fejn l-motivazzjoni biex isir l-investiment hija bbażata fuq il-prospetti ta’ potenzjali ta’ qligħ sostanzjali u għajnuna kostanti lill-kumpaniji destinatarji għal dan il-għan. Dan il-kriterju jitqies li ntlaħaq jekk il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin jitwettqu:

(a)

il-miżuri għandhom parteċipazzjoni sinifikattiva ta’ investituri privati kif imfisser fit-taqsima 10B.4.3.4, li jagħmlu investimenti fuq bażi kummerċjali (jiġifieri, għall-qligħ biss) direttament jew indirettament fil-kapital propju tal-intrapriżi destinatarji; u

(b)

jeżisti pjan ta’ negozju għal kull investiment li jkun fih id-dettalji tal-prodott, bejgħ u żvilupp ta’ profittabbiltà u li jistabbilixxi l-vijabbiltà ex ante tal-proġett; u

(c)

teżisti strateġija ċara u realistika ta’ ħruġ għal kull investiment.

10B.4.3.6    Ġestjoni kummerċjali

(47)

Il-ġestjoni ta’ miżura favur il-kapital ta’ riskju jew fond irid isir fuq bażi kummerċjali. Il-grupp ta’ ġestjoni jrid jaħdem bħall-maniġers fis-settur privat, billi jfittex li jkabbar id-dħul għall-investitur. Dan il-kriterju jitqies li ntlaħaq jekk il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin jitwettqu:

(a)

hemm ftehim bejn il-maniġer professjonali tal-fond jew kumpanija ta’ ġestjoni u l-parteċipanti fil-fond, bil-kundizzjoni li r-remunerazzjoni tal-maniġer tkun marbuta mar-rendiment u l-iffissar tal-oġġettivi tal-fond u l-kalendarju propost tal-investimenti; u

(b)

l-investituri privati mis-suq huma rrappreżentati fit-teħid tad-deċiżjoni, per eżempju permezz ta’ kumitat ta’ investimenti jew konsultattiv; u

(c)

l-aqwa prassi u sorveljanza regolatorja japplikaw għall-ġestjoni tal-fondi.

10B.4.3.7    Karattru settorjali

(48)

Sal-limitu li ħafna fondi tas-settur privati huma indirizzati fuq teknoloġiji innovattivi speċifiċi jew anke setturi (bħas-saħħa, it-teknoloġija tal-informazzjoni, il-bijoteknoloġija), l-Awtorità tista’ taċċetta karattru soċjali għall-miżuri favur il-kapital ta’ riskju, bil-kundizzjoni li l-miżura hija skont l-ambitu ta’ dawn il-linji gwida kif stabbiliti fit-taqsima 10B.2.1.

10B.5   IL-KOMPATIBBILTÀ TA’ MIŻURI TA’ GĦAJNUNA FAVUR IL-KAPITAL TA’ RISKJU SUĠĠETTI GĦALL-EVALWAZZJONI DETTALJATA

(49)

Din it-taqsima tapplika għal miżuri favur il-kapital ta’ riskju li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fit-taqsima 10B.4. Evalwazzjoni aktar dettaljata bbażata fuq evalwazzjoni mqabbla deskritta fil-qosor fit-taqsima 10B.1.3 hija neċessarja għal dawn il-miżuri minħabba l-ħtieġa li tkun żgurat li jkunu affrontati l-funzjonamenti ħżiena tas-suq u minħabba riskji ogħla ta’ esklużjoni potenzjali ta’ investituri privati u tat-tfixkil kontinwu fil-kompetizzjoni.

(50)

L-analiżi tal-kompatibbiltà tal-miżuri mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-ŻEE tkun ibbażata fuq numru ta’ elementi pożittivi u negattivi. Ebda element waħdieni ma huwa determinanti, lanqas jista’ kwalunkwe sett ta’ elementi jitqies bħala suffiċjenti fih innifisu biex tkun żgurata l-kompatibbiltà. F’xi każi l-applikabbiltà tagħhom, u l-piż mogħti lilhom, jistgħu jiddependu mill-forma tal-miżura.

(51)

L-Istati taż-ŻEE jkollhom jipprovdu l-elementi kollha u x-xhieda li huma jikkunsidraw ta’ siwi għall-evalwazzjoni tal-miżura. Il-livell tax-xhieda meħtieġa u l-evalwazzjoni tal-Awtorità jiddependu fuq il-karatteristiċi ta’ kull każ u jkunu proporzjonati mal-livell tal-funzjonament ħażin tas-suq involut u r-riskju tal-esklużjoni tal-investiment privat.

10B.5.1   IL-MIŻURI TA’ GĦAJNUNA SUĠĠETTI GĦAL EVALWAZZJONI DETTALJATA

(52)

It-tipi ta’ miżuri favur il-kapital ta’ riskju li ġejjin li ma jikkonformawx ma’ waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet stabbiliti fit-taqsima 10B.4 ikunu suġġetti għal evalwazzjoni aktar dettaljata meta jkun ikkunsidrat il-karattru anqas ovvju tal-funzjonament ħażin tas-suq u l-potenzjal ogħla ta’ esklużjoni ta’ investiment privat u/jew it-tfixkil kontinwu fil-kompetizzjoni.

(a)   Il-miżuri li jipprovdu għal ammonti ta’ investiment aktar mil-limitu ta’ sigurtà ta’ EUR 1.5 miljun fuq SME destinatarja fuq kull perjodu ta’ tnax-il xahar.

L-Awtorità taf bil-flutwazzjoni kostanti tas-suq tal-kapitolu ta’ riskju u tad-disponibbiltà mhux suffiċjenti tal-kapital propju, kif ukoll tal-grad differenti li bih jintlaqtu l-intrapriżi mill-funzjonament ħażin tas-suq skont id-daqs tagħhom, fuq il-fażi tal-iżvilupp tan-negozju tagħhom, u fuq il-qasam ekonomiku tagħhom. Għalhekk l-Awtorità hija lesta li tikkunsidra li l-miżuri favur il-kapital ta’ riskju li jipprovdu għal ammonti ta’ investiment li jaqbżu l-limitu ta’ EUR 1.5 miljun kull intrapriża kull sena huma kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, bil-kundizzjoni li tiġi ppreżentata x-xhieda meħtieġa tal-funzjonjament ħażin tas-suq.

