5.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 36/69


DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TAS-SORVELJANZA tal-EFTA

Nru 227/06/COL

tad-19 ta’ Lulju 2006

fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat għal Farice hf. (L-Iżlanda)

L-AWTORITÀ TAS-SORVELJANZA tal-EFTA (1),

WARA LI kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2), u partikolarment l-Artikoli 61 u 63 u l-Protokoll 26 tiegħu,

WARA LI kkunsidrat il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-twaqqif ta’ Awtorità tas-Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzja (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 24 tiegħu,

WARA LI kkunsidrat l-Artikolu 1(2) fil-Parti I u l-Artikoli 4(4), 6, 7(3) u 10 fil-Parti II tal-Protokoll 3 mal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti,

WARA LI kkunsidrat il-Linji Gwida tal-Awtorità (4) dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-Artikoli 61 u 62 tal-Ftehim taż-ŻEE, u b’mod partikolari l-Kapitolu 17 dwar il-Garanziji mill-Istat u l-Kapitolu 19 dwar holdings ta’ awtoritajiet pubbliċi,

WARA LI kkunsidrat id-deċiżjoni tal-Awtorità Nru 125/05/COL sabiex tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat lil Farice hf. filwaqt li l-partijiet interessati ġew imsejħa sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom fir-rigward (5),

Billi:

I.   FATTI

1.   PROĊEDURA

B’ittra datata s-27 ta’ Frar 2004 tal-Missjoni tal-Iżlanda għall-Unjoni Ewropea, li wasslet ittra mingħand il-Ministeru tal-Finanzi datata s-26 ta’ Frar 2004, l-Awtoritajiet tal-Iżlanda nnotifikaw lill-Awtorità b’garanzija mill-Istat għal proġett ta’ kejbil taħt il-baħar fl-Iżlanda, jiġifieri l-proġett Farice. L-ittra waslet u ġiet reġistrata fl-1 ta’ Marzu 2004 (Avveniment Nru 257593).

Informazzjoni supplimentari ġiet sottomessa b’ittra mill-Missjoni tal-Iżlanda datata l-14 ta’ Mejju 2004, li wasslet ittra mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Iżlanda datata t-13 ta’ Mejju 2004. L-ittra waslet u ġiet reġistrata mill-Awtorità fl-14 ta’ Marzu 2004 (Avveniment Nru 281472).

Wara diversi skambji ta’ korrispondenza (6), l-Awtorità informat lill-Awtoritajiet tal-Iżlanda b’ittra datata s-26 ta’ Mejju 2006 li kienet iddeċidiet li tagħti bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali stipulata fl-Artikolu 1(2) fil-Parti I tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat għal Farice hf. (Avveniment Nru 319257).

Id-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 125/05/COL li jingħata bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u s-Suppliment taż-ŻEE tiegħu (7). Il-Kummissjoni talbet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom fir-rigward. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment mill-partijiet interessati.

L-awtoritajiet tal-Iżlanda ssottomettew il-kummenti tagħhom għad-Deċiżjoni Nru 125/05/COL b’ittra datata t-28 ta’ Ġunju 2005 (Avveniment Nru 324236).

Kif jidher fid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, fil-kuntest ta’ proċedimenti separati tal-kompetizzjoni, l-Awtorità kienet esprimiet tħassib dwar il-kompetizzjoni b’ittra lil Farice hf. datata l-31 ta’ Jannar 2003. L-Awtorità talbet ukoll informazzjoni dwar il-proġett Farice li kien rilevanti għall-evalwazzjoni tal-impatt tal-proġett fuq il-kompetizzjoni. B’ittra datata s-6 ta’ Mejju 2004 l-Awtorità indirizzat talba formali lil Farice hf. għal informazzjoni (8) u r-risposta ta’ Farice hf. waslet għand l-Awtorità fil-21 ta’ Ottubru 2004. Il-proċedimenti separati tal-kompetizzjoni ngħalqu b’ittra tal-Awtorità datata t-2 ta’ Ġunju 2006 (Avveniment Nru 1072261).

2.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURI

2.1.   DESKRIZZJONI TAL-PROĠETT FARICE

Il-proġett Farice jirrigwarda l-kostruzzjoni u l-ġestjoni ta’ kejbil tat-telekomunikazzjoni taħt il-baħar li jgħaqqad l-Iżlanda u l-Gżejjer Faeroe mal-Iskozja.

Mill-1994, l-Iżlanda u l-Gżejjer Faeroe kienu konnessi fuq livell internazzjonali bil-kejbil tat-telekomunikazzjoni ta’ taħt il-baħar CANTAT-3. CANTAT-3 twaqqaf bħala kejbil ta’ konsorzju. L-aċċess għal CANTAT-3 ġie żgurat permezz tas-sħubija fil-konsorzju (9), bi drittijiet ta’ użu irrexxindibbli u b’kapaċità ta’ kiri mingħand il-membru tal-konsorzju Teleglobe. CANTAT-3 għandu punti ta’ konnessjoni fil-Kanada, l-Iżlanda, il-Gżejjer Faeroe, id-Danimarka, ir-Renju Unit u l-Ġermanja. Bil-ħolqien ta’ sistemi ta’ kejbil transatlantiċi li jikkompetu mal-CANTAT-3, il-fundaturi tal-CANTAT-3 kellhom aċċess għal konnessjonijiet oħra, aktar ekonomiċi. Il-partijiet mill-Iżlanda u mill-Gżejjer Faeroe, madankollu, kellhom xorta waħda jinqdew mill-konnessjoni tal-CANTAT-3. Din kienet konsiderazzjoni waħda li kellha titqies minn dawn il-partijiet matul l-iżvilupp ta’ konnettività ġdida. Barra minn hekk, il-kejbil CANTAT-3 kellu ċerti limitazzjonijiet tekniċi, peress li huwa kejbil ta’ ġenerazzjoni aktar antika li għandu kapaċità limitata u m’huwiex dejjem affidabbli. L-awtoritajiet tal-Iżlanda ssottomettew ħarsa ġenerali lejn id-diversi nuqqasijiet tal-konnessjoni CANTAT-3 matul l-1995-2003. Ebda proġett waħdieni ieħor ta’ netwerk tal-fibra internazzjonali ma laħaq lil dawn iż-żewġ pajjiżi sa mill-1994, minkejja tkabbir ġenerali fil-kapaċità tar-rotot tat-telekomunikazzjoni internazzjonali u interreġjonali. Skond informazzjoni mill-awtoritajiet tal-Iżlanda, il-pożizzjoni ġeografika iżolata taż-żewġ pajjiżi u d-daqs limitat tas-suq ma ppermettiex li dan iseħħ.

L-ispejjeż tal-konnessjonijiet tas-satellita, li jservu bħala konnettività sekondarja, huma mistennija jiżdiedu u fi kwalunkwe każ m’humiex ikkunsidrati xierqa għat-trasmissjoni ta’ traffiku tal-Internet li huwa sensittiv għad-dewmien. Sabiex it-traffiku akbar tat-telekomunikazzjoni jiġi mmaniġġjat, kien meħtieġ li tiġi żviluppata alternattiva.

Il-proġett Farice oriġina minn inizjattiva mill-operatur Iżlandiku tat-telekomunikazzjoni Landssími Íslands hf (minn issa ‘l quddiem Síminn (10)) li (dak iż-żmien) kien kważi 100 % proprjetà tal-istat u l-operatur tat-telekomunikazzjoni fil-Gżejjer Faeroe, Føroya Tele, li kienu qed jikkunsidraw l-iżvilupp ta’ kejbil taħt il-baħar li jgħaqqad lir-Reykjavík, it-Tórshavn u l-Edinburgh. Madankollu, fl-2002 kien jidher ċar li l-proġett Farice ma setax jiġġenera momentum bħala każ ta’ negozju purament kummerċjali (11). Studju ta’ vijabbiltà magħmul f’Marzu tal-2002 ikkonkluda li ma jkunx possibbli li l-proġett jiġi ffinanzjat permezz tal-finanzjament konvenzjonali ta’ proġett. Ġie mfittex li jkun hemm alleanza wiesgħa wara l-proġett sabiex tiġi żgurata r-realizzazzjoni tiegħu. Dan wassal għal żewġ deċiżjonijiet:

L-ewwel, l-awtoritajiet tal-komunikazzjoni tal-Iżlanda u l-Gżejjer Faeroe involvew irwieħhom fil-preparazzjoni tal-proġett. B’mod partikolari, l-akbar sponsers, Síminn u Føroya Tele, għamluha ċara li ma kinux interessati li jipprovdu l-garanziji meħtieġa tas-self għan-nom tas-suq intier tat-telekomunikazzjoni (12). Għalhekk l-Istat tal-Iżlanda jkollu jipparteċipa u jikkontribwixxi attivament fil-proġett.

It-tieni, kien ikkunsidrat importanti li Og Vodafone, attur importanti fis-suq tat-telekomunikazzjoni tal-Iżlanda, għandha tipparteċipa attivament fil-proġett. Ġie deċiż li apparti t-twaqqif ta’ Farice hf, għall-finijiet tal-kostruzzjoni u t-tħaddim tas-sistema ġdida ta’ trasmissjoni, tiġi mwaqqfa kumpannija holding Eignarhaldsfélagið Farice ehf. (minn issa ‘l quddiem “E-Farice”) (13). Din il-kumpannija, filwaqt li għandha l-ishma Iżlandiċi kollha f’Farice, għandha tixtri l-kapaċità ta’ Og Vodafone fil-CANTAT-3. Offerta simili saret lil Síminn li, skont ir-rapport IBM (14) sottomess mill-awtoritajiet tal-Iżlanda, wasslet għar-riżultat li E-Farice timmaniġġja l-konnettività internazzjonali kollha għall-Iżlanda. Kif dikjarat fin-notifika, il-kapaċità ta’ CANTAT-3 kienet għalhekk mistennija li tiġi operata u mibjugħa minn E-Farice (15).

Fl-2002 il-kumpannija ġdida b’responsabbiltà limitata, Farice hf, ġiet stabbilita bl-għan li tipprepara, tibni u topera sistema ta’ kejbil ta’ komunikazzjoni taħt il-baħar sabiex jiġu ttrasferiti telekomunikazzjonijiet u traffiku tal-Internet bejn l-Iżlanda, il-Gżejjer Faeroe Islands u r-Renju Unit. Skond l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet tal-Iżlanda, l-azzjonisti ta’ din il-kumpannija kienu Síminn (47,33 %), Og Vodafone (1,33 %), il-Gvern tal-Iżlanda (27,33 %), tliet operaturi oħra mill-Iżlanda li flimkien kellhom 3,99 %, Føroya Tele (17,33 %), u żewġ operaturi oħra tat-telekomunikazzjoni mill-Gżejjer Faeroe, li kellhom 1,33 % kull wieħed (16). Il-kejbil ġdid Farice jinkludi backhaul tal-Iżlanda (17) (Seyðisfjörður għal Reykjavík), sezzjoni taħt il-baħar (Seyðisfjörður għal Dunnet Bay), backhaul tal-Gżejjer Faeroe (minn Funningsfjörður għal Tórshavn) u backhaul tar-Renju Unit (Dunnet Bay għal Edinburgh). Ebda sejħa pubblika għal offerti ma saret sabiex jiġi deċiż l-immaniġġjar tal-kejbil, li ngħata lil Farice hf. Skond il-pjan ta’ negozju, l-ispejjeż totali stmati tal-investiment tal-proġett Farice kienu EUR 48,9 miljun.

Ftehim tal-azzjonisti datat it-12 ta’ Settembru 2002 ipprovda li l-politika tal-prezzijiet ta’ Farice għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji tal-orjentament tal-ispejjeż, it-trasparenza u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni.

L-awtoritajiet tal-Iżlanda rrimarkaw ukoll li l-użu tal-kejbil ta’ Farice huwa miftuħ għal operaturi barranin u domestiċi ugwalment, b’termini u prezzijiet ugwali. Il-ftehim tal-azzjonisti huwa miftuħ ukoll għal azzjonisti ġodda. Huwa jistipula, madankollu, li l-azzjonisti eżistenti għandhom dejjem jiġu offruti l-possibbiltà li jżommu l-pożizzjoni tagħhom tal-ekwità fil-kumpannija fil-każ li l-kapital azzjonarju jiġi miżjud (sezzjoni 7 tal-Ftehim tal-Azzjonisti).

Il-ftuħ formali tal-kejbil ta’ trasmissjoni ta’ taħt il-baħar ta’ Farice sar fi Frar 2004.