(b)   Miżuri li jipprovdu finanzjament għall-fażi ta’ tkabbir għall-intrapriżi ta’ daqs medju f’żoni mhux assistiti.

L-Awtorità tirrikonoxxi li ċerti intrapriżi ta’ daqs medju f’żoni mhux assistiti jista’ jkollhom aċċess mhux suffiċjenti għal kapital ta’ riskju kif ukoll fil-fażi ta’ tkabbir tagħhom minkejja d-disponibbiltà ta’ finanzjament lil intrapriżi li jkollhom fatturat sinifikattiv u/jew bilanċ totali. Għalhekk, l-Awtorità hija mħejjija li tikkunsidra li tiddikjara miżuri li jkopru parzjalment il-fażi ta’ tkabbir ta’ kumpaniji ta’ daqs medju kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-ŻEE f’ċerti każi, bil-kundizzjoni li tkun sottomessa x-xhieda neċessarja.

(c)   Miżuri li jipprovdu għal investimenti ta’ segwitu f’kumpaniji destinatarji li diġà rċevew injezzjonijiet ta’ kapital mgħejjuna biex jiffinanzjaw stadji oħra ta’ finanzjament anke ‘l hinn mil-livell ta’ sigurtà u l-finanzjament għall-kobor tal-bidu tal-kumpaniji.

L-Awtorità tirrikonoxxi l-importanza ta’ investimenti ta’ segwitu f’kumpaniji destinatarji li diġà rċevew injezzjonijiet ta’ kapital mgħejjuna fil-fażijiet bikrija tagħhom biex jiffinanzjaw stadji oħra ta’ finanzjament anke ta’ ammonti ta’ investiment ‘l hemm mil-livell massimu ta’ sigurtà u l-finanzjament għall-kobor tal-bidu tal-kumpaniji sal-ħruġ tal-investiment inizjali. Dan jista’ jkun neċessarju biex ikun evitat tnaqqis tal-parteċipazzjoni pubblika f’dawn il-fażijiet ta’ finanzjament waqt li tkun żgurata l-kontinwità għall-intrapriżi destinatarji sabiex kemm l-investituri pubbliċi kif ukoll privati jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ minn investmenti riskjużi. F’dawn iċ-ċirkustanzi u meta jitqiesu l-ispeċifitajiet tas-settur u l-intrapriżi destinatarji, l-Awtorità hija lesta li tikkunsidra li tiddikjara investment ta’segwitu kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-ŻEE bil-kondizzjoni li l-ammont ta’ dan l-investiment huwa konsistenti ma’ l-investiment inizjali u mad-daqs tal-fond.

(d)   Miżuri li jipprovdu għall-parteċipazzjoni minn investituri privati taħt 50 % f’żoni mhux assistiti jew taħt it-30 % f’żona assistiti.

Fiż-ŻEE il-livell ta’ żvilupp tas-suq tal-kapital ta’ riskju privat ivarja b’mod sinifikattiv fl-Istati varji taż-ŻEE. F’xi każi, jista’ jkun diffiċli li jinstabu investituri privati, u għalhekk l-Awtorità hija lesta li tikkunsidra li tiddikjara miżuri b’parteċipazzjoni privata taħt il-limiti stabbiliti fit-taqsima 10B.4.3.4 kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, jekk l-Istati tal-EFTA jippreżentaw ix-xhieda meħtieġa. Din il-problema tista’ tkun akbar għal miżuri favur il-kapital ta’ riskju destinati għall-SMEs f’żoni assistiti. F’dawn il-każi jista’ jkun hemm nuqqas addizzjonali ta’ kapital disponibbli għalihom meta jitqies il-post remot miċ-ċentru ta’ kapital ta’ sogru, id-densità aktar baxxa tal-popolazzjoni u l-averżjoni għar-riskju li dejjem qed tikber mill-investituri privati. Dawn l-SMEs jistgħu jintlaqtu wkoll minn kwistjonijiet maħluqa mit-talba bħad-diffikultà tat-tfassil ta’ proposti kummerċjali vijabbli u b’investiment lest, kultura aktar limitata ta’ kapital propju, u riluttanza partikolari għat-telf tal-kontroll tal-ġestjoni, bħala riżultat ta’ intervent ta’ kapital ta’ sogru.

(e)   Miżuri li jipprovdu kapital għat-tnissil lil intrapriżi żgħar li jistgħu jaraw minn qabel x’se jiġri (i) b’anqas jew ebda parteċipazzjoni privata minn investituri privati, u/jew predominanza ta’ strumenti ta’ investiment ta’ dejn opposti għal kapital propju u kważi-kapital propju.

Id-disfunzjonamenti tas-suq li jaffetwaw lill-intrapriżi fil-fażi tat-tnissil huma akbar minħabba l-grad għoli ta’ riskju involut minħabba l-investiment potenzjali u l-ħtieġa li l-intraprenditur ikun segwit mill-qrib f’din il-fażi kruċjali. Dan huwa rifless ukoll bir-riluttanza u kważi assenza ta’ investituri privati biex jipprovdu kapital ta’ tnissil, li jimplika ebda riskju jew riskju limitat ħafna ta’ esklużjoni. Barra minn hekk, hemm potenzjal imnaqqas għat-tagħwiġ tal-kompetizzjoni minħabba distanza sinifikattiva mis-suq ta’ dawn l-intrapriżi ta’ daqs żgħir. Dawn ir-raġunijiet jistgħu jiġġustifikaw attitudni aktar favorevoli mill-Awtorità lejn il-miżuri destinati għall-fażi ta’ meta jibda, anke fid-dawl tal-importanza kruċjali tagħhom biex jiġġeneraw tkabbir u impjiegi fiż-ŻEE,

(f)   Miżuri li jinvolvu speċifikament strument ta’ investiment

Strument ta’ investiment jista’ jiffaċilita t-tlaqqigħ tal-investituri u l-SMEs destinatarji li għalihom għalhekk jista’ jittejjeb l-aċċess għal kapital ta’ riskju. Fil-każ ta’ disfunzjonamenti tas-suq relatati ma’ l-intrapriża destinati mill-istrument, l-istrument jista’ ma jiffunzjonax b’effiċjenza mingħajr inċentivi finanzjarji. Per eżempju, investituri jistgħu ma jsibux it-tip ta’ investimenti destinati mill-istrument attraenti mqabbla ma’ investimenti ta’ somom akbar ta’ investimenti jew investimenti f’intrapriżi aktar stabbiliti jew postijiet tas-suq aktar stabbiliti, minkejja potenzjalità ċara ta’ profittabiltà tal-intrapriżi destinatarji. Għalhekk, l-Awtorità hija lesta li tikkunsidra li tiddikjara miżuri speċifiċi li jinvolvu strument ta’ investiment kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-ŻEE f’ċerti każi, bil-kundizzjoni li titressaq ix-xhieda neċessarja dwar disfunzjonament definit u ċar tas-suq.