2.2.   DESKRIZZJONI TAS-SOSTENN MILL-ISTAT TAL-IŻLANDA

(a)   Il-garanzija tas-self

Is-suġġett tan-notifika jikkonċerna l-għotja mill-Istat ta’ garanzija għal self ta’ EUR 9,4 miljun favur Farice (minn issa ‘l quddiem: is-self A Term). Dan is-self jifforma parti minn pakkett aktar wiesa’ għal żmien twil għal ammont massimu ta’ EUR 34,5 miljun.

Skond l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet tal-Iżlanda, b’mod partikolari kif jidher mill-Ftehim tas-27 ta’ Frar tal-2004 (minn issa ‘l quddiem: il-ftehim tas-self) bejn Farice hf, Íslandsbanki hf, istituzzjonijiet finanzjarji oħra u garanti oħra, is-selfiet iffirmati għal ammont massimu ta’ EUR 34,5 miljun, huma mqassma kif ġej:

Self

Miljuni ta’ ewro

Kreditur

Rata tal-imgħax (18)

Perjodi tal-imgħax

Ħlas lura

Garanti

Numru ta’ pagamenti

Bidu tal-ħlas lura

A

9,4

Il-Bank Nordiku tal-Investiment

Euribor + 0,18 % p.a.

6 xhur

8 pagamenti semi-annwali

Sett. 2011

Gvern tal-Iżlanda

B

4,7

Il-Bank Nordiku tal-Investiment

Euribor + 0,80 % p.a.

6 xhur

5 pagamenti semi-annwali

Sett. 2009

Landssími Íslands hf (Síminn)

4,7

Íslandsbanki hf

C

4,7

Føroya banki

Euribor + 1,00 % p.a.

3 xhur

10 pagamenti kull tliet xhur

Sett. 2009

Telefon verkið P/F

D

11,0

Íslandsbanki hf

Euribor + 1,50 % p.a.

xahar

48 pagamenti mensili

Sett. 2005

Xejn

Il-garanzija mill-istat għas-Self A Term hija garanzija għall-ġbir lura, jiġifieri Farice hf. tkun kompletament responsabbli għall-ħlas tas-self u l-kreditur ikun jeħtieġlu l-ewwel jeżawrixxi r-rimedji għall-ġbir lura mingħand il-kumpannija qabel ma jingħata effett għall-garanzija tas-self. Farice hf. kienet mitluba tħallas premium annwali ta’ of 0,5 % (stabbiliti mill-Amministrazzjoni Nazzjonali tad-Dejn tal-Iżlanda) li tħallas bil-quddiem meta nħarġu l-ftehim tas-self u l-garanzija mill-istat. Il-ħlas bil-quddiem ammonta għal EUR 438 839, jiġifieri 4,7 % tal-ammont tas-self. Barra minn hekk, ġie mitlub ħlas ta’ dritt ta’ garanzija ta’ 120 000 ISK.

Garanzija preċedenti għall-ġbir lura ġiet iffirmata f’Lulju tal-2003 fir-rigward ta’ “in relation to self bridge” ta’ EUR 16-il miljun. Il-garanzija għall-ġbir lura kopriet EUR 6,4 miljun, jiġifieri 40 % ta’ dak is-self. Is-self bridge tħallas mar-rilaxx tas-selfiet għal żmien twil ta’ EUR 34,5 miljun u l-garanzija għall-ġbir lura għas-self bridge spiċċat fl-istess ġurnata. Farice hf. ħallset 0,50 % dritt ta’ garanzija u imposta ta’ garanzija ta’ ISK 120 000 għal dik il-garanzija.

(b)   Iż-żieda tal-kapital azzjonarju tal-Gvern tal-Iżlanda

Fil-bidu ta’ Jannar tal-2003, il-parteċipazzjoni tal-istat f’Farice hf. żdiedet minn sehem inizjali ta’ 27,33 % għal 46,5 %. Wara l-ispjegazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet tal-Iżlanda fir-risposta tagħhom ta’ Ġunju tal-2004,

“hekk kif il-pjan tan-negozju żviluppa, il-ħtiġiet tal-finanzjament tal-kumpannija saru aktar ċari u ġie deċiż li l-kapital azzjonarju tal-kumpannija jiġi miżjud. L-operaturi kollha fl-Iżlanda u l-Gżejjer Faeroe ġew invitati jixtru l-ishma taż-żieda tal-kapital azzjonarju. Peress li Síminn għamlitha ċara li l-kumpannija ma tkunx trid tipprovdi aktar minn 33,33 % tal-kapital azzjonarju, Telefonverkið tipprovdi l-kapital azzjonarju meħtieġ mis-sit tal-Gżejjer Faeroe (19,93 %), il-Gvern tal-Iżlanda kellu jipprovdi 46,53 % tal-kapital azzjonarju meħtieġ peress li operaturi oħra fl-Iżlanda ma kellhomx il-kapaċità finanzjarja sabiex jixtru aktar minn 1,2 % tal-kapital azzjonarju.”

Kif dikjarat mill-awtoritajiet tal-Iżlanda, il-kapital azzjonarju totali ta’ Farice hf ġie miżjud minn EUR 327 000 għal aktar minn EUR 14-il miljun. Id-dettalji dwar il-kontribuzzjoni tal-kapital azzjonarju tal-azzjonisti differenti jidhru fit-tabella ta’ hawn taħt (19):

Kapital azzjonarju ta’ Farice hf. (ammonti f’għeluf “000”)

 

Fażi ta’ preparazzjoni

Jan-03

Ġun-03

 

ISK

EUR (20)

Sehem

ISK

EUR

Sehem

ISK

EUR

Sehem

Eignarhaldsfélagið Farice ehf.

 

 

 

947 944

11 242

79,90  %

947 944

11 242

79,90  %

Il-Gvern tal-Iżlanda

8 200

90

27,33  %

552 067

6 547

46,53  %

491 737

5 831

41,45  %

Síminn

14 200

155

47,33  %

395 477

4 690

33,33  %

352 259

4 177

29,69  %

Og Vodafone

400

4

1,33  %

400

5

0,03  %

103 949

1 232

8,76  %

Lína.Net

400

4

1,33  %

400

5

0,03  %

400

5

0,03  %

Fjarski ehf.

400

4

1,33  %

400

5

0,03  %

400

5

0,03  %

RH-net

400

4

1,33  %

400

5

0,03  %

400

5

0,03  %

Telefonverkið

5 200

57

17,33  %

236 486

2 804

19,93  %

236 486

2 804

19,93  %

Kall

400

4

1,33  %

400

5

0,03  %

400

5

0,03  %

SPF spf.

400

4

1,33  %

400

5

0,03  %

400

5

0,03  %

Total

30 000

327

100,00  %

1 186 430

14 070

100,00  %

1 186 430

14 070

100,00  %

3.   BIDU TAL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI

Fid-Deċiżjoni tagħha Nru 125/05/COL sabiex jingħata bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-Awtorità waslet għal konklużjoni preliminari li l-garanzija mill-istat u ż-żieda fil-kapital azzjonarju mill-Istat tal-Iżlanda f’Farice hf. ikkostitwew għajnuna mill-istat skont it-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE.

L-Awtorità kellha dubji dwar jekk il-miżuri ta’ sostenn tal-Istat tal-Iżlanda setgħux jiġu ddikjarati kompatibbli mat-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE. Fid-deċiżjoni tagħha sabiex tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali l-Awtorità qajmet dubji dwar jekk il-miżuri tal-għajnuna – sabiex ikunu kompatibbli mar-regoli tal-Ftehim taż-ŻEE - kinux proporzjonali għall-għanijiet tagħhom u li ma kinux iwasslu għal distorsjoni għall-kompetizzjoni sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni. Dawn id-dubji kkonċernaw b’mod partikolari l-kwistjoni dwar jekk ikunx hemm aċċess mingħajr diskriminazzjoni għan-netwerk. Barra minn hekk, peress li l-idea oriġinali kienet li l-kapaċità CANTAT-3 tgħaddi wkoll mill-E-Farice hf., kien hemm tħassib li l-kompetizzjoni tal-konnettività għall-Iżlanda kienet tiġi eliminata, peress li kien jibqa’ biss fornitur wieħed fis-suq.

4.   KUMMENTI MILL-AWTORITAJIET TAL-IŻLANDA

Fil-kummenti tagħhom għad-Deċiżjoni Nru 125/05/COL datata t-28 ta’ Ġunju tal-2005, l-awtoritajiet tal-Iżlanda jsostnu l-opinjoni tagħhom li ma hemm ebda għajnuna mill-istat involuta fil-proġett Farice. Skond l-awtoritajiet tal-Iżlanda, il-garanzija fuq is-self u ż-żieda tal-kapital azzjonarju tal-Gvern huma skont id-dispożizzjonijiet tal-għajnuna mill-istat. Barra minn hekk, il-proġett Farice jikkostitwixxi infrastruttura skont it-tifsira tar-regoli tal-għajnuna mill-istat. Madankollu, kif dikjarat f’ittra preċedenti datata l-21 ta’ Jannar tal-2005, l-awtoritajiet tal-Iżlanda huma tal-opinjoni li kwalunkwe għajnuna mill-istat tkun kompatibbli mal-Artikolu 61(3)(b) u (ċ) tal-Ftehim taż-ŻEE.

L-awtoritajiet tal-Iżlanda jiġġustifikaw il-ħtieġa tal-miżuri in kwistjoni fuq il-bażi tal-konsiderazzjoni li l-konnettività tat-telekomunikazzjoni u l-aċċess għall-broadband huma pass meħtieġ għall-immodernizzar tas-soċjetà u l-ekonomija tal-UE u huma aspett kruċjali tal-aġenda ta’ Lisbona kif ukoll prirekwiżit għall-iżvilupp tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-e-Europe.

Minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħha, l-Iżlanda hija partikolarment dipendenti fuq l-aċċess għal konnettività tat-telekomunikazzjoni ekonomika u affidabbli. Minħabba l-limitazzjonijiet tekniċi ta’ CANTAT-3, il-konnettività fis-seħħ fil-preżent la hija sodisfaċenti u lanqas ma hija affidabbli jew aċċettabbli għall-ekonomiji, dipendenti fuq it-telekomunikazzjoni, tal-Iżlanda u tal-Gżejjer Faeroe.

Taħt dawn iċ-ċirkostanzi, il-parteċipazzjoni tal-Istat irriżultat mill-ħtieġa li l-proġett isir vijabbli. Mingħajr il-parteċipazzjoni tal-istat, il-proġett kien jiddewwem jew altrimenti ma jsir xejn.

L-awtoritajiet tal-Iżlanda huma tal-opinjoni li l-vantaġġi f’termini ta’ garanzija ta’ provvista affidabbli ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni fl-Iżlanda tegħleb l-iżvantaġġi ta’ ċerta distorsjoni għall-kompetizzjoni għal kompetituri oħra.

Qabel ma twaqqfet Farice, saru laqgħat introduttorji ma’ operaturi Iżlandiżi fejn kienu biss tlieta mill-operaturi “iżgħar” li qablu li jixtru ishma fil-kumpannija. Fl-opinjoni tal-awtoritajiet tal-Iżlanda, sar sforz kbir fit-tiftix tal-partijiet fundaturi, mingħajr stipulazzjoni ta’ limitu aktar baxx għall-kontribuzzjonijiet tal-kapital azzjonarju. Għalhekk, l-awtoritajiet tal-Iżlanda argumentaw li kien hemm parteċipazzjoni mifruxa minħabba ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-proġett.

L-awtoritajiet tal-Iżlanda jirrimarkaw li s-Sezzjoni 7 tal-Ftehim tal-Azzjonisti tinkludi dritt preventiv tal-kumpanniji fundaturi ta’ Farice hf. Dan id-dritt huwa ekwivalenti għall-Artikolu 34 tal-Att tal-Iżlanda Nru 2/1995 dwar il-Kumpanniji Pubbliċi b’Responsabbiltà Limitata, skont liema Artikolu l-azzjonisti għandhom id-dritt jissottoskrivu għal ishma ġodda b’mod direttament proporzjonali għal interessi tagħhom. Dan id-dritt huwa trasferibbli u, barra minn hekk, kull azzjonist jista’ dejjem jiddeċiedi li ma jużax dan id-dritt preventiv. Barra minn hekk, is-sezzjoni 7(2) tal-Ftehim tal-Azzjonisti, tipprovdi li l-azzjonisti jagħmlu l-almu tagħhom sabiex jiżguraw li partijiet ġodda jkunu jistgħu jipparteċipaw fit-tkabbir tal-kapital, minkejja d-drittijiet preventivi.

Il-Ftehim tal-Azzjonisti jipprovdi għal prezzijiet trasparenti u mhux diskriminatorji f’termini tas-suq. Il-politika tal-prezzijiet tal-kumpannija għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji tal-orjentazzjoni tal-ispejjeż, it-trasparenza u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni. L-awtoritajiet tal-Iżlanda jqabblu l-proġett Farice mas-sitwazzjoni indirizzata fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni N307/2004, dwar proġett ta’ infrastruttura broadband fir-Renju Unit sabiex tiġi pprovduta massa ta’ servizzi broadband tas-suq lil negozji u ċittadini fil-partijiet remoti u rurali tal-Iskozja. Skond l-informazzjoni tagħhom, il-prezzijiet għall-kapaċità tas-sistema Farice huma probabbilment l-ogħla għal servizzi simili madwar l-Atlantiku tat-Tramunatana. Din hija waħda mir-raġunijiet l-għaliex il-volum mibjugħ fl-2005 jikkorrispondi għal inqas minn 5 % tal-kapaċità li fil-preżent hija installata f’Farice.

Rigward il-kwistjoni ta’ aċċess miftuħ, l-awtoritajiet tal-Iżlanda jenfasizzaw li l-aċċess għall-infrastruttura huwa miftuħ, trasparenti u mhux diskriminatorju.

Finalment, l-awtoritajiet tal-Iżlanda jikkunsidraw li jekk kellu jiġi stabbilit li l-għajnuna mill-istat kienet involuta, l-ammont totali ta’ għajnuna huwa limitat. B’mod partikolari fir-rigward tal-garanzija fuq is-self, dak l-ammont limitat ma jistax jiġi kkunsidrat kuntrarju għall-interess komuni fil-kuntest tal-Artikolu 61(3)(ċ) tal-Ftehim taż-ŻEE. Fir-rigward taż-żieda tal-kapital azzjonarju tal-Istat tal-Iżlanda, l-awtoritajiet tal-Iżlanda jargumentaw li “l-għan inizjali għall-istabbiliment ta’ Farice hf f’Settembru 2002 kien biss il-preparazzjoni għall-kostruzzjoni u l-operazzjoni tas-sistema tal-kejbil ta’ komunikazzjoni taħt il-baħar. F’dan l-istadju, il-bżonn finanzjarju tal-proġett kollu ma ġiex finalment deċiż u lanqas ma kien deċiż il-kapital azzjonarju finali […] Ebda kumpannija ma kienet tkun f’pożizzjoni li tassumi l-kostruzzjoni u l-operazzjoni attwali tal-kejbil […] L-ewwel żieda fil-kapital azzjonarju f’Jannar tal-2003 ma kienx għalhekk “żieda fil-kapital azzjonarju” normali ta’ kumpannija iżda fil-fatt simili għall-istabbiliment ta’ kumpannija ġdida b’għan ġdid.” Il-fatt li operaturi privati kienu qed iżommu l-maġġoranza tal-ishma fl-istadji kollha u kienu qed jikkontribwixxu sostanzjalment lill-kumpannija fl-istess żmien bħall-Istat tal-Iżlanda, juri li kwalunkwe eventwali għajnuna mill-istat tkun limitata sewwa.

Dwar it-tħassib tal-kompetizzjoni (ara sezzjoni II.3.2 tad-Deċiżjoni Nru 125/05/COL), l-awtoritajiet tal-Iżlanda jiddikjaraw li fil-preżent la Farice hf. u lanqas E-Farice ehf. ma għandhom pjanijiet jixtru jew jikru aktar kapaċità tal-CANTAT-3 u li d-diskussjonijiet ma’ Teleglobe f’dak iż-żmien ma wasslu għal ebda ftehimiet. Intwera wkoll li minħabba l-prezzijiet għolja ta’ Farice, il-klijenti użaw aktar il-kapaċità CANTAT-3, li hija kapaċi tikkompeti ma’ Farice hf.

II.   APPREZZAMENT

1.   IL-PREŻENZA TAL-GĦAJNUNA MILL-ISTAT SKONT IT-TIFSIRA TAL-ARTIKOLU 61(1) TAL-FTEHIM TAŻ-ŻEE

L-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE jaqra kif ġej:

“Mingħajr ħsara għal dispożizzjonijiet kuntrarji f’dan il-Ftehim, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija mill-Istati Membri tal-KE, l-Istati tal-EFTA jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi, safejn tolqot il-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti, tkun inkompatibbli ma’ dan il-Ftehim.”

1.1.   IL-GARANZIJA TAS-SELF MILL-ISTAT TAL-IŻLANDA

B’mod ġenerali, garanzija mill-istat tippermetti lill-benefiċjarju tagħha jakkwisti termini finanzjarji aħjar għal self minn dawk normalment disponibbli fis-swieq finanzjarji. Għalhekk, garanziji mogħtija mill-Istat jistgħu jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE.

Madankollu, fid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 17.4(2) tal-Linji Gwida dwar il-Garanziji mill-Istat tal-Awtorità (minn issa ‘l quddiem: il-Linji Gwida), l-Awtorità stipulat sitwazzjoni fejn garanzija individwali mill-istat ma tikkostitwixxix għajnuna mill-istat taħt l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE. Għal dan il-għan, il-garanzija mill-istat għandha tosserva l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

Min jissellef ma jinsabx f’diffikultà finanzjarja;

(b)

min jissellef għandu, fil-prinċipju, jkun kapaċi jieħu self b’kundizzjonijiet tas-suq mis-swieq finanzjarji mingħajr ebda intervent mill-Istat;

(c)

il-garanzija hija marbuta ma’ tranżazzjoni finanzjarja speċifika, hija għal ammont massimu fiss, ma tkoprix aktar minn 80 % tas-self dovut u m’hijiex mingħajr limitu;

(d)

il-prezz tas-suq huwa mħallas għall-garanzija (li jirrifletti, fost oħrajn, l-ammont u t-tul ta’ żmien tal-garanzija, is-sigurtà mogħtija minn min jissellef, il-pożizzjoni finanzjarja ta’ min jissellef, is-settur tal-attività u l-prospetti, ir-rati ta’ nuqqas ta’ ħlas, u kundizzjonijiet ekonomiċi oħra).

L-Awtorità għandha, għalhekk, l-ewwel tevalwa jekk il-garanzija mill-istat favur Farice hf. għas-Self A Term tissodisfax l-erba’ kundizzjonijiet stipulati fil-Linji Gwida li jeskludu l-involviment ta’ għajnuna mill-istat. Huwa biss fil-każ ta’ konklużjoni negattiva f’dan ir-rigward li l-Awtorità tevalwa l-kundizzjonijiet individwali tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE.

1.1.1.   Kundizzjonijiet li jeskludu l-eżistenza tal-għajnuna – Kapitolu 17.4(2) tal-Linji Gwida tal-Għajnuna mill-Istat

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet tal-Iżlanda, il-proġett ma setax jimxi sewwa bħala każ ta’ negozju purament kummerċjali u kien jirrikjedi l-involviment tal-Istat. Għalkemm Farice hf. ma kinetx teknikament f’diffikultà finanzjarja (l-ewwel kundizzjoni), hija setgħet biss tieħu self ta’ EUR 11-il miljun b’kundizzjonijiet tas-suq (D loan). Il-fatt li l-banek ma rrikjedewx biss garanzija mill-Istat għas-Self A Term iżda wkoll miż-żewġ monopolisti tat-telekomunikazzjoni li qabel kienu tal-Istat (Síminn għas-Self B Term u Telefonverkið P/F għas-Self C Term), li kienu għadhom proprjetà tal-Istati rispettivi, juri li Farice ma kinitx f’pożizzjoni tieħu self b’kundizzjonijiet tas-suq mingħajr ebda intervent mill-Istat. It-tieni kundizzjoni, għalhekk, m’hijiex sodisfatta.

Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni, l-Awtorità kellha l-fehma inizjali fid-deċiżjoni li tinbeda l-investigazzjoni formali li l-garanzija mill-istat tkopri 100 % tas-Self A Term garantit. Il-pakkett ġenerali tas-self huwa magħmul minn erba’ (jew ħames (21)) ammonti differenti ta’ self b’kundizzjonijiet differenti tat-teħid tas-self, kredituri differenti u garanti differenti. L-awtoritajiet tal-Iżlanda jargumentaw li hemm biss self wieħed f’sitwazzjoni ta’ riskju, fl-ammont ta’ EUR 34,5 miljun u li għal dik ir-raġuni l-garanzija mill-istat li tirrigwarda s-Self A Term ma tkoprix aktar minn 80 % tas-self. Madankollu, kif jidher mill-ftehim tas-self, filwaqt li ngħataw għall-istess kollaterali, l-erba’ selfiet huma mogħtija minn banek differenti li jassumu responsabbiltà biss għall-ammont tagħhom tas-self. Ebda wieħed mill-banek ma jċedi s-sehem tiegħu tat-titolu ta’ sigurtà (22) – fil-każ li Farice hf. ma tasalx – sabiex ikopri kwalunkwe mis-selfiet l-oħra. Is-selfiet differenti ma jġorrux biss rati ta’ imgħax differenti iżda għandhom ukoll perjodi differenti ta’ ħlas lura, numru differenti ta’ pagamenti akkont u garanti differenti.

Għandu jiġi osservat ukoll li r-regola tat-80 % għandha tiżgura li l-kreditur jibqagħlu inċentiv sabiex jirrifletti fuq ir-riskju li huwa lest li jassumi. F’dan l-isfond, ma jidhirx korrett li jitqies – f’rabta mad-deċiżjoni tan-negozju magħmula min-Nordic Investment Bank u sabiex tiġi stabbilita l-bażi tas-self li għaliha tapplika r-regola tat-80 % – li selfiet oħra huma mogħtija mill-Íslandsbanki u l-Føroya Banki. In-Nordic Investment Bank ma assumiex responsabbiltà għal dawn is-selfiet.

Għal dawn ir-raġunijiet, l-Awtorità tikkunsidra li kull parti mill-ammont globali tas-self tikkostitwixxi self indipendenti bħala tali. Il-fatt li ż-żewġ selfiet ngħaqdu f’dokument konġunt wieħed ma jidhirx li għandu rilevanza sinifikattiva. Għal din ir-raġuni, l-Awtorità tikkunsidra li l-garanzija tal-Istat tkopri 100 % tas-Self A Term garantit għal ammont massimu ta’ EUR 9,4 miljun. Għalhekk, it-tielet kundizzjoni m’hijiex sodisfatta.

Fir-rigward tar-raba’ kundizzjoni, l-Awtorità tinnota li l-Fond ta’ Garanzija tal-Istat tal-Iżlanda talab ħlas ta’ premium ta’ garanzija ta’ 0,5 % p.a. fir-rigward tas-Self A Term. Il-premium tħallas bil-quddiem f’ammont ta’ EUR 438 839. Barra minn hekk, ġie mitlub ħlas ta’ garanzija ta’ ISK 120 000.

Huwa biss fuq is-suppożizzjoni li l-Fond ta’ Garanzija tal-Istat qies, fl-evalwazzjoni tal-premium, il-karatteristiċi konkreti tas-self garantit, b’mod partikolari il-kundizzjonijiet ta’ ħlas lura (23) u li segwa fl-evalwazzjoni tiegħu dak li jissejjaħ il-prinċipju tal-investitur tas-suq, li r-raba’ kundizzjoni stipulata fil-Kapitolu 17.4(2) tal-Linji Gwida tista’ tiġi sodisfatta. Madankollu, minkejja li kienu mistiedna jagħtu prova li l-premium tal-garanzija jirrifletti r-rata tas-suq, l-awtoritajiet tal-Iżlanda ma ssostanzjawx dan il-punt, iżda b’mod ġenerali llimitaw irwieħhom għal ripetizzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Att dwar il-Fond ta’ garanzija tal-Istat. L-awtorità tinnota li filwaqt li qieset li l-garanzija in kwistjoni hija garanzija għall-ġbir lura b’riskju iżgħar, il-premium mitlub minn Farice huwa fil-qiegħ nett tal-ispektrum ta’ dawn l-imposti li għandhom jiġu ffissati mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Amministrazzjoni tad-Dejn (from 0,5 to 4 % (24)), li ma ġietx inkluża fir-raġunament tal-awtoritajiet tal-Iżlanda minkejja l-kumment tal-Awtorità fid-Deċiżjoni sabiex tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali (25).