(g)   Spejjeż marbuta ma’ l-ewwel għażla ta’ kumpaniji fid-dawl tal-konklużjoni tal-investimenti, sal-fażi ta’ diliġenza xierqa (‘spejjeż ta’ esplorazzjoni’).

Il-fondi ta’ kapital ta’ riskju u l-maniġers tagħhom jista’ jkollhom ‘spejjeż ta’ esplorazzjoni’ fl-identifikazzjoni tal-SMEs, qabel il-fażi ta’ diliġenza xierqa. L-għotjiet li jkopru parti minn dawn l-ispejjeż ta’ esplorazzjoni jridu jinkoraġixxu l-fondi jew il-maniġers tagħhom sabiex iwettqu aktar attivitajiet ta’ ‘esplorazzjoni’ milli kieku kien ikun il-każ. Dan jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-SMEs konċernati, anke jekk it-tfittxija ma twassalx għal investiment, ladarba tgħin lil dawk l-SMEs jakkwistaw aktar esperjenza fil-finanzjament b’kapital ta’ riskju. Dawn ir-raġunijiet jistgħu jiġġustifikaw attitudni aktar favorevoli mill-Awtorità lejn għotjiet li jkopru parti mill-ispejjeż ta’ esplorazzjoni ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju jew il-maniġers tagħhom, suġġetti għal dawn il-kundizzjonijiet: l-ispejjeż eliġibbli jridu jkunu limitati għall-ispejjeż ta’ esplorazzjoni relatati ma’ l-SMEs l-aktar fil-fażi ta’ meta jibdew jew tal-bidu, fejn spejjeż bħal dawn ma jwasslux għal investiment, u l-ispejjeż iridu jeskludu spejjeż legali u amministrattivi tal-fondi. Barra minn hekk, l-għotja ma tridx teċċedi 50 % tal-ispejjeż eliġibbli.

10B.5.2   EFFETTI POŻITTIVI TAL-GĦAJNUNA

10B.5.2.1    Eżistenza u xhieda ta’ disfunzjonament tas-suq

(53)

Għall-miżuri favur il-kapital ta’ riskju li jipprevedu lottijiet ta’ investiment fl-intrapriżi destinatarji li jaqbżu l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-taqsima 10B.4, partikolarment dawk li jipprevedu lottijiet ta’ aktar minn EUR 1.5 miljun kull SME destinatarja fuq kull perjodu ta’ tnax-il xahar, investimenti ulterjuri jew il-finanzjament tal-fażi tat-tkabbir għal intrapriżi ta’ daqs medju f’oqsma mhux assistiti kif ukoll għall-miżuri li jipprevedu speċifikament l-intervent ta’ mezz ta’ investiment, l-Awtorità titlob xhieda supplimentari tad-disfunzjonament tas-suq involut f’kull livell fejn tista’ tkun teżisti xi għajnuna qabel tiddikjara li l-miżura favur il-kapital ta’ riskju proposta kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-ŻEE. Din ix-xhieda trid tkun ibbażata fuq studju indipendenti li juri l-livell tan-nuqqas ta’ fondi propji fir-rigward tal-intrapriżi u s-setturi li l-miżura favur il-kapital ta’ riskju hija mmirata għalihom. It-tagħrif rilevanti jikkonċerna l-offerta tal-kapital ta’ riskju u l-kapital ta’ mobilizzazzjoni, kif ukoll l-importanza tas-settur tal-kapital ta’ sogru fl-ekonomija lokali. Dan għandu idealment jingħata għall-perjodu li jkopri t-tliet snin sa ħamsa qabel l-implimentazzjoni tal-miżura, kif ukoll għall-ġejjien, fuq il-bażi ta’ proġezzjonijiet raġonevoli, fejn dawn ikunu disponibbli. Ix-xhieda ppreżentata tista’ wkoll tinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

l-iżvilupp tal-finanzjament matul l-aħħar ħames snin, u l-evalwazzjoni mqabbla mal-medji nazzjonali u/jew Ewropej;

(b)

in-nuqqas ta’ ekwilibriju monetarju eżistenti attwalment;

(c)

il-parti ta’ programmi ta’ investiment li jibbenefikaw minn għajnuna pubblika fl-investiment totali fil-kapital ta’ sogru matul l-aħħar tliet snin sa ħamsa;

(d)

il-perċentwal ta’ intrapriżi ġodda li jirċievu kapital ta’ sogru;

(e)

rendikont tal-investimenti f’kull kategorija, skont l-ammonti tagħhom;

(f)

l-evalwazzjoni mqabbla tal-għadd ta’ pjani ta’ negozju ppreżentati u l-għadd ta’ investimenti li saru f’kull segment (ammont ta’ investiment, settur, ċiklu ta’ finanzjament, eċċ.).

Għal miżuri destinati għal SMEs li jinsabu f’żoni assistiti, it-tagħrif rilevanti jrid jiġi ssupplimentat b’kull xhieda oħra rilevanti li jista’ jkun hemm, li tagħti evidenza tal-ispeċifiċitajiet reġjonali li jiġġustifikaw il-modalitajiet tal-miżura involuta. L-elementi li ġejjin jistgħu jkunu rilevanti:

(a)

stima tad-daqs addizzjonali tan-nuqqas ta’ fondi propji dovut għall-periferalità u speċifiċitajiet reġjonali oħra, partikolarment f’termini tal-ammont totali ta’ kapital ta’ riskju investit, l-għadd ta’ fondi jew mezzi ta’ investiment preżenti fit-territorju jew f’distanza qasira, id-disponibbiltà ta’ maniġers esperti, l-għadd ta’ tranżazzjonijiet u d-daqsijiet medji u minimi tat-tranżazzjonijiet, fejn dawn ikunu disponibbli;

(b)

data ekonomika lokali speċifika, raġunijiet soċjali u/jew storiċi ta’ offerta sottodimensjonata ta’ kapital ta’ riskju, imqabbla mad-data jew il-qagħda medji rilevanti fuq il-livelli nazzjonali u/jew taż-ŻEE kif ikun il-każ;

(c)

kull indikatur rilevanti ieħor li juri grad ogħla ta’ disfunzjonament tas-suq.