Indikazzjoni ulterjuri tar-rata xierqa tas-suq tista’ tinstab mill-Kapitolu 17.3(2) tal-Linji Gwida li jidentifika l-ammont ta’ għajnuna, i.e. l-ekwivalenti tal-għotja fi flus, għal garanzija individwali, bħala d-differenza bejn ir-rata tas-suq u r-rata miksuba bħala riżultat tal-garanzija mill-istat wara li jitnaqqsu kwalunkwe premiums. Dan huwa bbażat fuq l-għarfien li jekk min jissellef jibbenifika minn rata ta’ imgħax favorevoli, li ma kienx jieħu mingħajr intervent mill-istat, l-element tal-għajnuna huwa l-ammont li jibqa’ meta mqabbel mar-rata tas-suq u wara li jitnaqqas il-premium. Jekk il-premium ma jneħħix kompletament dan l-iżvantaġġ, il-garanzija tal-istat tibqa’ tibbenefika lid-destinatarju u għalhekk toħloq distorsjoni fis-suq. F’dawn iċ-ċirkostanzi l-vantaġġ li jirriżulta mill-garanzija ma jkunx tneħħa bil-premium u jkollu jiġi kklassifikat bħala għajnuna (26).

Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli għaliha (l-Awtorità m’għandhiex informazzjoni dwar il-kassifikazzjonijiet tal-kreditu għal Faric hf.), l-Awtorità se tipprova tistabbilixxi approssimazzjoni tal-valur tal-garanzija u l-intensità rispettiva tal-għajnuna billi tqabbel is-Self A Term mas-Self D Term.

Fid-deċiżjoni tagħha li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-Awtorità espremiet dubji fir-rigward ta’ jekk ir-rata tal-imgħax tas-Self A Term għandhiex tiġi mqabbla mas-Self B jew D Term. L-Awtorità tikkunsidra li r-rata tal-imgħax tas-Self A Term tista’ tiġi mqabbla mas-Self D Term (27), li hija l-unika waħda li m’hijiex sostnuta mill-Istat jew minn kumpannija proprjetà tal-istat. Id-differenza bejn ir-rati tal-imgħax għal dawn iż-żewġ selfiet hija 1.32 punti perċentwali. Bit-tnaqqis ta’ premium ta’ garanzija ta’ 0,50 %, id-differenza tammonta għal 0.82 punti perċentwali (28). Dan iwassal għal ammont ta’ għajnuna ta’ madwar EUR 720 000 (29). Madankollu, għandu jitqies li s-Self D Term għandu perjodu iqsar ta’ ħlas lura (maturità) mis-Self A Term. Filwaqt li s-Self A Term jitħallas lura biss fl-2015, i.e. 11-il sena wara l-konklużjoni tal-ftehim tas-self, is-Self D Term jitħallas lura fl-2009 (ara t-tabella fl-I 2.2. a. ta’ din id-Deċiżjoni). Jekk is-Self D Term kellu l-istess maturità twila bħas-Self A Term Loan (i.e. sal-2015), hemm għaliex wieħed jaħseb li l-Íslandsbanki hf. tkun talbet rata ta’ imgħax, ogħla minn Euribor + 1,50 %. Bl-użu tal-iżviluppi fir-rata ta’ rendiment tal-Eurobond għall-2004 (30) id-differenza bejn il-maturità ta’ bond ta’ 5 snin u dik ta’ 11-il sena turi differenza fir-rata ta’ rendiment ta’ madwar 0.8 punt perċentwali. Sabiex il-vantaġġ tal-garanzija u l-intensità tal-għajnuna rispettiva ma jiġix sottovalutat, din id-differenza għandha titqies, liema differenza għandha twassal għal rata ta’ imgħax ta’ Euribor + 2,3 % (1,5 % bħala r-rata oriġinali b’żieda tal- 0,8 % addizzjonali) għas-Self D Term, biex b’hekk l-intensità tal-għajnuna tiżdied għal 1,62 % (31) jew madwar EUR 1,4 million (32). Din iċ-ċifra għandha tittieħed bħala illustrazzjoni aktar milli bħala kalkolu preċiż tal-ammont tal-għajnuna. Ma jistax wieħed ikun żgur li kreditur kummerċjali li jagħti self mhux garantit jitlob 2.12 punti perċentwali (33) aktar mir-rata għas-Self A Term, anke jekk il-maturità tkun l-istess. Rata meħtieġa tiddependi mill-evalwazzjoni tar-riskju minn min isellef, li ma twassalx neċessarjament għall-kalkolu t’hawn fuq.

Għalhekk, tlieta minn erba’ kundizzjonijiet kumulattivi stipulati fil-Linji Gwida sabiex jiġi evalwat jekk garanzija individwali mill-istat tikkostitwixxix għajnuna mill-istat taħt l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE m’humiex sodisfatti. Għalkemm id-debitur, Farice hf., teknikament ma kinetx f’diffikultà finanzjarja, hija ma kinetx kapaċi tieħu self mis-swieq finanzjarji b’kundizzjonijiet tas-suq mingħajr intervent mill-Istat iżda kienet teħtieġ il-garanzija mill-istat għal 100 % tas-Self A Term dovut. Barra minn hekk, Farice hf. ma ħallsetx prezz tas-suq għall-garanzija, li kien jirrifletti l-ammont u t-tul ta’ żmien tal-garanzija u s-sigurtà mogħtija mid-debitur, u kif ukoll, b’mod partikolari, is-settur tal-attività u l-prospetti.

Għal dawn ir-raġunijiet, l-Awtorità ma tistax tikkonludi li l-garanzija mill-istat favur Farice hf. għas-Self A Term teskludi l-involviment ta’ għajnuna mill-istat.

1.1.2.   Il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE

Sabiex miżura tiġi kkunsidrata għajnuna mill-istat skont it-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE, hija għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin: l-għajnuna tikkostitwixxi vantaġġ selettiv favur ċerti impriżi, tingħata permezz ta’ riżorsi tal-istat, twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni u teffettwa l-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim taż-ŻEE.

Il-miżura tikkostitwixxi vantaġġ selettiv favur impriża

Miżura li tagħti vantaġġ lil ċerti benefiċjarji speċifiċi u li m’hijiex miżura ġenerali tikkostitwixxi għajnuna.

L-awtoritajiet tal-Iżlanda argumentaw li l-appoġġ għall-proġett Farice ma jikkompromettix l-għajnuna mill-istat, ġaladarba l-kejbil ta’ taħt il-baħar jikkwalifika bħala infrastruttura u għalhekk l-appoġġ għalih jikkostitwixxi miżura “ġenerali” u mhux selettiva. Kif dikjarat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea COM(2001) 35 finali, “It-tisħiħ tas-servizz ta’ kwalità fil-portijiet tal-baħar: soluzzjoni għat-trasport Ewropew” (34), il-kriterju tas-selettività huwa benchmark importanti sabiex jiġi deċiż jekk miżura konkreta tal-iffinanzjar tikkostitwixxix għajnuna mill-istat.

Fil-prattika tal-Kummissjoni, il-finanzjament mill-istat għall-kostruzzjoni u l-ġestjoni tal-infrastruttura m’għandux jiġi meqjus bħala għajnuna jekk l-infrastruttura tkun direttament ġestita mill-Istat (li m’huwiex il-każ fil-proġett preżenti) jew jekk ikun hemm sejħa pubblika għall-offerti għall-għażla tal-ġestitur u jekk l-aċċess għall-infrastruttura ikun miftuħ għall-utenti potenzjali kollha fuq bażi li teskludi d-diskriminazzjoni (35).

Kif ġie rimarkat fid-deċiżjoni sabiex tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, filwaqt li parteċipazzjoni wiesgħa setgħet ġiet imfittxa fi ħdan il-proġett, la l-kostruzzjoni u lanqas il-ġestjoni tal-kumpannija ma ġew organizzati b’sejħa pubblika għall-offerti. Minflok il-parteċipazzjoni tal-gvern irrispondiet għal inizjattiva privata, mibdija miż-żewġ operaturi tat-telekomunikazzjoni (36). Barra minn hekk, dwar aċċess mingħajr diskriminazzjoni, filwaqt li l-parteċipazzjoni fil-kumpannija skont il-ftehim tal-azzjonarji m’hijiex ristretta, l-azzjonarji fundaturi jżommu ċerti drittijiet preventivi, li donnhom iżommuhom f’pożizzjoni aħjar mill-azzjonarji ġodda.

Minkejja dan, skont il-prattika tal-Kummissjoni, miżura ma tikkostitwixxix miżura ġenerali, jekk il-korp li jiġġestixxi l-infrastruttura jkun qed jagħmel attività ekonomika, peress li dan jista’ jipprovdi vantaġġ potenzjali lill-benefiċjarju (37) fil-konfront ta’ operaturi kompetituri. F’dan ir-rigward ikun biżżejjed li jiġi nnotat li l-appoġġ tal-istat huwa ta’ benefiċċju lil Farice hf. li tiġġestixxi l-kejbil u tbiegħ id-drittijiet tal-utenti lil partijiet interessati bi ħlas. Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Prim’Istanza, il-ġestjoni tal-infrastruttura tikkostitwixxi attività ekonomika skont it-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE (38). Farice hf. hija kapaċi tagħmel profitt minn kostruzzjoni ta’ infrastruttura żgurata minn garanzija tal-istat u bil-parteċipazzjoni tal-gvern f’sitwazzjoni fejn partijiet privati ma kinux lesti jiżguraw l-iffinanzjar kollu tal-proġett, filwaqt li operaturi oħra jista’ jkollhom jiffinanzjawh 100 % waħidhom.

Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni fil-kumpannija hija prinċipalment intiża lejn operaturi tat-telekomunikazzjoni. Il-konnettività permezz tal-kejbil Farice hija fil-preżent mibjugħa biss f’unitajiet kbar lil operaturi tan-negozju li jerġgħu jbiegħu s-servizz fis-suq downstream lill-utenti tal-aħħar. Kienu dawn l-operaturi tan-negozju li ħadu l-inizjattiva li għaliha wieġeb l-Istat. It-tip ta’ servizz huwa għalhekk immirat lejn operaturi kummerċjali u mhux lejn il-pubbliku ġenerali. Għalhekk l-Awtorità tikkunsidra li l-proġett għandu jiġi meqjus bħala faċilità dedikata għal impriżi, li tinsab fl-ambitu tal-kontroll tal-għajnuna mill-istat, u mhux bħala infrastruttura ġenerali (39).

Sabiex jiġi determinat jekk miżura tal-istat tikkostitwixxix għajnuna, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit jekk l-impriża destinatarja tirċevix vantaġġ ekonomiku li ma kinetx tirċievi taħt kundizzjonijiet normali tas-suq.

Kif dikjarat fil-Kapitolu 17.2.1, paragrafu 1, tal-Linji Gwida, garanzija mill-Istat tippermetti lil min jissellef li jkollu termini finanzjarji aħjar għas-self minn dawk normalment disponibbli fis-swieq finanzjarji. Tipikament, bil-benefiċċju tal-garanzija mill-Istat, min jissellef ma jsibx, mingħajr garanzija mill-Istat, istituzzjoni finanzjarja li tkun lesta li ssellef bi kwalunkwe termini.

Kif intqal aktar ‘il fuq (f’sezzjoni II.1.1.1 ta’ din id-Deċiżjoni), il-fatt li l-banek ma rrikjedewx biss garanzija mill-Istat għas-self A Term iżda wkoll miż-żewġ monopolisti tat-telekomunikazzjoni li qabel kienu tal-Istat (Síminn għas-self B Term u Telefonverkið P/F għas-self C Term), li kienu għadhom proprjetà tal-Istati rispettivi, juri li Farice ma kinitx f’pożizzjoni tieħu self b’kundizzjonijiet tas-suq mingħajr ebda intervent mill-Istat.

Barra minn hekk, it-teħid ta’ riskju mill-Istat għandu normalment isir ħlas għalih bi premium xieraq. Kif intwera hawn fuq (f’sezzjoni II.1.1.1 ta’ din id-Deċiżjoni), il-premium mitlub minn Farice hf. huwa fil-qiegħ nett tal-ispektrum u jista’ ma jirrapreżentax ħlas adegwat. L-awtoritjaiet tal-Iżlanda ma pprovdew ebda informazzjoni fil-kummenti tagħhom fuq it-tħassib dwar dak il-punt imqajjem fid-Deċiżjoni sabiex tinbeda il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li fuq il-bażi tagħha l-Awtorità setgħet tevalwa li l-premium imħallas kien adegwat. Dan għandu jitqies b’mod partikolari fir-rigward tal-fatt li l-premium ma neħħiex kompletament il-vantaġġ li Farice hf. kisbet mill-akkwist ta’ rata ta’ imgħax aktar baxxa għas-Self A Term mill-banek. Kid jista’ jidher mill-Kapitolu 17.2.1, paragrafu 2 tal-Linji Gwida, fejn l-Istat iċedi premium adegwat, ikun hemm benefiċċju għall-impriża.

Għalhekk, l-Awtorità tikkunsidra li Farice hf. irċeviet vantaġġ ekonomiku li ma kinetx tieħu taħt kundizzjonijet normali tas-suq.

Riżorsi tal-Istat

Sabiex tiġi kkunsidrata għajnuna mill-istat skont it-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE, il-vantaġġ ekonomiku għandu jingħata mill-Istat jew minn riżorsi tal-istat. L-Istat tal-Iżlanda pprovda garanzija għal self ta’ EUR 9,4 miljun favur Farice, i.e. il-garanzija mill-Istat tinvolvi riżorsi tal-istat.

Barra minn hekk, kif dikjarat fil-Kapitolu 17.2.1, paragrafu 2, tal-Linji Gwida, fejn l-Istat iċedi premium adegwat, dan jikkostitwixxi tnaqqis ta’ riżorsi tal-istat. Kif intwera hawn fuq, il-premium mitlub minn Farice hf. huwa fil-qiegħ nett tal-ispektrum u jista’ ma jirrapreżentax ħlas adegwat, b’mod partikolari fir-rigward tar-rata aktar baxxa ta’ imgħax miksuba. Peress li l-Istat tal-Iżlanda seta’ talab ħlas ta’ premium ogħla, u minħabba f’hekk ċeda dħul ogħla, huma involuti riżorsi tal-istat.

Barra min hekk l-Istat m’aġixxiex bħala investitur tas-suq privat, li kien jeskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE. Id-diskussjoni taż-żewġ kriterji t’hawn fuq turi li l-proġett ma mexiex sewwa fuq bażijiet kummerċjali. Il-parteċipazzjoni tal-Istat fil-proġett, inter alia bil-garanzija tas-Self A Term, saret meħtieġa f’sitwazzjoni fejn investituri tas-suq privati kien ikollhom – li kieku taw il-garanzija – jitolbu premium ogħla. Dan juri li l-Istat tal-Iżlanda, meta assuma l-garanzija, m’aġixxiex skont il-prinċipju tal-investitur tas-suq privat.

Id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn il-Partijet Kontraenti

Sabiex l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE ikun applikabbli, il-miżura għandha twassal għal distorsjoni għall-kompetizzjoni u teffettwa l-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti. Impriżi li jibbenefikaw minn vantaġġ ekonomiku mogħti mill-Istat li jnaqqas il-piż normali tal-ispejjeż, jiġu mqiegħda f’pożizzjoni kompetittiva aħjar minn dawk li ma jistgħux igawdu dan il-vantaġġ.

L-intervent mill-Istat isaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Farice hf. fl-assigurazjoni tal-iffinanzjar tal-proġett fil-konfront ta’ kompetituri li ma jibbenefikawx minn tali garanzija u li jkollhom jagħmlu l-investiment biss f’termini tas-suq, bħal per eżempju fornituri oħra ta’ kejbils għall-konnettività tal-Internet (bħan-netwerk CANTAT-3). Il-konsorzju li jopera n-netwerk CANTAT-3 jinkludi, inter alia, l-operatur Iżlandiku tat-telekomunikazzjoni Landssími Íslands hf., Teleglobe u Deutsche Telekom. CANTAT-3 għandu punti ta’ konnessjoni fil-Kanada, l-Iżlanda, il-Gżejjer Faeroe, id-Danimarka, ir-Renju Unit u l-Ġermanja.

Barra min hekk, il-garanzija hija mogħtija għal proġett ġestit minn operaturi tan-negozju multinazzjonali u tikkostitwixxi attività soġġetta għall-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti.

Għalhekk, il-miżura twassal għal distorsjoni għall-kompetizzjoni u teffettwa l-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti.

Konklużjoni

Għar-raġunijiet hawn fuq imsemmija, l-Awtorità tikkonkludi li l-garanzija mill-istat mogħtija favur Farice hf. għas-Self A Term tikkostitwixxi għajnuna mill-istat skont it-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE.

1.2.   IŻ-ŻIEDA FIL-PARTEĊIPAZZJONI TAL-ISTAT BĦALA AZZJONIST F’FARICE HF.

Bejn iż-żmien meta twaqqfet il-kumpannija f’Settembru 2002 u ż-żmien tan-notifika fil-bidu tal-2004, il-parteċipazzjoni tal-istat f’Farice hf. żdiedet minn sehem inizjali ta’ 27,33 % għal 46,5 %. Wara l-ispjegazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet tal-Iżlanda fir-risposta tagħhom ta’ Ġunju tal-2004, Síminn għamlitha ċara li ma kinetx bi ħsiebha tipprovdi aktar minn 33,33 % tal-kapital azzjonarju (40).

Għal finijiet tal-għajnuna mill-istat, għandu jiġi stabbilit jekk iż-żieda fil-kapital f’Farice hf. mill-Istat hijiex konformi mal-prinċipju tal-investitur tal-ekonomija tas-suq. Il-Kapitolu 19 tal-Linji Gwida jistabbilixxi l-approċċ ġenerali tal-Awtorità fir-rigward tal-akkwist ta’ kapital azzjonarju minn awtoritajiet pubbliċi.

Skont il-Kapitolu 19.6(b) tal-Linji Gwida, ebda għajnuna mill-istat ma huwa involut fejn kapital ġdid jingħata lil impriża f’ċirkostanzi li jkunu aċċettabbli għal investitur privat li jopera taħt kundizzjonijiet normali tal-ekonomija tas-suq. Dan jista’ japplika meta holdings pubbliċi f’kumpannija jiġu miżjuda, kemm-il darba l-kapital fornit ikun proporzjonali għan-numru ta’ ishma miżmuma mill-awtoritajiet u jsir flimkien ma’ kapital fornit minn azzjonarju privat. Il-holding ta’ investitur privat għandu jkollu sinifikat ekonomiku reali.

Min-naħa l-oħra, ikun hemm għajnuna mill-istat meta jingħata kapital ġdid f’ċirkostanzi li ma jkunux aċċettabbli għal investitur privat li jkun qed jopera taħt kundizzjonijiet normali tal-ekonomija tas-suq. Skond il-Kapitolu 19.6(ċ) tal-Linji Gwida, dan huwa, fost oħrajn, il-każ meta l-forniment ta’ kapital għal kumpanniji li jkollhom kapital maqsum bejn azzjonarji privati u pubbliċi iwassal lill-holding pubbliku f’livell ogħla ħafna minn kif kien qabel u n-nuqqas relattiv ta’ azzjoni mill-azzjonarji privati huwa fil-parti l-kbira dovut għad-dehra fqira tal-profitabbiltà tal-kumpannija.

L-awtoritajiet tal-Iżlanda jargumentaw li ż-żieda fil-kapital azzjonarju tal-Istat tal-Iżlanda m’għandux jitqies bħala forniment ta’ kapital ġdid, iżda aktar bħala t-twaqqif inizjali tal-kumpannija. L-awtoritajiet tal-Iżlanda jiddikjaraw li Farice hf., bil-kapital azzjonarju ta’ 30 miljun ISK ma kinetx, f’Settembru 2002, fil-pożizzjoni li tassumi l-proġett ta’ kostruzzjoni jew operazzjoni tas-sistema ta’ komunikazzjoni bil-kejbil minn taħt il-baħar. Minflok il-ħolqien – kif diskuss – ta’ kumpannija ġdida, saret l-ewwel żieda fil-kapital f’Jannar 2003, li għalhekk, skont l-awtoritajiet tal-Iżlanda, ma kinetx “żieda fil-kapital” normali ta’ kumpannija, iżda fil-fatt simili għat-twaqqif ta’ kumpannija ġdida b’għan ġdid. L-Awtorità tirrimarka li l-Linji Gwida tal-Għajnuna mill-Istat jikkunsidraw iż-żieda fil-kapital azzjonarju, irrispettivament mill-istadju li fih issir, bħala kategorija sekondarja tal-forniment ta’ kapital ġdid. Peress li l-Linji Gwida jirriflettu l-prinċipju ġenerali tal-komportament tal-investitur tas-suq privat, iż-żieda fil-kapital azzjonarju għandha tiġi analizzata fuq il-mertu tagħha. Anke jekk il-Gvern kien diġà assuma s-sehem ogħla matul il-fażi ta’ preparazzjoni, dan xorta waħda kien jissoġġetta l-parteċipazzjoni fil-kapital mill-Istat tal-Iżlanda għal analiżi taħt id-dispożizzjonijiet tal-għajnuna mill-istat. Għal dik l-evalwazzjoni huwa għalhekk rilevanti biss il-verifika ta’ jekk iż-żieda fil-kapital azzjonarju tirriflettix il-ħsieb prinċipali ta’ investitur tas-suq privat.

L-Awtorità ma tiċħadx li f’termini reali ż-żieda fil-holdings tal-operaturi privati seħħew fl-istess żmien li kien hemm iż-żieda fil-kapital tal-Istat. Madankollu, fl-opinjoni tal-Awtorità, iż-żieda fl-ishma tal-operaturi privati ma kienx proporzjonali għaż-żieda tal-kapital azzjonarju mill-Istat.

Kif jidher mit-tabella hawn fuq (ara sezzjoni I.2.2.b) ta’ din id-Deċiżjoni) il-kapital ta’ Farice hf. tela’ minn EUR 327 000 għal EUR 14 070 000 f’Jannar 2003. Is-sehem tal-Istat tal-Iżlanda tela’ minn 27,33 % (EUR 90 000) għal 46,53 % (EUR 6 547 000), i.e. bi kważi 20 punt perċentwali. Filwaqt li huwa korrettament dikjarat mill-awtoritajiet tal-Iżlanda li s-sehem ta’ Síminn żdied minn EUR 155 000 għal EUR 4 690 000, f’termini relattivi s-sehem ta’ Síminn naqas minn 47,33 % għal 33,33 % (14-il punt perċentwali). Minbarra Telefonverkið, l-ishma tal-parteċipanti l-oħra kollha waqgħu wkoll (minn 1,33 % għal 0,33 %), li juri li f’termini relattivi l-operaturi kummerċjali telqu l-proġett.

X’aktarx li dan għandu jirriżulta mill-apparenza fqira tal-qligħ tal-kumpannija. Fl-ittra tagħhom ta’ Settembru tal-2004, l-awtoritajiet tal-Iżlanda ssottomettew li:

“Síminn ħasset li ż-żieda tal-kapaċità sabiex tintlaqa’ d-domanda prevista, u kif ukoll sabiex tipprovdi rotta ta’ sostituzzjoni għall-emerġenzi, kienet impenn finanzjarjament riskjuż, li jipprovdi ftit korrispettiv għall-investiment (speċjalment għal kumpannija limitata skedata għall-privatizzazzjoni). Sabiex jiġi ffaċilitat it-titjib meħtieġ fil-kapaċità, partikolarment meta jitqies il-qafas ta’ żmien qasir disponibbli sakemm il-kapaċità tinqabeż mid-domanda, il-gvern intervjena”.

L-awtoritajiet tal-Iżlanda jiddikjaraw ukoll li r-riluttanza tas-suq lejn il-proġett ġiet indikata fil-fażi preparatorja meta Síminn u Telefonverkið qabdu lil IBM Consulting sabiex tagħtihom parir dwar il-vijabbiltà tal-proġett u l-possibilitajiet tal-finanzjament tiegħu. Il-konklużjonijiet jissuġġerixxu b’mod assertiv li l-finanzjament ma setax isir b’mezzi tradizzjonali (41).

Jidher minn dan li n-nuqqas inizjali ta’ impenn minn investituri privati kien ir-raġuni għas-sottoskrizzjoni taż-żieda meħtieġa fil-kapital mill-Gvern fil-bidu tal-2003 (42), li żied il-parteċipazzjoni tal-istat f’Farice hf.