(54)

L-Istati tal-EFTA jistgħu jerġgħu jippreżentaw l-istess xhieda bosta drabi sakemm il-kundizzjonijiet sottostanti tas-suq ma jkunux inbidlu. L-Awtorità tirriserva d-dritt li tikkontesta l-validità tax-xhieda ppreżentata.

10B.5.2.2    Adegwatezza tal-istrument

(55)

Element importanti tal-evalwazzjoni mqabbla jikkonsisti filli jiġi determinat jekk, u sa liema punt, l-għajnuina mill-Istat fil-qasam tal-kapital ta’ riskju tista’ titqies strument adegwat biex jiġi inkoraġġit l-investiment privat ta’ kapital ta’ riskju. Din l-evalwazzjoni hija strettament marbuta ma’ l-evalwazzjoni tal-effett ta’ inċentivazzjoni u l-ħtieġa tal-għajnuna, kif stipulata fit-taqsima 10B.5.2.3.

(56)

Fl-evalwazzjoni dettaljata tagħha, l-Awtorità tagħti attenzjoni partikolari lil evalwazzjoni tal-impatt tal-miżura proposta magħmula mill-Istat tal-EFTA. Fejn l-Istat tal-EFTA jkun qies għażliet oħra u jkunu ġew stabbiliti u kkomunikati lill-Awtorità l-vantaġġi li joħorġu mill-użu ta’ strument selettiv bħalma hija l- għajnuna mill-Istat, il-miżuri kkonċernati jitqiesu li jikkostitwixxu strument adegwat. L-Awtorità tevalwa wkoll ix-xhieda ta’ miżuri oħra meħuda jew li għandhom jittieħdu biex jiġu indirizzati n-nuqqas ta’ fondi propji, partikolarment l-evalwazzjonijiet ex post u l-kwistjonijiet li jkollhom inċidenza fuq l-SMEs destinatarji, kemm min-naħa tal-offerta kif ukoll min-naħa tat-talba, biex jiġi vverifikat kif jistgħu jinteraġixxu mal-miżura proposta favur il-kapital ta’ riskju.

10B.5.2.3    Effett ta’ inċentivazzjoni u ħtieġa tal-għajnuna

(57)

L-effett ta’ inċentivazzjoni tal-miżura favur il-kapital ta’ riskju tilgħab parti kruċjali fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà. L-Awtorità temmen li l-effett ta’ inċentivazzjoni huwa preżenti għall-miżuri li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha tat-taqsima 10B.4. Madanakollu, fejn jirrigwarda l-miżuri koperti f’din it-taqsima, il-preżenza tal-effett ta’ inċentivazzjoni jsir anqas ovvju. Għalhekk, l-Awtorità tagħti wkoll importanza lill-kriterji addizzjonali li ġejjin - li juru l-karattru tad-deċiżjonijiet ta’ investiment immotivati mill-qligħ, kif ukoll tal-ġestjoni kummerċjali tal-miżura, fejn dan ikun il-każ.

10B.5.2.3.1   Ġestjoni kummerċjali

(58)

B’żieda mal-kundizzjonijiet stipulati fit-taqsima 10B.4.3.6 l-Awtorità tqis bħala element pożittiv il-fatt li miżura jew il-fond ta’ kapital ta’ riskju jkunu ġestiti minn professjonisti mis-settur privat jew minn professjonisti indipendenti magħżula bi proċedura trasparenti, mhux diskriminatorja, preferibbilment sejħa għall-offerti miftuħa, b’esperjenza u kompetenzi kkonfermati fir-rigward tas-suq tal-kapitali, idealment fl-istess settur(i) destinatarji tal-fond, kif ukoll għarfien tal-aspetti rilevanti ġuridiċi u fir-rigward tal-kontabbiltà.

10B.5.2.3.2   Preżenza ta’ kumitat ta’ investiment

(59)

Element pożittiv ieħor ikun l-eżistenza ta’ kumitat ta’ investiment, indipendenti mill-kumpanija li tiġġestixxi l-fond u magħmul minn esperti indipendenti li jiġu mis-settur privat b’esperjenza fis-settur destinatarju u, preferibbilment, anki minn rappreżentanti tal-investituri, jew esperti indipendenti magħżula permezz ta’ proċedura trasparenti u mhux diskriminatorja, preferibbilment sejħa għall-offerti miftuħa. Dawn l-esperti jipprovdu lill-maniġers jew lill-kumpanija ta’ ġestjoni analiżijiet tal-qagħda eżistenti u tal-ġejjien previst tas-suq u, wara li jkun għamlu l-iskrutinju tagħhom, jipproponulhom intrapriżi destinatarji bi prospetti tajba ta’ investiment.

10B.5.2.3.3   Daqs tal-miżura tal-fond

(60)

L-Awtorità tqis bħala element pożittiv il-fatt li l-miżura favur il-kapital ta’ riskju ikollha baġit għall-investimenti fl-SMEs destinatarji ta’ daqs suffiċjenti biex jibbenefikaw minn ekonomiji ta’ skala fl-amministrazzjoni ta’ fond u mill-possibbiltà ta’ diversifikazzjoni ta’ riskji permezz ta’ portafoll ta’ investimenti suffiċjentement varjat. Id-daqs tal-fond għandu jkun ta’ natura li tiggarantixxi l-possibbiltà li jiġu assorbiti l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet u/jew iffinanzjati l-fażijiet ulterjuri, li jirrendu aktar, tal-kumpaniji destinatarji. Finanzjamenti aktar importanti jitqiesu b’mod pożittiv u tingħata wkoll attenzjoni lis-settur destinatarju sakemm ir-riskji ta’ esklużjoni tal-investimenti privati u ta’ tagħwiġ fil-kompetizzjoni jiġu mminimizzati.