Iż-żieda fis-sehem tal-Istat tal-Iżlanda f’Farice kienet akkumpanjata wkoll mill-għoti ta’ garanzija mill-istat sabiex jiġi kopert is-self A Term ta’ EUR 9,4 miljun, evalwat hawn fuq f’din id-Deċiżjoni. Skont il-Kapitolu 19.6 (d) tal-Linji Gwida, hemm preżunzjoni ta’ għajnuna mill-istat fejn l-intervent tal-awtoritajiet jieħu l-forma ta’ akkwist ta’ holding magħqud ma’ tipi oħra ta’ interventi li jeħtieġu li jiġu notifikati skont l-Artikolu 1(3) fil-Parti I tal-Protokoll 3 mal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti.

Iż-żieda tal-kapital azzjonarju f’sitwazzjoni fejn ebda investitur privat ma kien qed iżid il-kapital azzjonarju tiegħu bl-istess proporzjon, għalhekk ippreżentat vantaġġ lil kumpannija individwali, Farice hf. u tnaqqis ta’ riżorsi tal-istat.

L-intervent tal-Istat saħħaħ il-pożizzjoni ta’ Farice hf. li tassigura l-finanzjament tal-proġett fil-konfront ta’ kompetituri li ma jibbenefikawx minn tali parteċipazzjoni tal-istat (eż. in-netwerk CANTAT-3) f’sitwazzjoni fejn operaturi privati m’humiex lesti jiġbru fondi addizzjonali. Il-konsorzju li jopera n-netwerk CANTAT-3 jinkludi, inter alia, l-operatur Iżlandiku tat-telekomunikazzjoni Landssími Íslands hf., Teleglobe u Deutsche Telekom. CANTAT-3 għandu punti ta’ konnessjoni fil-Kanada, l-Iżlanda, il-Gżejjer Faeroe, id-Danimarka, ir-Renju Unit u l-Ġermanja.

Barra min hekk, iż-żieda fl-ishma tikkonċerna proġett ġestit minn operaturi tan-negozju multinazzjonali u tikkostitwixxi attività soġġetta għall-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti.

Għalhekk, il-miżura twassal għal distorsjoni għall-kompetizzjoni u teffettwa l-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti.

1.3.   KONKLUŻJONI

Għar-raġunijiet hawn fuq imsemmija, l-Awtorità tikkonkludi li l-garanzija mill-Istat għas-Self A Term u ż-żieda fl-ishma tal-kapital mill-Istat tal-Iżlanda jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE.

2.   REKWIŻITI PROĊEDURALI

Skont l-Artikolu 1(3) fil-Part I tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, “l-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA għandha tkun informata, fi żmien suffiċjenti sabiex tkun tista’ tissottometti l-kummenti tagħha, fir-rigward ta’ kwalunkwe pjanijiet li tingħata għajnuna jew li l-għajnuna tiġi varjata.” Skont l-Artikolu 2(1) moqri flimkien mal-Artikolu 3 fil-Parti II tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, “kwalunkwe pjanijiet sabiex tingħata għajnuna ġdida għandhom jiġu nnotifikati lill-Awtorità fi żmien suffiċjenti mill-Istat tal-EFTA kkonċernat u m’għandhomx jidħlu fis-seħħ qabel mal-Awtorità tkun ħadet, jew tkun meqjusa li ħadet, deċiżjoni li tawtorizza din l-għajnuna.”

Farice hf. ġiet stabbilita fl-2002 u x-xogħol ta’ kostruzzjoni kien diġà mibdi f’Ġunju tal-2003. Il-kejbil ġie uffiċjalment miftuħ fi Frar tal-2004 (43). Iż-żieda fl-ishma tal-kapital seħħet f’Jannar tal-2003 u l-garanzja għall-ġbir mill-awtoritajiet tal-Iżlanda hija datata s-27 ta’ Frar tal-2004, jiġifieri qabel ma l-Awtorità kellha ċans tesprimi ruħha fir-rigward tan-notifika tal-miżuri fis-27 ta’ Frar 2004. Għalhekk, l-awtoritajiet tal-Iżlanda daħħlu fis-seħħ il-miżuri qabel mal-Awtorità tat deċiżjoni finali dwarhom.

Għalhekk l-Awtorità tinnota li l-awtoritajiet tal-Iżlanda ma rrispettawx l-obbligu li ma jintroduċux miżuri inkompatibbli (stand-still obligation) stipulat fl-Artikolu 3 tal-Parti II tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti.

3.   KOMPATIBBILTÀ

Fil-fehma tal-Awtorità, il-miżuri tal-għajnuna m’humiex konformi mal-eżenzjonijiet ipprovduti taħt l-Artikolu 59(2) (44) u l-Artikolu 61(2) jew (3)(a) u (d) tal-Ftehim taż-ŻEE.

Kif ġie dikjarat fid-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali, fil-fehma tal-Awtorità, l-appoġġ mill-Istat ma jistax ikun ġustifikat taħt l-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim taż-ŻEE. Huwa ammess li l-eżistenza ta’ konnettività internazzjonali affidabbli tista’ tiġi kkunsidrata ta’ interess ġenerali taħt ċerti cirkostanzi. Filwaqt li l-proġett huwa transnazzjonali, dan m’huwiex biżżejjed sabiex il-proġett jiġi aċċettat taħt l-eżenzjoni tal-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim taż-ŻEE. L-għajnuna in kwistjoni hija rappreżentata fil-forma ta’ għajnuna settorjali, li minnha tibbenefika kumpannija individwali (Farice hf.) u li hija miġjuba bħala riżultat ta’ inizjattiva privata ta’ grupp ta’ operaturi tan-negozju aktar milli tikseb riżultati pożittivi aktar wiesa’ għall-ekonomija Ewropea jew milli toħloq effetti importanti għas-soċjetà ġenerali. Il-proġett ma jaġevolax iż-Żona Ekonomika Ewropea bħala entità sħiħa (45) u huwa wkoll lilhinn minn kwalunkwe qafas ta’ azzjoni Komunitarja f’dan il-qasam (46)

Jeħtieġ li jiġi evalwat jekk l-għajnuna tistax tkun ġustifikata taħt l-Artikolu 61(3)(ċ) tal-Ftehim taż-ŻEE. Taħt din id-dispożizzjoni għajnuna tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli jekk “tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni”.

L-Awtorità tikkunsidra li l-evalwazzjoni ta’ kompatibbiltà għandha tkun ibbażata direttament fuq l-Artikolu 61(3)(ċ) tal-Ftehim taż-ŻEE. Sabiex tkun ikkunsidrata kompatibbli taħt din id-dispożizzjoni, il-miżura ta’ għajnuna mill-Istat għandha tkun meħtieġa u proporzjonali għall-għan intiż.

3.1.   IL-ĦTIEĠA TAL-MIŻURI TAL-GĦAJNUNA

L-Awtorità tinnota li l-proġett huwa intiż sabiex tiġi żgurata l-konnettività tal-Internet mal-Iżlanda billi jkun hemm metodu ta’ trasmissjoni affidabbli li għalih il-konnessjoni preċedenti CANTAT-3 isservi bħala back-up. Minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħha, l-Iżlanda hija partikolarment dipendenti fuq l-aċċess għal konnettività tat-telekomunikazzjoni ekonomika u affidabbli. Kif jidher mis-Sezzjoni I.2 ta’ din id-Deċiżjoni, alternattivi fil-forma tal-kejbil CANTAT-3 jew satelliti eżistenti ma kinux għażliet dejjiema, u dan minħabba l-limitazzjonijiet tekniċi tagħhom jew id-dipendenzi tagħhom fuq azzjonisti ta’ konsorzja oħra (CANTAT-3 (47)) jew l-ispejjeż li qed jiżdiedu tagħhom (satelliti). Il-kejbil il-ġdid ta’ taħt il-baħar, li għandu jsir il-konnessjoni prinċipali ta’ trasmissjoni għall-Iżlanda, għandu kapaċitajiet akbar, huwa aktar affidabbli u – flimkien mas-sostenn minn CANTAT-3 – jista’ jiżgura il-provvista ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni lill-Iżlanda. Id-disponibbiltà tal-broadband  (48) ġiet meqjusa fil-politika tal-Kummissjoni u fid-deċiżjoniet dwar l-għajnuna mill-Istat (49) bħala għan leġittimu u tip ta’ servizz li min-natura tiegħu kapaċi jaffettwa b’mod pożittiv il-produttività u t-tkabbir ta’ numru kbir ta’ setturi u attivitajiet.

Kif jidher mill-passat tagħha (b’mod partikolari l-istudju ta’ fattibbiltà ta’ Marzu 2002), il-proġett Farice ma kienx kapaċi joħroġ bħala inizjattiva purament privata. Kemm l-għotja ta’ garanzija mill-istat kif ukoll iż-żieda tal-ishma tal-kapital irriżultaw mill-ħtieġa ta’ parteċipazzjoni akbar mill-istat sabiex jagħmel il-proġett ekonomikament vijabbli. Mingħajr il-parteċipazzjoni tal-istat, il-proġett kien jiddewwem jew altrimenti ma jsir xejn. Għal dawn ir-raġunijiet, l-Awtorità tikkunsidra li s-sostenn tal-istat kien meħtieġ skont it-tifsira tal-Artikolu 61(3)(ċ) tal-Ftehim taż-ŻEE.

3.2.   IL-PROPORZJONALITÀ TAL-MIŻURI TAL-GĦAJNUNA

Sabiex il-miżuri tal-għajnuna jkunu kompatibbli mal-Artikolu 61(3)(ċ) tal-Ftehim taż-ŻEE, għandhom ikunu wkoll proporzjonali għall-għan u ma joħolqux distorsjoni għall-kompetizzjoni sa grad kuntrarju għall-interess komuni. Il-kompromess bejn il-vantaġġi fis-sens ta’ garanzija ta’ provvista affidabbli ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet għall-Iżlanda għandu jiġi mwieżen mal-iżvantaġġi tad-distorsjoni għall-kompetizzjoni b’paragun mal-kompetituri, li m’għandhomx aċċess għall-fondi pubbliċi meta jagħmlu proġetti simili.

La l-kostruzzjoni u lanqas il-ġestjoni tal-kejbil ma ngħataw lil Farice hf. wara sejħa miftuħa għall-offerti. Fl-opinjoni tal-Awtorità, l-informazzjoni mifruxa dwar dan il-proġett skont kif jasserixxu l-awtoritajiet tal-Iżlanda ma tistax tissostitwixxi proċedura formali ta’ sejħa għall-offerti, b’mod partikolari peress li din il-parteċipazzjoni kienet limitata lil partijiet mill-Iżlanda u mill-Gżejjer Faeroe (50). Is-sejħa għal offerti miftuħa, għalkemm mhux neċessarjament mandatorja, kienet ikkunsidrata bħala element pożittiv għall-approvazzjoni ta’ proġetti broadband fil-prattika tal-Kummissjoni (51). F’dawn id-deċiżjonijiet ġie partikolarment enfasizzat li l-għoti tal-ġestjoni tal-kejbil lil ġestitur tal-beni indipendenti jassigura aħjar in-newtralità tal-ġestitur tal-infrastruttura milli f’sitwazzjoni fejn il-fornitur tas-servizz ikollu kontroll fuq l-infrastruttura, kif inhu l-każ hawnhekk.

L-Awtorità tinnota b’mod pożittiv li l-Ftehim tal-Azzjonisti jipprovdi għal prezzijiet trasparenti u mhux diskriminatorji f’termini tas-suq. Il-politika tal-prezzijiet tidher trasparenti, l-iskeda tinsab pubblikata fuq il-websajt ta’ farice hf. u tinkludi l-formola użata sabiex tikkalkula l-prezzijiet.

Barra minn hekk, il-ftehim tal-azzjonisti huwa fil-prinċipju miftuħ għal azzjonisti ġodda. Fid-Deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali l-Awtorità qajmet dubji dwar il-pożizzjoni ta’ azzjonisti ġodda fil-konfront tal-partijiet fundaturi. Dawn id-dubji kienu prinċipalment ibbażati fuq is-sezzjoni 7 tal-Ftehim tal-Azzjonisti li tipproteġi l-pożizzjoni tal-fundaturi billi tagħtihom il-possibbiltà li jżommu l-pożizzjoni tagħhom tal-ekwità. Fil-kummenti tagħhom għad-deċiżjoni tal-Awtorità (52), madankollu, l-awtoritajiet tal-Iżlanda kienu kontra d-dubji tal-Awtorità u enfasizzaw id-distinzjoni bejn l-aċċess għall-proprjetà tal-kumpannija u l-aċċess għall-kejbil tat-telekomunikazzjoni. Kif dikjarat fil-paragrafu preċedenti, il-Ftehim tal-Azzjonisti jipprovdi għal prezzijiet trasparenti u mhux diskriminatorji f’termini tas-suq u għalhekk jagħti aċċess adegwat għall-kejbil tat-telekomunikazzjoni.