10B.5.2.3.4   Preżenza ta’ investituri providenzjali

(61)

Fejn jikkonċerna l-miżuri mmirati lejn il-kapital għat-tnissil, minħabba l-livell aktar ovvju ta’ disfunzjonament tas-suq li jista’ jiġi pperċepit f’din il-fażi, l-Awtorità tqis favorevolment il-parteċipazzjoni diretta jew indiretta ta’ investituri providenzjali f’investimenti fil-fażi tat-tnissil. Għalhekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, hija lesta tqis li tiddikjara miżuri kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-ŻEE anki jekk tipprevedi predominanza ta’ strumenti ta’ dejn, inkluż grad ogħla

10B.5.2.4    Proporzjonalità

(62)

Biex ikun hemm kompatibbiltà l-għajnuna trid tkun limitata għall-minimu meħtieġ. Il-mod biex ikun hemm din il-propozjonalità jiddependi neċessarjament mill-forma tal-miżura involuta. Madankollu, il-miżura ma titqiesx proporzjonata fin-nuqqas ta’ xi mekkaniżmu li jippermetti l-verifikazzjoni li l-investituri ma jirċivux remunerazzjoni eċċessiva jew, meta r-riskju ta’ telf jiġi sostnut għal kollox mis-settur pubbliku u/jew meta l-benefiċċji jkunu riservati għal kollox għall-investituri l-oħra, il-miżura ma titqiesx proporzjonata.

(63)

L-Awtorità tqis li l-elementi li ġejjin jinfluwenzaw tajjeb l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità, billi jirrappreżentaw metodu bbażat fuq l-aqwa prassi:

(a)

Sejħa għall-offerti miftuħa għall-maniġers. L-organizzazzjoni ta’ sejħa għall-offerti miftuħa trasparenti u mhux diskriminatorja għall-għażla tal-maniġers jew tal-kumpanija ta’ ġestjoni li tiżgura l-aqwa kombinazzjoni ta kwalità u valur għall-flus titqies element pożittiv, billi tillimita l-livell tal-prezz (u aktarx anki l-għajnuniet) għall-minimu meħtieġ u tillimita wkoll it-tagħwiġ tal-kompetizzjoni.

(b)

Sejħa għall-offerti miftuħa jew invit pubbliku għall-investituri. Sejħa għall-offerti biex jiġu ddefiniti l-‘kondizzjonijiet preferenzjali’ li jistgħu jingħataw lill-investituri, jew id-disponibbiltà ta’ termini bħal dawn lil investituri oħra. Din id-disponibbiltà tista’ tieħu l-forma ta’ stedina pubblika lill-investituri fit-tnedija ta’ fond ta’ investiment jew mezz ta’ investiment, jew tista’ tieħu l-forma ta’ skema (bħalma hija skema ta’ garanzija) li baqgħet miftuħa għal aderenti ġodda għal perjodu estiż.

10B.5.3   EFFETTI NEGATTIVI TAL-GĦAJNUNA

(64)

Meta tevalwa l-kompatibbiltà ta’ miżura favur il-kapital ta’ riskju, l-Awtorità tagħmel evalwazzjoni tal-effetti negattivi potenzjali f’termini ta’ tagħwiġ tal-kompetizzjoni u ta’ riskju ta’ esklużjoni tal-investiment privat kontra l-effetti pożittivi. Dawn l-effetti potenzjalment negattivi jkunu jridu jiġu analizzati f’kull wieħed mit-tliet livelli li fihom tista’ tkun preżenti l-għajnuna. L-għajnuniet għall-investituri, għall-mezzi ta’ investiment u għall-fondi ta’ investiment jista’ jkollhom effett negattiv fuq il-kompetizzjoni fis-suq tal-provvediment tal-kapital ta’ riskju. L-għajnuniet għall-intrapriżi destinatarji jista’ jkollu effetti ħżiena fuq is-swieq tal-prodotti fejn jikkompetu dawn l-intrapriżi.

10B.5.3.1    Esklużjoni

(65)

Fil-livell tas-suq tal-provvediment tal-kapital ta’ riskju, l-għajnuna mill-Istat tista’ twassal għall-esklużjoni tal-investimenti privati. Dan jista’ jnaqqas l-inċentivi għall-investituri privati biex jiffinanzjaw l-SMEs destinatarji u jinkoraġġihom jistennew li l-Istat jagħti l-għajnuniet għal dawn l-investimenti. Dan ir-riskju jissokta jikber, akbar ma jkun il-lott tal-investiment fl-intrapriża, akbar ma tkun l-intrapriża, u aktar ma tkun avvanzata l-fażi tal-iżvilupp tal-intrapriża stess, hekk kif l-offerta privata ta’ kapital ta’ riskju ssir gradwalment disponibbli f’dawn iċ-ċirkustanzi.

(66)

Għalhekk, l-Awtorità titlob xhieda speċifika fejn jirigwarda r-riskju tal-esklużjoni għal miżuri li jipprevedu lottijiet ta’ investiment aktar għoljin fl-SMEs destinatarji, għall-investimenti ta’ segwitu jew għall-finanzjament tal-fażi tat-tkabbir f’intrapriżi ta’ daqs medju f’żoni mhux assistiti jew għal miżuri b’parteċipazzjoni baxxa mill-investituri privati jew miżuri li jinvolvu speċifikament mezz ta’ investiment.

(67)

Barraminhekk, Istati tal-EFTA jridu jippreżentaw xhieda, speċifika għas-segment, is-settur u/jew industrija destinatarji, biex juru li m’hemm l-ebda riskju ta’ esklużjoni.

(68)

L-elementi li ġejjin jistgħu jkunu rilevanti:

(a)

l-għadd ta’ intrapriżi/fondi/mezzi ta’ investiment ta’ kapital ta’ sogru preżenti fil-livell nazzjonali jew fiż-żona (fil-każ ta’ fond regjonali) u s-segmenti fejn ikunu attivi;

(b)

l-intrapriżi destinatarji f’termini tad-daqs tal-kumpaniji, il-fażi tal-iżvilupp, u s-settur tan-negozju;

(c)

id-daqs medju tat-tranżazzjonijiet u possibilment id-daqs minimu li jiġġustifika skrutinju min-naħa tal-fondi jew tal-investituri;

(d)

l-ammont globali ta’ kapital ta’ sogru disponibbli għall-intrapriżi destinatarji, is-settur u l-fażi tal-iżvilupp destinarji tal-miżura involuta.

10B.5.3.2    Tagħwiġ ieħor tal-kompetizzjoni

(69)

Billi l-biċċa l-kbira tal-SMEs m’ilhomx joperaw, mhuwiex wisq probabbli, fil-livell tas-suq fejn ikunu preżenti, li dawn diġà jkollhom saħħa sinifikanti fis-suq u għalhekk li jkun hemm tagħwiġ sinifikanti tal-kompetizzjoni f’dan ir-rigward. Madankollu, ma jistax jinqata’ barra li miżuri favur il-kapital ta’ riskju jista’ jkollhom l-effett li jżommu għaddejjin impriżi jew setturi ineffiċjenti, li kienu jgħibu li ma kienx għalihom. Barra minn hekk, offerta eċċessiva ta’ finanzjament permezz ta’ kapital ta’ riskju lil intrapriżi ineffiċjenti jista’ jgħolli artifiċjalment l-evalwazzjoni tagħhom u b’hekk joħloq falsitajiet fis-suq tal-kapital ta’ riskju fil-livell tal-provdituri tal-fondi, li jkollhom iħallsu prezzijiet ogħla biex jakkwistaw dawn l-intrapriżi. L-għajnuniet settorali jistgħu wkoll isostnu l-produzzjoni ta’ setturi mhux kompetittivi, filwaqt li l-għajnuniet reġjonali jistgħu jissarrfu f’allokazzjoni ineffiċjenti ta’ fatturi tal-produzzjoni bejn ir-reġjuni.

(70)

Fl-analiżi ta’ dawn ir-riskji, l-Awtorità se teżamina, partikolarment, il-fatturi li ġejjin:

(a)

il-profitabbiltà globali tal-impriżi li bbenefikaw minn investiment fl-imgħoddi matul iż-żmien u l-prospettivi tagħhom ta’ profitabbiltà fil-ġejjin;

(b)

ir-rata ta’ disfunzjonament tal-operazzjonjiet destinatarji tal-miżura;

(c)

id-daqs massimu tal-lott tal-investiment previst mill-miżura meta mqabbel mal-fatturat u l-ispejjeż tal-SMEs destinatarji;

(d)

is-sovrakapaċità tas-settur li jibbenefika mill-għajnuna.

10B.5.4   EVALWAZZJONI MQABBLA U DEĊIŻJONI

(71)

Fid-dawl tal-elementi pożittivi u negattivi ta’ hawn fuq, l-Awtorità se tagħmel evalwazzjoni mqabbla tal-effetti tal-miżuri favur il-kapital ta’ riskju u tiddetermina jekk it-tagħwiġ li jirriżulta jaffettwax ħażin il-kundizzjonijiet tan-negozju bi grad li jmur kontra l-interess komuni. L-analiżi f’kull każ partikolari se tiġi bbażata fuq evalwazzjoni ġenerali tal-impatt imbassar pożittiv u negattiv tal-għajnuna mill-Istat. Għal dak il-għan, l-Awtorità mhux se tuża mekkanikament il-kriterji stipulati f’dawn il-linji gwida imma tagħmel evalwazzjoni ġenerali tal-importanza relattiva tagħhom.

(72)

L-Awtorità tista’ ma tressaqx oġġezzjonijiet dwar il-mertu tal-miżura ta’ għajnuna nnotifikata bla ma tieħu proċedura formali ta’ indaġni jew, wara li tieħu l-proċedura formali ta’ indaġni stabbilita fl-Artikolu 6 tal-Parti II tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, tagħlaq il-proċedura b’deċiżjoni, skont l-Artikolu 7 tal-Parti II tal-Protokoll 3. Jekk taddotta deċiżjoni taħt ċerti kundizzjonijiet skont it-termini tal-Artikolu 7(4) tal-Parti II tal-Protokoll 3, fl-għeluq ta’ proċedura formali ta’ indaġni, l-Awtorità tista’ partikolarment timponi l-kundizzjonijiet li ġejjin biex tillimita t-tagħwiġ li jista jkun hemm favur il-kompetizzjoni u tiżgura l-proporzjonalità:

(a)

jekk ikunu previsti limiti ogħla għal-lottijiet tal-investiment kull intrapriża destinatarja, tista’ tnaqqas l-ammont massimu propost kull lott ta’ investment jew tiffissa massimu kumplessiv għall-finanzjamenti kull intrapriża destinatarja;

(b)

jekk ikunu previsti investiment fil-fażi tat-tkabbir f’intrapriżi ta’ daqs medju f’żoni mhux assistiti, tista’ tillimita l-investimenti qabelxejn għall-fażijiet tat-tnissil u tal-bidu u/jew tillimita l-investimenti għal ċiklu jew tnejn u/jew tillimita l-lottijiet għal limitu massimu kull intrapriża destinatarja;

(c)

jekk ikun previst investiment ta’ segwitu, tista’ tiffissa limiti speċifiċi għall-ammont massimu li għandu jiġi investit f’kull intrapriża destinatarja, għall-fażi ta’ investment eliġibbli għall-interventi, u/jew għall-perjodu li matulu tista’ tingħata l-għajnuna, b’attenzjoni wkoll għas-settur, għal-livelli rispettivi tal-qsim tal-qligħ u tas-subordinazzjoni tal-intrapriżi destinatarji fiż-żoni assistiti;

(d)

jekk tkun prevista parteċipazzjoni iżgħar ta’ investituri privati, tista’ titlob żieda progressiva tal-parteċipazzjoni tagħhom matul iż-żmien tal-fond, b’attenzjoni partikolari għall-fażi tal-iżvilupp, għas-settur, għal-livelli rispettivi tal-qsim tal-qligħ, u tas-subordinazzjoni u, jekk ikun il-każ, għal-lokalizzazzjoni tal-intrapriżi destinatarji fiż-żoni assistiti;