L-għajnuna tentattivament ikkalkulata fir-rigward tal-garanzija mill-istat (1,62 % (53) jew xi EUR 1,4 million) hija pjuttost limitata, meta mqabbla mal-ispejjeż totali tal-investiment ta’ EUR 48,9 miljun, peress li tammonta għal 2,9 %. Fir-rigward taż-żieda fis-sehem tal-Istat tal-Iżlanda, f’Ġunju 2003 il-kapital azzjonarju tal-Istat kien diġà naqas għal 41 %, filwaqt li żdiedu l-azzjonijiet tal-ekwità ta’ operaturi privati oħra bħall-Og Vodafone. L-awtoritajiet tal-Iżlanda rrimarkaw li minkejja l-ftuħ tal-azzjonisti preżenti għal azzjonisti ġodda, ebda kumpannija oħra ma wriet interess fil-proġett (54). Il-kalkolu tal-ammont ta’ għajnuna mill-Istat involut bħala riżultat taż-żieda tal-kapital azzjonarju tal-Istat tal-Iżlanda m’huwiex eżerċizzju faċli. Madankollu, anke jekk wieħed imur fl-estrem u jikkunsidra iż-żieda kollha tal-kapital bħala għajnuna mill-Istat u anke jekk wieħed jikkunsidra s-self A Term fl-intier tiegħu bħala għajnuna mill-Istat (55), l-ammont globali tal-involviment tal-Istat tal-Iżlanda jkun madwar EUR 15,5 miljun. Dan huwa madwar 32 % tal-ispejjeż tal-investiment tal-proġett Farice. (56)

Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja stabbiliet li evalwazzjoni ta’ kompatibbiltà taħt id-dispożizzjonijiet tal-għajnuna mill-Istat m’għandhiex tipproduċi riżultat li jkun kuntrarju għal dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat. Għalhekk, għall-evalwazzjoni taħt id-dispożizzjonjiet tal-għajnuna mill-Istat, huwa rilevanti wkoll jekk is-sostenn mill-istat jingħatax lil proġett li jista’ jqajjem tħassib dwar il-kompetizzjoni skont l-applikazzjoni tal-Artikolu 53 u/jew 54 tal-Ftehim taż-ŻEE (57). F’dan ir-rigward, l-Awtorità innotat inter alia fid-deċiżjoni li tinbeda il-proċedura ta’ investigazzjoni formali li għalkemm l-infrastruttura eżistenti CANTAT-3 għadha fis-seħħ, (58) kien hemm – fost materji oħra – tħassib li fil-futur, il-konnettività kollha CANTAT-3 għall-Iżlanda tgħaddi minn E-Farice hf, li għandha l-maġġoranza tal-ishma ta’ Farice hf. (59). Għalhekk, l-Awtorità kienet imħassba li l-kompetizzjoni tal-konnettività għall-Iżlanda tiġi eliminata, peress li kien jibqa’ biss fornitur wieħed fis-suq. Dan it-tħassib ġie issa mwarrab.

Il-proġett Farice huwa pro-kompetittiv bil-ħolqien ta’ kanal ġdid għal konnettività internazzjonali fejn qabel kien hemm biss l-offerta ta’ CANTAT-3.

Barra minn hekk, bħala riżultat tal-prezzijiet ta’ Farice hf., li huma għoljin meta mqabbla ma’ prezzijiet internazzjonali, ix-xerrejja tal-kapaċità bl-ingrossa fl-Iżlanda, minbarra l-fundaturi ta’ Farice, kellhom tendenza li jużaw il-kapaċità CANTAT-3, li Teleglobe toffri bi prezzijiet baxxi. Dan juri li Farice ma tidhirx li hija kapaċi tikkontrolla l-prezzijiet jew il-provvista fis-suq għall-konnettività internazzjonali minn/għall-Iżlanda taħt il-kundizzjonijiet tas-suq preżenti. L-awtoritajiet tal-Iżlanda jistmaw li fil-preżent Teleglobe qed tbiegħ kapaċità lill-klijenti mill-Iżlanda li tammonta għal madwar 50 % tal-volum li jgħaddi minn Farice. Ma jidhirx li l-politika tal-prezzijiet ta’ Farice hf huma ferm inqas minn dawk ta’ CANTAT-3 u li tista’ telimina lil dak il-kompetitur mis-suq. Klijenti li jixtru bl-ingrossa li huma affiljati mal-fundaturi ta’ Farice hf. jistgħu jevitaw l-użu tal-kejbil ta’ Farice u fil-fatt hekk għamlu.

L-awtoritajiet tal-Iżlanda għamlu reazzjoni wkoll għat-tħassib li ntwera fid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali li Farice hf. oriġinalment kienet qed tippjana xiri/kiri konġunt ta’ medda ta’ frekwenza akbar fil-CANTAT-3 sabiex tgħaqqad iż-żewġ sistemi. Dan ix-xiri komprensiv ta’ kapaċità disponibbli kien effettivament jelimina lit-Teleglobe li tikkompeti ma’ Farice. L-awtoritajiet tal-Iżlanda ddikjaraw li Farice hf. jew E-Farice ehf. m’għandhomx fil-preżent pjanijiet li jixtru jew jikru aktar kapaċità CANTAT-3 u li d-diskussjonjiet miżmuma ma’ Teleglobe (60) xi snin ilu ma wasslu għal ebda ftehim. Illum is-sitwazzjoni hi li kemm Farice kif ukoll il-kapaċità CANTAT-3 huma disponibbli għal u mill-Iżlanda. Barra minn hekk, hemm operaturi oħra, bħal TDC u T-Systems li jipprovdu kapaċità fuq il-CANTAT-3 għall-Iżlanda, għalkemm dan isir fuq skala iżgħar.

Għalhekk, fis-sitwazzjoni preżenti, ma hemmx bażi għall-Awtorità li tkun ikkonċernata mill-aspetti tal-kompetizzjoni u l-proċedimenti tal-kompetizzjoni li jikkorrispondu huma magħluqa.

4.   KONKLUŻJONI

Fuq il-bażi ta’ din l-evalwazzjoni, l-Awtorità tikkunsidra li l-appoġġ favur Farice hf huwa kompatibbli mal-Ftehim taż-ŻEE. Minkejja dan, l-Awtorità tinnota b’dispjaċir li l-miżuri ġew implimentati qabel mal-Iżlanda nnotifikat lill-Awtorità bil-garanzija mill-Istat u qabel mal-Awtorità waslet għal deċiżjoni finali dwar l-evalwazzjoni tal-għajnuna mill-Istat tal-miżuri.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-appoġġ favur Farice hf. fil-forma ta’ garanzija mill-Istat għal self u żieda fil-kapital jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE skont it-tifsira tal-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim taż-ŻEE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Iżlanda.

Artikolu 3

Il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika.

Magħmula fi Brussell, 19 ta’ Lulju 2006.

Għall-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA,

Bjørn T. GRYDELAND

President

Kristján A. STEFÁNSSON

Membru tal-Kulleġġ


(1)  Minn hawn ‘il quddiem imsejħa l-Awtorità.

(2)  Minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ il-Ftehim taż-ŻEE.

(3)  Minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ il-Ftehim dwar il-Sorveljanza u l-Qorti.

(4)  Il-Linji Gwida dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-Artikoli 61 u 62 tal-Ftehim taż-ŻEE u l-Artikolu 1 tal-Protokoll 3 mal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, adottati u maħruġa mill-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA fid-19 ta’ Jannar 1994, ippubblikati fil-ĠU 1994 L 231, is-Supplimenti taż-ŻEE 3.9.94 Nru 32. Il-Linji Gwida ġew emendati l-aħħar fid-19 ta’ Marzu 2006. Minn hawn ‘il quddiem imsejħa l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat.

(5)  Ippubblikat fil-ĠU C 277, 10.11.2005 u s-Suppliment taż-ŻEE mal-Ġurnal Uffiċjali tal-UE Nru 56, 10.11.2005, p. 14.

(6)  Għal aktar informazzjoni dettaljata dwar id-diversi ittri bejn l-Awtorità u l-Awtoritajiet tal-Iżlanda, qed issir referenza għad-Deċiżjoni tal-Awtorità li jingħata bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali, Deċiżjoni Nru 125/05/COL, ippubblikata fil-ĠU C 277, 10.11.2005, p. 14.

(7)  ĠU C 277 tal-10.11.2005 u s-Suppliment taż-ŻEE għall-Ġurnal Uffiċjali tal-UE Nru 56 tal-10.11.2005, p. 14.

(8)  Skond id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 21 mal-Ftehim taż-ŻEE u l-Artikolu 11 ta’ Kapitolu II, Protokoll 4 mal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti.

(9)  Il-konsorzju inkluda inter alia l-operatur Iżlandiku tat-telecom Landssími Íslands hf., Teleglobe u Deutsche Telekom.

(10)  Is-sehem tal-Istat tal-Iżlanda f’Síminn inbiegħ lil Skipti ehf. effettiv f’Awissu 2005.

(11)  Ara r-Rapport fil-Qosor, ipprovdut bħala anness 1 man-notifika.

(12)  Ara wkoll il-kumment li ġej mill-awtoritajiet tal-Iżlanda: “Għalkemm il-fornitur tas-servizz universali magħżul, u bħala tali rikjest li jipprovdi komunikazzjoni assigurata fuq distanza twila, Síminn ħasset li ż-żieda tal-kapaċità sabiex tintlaqa’ d-domanda, u kif ukoll sabiex tiġi pprovduta rotta alternattiva għall-emerġenzi, kienet impenn finanzjarjament riskjuż, li jipprovdi korrispettiv żgħir għall-investiment. Il-gvern intervjena sabiex jiġi ffaċilitat it-titjib meħtieġ fil-kapaċità, partikolarment meta jitqis il-qafas ta’ żmien qasir disponibbli sakemm il-kapaċità tinqabeż mid-domanda”.

(13)  Fl-2003, E-Farice ehf kellha 80 % tal-ishma ta’ Farice hf, bir-rimanenti 20 % tal-ishma miżmuma minn Føroya Tele (19,93 %) u partijiet oħra mill-Gżejjer Faeroe (b’kollox 0,6 %).

(14)  Ir-rapport IBM huwa rapport sottomess mill-awtoritajiet tal-Iżlanda, li jagħti sommarju dwar l-isfond u l-istatus preżenti tal-proġett Farice. Huwa jiddiskrivi l-idea tal-proġett, il-pjan tan-negozju u l-istruttura tan-netwerk kif ukoll il-ħtieġa ta’ kejbil ġdid.

(15)  Ir-rapport IBM jenfasizza l-possibbiltà tan-negozju li x-xiri minn E-Farice tal-konnettività ta’ CANTAT-3 jipprovdi l-possibbiltà li ż-żewġ sistemi tal-kejbil jingħaqdu b’mod tali li Farice hf. tkun tista’ toffri lill-klijenti tagħha konnettività assigurata. Ir-rapport jiddeskrivi ulterjorment in-negozjati ta’ E-Farice ma’ Teleglobe sabiex tinkera l-kapaċità addizzjonali ta’ CANTAT-3. Ġie diskuss jekk Farice hf. jew E-Farice għandhiex tikri l-kapaċità kollha disponibbli lill-Iżlanda u l-Gżejjer Faeroe.

(16)  Kontribuzzjonijiet inizjali tal-kapital, li ġew aktar tard mibdula. Il-kumpannija holding E-Farice għandha l-ishma kollha tal-partijiet mill-Iżlanda f’Farice hf.

(17)  It-terminu backhaul ħafna drabi jirreferi għat-trasmissjoni minn sit remot jew netwerk għal sit ċentrali jew ewlieni. Id-definizzjoni oriġinali ta’ backhaul kienet it-trasmissjoni ta’ sejħa bit-telefon jew data lil hinn mid-destinazzjoni normali tagħha u imbagħad lura mill-ġdid sabiex jintuża l-persunal disponibbli (operaturi, aġenti, eċċ.) jew apparat tan-netwerk li ma jkunx fil-post tad-destinazzjoni. It-terminu żviluppa f’tifsira aktar ġenerika. Din timplika partikolarment linja ta’ kapaċità għolja.