(e)

għall-miżuri li jipprovdu biss kapital għat-tnissil, l-Awtorità tista’ titlob lill-Istati tal-EFTA jiżguraw li l-Istat jirċievi dħul fuq l-investiment tiegħu proporzjonalment mar-riskji affrontati minħabba dawn l-investimenti, partikolarment meta l-Istat jiffinanzja l-investiment taħt il-forma ta’ strumenti ta’ investiment fi kważi-fondi propji jew ta’ strumenti ta’ dejn, li d-dħul fuqhom għandu jkun, ngħidu aħna, marbut mad-drittijiet ta’ sfruttament potenzjali (ngħidu aħna drittijiet tal-awtur) li joħorġu mid-drittijiet ta’ propjetà intellettwali li jinħolqu bl-investiment;

(f)

timponi ekwilibriju differenti fil-pożizzjonijiet rispettivi tal-Istat u tal-investituri privati fil-livell tal-ftehimiet dwar il-qsim tal-qligħ u tat-telf u tal-grad ta’ subordinazzjoni;

(g)

timponi impenji aktar stretti fir-rigward tal-kumulazzjoni tal-għajnuniet kapital ta’ riskju aid with aid granted bis-saħħa ta’ regolamenti oħra jew oqfsa fir-rigward ta’ għajnuna mill-Istat, b’deroga mill-Artikolu 10B.6.

10B.6   KUMULAZZJONI

(73)

Meta l-kapital provdut lil intrapriża destinatarja bl-applikazzjoni ta’ miżura ta’ invistiment ta’ kapital ta’ riskju koperta b’dawn il-linji gwida tintuża għall-finanzjament ta’ investiment inizjali jew spejjeż oħra eliġibbli għall-għajnuna bl-applikazzjoni ta’ regolamenti oħra ta’ eżenzjoni bil-kategorija, linji gwida, oqfsa, jew dokumenti oħra dwar l-għajnuniet mill-Istat, il-limiti rilevanti tal-għajnuna li japplikaw jew l-ammonti eliġibbli massimi jitnaqqsu b’50 % b’mod ġenerali u b’20 % għall-intrapriżi destinatarji fir-reġjuni assistiti matul l-ewwel tliet snin tal-ewwel investiment ta’ kapital ta’ riskju u sa l-ammont totali rċivut. Dat-tnaqqis ma japplikax għall-intensitajiet ta’ għajnuna maħsuba fil-Linji Gwida tal-Awtorità għat-tiftix u l-iżvilupp (17) jew kwalnkwa qafas jew regolament ta’ eżenzjoni bil-kategorija f’dal-qasam.

10B.7   DISPOŻIZZJONIJIET TAL-GĦELUQ

10B.7.1   L-IMMONITORJAR U R-RAPPURTAĠĠ

(74)

Il-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti u d-Deċiżjoni tal-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA Nru 195/04/COL tal-14 ta’ Lulju 2004 dwar id-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 27 fit-II Parti tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti jitolbu lill-Istati tal-EFTA jissottomettu rapporti annwali lill-Awtorità.

(75)

Fir-rigward tal-miżuri għall-investiment tal-kapital ta’ riskju, ir-rapporti jrid ikun fihom tabella fil-qosor b’rendikont tal-investimenti magħmula mill-fond jew b’applikazzjoni tal-miżura rigward il-kapital ta’ riskju, u partikolarment lista tal-benefiċjarji kollha tal-intrapriża tal-miżuri tal-kapital ta’ riskju. Ir-rapport irid jagħti wkoll deskrizzjoni fil-qosor tal-attività tal-fondi tal-investimenti bid-dettalji tal-operazzjonijiet potenzjali vverifikati u tat-tranżazzjonijiet li effettivament saru, kif ukoll tal-prestazzjoni tal-mezzi ta’ investiment b’tagħrif aggregat dwar l-ammont tal-kapital miġbur b’dal-mezz. L-Awtorità tista’ titlob tagħrif addizzjonali rigward l-għajnuna mogħtija, biex tiċċekkja jekk il-kundizzjonijiet tad-deċiżjoni tal-Awtorità li tapprova l-miżura ta’ għajnuna ġewx rispettati.

Ir-rapporti annwali se jiġu ppubblikati fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità.

(76)

Barra minn hekk, l-Awtorità tqis li jinħtieġu miżuri oħra għal trasparenza akbar tal-għajnuniet mill-Istat fiż-ŻEE. Partikolarment, jidher li jeħtieġ jiġi żgurat li l-Istati tal-EFTA, l-operaturi ekonomiċi, il-partijiet interessati u l-Awtorità nnifisha jkollhom aċċess faċli għat-test sħiħ tal-iskemi tal-għajnuniet kollha li japplikaw fir-rigward tal-kapital ta’ riskju.

(77)

Dan jista’ faċilment jintlaħaq billi jiġu stabbiliti siti elettroniċi llinkjati. Għal dir-raġuni, meta jiġu eżaminati l-iskemi ta’ għajnuna tal-kapital ta’ riskju, l-Awtorità titlob sistematikament lill-Istat tal-EFTA konċernat biex jippubblika t-test sħiħ tal-iskemi kollha finali ta’ għajnuna fuq l-internet u biex jgħaddi l-indirizz elettroniku tal-publikazzjoni lill-Awtorità.

L-iskema m’għandhiex tiġi applikata qabel ma dat-tagħrif jiġu ppubblikat fuq l-internet.

(78)

L-Istati tal-EFTA jridu jżommu reġistri dettaljati dwar l-għoti tal-għajnuniet kollha marbuta mal-kapital ta’ riskju. Dawn ir-reġistri jrid ikun fihom it-tagħrif kollu meħtieġ biex jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet stipulati fil-linji gwida ġew osservati, partikolarment fejn jirrigwarda d-daqs tal-lott, id-daqs tal-kumpanija (żgħira jew ta’ daqs medju), il-fażijiet tal-iżvilupp tal-kumpanija (se tibda, tal-bidu, jew qed tkabbar), is-settur tal-attività (preferibbilment fil-livell ta’ 4 figuri tal-klassifikazzjoni tan-NACE) kif ukoll it-tagħrif dwar l-immaniġġar tal-fondi u dwar il-kriterji l-oħra msemmija f’dawn il-linji gwida. Dan it-tagħrif irid jinżamm għal 10 snin mid-data tal-għoti tal-għajnuna.

L-Awtorità se titlob lill-Istati tal-EFTA jagħtu dat-tagħrif sabiex tagħmel studju dwar l-impatt ta’ dawn il-linji gwida tliet snin mid-dħul tagħhom fis-seħħ.

10B.7.2   ID-DĦUL FIS-SEĦĦ U L-VALIDITÀ

(79)

L-Awtorità se tapplika dawn il-linji gwida mid-data tal-addozzjoni tagħhom. Dawn il-linji gwida jieħdu post il-Kapitolu 10A tal-Linji Gwida tal-Awtorità dwar l-Għajnuna mill-Istat.

(80)

Dawn il-linji gwida joħorġu mis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2013. Wara konsultazzjoni ma’ l-Istati tal-EFTA, l-Awtorità tista’ temendahom qabel din id-data, f’każ ta’ konsiderazzjonijiet ewlenin li jirrigwardaw il-politka tal-kompetizzjoni jew tal-kapital ta’ riskju jew minħabba politka oħra taż-ŻEE jew impenji internazzjonali. Fejn dan ikun ta’ għajnuna, l-Awtorità tista’ wkoll tagħti aktar kjarifiki tal-istrateġija tagħha fir-rigward ta’ kwistjonijiet partikolari. L-Awtorità għandha l-ħsieb li tagħmel rikonsiderazzjoni ta’ dawn il-linji gwida tliet snin mid-dħul tagħhom fis-seħħ.

(81)

L-Awtorità se tapplika dawn il-linji gwida għall-miżuri kollha notifikati favur il-kapital ta’ riskju li fir-rigward tagħhom trid tieħu deċiżjoni wara li l-linji gwida jkunu ġew addottati anki fejn il-miżuri ġew innotifikati qabel il-pubblikazzjoni tal-linji gwida.

(82)

Skont l-avviż tal-Kummissjoni dwar id-determinazzjoni tar-regoli li japplikaw għall-evalwazzjoni tal-għajnuna illeġittima mill-Istat (consecutio legis) (18), l-Awtorità se tapplika dan li ġej fir-rigward tal-għajnuna mhux innotifikata:

(a)

dawn il-linji gwida, jekk l-għajnuna ngħatat wara l-addozzjoni tagħhom

(b)

il-Kapitolu 10A tal-Linji Gwida tal-Awtorità dwar l-Għajnuna mill-Istat, f’kull każ ieħor.

10B.7.3   MIŻURI XIERQA

(83)

Fuq il-bażi tal-Artikolu 1(1) tal-Parti I tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, l-Awtorità tipproponi permezz tal-preżenti lill-Istati tal-EFTA, il-miżuri xierqa li ġejjin li jikkonċernaw il-miżuri eżistenti rispettivi tagħhom favur il-kapital ta’ riskju.

(84)

L-Istati tal-EFTA għandhom jemendaw, fejn jeħtieġ, il-miżuri eżistenti tagħhom favur il-kapital ta’ riskju sabiex jaġġornawhom ma’ il-dawn linji gwida fi żmien tnax-il xahar mill-addozzjoni tal-linji gwida.

(85)

L-Istati tal-EFTA huma mistiedna jikkomunikaw il-qbil espliċitu inkondizzjonat tagħhom ma’ dawn il-miżuri xierqa proposti, fi żmien xahrejn mid-data tal-addozzjoni ta’ dawn il-linji gwida. Fin-nuqqas ta’ tweġiba, l-Awtorità tassumi li l-Istat involut tal-EFTA ma jaqbilx mal-miżuri proposti.”


(1)  ĠU C 194, 18.8.2006, p. 2.

(2)  COM(2005) 107 finali – SEC(2005) 795.

(3)  ĠU C 235, 21.8.2001, p. 3.

(4)  Fir-rigward tal-Kapitolu 10A u l-applikazzjoni tiegħu fir-rigward ta’ għajnuna illeġittima, ara l-punt 82 ta’ dal-Kapitolu.

(5)  Il-Kapitolu 10A tal-Linji Gwida tal-Awtorità dwar l-Għajnuna mill-Istat.

(6)  COM(2005) 436 finali.

(7)  Il-Kapitolu 16 tal-Linji Gwida tal-Awtorità dwar l-Għajnuna mill-Istat.

(8)  Għall-finijiet ta’ dawn il-Linji Gwida, japplikaw it-tifsiriet stipulati f’dawn il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-bini tal-vapuri, il-Kapitolu 24B tal-Linji Gwida tal-Awtorità dwar l-Għajnuna mill-Istat.

(9)  Għall-fini ta’ dawn il-Linji Gwida, ‘faħam’ tfisser faħam kategorija A u B ta’ grad għoli, medju u baxx fis-sens tas-sistema internazzjonali ta’ kodifikazzjoni għall-faħam stabbilita mill-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa.

(10)  Għall-fini ta’ dawn il-Linji Gwida, tapplika t-tifsira stipulata fl-Anness I tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali għall-2007-2013, kapitolu 25B tal-Linji Gwida tal-Awtorità dwar l-Għajnuna mill-Istat.

(11)  ĠU L 10, 13.1.2001, p. 33; Ir-regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1040/2006 (ĠU L 187, 8.7.2006, p. 8). Inkorporat fl-Anness XV punt 1f tal Ftehim dwar iż-ŻEE mid-Deċiżjoni Nru 80/2002 tal-Kumitat Konġunt.

(12)  Il-Kapitolu 19 tal-Linji Gwida tal-Awtorità dwar l-Għajnuna Mill-Istat.

(13)  Il-Kapitolu 17.B tal-Linji Gwida tal-Awtorità dwar l-Għajnuna Mill-Istat.

(14)  Il-Kapitolu 17 tal-Linji Gwida tal-Awtorità dwar l-Għajnuna Mill-Istat.

(15)  Ta’ min jinnota, madanakollu, li hemm aktar probabbiltà li garanziji mogħtija mill-Istat favur l-investimenti f’kapital ta’ riskju aktarx li jinkludu element ta’ għajnuna lill-investitur milli huwa l-każ ta’ garanziji għal self tradizzjonali, li normalment jitqiesu li jikkostitwixxu element ta’ għajnuna lis-sellief aktar milli għal min jislef.

(16)  ĠU L 10, 13.1.2001, p.30 Inkorporat fl-Anness XV punt 1e tal-Ftehim ŻEE bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 88/2002.

(17)  Il-Kapitolu 14 tal-Linji Gwida tal-Awtorità dwar l-Għajnuna mill-Istat.

(18)  ĠU C 119, 22.5.2002, p. 22.