(18)  Għalkemm fl-ittra li takkompanja n-notifika hemm referenza għal Libor bħala l-bażi għall-istabbiliment tar-rata tal-imgħax għas-self għal kull parti, il-klawsola 7.1 tal-Ftehim tas-Self tirreferi għal Euribor. Għal din ir-raġuni, l-Awtorità tikkunsidra li r-rata Euribor hija r-referenza valida għad-determinazzjoni tar-rata tal-imgħax applikabbli għas-self għal kull perjodu tal-imgħax.

(19)  Ara l-ittra tal-awtoritajiet tal-Iżlanda datata t-8 ta’ Ġunju 2004, paġna 7.

(20)  Peress li l-awtoritajiet tal-Iżlanda ma użawx l-istess rata ta’ konverżjoni fit-tabella kollha, l-Awtorità mmodifikat it-tabella sottomessa mill-awtoritajiet tal-Iżlanda, safejn jikkonċerna ċ-ċifri Ewro. Hija kkalkulat iċ-ċifri Euro fit-tabella skont ir-rati tagħha ta’ konverżjoni ppubblikati fil-paġna tal-web tagħha http://www.eftasurv.int/fieldsofwork/fieldstateaid/dbaFile791.html. Għal fażi tal-preparazzjoni hija użat ir-rata ta’ konverżjoni tal-2002 ta’ 91,58. Għaċ-ċifri tal-2003, hija użat ir-rata ta’ konverżjoni tal-2003 ta’ 84,32.

(21)  Peress li s-Self B Term huwa pprovdut minn żewġ kredituri differenti.

(22)  Skont id-Dokument ta’ Sigurtà tal-Ftehim tas-Self titolu ta’ sigurtà aqwa minn oħrajn fuq art u beni huwa rreġistrat għall-ammont ta’ EUR 34,5 miljun.

(23)  Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim tas-Self jipprevedi l-possibilità ta’ ħlas minn qabel tas-self kollu jew parti minnu, minbarra s-Self A Term, mingħajr ebda imposta minħabba ħlas minn qabel.

(24)  Ara l-ittra tal-awtoritajiet tal-Iżlanda datata l-21 ta’ Jannar 2005, paġna 9.

(25)  Ara paġna 11 tad-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 125/05/COL.

(26)  L-awtoritajiet tal-Iżlanda ma jikkunsidrawx dan l-aspett, iżda jħarsu lejn kemm huwa adegwat il-prezz tas-suq bħala tali. Ir-riżultat huwa li l-fatt li l-garanzija mill-istat wasslet għal kundizzjonijiet tas-self aħjar mill-kundizzjonijiet tas-suq, la huwa kkunsidrat taħt it-tieni kundizzjoni (ara hawn fuq) u lanqas taħt ir-raba’ kundizzjoni.

(27)  Skond il-klawsola 7.4 tal-Ftehim tas-Self, huwa biss il-marġni għas-Self A Term li jista’ jiġi modifikat wara l-iffirmar tal-ftehim. Din l-emenda tista’ sseħħ fit-18 ta’ Marzu 2011 u tkun effettiva sad-data tal-maturità tas-self. Peress li din tiddependi minn negozjati futuri, l-Awtorità m’hijiex f’pożizzjoni tevalwa jekk dan il-marġni modifikat jikkostitwixxix għajnuna mill-istat skont it-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE jew jekk tkunx tista’ tiġi awtorizzata kwalunkwe għajnuna possibbli. Madankollu, l-awtoritajiet tal-Iżlanda jkunu jistgħu jidentifikaw l-eżistenza ta’ element ta’ għajnuna għal kwalunkwe emenda fil-futur bl-applikazzjoni tal-parametri tal-kalkulazzjoni stabbiliti fil-paragrafu preċedenti u, fil-każ tal-eżistenza ta’ element ta’ għajnuna, tkun meħtieġa n-notifika tal-miżura tal-għajnuna lill-Awtorità.

(28)  Euribor + 1,50 % p.a.-(Euribor + 0,18 %p.a.)-0,50 % = 0,82 %.

(29)  Fuq il-bażi tal-kalkolu li ġej: EUR 438 839/0,5 × 0,82 = EUR 719 695.

(30)  http://epp.eurostat.ec.europa.eu/cache/ITY_PUBLIC/EYC/EN/eyc-EN.htm#historical

(31)  Euribor + 2,30 % p.a.-(Euribor + 0,18 %p.a.)-0,50 % = 1,62 %.

(32)  EUR 438 839/0,5 × 1,62 = EUR 1 421 838.

(33)  2.30 – 0.18 (ir-rata ta’ imgħax tas-Self A Term).

(34)  Komunikazzjoni tat-13.2.2001, COM(2001) 35 finali.

(35)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni N 527/02 – Il-Greċja Appoġġ finanzjarju għal kumpannija privata għat-tfassil, il-kostruzzjoni, l-ittestjar u l-ikkummissjonar tal-pajpijiet tal-fjuwil tal-avjazzjoni għall-provvista tal-Ajruport Internazzjonali ġdid ta’ Ateni.

(36)  Ara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni C 67-69/2003 dwar l-għajnuna għall-kostruzzjoni ta’ pajp tal-propilin bejn Rotterdam, Antwerp u ż-żona Ruhr, paragrafu 48. L-argument mill-awtoritajiet tal-Iżlanda li d-Direttiva 2002/20/KE tirrikjedi biss awtorizzazzjoni ġenerali (u mhux tender) huwa validu, iżda mhux rilevanti għall-finijiet tal-għajnuna mill-istat. Taħt id-dispożizzjonijiet tal-għajnuna mill-istat, it-twettiq tat-tender huwa wieħed mill-elementi sabiex jiġi evalwat jekk miżura tkunx tista’ tiġi kkwalifikata bħala infrastruttura.

(37)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni N 527/02 – Il-Greċja Appoġġ finanzjarju għal kumpannija privata għat-tfassil, il-kostruzzjoni, l-ittestjar u l-ikkummissjonar tal-pajpijiet tal-fjuwil tal-avjazzjoni għall-provvista tal-Ajruport Internazzjonali ġdid ta’ Ateni. Ara wkoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni N 860/01 – L-Awstrija dwar ir-riżort tal-iskijjar Mutterer Alm fejn it-tħaddim ta’ ski lifts ġie kkunsidrat bħala attività ekonomika għall-benefiċċju tal-operatur tal-iski lift u għalhekk ma jikkostitwixxix miżura tal-infrastruttura. Ara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni C 67-69/2003, paragrafu 48.

(38)  Ara Kawża T-128/98 Aéroports de Paris vs il-Kummissjoni Ewropea [2000] ECR II-3929.

(39)  Ara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni N 213/2003 – Proġett Atlas, infrastruttura broadband għall-parks kummerċjali.

(40)  Ara sezzjoni I 2.2.b ta’ din id-Deċiżjoni.

(41)  Ara l-ittra tal-awtoritajiet tal-Iżlanda datata l-25 ta’ Ġunju 2004, paġna 3.

(42)  L-Awtorità hija konxja mir-referenza tal-awtoritajiet tal-Iżlanda għad-dikors taċ-Chairman tal-bord ta’ Farice hf. tal-24 ta’ Jannar 2004. Mandankollu, dan id-diskors jgħid biss li hemm “każ ta’ negozju modestament profitabbli” u li l-operaturi privati pprovdew ukoll titoli ta’ sigurtà.’ Dan il-punt tal-aħħar ma ġie qatt miċħud mill-Awtorità; il-kwistjoni dwar jekk iż-żieda tal-ishma mill-Istat hijiex proporzjonali baqgħet, madankollu, mingħajr tweġiba.

(43)  Stqarrija għall-istampa tat-3 ta’ Frar 2004.

(44)  L-awtoritajiet tal-Iżlanda ma pprovdewx informazzjoni li tippermetti lill-Awtorità tagħmel evalwazzjoni taħt dik id-dispożizzjoni.

(45)  Ara eż. Għajnuna mill-Istat N 576/98 ir-Renju Unit dwar iċ-Channel Tunnel Rail Link, fejn il-konnessjoni tal-linji ferrovjarji ta’ veloċità għolja kienet konnessjoni ta’ importanza madwar l-UE, aktar milli rilevanti għal Stat Membru wieħed jew xi wħud.

(46)  Għal dan il-kriterju, ara eż. id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/369/KE dwar għajnuna fiskali mogħtija lill-kumpanniji tal-ajru Ġermaniżi fil-forma ta’ faċilità ta’ deprezzament (ĠU L 146, 20.6.1996, p. 42).

(47)  Kif dikjarat fir-rapport fil-qosor sottomess mill-awtoritjaiet tal-Iżlanda fin-notifika tas-27 ta’ Frar 2004, il-membru tal-konsorzju Teleglobe, b’mod partikolari, kellha tiffaċċja diffikultajiet kummerċjali.

(48)  It-trasmissjoni tad-data fejn mezz wieħed jista’ jġorr diversi kanali f’daqqa. It-terminu jintuża wkoll sabiex titqabbel il-frekwenza bandwidth akbar minn minn frekwenzi narrowband ta’ 3 MHz. Il-broadband tista’ tittrasmetti aktar data b’aktar ħeffa.

(49)  Ara l-Pjan ta’ Azzjoni tal-e-Europe, Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Soċjetà tal-informazzjoni għal kulħadd, 28.5.2002, COM(2002), 263 finali, ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni N 213/2003 Proġett Atlas – infrastruttura broadband għall-parks kummerċjali u N 307/2004 Broadband fl-Iskozja – żoni remoti u rurali.

(50)  L-awtoritajiet tal-Iżlanda jiddikjaraw: “Kien hemm il-mira ta’ parteċipazzjoni mifruxa fl-Iżlanda u fil-Gżejjer Faeroe għal azzjonisti fil-proġett ta’ Farice u l-operaturi kollha tat-telekomunikazzjonijiet ġew mistiedna jipparteċipaw fl-istabbiliment tal-kumpannija.”

(51)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni N 307/2004, N 199/2004 u N 213/2003.

(52)  Ara l-ittra tal-awtoritajiet tal-Iżlanda datata t-28 ta’ Ġunju 2006, paġna 5.

(53)  Euribor + 2,30 % p.a.-(Euribor + 0,18 %p.a.)-0,50 % = 1,62 %.

(54)  Ara l-ittra tal-awtoritajiet tal-Iżlanda datata t-28 ta’ Ġunju 2006, paġna 5.

(55)  Ara il-punt 17.3 tal-Kapitolu 17 tal-Linji Gwida tal-Għajnuna mill-Istat, li jipprovdi li f’ċerti sitwazzjonijiet il-valur tal-garanzija jista’ jkun għoli daqs l-ammont effettivament kopert minn dik il-garanzija.

(56)  Per eżempju intensitajiet tal-għajnuna ta’ 35 % tal-ispejjeż totali ġew awtorizzati mill-Kummissjoni Ewropea fil-każ tal-għajnuna mill-Istat N 188/2006 - Latvia, għal proġett broadband f’żoni rurali.

(57)  Cf. Kawża C-225/91 Matra SA vs Il-Kummissjoni [1993] ECR-3203, paragrafu 41, Sentenza tal-Qorti tal-EFTA fil-Kawża E-09/04 The Bankers’ and Securities’ Dealers Association of Iceland vs L-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA, li għadha mhijiex ippubblikata, paragrafu 82.

(58)  Dwar il-koeżistenza tal-infrastruttura eżistenti, ara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni N 307/2004, paragrafu 45, fejn hemm spjegat pożittivament li din timminimizza r-riskju ta’ dubblikazzjoni mhux meħtieġa u tillimita l-impatt ekonomiku għall-operaturi li diġà għandhom l-infrastruttura f’postha. Ara wkoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni N 199/2004, paragrafu 41, N 213/2003, paragrafu 47.

(59)  Fl-2003, E-Farice ehf kellha 80 % tal-ishma ta’ Farice hf, bir-rimanenti 20 % tal-ishma miżmuma minn Føroya Tele (19,93 %) u partijiet oħra mill-Gżejjer Faeroe (b’kollox 0,6 %).

(60)  Teleglobe ssorpassat il-proċedimenti aktar bikrija taħt il-Kapitolu 11 u hija fil-preżent kumpannija kummerċjali tan-NASDAQ.